52006DC0326

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - rapport Annwali 2006 dwar il-Politika ta’ l-Iżvilupp tal-Komunità Ewropea u l-Implimentazzjoni ta’ l-Għajnuna Esterna fl-2005 {SEK(2006) 808} /* KUMM(2006) 326 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 22.6.2006

KUMM(2006) 326 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rapport Annwali 2006 dwar il-Politika ta’ l-Iżvilupp tal-Komunità Ewropea u l-Implimentazzjoni ta’ l-Għajnuna Esterna fl-2005 {SEK(2006) 808}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rapport Annwali 2006 dwar il-Politika ta’ l-Iżvilupp tal-Komunità Ewropea u l-Implimentazzjoni ta’ l-Għajnuna Esterna fl-2005

WERREJ

1. Lejn l-ilħuq ta’ l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju 4

1.1. L-UE tistabbilixxi l-miri tagħha b’Appoġġ lejn is-Samit tan-NU 'Millennju + 5' 4

1.2. Viżjoni Ewropea ta’ Żvilupp 5

2. Strateġija ta’ Partenarjat 6

2.1. Kooperazzjoni mal-Balkani tal-Punent 6

2.2 Il-Politika tal-Viċinat ta’ l-UE 6

2.3 L-‘Ispazji Komuni’ mar-Russja 7

2.4. L-eqdem partenarjat: L-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku 7

2.5 Insaħħu l-partenarjat ma’ l-Amerika Latina 8

3. Dmiensjoni dejjem aktar politika 8

3.1. Strumenti biex jiġu promossi d-demokrazija u d-Drittijiet Umani 8

3.2. Il-ħolqien ta’ qafas għad-djalogu politiku 9

3.3. Kwistjonijiet ta’ migrazzjoni u kenn politiku fil-kwadru tal-politika ta' l-iżvilupp 9

4. Għajnuna akbar, aħjar u aktar malajr - L-Ewropa twassal 10

4.1. Il-kwistjoni ta’ l-effettività ta’ l-għajnuna 10

4.2. Evalwazzjoni 11

4.3. Kwistjonijiet ta’ amministrazzjoni 11

4.4. Riżultati 12

Introduzzjoni

L-Unjoni Ewropea hija l-akbar kontribwent ta’ għajnuna għall-iżvilupp fid-dinja, is-sieħeb ewlieni fil-kummerċ għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u attur prinċipali fid-djalogu politiku. Fl-2005, l-UE impenjat ruħha li sa l-2010 tirdoppja l-livell preżenti ta’ Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp ( Official Development Assistance - ODA).

F’termini ta’ għoti ta’ għajnuna għall-iżvilupp, l-2005 kienet sena rekord għall-Kummissjoni Ewropea: Intefqu €6.2 biljun – aktar mill-€5.7 biljun fis-sena preċedenti. Għal darb’oħra dan juri li l-Kummissjoni, li tamministra madwar għoxrin fil-mija tal-flussi totali ta' għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp ta’ l-UE, tista’ tonora l-impenji tagħha b’mod effettiv u malajr, biex b’hekk il-flus jilħqu lil dawk li jkollhom bżonnhom. Ir-riżultati juru l-valur tar-riformi mnedija fl-2000 biex jitjieb il-mod kif tintefaq l-għajnuna li l-Kummissjoni tagħti lil pajjiżi terzi. Dan, flimkien ma' l-attivitajiet ta' l-UE b'rispons għal diżastri naturali bħat-tsunami u t-terremot fil-Pakistan, jixhed il-fatt li l-Kummissjoni qegħda ssir dejjem aktar partner affidabbli.

L-għanijiet ġenerali tal-politika ta’ l-iżvilupp tal-Komunità Ewropea u ta’ l-għajnuna esterna huma stabbiliti fit-Trattat (Art. 177).

F’dan il-qafas legali, fl-Istrateġija ta' Politika Annwali (SPA) tagħha għall-2005[1] il-Kummissjoni stabbilixxiet l-għanijiet speċifiċi ta’ rilevanza partikolari għall-politika ta’ l-iżvilupp u l-għajnuna esterna. Fl-2005 hija għażlet li tiffoka fuq dan li ġej:

- Il-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni fil-Balkani;

- L-implimentazzjoni ulterjuri tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, b'mod partikolari permezz tal-Pjanijiet ta' Azzjoni;

- Il-ħolqien ta’ l-erba’ ‘Spazji Komuni’ mar-Russja;

- Il-kontribut fir-rikostruzzjoni ta’ l-Iraq;

- Ir-reviżjoni u ż-żieda tal-kontribut ta’ l-UE għall-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju;

- Il-Fond tal-Paċi għall-Afrika li sar operattiv;

- It-tnedija ta’ Fond ta’ l-UE għall-Ilma.

Biex jintlaħqu l-għanijet ta’ l-SPA, il-Kummissjoni kienet ippjanat ukoll li tikkonkludi u tiffirma Ftehim ta’ Cotonou rivedut. Dan l-għan, flimkien ma’ l-implimentazzjoni tal-Fond għall-Paċi u l-enfasi fuq l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju, saħħaħ l-attenzjoni fuq l-Afrika bħala l-prijorità ewlenija għall-2005.

Dawn l-għanijiet orjentaw l-azzjonijiet u l-programmi ta’ finanzjament imwettqa fl-2005. Dawn l-azzjonijiet jissemmew b'mod estensiv fir-Rapport Annwali.

