52006DC0583

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Il-mobilizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi u privati lejn l-aċċess globali għal servizzi ta' enerġija li jkollhom teknoloġiji aktar kompatibbli mal-klima, prezz raġonevoli u sikuri: Il-Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta’ l-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli {SEC (2006) 1224} {SEC (2006) 1225} /* KUMM/2006/0583 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell 6.10.2006

COM (2006) 583 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Il-mobilizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi u privati lejn l-aċċess globali għal servizzi ta' enerġija li jkollhom teknoloġiji aktar kompatibbli mal-klima, prezz raġonevoli u sikuri: Il-Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta’ l-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli {SEC (2006) 1224}{SEC (2006) 1225}

L-IżVILUPP SOSTENIBBLI – L-ISFIDA AMBJENTALI GLOBALI GħAS-SETTUR TA’ L-ENERġIJA

Il-maġġoranza tal-partijiet tad-dinja ilhom igawdu fażi bla preċedent ta' tkabbir ekonomiku sa minn kmieni fis-snin Disgħin. Mill-1994, il-konsum globali taż-żejt żdied b’20%, u l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija ( IEA ) bassret li se jkompli jiżdied b'1.6% fis-sena[1]. Skond l- IEA , sa l-2030, id-domanda dinjija ta’ l-enerġija mistennija tiżdied b’aktar minn 60%. Biex tintlaħaq din id-domanda hemm bżonn li fis-settur ta’ enerġija, tul il-25 sena li ġejjin, isir investiment stmat ta’ USD 16-il triljun. Ix-xenarju ta’ investiment tas-soltu ma jkunx joħloq biss sfida sinifikanti ta' finanzi, iżda ma jwassalx għal futur sostenibbli, partikolarment għal dak li għandu x'jaqsam ma':

- L-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra: Ikunu jippermetti li l-emissjonijiet tas-CO2 mis-settur ta’ enerġija jiżdiedu bi 62% sa l-2030 meta mqabbel ma’ l-2002, waqt li l-Kapijiet ta’ Stat ta’ l-UE fil-Kunsill tar-Rebbiegħa fl-2005 talbu tnaqqis globali fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra ta’ mill-inqas 15% sa forsi anke 50%, sa l-2050 meta mqabbel ma’ l-1990. Il-mexxejja tal-G8, fl-2005, iddeċidew ukoll li jaġixxu b'riżoluzzjoni u qablu dwar il-Pjan ta' Azzjoni ta’ Gleneagles dwar il-Bidla fil-Klima, l-Enerġija Nadifa u l-Iżvilupp Sostenibbli. It-tranżizzjoni lejn enerġija aktar nadifa għandha tkun iffinanzjata permezz ta’ aktar sforzi kollaborattivi ta’ l-oqsfa ta’ investiment mis-settur pubbliku u privat li jinvolvu l-Bank Dinji u istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali oħra.

- Il-kwalità ta' l-arja : L-urbanizzazzjoni rapida f’ekonomiji emerġenti rriżultat f’livelli għolja ta’ tniġġis ta’ l-arja f’ħafna bliet b'effetti negattivi fuq is-saħħa umana. Pereżempju, skond il-Bank Dinji, iċ-Ċina għandha mnejn tesperjenza 590,000 mewt prematur minħabba t-tniġġis ta’ l-arja urbana li tirriżulta mis-setturi tat-trasport u ta’ l-enerġija. Sabiex ikun hemm inverżjoni ta’ dawn ix-xejriet, hemm bżonn li jkun hemm riabilitazzjoni ta’ l-impjanti ta’ l-enerġija elettrika u bini ineffiċjenti u aktar użu ta' teknoloġiji li ma jarmu kważi l-ebda emissjoni.

- Il-faqar u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali: Huwa stmat li fl-2030, se jkun hemm 1.4 biljun persuna f'pajjiżi li jkunu qed jiżviluppaw li jibqgħu mingħajr enerġija moderna fl-2030, u l-għadd ta’ 2.4 biljun persuna li jużaw il-bijomassa tradizzjonali b'mod mhux sostenibbli għall-għanijiet ta’ tisjir u ta’ tisħin mhux se jonqos. Skond l- IEA , hemm bżonn ta’ investiment addizzjonali smat ta’ USD 655 biljun biex jinkiseb 100% fl-elettrifikazzjoni. Din hija sfida enormi għar-reġjuni li diġà qed jitqabdu biex iżidu l-kapital.

- Is-sigurtà fil-provvista enerġetika: Iktar minn 60% taż-żieda fil-konsum ta’ l-enerġija tkun fil-forma ta’ żejt u gass. Din kieku tkompli żżid id-dipendenza fuq l-importazzjoni mir-reġjuni prinċipali ta’ importazzjoni. Pereżempju, id-dipendenza ta’ l-UE fuq l-importazzjonijiet taż-żejt u tal-gass tkun titla' għal 93% u 81% fl-2030 meta mqabbla ma' 79% u 49%, rispettivament, fl-2004. Għalhekk, il-Kummissjoni riċentement issuġġeriet li timmira lejn livell minimu ta’ taħlita ġenerali ta' l-enerġija fl-UE li tiġi minn użu sikur u sostenibbli ta’ riżorsi b’livell baxx ta’ karbonju. Iċ-Ċina li bħalissa hija bejn wieħed u ieħor awtosuffiċjenti, fl-2030 ikollha timporta 27% mid-domanda tagħha għall-gass. Il-fornimenti taż-żejt u tal-gass mir-Reġjun ta’ Lvant Nofsani u ta' l-Afrika ta' Fuq ikun jiżdied għal 44%.

