52006DC0589

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew(Laqgħa informali f’Lahiti – il-Finlandja, l-20 ta’ Ottubru, 2006) Ewropa moderna, miftuħa għall-innovazzjoni /* KUMM/2006/0589 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 12.10.2006

KUMM(2006) 589 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL EWROPEW(LAQGĦA INFORMALI F’LAHITI – IL-FINLANDJA, l-20 ta’ Ottubru, 2006)

Ewropa moderna, miftuħa għall-innovazzjoni

I. DAħLA

Id-dinja saret ambjent fejn, fi żmien relattivament qasir, il-kompetizzjoni saret aktar qawwija hekk kif aktar u aktar pajjiżi daħlu fis-suq globali. Meta kienu qed jiltaqgħu f’Hampton Court f’Ottubru li għadda, il-Kapijiet ta’ l-Istat u tal-Gvern għarfu li biex tikseb suċċess f' ekonomija globali u biex tikseb ir-rati ta' tkabbir meħtieġa biex il-livell ta' l-għejxien tagħna jkun jista' jinżamm, l-Ewropa jeħtiġilha tagħmel aktar biex il-poter kreattiv u l-abbiltà kreattiva li għandha tużahom kemm tista’ biex tikkonverti l-għarfien fi prodotti, servizzi u mudelli kummerċjali ta’ kwalità għolja li għalihom hemm domanda globali qawwija. Il-progress fl-innovazzjoni għad ikollu post ċentrali fis-suċċess ta’ l-Istrateġija mġedda ta’ Liżbona għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi.

L-Ewropa għandha tradizzjoni, li biha hi kburija, li toħroġ b'soluzzjonijiet li tejbu ħajjet in-nies madwar id-dinja kollha. Minn mediċini li kapaċi jsalvaw il-ħajja sa telekomunikazzjonijiet ċellularu avvanzati. L-innovazzjoni hija l-muftieħ biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin li għandna quddiemna bħalissa, bħal ma huma t-tibdil fil-klima, is-sejba u l-prevenzjoni tal-mard, il-konġestjoni, l-insikurezza u l-esklużjoni soċjali.

Il-Kummissjoni diġà ppreżentat qafas ġenerali mfassal biex jippromwovi l-innovazzjoni fl-Ewropa u pjan ta’ azzjoni[1] b’10 punti għat-trawwim ta' l-innovazzjoni li ġie diskuss dan l-aħħar mill-Kunsill għall-Kompetittività. Dan id-dokument jiffoka fuq għadd ċkejken ta’ kwistjonijiet speċifiċi li għandhom dimensjoni Ewropea u li, jekk jingħataw appoġġ qawwi mill-Kapijiet ta’ l-Istat u tal-Gvern, għandhom il-potenzjal li jipproduċu benefiċċji ta' tifsira kbira (f’perjodu ta’ żmien relattivament qasir).

II. FEJN TINSAB L-EWROPA F’DAN KOLLU?

Il-prestazzjoni ta’ l-UE fejn tidħol l-innovazzjoni għadha batuta meta mqabbla ma’ dik tal-kompetituri ewlenin tagħha, anki jekk l-ekonomiji ta' xi Stati Membri huma fost dawk l-aktar innovattivi fid-dinja. Iċ-Ċina u l-Indja, li ilhom issa żmien twil ikunu ta’ sfida għalina fis-setturi li tradizzjonalment kienu jħaddmu ħafna ħaddiema, issa qed jagħmlu passi ta’ ġgant ’il quddiem fl-innovazzjoni u fit-teknoloġija. Bis-saħħa ta’ riformi ekonomiċi huma, kif ukoll ekonomiji oħra li qed jitfaċċaw, qed isiru kompetituri globali serji f’firxa wiesgħa ta’ setturi li qed jikbru bl-għaġġla. Ħafna ekonomiji fit-triq ta' żvilupp qed jużaw approċċ strateġiku lejn l-innovazzjoni, billi jinvestu bil-qawwa fl-infrastruttura tagħhom ta' teknoloġija avvanzata u billi jipproduċu għadd kbir ta' ħaddiema ta' ħila b’edukazzjoni għolja.