Minbarra dan ir-rekord ġenerali, il-punti fokali għall-politika ta’ għajnuna u żvilupp tal-KE fis-sena 2005 kienu ċċentrati fuq ħames kwistjonijiet ewlenin:

- Matul it-tħejjija tas-Samit tan-NU “Millennju + 5” f’Settembru 2005, l-UE ġeddet ukoll l-impenn tagħha fir-rigward ta’ l- ilħuq ta’ l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju u qablet dwar strateġija komuni għall-iżvilupp. L-UE intrabtet b’impenji sodi li taċċellera l-progress lejn l-ilħuq ta’ l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju, billi tikkonċentra fuq: għajnuna akbar u aħjar, ittejjeb il-koerenza fil-politika dwar l-iżvilupp, u tkattar l-isforzi ta’ appoġġ għall-Afrika.

- Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni approvaw dikjarazzjoni dwar il-politika ta’ l-iżvilupp bejn it-tliet partijiet, il-‘Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp’, ikkumplimentata minn strateġija ta’ l-UE għall-Afrika. Il-problemi speċifiċi ta’ l-Afrika, b’mod partikolari 'l isfel mis-Sahara, jirrikjedu rispons xieraq. Din l-istrateġija mmirata għandha tgħin biex l-isforzi ta’ l-UE jħaffu l-pass fl-implimentazzjoni ta’ l-appoġġ għall-Afrika, f’termini kemm ta’ kwantità kif ukoll ta’ kwalità.

- L-UE kompliet tiżviluppa l- istrateġija ta’ partenarjat tagħha: hija qegħda toffri lill-pajjiżi qafas għar-relazzjoni tagħhom ma’ l-UE li jkun kollaborattiv u adattat għas-sitwazzjoni tagħhom. Fl-2005 saru passi kbar fit-tisħiħ ta’ dawn il-partenarjati mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, ir-Russja, l-Amerika Latina u l-pajjiżi ta’ l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (AKP).

- Id- dimensjoni politika ta’ l-għajnuna esterna kienet fundamentali, kemm jekk kienet tirrikjedi li l-għajnuna tintuża bħala mezz lejn id-djalogu politiku u kemm jekk biex tiffinanzja azzjonijiet speċifiċi li l-għan tagħhom kien li jissaħħaħ l-istat ta' dritt u r-rispett tad-Drittijiet Umani.

- Fl-2005 il-Komunità żammet l-impenn tagħha lejn għoti ta' għajnuna aħjaru aktar malajr. Id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi, iffirmata mill-Istati Membri ta’ l-UE u l-KE fl-2005, kienet kontribut siewi f'dan il-qasam u l-benefiċċji tagħha għandhom jibdew jidhru f'qasir żmien.

1. LEJN L-ILħUQ TA’ L-GħANIJIET TA’ ŻVILUPP TAL-MILLENNJU

1.1. L-UE tistabbilixxi l-miri tagħha b’Appoġġ lejn is-Samit tan-NU 'Millennju + 5'

Is-sena 2005 rat sensiela ta’ passi kbar mill-komunità internazzjonali biex tindirizza l-isfida tal-ġlieda kontra l-faqar dinji billi tniedi mill-ġdid b’mod attiv l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju. L-UE kellha rwol prinċipali fis-Samit Dinji tan-NU f’Settembru 2005, kemm f’termini ta’ impenji politiċi kif ukoll finanzjarji.

Bi tħejjija għas-Samit, fuq il-bażi ta’ proposti mill-Kummissjoni, l-Unjoni Ewropea qablet fuq numru ta’ miżuri biex iħaffu l-progress lejn l-ilħuq ta' l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju li l-għan tagħhom hu li jnaqqsu l-faqar estrem fid-dimensjonijiet ewlenin kollha tiegħu. Dawn iffurmaw il-bażi għall-kontribut Ewropew fis-Samit tan-NU, u kienu jikkonsistu fi tliet elementi prinċipali:

Żieda sostanzjali fil-kwantità u l-kwalità ta’ l-għajnuna mill-UE

L-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) mill-25 Stat Membru fl-2005 laħqet it-total ta’ €43 biljun. L-UE qablet li tkompli żżid il-baġit ta' ODA tagħha lilhinn mill-impenji li saru f'Monterrey - 0.39% tad-DGN fl-2006 – biex b’hekk għall-2010 wegħdet mira ġdida ta’ minimu interim għal kull Stat Membru ta’ 0.51% tad-DGN (0.17% għall-Istati Membri l-ġodda) sabiex tilħaq il-mira ta’ 0.7% iffissata min-NU għall-2015. Dan ifisser li fl-2010 l-isforz kollettiv ta’ l-Unjoni jkun ilaħħaq 0.56% tad-DGN. F’termini assoluti, dan l-impenn ikun ifisser li sa l-2010 kull sena jkunu disponibbli €20 biljun aktar f'ODA.

Il-linji ta’ politika f’oqsma oħra għandhom jgħinu wkoll biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju

Il-kooperazzjoni għall-iżvilupp waħedha mhix biżżejjed biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju. Il-linji ta’ politika l-oħrajn ta’ l-UE għandhom rwol essenzjali biex jgħinu lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jilħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju, u minn hawn joħroġ il-kunċett ta’ Koerenza fil-Politika għall-Iżvilupp (PCD) [2] . L-UE qablet li tassoċja 12-il qasam ta’ politika[3] ma’ l-objettivi u l-iskeda ta’ żmien ta’ l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju u, f’dawn it-12-il qasam, aċċettat 'impenji speċifiċi għal Koerenza fil-Politika għall-Iżvilupp’ sabiex tiżgura l-koerenza ma’ l-għanijiet tal-politika ta’ l-iżvilupp.