Huwa ċar li l-bżonn li jiġi żgurat żvilupp sostenibbli, jiġifieri li tintrebaħ il-gwerra kontra l-bidla fil-klima, waqt li fl-istess ħin jitneħħa l-faqar fl-enerġija u jiġu żgurati fornimenti globali ta' l-enerġija, titlob tibdil profond fil-mod kif is-servizzi ta' l-enerġija jiġu provduti u kif jintużaw ir-riżorsi ta' l-enerġija.

Fis-Samit Dinji għall-Iżvilupp Sostenibbli ( WSSD ), il-Kapijiet ta’ Stat qablu biex il-parti ta' l-enerġija rinnovabbli fit-taħlita ta' l-enerġija globali, iżiduha malajr u b'mod sinifikanti. Fid- WSSD , l-UE stabbiliet il-Koalizzjoni ta’ Johannesburg għall-Enerġija Rinnovabbli ( JREC )[2]u l-Inizjattiva ta’ l-Enerġija ta’ l-UE ( EUEI ) biex tassigura li l-impenji msemmija fil-Pjan għall-Implimentazzjoni ta’ Johannesburg ma jibqgħux biss kliem vojta.

L-investimenti fl-enerġija rinnovabbli, u bl-istess mod, l-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija, huma prodotti pubbliċi tipiċi li jipproduċu benefiċċji sostanzjali lokali u globali pereżempju ebda livell jew livell baxx ta' emissjonijiet mill-gassijiet b'effett ta' serra u mit-tniġġis. Jgħinu fit-titjib tas-sigurtà ta’ l-enerġija billi jisfruttaw l-enerġija disponibbli lokalment mir-riħ, mix-xemx, dik ġeotermika jew bijomassa. Iż-żieda fil-penetrazzjoni tat-teknoloġiji ta’ l-enerġija effiċjenti u rinnovabbli se tnaqqas l-impatti ambjentali u tas-saħħa tal-konsum tal-fjuwils fossili u daqstant ieħor ittaffi l-pressjonijiet fuq is-swieq ta’ l-enerġija. Jippromwovu wkoll il-ġenerazzjoni ta' l-impjiegi lokali u tad-dħul, pereżempju permezz tal-provvista ta' l-enerġija għall-użu produttiv, b'mod partikolari f'żoni remoti fejn l-estensjonijiet tax-xibka mhumiex ekonomiċi.

Meta l-benefiċċji tal-'prodotti pubbliċi' jiġu meqjusa, dan ġeneralment jagħti żvolta ekonomika attraenti lil proġetti dwar l-enerġija rinnovabbli u ta’ effiċjenza fl-enerġija, speċjalment f’dawk il-pajjiżi li jkunu qed jiżviluppaw fejn il-produzzjoni ta' l-enerġija hija ġeneralment anqas effiċjenti u tniġġes aktar milli f’pajjiżi industrijalizzati li jkollhom leġiżlazzjoni ambjentali avvanzata. Skond ix-xenarji ta’ l-enerġija alternattiva ta’ l- IEA , aktar dipendenza fuq l-effiċjenza fl-enerġija u fuq l-enerġija rinnovabbli tista' tnaqqas it-tkabbir tad-domanda ta' l-enerġija globali minn 'il fuq minn 60% għal 50%, u dawk ta’ l-emissjonijiet globali minn 62% għal 46%. Tnaqqis fid-domanda futura jista' jwassal għal tnaqqis ta' 15% fil-prezzijiet taż-żejt. Dan xorta ma kienx isolvi l-kwistjonijiet msemmija hawn fuq, iżda jkun pass sinifikanti ‘l quddiem fid-direzzjoni t-tajba. Il-Kummissjoni kkalkolat li fuq medda twila ta’ żmien, it-titjib fl-effiċjenza ta’ l-enerġija u fl-enerġija rinnovabbli jista’ jwassal b’mod effikaċi f’termini ta’ nfiq sa 2/3 mit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet (SEC (2005)180).

Bħala riżultat tal-firxa wiesgħa ta' benefiċċji pubbliċi, l-oqsfa ta’ politika qed jitjiebu u l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija llum huma parti integrali ta' l-aġenda prinċipali dwar l-investiment fl-enerġija u fl-iżvilupp. Illum jistgħu jipprovdu, b'mod sostenibbli, provvista ta’ elettriku bi prezz raġonevoli u provvisti ta’ enerġija mhux elettrika għall-impriżi u għat-trasport lokali, l-aktar fejn il-konnessjoni tax-xibka m’hijiex ekonomika. Off-grid u mini-grids jistgħu jassiguraw enerġija adegwata u ekonomika f’żoni remoti. Tista’ tiġi offruta firxa sħiħa ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi li hija partikolarment rilevanti għal pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jaqdu l-bżonnijiet ta’ l-impriżi u dawk domestiċi.

