52006DC0661

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' Programm Komunitarju multiannwali dwar il-promozzjoni ta’ użu aktar sikur ta’ l-internet u ta’ teknoloġiji online ġodda (Safer Internet Plus) /* KUMM/2006/0661 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 6.11.2006

KUMM(2006) 661 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' Programm Komunitarju multiannwali dwar il-promozzjoni ta’ użu aktar sikur ta’ l-internet u ta’ teknoloġiji online ġodda (Safer Internet Plus)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' Programm Komunitarju multiannwali dwar il-promozzjoni ta’ użu aktar sikur ta’ l-internet u ta’ teknoloġiji online ġodda (Safer Internet Plus) (Test b’ rilevanza għaż-żEE)

INTRODUZZJONI

Din il-komunikazzjoni tfasslet b’risposta għal rekwiżit stipulat f’Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Nru 854/2005/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 li tistabbilixxi Programm Komunitarju pluriennali dwar il-promozzjoni ta’ użu aktar sikur ta’ l-internet u ta’ teknoloġiji online ġodda (“ Safer Internet plus "), li tistipula li “l-Kumissjoni għandha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet msemmija fl-Artikolu 1(2) lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, sa mhux aktar tard min-nofs is-sena 2006. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar il-konsistenza ta’ l-ammont mill-2007 sal-2008 mal-perspettiva finanzjarja.”

Id-Deċiżjoni tiddefinixxi l-qafas finanzjarju għall-programm kif ġej (Artikolu 6):

- Il-qafas finanzjarju għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2008 huwa stabbilit għal EUR 45 miljun.

- EUR 20.05 miljun huma pprovduti għall-perjodu sal-31 ta' Diċembru 2006 (Artikolu 6(1)).

Għall-perjodu ta’ wara l-31 ta’ Diċembru 2006, l-ammont għandu jitqies ikkonfermat jekk huwa konsistenti għal din il-fażi mal-perspettivi finanzjarji fis-seħħ għall-perjodu li jibda fl-2007 (Artikolu 6(2)).

L-GħANIJIET TA’ SAFER INTERNET PLUS

L-GħAN TA’ Safer Internet Plus huwa li jippromwovi l-użu aktar sikur ta’ l-Internet u teknoloġiji online ġodda, partikolarment għat-tfal, u biex jissielet kontra kontenut illegali u kontenut mhux mixtieq mill-utent aħħari.

Il-Programm jiffoka fuq l-utent aħħari – partikularment tfal, kemm jekk fid-dar kif ukoll l-iskola.

Il-Programm huwa diviż f’erba’ azzjonijiet prinċipali:

(a) Il-ġlieda kontra l-kontenut illegali

(b) It-trattament ta’ kontenut mhux mixtieq u li hu ta’ ħsara

(c) Promozzjoni ta’ ambjent aktar sikur

(d) Tkattir ta’ għarfien.

Is- Safer Internet Plus huwa s-suċċessur tal-Pjan ta' Azzjoni Safer Internet li dam mill-1999-2004 b’baġit totali ta’ EUR 38.3 miljun.

Il-programm il-ġdid ikopri saħansitra teknoloġiji online ġodda, li jinkludu kontenut mobbli u ta’ firxa wiesgħa, logħob online, trasferiment ta' fajls " peer to peer ", u kull forma ta’ komunikazzjoni attwali bħal chat rooms u messaġġi immedjati, primarjament bil-għan li jtejjeb il-ħarsien ta’ tfal u minuri. Ikopri firxa usa’ ta’ punti ta’ kontenut illegali u li hu ta' ħsara kif ukoll ta’ imġiba li għandha tiġi indirizzata, bħal razziżmu u vjolenza.

Implimentazzjoni tal-programm

Il-Kummissjoni Ewropea timplimenta s- Safer Internet Plus . L-Istati Membri huma rrapreżentati permezz tal-Kumitat tal-Ġestjoni għas- Safer Internet Plus . Appoġġ finanzjarju huwa pprovdut permezz ta’ għotjiet u kuntratti.

