52006DC0400

Green Paper dwar il-kunflitti tal-liġijiet fi kwistjonijiet matrimonjali, inkluża b’mod partikolari l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent reċiproku{SEG(2006) 952} /* KUMM/2006/0400 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 17.07.2006

KUMM(2006) 400 finali

GREEN PAPER

DWAR IL-KUNFLITTI TAL-LIĠIJIET FI KWISTJONIJIET MATRIMONJALI, INKLUŻA B’MOD PARTIKOLARI L-KWISTJONI TAL-ĠURISDIZZJONI U R-RIKONOXXIMENT REĊIPROKU

(preżentat mill-Kummissjoni){SEG(2006) 952}

Introduzzjoni

Din il- Green Paper qed tniedi konsultazzjoni wiesgħa dwar il-kwistjonijiet legali li jqumu f’kuntest internazzjonali rigward ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali u l-konsegwenzi ta’ forom oħra ta’ unjoni fuq il-proprjetà. Din tippreżenta d-diversi aspetti tal-kwistjoni li jidher li jinħtieġu li jkun hemm regoli leġiżlattivi fuq livell komunitarju.

Il-Kummissjoni qed tistieden lil dawk kollha interessati biex jibgħatu t-tweġibiet tagħhom, kif ukoll kull kontribut li jħossu li jkun meħtieġ qabel it-30 ta’ Novembru, 2006, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat Ġenerali Ġustizzja, Libertà u Sigurtà

Unità C1 - Ġustizzja ĊiviliB - 1049 BrussellFaks: + 32 (0) 2 299 64 57E-mail: jls-coop-jud-civil@ec.europa.eu

Dawk li jieħdu sehem f’din il-konsultazzjoni għandhom jgħidu ċar jekk huma jkunux iridu li t-tweġibiet u l-osservazzjonijiet tagħhom jiġux ippubblikati fuq is-sit ta’ l-internet tal-Kummissjoni.

LESSIKU

Kompetenza ġudizzjarja internazzjonali: Kompetenza tat-tribunali f’pajjiż partikolari li jiġġudika tilwima internazzjonali.

Kunflitt tal-liġijiet: Stat li fih tnejn jew aktar liġijiet nazzjonali jkunu jistgħu jiġu applikati għal relazzjonijiet (fatti, kuntratti, relazzjonijiet familjari, eċċ.) li jkollhom rabtiet ma’ aktar minn pajjiż wieħed. Ir-regoli dwar il-kunflitti tal-liġijiet jiddeterminaw il-liġi interna l-aktar xierqa biex tirregola r-relazzjoni legali fil-kwistjoni.

Kuntratt taż-żwieġ: Kuntratt konkluż qabel ma’ jiġi ċċelebrat żwieġ, li jsir bil-ħsieb li jiġu regolati r-relazzjonijiet patrimonjali bejn il-konjuġi.

Exequatur : Proċedura li permezz tagħha, sentenza tal-qorti, att awtentiku jew tranżazzjoni ġudizzjarja mogħtija jew ordnati fi Stat wieħed ikunu jistgħu jiġu infurzati fuq it-territorju ta’ Stat ieħor.

Forum: It-Tribunal kompetenti jew li jkun qed jisma’ l-kwistjoni.

Reġim tal-proprjetà matrimonjali: Drittijiet patrimonjali tal-miżżewġin bejniethom ( “matrimonial property rights” ). Ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali jiġbor flimkien ir-regoli legali dwar ir-relazzjoniiet finanzjarji tal-konjuġi bħala konsegwenza taż-żwieġ, kemm bejniethom u ma’ terzi, b'mod partikolari mal-kredituri tagħhom.

Partnership reġistrat: Rabta għall-ħajja bejn żewġ persuni li jgħixu bħala koppja u li jkunu rreġistraw din l-unjoni quddiem awtorità pubblika mwaqqfa b’liġi ta’ l-Istat Membru fejn huma jgħixu. Għall-iskopijiet tal- Green Paper , din il-kategorija tinkludi wkoll ir-relazzjonijiet ta’ koppji mhux miżżewwġin marbuta permezz ta’ “kuntratt reġistrat” tat-tip PACS Franċiż[1].

Unjoni libera (jew koabitazzjoni mhux maritali jew konkubinaġġ): Sitwazzjoni li fiha żewġ persuni jgħixu flimkien b’mod stabbli u kontinwu mingħajr ma din ir-relazzjoni tkun reġistrata quddiem xi awtorità.