Minkejja dawn il-vantaġġi, jekk ix-xejriet li hemm bħalissa jkomplu jippersistu, l- IEA tbassar li l-parti ta’ l-enerġija rinnovabbli fl-2030 tibqa' bejn wieħed u ieħor kostanti. Għalhekk, is-somma ta’ ‘l fuq minn USD 16-il triljun li jridu jiġu investiti sa l-2030 tipprovdi opportunità biex jinbena settur ta’ l-enerġija globali sostenibbli li ma jistax jintilef. Bla ebda dubju, il-qofol ta' l-investiment futur fis-settur ta' l-enerġija globali se jkollu jiġi minn sorsi privati. L-isfida għall-politika pubblika hija li jinħolqu l-inċentivi tajbin u ambjent propizju biex jiżguraw li l-investiment privat jiffinanzja l-aċċess għas-servizzi ta’ l-enerġija li huma sodi, bi prezz raġonevoli u sikuri.

Din il-Komunikazzjoni tesplora l-ostakli li hemm bħalissa għall-parteċipazzjoni tas-settur privat, speċjalment f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, fl-użu ta’ teknoloġiji ta’ l-enerġija rinnovabbli u ta’ effiċjenza fl-enerġija. Tipproponi Sħubija bejn is-Settur Pubbliku u dak Privat imsejjaħ il-Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta’ l-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli biex jimmobilizza l-investimenti privati għal benefiċċju tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw pajjiżi u l-ekonomiji fi tranżizzjoni.

OSTAKLI GħALL-MOBILIZZAZZJONI TA' FINANZI SUFFIċJENTI MIS-SETTUR PRIVAT GħALL-INVESTIMENTI FL-EFFIċJENZA TA' L-ENERġIJA U FL-ENERġIJA RINNOVABBLI

L- IEA tbassar li fix-xenarju bażi tagħha li sa l-2010 se jkun hemm bżonn ta’ USD 241 biljun għall-investiment globali fil-ġenerazzjoni ta’ l-enerġija rinnovabbli[3]. Il-bżonn assoċjat għal kapital ta' riskju fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fl-ekonomiji fi tranżizzjoni biss huwa kkalkolat li hu ‘l fuq minn USD 10 biljun (EUR 9 biljun). Bejn wieħed u ieħor, 70% u 40% ta’ l-investiment fil-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku fl-Amerika t’Isfel u fl-Asja, rispettivament, huwa projettat li jkun fis-settur tar-rinnovabbli. [4] Bit-titjib fl-oqfsa ta' politika, l-investituri privati qed isiru dejjem aktar interessati.

Fir-rigward ta’ l-iffinanzjar ta’ l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija, hemm xi żviluppi pożittivi. Il-Bank Ewropew għall-Investimenti (BEI) u investituri internazzjonali oħra rrikonoxxew iż-żieda fil-profitti tal-proġetti dwar l-enerġija rinnovabbli u dan l-aħħar iffissaw miri ambizzjużi dwar l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija. Il-BEI, pereżempju, iffissa mira għalih innifsu biex jinvesti 50% tal-portafoll annwali ta' self tiegħu fl-enerġija fl-UE għal proġetti ta' l-enerġija rinnovabbli. F’April 2005, il-Grupp ta’ Ħidma ta’ l- OECD dwar il-Krediti ta' l-Esportazzjoni u l-Krediti ta' Garanzija, estendew it-terminu minimu ta’ rifużjoni permissibbli għall-investiment fl-enerġija rinnovabbli għal 15 minflok 10 jew 12-il sena. Barra dan, bid-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ta’ Kyoto u bit-twaqqif ta’ prezz tal-karbonju, il-benefiċċji ambjentali ta' proġetti b’teknoloġiji li ma jkollhom l-ebda livell jew livell baxx ta' karbonju, issa jiġu mħallsa. F’pajjiżi li qed jiżviluppaw, proġetti bħal dawn issa jistgħu jirċievu kreditu għat-tnaqqis fl-emissjonijiet taħt il-Mekkaniżmu ta’ Żvilupp Nadif tal-Protokoll. Fis-snin li ġejjin, il-finanzjament tal-karbonju se jipprovdi finanzi addizzjonali għal dawn il-proġetti.

Madankollu, minkejja prospetti inkuraġġanti u ġodda u esperjenza ta’ reġistrazzjonijiet ta’ teknoloġija soda, il-proġetti u impriżi marbuta ma’ l-enerġija rinnovabbli jkomplu jaffaċċjaw diffikultà sinifikanti biex jiġbru finanzjamenti għall-investiment. Il-problema hija kumplessa iżda kkonċentrata l-aktar fuq iż-żona tal-kapital ta' riskju li jipprovdi garanziji importanti għal dawk li jsellfu. Xi wħud mir-raġunijiet prinċipali li ħolqu din il-paraliżi finanzjarja huma:

- Spejjeż inizjali ta’ kapital għall-enerġiji rinnovabbli huma min 3 għal 7 darbiet ogħla milli għall-ġenerazzjoni ta’ fjuwils fossili. Waqt li dawn l-ispejjeż huma kompensati bi spejjeż ħafna aktar baxxi u anqas volatili meta mqabblin mat-teknoloġiji bbażati fuq il-fjuwils fossili, l-investituri fis-settur privat għadhom iqisu l-perjodi ta’ rifużjoni itwal bħala riskjużi wisq u għalhekk mhumiex attraenti.