Prijorità: l-Afrika

Il-Kummissjoni tixtieq tiffoka l-isforzi tagħha fuq l-Afrika sabiex tgħin lill-Afrikani jsiru l-atturi prinċipali fl-iżvilupp tagħhom stess, u sabiex taġixxi bil-għan li ġġib aktar għajnuna għall-iżvilupp. L-UE qegħda taħdem biex tistabbilixxi partenarjat veru bbażat fuq relazzjonijiet politiċi u kummerċjali maturi. Minbarra t-tħassib ġenerali dwar il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp sostenibbli, l-UE tappoġġja n-netwerk meħtieġa għall-integrazzjoni reġjonali bejn il-pajjiżi Afrikani u għall-kummerċ fi ħdan in-Nofsinhar. Hija ħolqot ukoll partenarjat ma’ l-Unjoni Afrikana, u l-istituzzjonijiet tagħha jwettqu azzjonijiet bħall-finanzjament mill-ġdid tal-Fond għall-Paċi.

1.2. Viżjoni Ewropea ta’ Żvilupp

Fl-20 ta’ Diċembru 2005, il-Presidenti tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tal-Parlament approvaw id-dikjarazzjoni dwar politika ta’ l-iżvilupp ġdida ta’ l-UE, il- Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp[4] , li tikkostitwixxi punt ta’ riferiment storiku għall-kooperazzjoni ta’ l-UE fl-iżvilupp. Għall-ewwel darba f’ħamsin sena fuq il-livell ta’ l-Unjoni ġew definiti l-valuri, prinċipji, għanijiet u mezzi komuni biex jiġi eradikat il-faqar u jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju.

L- Istrateġija ta’ l-UE għall-Afrika[5] , adottata f’Diċembru, hija l-ewwel applikazzjoni konkreta tal-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp. Din tistabbilixxi qafas għal azzjoni għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni Ewropea biex jappoġġjaw l-isforzi ta' l-Afrika biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, b’aktar appoġġ partikolarment għall-paċi u s-sigurtà, it-tmexxija, l-infrastruttura u l-kummerċ.

Titjib fil-kura tat-tfal

Id-dikjarazzjoni dwar politika ta’ l-iżvilupp ġdida ta’ l-UE kif ukoll l-Istrateġija l-ġdida ta’ l-UE għall-Afrika jagħtu attenzjoni lill-bżonnijiet u d-drittijiet tat-tfal (edukazzjoni, saħħa, l-impjieg tat-tfal, l-orfni, eċċ.), għaliex l-UE impenjat ruħha li timxi ’l quddiem fl-għanijiet maqbula fuq livell internazzjonali bil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Fuq livell ta’ delegazzjoni ġew żviluppati linji gwida dwar id-drittijiet tat-tfal għad-djalogu politiku. F’April 2005, il-Grupp ta’ Kummissarji dwar id-Drittijiet Fundamentali, presedut mill-President Barroso, iddeċieda li jaħdem għal “Patt favur it-Tfal” biex ikattar il-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-politika interna u esterna ta’ l-UE.

2. STRATEġIJA TA’ PARTENARJAT

2.1. Kooperazzjoni mal-Balkani tal-Punent

Fl-2005, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għamlu progress konsiderevoli fl-istabbilizzazzjoni u r-rikonċiljazzjoni, ir-riformi interni u l-kooperazzjoni reġjonali. Issa li huma eqreb ta’ l-UE, dawn ser ikomplu jibbenefikaw mill-programm ta’ appoġġ finanzjarju CARDS sakemm jiddaħħal l-istrument unifikat għal qabel l-adeżjoni fl-2007[6]. F’Ġunju 2005 il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jimplimenta l-aġenda ta' Tessalonika. Fl-2005 ittieħdu passi importanti: il-ftuħ tan-negozjati ta’ l-adeżjoni mal-Kroazja, l-għoti ta’ l-istatus ta’ kandidat lill-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-qrubija lejn it-twettiq tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAA) ma’ l-Albanija, u l-ftuħ tan-negozjati ta’ l-SAA mas-Serbja u l-Montenegro u l-Bożnja u Ħerżegovina. Beda l-proċess politiku biex tintlaħaq deċiżjoni dwar l-istatus fil-futur tal-Kosovo. Il-perspettiva Ewropea tipprovdi inċentiv b’saħħtu għar-riforma politika u ekonomika u ħeġġet ir-rikonċiljazzjoni fost il-popli tar-reġjun.

2.2 Il-Politika tal-Viċinat ta’ l-UE

Il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV)[7] għandha l-għan li tiżviluppa zona ta’ prosperità u stabbilità maqsuma bejn l-UE u l-ġirien tagħha, fuq il-bażi ta’ impenji maqbula bejn iż-żewġ naħat skond il-prinċipji ta’ komunjoni. Din toffri interess fis-suq intern u appoġġ biex jintlaħqu l-istandards ta’ l-UE, kif ukoll assistenza fir-riformi li jistimulaw l-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Min-naħa tagħhom l-imsieħba fil-PEV jintrabtu b’impenji preċiżi u li jiġu monitorati li jsaħħu l-istat ta’ dritt, id-demokrazija u r-rispett għad-Drittijiet Umani, li jippromwovu r-riformi ekonomiċi, li jistimulaw l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali, u li jikkooperaw fir-rigward ta’ l-għanijiet ewlenin tal-politika barranija (il-ġlieda kontra t-terroriżmu, in-non-proliferazzjoni ta’ l-armi tal-qirda tal-massa). Il-partenarjat huwa maħsub biex jippremja l-progress b’inċentivi akbar, li jkunu kompletament distinti minn kull prospett ta' adeżjoni. Il-PEV jgħin ukoll biex jiġi indirizzat it-tħassib fi ħdan l-UE dwar il-migrazzjoni illegali, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-kriminalità organizzata.