Sejħa għall-proposti 2005

Skond l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-programm, il-Kummissjoni fasslet Programm ta’ Ħidma[1] għall-2005 biex iservi bħala bażi għall-implimentazzjoni tal-programm. Is-sejħa għall-proposti għas- Safer Internet Plus 2005 ġiet ippubblikata fl-10 ta’ Settembru 2005[2].

Wara l-valutazzjoni, 37 mid-59 proposti rċevuti kienu magħżula għan-negozjar, għall-iffinanzjar indikattiv mill-KE ta’ madwar total ta’ EUR ll.79 miljun (li EUR 9.21 miljun minnhom mill-baġit tal-2005 u EUR 2.58 miljun mill-baġit tal-2006), kif ġej:

- Hotlines [3]: Koordinatur wieħed tan-netwerk u 16-il- hotlines li jkopru 15-il-pajjiż;

- Terminali għat-tkattir ta’ għarfien[4] u helplines [5]: Koordinatur wieħed tan-netwerk u 16-il terminal għat-tkattir ta’ għarfien;

- L-għoti tas-setgħa lil min juża l-kompjuter: Netwerk tematiku waħda;

- Awto-regolamentazzjoni Netwerk tematiku waħda;

- Il-midja: Netwerk tematiku waħda;

Ir-rispons għas-sejħa kien partikolarment tajjeb għall- hotlines u t-terminali għat-tkattir ta’ għarfien. Fil-fatt, in-netwerk tal- hotlines eżistenti ser tkun estiża għar-Repubblika Ċeka u s-Slovenja, li ma kellhomx hotlines, u n-netwerk tat-terminali għat-tkattir ta’ għarfien ser tkun estiża għal Ċipru, il-Lussimburgu u l-Latvia, li ma kellhomx terminali għat-tkattir ta’ għarfien. Mis-sittax-il terminal għat-tkattir ta’ l-għarfien rakkomandati għall-iffinanzjar mill-KE, 10 ser jinkludu l-linja tat-telefown għall-għajnuna bħala servizz ġdid. .

Forum dwar Internet aktar Sikur

Il-Forum dwar l-Internet aktar Sikur kien stabilit skond il-Pjan ta’ Azzjoni Safer Internet Plus biex jipprovdi fulkru għad-diskussjoni u jinkoraġġixxi azzjoni fuq kontenut illegali, mhux mixtieq u li jagħmel dannu. Jipprovdi pjattaforma għal konsensus, inputjar tal-konklużjonijiet, rakommandazzjonijiet, linjigwida, eċċ, lis-stazzjonijiet nazzjonali u Ewropej rilevanti. Jipprovdi opportunità biex jiġu diskussi metodi li bihom l-industrija tista’ tikkontribwixxi biex tiġġieled kontra l-kontenut illegali.

Fl-2005 is-suġġett prinċipali diskuss fil-Forum għall-Internet aktar Sikur kien “Sikurezza tat-tfal u telefowns ċellolari” b’enfasi fuq valutazzjoni ta’ riskju, soluzzjoni li ħarġu mid-diskussjoni u kodiċi ta' kondotta nazzjonali[6]. Fl-2006, diskussjoni ma’ operaturi ta’ netwerks mobbli, organizzazzjonijiet ta’ sikurezza tat-tfal, riċerkaturi u entitajiet pubbliċi, bil-għan li jintlaħaq ftehim fuq l-aqwa prassi fuq protezzjoni tat-tfal u l-implimentazzjoni tagħhom madwar l-Ewropa.

F’Ġunju tal-2006, żewġ suġġetti ġodda kienu diskussi fil-Forum: l-użu ta' midja ġdida mit-tfal u li jitwaqqaf l-aċċess għat-tfal ta' xbihat ta' abbuż sesswali[7].

Dwar l-ewwel suġġett, ġew ippreżentati riżultati ta’ riċerka riċenti dwar is-sikurezza ta’ l-internet. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultati ta’ l-aħħar stħarriġ ta’ l-Ewrobarometru[8], li tnieda skond qafas ta’ kuntratt f’Diċembru 2005, li kien jinkludi kull Stat Membru ta’ l-UE flimkien mal-Bulgarija, ir-Rumanija, il-Kroazja u t-Turkija, sabiex jipprovdi dejta komparabbli dwar kwistjonijiet ta’ sikurezza ta’ l-internet madwar l-Ewropa.