L-adozzjoni ta’ strument Ewropew f’dak li għandu x’jaqsam mar-“reġim ta’ proprjetà matrimonjali” diġà kien fost il-prijoritajiet tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Vjenna[2] fl-1998. Il-Programm ta' miżuri dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ċivili u kummerċjali[3] adottat mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fi tmiem is-sena 2000 jistipula l-istabbiliment ta’ strument dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet tar-“reġim tal-proprejtà matrimonjali u l-konsegwenzi tas-separazzjoni ta’ koppji mhux miżżewwġin fuq il-proprjetà” Il-Programm ta’ l-Aja, adottat mill-Kunsill Ewropew ta’ l-4 u l-5 ta’ Novembru 2004, li stabbilixxa bħala l-ewwel prijorità tiegħu l-implimentazzjoni ta’ dan il-Programm ta’ rikonoxximent reċiproku, kif ukoll tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jimplimentah, talbu lill-Kummissjoni tippreżenta Green Paper dwar “il-kunflitti tal-liġijiet fil-qasam tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali, b’mod partikolari rigward il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent reċiproku"[4] [5]

Sabiex l-aspetti kollha patrimonjali tal-liġi tal-familja jkunu eżaminati, il- Green Paper tidħol fi kwistjonijiet li jolqtu l-oqsma tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali u l-konsegwenzi ta’ forom oħra ta’ unjoni li jeżistu fuq il-proprjetà. Fil-fatt, fl-Istati Membri kollha, dejjem aktar qed jiġri li jiffurmaw koppji mingħajr l-ebda rabta matrimonjali. Biex jittieħed kont ta’ din ir-realtà soċjali ġdida, il-Programm ta’ rikonoxximent reċiproku msemmi jistabbilixxi li l-kwistjoni tal-konsegwenzi tas-separazzjoni tal-koppji fuq il-proprjetà għandha tiġi trattata wkoll. Il-qasam tal-ġustizzja għandu fil-fatt iwieġeb għall-ħtiġijiet konkreti taċ-ċittadini.

Iż-żieda fil-mobilità tal-persuni fi ħdan żona mingħajr fruntieri interni wasslet b’mod partikolari għal żieda sinifikanti fil-forom kollha ta’ unjoni bejn ċittadini ta’ Stati Membri differenti jew għall-preżenza ta’ dawn il-koppji fi Stat Membru li m’għandhomx in-nazzjonalità tiegħu, flimkien, ħafna drabi, ma’ l-akkwist ta’ beni li jkunu jinsabu fuq it-territorju ta’ pajjiżi differenti ta’ l-Unjoni. L-istudju preliminari kkummissjonat mill-Kummissjoni fl-2002[6] wera li aktar minn 5 miljun ċittadin barrani, ċittadini ta’ Stati Membri, jgħixu fi Stat Membri ieħor ta' l-Unjoni, hekk kif l-għadd ta’ barranin li mhumiex ċittadini ta’ l-UE li jgħixu fl-Unjoni tela’ fl-2000 għal madwar 14-il miljun persuna. Dan l-istudju jagħmel l-istima li hemm kważi żewġ miljun u nofs proprjetà immobbli li s-sidien tagħhom huma konjuġi li jgħixu fi Stat Membru li mhux il-pajjiż fejn huma residenti. L-istudju ta’ l-impatt[7] tal-Kummissjoni relatat mal-proposta tagħha għal Regolament dwar il-liġi applikabbli u l-kompetenza fil-qasam tad-divorzju, wera li l-għadd ta’ divorzji internazzjonali fl-Unjoni tela għal madwar 170,000 każ fis-sena, li jiġu 16% tal-għadd totali ta’ divorzji.

Ta’ spiss jinqalgħu diffikultajiet prattiċi u legali fil-mument tat-tqassim u/jew tal-ġestjoni tal-patrimonju ta’ dawn il-koppji. Ħafna drabi dawn jinqalgħu minħabba differenza kbira bejn ir-regoli, kemm tal-liġi materjali kif ukoll tal-liġi internazzjonali privata, li tirregola l-konsegwenzi taż-żwieġ u ta’ forom oħra ta’ unjoni fuq il-proprjetà fl-Istati Membri.