L-Ewropa u l-Istati Membri tagħha għandha ħafna assi innovattivi. Iżda nbatu wkoll minn paradossi:

- Aħna nivvintaw, iżda ħafna drabi ma nikkonvertux l-invenzjonijiet tagħna fi prodotti, impjiegi u brevetti ġodda.

- Hemm ħafna intrapriżi ġodda żgħar u innovattivi ħafna, iżda dawn ma jirnexxilhomx malajr jikbru u jsiru kumpaniji kbar ta’ suċċess globali.

- F’ċerti oqsma, bħal fil-każ tat-telekommunikazzjoni, l-adozzjoni ta’ innovazzjonijiet ICT wasslet biex kien hemm kisbiet ta’ produttività importanti, imma f’oqsma oħrajn, bħal fil-każi tas-servizzi finanzjarji u l-kummerċ distributtiv, dan ma seħħx.

Hemm għadd ta’ fatturi li jmexxu ’l quddiem l-innovazzjoni:

L-ewwelnett, hija ħaġa kritika li tingħata edukazzjoni ta’ kwalità għolja biex iċ-ċittadini tagħna jitħejjew għall-isfidi tal-globalizzazzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, jekk il-kumpaniji ma jkunux jistgħu jsibu biżżejjed nies bil-ħiliet meħtieġa fl-Ewropa, jmorru jfittxu x'imkien ieħor biex jinvestu. L-adult medju fl-UE huwa bil-bosta anqas edukat minn adulti f’pajjiżi industrijalizzati oħra[2]. Aħna wkoll ninvestu pjuttost anqas fl-edukazzjoni għolja minn ħafna mill-kompetituri tagħna.

Fil-passat, il-ħiliet li kienu jitgħallmu n-nies kienu jibqgħu ta' siwi għal għexieren ta' snin. Issa, n-nies jeħtieġ li l-ħin kollu jaġġornaw u jġeddu l-ħiliet tagħhom, iżda għadna m’aħniex qed nagħmlu biżżejjed biex nistimulaw edukazzjoni kontinwa u programmi ta’ taħriġ mill-ġdid.

L-UE, bħal naħat oħra tad-dinja, se tgħaddi minn tibdil demografiku kbir hekk kif il-ġenerazzjoni magħrufa bħala l-baby boomers tikber fl-età. Bejn issa u l-2030, l-għadd ta’ nies fl-età li jkollhom impjieg se jinżel b'6.8%. Dan se jkabbar in-nuqqasijiet ta’ ħiliet fost il-ħaddiema. F’ħafna Stati Membri diġà hemm nuqqas ta’ persunal ta’ ħila kbira, b’mod partikolari ta’ riċerkaturi u ta’ gradwati fix-xjenza u fl-inġinerija li huma fil-qofol ta’ l-avvanzi teknoloġiċi.

It-tibdil demografiku se jkollu implikazzjonijiet aktar wiesa’ għall-Ewropa. F’anqas minn għoxrin sena, madwar nofs il-popolazzjoni Ewropea se jkollha aktar minn 50 sena, meta llum dan il-proporzjon hu ta' wieħed minn tlieta. In-nuqqas fin-numru ta' żgħażagħ bilfors se jkollu effett fuq il-ħila tas-soċjetà biex tirriforma u tirrinova.

Iżda x’aktarx li l-akbar sfida għas-sistemi edukattivi tagħna hija dik organizzattiva. Is-sistema edukattiva fl-Ewropa għadha frammentata; l-universtitajiet ma jikkooperawx ma’ xulxin daqs kemm imisshom. Fl-Istati Uniti u fil-Ġappun tfaċċaw ħafna innovazzjonijiet ta’ suċċess bħala riżultat ta’ kollaborazzjoni mill-qrib bejn id-dinja akkademika u dik ekonomika. L-Ewropa daħlet tipparteċipa f’dan il-qasam pjuttost tard u għad trid tlaħħaq ma’ ħafna.