Stħarriġ kien sar qabel fil-ħarifa ta’ l-2003 fil-15-ilStat Membru “qadim” u fil-bidu ta’ l-2004 fl-10 Stati Membri ġodda, dritt qabel ma dawn il-pajjiżi daħlu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004. Il-kwestjonarju l-ġdid kien ġeneralment ibbażat fuq l-istħarriġ ta’ l-2003/2004 sabiex jiffaċilita it-tqabbil. Domandi addizzjonali ġew inklużi sabiex il-kuntest jiftiehem iżjed (l-użu tal-midja mill-ġenituri) u jkopri servizzi ġodda (telefowns ċellolari, logħob online , u għodod ta’ filtrazzjoni).

Skond l-Ewrobarometru, 18% ta' ġenituri Ewropej ta' tfal ta' bejn 17-il-sena u anqas jgħidu li t-tifel/tifla tagħhom kien/et iltaqa’/għat ma' kontenut ta’dannu jew illegali fuq l-Internet. Għalkemm fil-15-il-Stat Membru “qadim”, livelli ta’ għarfien kienu żdiedu b'mod sinifikanti mill-istħarriġ ta’ qabel, 44% mil-ġenituri xtaqu iktar informazzjoni dwar kif jipproteġu t-tifel/tifla tagħhom minn kontenut u kuntatt illegali u ta' dannu. Skond ir-rispondenti, dan it-tagħrif għandu jkun ipprovdut mill-iskejjel (36%), dawk li jipprovdu l-Internet (31%) u l-midja (21%). Fost ir-rakkomandazzjonijiet irċevuti minn partijiet interessati skond ir-riżultati ta’ l-Ewrobarometru hemm dawn li ġejjin:

- li jsir iżjed enfasi fuq it-tfal ta’ taħt l-10 snin li kienu diġa jużaw ħafna l-internet u t-telefowns ċellolari;

- li tiżdied il-viżibbiltà tal- hotlines permezz ta’ kooperazzjoni aħjar mal-pulizija;

- li jingħata tagħrif permezz ta’ għejun li jilħqu l-bżonnijiet tal-ġenituri u l-età tat-tfal (skejjel, ISPs, midja).

L-istħarriġ ikkonferma wkoll li l-użu ta’ l-internet, l-aspettattivi tal-ġenituri u l-livelli ta’ għarfien ivarjaw ħafna madwar l-Ewropa. Li jkun hemm netwerk Ewropew ta’ għarfien b’terminali nazzjonali jidher li jaqbel ħafna ma’ kampanji attwali lokali magħmula apposta.

Ġranet ta’ Internet aktar Sikur

Ġurnata ta’ Internet aktar Sikur hija parti minn sforz globali minn imsieħba fit-tkattir ta’ għarfien sabiex jippromwovu Internet aktar sikur għall kull min jużah, speċjalment nies ta’ età żgħira. Fi Frar tal-2005 u l-2006, Ġranet ta’ Internet aktar Sikur ġiet organizzata min-netwerk għall-internet sikur Ewropea INSAFE, taħt il-patruċinju tal-Kummissarju Viviane Reding, li hija ko-finanzjata mill-Programm Safer Internet , bil-partiċipazzjoni ta’ numru ikbar ta’ organizzazzjonijiet u pajjiżi madwar l-Ewropa u d-dinja.

Fl-2005, Ġurnata ta’ Internet aktar Sikur ġiet iċċelebrata fit-8 ta’ Frar u ħadu sehem 65-il-organizzazzjoni minn 30 pajjiż. L-attività kienet tinkludi t-tniedija ta’ kompetizzjoni ta’ rakkontar ta’ stejjer għal tfal ta’ bejn 9-16-il-sena. Wara ċeremonji nazzjonali f’16-il-pajjiż, ġie ppubblikat ktieb ta’ l-istejjer tagħhom.