IR-REĠIM TAL-PROPRJETÀ MATRIMONJALI

Il-qasam tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali huwa eskluż mill-istrumenti komunitarji adottati s’issa. Barra minn dan, il-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-14 ta’ Marzu 1978 dwar il-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali ma kinitx ġiet ratifikata la minn Franza, la mil-Lussemburgu u lanqas mill-Olanda

Peress li armonizazzjoni tar-regolamenti dwar il-liġi materjali għalissa mhix prevista, din il- Green Paper se tittratta l-kwistjoni fundamentali tar-regoli fejn hemm kunflitt tal-liġijiet. Ġabra fil-qosor tar-regoli ta’ dritt intern fl-Istati Membri tinsab fl-anness ma’ din il- Green Paper .

L-ambitu tar-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet tista’ tkopri, potenzjalment, firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet (il-validità tal-kuntratti, il-likwidazzjoni u t-tqassim tal-proprjetà, eċċ).

Il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni, naturalment, se tiġi indirizzata sabiex tiġi ggarantita l-koerenza bejn ir-regoli futuri u dawk li jkopru l-proċeduri ġudizzjarji fi kwistjonijiet tad-divorzju u s-suċċessjonijiet. Barra minn dan, għandhom jinstabu soluzzjonijiet li jagħtu lok għal għażla awtonoma tal-qorti kompetenti mill-partijiet.

Ħafna drabi, l-aspetti patrimonjali taż-żwieġ jiġu trattati mingħajr kontenzjoni. Biex jiġu simplifikati l-kwistjonijiet għall-prattikanti u biex tiġi offruta tweġiba effettiva lill-problemi prattiċi taċ-ċittadini, ir-rwol u s-setgħat ta’ l-awtoritajiet mhux ġudizzjarji u r-rikonoxximent tad-dokumenti extra-ġudizzjarji mwaqqfa minnhom għandhom jiġu kkunsidrati minn dawn l-awtoritajiet.

Fl-aħħarnett, il-leġiżlazzjoni Ewropea, bla dubju, għandha wkoll tiffaċilita l-ħajja taċ-ċittadini billi tikkunsidra r-reġistrazzjoni tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali fl-Istati Membri.

Ambitu

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003[8] dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2005, ma jkoprix il-konsegwenzi tax-xoljiment taż-żwieġ fuq il-proprjetà.

Il-kwistjonijiet diġà koperti mill-istrumenti legali preċedenti, bħall-obbligi ta’ manteniment, li huma rregolati mir-Regolament (KE) Nru 44/2001[9] dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, fis-seħħ mill-1 ta’ Marzu 2002, u tal-proposta għal Regolament tal-Kummissjoni dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta’ l-obbligi ta’ manteniment[10], għandhom, b'mod loġiku, jiġu esklużi mill-ambitu ta' l-istrument li għandu jitfassal.

Barra minn hekk, ikun xieraq li jiġi verifikat ukoll jekk l-aspetti personali l-oħra taż-żwieġ għandhomx jiġu koperti mill-istrument li għandu jitfassal minħabba li jista’ jkollhom konsegwenzi fuq il-proprjetà tal-koppja (per eżempju d-dritt tar-rappreżentazzjoni bejn il-miżżewġin, il-protezzjoni tad-dar tal-familja, il-kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ħajja miżżewġa, eċċ..).

Is-suġġett tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali huwa ġeneralment meqjus bħala li jinkludi kemm il-konsegwenzi tax-xoljiment taż-żwieġ fuq il-proprjetà kif ukoll dawk li jqumu matul il-ħajja miżżewġa. Għalhekk, matul il-ħajja komuni, id-dejn imġarrab bħala riżultat ta’ atti komuni jew individwali tal-konjuġi għandhom jiġu attribwiti lill-proprjetà komuni jew individwali tagħhom, sabiex il-piż jinqasam kemm bejniethom u ma’ terzi.