Fl-2005, sar progress ulterjuri fl-iffinalizzar tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni ma’ pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat, speċjalment rigward l-istatus ta' ekonomija tas-suq, l-iffaċilitar tal-viża u d-djalogu dwar l-enerġija ma’ l-Ukrajna, it-twaqqif ta’ missjoni ta' monitoraġġ tal-fruntiera bejn il-Moldova u l-Ukrajna, kif ukoll it-tisħiħ u l-estensjoni tal-firxa ta' djalogu politiku ma' numru ta’ pajjiżi tal-Mediterran. Qegħdin jiġu implimentati Pjanijiet ta’ Azzjoni ġodda mal-Ġordan, l-Iżrael, l-Awtorità Palestinjana, il-Moldova u l-Ukrajna. Fl-aħħarnett, tnedew negozjati mal-Ġeorġja, l-Armenja u l-Ażerbajġan. Fir-reġjun tal-Meditteran, saret enfasi akbar fuq l-appoġġ għal riformi ekonomiċi mibdija mill-pajjiżi msieħba, il-finanzjament ta’ politika settorjali (b’mod partikolari fl-edukazzjoni u s-saħħa), u l-promozzjoni tad-demokrazija, id-Drittijiet Umani u t-tmexxija tajba.

2.3 L-‘Ispazji Komuni’ mar-Russja

F’Mejju 2005 ġie adottat pakkett uniku ta’ pjani għall-ħolqien ta' l-e rba' “Spazji Komuni”[8] bejn l-UE u r-Russja . Dawn il-pjani (jew road maps ) jippreżentaw l-għanijiet kondiviżi għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, kif ukoll l-azzjonijiet meħtieġa biex dawn l-għanijiet jintlaħqu. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni ta’ l-UE mar-Russja isseħħ fil-qasam tal-partenarjat strateġiku stabbilit bejn iż-żewġ naħat.

2.4. L-eqdem partenarjat: L-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku

L-2005 kienet ukoll is-sena li fiha ġie rivedut il- Ftehim ta’ Cotonou . Il-Ftehim ta’ Cotonou, li jipprovdi qafas għar- relazzjonijiet mal-pajjiżi ta' l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (AKP) , huwa l-eqdem partenarjat ta' l-UE u huwa maħsub biex jippromwovi l-iżvilupp ta' strateġija komuni dwar it-tnaqqis tal-faqar permezz ta’ strateġija f’forma ta’ partenarjat.

L-istituzzjonijiet konġunti, inkluża l-Assemblea Parlamentari Konġunta u l-Kunsill tal-Ministri AKP-UE, kellhom rwol ċentrali fil-partenarjat sa mill-bidu, u l-assoċjazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati l-oħra ikkontribwixxew biex tittejjeb l-effettività tal-kooperazzjoni AKP-UE.

Fil-Ftehim ġew integrati l-aspetti soċjali, ekonomiċi, politiċi, kulturali u ambjentali ta’ l-iżvilupp sostenibbli, biex b’hekk jirrifletti l-impenji internazzjonali rilevanti li daħlu għalihom l-UE u l-imsieħba AKP tagħha.

Barra dan, qiegħed isir progress kostanti fil-ħolqien ta’ qafas ta’ kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali innovattiv maħsub biex jippromwovi l-iżvilupp billi tissaħħaħ l-integrazzjoni ekonomika reġjonali, jiġu aboliti l-ostakli għall-kummerċ u tiġi promossa l-integrazzjoni gradwali tal-pajjiżi AKP fl-ekonomija globali.

Sabiex jinżammu dawn l-impenji mal-pajjiżi AKP, ġie maqbul Fond Ewropew għall-Iżvilupp ġdid li għall-2007-2013 ser jipprovdi €22.682 biljun għall-pajjiżi AKP.

2.5 Insaħħu l-partenarjat ma’ l-Amerika Latina

F’Mejju 2005, il-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni Ewropea ltaqgħu ma' dawk tal-Grupp ta' Rio. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq il-proċessi ta’ integrazzjoni reġjonali fl-Amerika Latina, l-inugwaljanzi u l-esklużjoni soċjali. Iddiskutew ukoll it-tħejjijiet għas-Samit tan-NU ta’ Settembru 2005.

F’Diċembru 2005 il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tagħti impuls ġdid lill-partenarjat strateġiku ma’ l-Amerika Latina billi adottat Komunikazzjoni “Partenarjat aktar b’saħħtu bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina.”

Issuktaw ukoll in-negozjati dwar ftehim ta’ assoċjazzjoni u kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Mercosur, u ttieħdu l-passi preparatorji għal ftehimiet ma' l-Amerika Ċentrali u l-Komunità Andina.