Fl-2006, Ġurnata ta’ Internet aktar Sikur ġiet iċċelebrata fis-7 ta’ Frar u ħadu sehem varjetà wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet (madwar 100 organizzazzjoni minn 37-il-pajjiż): awtoritajiet nazzjonali, ISPs u operaturi tat-telecom, industrija, skejjel, libreriji u mużewijiet, organizzazzjonijiet ta’ sikurezza ta’ l-internet u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Attivitajiet ta’ sikurezza ta’ l-Internet bħal blogathon dinjija, kwizzijiet, logħob online, kompetizzjonijiet ta’ rakkontar ta’ stejjer, u diskussjonijiet round table ġew organizzati madwar l-Ewropa u anke lil hemm mill-borduri ta’ l-UE, bħal fl-Istati Uniti, r-Russja, il-Brażil, l-Arġentina, l-Awstralja u n-New Zealand.

Tagħrif iżjed iddetaljat fuq l-attivitajiet organiżżati għal Ġurnata ta’ Internet aktar Sikur 2006 jinstab fuq is-sit tal-programm[9].

Xejriet Ġodda Mill-2006

Fl-2006, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tkompli l-attivitajiet ta’ hawn fuq u li żżid l-impatt tagħhom:

- Li tikkonsolida u testendi l-wesgħa ġeografika tal- hotlines u netwerks għat-tkattir ta’ għarfien. Matul il-perjodu 2003-2004, skond il-Pjan ta’ Azzjoni Safer Internet [10], ġew iffinanzjati 21 hotline, mifruxa ma’ 20 pajjiż u 23-il-terminal għat-tkattir ta’ għarfien mifruxa ma’ 21-il-pajjiż. Il-maġġoranza tagħhom ser ikomplu joperaw bħala riżultat tas-sejħa għal-proposti għall-2005. Is-sejħa l-ġdida għall-proposti għall-2006[11] ser timmira li tagħti l-ikbar firxa ġeografika possibli liż-żewġ netwerks billi titrawwem kooperazzjoni sħiħa bejn il-partijiet kollha interessati f’attivitajiet ta’ Internet aktar Sikur.

- Dan kien wieħed mill-għanijiet tal-laqgħa konġunta annwali ta’ hotlines u netwerks ta’ għarfien fil-Lussemburgu fl-20 ta’ Ġunju 2006 u l-Forum ta’ Internet aktar Sikur tal-21 ta’ Ġunju 2006, li fiha ħadu sehem riċerkaturi, l-industrija, awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi u membri tan-netwerks Ewropej.

- Li tgħin liċ-ċittadini Ewropej biex jakkwistaw tagħrif prattiku dwar kif jistgħu jużaw l-Internet b'mod iżjed sikur. Dan ser isir permezz ta’ attivitajiet fuq it-tkattir ta' għarfien u l-promozzjoni ta' helpline madwar l-Ewropa kollha (Servizz Dirett Ewropa)[12].

- Li żżid il-viżibilità tal-Programm Safer Internet Plus fost iċ-ċittadini Ewropej, kemm adulti kif ukoll tfal. B’mod partikolari, barra l-kampanja ta’ għarfien mnedija mit-terminali għat-tkattir ta’ għarfien, il-Kummissjoni ser torganizza attività fi Brussell għal Ġurnata ta’ Internet aktar Sikur 2007.

Fl-implimentazzjoni ta’ Internet plus aktar Sikur u fl-ippjanar ta’ programm ta’ segwitu għal futur, il-Kummissjoni ser tagħti każ ukoll tar-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet tal-valutazzjoni finali tal-Pjan ta’ Azzjoni Safer Internet [13]. Il-progress li diġà sar f’oqsma msemmija minn din il-valutazzjoni ser ikun sostnut.

Perspettiva Finanzjarja

Wara l-ftehim interistituzzjonali dwar il-qafas finanzjarju l-ġdid iffirmat fis-17 ta’ Mejju, 2006, il-Kummissjoni ppreżentat “il-pakket rivedut ta’ programmi ta’ l-UE 2007-2013”[14] tagħha, li jemenda leġislazzjoni li teżisti u li hi proposta fejn hemm bżonn sabiex tagħti effett lill-ftehim. L-ammont stipulat f’dan il-pakkett għas- Safer Internet plus għall-perjodu 2005-2008 huwa EUR 54 miljun, eżattament l-ammont ipprovdut skond id-deċiżjoni.