Mistoqsija 1: a) L-istrument li għandu jitfassal għandu jinkludi ċerti aspetti personali tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali li mhumiex koperti mill-istrument imsemmi qabel jew għandu jinkludi biss il-konsegwenzi tar-rabta taż-żwieġ fuq il-proprjetà? Jekk iva, ta' liema tip u għaliex? b) L-istrument li għandu jitfassal għandu japplika għall-konsegwenzi ta’ dawn ir-relazzjonijiet fuq il-proprjetài waqt li l-partijiet ikunu għadhom jgħixu flimkien jew inkella meta jisseparaw jew iż-żwieġ jinħall? |

Regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet

Fatturi ta’ rabta u l-għażla tal-liġi applikabbli

Sabiex jitħaffef ix-xogħol tal-prattikanti tal-liġi, ir-regoli futuri għandhom ikunu ta’ natura universali, jiġifieri għandhom jippermettu li l-liġi ta’ Stat Membru jew il-liġi ta' pajjiż terz tkun applikabbli.

Id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali tinvolvi l-identifikazzjoni ta’ fattur wieħed jew iktar li jorbot.

Fl-aħħarnett, se jkun neċessarju li jiġi determinat jekk il-fattur li jorbot magħżul għandux ikun l-istess għall- aspetti kollha tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali koperti mil-liġi applikabbli jew jekk il-kriterji differenti għandhomx jintużaw għal ċerti aspetti tas-sitwazzjoni (“dépeçage”)? Eżempju għal dan huma l-beni immobbli, li l-fattur li jorbot xi kultant magħżul huwa l- lex loci situationis .

Mistoqsija 2: a) Liema fatturi li jorbtu għandhom jintużaw biex tiġi determinata l-liġi applikabbli fi kwistjonijiet tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali? U f’liema ordni ta’ prijorità meta jkun hemm diversi fatturi bħal dawn? (l-ewwel residenza abitwali tal-konjuġi, in-nazzjonalità tagħhom, eċċ? Fatturi li jorbtu oħra?) b) Jekk l-istrument li għandu jitfassal japplika għall-konsegwenzi tar-rabta taż-żwieġ fuq il-proprjetà, għandhom jiġu kkunsidrati l-istess kriterji għall-ħajja taż-żwieġ u għall-mument tax-xoljiment? Mistoqsija 3: Għandhom jintużaw l-istess fatturi li jorbtu għall-aspetti kollha tas-sitwazzjoni koperti mil-liġi applikabbli, jew jistgħu jintużaw fatturi differenti għal aspetti differenti (dépeçage”)? Jekk iva, liema huma s-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati? |

Barra minn dan, għandu jkun hemm riflessjoni biex tinstab soluzzjoni f’każijiet meta l-fatturi li jorbtu magħżula mir-regola tal-kunflitt (bħar-residenza) jinbidlu jew jiċċaqalqu maż-żmien. Il-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-14 ta’ Marzu 1978, per eżempju, tippermetti li l-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali tinbidel awtomatikament meta l-konjuġi jibdlu r-residenza jew in-nazzjonalità (Artikolu 7), jekk ma jkunux għażlu huma stess il-liġi applikabbli jew itemmu kuntratt taż-żwieġ. Il-konsegwenzi tal-bidla tal-liġi applikabbli fuq ir-reġim tal-proprejtà matrimonjali jista' jkollhom jew jista' ma jkollhomx effett retroattiv, skond is-soluzzjonijiet nazzjonali.

Mistoqsija 4:

Il-bidla awtomatika tal-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali għandha tkun permessa fil-każ li jinbidlu ċerti fatturi li jorbtu, bħar-residenza abitwali tal-konjuġi?)

Jekk iva, din il-bidla jista’ jkollha effett retroattiv?

L-awtonomija tal-volontà tal-partijiet

Il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri jippermettu li l-konjuġi jagħżlu l-liġi applikabbli fi kwistjonijiet tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali. Jekk wieħed jikkunsidra din l-għażla fi strument li għandu jitfassal, ovvjament għandu jkun previst għadd ta’ fatturi li jorbtu, partikolarment dawk li jinvolvu rabta effettiva mal-konjuġi (per eżempju: il-liġi ta' l-Istat tar-residenza abitwali jew in-nazzjonalità ta’ wieħed mill-konjuġi, eċċ). Barra minn dan, għandu jiġi eżaminat jekk l-għażla tal-liġi applikabbli għandhiex tkun soġġetti għal formalitajiet u, fejn ikun hemm bżonn, liema formalitajiet.