3. DMIENSJONI DEJJEM AKTAR POLITIKA

3.1. Strumenti biex jiġu promossi d-demokrazija u d-Drittijiet Umani

Din il-prijorità hija riflessa fil-Ftehimiet kollha konklużi u tiġi tradotta fid-djalogu politiku fuq livell nazzjonali u reġjonali, kif ukoll fil-programmi ta’ kooperazzjoni ġeografika. L- Inizjattiva Ewropea għad-Demokrazija u d-Drittijiet Umani (EIDHR)[9] hija maħsuba għal pajjiżi li huma l-aktar fil-bżonn ta’ appoġġ f’dawn l-oqsma: il-benefiċjarji ewlenin tagħha huma l-għaqdiet tas-soċjetà ċivili impenjati f’dawn l-oqsma. Fl-2005 intefqu €126.7 miljuni, l-aktar biex jibqgħu jiġu ffinanzjati proġetti mnedija fis-sentejn ta’ qabel. Il-proġetti kienu jinkludu appoġġ għall-ħidma ta' l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet Umani, il-Kunsill ta' l-Ewropa, il-qrati speċjali għall-Ex-Jugoslavja, is-Sjerra Leone u l-Kambodja, kif ukoll proġetti għall-promozzjoni tad-demokrazija fil-Belarus[10] u inizjattivi oħra li jappoġġjaw id-drittijiet ta’ popli indiġeni. Fl-2005 ingħatat prijorità speċifika lill- Iraq , b’ammont totali ta’ €10 miljuni. Il-proġetti ġew identifikati fi ħdan il-fondi fi trusts tan-NU, immirati b'mod speċifiku lejn il-proċess kostituzzjonali, it-taħriġ ta’ osservaturi ta’ l-elezzjoni domestika u l-għaqdiet tas-soċjetà ċivili.

L-UE qegħda titqies dejjem aktar bħala attur ewlieni fil-qasam ta’ l- osservazzjoni ta' l-elezzjonijiet. Meta jniedu Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali (EOM), il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaħdmu flimkien mill-qrib sabiex jaraw li l-elezzjonijiet isiru b’mod “ħieles u ġust”. Fl-2005 in-numru ta’ EOMs żdiet u ser ikompli jiżdied fl-2006. Fl-2005 intbagħtu madwar 1,000 osservatur, imqabbla mas-632 fl-2004.

Saru Missjonijiet ta’ Osservanza Elettorali għall-elezzjonijiet presidenzjali jew parlamentari, jew f’referenda, fl-Afganistan, il-Burundi, il-Ginea-Bissaw, il-Libanu, il-Liberja, l-Etjopja, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Venezwela u s-Sri Lanka. F’dawn il-missjonijiet kollha, l-UE kisbet il-viżibilità filwaqt li saret attur dejjem aktar kritiku fit-tisħiħ tal-proċess demokratiku. Fl-aħħar ta’ l-2005 kienu qegħdin jitħejjew ukoll missjonijiet li għandhom jitwettqu fl-2006 (ix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża, l-Uganda u Ħaiti).

Minbarra l-EOMs, ingħata wkoll appoġġ finanzjarju għall-proċessi elettorali permezz ta' proġetti f'pajjiżi Ażjatiċi u ta' l-AKP.

3.2. Il-ħolqien ta’ qafas għad-djalogu politiku

Fil-każ ta’ pajjiżi AKP, ir-reviżjoni tal-Ftehim ta’ Cotonou iffirmat f’Ġunju 2005[11] ipprovda l-opportunità li d-dimensjoni politika tal-partenarjat tissaħħaħ permezz ta’ djalogu aktar sistematiku, formali, effettiv u orjentat fuq ir-riżultati u li jkun ibbażat fuq prinċipji magħrufa ta’ partenarjat u ta’ proprjetà.

L-imsieħba AKP-UE daħħlu wkoll referenza għall- kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta' l-armi tal-qirda tal-massa. Din tikkostitwixxi kisba tassew sinifikanti fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali. Fil-Ftehim iddaħħlet ukoll referenza għall-Qorti Kriminali Internazzjonali u għall-Istatut ta' Ruma, li turi l-impenn komuni ta’ l-imsieħba lejn l-istituzzjonijiet tat-tmexxija globali. Barra minn hekk, il-Ftehim rivedut jinkludi klawsola li tikkonferma l- kooperazzjoni internazzjonali ACP-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu . It-tisħiħ ta’ l-abbiltà tal-pajjiżi msieħba li jiġġieldu t-terroriżmu għandu jkun finanzjat minn riżorsi differenti minn dawk maħsuba għall-finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp AKP-UE[12].

3.3. Kwistjonijiet ta’ migrazzjoni u kenn politiku fil-kwadru tal-politika ta' l-iżvilupp

Din il-kwistjoni tant diskussa tirrikjedi linji ta’ politika u għajnuna li jindirizzaw kemm l-opportunitajiet u kemm id-diffikultajiet li hija tiġġenera. Għal dan l-għan, il-Kunsill Ewropew kemm-il darba enfasizza l-ħtieġa ta' strateġija komprensiva dwar il-migrazzjoni.

