52006DC0601




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 20.10.2006

KUMM(2006) 601 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Strateġija għall-Afrika: Partenarjat politiku reġjonali ta’ l-UE għall-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp fil-Qarn ta’ l-Afrika{SEK(2006)1307}

REĠJUN TAL-QARN TA’ L-AFRIKA [pic]

WERREJ

1. Introduzzjoni 4

1.1. Politika ta’ qafas. 4

1.2. Għaliex il-qarn ta’ l-afrika huwa ta’ importanza strateġika għall-ue 5

2. Dimensjoni u dinamika reġjonali 6

2.1. Interkonnessjonijiet reġjonali 6

2.2. Kwistjonijiet reġjonali trasversali 7

3. Programm ta’ ħidma għall-azzjoni reġjonali 9

3.1. L-inkuraġġiment tal-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali effettiva politika u ekonomika 9

3.2. L-indirizzar ta’ kwistjonijiet politiċi strateġiċi ewlenin fil-livell lokali li għandhom ramifikazzjonijiet reġjonali 10

3.3. L-indirizzar ta’ kwistjonijiet reġjonali trasversali u transkonfinali fil-qarn ta’ l-afrika 10

4. Ambjent favorevoli għall-partenarjat ta’ suċċess 11

4.1. Miżuri proposti ta’ akkumpanjament ta’ l-ue 11

4.2. Miżuri proposti ta’ akkumpanjament tas-sħab tal-qarn ta’ l-afrika 12

5. Konklużjoni 12

6. Lista ta’ abbrevjazzjonijiet 14

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Strateġija għall-Afrika: Partenarjat politiku reġjonali ta’ l-UE għall-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp fil-Qarn ta’ l-Afrika

1. INTRODUZZJONI

1.1. Politika ta’ qafas.

Fl-20 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet pjan inizjali għall-strateġija ta’ paċi, sigurtà u żvilupp fir-reġjun tal-Qarn ta’ l-Afrika fil-11-il samit tal-Kapijiet ta’ Stati u Gverrnijiet ta’ l-IGAD (L-Awtorità Intergovernamentali dwar l-Iżvilupp). Din il-Komunikazzjoni tfisser l-interess u r-rieda politika reċiproċi biex jiġu ġenerati stabilità u solidarjetà reġjonali u hija l-prodott ta’ konsultazzjonijiet ta’ livell għoli li saru minn dakinhar 'il hawn, li involvew il-pajjiżi kollha ta’ l-IGAD u partijiet oħra reġjonali interessati bħalma huma l-Lega ta’ l-Istati Għarab u l-Eġittu.

Din il-Komunikazzjoni tistrieħ fuq żewġ Strateġiji importanti li diġà qed jiġu implimentati mill-UE: il-“ Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp ” adottat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri li ltaqgħu fil-Kunsill u l-Kummissjoni fl-20 ta’ Diċembru 2005[1] u l-“ Istrateġija bejn l-UE u l-Afrika ” approvata mill-Kunsill Ewropew fil-15-16 ta’ Diċembru 2005. Ta’ l-ewwel tipprovdi qafas globali ta’ politika bl-iskop li jonqos il-faqar u jkun hemm żvilupp sostenibbli billi jiġi segwit approċċ komprensiv ibbażat fuq il-prevenzjoni għall-fraġilità ta’ l-istat, b’appoġġ biex ikun hemm prevenzjoni u soluzzjoni tal-kunflitti, u lejn il-bini tal-paċi. Ta’ l-aħħar issaħħaħ il-politika ta’ l-UE lejn l-Afrika billi tenfasizza li “kwistjonijiet bħall- paċi u s-sigurtà, il-migrazzjoni, l-interkonnessjoni jew il-ġestjoni ta ’ diżastri jeħtieġu l-ewwelnett rispons reġjonali u kontinentali” u tisħaq dwar il-ħtieġa li “jiġi żviluppat approċċ komprensiv fil-prevenzjoni tal-kunflitti, bl-għan li tintegra l-politika u l-azzjoni fl-oqsma tas-sigurtà, l-iżvilupp u l-governanza demokratika. L-UE għandha tuża dejjem iktar strateġiji u strumenti ta' żvilupp reġjonali u nazzjonali biex tindirizza l-kawżi strutturali tal-kunflitti."

Is-sigurtà u l-iżvilupp huma importanti u kumplimentari. Mingħajr paċi u stabilità, l-iżvilupp u l-qerda tal-faqar mhumiex possibbli, u mingħajr żvilupp u l-qerda tal-faqar ma jistgħax ikun hemm paċi sostenibbli.

Din is-suppożizzjoni ċentrali li hija enfasizzata mill-Istrateġija bejn l-UE u l-Afrika hija ta’ rilevanza partikolari fir-reġjun tal-Qarn. Il-Qarn ta’ l-Afrika huwa wieħed mill-aktar reġjuni suxxettibbli għall-kunflitti fid-dinja kif ukoll wieħed mill-aktar foqra. It-tilwima dwar il-fruntieri li ilha sejra bejn l-Eritrea u l-Etjopja, il-kriżi tas-Somalja u l-kunflitti fis-Sudan u fit-Tramuntana ta’ l-Uganda lkoll għandhom impatt fuq l-għixien ta’ miljuni ta’ nies li qed ibegħdu r-reġjun 'il bogħod mill-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju (MDGs).