L-ammont stipulat fid-deċiżjoni tal-programm għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2008 – EUR 24.95 miljun – huwa għalhekk konsistenti għal din il-fażi mal-perspettiva finanzjarja li ser tkun mħaddma fil-perjodu li jibda fl-2007.

Konklużjonijiet

Numru kbir ta’ rapport irċevuti mill- hotlines ('il fuq minn 534,000 fl-2005 biss) juru l-ħtieġa li dejjem tikber għal servizz bħal dan sabiex tissielet kontra kontenut illegali.

Ġurnata ta’ Internet aktar Sikur, bil-partiċipazzjoni nazzjonali wiesgħa tagħha u l-koperta tal-midja, qiegħda dejjem iżjed tiġi rikonoxxuta bħala opportunità prezzjuża sabiex ittejjeb il-komunikazzjoni bejn il-partijiet interessati u sabiex tilħaq il-pubbliku kollu.

Terminali għat-tkattir ta' għarfien qegħdin jipprovdu dejjem iżjed kampanji mmirati sabiex jilħqu tfal, ġenituri u għalliema u n-netwerk qiegħed jintuża dejjem iktar sabiex jinqasmu l-aqwa prassi f’dan il-qasam.

Sabiex jittejbu dejjem aktar l-azzjonijiet li saru s’issa, u b'hekk jintlaħaq l-impatt sħiħ tal-programm (eż. l-espansjoni tal-firxa ġeografika u t-trawwim tal-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati), u tittejjeb il-viżibilità tiegħu, hemm bżonn ta’ iffinanzjar kontinwu.

[1] Deċiżjoni tal-Kummissjoni KE(2005) 3231 tad-9.9.2005, www.europa.eu.int/saferinternet

[2] ĠU C 223, 10.9.2005, p 8 u s-sit tas- Safer Internet plus www.europa.eu.int/saferinternet.

[3] Il- hotlines jippermettu lill-utenti sabiex jirrapportaw kontenut illegali fuq l-Internet. Huma jgħaddu r-rapport għall-azzjoni lill-korp adegwat (pulizija, ISP jew hotline korrispondenti).

[4] Terminali għat-tkattir ta’ l-għarfien jagħmlu attivitajiet biex iqajmu l-għarfien u huma indirizzati lejn gruppi speċifiċi bħal ġenituri, għalliema u tfal u jkopru firxa ta’ kategoriji ta’ kontenut illegali, mhux mixtieq jew li jagħmel dannu.

[5] Il- helplines joffru konverżazzjonijiet minn persuna għall-oħra bl-għajnuna ta’ xi ħadd ittrenjat (permezz tat-telefown jew online ) sabiex jippermettu li t-tfal iqajmu kwistjonijiet dwar kontenut illegali u li jagħmel dannu fuq l-Internet

[6] http://europa.eu.int/information_society/activities/sip/si_forum/mobile_2005/index_en.htm.

[7] http://europa.eu.int/information_society/activities/sip/si_forum/forum_2005/index_en.htm.

[8] http://europa.eu.int/information_society/activities/sip/docs/eurobarometer/eurobarometer_2005_25_ms.pdf.

[9] http://europa.eu.int/information_society/activities/sip/si_forum/mobile_2005/index_en.htm.

[10] Deċiżjoni 276/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Jannar 1999 li tadotta Pjan ta' Azzjoni Multiannwali Komunitarju li jippromwovi użu aktar sikur ta' l-Internet billi jiġi miġġieled il-kontenut illegali u ta' ħsara fuq in-netwerks globali (ĠU L 33 tas-6.2.1999 p.1) emendata bid-Deċiżjoni nru 1151/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2003 (ĠU L 162 tal-1.7.2003) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

[11] ĠU C167 tad-19.7.2006 u s-sit Safer Internet plus: : http://europa.eu.int/information_society/activities/sip/call/proposals/index_en.htm.

[12] http://europa.eu/europedirect u n-numru b'xejn 00800 6 7 8 9 10 11.

[13] COM/2006/XXXX ta'….

[14] IP/06/673 tal-24/05/2006 u MEMO/06/213.