Fuq livell ta’ politika, fis-segwitu tal-‘ Programm ta’ The Hague’ ta' l-2004 , l-UE kompliet tfassal il-politika tagħha dwar il-mirgrazzjoni fir-rigward ta’ pajjiżi terzi. Il-programmi nazzjonali u reġjonali bħal MEDA jew TACIS jipprovdu l-qalba tal-fondi għal proġetti dwar il-migrazzjoni u l-kenn politiku. Imwaqqaf fl-2004[13], il-programm tematiku AENEAS jikkomplimenta l-programmi ġeografiċi: dan jipprovdi għajnuna finanzjarja u teknika lil pajjiżi terzi b’appoġġ għall-isforzi tagħhom li jiżguraw ġestjoni aktar effettiva ta’ l-aspetti kollha tal-flussi migratorji. L-ewwel serje ta' proġetti intgħażlet matul l-2005 għal ammont totali ta’ €30 miljun li minnhom madwar €16-il miljun ġew allokati għar-reġjun tal-Mediterran. It-tieni ‘Sejħa għal Proposti’ kienet ippubblikata f’Diċembru 2005 b’baġit totali ta’ €40.3 miljuni. L-enfasi ġeografiku ser ikun fuq il-pajjiżi CIS, il-Mediterran u l-Afrika ’l isfel mis-Sahara.

Rigward il-kenn politiku, il-Kummissjoni fl-1 ta’ Settembru 2005 adottat Komunikazzjoni dwar il-Programmi ta’ Protezzjoni Reġjonali [14]. L-ewwel programmi pilota għandhom jiġu żviluppati fit-Tanzanija u fl-Istati Indipendenti l-Ġodda tal-Punent (NIS), f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi terzi involuti u mal-UNHCR, sabiex dawk ir-refuġjati li għandhom bżonn protezzjoni jkollhom aċċess għaliha malajr u fil-forma l-aktar adattata għall-ħtiġijiet tagħhom.

4. GħAJNUNA AKBAR, AħJAR U AKTAR MALAJR - L-EWROPA TWASSAL

4.1. Il-kwistjoni ta’ l-effettività ta’ l-għajnuna

Il-proċess biex tittejjeb l-effettività ta’ l-għajnuna jikkonċentra fuq modi sempliċi iżda prattiċi biex jiġu armonizzati t-tħejjija ta’ l-istrateġija tal-pajjiżi, l-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna u l-mod kif jiġi rrappurtat l-użu tagħha, kif jiġu implimentati sistemi u proċeduri aktar affidabbli fil-pajjiżi benefiċjarji u koordinazzjoni akbar bejn id-donaturi. Ir-rwol prinċipali huwa tal-pajjiżi msieħba, li jintrabtu li jtejbu l-istrateġiji ta' żvilupp operattivi tagħhom, li jsaħħu l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u s-sistemi ta’ kuntratti nazzjonali tagħhom, u li jtejbu l-monitoraġġ u l-prattiċi ta’ verifika. Dan jippermetti lid-donaturi li jikkordinaw l-attivitajiet tagħhom aħjar, li jagħtu assistenza akbar permezz tal-baġit nazzjonali u li jimminimizzaw ir-rekwiżiti ta’ rappurtaġġ. L-ispejjeż ta’ l-operazzjoni għall-pajjiżi msieħba tnaqqsu, biex b’hekk il-kapaċità lokali skarsa ta’ ġestjoni u dik amministrattiva tkun tista’ tiffoka fuq il-prijoritajiet nazzjonali. Aspett sinifikanti ta’ din l-inizjattiva huwa l-bidla lejn l-għoti ta' għajnuna fil-forma ta' appoġġ dirett fil-baġit, sabiex tiġi amministrata kompletament permezz tas-sistemi proprji tal-pajjiż ’msieħeb.

L-isforzi tal-Kummissjoni li ttejjeb il-koordinazzjoni ma’ l-Istati Membri (Il-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp) u donaturi oħrajn jidher ċar fil-kollaborazzjoni mill-qrib wara t-Tsunami mal-gvernijiet, is-soċjetà ċivili fil-pajjiżi milquta, NGOs internazzjonali, u istituzzjonijiet finanzjarji. Hija u tgħin fit-tfassil konġunt tal-mekkaniżmi operattivi, bħar-rikostruzzjoni ta’ fondi f’forma ta’ trusts mal-gvernijiet u l-komunità internazzjonali, il-KE żgurat li l-komunitajiet affettwati jkunu involuti bis-sħiħ fit-tfassil tal-proġetti ta’ rikostruzzjoni.

Id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi tat-2 ta’ Marzu 2005 dwar l-Effettività ta’ l-Għajnuna[15] hija ftehim bejn kważi 100 pajjiż - li jirrappreżentaw il-benefiċjarji ta’ l-għajnuna u d-donaturi, inklużi l-25 Stat Membru u l-Kummissjoni - u ’l fuq minn 25 aġenzija ta’ l-iżvilupp biex l-għajnuna tingħata bl-aħjar mod biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju sal-2015. Id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi ħolqot l-impenn li l-miri jiġu stabbiliti u monitorati permezz ta’ 12-il Indikatur ta' Progress[16]. Il-miri u l-indikaturi huma maħsuba biex isegwu l-progress fuq livell globali fost il-firmatarji tad-Dikjarazzjoni.

It-12-il indikatur jittraċċaw il-progress billi jsegwu l-ħames impenji ta’ partenarjat inklużi fid-Dikjarazzjoni ta' Pariġi: il- proprjetà tal-pajjiż imsieħeb; l- allinjament tad-donaturi fil-qafas ta’ żvilupp nazzjonali tal-pajjiżi; l- armonizzazzjoni ta’ l-azzjonijiet tad-donaturi; il- ġestjoni lejn ir-riżultati u l- obbligu reċiproku ta’ rendikont tad-donaturi u ta’ l-imsieħba dwar ir-riżultati. L-UE hija mpenjata li timplimenta d-Dikjarazzjoin fiż-żmien stipulat. Il-Kummissjoni hija mistennija li tirrapporta dwar il-progress miksub fir-rigward ta’ l-aġenda dwar l-effettività ta’ l-għajnuna fuq livell ta’ UE, u li tissottometti rapport lill-Kunsill dwar il-livell ta’ implimentazzjoni matul l-2005 fil-pajjiżi kkonċernati. Għal dan l-għan, hija żviluppat għodda interattiva sempliċi għar-rappurtaġġ tal-progress dwar l-allinjament u l-armonizzazzjoni.