Xkiel ieħor kontra aktar innovazzjoni jinsab fil-fatt li l-investimenti ta' l-Ewropa fl-R&D (ir-riċerka u l-iżvilupp) huma ħafna anqas minn dawk ta' pajjiżi industrijalizzati oħra. Jekk l-Istati Membri jwettqu l-impenji tagħhom, in-nefqa ta’ l-Ewropa fuq l-R&D mistennija li tilħaq it-2.6% tal-PGD sa l-2010[3], mil-livell ta’ bħalissa ta’ 1.9%. Imma l-ksib ta’ dan il-għan jimplika sforzi konsiderevoli fuq il-livell kemm nazzjonali kif ukoll ta’ l-UE, b’mod partikolari biex jinġieb l-investiment għar-riċerka u l-iżvilupp lejn l-Ewropa. Id-defiċit ta’ l-investiment fir-riċerka fl-Ewropa ġej l-aktar minn anqas investimenti fl-R&D min-naħa tas-settur privat, li huwa turija ta’ kundizzjonijiet bażiċi anqas tajbin kif ukoll ta’ tħassib dwar il-profitti.

Fl-aħħarnett, f’ħafna oqsma, għad hemm ħafna ostakoli li jxekklu d-dinamiżmu ekonomiku. Ħafna kumpaniji jħabbtu wiċċhom ma’ xkiel meta jkunu jridu jiksbu aċċess għal xi suq speċifiku, ma’ nuqqas ta’ kapital tar-riskju kif ukoll ma’ dewmien fil-qafas regolatorju tagħna, jew inkella burokrazija żejda, li jtellfu l-innovazzjoni u jxekklu t-tqassim ta' l-ideat. Barra minn dan, strutturi u drawwiet li għadda żmienhom itaqqlu l-adozzjoni b’ħeffa tal-bidla.

III. L-IMFIETAħ BIEX JINFETAħ IL-POTENZJAL INNOVATTIV TA’ L-EWROPA

Filwaqt li l-innovazzjoni teknoloġika hija importanti, almenu jeżisti skop ekwivalenti għall-innovazzjoni mhux teknoloġika, pereżempju permezz ta’ bidliet fil-mudelli kummerċjali jew tfassil u organizzazzjoni aħjar tal-proċessi. Fil-fatt, bidla organizzattiva hija ġeneralment meħtieġa biex jinkiseb l-aħjar mill-progress teknoloġiku.

L-azzjoni fl-oqsma li ġejjin għandha tagħti spinta ’l quddiem sinifikanti għall-ħila innovattiva Ewropea.

1) Inqiegħdu l-Ewropa fuq quddiemnett f’teknoloġiji strateġiċi tal-futur

Sa issa, l-Ewropa għadha tbati minn sparpaljar ta’ riżorsi limitat[4]. Il-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej (l-ETPs) huma strument eċċellent għal kollaborazzjoni akbar u l-ksib ta’ massa kritika. Dawn ilaqqgħu flimkien firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati mis-settur pubbliku u dak privat biex jiġu definiti u implimentati programmi ta' riċerka u teknoloġija. Sa minn stadju bikri, dawn il-pjattaformi jindirizzaw il-kondizzjonijiet qafas għat-trasferiment b'suċċess tar-riżultati tal-ħidma fil-qasam ta' l-R&D għas-suq. Il-prospetti tas-suċċess tagħhom ikunu rinfurzati bil-qawwa minn impenn sħiħ ta’ appoġġ min-naħa ta’ l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u reġjonali.