- Barra mir-reġjun ta’ l-OECD, l-investituri azzjonarji privati qed ifittxu garanziji addizzjonali. Anke r-renditi raġonevoli fil-firxa bejn 6 sa 14% jibqgħu mhux xierqa biex ipattu għar-riskji varji f’ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw.

- It-teknoloġiji ta’ l-enerġija rinnovabbli huma adatti ħafna għal proġetti ta’ investiment ta’ daqs żgħir jew medju. Madankollu, dan iwassal għal spejjeż ta' tranżazzjoni sostanzjalment ogħla meta mqabbla ma’ l-impjanti l-kbar ta’ l-enerġija elettrika għall-fjuwils fossili, u għalhekk dawn kienu anqas interessanti għal fornituri konvenzjonali ta' kapital ta' riskju. Meta l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali jew is-settur privat joffru kapital ta' riskju, huma l-investimenti kbar li l-kundizzjonijiet tagħhom ma jkunux adatti għall-impriżi ż-żgħar jew l-proġetti ta' kapital totali ta' anqas minn EUR 5-10 miljun.

Meta jkunu qed jikkompetu għall-finanzjament azzjonarju privat skars, dawn il-fatturi jpoġġu lill-enerġija rinnovabbli fi żvantaġġ differenti li jirriżulta f’nuqqas ġenerali ta’ finanzjament azzjonarju fis-settur. Il-Bank Dinji riċentement wasal għal konklużjoni simili li 'anke f'ambjent regolatorju mtejjeb u bl-użu ta' strumenti politiċi għat-taffija tar-riskju, l-isfida biex tiġi ffinanzjata ż-żieda fl-ispejjeż u t-tnaqqis ta’ riskju teknoloġiku se tkun sinifikanti’[5]. Madankollu, l-potenzjal għoli tal-proġetti ta' l-enerġija rinnovabbli u ta’ l-effiċjenza fl-enerġija biex jiġġeneraw numru kbir ta’ prodotti ambjentali u soċjo-ekonomiċi pubbliċi, kemm lokalment kif ukoll globalment, jistħoqlu appoġġ pubbliku biex din il-problema finanzjarja tissolva u jiġu provduti inċentivi pubbliċi għall-investituri privati internazzjonali u nazzjonali. Il-gvernijiet se jkollhom jaħdmu id f’id mas-settur privat sabiex jgħelbu l-ostakli finanzjarji pendenti.

Sħubija innovattiva bejn is-settur pubbliku u dak privat: Il-Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta’ l-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli

Għal dawn ir-raġunijiet, din il-Komunikazzjoni tipproponi li twaqqaf Sħubija bejn is-Settur Pubbliku u dak Privat , imsejjaħ il-Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta’ l-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli ( GEEREF ) , biex jimmobilizza l-investimenti privati għal benefiċċju tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-ekonomiji emerġenti, fil-kuntest ta’ programmi internazzjonali biex jippromwovu żvilupp sostenibbli. Is-sħubija proposta se tikkumplimenta l-isforzi li jkunu qed iseħħu biex itejbu l-qafas tal-politika, b’hekk jaċċelleraw l-iżvilupp sostenibbli permezz ta’ l-użu aktar mgħaġġel ta’ teknoloġiji ta’ enerġija effiċjenti u rinnovabbli.

Il-proposta tagħmel użu mill-Inizjattiva tal- Patient Capital Initiative li tnediet mill-Kummissjoni Ewropea fl-2004 fil-kuntest tal- JREC . L-ambitu ta’ dik l-inizjattiva kien immexxi mid-dibattiti fid- WSSD u mill-konferenza internazzjonali ta’ livell għoli tal- JREC fi Brussell. Il-proposta tibni fuq studju tal-fattibilità għall-2004 li analizza alternattivi varji biex tiġi ddisinjata sħubija ta' finanzjament bejn is-settur pubbliku u dak privat. L-istudju tal-fattibilità bbenefika minn kummenti u suġġerimenti li saru minn varjetà tal-partijiet involuti, fost l-oħrajn, il-Grupp tal-BEI, il-Korporazzjoni Finanzjarja Internazzjonali tal-Bank Dinji ( IFC ), il-Bank Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali ( EBRD ), il- Kreditanstalt für Wiederaufbau ( KfW ), UNEP, UNDP, l-Inizjattiva ta’ l-UE għall-Enerġija u sħubiji varji oħra.