Fuq il-bażi ta’ din il-politika ta’ qafas, il-Kummissjoni Ewropea issa qed tipproponi li twaqqaf “ Partenarjat Politiku Reġjonali ” mal-Qarn ta’ l-Afrika [2] , bħala prova deċiżiva biex tiġi applikata l-Istrateġija bejn l-UE u l-Afrika. L-għan ewlieni tal-Komunikazzjoni huwa li tikkontribwixxi biex titnaqqas l-instabilità fir-reġjun, li hija neċessarja biex jintlaħqu l-MDGs. Tiddefinixxi approċċ komprensiv għall-prevenzjoni tal-kunflitti fil-Qarn ta’ l-Afrika, li tittratta l-għeruq tal-kawżi ta’ instabilità f’tul ta’ żmien qasir u medju fil-livell statali u reġjonali u t-tisħiħ tal-koperazzjoni reġjonali. Għandha tiggwida l-azzjoni esterna ta’ l-UE fir-reġjun u t-tfassil tal-Karti ta’ Strateġija Statali u Reġjonali.

1.2. Għaliex il-Qarn ta’ l-Afrika huwa ta’ importanza strateġika għall-UE

Reġjun li jiffjorixxi, demokratiku, stabbli u sikur huwa fl-interess tal-pajjiżi u l-popli kemm tal-Qarn ta’ l-Afrika kif ukoll ta’ l-UE. Madankollu, Qarn bla kontroll, politikament ittraskurat, ekonomikament emarġinat u li saritlu ħsara ambjentali għandu l-potenzjal li jimmina l-għanijiet wiesgħa ta’ poltika ta’ stabilità u żvilupp tar-reġjun u ta’ l-UE u huwa ta’ theddida għas-sigurtà ta’ l-Unjoni Ewropea.

L-UE hija l-aktar imsieħba ta’ żvilupp importanti fir-reġjun tal-Qarn. Hija wkoll wieħed mill-fornituri ewlenin ta’ assistenza umanitarja. Il-vulnerabilità u l-inugwaljanzi soċjo-ekonomiċi, nuqqasijiet fil-qasam tad-drittijiet umani u soċjali, in-nuqqas ta’ sigurtà kronika ta’ l-ikel, il-kompetizzjoni għar-riżorsi naturali skarsi, tmexxija fqira u t-tkabbir tal-popolazzjoni huma l-fatturi bażiċi li l-politika ta' stabilità u tnaqqis tal-faqar ta’ l-UE, flimkien ma’ msieħba reġjonali u internazzjonali, qegħdin jippruvaw jindirizzaw. L-istabilità fil-Qarn ta’ l-Afrika huwa wkoll strateġikament kruċjali għas-sigurtà ta’ l-UE. Dinamika transkonfinali, bħall-immigrazzjoni illegali u ttraffikar ta’ armi, drogi u refuġjati, huma l-fatturi li jikkontribwixxu għall-instabilità u t-tensjonijiet li xterrdu matul il-Qarn ta’ l-Afrika u lil hinn minnu, u jistgħu saħansitra jaslu sa l-UE. Il-Qarn spiċċa taħt skrutinju internazzjonali dejjem jiżdied fil-gwerra kontra t-terroriżmu minħabba l-firxa ta’ l-estremiżmu reliġjuż u l-influwenzi ideoloġiċi mis-subreġjunijiet ġirien. L-insigurtà li tibqa’ tippersisti fir-reġjun ikkontribwiet ukoll għall-kultura ta’ ksur tal-liġi, brigantaġġ u l-fenomenu ta’ kmandanti militari. B’riżultat ta’ dan, hemm it-tendenza li l-fruntieri bejn il-kunflitt politiku, il-kriminalità u t-terroriżmu ma jkunux ċari.

L-UE għandha wkoll interessi ekonomiċi kbar li jkun hemm Qarn ta’ l-Afrika stabbli. Imiss strateġikament ma’ partijiet importanti tal-Lvant Nofsani: jinsab maġenb il-Baħar l-Aħmar, li huwa kruċjali għall-kummerċ u l-provvisti ta’ l-UE, partikolarment l-enerġija; huwa ġar ta’ l-Għarabja Sawdija, l-ikbar produttur taż-żejt fid-dinja; jaqsam il-baċin tan-Nil li huwa ta’ importanza ċentrali għall-Eġittu (li l-istabilità tiegħu hija element importanti għall-istabilità tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani); u huwa viċin ħafna ta’ pajjiżi koperti mill-politika ta’ Viċinat ta’ l-UE, kemm fl-Afrika ta’ Fuq kif ukoll fil-Lvant Qrib. Barra minn hekk, l-UE hija msieħba kummerċjali internazzjonali ewlenija tar-reġjun u hemm potenzjal biex l-interessi ekonomiċi ta’ l-UE jkomplu jikbru, jekk il-provvisti enerġetiċi u t-tkabbir ekonomiku fir-reġjun ikomplu jikbru u huma mmexxija b’mod xieraq.

Huwa importanti li wieħed jinnota li pajjiżi oħra, l-aktar l-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Indja wrew interess fl-importanza strateġika tal-Qarn u qed jinvestu riżorsi sinifikanti hemmhekk.