Tqum ukoll il-mistoqsija dwar jekk dan il-ftehim bejn il-konjuġi għandux ikun soġġett jew le għal limitu fiż-żmien, biex ikun applikabbli biss fl-avveniment tas-separazzjoni tal-koppja jew ukoll meta l-partijiet ikunu għadhom jgħixu flimkien. F’dan il-każ, wieħed għandu jara li d-drittijiet ta’ terzi ma jkunux kompromessi.

Mistoqsija 5: a) Għandha tiġi ammessa l-possibbiltà lill-konjuġi li jagħżlu l-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali? Jekk iva, liema fatturi li jorbtu għandhom jiġu kkunsidrati biex tkun permessa din l-għażla? b) Għandha tkun permessa l-għażla multipla fejn xi assi jkunu regolati minn liġi waħda u assi oħrajn minn liġi oħra? c) Għandu jkun possibbli li ssir jew tinbidel din l-għażla fi kwalunkwe ħin, qabel jew matul iż-żwieġ jew fi żmien speċifiku biss (fiż-żmien tax-xoljiment taż-żwieġ)? d) F’dan il-każ, jekk tinbidel il-liġi applikabbli, il-bidla għandu jkollha effett retroattiv? |

Mistoqsija 6:

Ir-rekwiżiti formali għal dan il-ftehim għandhom jiġu armonizzati?

Regoli dwar il-ġurisdizzjoni

Ġurisdizzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji

L-Istati Membri adottaw varjetà wiesgħa ta’ kriterji biex jiddeterminaw il-ġurisdizzjoni internazzjonali rigward ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali.

Għandu jittieħed kont tar-regoli komunitarji eżistenti, partikolarment tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 diġà msemmi li jirregola ċerti effetti personali taż-żwieġ. Barra minn dan, meta jiġu kkunsidrati l-interessi milqutin mill-istrument li għandu jitfassal, huwa xieraq li tinżamm ċertu koerenza bejn ir-regoli tal-ġurisdizzjoni u r-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet, u għandha tiġi provduta l-għażla tat-tribunal mill-konjuġi.

Mistoqsija 7: a) F’każ ta’ xoljiment tar-reġim permezz tad-divorzju u f’każ ta’ separazzjoni, l-imħallef kompetenti f’dawn il-kwistjonijiet, skond ir-Regolament Nru 2201/2003, għandu jkollu wkoll ġurisdizzjoni li jiddeċiedi dwar il-likwidazzjoni tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali? b) F’każ ta’ suċċessjoni, l-imħallef kompetenti fi kwistjonijiet ta’ tilwim dwar is-suċċessjoni, għandu jkollu wkoll ġurisdizzjoni li jiddeċiedi dwar il-likwidazzjoni tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali? |

Mistoqsija 8: a) Jekk le, liema regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali għandhom jiġu adottati, partikolarment għall-kwistjonijiet ta’ natura patrimonjali li jinqalgħu matul il-ħajja tal-koppja (eż: donazzjonijiet bejn il-konjuġi, kuntratti bejn il-konjuġi)? b) Għandu jiġi previst kriterju uniku ġenerali jew inkella diversi kriterji alternattivi kif inhu stipulat fir-Regolament Nru 2201/2003 (eż: ir-residenza abitwali, in-nazzjonalità komuni)? |

Mistoqsija 9: a) Huwa possibbli li qorti waħda jkollha l-ġurisdizzjoni fuq it-tipi kollha ta’ beni, mobbli u immobbli, anke meta jkunu fuq it-territorju ta’ diversi Stati Membri? b) Meta jkun hemm parti terza għat-tilwima, ir-regoli tal-liġi komuni għandhom japplikaw? |

Mistoqsija 10: Huwa possibbli li l-partijiet ikunu jistgħu jagħżlu l-qorti kompetenti? Jekk iva, fuq il-bażi ta’ liema regoli? |

Mistoqsija 11: Ikun utli li jiġi permess it-trasferiment ta’ każ minn qorti ta’ Stat Membru wieħed għal qorti ta’ Stat Memru ieħor f’dan il-qasam? U jekk iva, fuq liema kundizzjonijiet? |

Ġurisdizzjoni ta’ l-awtoritajiet mhux ġudizzjarji

Meta titqies l-importanza tal-funzjonijiet eżerċitati mill-awtoritajiet mhux ġudizzjarji f’dan il-qasam (bħan-nutara u l-avukati), jista’ jkun utli li l-kwistjoni tiġi riżolta bil-kompetenza tagħhom. Għandu wkoll jiġi eżaminat jekk il-koppji jistgħux iwettqu ċertu formalitajiet ma’ l-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, anke jekk awtorità ta’ Stat Membru wieħed tkun ġiet magħżula bir-regola ta’ ġurisdizzjoni prinċipali.