Barra dan, il-proposta tibni fuq il- Green Paper ippublikata dan l-aħħar “L-Istrateġija Ewropea għall-Enerġija Sostenibbli, Kompetittiva u Sikura"[6] li fiha l-Kummissjoni tistabbilixxi strateġija integrata biex taffaċċja l-isfidi ta’ l-iżvilupp sostenibbli fis-settur ta’ l-enerġija, speċjalment dawk relatati mal-bidla fil-klima, li jinkludu żieda fid-dimostrazzjoni u fl-użu ta’ teknoloġiji ta’ l-enerġija effiċjenti u rinnovabbli. Sussegwentement, il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2006 talab sabiex jiġi assigurat appoġġ xieraq mill-istrumenti Komunitarji għal soluzzjonijiet ta’ l-enerġija sostenibbli bħal dawn. Fil-kuntest ta’ djalogi ma’ pajjiżi terzi, l-UE għandha wkoll tassumi strateġija aktar proattiva sabiex tassigura li jkun hemm żvilupp sostenibbli billi tippromwovi t-teknoloġiji tar-rinnovabbli u b’emissjonijiet baxxi u effiċjenza fl-enerġija sabiex jgħinu fil-ġlieda globali kontra l-bidla fil-klima, u jtejbu l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi tal-Protokoll ta' Kyoto. Din il-proposta tkompli tibni fuq il-"Prinċipji għall-integrazzjoni ta’ interventi dwar l-enerġija fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp" li ġiet adottata riċentement mill-Kunsill (l-Iżvilupp)[7], l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli ta’ l-UE Mġedda[8], u d-Dokument Konġunt mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-PESK “Politika esterna biex isservi l-interessi ta' l-Ewropa dwar l-enerġija”[9] li kollha kemm huma jisħqu fuq l-importanza li jkun hemm promozzjoni ta’ soluzzjonijiet għall-enerġija nadifa biex jindirizzaw l-isfida tal-bidla fil-klima globali, tal-faqar u ta’ l-iżvilupp sostenibbli.

Minħabba finanzi pubbliċi limitati, il-bżonn li jiġi stabbilit strument innovattiv li jimmassimizza l-influwenza tal-fondi pubbliċi huwa prijorità. Fl-aħħar Komunikazzjoni li tistabbilixxi l-ambitu u l-prijoritajiet għall-Programm Tematiku għall-Ambjent, u l-Ġestjoni tar-Riżorsi Naturali fosthom l-Enerġija, il-Kummissjoni ddikjarat b’mod espliċitu li “il-mekkaniżmi ta’ finanzjament innovattivi u flessibbli jinħtieġu b'urġenza”[10]. Dan huwa wkoll messaġġ prinċipali fil-Ftehim Inter-Istituzzjonali ta’ Ġunju 2006 li jiddikjara li “L-istituzzjonijiet jaqblu li l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ kofinanzjament hija neċessarja sabiex jissaħħaħ l-effett ta’ stimolu tal-baġit ta' l-UE billi jżidu l-inċentiv ta' finanzjament. Dawn jaqblu biex jinkuraġġixxu l-iżvilupp ta’ strumenti finanzjarji multiannwali xierqa li jaġixxu bħala katalizzaturi għall-investituri pubbliċi u privati"[11].

It-titjib ta’ l-aċċess tas-settur privat għall-kapital ta' riskju permezz tal-forniment pubbliku ta' patient capital jidher li huwa l-aktar għażla promettenti għax joffri diversi modi tal-qsim tar-riskju. Il-pubbliku jkun jista’:

- jaċċetta dħul aktar baxx fuq bażi ta' każ b'każ, skond pereżempju r-riskji effettivi li jridu jiġu koperti, u b'hekk jgħollu d-dħul għas-settur privat lejn il-limiti kummerċjali;

- jaċċetta perjodi itwal ta' investiment jew rifużjoni (‘l-ewwel li jidħol – l-aħħar li joħroġ’) biex iqabblu l-investimenti għolja bil-quddiem ma' spejjeż baxxi ta’ tħaddim u ta’ manutenzjoni;

- jaċċetta spejjeż ta’ tranżazzjoni ogħla biex jippermettu li ikunu mmirati impriżi ta’ daqs żgħir u medju u jaqdu l-bżonnijiet għal firxa wiesgħa ta' servzzi ta' appoġġ għall-impriżi, il-kapital inizjali u kapital tat-tkabbir ( seed and grow capital ).

Ipoġġu s-sħubija innovattiva bejn is-settur pubbliku u dak privat fil-prattika

L-għan huwa li jimmobilizzaw l-finanzi pubbliċi u privati li jistgħu jgħinu biex tissolva l-paraliżi finanzjarja għal proġetti u impriżi marbuta ma’ l-enerġija rinnovabbli ekonomika u l-effiċjenza fl-enerġija, speċjalment li jiffukaw fuq il-firda fil-kapital ta' riskju. Dan jista' jinkludi ż-żieda fl-iskemi piloti ta' suċċess. L-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħall-BEI, l- EBRD u l-Bank Dinji, l-investituri fis-settur privat, u intermedjarji finanzjarji oħra diġà bdew jingħaqdu mal-Kummissjoni biex iwaqqfu l- GEEREF . Ġew identifikati possibbiltajiet ta’ ko-investiment inizjali mill-BEI (b'mira partikolari lejn ir-reġjuni ta’ l-Afrika, l-Karibew u l-Paċifiku u l-Mediterran) u mill- EBRD (għal fond reġjonali li jkopri dawk is-swieq fl-Ewropa tal-Lvant li mhumiex fl-UE).

Kif ikun jidher?