Uħud mill-ETPs laħqu grad ta’żvilupp tant għoli li, biex jiksbu l-għanijiet essenzjali tagħhom issa jinħtieġu l-ħolqien ta’ partenarjati speċjalizzati bejn is-settur pubbliku u dak privat – jiġifieri l-ħolqien ta’ l-“Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti” (il-JTIs) – li jwasslu għal impenji akbar u aktar konsistenti favur l-investiment fir-riċerka għal perjodu ta’ żmien itwal.

Setturi promettenti fejn hu previst li jitnidew il-JTIs:- L-Idroġenu u ċ-Ċelluli ta' Kombustjoni ( fuel cells )- In-Nanoelettronika- Il-Mediċini Innovattivi- Sistemi Informatiċi Inkorporati - L-Aeronawtika u t-trasport bl-ajru (“Sema Nadifa” – “ Clean Sky ”)- Is-Sorveljanza Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (il-GMES)

L-industrija Ewropea hija lesta li tinvesti somom konsiderevoli ta' flus għal dawn l-inizjattivi, basta li l-investimenti tagħha jkunu mqabbla ma’ fondi mill-UE (permezz tas-Seba’ Programm ta’ Qafas), ikkumplimentat mill-kontributi individwali ta’ l-Istati Membri. It-tnedija ta’ partenarjati ambizzjużi bejn is-settur pubbliku u dak privat fuq pedament solidu ekonomiku u ta’ governanza hija opportunità li m’għandniex nitilfu jekk irridu nistabbilixxu tmexxija Ewropea fil-qasam teknoloġiku ta’ għada. L-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija jista’ jipprofitta minn inizjattivi f’dawn is-setturi u oħrajn promettenti.

Fir-Rapport tal-Progress fir-rigward ta' l-Istrateġija għat-Tkabbir Kummerċjali u l-Impjiegi mistenni għall-aħħar ta’ din is-sena, il-Kummissjoni se tinkludi programm strateġiku għat-tnedija bikrija tal-JTIs l-aktar maturi.

2) Jisseddqu konnessjonijiet aktar b’saħħithom bejn l-universitajiet, ir-riċerka u n-negozju

Fl-imgħoddi, l-universitajiet kienu jiżviluppaw għarfien ġdid u, meta dan l-għarfien jimmatura, seta’ jagħti l-każ li l-industrija tikkapparrah għal applikazzjoni kummerċjali. Wisq għarfien jibqa’ maqful fl-universitajiet u l-iżvilupp ta’ għarfien ġdid ftit jikkonsidra x’inhuma l-ħtiġiet tas-settur kummerċjali. Dan il-mudell għall-innovazzjoni m’għadux moda. Illum, l-innovazzjoni tinbena madwar netwerks ta’ għarfien li, permezz ta’ l-iskambju, l-iżvilupp u l-akkumular ta’ l-għarfien, jiffaċilitaw żvilupp mgħaġġel tal-prodotti u s-servizzi bħala riżultat ta’ l-ideat ġodda.

Din il-kooperazzjoni bejn l-universitajiet, il-kumpaniji kbar u żgħar, l-istituti tar-riċerka u t-trasferiment ta' l-għarfien, l-investituri jew anke l-assoċjazzjonijiet ta' l-utenti u l-konsumaturi l-aħjar li tkun irrealizzata hija f'raggruppamenti ( clusters ) – żoni ġeografikament delimitati li jippermettu interazzjoni diretta bejn partijiet interessati eżistenti u li jattiraw operaturi oħrajn ġodda. Fil-fatt, hemm evidenza qawwija u li dejjem tikber li l-kumpaniji li jikkooperaw f’netwerks jew raggruppamenti bħal dawn huma fost dawk l-aktar innovattivi fl-Ewropa[5]. Għalhekk il-politika tar-raggruppamenti ta’ l-impriżi saret element importanti fl-istrateġiji għall-innovazzjoni ta’ l-Istati Mmebri u dan għandu jibqa’ jkun inkoraġġit.