4.2. Evalwazzjoni

L-għan ta' l-evalwazzjoni huwa li żżid l-impatt ta’ l-għajnuna. Fl-2005 ġie ffinalizzat il-programm biex titjieb il-metodoloġija ta’ l-evalwazzjoni. Tnedew ħdax-il evalwazzjoni ġdida fl-2005; diversi oħrajn jinsabu għaddejjin, inklużi żewġ evalwazzjonijiet konġunti importanti, waħda dwar l-appoġġ fil-baġit u l-oħra dwar il-koordinazzjoni, il-komplimentarjetà u l-koerenza. Ir-riżultati prinċipali ta’ l-evalwazzjoni fl-2005 kienet tikkonċera żewġ pajjiżi (il-Benin u l-Gana), żewġ reġjuni (il-Karibew u l-Amerika Latina), u settur wieħed (l-iżvilupp tas-settur privat). Bħala eżempju, l-evalwazzjoni ta’ l-għajnuna mill-Kummissjoni lill-Gana wriet li hija viżibbli l-aktar f’termini ta’ aċċess aħjar għal ilma u sanità tajbin u għal servizzi bażiċi ta’ edukazzjoni u saħħa fl-ifqar partijiet tas-soċjetà. In ġenerali, madankollu, l-evalwazzjoni juru dewmien kbir fl-implimentazzjoni u jenfasizzaw ir-riġidità u l-pass kajman tal-proċeduri tal-Kummissjoni. Fl-2005 tlestew żewġ rapporti ta’ evalwazzjoni dwar l-EIHDR, kif ukoll studju dwar l-adegwatezza ta’ l-indikaturi relattivi, b'konklużjonijiet globali pożittivi.

4.3. Kwistjonijiet ta’ amministrazzjoni

Fl-2005 il-Kummissjoni kompliet bil-bidla fl-orjentament tagħha mill-kwalità ta’ l-assistenza mogħtija lejn enfasi fuq l-aspett ta’ l-eżitu u l-impatt ta’ l-azzjoni tagħha u kif dawn jaffettwaw il-proċess tat-twassil ta' l-għajnuna. L- attenzjoni fuq il-kwalità hija t-tkomplija tar-riformi ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-għajnuna esterna li ġew implimentati matul l-erba’ snin preċedenti (2001-2004).

Ir-riżultat ta’ l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi ġie rreġistrat f’rapport pubbliku Valutazzjoni kwalitattiva tar-riformi fl-ammistrazzjoni ta’ l-għajnuna esterna[17] , ippubblikat f’Lulju 2005. Dan ir-rapport jagħti ħarsa lejn ir-riformi operattivi, organizzattivi u metodoloġiċi fit-twassil ta’ l-għajnuna, u jindirizza l-effetti u r-riżultati.

L-effett tar-riformi kien li jiżguraw titjib kostanti fil-ħeffa ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna, b’livelli ogħla ta’ ħlas kull sena u inqas dewmien medju fl-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna.

B’konsegwenza tat-tlestija tal-proċess ta’ devoluzzjoni - l-għoti tar-responsabbiltà amministrattiva ta’ diversi programmi ta’ żvilupp lid-Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-pajjiżi - f'Marzu 2005 l-istruttura tal-kwartieri ġenerali ta’ l-Uffiċċju ta’ Kooperazzjoni EuropeAid ġiet modifikata biex tipprovdi aktar għajnuna u appoġġ lid-Delegazzjonijiet u biex tkun tirrifletti t-trasferiment tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent lid-DĠ Tkabbir, fid-dawl tal-prospettiva ta' l-adeżjoni futura tagħhom fl-UE.

4.4. Riżultati

Fl-2005 il-Kummissjoni Ewropea aġixxiet b’ ħeffa u effiċjenza rekord fl-implimentazzjoni tal-programmi, biex b’hekk il-flus waslu malajr għand dawk li kellhom bżonnhom. Ir-riżultati juru l-valur tar-riformi mnedija fl-2000 biex jitjieb il-mod kif tintefaq l-għajnuna li l-Kummissjoni tagħti lil pajjiżi terzi.

Fl-2005, l-impenji żdiedu għal €8 biljuni, aktar minn 16% żieda fuq dawk fl-2004. L-impenji għal pajjiżi fl-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku żdiedu b’aktar minn €1 biljun u kważi laħqu l-livell rekord ta’ l-2003. Anke l-impenji għall-Ażja rreġistraw żieda qawwija (kważi 50%) fuq l-2004. Intefqu wkoll €6.2 biljuni f’għajnuna għall-iżvilupp aktar mill-€5.7 biljun tis-sena preċedenti.

[pic]

L-impenji għal pajjiżi fl-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku żdiedu b’aktar minn €1 biljun u kważi laħqu l-livell rekord ta’ l-2003. Paragun bejn l-2001 u l-2005 juri li l-impenji żdiedu b'44% u l-ħlasijiet żdiedu b’50%. Dawn il-figuri jfissru li, bħala medja, l-implimentazzjoni tieħu 3.32 snin, inqas mit-3.55 snin fl-2004 u l-kważi ħames snin fl-2000.