2. DIMENSJONI U DINAMIKA REĠJONALI

2.1. Interkonnessjonijiet reġjonali

Ir-reġjun tal-Qarn għandu dimensjonijiet reġjonali, politiċi u transkonfinali kumplessi. Dawn jinkludu l-konfluwenza tal-kulturi Bantu/Nilotic, Għarab, Eġizzjani u Abissini; l-għadd kbir ta’ gwerrer dwar seċessjoni, awtonomija jew pretensjonijiet territorjali (ħafna minnhom relatati ma’ l-identità etnika jew reliġjuża), kontroll tar-riżorsi u tilwimiet dwar il-konfini; l-impatti reġjonali tat-tkabbir tal-popolazzjoni, it-tibdil fil-klima u pressjonijiet relatati dwar riżorsi naturali; in-nuqqas ta’ ftehim imkebbes mill-kompetizzjoni għar-riżorsi ta’ l-ilma minn Nil; il-proporzjon għoli ta’ raħħala nomadi, marbuta l-aktar minn irbit etno-lingwistiku pjuttost milli minn konfini politiċi, li huma fost l-aktar gruppi emarġinati fir-reġjun; kultura ta’ militariżmu u ċerti interessi qawwija fl-ekonomiji tal-gwerrer; u t-telqa, s-sottożvilupp u n-nuqqas ta’ sigurtà taż-żoni tal-fruntiera fir-reġjun. Dawn il-fatturi kollha jikkontribwixxi għan-nuqqas ta’ stabilità, għall-kunflitti, faqar u governanza dgħajfa, u jeħtieġu soluzzjonijiet reġjonali b’komponenti transkonfinali u transnazzjonali li jikkumplimentaw ir-risponsi nazzjonali.

Il-Qarn ma jiffaċċjax biss sensiela ta’ kunflitti separati, imma sistema reġjonali ta’ nuqqas ta' sigurtà li fiha l-kunflitti u l-kriżijiet politiċi, li jidħlu f'xulxin u jkebbsu l-xulxin. L-ambjent attwali politiku u ideoloġiku fil-Qarn ta’ l-Afrika jagħti lok għal żieda fil-polarizzazzjoni u difetti f’linja integrata ta’ instabilità li tinfirex mid-Darfur san-nofsinhar tas-Somalja u għandha impatt negattiv fuq ir-reġjun kollu. Organizzazzjonijiet reġjonali bħal m’huma l- African Union (AU) u IGAD għandhom rwol ewlieni biex jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli għall-isfidi li għandu quddiemu l-Qarn ta’ l-Afrika. L-Anness I jagħti ħarsa ġenerali lejn l-arkitettura reġjonali eżistenti.

Ħarsa ġenerali lejn uħud mill-interkonnessjonijiet reġjonali l-aktar importanti ta’ l-aktar kunflitti kbar fir-reġjun tinsab f’Anness II . Wieħed jista’ jasal għall-konklużjonijiet li ġejjin:

- Ħafna mill-fruntieri huma instabbli, ir-reġjuni tal-fruntiera huma suġġetti għall-kunflitt ta' tip jew ieħor u hemm numru ta’ fruntieri kontestati;

- Ħafna minn dawk il-pajjiżi li għandhom fruntiera komuni għandhom ukoll, jew kellhom fil-passat reċenti, relazzjonijiet diffiċli bejnethom li jistgħu jwasslu għall-vjolenza;

- Fil-kunflitti kbar kollha fir-reġjun, hemm xhieda ta’ stati li jipprovdu rifuġju, bażijiet, appoġġ militari u rikonoxximent militari lill-gruppi li jiġġieldu gwerrer fl-istati ġirien.

Dawn l-interkonnessjonijiet reġjonali urew ruħhom b’diversi modi:

- Żvilupp ewlieni politiku riċenti kien l-avviċinament bejn is-Sudan, l-Eritrea u l-Qrati Iżlamiċi emerġenti fis-Somalja;

- It-tensjonijiet bejn l-Etjopja u l-Eritrea għandhom riperkussjonijiet mhux biss tul il-fruntiera komuni imma wkoll fil-politika interna ta’ kull pajjiż u fil-kunflitti fis-Somalja u s-Sudan.

- L-Etjopja kellha jew għad għandha relazzjonijiet kumplessi ma’ ħafna mill-ġirien tagħha;

- L-instabilità eżistenti fid-Darfur u fin-Nofsinhar tas-Somalja tkebbset minn fatturi internazzjonali u għandha implikazzjonijiet fuq pajjiżi u reġjuni ġirien.

2.2. Kwistjonijiet reġjonali trasversali

Hemm għadd ta’ kwistjonijiet globali importanti komuni għall-kriżijiet fil-Qarn.

Governanza u sigurtà : Kwistjoni kruċjali biex tonqos l-instabilità fil-Qarn ta’ l-Afrika hija li jiġu indirizzati l-konnessjonijiet reċiproċi msaħħa bejn in-nuqqas ta’ sigurtà, is-sottożvilupp u l-governanza. Fil-qalba ta’ din ir-relazzjoni hemm komunitajiet li jħossuhom emarġinati fit-tqassim nazzjonali tal-poter, ġid u aċċess għar-riżorsi naturali, is-servizzi soċjali, is-sigurtà u l-ġustizzja. Dawn il-komunitajiet jistgħu maż-żmien jiżviluppaw ilmenti li jistgħu jwasslu għal ribelljoni vjolenti. Il-kunflitti fil-Qarn jistgħu jiħraxu permezz ta’ netwerks ta’ atturi statali u non-statali, bħal ma huma kmandanti militari u l-komunità kummerċjali, li jibbenefikaw mill-ekonomiji tal-gwerra – inklużi l-armi, id-drogi u n-netwerks ta’ traffikar ta’ persuni – li huma jikkontrollaw sa ċertu punt u li għalhekk għandhom interess li jżommu l-istatus quo, u b’hekk iżidu l-emarġinazzjoni tal-komunitajiet u l-manipulazzjoni ta’ gruppi etniċi. Barra minn hekk, l-instabilità u l-kunflitti fil-Qarn ta’ l-Afrika u l-ksur f’xi każijiet tad-drittijiet universali komplew joktru minħabba n-nuqqas ta’ spazju politiku biex ikun hemm soluzzjoni paċifika tal-kunflitti, permezz ta’ awtoritariżmu u miltariżmu, u bl-interferenza ta’ poteri esterni.