Il- GEEREF se jitwaqqaf bħala sħubija globali bejn is-settur pubbliku u dak privat li jieħu l-forma ta’ korp stabbilit skond id-dritt privat b'missjoni għas-settur pubbliku[12]. Dan se jsir fi sħubija mill-qrib ma’ Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali bħall-BEI u l- EBRD . Se toffri għażliet ġodda ta’ qsim ta’ riskju u ta’ kofinanzjament għal varji investituri kummerċjali u dawk li mhumiex kummerċjali, b’mandat ta’ investiment globali. Se jippermetti li jiġu involuti diretturi tal-fond li jkunu awtonomi, u li jaġixxu skond mandat speċifiku stabbilit minn donaturi u investituri. Se jiġu stabbiliti karatteristiċi ta’ monitoraġġ, rappurtaġġ u kontroll ta’ kwalità għolja.

Minflok li jipprovdi l-finanzjament dirett għal gruppi mmirati, il- GEEREF se jkun attiv fil-ħolqien u fil-finanzjament ta’ sotto-fondi reġjonali jew fiż-żieda ta’ inizjattivi simili eżistenti. Dan se jakkomoda speċifikazzjonijiet ta' swieq reġjonali differenti u jinvolvi l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, għarfien esperti lokali flimkien ma’ l-għarfien ibbażat fuq ix-xjenza u biex jinfluwenza l-finanzjament mis-settur privat. L-involviment fi kwalunkwe sotto-fond se jkun suġġett għal kompatibilità ta’ l-istrateġija ta’ investiment tiegħu ma’ dak tal- GEEREF , it-tmexxija soda tiegħu u l-kapaċità ta’ l-implimentazzjoni u l-għoti ta’ proporzjon minimu ta’ kofinanzjament kummerċjali.

Min se jkun sostnut?

Il- GEEREF se jappoġġja l-iżviluppaturi u l- SMEs ta’ proġetti b'enerġija rinnovabbli u b’effiċjenza fl-enerġija. Se jiffoka fuq proġetti taħt l-EUR 10 miljun għax ħafna minn dawn jiġu injorati mill-investituri kummerċjali u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali ( IFIs ). Barra l-proġetti bbażati fuq l-utilità, l-investimenti se jinkludu intermedjarji ta’ impriżi tal-manifattura u ta' l-assemblaġġ, tal-konsumaturi, ta’ l-SME u mikro-intermedjarji finanzjarji.

Liema reġjuni se jkunu koperti?

Il- GEEREF se jappoġġja sotto-fondi reġjonali għall-Afrika Sub-Saħarjana, il-Karibew u l-Istati insulari tal-Paċifiku (reġjun ta’ l- ACP ), il-pajjiżi tal-Viċinat Ewropew (li jinkludu l-Afrika ta’ Fuq u l-Ewropa tal-Lvant li mhijiex fl-UE li tinkludi r-Russja), l-Amerika Latina, u l-Asja (li tinkludi l-Asja Ċentrali u l-Lvant Nofsani)[13]. L-Istrument il-ġdid għall-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp ( Development Cooperation Instrument [DCI]) se jipprovdi l-bażi ġuridika u l- GEEREF se tiġi inkorporata fil-Programm Tematiku għall-Ambjent u l-Ġestjoni Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali fosthom l-Enerġija ( ENRTP ) imwaqqaf f'dak l-Istrument[14]. Il-finanzjament se jkun orjentat lejn is-suq waqt li se tingħata prijorità lill-investimenti f’dawk il-pajjiżi jew reġjuni b’politika ta’ l-enerġija rinnovabbli u ta’ l-effiċjenza fl-enerġija li jwasslu għall-involviment tas-settur privat. Se jkun hemm enfażi speċjali biex jinqdew il-bżonnijiet tal-pajjiżi ta’ l- ACP .

X’tip ta’ appoġġ se jiġi provdut?

Il-biċċa l-kbira tal-Fond se jintuża biex jipprovdi kapital ta’ riskju għal tipi differenti ta’ proġetti ta’ investiment fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza ta’ l-enerġija. Il-kapital se jkun provdut f’termini " patient " li jiflaħ għalihom fejn il-livell ta’ patience se jirrifletti l-grad tal-benefiċċji lokali u globali offrut mis-sotto-fondi u mill-proġetti li hemm taħthom. Il-parteċipazzjoni tal- GEEREF se tvarja minn bejn il-25 sa 50% għal operazzjonijiet ta' riskju minn medju sa għoli u 15% għal operazzjonijiet ta' riskju baxx. Barra dan, il-Fond se jinkludi fondi ta’ assistenza teknika dedikati. Dawn se jammontaw għal 10-20% tad-daqs tal-fond totali li jiddependu fuq il-bżonnijiet effettivi tal-bini tal-kapaċitajiet li wisq probabbli jkun ogħla fl-ekonomiji anqas żviluppati. Permezz ta’ din il-karatteristika, jista’ jintuża għarfien espert tekniku lokali u internazzjonali biex itejbu l-proposti għal proġetti u l-pjanijiet ta' negozju b'mod parallel ma’ l-iżvilupp tal-pjanijiet ta’ investiment. Il-Fond se jsir ‘ one stop shop ’ permezz ta' l-għoti effettiv tal-kapital ta’ riskju kif ukoll ta' l-assistenza teknika. Dan se jnaqqas l-ispejjeż ta’ tranżazzjoni u jtejjeb ir-rendiment ġenerali tal-Fond.

Liema tip ta’ teknoloġiji se jkunu appoġġjati?