Mistoqsija 12: Għandu jkun hemm regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni ta’ l-awtoritajiet mhux ġudizzjarji?Jekk iva, għandhom jiġu applikati kriterji ta’ ġurisdizzjoni bħal dawk applikabbli għall-awtoritajiet ġudizzjarji? Għal dan il-għan, id-definizzjoni wiesgħa ta’ “ġurisdizzjoni” fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003, tista’ tittieħed bħala punt tat-tluq? |

Mistoqsija 13: L-awtorità responsabbli għal-likwidazzjoni u t-tqassim tal-proprjetà għandu jkollha s-setgħa li taġixxi meta parti mill-proprjetà tkun tinsab barra t-territorju li fih teżerċita s-setgħat tagħha? |

Mistoqsija 14: Jekk le, għandu jkun hemm dispożizzjoni li abbażi tagħha ċertu formalitajiet ikunu jistgħu jseħħu quddiem l-awtoritajiet ta’ Stat Membru li ma jkunx dak magħżul bir-regola prinċipali tal-kunflitt tal-ġurisdizzjoni? |

Regoli ta’ rikonoxximent u infurzar

Rikonoxximent u infurzar tas-sentenzi

Billi jiġu stabbiliti regoli uniformi dwar il-liġi applikabbli u l-ġurisdizzjoni, l-istrument li għandu jitfassal għandu jippermetti livell għoli ta’ fiduċja reċiproka sabiex il-miżuri intermedjarji għar-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi jkunu jistgħu jitneħħew.

Mistoqsija 15: L-istrument Ewropew li għandu jitfassal għandu jneħħi l-exequatur tas-sentenzi mogħtija fl-ambitu tiegħu? Jekk le, liema raġunijiet għan-non-rikonoxximent tas-sentenzi għandhom jiġu previsti? Mistoqsija 16: Jista’ jkun hemm dispożizzjoni li abbażi tagħha s-sentenzi mogħtija fi Stat Membru wieħed rigward il-konsegwenzi taż-żwieġ fuq il-proprjetà jiġu awtomatikament rikonoxxuti sabiex jippermettu l-aġġornament tar-reġistru tal-proprjetà mingħajr iktar proċeduri fi Stati Membri oħra? L-Artikolu 21(2) tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003, jista’ jittieħed bħala ispirazzjoni? |

Rikonoxximent u infurzar ta’ atti mhux ġudizzjarji

Meta jitqies ir-rwol prinċipali ta’ l-awtoritajiet mhux ġudizzjarji, ikun xieraq ukoll li jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent ta’ l-atti stabbiliti minnhom.

Mistoqsija 17: Rigward ir-rikonoxximent u l-infurzar, jistgħu l-istess regoli li japplikaw għas-sentenzi jiġu applikati għal atti stabbiliti minn awtoritajiet mhux ġudizzjarji, bħalma huma l-kuntratti taż-żwieġ? Jekk le, liema regoli għandhom japplikaw? |

2.5 Reġistrazzjoni u riklamar tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali

Ikun xieraq li titjieb it-tnedija tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali fl-Unjoni, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali għall-partijiet kollha kkonċernati, partikolarment għall-kredituri. Huwa mixtieq ukoll li l-konjuġi jiġu eżentati mill-obbligu li jġeddu l-formalitajiet ta’ tnedija dwar il-bidliet li jolqtu r-reġim ta’ proprjetà matrimonjlai tagħhom kull darba li jbiddlu r-residenza tagħhom.

Mistoqsija 18: Kif tista’ titjieb ir-reġistrazzjoni tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali fl-Unjoni? Per eżempju, għandha tiġi prevista l-adozzjoni ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni fl-Istati Membri kollha? U kif għandha titwassal l-informazzjoni ta’ din is-sistema lill-persuni interessati? |

Forom oħra ta’ unjoni

Iż-żieda sinifikanti ta’ l-għadd ta’ koppji mhux miżżewġin fl-Istati Membri hija riflessa fiż-żieda korrispondenti fl-għadd ta’ sitwazzjonijiet legali internazzjonali li jkollhom jiffaċċjaw. Il-liġi tal-Komunità diġà tindirizza r-responsabilità tal-ġenituri fuq it-tfal ta’ dawn il-koppji mhux miżżewġin permezz tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 u r-responsabilitajiet ta’ l-obbligi ta’ manteniment permezz tar-Regolament (KE) Nru 44/2001.