Il-fundamentaliżmu reliġjuż: Il-fundamentaliżmu reliġjuż qed isir dejjem aktar kwistjoni reġjonali importanti minħabba: (i) istituzzjonijiet dgħajfa ta’ l-istat fil-Qarn li jwasslu biex ir-reġjun ikun fil-mira ta’ gruppi fundamentalisti; (ii) ilmenti minħabba faqar u kunflitti li jwasslu biex ir-reġjun ikun art fertili potenzjali għall-estremiżmu u l-attiviżmu reliġjuż; u (iii) l-influenza fir-reġjun ta’ ideoloġija fundamentalista estremista l-aktar minn ċerti partijiet ġirien tal-Lvant Nofsani.

Migrazzjoni, refuġjati u Persuni li ġew imċaqilqa Internament (IDPs): Il-Qarn ta’ l-Afrika huwa wieħed mir-reġjuni bl-ikbar numru ta’ immigranti u refuġjati fid-dinja. Kull pajjiż fir-reġjun huwa serjament effettwat, bħala għajn ta’ refuġjati/immigranti, bħala post ta’ tranżitu jew destinazzjoni jew it-tnejn. L-IDPs jibqgħu partikolarment vulnerabbli u huma numerikament l-aktar grupp importanti, u għandhom jiġu inklużi bħala parti mill-ekwazzjoni ta’ żvilupp u nuqqas ta’ sigurtà. Din il-kriżi, li għandha dimensjonijiet politiċi u ta' sigurtà reġjonali qawwija ħafna, hija indikatur ta’ l-emarġinazzjoni u l-esklużjoni politika u hija għajn ta’ nuqqas ta’ stabilità reġjonali li tkebbes l-iżvilupp tat-tensjonijiet bejn l-istati. Barra minn hekk, ir-refuġjati huma vulnerabbli għall-isfruttament mit-traffikanti u minn networks kriminali/terroristiċi. It-traffiku ta’ bnedmin lejn il-pajjiżi tal-Golf, li jinvolvi mhux biss refuġjati imma wkoll komunitajiet emarġinati fqar u l-fatt li r-reġjun huwa rotta ewlenija għad-dħul fl-Ewropa huma kwistjonijiet sinifikanti.

Il-proliferazzjoni u l-użu hażin ta’ Armi Żgħar u Ħfief ( Small Arms and Light Weapons ) (SALW): Il-problema tal-proliferazzjoni u l-użu hażin tas-SALW hija akuta fil-Qarn kollu. Il-fatt li s-SALW jinstabu u huma disponobbli kullimkien huwa parzjalment il-konsegwenza tal-gwerrer passati u prezenti fil-Qarn u fir-reġjuni ġirien (flimkien ma stati terzi li jipprovdu l-armi lill-gruppi ta’ l-oppożizzjoni/ribelli), u huwa fattur li jikkontribwixxi għall-preżenza ta' kmandanti militari, milizji, netwerks kriminali, kriminalità armata u vjolenza fir-reġjun. Iservi wkoll bħala l-fattur li jiffaċilita t-terroriżmu.

Is-SALW u traffikar ieħor fil-Qarn għandhom dimensjonijiet inter-reġjonali u globali qawwija. Traffikar fuq skala kbira ta’ armi jiffjorixxi bejn il-Qarn ta’ l-Afrika u r-Reġjuni tax-Xmajjar Kbar, l-Afrika Ċentrali, l-Afrika ta’ Fuq u l-Peniżola Għarbija. Għalhekk, it-traffikar fil-MANPADS u armi oħra sensittivi ħafna fil-Baħar l-Aħmar u l-Golf ta’ Aden sar punt fokali għal bosta Stati Membri ta’ l-UE.

Is-sigurtà ta’ żoni tal-fruntiera: In-nuqqas ta’ sigurtà u s-sottożvilupp taż-żoni tal-fruntieri u dawk periferiċi huma elementi ewlenin ta’ l-istabilità reġjonali. Mhuwiex diffiċli taqsam il-fruntieri u dan iwassal għal-livelli għolja ta’ nuqqas ta’ sigurtà, kuntrabandu/traffikar, vjolenza u degradazzjoni ambjentali.

Il-kompetizzjoni għall-aċċess għar-Riżorsi naturali bħal m’huma l-ilma, injam u prodotti mill-foresta li mhumiex ta’ l-injam, ħut u art fertili, iżżid l-impatt negattiv fuq is-sigurtà tal-bniedem fir-reġjun, speċjalment meta magħha hemm iż-żieda fil-popolazzjoni u l-emarġinazzjoni ta’ żoni remoti. L-impatt tad-deżertifikazzjoni u l-bdil fil-klima ser ikomplu jżidu l-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali.

Aċċess għall-ilma limitat u protezzjoni ambjentali tar-riżorsi ta’ l-ilma għandhom dimensjoni reġjonali partikolarment importanti minħabba li li l-baċin ewlieni tax-xmara, in-Nil, huwa riżorsa trans-konfinali li tinqasam bejn għaxar stati, inklużi ħamsa mis-seba’ pajjiżi tal-Qarn. Xmajjar oħra importanti trans-konfinali, li jgħaddu mill-Etjopja għas-Somalja u l-Kenja huma Shabelle, Juba u Omo. Hemm tensjonijiet reġjonali potenzjali dwar it-tqassim ta’ l-ilmijiet tan-Nil partikolarment bejn l-Eġittu u l-istati max-xtut tax-xmara u li huma eqred lejn għajn ix-xmara.