L-ambitu ta’ l-investiment se jinkludi taħlita wiesgħa ta’ tipi ta’ proġetti, u ta’ teknoloġiji ta’ l-effiċjenza fl-enerġija u fl-enerġija rinnovabbli. Ladarba hemm attenzjoni għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-ekonomiji emerġenti, l-enfasi se tkun fuq l-użu ta’ teknoloġiji ambjentalment sikuri b'esperjenza teknika ppruvata, waqt li jitqies ukoll l-għarfien ibbażat fuq ix-xjenza li jirriżulta minn tali programmi bħall-Programmi ta' Qafas Komunitarji. L-esperjenza u l-projetazzjonijiet juru li l-proġetti żgħar u tal-bijomassa fihom parti kbira ta' prospetti għal investiment, bir-riħ fuq l-art joffri wkoll potenzjal sinifikanti. Il-ġeneraturi fotovoltajċi jistgħu jibqgħu jiswew ħafna għal pajjiżi bi dħul l-aktar baxx. L-enerġija rinnovabbli għandha mnejn tiddomina l-portafoll ta’ l-investiment. Il-proġetti għall-effiċjenza fl-enerġija se jikkwalifikaw speċjalment fejn ostakli ta’ finanzjament simili għandhom bżonn jiġu riżolti. Il-kombustjoni simultanja ( co-firing ) (pereżempju l-faħam u l- bagasse ), kumpaniji tas-servizzi enerġetiċi, u soluzzjonijiet enerġetiċi oħra żgħar u ta' daqs medju se jkunu eliġibbli wkoll.

X’inhu d-daqs ippjanat tal-Fond?

Il-mira ta’ finanzjament minimu għall- GEEREF huwa ta’ EUR 100 miljun. Din il-mira hija kemm neċessarja biex tħalli impatt sinifikanti fuq livell globali kif ukoll suffiċjenti biex tistabbilixxi sħubija bejn is-settur pubbliku u dak privat li biż-żmien tkun awtonoma.

Jekk jiġi meqjus li jintlaħaq l-ewwel għeluq finanzjarju b’madwar EUR 100 miljun, jista’ jiġi mobilizzat kapital addizzjonali ta' mill-anqas EUR 300 miljun sa EUR 1 biljun permezz ta’ struttura ta' sotto-fond u fil-livell tal-proġett u ta’ l- SMEs . Jekk jitqiesu l-prospetti biex jiġu riċiklati u investiti mill-ġdid il-fondi pubbliċi inizjali, din iċ-ċifra tista’ tikber tul is-snin li ġejjin. L-influwenza tal-fondi tista’ tkun sal-fattur 10. Dan hu konsiderevolment ogħla minn dak għal skemi konvenzjonali bbażati fuq l-għoti ta' flus li jirrikjedu kofinanzjament ta' 50-70%[15]. Huwa previst li jista’ jinkiseb sa EUR 50 miljun ta’ kofinanzjament mill-Faċilità ta’ Investiment taħt id-Disa’ Fond Ewropew għall-Iżvilupp immexxi mill-BEI biex jiġu żviluppati attivitajiet fir-reġjuni ta’ l- ACP . Dan l-istrument il-ġdid jista’ jservi bħala eżempju pożittiv li jista’ jiġi replikat, inkluż minn investituri oħra pubbliċi u privati.

X’inhu l-benefiċċju mistenni?

Ladarba jiġi investit u spekulat bis-sħiħ, il- GEEREF jista’ jġib kważi gigawatt 1 ta' kapaċità ta’ l-enerġija ambjentalment sikura fis-swieq tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dan jista’ jaqdi 3 miljun persuna b’servizzi ta’ l-enerġija sostenibbli, u tissostitwixxi 1-2 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti f’CO2 fis-sena. Il- GEEREF se jwessa' wkoll il-firxa ta' strumenti biex jappoġġjaw b'mod effikaċi l-iżvilupp u t-trasferiment ta' teknoloġiji ambjentalment sikuri bejn l-pajjiżi żviluppati u dawk li għadhom qed jiżviluppaw. Se ssaħħaħ il-kapaċità tal-Komunità li timplimenta l-istrateġiji u l-programmi tematiċi msemmija hawn fuq u tiġġenera sinerġiji mal-Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija, ma’ l-Inizjattivi tat-Teknoloġija Konġunti, u mas-Sħubiji għall-Bidla fil-Klima u l-Enerġija, pereżempju mar-Russja, maċ-Ċina u ma’ l-Indja. Il-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet għall-enerġija nadifa se tiġġenera benefiċċji sostanzjali f'termini ta' kwalità imtejba ta' l-arja interna u ta' l-ambjent u tippromwovi l-ħolqien ta' l-iżvilupp ta’ l-impriżi lokali, ta’ l-impjiegi u tad-dħul.