Partnership reġistrat

Iktar u iktar Stati Membri jipprovdu għal kuntratti u partnerships reġistrati quddiem awtorità pubblika[11]. Għalhekk, din il-kwistjoni hija ta’ interess partikolari għal dawn l-Istati iżda wkoll għal oħrajn, li jistgħu jiffaċċjaw diversi problemi legali f’każ ta’ xoljiment ta’ dawn ir-relazzjonijiet reġistrati, marbutin, per eżempju, mal-preżenza ta’ wieħed mill-imsieħba jew mal-beni ta’ dawn l-imsieħba fuq it-territorju tagħhom.

Regoli tal-kunflitt tal-liġijiet

Fil-biċċa l-kbira, ir-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali ma ġewx trasposti għal forom oħra ta’ unjoni eżistenti. Għandhom jinstabu kriterji differenti għall-konsegwenzi tal- partnerships reġistrati fuq il-proprjetà.

Mistoqsija 19:

a) Għandu jkun hemm dispożizzjoni għal regoli speċifiċi ta’ kunflitt għall-konsegwenzi tal-partnerships reġistrati fuq il-proprjetà?

a) Il-liġi applikabbli għall-konsegwenzi tal-partnerships reġistrati fuq il-proprjetà għandha tkun il-liġi tal-post fejn huwa rreġistrat il-partnership? Liġijiet oħra?

c) Il-liġi magħżula għandha tirregola l-oqsma kollha kkonċernati jew għandhom jintużaw kriterji oħrajn, bħal per eżempju l- lex loci situationis ?

Ġurisdizzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji

Ftit Stat Membri adottaw regoli speċifiċi ta' ġurisdizzjoni rigward il-konsegwenzi patrimonjali tal-koppji mhux miżżewġin. Ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 mhuwiex applikabbli għax-xoljiment ta’ partnerships reġistrati li ma jaqgħux fl-ambitu tiegħu. Ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 li ma japplikax għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali, jista’ japplika f’ċertu każijiet ta’ konsegwenzi ta’ partnership reġistrat fuq il-proprjetà.(eż: tilwim kuntrattwali jew mhux kuntrattwali).

L-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ reġistrazzjoni tal-partnership għandhom ġurisdizzjoni biex itemmu l-partnership reġistrat fuq it-territorju tagħhom. Għalhekk, jista’ jkun utli li jiġu ddeterminati l-awtoritajiet li għandhom ġurisdizzjoni biex jaġixxu, per eżempju fil-mument tas-separazzjoni, dwar it-tqassim ta’ l-assi ta’ koppja li għandha statut ta’ partnership reġistrat barra mill-pajjiż.

Mistoqsija 20:

Għandu jkun hemm regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali li jirregolaw il-konsegwenzi ta’ partnership reġistrat fuq il-proprjetà?

Jekk iva, liema regoli? Esklussivament il-qorti tal-post ta’ reġistrazzjoni tal-partnership (li jkollha ġurisdizzjoni biex ixxolji l-partnership)? Jew inkella bbażati wkoll fuq kriterji oħrajn bħar-residenza abitwali tad-difensur jew ta’ wieħed mill-imsieħba fil-forum, jew in-nazzjonalità ta’ wieħed mill-imsieħba?

Rikonoxximent u infurzar tad-deċiżjonijiet dwar il-partnership reġistrat

Xi Stati Membri jippermettu r-rikonoxximent tax-xoljiment tal-partnership reġistrat skond ir-regoli ġenerali tar-rikonoxximent jew skond dawk applikati għad-deċiżjonijiet taż-żwieġ (eż. il-Ġermanja u l-pajjiżi Nordiċi).

Mistoqsija 21:

Skond liema regoli s-sentenzi mogħtija fi Stat Membru rigward il-konsegwenzi ta’ partnership reġistrat fuq il-proprjetà għandhom jiġu rikonoxxuti fl-Istati Membri kollha?