L-Istati Membri u l-universitajiet jistgħu jagħmlu ħafna huma stess – u diġà qegħdin jagħmlu – biex tisseddaq il-kooperazzjoni mill-qrib. Iżda jistgħu jinkisbu benefiċċji sinifikanti kieku jirnexxielna nimmaniġġjaw aħjar l-għarfien u l-ħiliet li jeżistu madwar l-UE. Il-proposta għall-ħolqien ta’ Istitut Ewropew tat-Teknoloġija (EIT) tippreżenta mudell innovattiv għal kooperazzjoni qawwija bejn l-universitajiet, iċ-ċentri ta’ riċerka u l-komunità kummerċjali. L-EIT għandu jkun ta’ kontribut biex tittejjeb il-bażi kompetittiva ta’ l-Istati Membri billi jinvolvi lil organizzazzjonijiet sħab f’attivitajiet integrati ta’ innovazzjoni, ta’ riċerka u ta’ edukazzjoni li jkunu ta’ l-ogħla livelli internazzjonali. L-EIT għandu jkun ta’ għajnuna biex ir-riżorsi ta’ l-Ewropa jinġabru, biex l-iffinanzjar tas-settur privat jiġi mmirat lejn riċerka mill-aktar avvanzata, jinġibdu l-aħjar riċerkaturi minn madwar id-dinja kollha, ikunu stimulati l-effetti kollaterali ta’ SMEs innovattivi, u b'dan il-mod ikun jista' jservi ta' simbolu tal-ħila li għandha l-Ewropa li taħdem għalenija u li tkun innovattiva.

3) Jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ qafas

It-tisrif ta' l-għarfien fi prodotti kummerċjali ta' suċċess ma jseħħx b'ċikka. L-investiment waħdu fl-R&D mhux biżżejjed. Hemm għadd ta’ kundizzjonijiet ġenerali kif ukoll li huma speċifiċi għal xi settur li, jekk ikunu hemm, itejbu b’mod sinifikanti l-ambjent għall-innovazzjoni u l-okkażjonijiet biex jinkisbu profitti kummerċjali. Wara li l-Ewropa stabbiliet mira komuni għan-nefqa fuq l-R&D, hija trid issa tara li tkun tista' tieħu li tista' minn dan l-investiment billi toħloq il-kundizzjonijiet ta' qafas it-tajba.

Il-kondizzjonijiet ġenerali ta’ qafas

Suq Waħdani tassew integrat

Biex ikun hemm aktar innovazzjoni kif ukoll kompetizzjoni effettiva, irid ikun hemm ta' bil-fors minn qabel suq waħdani għal kollox funzjonanti li jkun ta' daqs kbir biżżejjed biex kumpaniji kbar kif ukoll ħafna SMEs ikunu jistgħu jikkompetu globalment.

L-iffinanzjar ta’ l-innovazzjoni

Huwa ovvju daqs kemm hu vitali li individwi b’ideat tajba jkunu jistgħu jiksbu l-iffinanzjar biex l-ideat tagħhom ikunu jistgħu jibdew jitħaddmu. Din qatt ma kienet xi ħaġa ħafifa iżda f'dawn l-aħħar snin saret aktar diffiċli li jinkiseb iffinanzjar fil-fażijiet bikrija. Il-fondi tal-kapital tar-riskju saru anqas interessati fl-investimenti ta’ skala żgħira ħafna. Dan il-fenomenu ħalaq dak li hu magħruf bħala l-‘ equity gap ’ jiġifieri disponibilità skarsa ta’ kapital proprju. Bħala riżultat ta dan, ħafna ideat promettenti jibqgħu l-art. Barra dan, huma wisq dawk l-SMEs li t-tkabbir tagħhom huwa mgħaġġel li jispiċċaw ifittxu l-kapital li jkollhom bżonn x’imkien ieħor (l-Amerka).