In-nuqqas ta ’ sigurtà strutturali ta’ l-ikel huwa wkoll ta’ tħassib, u jeffettwa l-aktar ir-raħħala[3] nomadi u agro-raħħala. It-tnaqqis tar-riżorsi naturali, il-fatt li qed jinxfu l-bjar u d-degradazzjoni taż-żoni pastorali, kollha qed jikkawżaw tensjonijiet etniċi u kunflitti fil-Qarn ta’ l-Afrika. In-nuqqas ta’ sigurtà ta’ l-ikel għandha implikazzjonijiet kemm ta’ kawża kif ukoll ta’ effett għall-instabilità reġjonali. Ta’ importanza strateġika hija li jiġu ttrattati l-għeruq politiċi tas-sigurtà ta’ l-ikel biex jinkiser iċ-ċirku vizzjuż ta’ l-instabilità li jiġġenera l-ġuħ u vici-versa.

Xogħol ir-raħħala: Il-Qarn għandu għadd kbir ta’ raħħala nomadi u transkonfinali, b’komunitajiet li ta’ spiss huma emarġinati u mbegħda. Politika dgħajfa stimulat jew ittollerat kunflitti vjolenti bejn ir-raħħala jew bejn ir-raħħala u sezzjonijiet oħra tal-popolazzjoni. Ir-raħħala ġew involuti fit-traffikar, ribelljonijiet u livelli dejjem jiżdiedu ta’ kunflitti vjolenti.

Ir-relazzjoni bejn ir-raħħala u l-agro-raħħala hija wkoll kritika, għax l-aċċess għall-art, l-ilma u riżorsi oħra naturali li huma vitali għall-agrikoltura huwa sors ta’ tensjoni.

Kwistjoni trasversali sinifikanti li qed tħarrax dawn il-fatturi kollha hija ż- żieda demografika fir-reġjun ( Anness III u IV ). Ir-reġjun ta' l-IGAD illum għandu popolazzjoni ta’ 195 miljun ruħ; dan huwa stmat li jitla’ sa 480 miljun ruħ fis-sena 2050, li jirrappreżenta 25% tal-popolazzjoni totali ta’ l-Afrika. Din il-popolazzjoni tiżdied b’ritmu mgħaġġel tkompli tkabbar il-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali limitati u tirrappreżenta sfida għall-iżvilupp u l-istabilità tar-reġjun.

3. PROGRAMM TA’ ĦIDMA GĦALL-AZZJONI REĠJONALI

Il-programm ta’ ħidma jindirizza l-isfidi reġjonali ewlenin elenkati hawn fuq, b’enfażi fuq l-azzjonijiet konkreti u l-inizjattivi li jeħtieġ li jittieħdu biex ikun hemm iktar stabilità politika reġjonali.

3.1. L-inkuraġġiment tal-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali effettiva politika u ekonomika

It-tkabbir fil-kapaċità u l-impenn politiku ta’ l-AU, IGAD u organizzazzjonijiet oħra sub-reġjonali biex ikollhom rwol ewleini fl-istabilizzazzjoni reġjonali hija prijorità ewlenija fil-partenarjat reġjonali. Il-partenarjat imtejjeb ta’ l-UE ma’ l-AU u organizzazzjonijiet sub-reġjonali għandu jinkludi l-miżuri li ġejjin:

1. It-titjib tal-kooperazzjoni politika u funzjonali ma’ l-IGAD bl-iżvilupp ta’ viżjoni konġunta u pjan ta implimentazzjoni li jiffukaw fuq tliet oqsma ewlenin ta’ kooperazzjoni: (i) paċi, sigurtà u governanza; (ii) ir-raħħala u s-sigurtà ta’ l-ikel, u (iii) żvilupp istituzzjonali.

2. Involviment attiv ta’ l-AU fil-Qarn u t-tisħiħ tal-Kapaċitajiet Afrikani[4], b’mod partikolari fil-bini ta’ kapaċitajiet għall-prevenzjoni tal-kunflitti, il-medjazzjoni fil-kunflitti u l-użu ta’ operazzjonijiet militari taż-żamma tal-paċi u ta’ monitoraġġ. It-twaqqif ta’ Eastern African Standby Military Brigade (EASBRIG) bħala parti mill-Forza Afrikana ta’ Standby huwa żvilupp pożittiv fil-bini ta’ kapaċitajiet għall-użu ta’ operazzjonijiet militari taż-żamma tal-paċi u ta’ monitoraġġ, u l-UE tista’ tikkunsidra li tappoġġja din l-inizjattiva kif ukoll il-bini ta’ kapaċità tas-Segretarjat tal-Kunsill ta’ Paċi u s-Sigurtà ta’ l-AU.

3. It-tisħiħ ta’ l-integrazzjoni reġjonali fil-Qarn ta’ l-Afrika, inter alia permezz ta’ negozjati tal-Ftehim ta ’ Partenarjat Ekonomiku (EPA). COMESA u l-Komunità ta’ l-Afrika tal-Lvant (EAC) huma strumenti ewlenin għall-integrazzjoni reġjonali u għandhom bla dubju jkunu parti minn kull strateġija fit-tul għall-bini ta’ paċi fir-reġjun. Fi programmi tal-KE u dawk pan-Afrikani, ser issir enfażi partikolari fuq l-infrastruttura u l-komunikazzjonijiet bħala strumenti strateġiċi għall-integrazzjoni reġjonali skond l-Istrateġija Afrikana.

Fil-kuntest tal-Partenarjat ta’ Insfrastruttura UE-Afrika, l-UE ser tiżviluppa infrastruttura u servizzi relatati kif ukoll interkonnessjonijiet fi ħdan il-Qarn u bejn ir-reġjuni Afrikani.