[pic]

Għal darb’oħra żdied b’mod sostanzjali wkoll l-ammont ta' Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) amministrata mill-Kummissjoni u maħsuba għal pajjiżi bi dħul baxx, inklużi dawk l-inqas żviluppati. Din żdiedet minn madwar €1.5 biljun fl-2000 għal aktar mid-doppju – madwar €3.2 biljuni – fl-2005. Bħala perċentwal, din żdiedet minn 32% fl-2000 għal 45.8% fl-2005. Din ix-xejra għandha tkompli, għaliex aktar minn nofs l-impenji l-ġodda fl-2005 kienu għall-benefiċċju ta’ dawn il-pajjiżi.

[pic]

Il-ħeffa u l-effiċjenza huma importanti, iżda l-aktar li jgħoddu huma r-riżultati miksuba bl-għajnuna lil dawk fil-bżonn. Is-sejbiet tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni orjentata fuq ir-riżultat, li hija bbażata fuq valutazzjonijiet regolari fuq il-post minn esperti indipendenti, juru xejra ċara lejn titjib kostanti fil-kwalità. B’mod partikolari, il-punti kemm għall-effiċjenza kif ukoll għas-sostenibilità tal-proġetti u l-programmi żdiedu b’mod sostanzjali mill-2001 ’l hawn.

[pic]

Il-Kummissjoni hija determinata li tkompli ttejjeb l-amministrazzjoni tal-fondi li għalihom hija responsabbli, u pproponiet is-simplifikazzjoni kemm tal-bażi legali għall-għajnuna esterna (l-istrumenti) kif ukoll il-proċeduri interni tagħha.

Fl-2005 kien hemm attività intensa fit-tħejjija tal- programmi ta’ għajnuna tal-ġenerazzjoni li jmiss , li ser ikunu implimentati fil-qafas tal-Perspettivi Finanzjarji 2007-2013. B’kooperazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti u mal-partijiet interessati rilevanti tfi-pajjiżi benefiċjarji, kif ukoll ma’ l-Istati Membri u donaturi oħrajn, il-Kummissjoni bdiet tħejji id-Dokumenti ta’ Strateġija li għandhom jiggwidaw il-proċess ta’ programmazzjoni għall-pajjiżi u reġjuni differenti. Il-proċess jitlesta fl-2006, biex b’hekk l-azzjonijiet ippjanati jkunu jistgħu jiġu implimentati sa minn Jannar 2007.

Kienu l-għanijiet u l-prinċipji stabbiliti fid-dikjarazzjoni ta’ Diċembru 2005 dwar il-politika ta’ l-iżvilupp, il-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp, li ispiraw it-tħejjija ta’ dawn id-Dokumenti ta’ Strateġija għall-pajjiżi u r-reġjuni. Ingħatat attenzjoni partikolari għat-titjib ta’ l-effettività ta’ l-għajnuna billi l-impenji rilevanti li daħlu għalihom l-UE u l-Istati Membri tagħha jiġu tradotti fil-proċess ta’ programmazzjoni.

[1] COM(2004) 133 finali

[2] COM(2005) 134 - April 2005.

[3] Il-kummerċ; l-ambjent; il-bidla fil-klima; is-sigurtà; l-agrikoltura; is-sajd; id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni; il-migrazzjoni; ir-riċerka u l-innovazzjoni; is-soċjetà ta’ l-informatika; it-trasport; l-enerġija.

[4] Il-Kummissjoni u l-Kunsill adottaw id-dokument fil-Kunsill ta’ l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijet Esterni fit-22 ta’ Novembru 2005 (14820/05), filwaqt li l-Parlament approvah fis-Sessjoni Plenarja tal-15 ta’ Diċembru 2005 (Riżoluzzjoni n. P6-TA-PROV (2005) 0528)

[5] COM(2005) 132

[6] Minbarra l-Kroazja li diġà ngħatat status ta' pajjiż kandidat, u benefiċċji mit-tliet strumenti finanzjarji ta' qabel l-adeżjoni kif ukoll il-programm reġjonali CARDS.

[7] COM(2004) 373 finali

[8] L-ispazju ekonomiku komuni; l-ispazju komuni ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja; l-ispazju komuni dwar is-sigurtà esterna; l-ispazju komuni għar-riċerka, l-edukazzjoni u l-kultura.

[9] COM(2001) 252 finali

[10] inkluża l-Università ta’ l-Istudji Umanistiċi Europej f’Vilnjus li tipprovdi edukazzjoni terzjarja fil-lingwa tal-Belarus dwar kwistjonijiet ta’ demokrazija u Drittijiet Umani.

[11] Jeħtieġ li jsiru r-ratifiki. Il-ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008.

[12] Il-Ftehim dwar il-Partenarjat ta’ Cotonou Rivedut: Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar għajnuna finanzjarja u teknika fil-qasam tal-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-Art. 11a) iddaħħlu fil-Ftehim dwar Partenarjat ta’ Cotonou Rivedut.

[13] Ir-Regolament (KE) Nru 491/2004

[14] COM(2005) 388 finali

[15] http://www.oecd.org/DATAOECD/11/41/34428351.pdf

[16] DAC. CHAIR (2005) 12 /REV.1

[17] SEC(2005) 963