Mhemm l-ebda soluzzjoni maġika għal din il-problema. Xi Stati Membri offrew inċentivi fiskali lil hekk imsejħa “business angels” li jkunu lesti jinvestu f’ kumpaniji żgħar, ta’ riskju għoli li jkunu għadhom qed jitwaqqfu. Għandu jitħajjar l-iskambju ta’ prattika tajba u jiġu esplorati lati oħra tal-politika pubblika li jistgħu jkollhom piż fuq din il-probema.

Politika għall-proprjetà intellettwali għas-Seklu 21

Meta idea timmatura, huwa importanti li min ikun ħareġ biha jakkwista d-drittijiet legali fuq l-użu tagħha. Tipikament, id-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali (IPRs) huma l-fus ċentrali ta’ ħafna kumpaniji u s-sors tal-vantaġġ kompetittiv li jkollhom.

Filwaqt li wieħed jista’ jkollu ideat differenti dwar kif għandu jkun l-iktar qafas effettiv, il-biċċa l-kbira jaqblu li s-sistema preżenti fl-Ewropa dwar il-proprjetà intellettwali ma rnexxilhiex tlaħħaq ma’ integrazzjoni mgħaġġla tas-suq (waħdani), ma’ tibdil teknoloġiku mgħaġġel u ma’ metodi ta’ negozju li jinbidlu.

L-Ewropa trid b'urġenza qafas legali ċar u koerenti għall-protezzjoni ta’ IPR li jkun ta' siwi fis-Seklu 21 - wieħed li jkun jinkorpora l-prinċipji li ġejjin:

- kwalità għolja: L-IPRs għandhom ikunu bbażati fuq livelli ta’ evalwazzjoni iebsa fejn jidħlu t-tiġdid u l-pass ta' inventività. Sistema ta' brevetti ta’ kwalità baxxa hija sors ta’ inċertezza legali u ta' tilwim;

- spejjeż aċċessibbli: il-proċeduri ta’ spejjeż aċċessibbli fir-rigward tal-brevetti, li jikkonċiljaw il-kwalità maċ-ċertezza legali, huma prijorità, speċjalment għall-SMSs;

- konverġenza: interpretazzjoni komuni tal-liġijiet u proċeduri unifikati fil-qorti jsaħħu ċ-ċertezza legali u jnaqqsu l-ispejjeż b'mod sinifikanti;

- bilanċ: bejn li jingħata rikonoxximent lil ideat ġodda ta' siwi u li jiġi żgurat li l-ideat ikunu jistgħu jiċċirkolaw malajr fis-soċjetà ta’ l-informatika dinamika ta’ l-Ewropa.

L-adozzjoni ta’ brevett Komunitarju effiċjenti fir-rigward ta’ spejjeż hija l-pass l-aktar importanti. Sadattant, sabiex titneħħa barriera kbira għall-innovazzjoni, l-Istati Membri u l-Kummissjoni flimkien għandhom ikabbru l-effiċjenza tas-sistema ta’ brevetti eżistenti billi jtejbu l-mezzi tal-litigazzjoni permezz ta’ strument Komunitarju. Il-Kunsill Ewropew għandu jistipula li l-iżblukkar tas-sitwazzjoni f'dan il-qasam huwa prijorità kbira u għandu jinkariga lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex jipproponu soluzzjonijiet fil-limitu ta’ żmien stabbilit minnu. Barra minn dan, il-Kummissjoni bdiet reviżjoni fuq firxa vasta tal-politika ta’ l-IPR b’mod ġenerali, u se tipproponi passi konkreti biex jissawwar qafas modern u bi spiża aċċessibbli qabel il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2007.

Aktar ħeffa fl-istipular ta' standards miftuħa u interoperabbli

Ukoll meta l-ideat jittrasformaw ruħhom fi prodotti kummerċjali, huwa importanti li jkunu ffissati standards Ewropej biex jiġi garantit li prodott jista’ jitqiegħed fis-suq u jkun kompatibbli ma’ applikazzjonijiet oħrajn.