4. F’Diċembru 2005, il-Kunsill Ewropew qabel li jappoġġja l-isforzi Afrikani biex isir monitoraġġ u titjieb il-governanza, u biex tiġi żviluppata Inizjattiva ta' Governanza biex tappoġġja r-riformi nazzjonali mibdija mill- African Peer Review Mechanism (APRM) . Għadd ta’ pajjiżi fir-reġjun tal-Qarn (l-Etjopja, is-Sudan, il-Kenja u l-Uganda) diġà ssieħbu ma’ l-APRM, u l-appoġġ għall-implimentazzjoni tar-riformi għandu jiġi pprovdut permezz ta’ Inizjattiva ta’ Governanza ta' l-UE.

3.2. L-indirizzar ta’ kwistjonijiet politiċi strateġiċi ewlenin fil-livell lokali li għandhom ramifikazzjonijiet reġjonali

Din il-parti tal-programm ta’ ħidma tagħti prijorità lill-kwistjonijiet ewlenin politiċi strateġiċi f’livell nazzjonali li jistgħu potenzjalment ikollhom l-iktar impatt reġjonali serju. Għadd ta’ kwistjonijiet u prijoritajiet reġjonali huma identifikati hawn taħt, u jistgħu jiġu kkunsidrati punti ta’ djalogu politiku ta’ l-UE mal-Qarn ta’ l-Afrika.

1. Fis-Sudan, is-sostenituri reġjonali u dawk li jopponi l-proċess(i) tal-paċi u l-interessi tagħhom għandhom jiġu identifikati u integrati fid-djalogu u l-kooperazzjoni. Trid tingħata attenzjoni partikolari lill-implikazzjonijiet reġjonali tal-kriżi tad-Darfur.

2. L-appoġġ statali transkonfinali għall-gruppi armati għandu jitqiegħed fl-aġenda politika/diplomatika ta’ l-UE u tal-pajjiżi tar-reġjun tal-Qarn.

3. Għandhom jittieħdu inizjattivi bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet ta’ demarkazzjoni tal-fruntieri, l-aktar rigward il-fruntiera bejn l-Etjopja u l-Eritrea li għandha implikazzjonijiet iktar wiesgħa għar-reġjun. In-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Eritrea u l-Etjopja hija kruċjali għall-paċi u l-istabilità fil-Qarn.

4. L-approċċ politiku lejn il-Kenja u Ġibuti għandu jiġi żviluppat u rivedut, u jiġi kkunsidrat ir-rwol tagħhom fl-istabilità reġjonali.

5. Għall-istabbilità reġjonali, “il-politika ta’ trażżin” ma jistax jiġi kkunsidrat bħala għażla fis-Somalja; minflok, jeħtieġ li jiġu indirizzati ir-raġunijiet bażiċi ta’ l-instabilità fis-Somalja. Għandu jiġi kkunsidrat it-tħassib tal-pajjiżi ġirien tas-Somalja u dawn il-pajjiżi għandhom ikollhom rwol pożittiv u ta’ stabilità fil-proċess ta’ paċi fis-Somalja. L-ankrar tas-Somalja fil-partenarjat reġjonali ser tkun “prova deċiżiva” għall-implimentazzjoni effettiva tagħha (ara Anness V ).

6. Il-proċess ta’ paċi fl-Uganda ta’ fuq għandu jikkunsidra d-dimensjonijiet reġjonali tal-kunfitt, l-aktar fir-rigward tan-naħa t'isfel tas-Sudan.

3.3. L-indirizzar ta’ kwistjonijiet reġjonali trasversali u transkonfinali fil-Qarn ta’ l-Afrika

Hemm bosta kwistjonijiet trasversali u transkonfinali li jeħtieġ li jiġu indirizzati b’mod sistematiku. Il-Komunikazzjoni tipproponi azzjoni reġjonali ta’ l-UE fi tliet pilastri inter-relatati u telenka fl- Anness VI ir-rispons politiku biex jintlaħqu l-għanijiet li ġejjin:

1. Governanza u sigurtà mtejba u involviment ikbar ma’ l-Iżlam Politiku u d-djalogu bejn is-soċjetajiet/kulturi.

2. Żvilupp, kummerċ, sigurtà u parteċipazzjoni politika mtejba, b’mod partikolari fir-“reġjuni tal-fruntiera” u ġestjoni ta’ l-immigrazzjoni u r-refuġjati u l-prevenzjoni tat-traffikar u l-proliferazzjoni ta’ l-SALW.

3. Politika u programmi mtejba biex tiġi indirizzata l-kompetizzjoni fir-riżorsi naturali inkluż l-iżvilupp ta’ strateġiji reġjonali ta' sigurtà ta’ l-ikel u jitnaqqsu l-kunflitti relatati mar-raħħala, governanza aħjar u ġestjoni kooperattiva tar-riżorsi ta’ l-ilma ħelu.

4. AMBJENT FAVOREVOLI GĦALL-PARTENARJAT TA’ SUĊĊESS

L-implimentazzjoni b’suċċess tal-miżuri deskritti f’din il-Komunikazzjoni teħtieġ azzjoni maqbula u koordinata minn naħa ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE u l-IGAD kif ukoll flessibilità, rispons għal sitwazzjonijiet dinamiċi u użu innovattiv ta’ l-istrumenti disponibbli biex jinħolqu inċentivi għal tibdil politiku. Barra minn hekk, dan il-partenarjat politiku reġjonali ser jiżviluppa b’mod dinamiku, b’reviżjoni regolari u l-iżvilupp ta’ politika u programmi komuni. Għalhekk ser jagħmel talbiet sostanzjali lill-kapaċitajiet ta’ l-UE/IGAD għall-koordinazzjoni, żvilupp tal-politika u implimentazzjoni ta’ programmi u qed jiġu proposti l-miżuri ta’ akkumpanjament li ġejjin.