Unjoni de facto

Il-biċċa l-kbira tal-liġijiet nazzjonali għandhom ċertu regoli stipulati bl-istatut jew fil-ġurisprudenza dwar il-koppji li la huma miżżewġin u lanqas m’għandhom partnership reġistrat. Fit-teorija, fin-nuqqas ta’ regoli speċifiċi, ir-regoli tal-kunflitt applikabbli għall-kuntratti (il-Konvenzjoni ta’ Ruma ta’ l-1980 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali) u għar-responsabilità ċivili jew, ġeneralment, il-liġi tal-pajjiż fejn ikun seħħ id-dannu, għandhom japplikaw.

Regoli tal-kunflitt tal-liġijiet

Mistoqsija 22:

a) Għandu jkun hemm regoli ta’ kunflitt speċifiċi għar-relazzjonijiet patrimonjali li joħorġu minn unjoni de facto (unjoni libera jew koabitazzjoni mhux formali)?

b) Jekk iva, liema regoli?

c) Jekk le, għandu jkun hemm, għall-inqas, regoli speċifiċi għall-effetti tas-separazzjoni ta' dawn l-unjonijiet b’rabta ma’ partijiet terzi (responsabilità rigward terzi għad-djun ta’ dawn il-koppji, drittijiet li jistgħu jeżerċitaw il-membri tagħhom kontra parti terza (eż: assigurazzjoni għall-ħajja...)?

d) Rigward il-beni immobbli, għandha tiġi applikata l- lex loci situationis esklussivament?

Ġurisdizzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji, rikonoxximent u infurzar tas-sentenzi

Il-liġi dwar dawn il-punti mhijiex żviluppata ħafna, u r-regoli komuni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali ġeneralment japplikaw, li jfisser li r-Regolament (KE) Nru 44/2001 jista’ jirregola ċertu tilwim dwar proprjetà bejn il-membri ta’ dawn il-koppji.

Mistoqsija 23:

Għandu jkun hemm regoli speċifiċi dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent tar-relazzjonijiet patrimonjali li jirriżultaw minn unjoni de facto?

Anke jekk il-mistoqsijiet 22 u 23 jkunu negattivi, b’rispett lejn iċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali għaċ-ċittadin u l-prattikant, madankollu għandu jkun utli li r-regoli mxerrdin, li diġà japplikaw għall-konsegwenzi tas-separazzjoni ta’ dawn il-koppji fuq il-proprjetà (eż. assi komuni, l-akkomodazzjoni, ...) fis-sitwazzjonijiet internazzjonali, jingħaqdu fl-istrument li għandu jitfassal.

[1] Ara l-Istudju dwar ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali ta’ koppji miżżewwġa u l-patrimonju ta’ koppji mhux miżżewwġin fid-dritt internazzjonali privat u d-dritt intern ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni, tat-30 ta’ April 2003, Consortium ASSER-UCL, mitlub mill-Kummissjoni, paġni 206 u ta’ wara, http://europa.eu.int/comm/justice_home/doc_centre/civil/studies/doc_civil_studies_en.htm

[2] ĠU C 19, 23 ta’ Jannar 1999.

[3] ĠU C 12, 15 ta’ Jannar 2001.

[4] Il-Programm ta’ l-Aja, imsejjaħ “Insaħħu l-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni Ewropea”, fil-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ l-4 ta’ Novembru 2004.

[5] Il-Programm ta’ l-Aja, msejjaħ “Insaħħu l-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni Ewropea”, fil-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ l-4 ta’ Novembru 2004. ĠU C 198, 18/08/2005, p. 1.

[6] Ara n-nota preċedenti nru 1.

[7] Dan l-istudju ta’ l-impatt se jiġi ppubblikat fl-istess ħin ma’ l-adozzjoni ta’ din il-proposta mill-Kummissjoni.

[8] ĠU L 338, 23.12.2003, p.1

[9] ĠU L 12, 16.01.2001, p. 1

[10] COM (649) 2005 FINALI, 15.12.2005; 2005/0259 (CNS)

[11] Dawn l-Istati huma d-Danimarka (1989), l-Iżvezja (1994), l-Olanda (1998), il-Belġju u Spanja, Franza (1999), il-Ġermanja (2000), il-Finlandja (2001), il-Portugall, il-Lussemburgu (2004) u r-Renju Unit (2005).