L-istandards jistgħu ifissru s-suċċess jew il-falliment tat-teknoloġiji l-ġodda. Mingħajr l-istandard uniku tal-GSM, li kien intlaħaq qbil dwaru fl-1987 u li kien riżultat ta' R&D iffinanzjat mill-UE, l-Ewropa ma kinitx tikseb il-pożiżżjoni fuq quddiemnett fid-dinja fil-qasam tal-kommunikazzjoni ċellulari.

Madankollu, għal swieq li jimxu ’l quddiem bil-ħeffa, bħal ma huma l-prodotti ta’ teknoloġija għolja, il-proċess li għandna ta’ stipulazzjoni ta’ standards sar wisq kajman – u qed jiġri li, aktar u aktar, l-istandards qed jiġu stabbiliti barra l-Ewropa permezz ta’ entitajiet ad hoc, li fihom kumpaniji Ewropej ftit li xejn ikollhom influwenza. Bħala tweġiba għal dan, il-korpi li jieħdu ħsieb l-istandardizzazzjoni daħħlu modi ġodda, anqas formali, ta’ kif wieħed jista’ jopera, b’tali mod li jkunu jistgħu jintlaħqu ftehimiet aktar malajr iżda li, bħal fil-każ reċenti ta' standards għat-televiżjoni fuq iċ-ċellulari, iwasslu għat-twaqqif ta’ standards differenti li ma jkunux interoperabbli. Dan ifisser li ma jkunx jista’ jiżviluppa suq wieħed, bl-ispejjeż kollha li jirriżultaw għall-utenti u għal dawk li jipproduċu l-apparat u s-servizzi.

Din is-sitwazzjoni ma tistax titħalla tibqa għadejja. Il-Kummissjoni, b'urġenza, sejra tikkonsulta lill-industrija u tressaq proposti li jkunu jippermettu li jiġu żviluppati standards malajr biżżejjed biex dawn ilaħħqu ma’ ċikli innovattivi qosra ħafna filwaqt li jiżguraw interoperabilità sħiħa.

Kundizzjonijiet speċifiċi għas-setturi

Filwaqt li t-titjib fil-kundizzjonijiet ta’ qafas ġenerali jkun ta’ għajnuna għall-kumpaniji kollha biex iwettqu l-innovazzjoni, is-suċċess globali jiddependi wkoll fuq il-ħolqien tal-kundizzjonijiet it-tajba f’setturi speċifiċi.

It-tendenza li hawn bħalissa biex it-teknoloġiji jsiru mingħajr fil, se tiżdied. Mingħajr approċċ konkret komuni Ewropew biex il-firxa tkun immaniġġjata, l-iżvilupp ta’ dawn it-teknoloġiji se jittellef. Fejn jidħlu l-karburanti li jiġġeddu, teknoloġija oħra promettenti, jeħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet biex jiġu solvuti restrizzjonijiet ta’ infrastruttura u ta’ tqassim. Dawn huma każi fejn id-deċiżjonijiet pubbliċi t-tajba jistgħu jqiegħdu lill-industrija Ewropea f’vantaġġ deċiżiv.

F’oqsma oħra, bħal fil-każ ta’ l-effiċjenza tar-riżorsi u l-eko-innovazzjoni, ir-rwol tal-gvernijiet huwa dak li jipprovdu prevedibiltà biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jippjanaw l-investimenti tagħhom. Jistgħu jkunu ta' eżempju billi jiżguraw li l-bini pubbliku tagħhom ikun ta' l-ogħla standard possibbli. Minflok ma jinxtraw prodotti standard minn fuq l-ixkaffa, jistgħu jużaw b’mod intelliġenti l-allokazzjonijiet finanzjarji li għandhom għall-ħruġ ta' offerti pubbliċi billi jitolbu għal soluzzjonijiet innovattivi. Meta jkunu qed jagħmlu hekk, huma jkunu jistgħu joħolqu d-domanda neċessarja għall-iżvilupp ta’, pereżempju, karozzi tal-linja li jużaw l-enerġija b’mod aktar effiċjenti jew inkella ta’ faċilitajiet ta' pproċessar ta’ skart li jkunu sofistikati ħafna.