4.1. Miżuri proposti ta’ akkumpanjament ta’ l-UE

- Il-promozzjoni tal-qsim ta’ informazzjoni u konsultazzjoni bejn l-Istati Membri ta’ l-UE u l-istituzzjonijiet ta’ l-UE biex jiġi żviluppat għarfien flimkien u approċċi komuni rigward il-Qarn ta’ l-Afrika.

- Iż-żamma u l-iżvilupp ta’ l-użu effettiv ta’ l-istrumenti eżistenti ta’ l-UE biex jiġu appoġġjati koordinazzjoni u djalogu ikbar, inklużi l-missjonijiet Troika, missjonijiet konġunti Kunsill ta’ l-UE/Kummissjoni u Rappreżentanti Speċjali ta’ l-UE. B’mod partikolari, l-UE tista’ tippromwovi l-Forum Internazzjonali ta’ l-Imsieħba (IPF) bħala forum għad-djalogu ma’ l-IGAD.

- Isir użu sħiħ ta’ l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Partenarjat ta’ Cotonou biex jiġi faċilitat u jinġab 'il quddiem id-djalogu ma’ l-atturi ewlenin (gvernijiet nazzjonali, organizzazzjonijiet reġjonali). L-UE għandha tassigura li d-djalogu poltiku fl-Artikolu 8 jinkludi enfażi qawwija fuq kwistjonijiet reġjonali, b’mod partikolari l-implikazzjonijiet reġjonali ta’ azzjonijiet minn stati individwali.

- Il-promozzjoni ta’ prevenzjoni ta’ kunflitti fuq livell micro u meso, il-ġestjoni u r-riżoluzzjoni, inklużi strutturi ta’ atturi mhux statali.

- Tiġi inkluża diskussjoni dwar kwistjonijiet relevanti dwar il-Qarn ta’ l-Afrika f’taħditiet u kuntatti ma’ partijiet interessati ewlenin fir-reġjun iktar wiesa’ Afrikan u Għarbi, partikolarment l-Eġittu, l-Istati tal-Golf Għarbi, il-Lega ta’ l-Istati Għarab u l-Afrika Ċentrali u tal-Lvant.

- Jitjieb id-djalogu u l-koordinazzjoni dwar il-Qarn ta’ l-Afrika ma’ l-Istati Uniti, in-Norveġja, il-Ġappun, il-Kanada, ir-Russja u ċ-Ċina. Barra minn hekk, għandu jkun hemm djalogu strutturat ma’ l-aġenziji relevanti tan-Nazzjonijiet Uniti.

- It-tisħiħ ta’ l-approċċ ta’ l-illivellar tas-“sigurtà tal-bniedem” inklużi d-drittijiet tal-bniedem u s-sess, kwistjonijiet demografiċi u l-ambjent (ilma, żoni kostali u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, deżertifikazzjoni u adattament għall-bidla fil-klima) fi programmi ta’ żvilupp u l-promozzjoni ta’ l-integrazzjoni mill-isħab strateġiċi tal-Qarn.

- Jingħaqdu l-istrateġiji kollha ta’ l-UE, politika u programmi maħsuba għal pajjizi tal-Qarn ta’ l-Afrika, biex jiġi żgurat li jiġu kkunsidrati l-kwistjonijiet reġjonali ewlenin u dawk trasversali, u ssir kontribuzzjoni effettiva għall-partenarjat politiku reġjonali ta’ l-UE għar-reġjun. Fid-Dokumenti tagħha ta’ Strateġija tal-Pajjiż għall-pajjiżi tal-Qarn ta’ l-Afrika, l-UE għandha tagħmel enfażi partikolari fuq il-kuntest u l-analiżi reġjonali kif ukoll evalwazzjoni ta’ l-għeruq ta’ dak li jikkawża l-kunflitti vjolenti.

- Fit-tħejjija ta’ l-istrateġiji ta’ kooperazzjoni ġodda mal-Qarn ta’ l-Afrika u l-IGAD, il-Kummissjoni tgħaqqad l-istrateġiji tal-pajjiż u dawk reġjonali EDF 10 (2008-2013) b’appoġġ għall-partenarjat Politiku Reġjonali għall-Qarn ta’ l-Afrika. Fejn huwa fattibbli, dan ikun ikkumplimentat mill-appoġġ ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE. Il-governanza, ir-riżorsi naturali u s-sigurtà ta’ l-ikel, l-edukazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali b’enfażi fuq l-isfrastruttura għandhom ikunu l-oqsma ewlenin ta’ kooperazzjoni li fuqhom jinbnew l-istrateġiji tal-pajjiż u dawk reġjonali.

4.2. Miżuri proposti ta’ akkumpanjament tas-sħab tal-Qarn ta’ l-Afrika

- Id-dibattitu u l-promozzjoni ta’ l-istrateġija reġjonali fost l-Istati Membri, is-Segretarjat ta’ l-IGAD u organi oħra ta’ politika u atturi reġjonali relevanti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex ikun hemm pożizzjoni koordinata u l-parteċipazzjoni minn naħa tal-partijiet kollha interessati.