Konklużjonijiet u l-passi li jmiss

Il-Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu ta’ l-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli propost kif spjegat f'din il-Komunikazzjoni huwa sħubija ġdida bejn is-settur pubbliku u dak privat li tikkumplimenta l-istrumenti ta’ finanzjament tal-Komunità disponibbli. Huwa maħsub speċifikament biex tingħata spinta lill-kapaċità tal-Komunità fl-appoġġ ta' l-implimentazzjoni tal-programmi ta' l-iżvilupp sostenibbli u tat-tneħħija tal-faqar fil-pajjiżi msieħba, u jaċċellera t-trasferiment, l-iżvilupp u t-tixrid ta’ teknoloġiji ambjentalment sikuri. Se jiffaċilita l-kooperazzjoni effiċjenti fost id-donaturi u l-investituri kummerċjali, li jinkludu istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, u fl-aħħar mill-aħħar iħaffef l-assorbiment fis-suq globali ta' teknoloġiji ta’ l-enerġija sostenibbli, sikuri u bi prezz raġonevoli u s-servizzi li joffru. Jipprovdi reazzjoni soda għal bżonn urġenti biex ikun hemm soluzzjonijiet innovattivi ta’ finanzjament pubbliku u privat mitluba mill-Istituzzjonijiet Ewropej.

Il-Kummissjoni Ewropea tilqa’ l-espressjoni inizjali ta’ interess mill- BEI u mill- EBRD biex jagħmlu kofinanzjament ta’ din l-inizjattiva. Hija tistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jipprovdu l-appoġġ politiku tagħhom għal din l-inizjattiva ġdida sabiex dawk il-partijiet interessati pubbliċi u privati jkunu jistgħu jikkonkretizzaw l-espressjonijiet ta’ interess.

Jekk jiġu kkunsidrati r-riskji involuti, il-Kummissjoni Ewropea tagħraf li kontribuzzjoni sinifikati mill-baġit tal-Komunità hija essenzjali biex tagħti impuls inizjali lill-inizjattiva u tħalli lok għal kofinanzjament privat sostanzjali. Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li tikkontribwixxi sa EUR 80 miljun li jkopru l-perjodu 2007-2010 għall- GEEREF fi ħdan il-kuntest tal-Programm Tematiku dwar l-Ambjent u l-Ġestjoni tar-Riżorsi Naturali fosthom l-Enerġija. L-ewwel kontribuzzjoni ta' EUR 15 miljun ġiet proposta li ssir kmieni fl-2007. Il- GEEREF se tkun strutturuata biex tassigura li dawn il-kontribuzzjonijiet jistgħu jiġu rrapurtati fil-rapport ta’ kooperazzjoni tal-kumitat ta' assistenza għall-iżvilupp annwali ( DAC ). Fejn ikun neċessarju, ir-riżorsi umani meħtieġa għal din l-inizjattiva se jkunu koperti minn riżorsi eżistenti, permezz ta’ riallokazzjoni interna.

Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-Istati Membri, lill-Membri taż-ŻEE, u lil istituzzjonijiet finanzjarji u kumpaniji oħra biex jingħaqdu f’din l-inizjattiva globali ġdida.

La din hija strateġija ġdida, is-Servizzi tal-Kummissjoni Ewropea se jkomplu jiżviluppaw l-arranġament dettaljat ta' implimentazzjoni flimkien mat-tim ta' ġestjoni tal-fond, il-BEI u l- EBRD , u oħrajn li jesprimu interess formali lejn il-kofinanzjament ta' din l-inizjattiva. L-Istati Membri u l-Parlament Ewropew se jinżammu infurmati bis-sħiħ dwar l-iżvilupp ta’ din l-inizjattiva.

[1] IEA 2004. World Energy Outlook .

[2] Il-membri fil-JREC mill-2002 żdiedu minn 66 għal 90 gvern li huma impenjati li jżidu b’mod sinifikanti l-parti ta’ l-enerġiji rinnovabbli permezz ta’ kooperazzjoni bbażata fuq miri u skedi biex jiggwidaw l-investimenti. Il-KE, flimkien mal-Marokk, għandha l-presidenza b’mod konġunt tal-Koalizzjoni u tospita s-Segretarjat.

[3] IEA 2003. World Energy Investment Outlook .

[4] Impax Capital Corp. Ltd 2004. The Patient Capital Initiative Feasibility Study .

[5] Bank Dinji. 2006. Clean Energy and Development: ( L-Enerġija Nadifa u l-Iżvilupp:) Towards an Investment Framework. (Lejn Qafas ta’ Investiment.)

[6] COM (2006) 105 tat-8 ta' Marzu 2006.

[7] Dokument tal-Kunsill 8358/06 tal-11 ta' April 2006.

[8] Dokument tal-Kunsill 10117/06 tad-9 ta’ Ġunju 2006.

[9] Dan id-dokument kien ippreżentat fil-Kunsill Ewropew tal-15-16 ta’ Ġunju 2006.

[10] COM (2006) 20, 25.1.2006 u COM (2005) 324, 3.8.2005.

[11] ĠU, C 139 dd. 14.6.2006 pp.1-17 Paragrafu 49.

[12] Kompatibbli mad-dispożizzjonijiet relevanti f’Art. 54 (2) tar-Regolamenti ta’ Finanzjament.

[13] Fir-rigward ta’ pajjiżi koperti mill-Istrument ta’ Qabel l-Adeżjoni, għandhom jiġu żgurati fondi supplimentari minn Strumenti oħra.

[14] Dokument tal-Kunsill 134/06 DEVGEN dd. 20.7.2006.

[15] Għal kalkoli dettaljati, ara s-Sezzjoni 6 tal-valutazzjoni ta’ l-impatt li tappoġġja din il-Komunikazzjoni (SEC(2006) 1224).