F’setturi bħal mhuma dawk tas-saħħa u ta' l-edukazzjoni fejn il-gvern innifsu huwa attur ewlieni, hemm lok sinifikanti biex jintuża l-iffinanzjar jew il-prerogattivi ta' organizzazzjoni li għandu biex jiġu promossi applikazzjonijiet innovattivi li jtejbu l-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi. B’mod aktar ġenerali, il-gvernijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod pozittiv l-innovazzjoni billi jimmodernizzaw l-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħħhom, b’mod partikolari permezz ta’ l-użu ta' l-informatika fil-qasam ta’ l-amministrazzjoni.

Fi ħdan l-inizjattiva tagħha biex tippromwovi l-ħolqien ta’ swieq pilota, il-Kummissjoni se tidħol għal xogħol ta’ analiżi settur b'settur - bl-għajnuna ta' esperti minn barra - fl-oqsma li fihom jeżisti l-potenzjal għall-ħolqien ta' domanda għal prodotti u servizzi innovattivi ġodda. Dan ix-xogħol ta’ analiżi jidentifika l-ostakli li jeħtieġ li jitwarrbu u joħloq aċċess għal kif l-aħjar li jintużaw l-istrumenti politiċi pubbliċi sabiex l-applikazzjonijiet promettenti, mis-setturi l-aktar avvanzati sas-setturi aktar tradizzjonali, jistgħu jitwasslu sas-suq u jiksbu suċċess fuq skala globali.

IV. KONKLUżJONI

Il-promozzjoni ta' l-innovazzjoni fiha ħafna lati. Is-suċċess ta’ xi pajjiżi u reġjuni fil-ħolqien ta’ ambjent ġenwinament favorevoli għall-innovazzjoni huwa l-aktar dovut għal deċiżjoni politika konxja li jittieħed approċċ strateġiku għall-innovazzjoni, billi l-politika tkun iffokata fuq sett ċentrali ta’ kundizzjonijiet ta’ qafas u billi jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tagħha tiġi segwita fl-ogħla livelli politiċi possibbli.

Il-Kunsill Ewropew informali ta’ Lahti huwa okkażjoni għall-mexxejja ta' l-Ewropa biex dawn jagħtu gwida ċara f'oqsma konkreti li jistgħu jimbuttaw 'il quddiem l-innovazzjoni fl-Ewropa, biex b'hekk jingħata kontribut lejn l-għanijiet stabbiliti mill-istrateġija mġedda ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi. Mhemmx bżonn li jinħolqu strutturi ġodda. Fi ħdan il-kuntest ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona, f’laqgħat futuri tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, irid ikun żgurat li jkun qed isir progress mgħaġġel dwar dawn il-miżuri.

[1] “Inqiegħdu l-għanijiet fil-prattika: strateġija għall-innovazzjoni fuq bażi wiesgħa għall-UE”, COM (2006) 502 finali, 13/09/06

[2] Per eżempju, fl-2005, 22.8% biss tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol (25-64) kienu kisbu edukazzjoni terzjarja kontra d-39% fl-Istati Uniti u s-37% fil-Ġappun (sorsi: Eurostat, OECD)

[3] Il-mira totali għall-R&D fl-UE għall-2010 hija ta’ 3% (li minnhom 2% mis-settur privat u 1% mis-settur pubbliku)

[4] Il-Lista ta’ Xejriet fil-Politika dwar l-Innovazzjoni fiha 1,340 skema ta’ appoġġ għall-innovazzjoni li qed jintużaw fi 28 pajjiż.

[5] Ara l-Innobarometer 2006 – www.europa-innova.org