- L-imsieħba reġjonali u organizzazzjonijiet iridu jkunu miftuħa għad-djalogu sistematiku fil-livelli kollha dwar l-isfidi reġjonali ewlenin, per eżempju l-governanza, il-kunflitti, is-sigurtà ta’ l-ikel, it-traffikar u l-qsim tar-riżorsi, sigurtà u fundamentaliżmu reliġjuż, u jridu jkunu impenjati biex jidentifikaw il-fatturi li jwasslu għall-bidla.

- Il-promozzjoni tal-qsim ta’ informazzjoni u ċarezza tar-rwoli rispettivi ta’ l-organizzazzjonijiet reġjonali, imsieħba tal-Qarn ta’ l-Afrika, pajjiżi ġirien u partijiet interessati reġjonali ewlenin bil-għan li tiġi żviluppata viżjoni komuni.

- Il-pajjiżi tal-Qarn ta’ l-Afrika u l-organizzazzjonijiet reġjonali jridu jallokaw biżżejjed riżorsi għad-djalogu u għall-programm ta’ ħidma u jagħmlu operattiv il-format għal iktar djalogu ma’ l-Unjoni Ewropea.

- L-imsieħba tal-Qarn ta’ l-Afrika għandhom jindirizzaw l-għejjun tal-kunflitti u jippromwovu kooperazzjoni multi-settorjali bħal, per eżempju, ir-rabta bejn kunflitti, il-qsim tar-riżorsi naturali, ir-raħħala u s-sigurtà ta’ l-ikel.

- Issir implimentazzjoni tar-riformi istituzzjonali relevanti u l-impenji ta’ l-Istati Membri biex is-Segretarjat ta’ l-IGAD jaħdem b’mod xieraq.

- Issir reviżjoni u aġġornament ta’ l-istrateġija ta’ l-IGAD u tiġi kompletata l-istrateġija settorjali ta’ l-IGAD dwar il-paċi u s-sigurtà.

5. KONKLUŻJONI

Din il-Komunikazzjoni timplimenta l-Istrateġija Afrikana billi tintroduċi partenarjat politiku reġjonali ta’ l-UE għall-Qarn ta’ l-Afrika ibbażat fuq analiżi tad-dinamika reġjonali ewlenija u l-problemi fir-reġjun tal-Qarn. L-għan tal-partenarjat huwa l-promozzjoni tal-paċi l-istabilità u l-iżvilupp fir-reġjun. Jipprovdi qafas politiku għall-inizjattivi u programmi reġjonali konkreti u għall-djalogu strutturat u miftuħ bejn l-imsieħba fil-livelli kollha. L-implimentazzjoni tal-partenarjat ser tibda’ fl-2007 u jkun hemm reviżjoni konġunta wara sentejn biex jiġi evalwat il-progress tat-tħaddim tal-programm ta’ ħidma u jiġi assigurtat li huwa aġġornat u adattat għall-kundizzjonijiet tar-reġjun.

6. LISTA TA’ ABBREVJAZZJONIJIET

ALIVE | Africa Livestock |

AMCOW: | African Ministerial Conference on Water |

AMESD: | African Monitoring for the Environment and Sustainable Development |

APF: | African Peace Facility |

AU: | African Union |

CEWARN: | Conflict Early Warning and Response Mechanism |

COMESA: | Common Market of Eastern and Southern Africa |

CPA: | Comprehensive Peace Agreement |

CSO: | Civil Society Forum |

DDR: | Disarmament Demobilisation Reintegration |

EAC: | East Africa Community |

EASBRIG:: | Eastern Africa Standby Brigade |

EC: | European Commission |

EPA: | Economic Partnership Agreement |

EPLF: | Eritrean People’s Liberation Front |

EU: | European Union |

FRUD: | Front pour la Restauration de l’Unité et de la Démocratie (Djibouti) |

ICG: | International Contact Group (ICG) on Somalia |

IDP: | Internally Displaced Person |

IGAD: | Intergovernmental Authority on Development |

IPF: | IGAD Partners Forum |

LRA: | Lord’s Resistance Army |

MANPADS: | Man Portable Air Defence System |

MDGS: NBI: | Millennium Development Goals Nile Basin Initiative |

NDA: | National Democratic Alliance (Sudan) |

NEPAD: | New Partnership for Africa’s Development |

NGO: | Non-governmental organisation |

OECD DAC: | Organisation for Economic Cooperation and Development / Development Assistance Committee |

OLF: | Oromo Liberation Front |

ONLF: | Ogaden National Liberation Front |

RECSA: | Regional Centre for Small Arms and Light Weapons |

REFORM: | Regional Food Security and Risk Management Programme |

RPF: | Regional Political Framework |

SALW: | Small Arms and Light Weapons |

SPLA: | Sudan People’s Liberation Army |

SRRC: | Somali Reconciliation and Restoration Council |

SSR: | Security Sector Reform |

TFG: | Transitional Federal Government |

TFIs: | Transitional Federal Institutions |

TPLF: | Tigrean People’s Liberation Front |

[1] ĠU (ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1).

[2] Definita f’din il-Komunikazzjoni bħala li tinkludi l-pajjiżi kollha ta’ l-IGAD : Ġibuti, l-Etjopja, l-Eritrea, il-Kenja, is-Somalja, is-Sudan, l-Uganda

[3] L-Agrikoltura għandha rwol importanti fis-sigurtà ta’ l-ikel, f’pajjiżi bħall-Etjopja per eżempju, u għalkemm iktar ta’ interess nazzjonali, għandha xi aspetti reġjonali, l-aktar relatati mal-kummerċ, li ma jistgħux jiġu traskurati.

[4] Skond il-Kunċett ta’ l-UE għat-tisħiħ tal-Kapaċitajiet Afrikani għall-Prevenzjoni, Ġestjoni u Riżoluzzjoni tal-Kunflitti (Lulju 2006)