52006DC0216

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - It-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità sa l-2010 - u lil hinn - It-tisħiħ tas-servizzi ta’ l-ekosistema għall-ġid tal-bniedem {SEC(2006) 607} {SEC(2006) 621} /* KUMM/2006/0216 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 22.5.2006

KUMM(2006) 216 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

IT-TWAQQIF TAT-TELF TAL-BIJODIVERSITÀ SA L-2010 – U LIL HINN It-tisħiħ tas-servizzi ta’ l-ekosistema għall-ġid tal-bniedem {SEC(2006) 607}{SEC(2006) 621}

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Għaliex il-bijodiversità hija importanti? 4

3. X’qed jiġri lill-bijodiversità u għaliex? 5

4. X’għamilna s’issa u kemm kien effettiv dan? 7

5. X’irid isir aktar? 12

ANNESS 1: Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE sa l-2010 u Lil hinn

ANNESS 2: Indikaturi Ewlenin tal-Bijodiversità ta’ l-UE

1. INTRODUZZJONI

Fl-aħħar snin, l-umanità bbenefikat b’mod qawwi minn żvilupp[1], li tejjeb il-ħajja tagħna. Madankollu, ħafna minn dan l-iżvilupp ġie assoċjat ma’ tnaqqis kemm fil-varjetà u kemm fil-firxa tas-sistemi naturali – jiġifieri fil-bijodiversità.[2] Dan it-telf ta’ bijodiversità, fil-livelli ta’ ekosistemi, speċi u ġeni, huwa ta’ tħassib mhux biss minħabba l-valur intrinsiku importanti tan-natura, iżda wkoll għaliex jirriżulta fi tnaqqis fis-‘servizzi ta’ l-ekosistema’ li huma provduti mis-sistemi naturali. Dawn is-servizzi jinkludu l-produzzjoni ta’ ikel, fjuwil, fibri u mediċini, ir-regolazzjoni ta’ l-ilma, ta’ l-arja u tal-klima, il-manteniment tal-fertilità tal-ħamrija u r-riċiklaġġ tan-nutrijenti. F’dan il-kuntest it-tħassib dwar il-bijodiversità huwa parti integrali mill-iżvilupp sostenibbli u jsostni l-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi, u t-titjib fil-ħajja tal-bnedmin.

Il-Valutazzjoni tal-Millennju ta’ l-Ekosistema (MA) li saret reċentement[3] u li kienet imnedija mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti enfażizzat li dawn is-servizzi qed jonqsu, kemm fl-UE u kemm b’mod globali. Fiha jingħad li l-punt kruċjali huwa li qed nużaw il-kapital naturali tad-Dinja u qed inpoġġu f’riskju l-kapaċità ta’ l-ekosistemi li jsostnu l-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni. Aħna nistgħu nwaqqfu din ix-xejra negattiva, iżda dan jista’ jsir biss b’bidliet sostanzjali fil-politika u fil-prattika.

L-UE impenjat ruħha b’mod sinifikanti f’dan ir-rigward. Il-Kapijiet ta’ l-Istati jew tal-Gvernijiet ta’ l-UE qablu fl-2001 li “jwaqqfu t-telf tal-bijodiversità [fl-UE] sa l-2010”[4] u li “jirrestawrjaw l-ambjenti u s-sistemi naturali”[5]. Fl-2002, huma ingħaqdu ma’ madwar 130 mexxej dinji fejn qablu “li titnaqqas b’mod sinifikanti r-rata tat-telf tal-bijodiversità [globalment] sa l-2010”[6]. L-istħarriġ ta’ l-opinjoni pubblika juri li dan it-tħassib għan-natura u l-bijodiversità huwa appoġġjat b’mod qawwi miċ-ċittadini ta’ l-UE[7].

Fuq livell Komunitarju, il-qafas tal-politika biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità fl-UE issa fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa fis-seħħ. L-għanijiet tal-bijodiversità huma, ngħidu aħna, integrati fl-Istrateġija ta’ l-Iżvilupp Sostenibbli (SDS)[8] u fis-Sħubija ta’ Liżbona għat-tkabbir u għall-impjiegi kif ukoll f’firxa wiesgħa ta’ strateġiji politiċi ambjentali u settorjali. Fl-1998 kienet adottata Strateġija tal-Bijodiversità tal-KE[9] u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni relatati[10] kienu adottati fl-2001. Ħafna mill-Istati Membri żviluppaw, jew qed jiżviluppaw, strateġiji u/jew pjanijiet ta’ azzjoni bħal dawn.

Filwaqt li sar progress importanti u kien hemm l-ewwel sinjali tat-tnaqqis fir-rati tat-telf, ir-ritmu u l-firxa ta’ l-implimentazzjoni ma kinux biżżejjed. Ħafna mill-bijodiversità tagħna għadha fqira wisq u qed tkompli tonqos. Il-miri ta’ l-2010 għadhom possibbli iżda se jkunu jeħtieġu implimentazzjoni aktar mgħaġġla kemm fuq il-livell Komunitarju u kemm fuq dak ta’ l-Istati Membri.

Żewġ theddidiet partikolari għall-bijodiversità ta’ l-UE huma enfażizzati. L-ewwel, dik ta’ l-użu u l-iżvilupp imprudenti ta’ l-art. Permezz ta’ titjib fl-ippjanar, l-Istati Membri għandhom responsabbiltà partikolari biex jgħaqqdu l-ħtiġijiet marbuta ma’ l-użu u l-iżvilupp ta’ l-art mal-konservazzjoni tal-bijodiversità u mal-manteniment tas-servizzi ta’ l-ekosistemi. It-tieni, l-impatt, li qiegħed dejjem jiżdied, tal-bidla fil-klima fuq il-bijodiversità. Dan isaħħaħ il-ħtieġa għal azzjoni effettiva fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet ta’ l-effett serra, azzjoni li tmur lil hinn mill-miri tal-Protokoll ta’ Kyoto. Irridu wkoll nappoġġjaw l-adattament tal-bijodiversità għall-bidla fil-klima, filwaqt li niżguraw li l-adattament tal-bidla fil-klima u l-miżuri ta’ mitigazzjoni ma jkunux, fihom infushom, ta’ ħsara għall-bijodiversità.

Fuq livell globali, il-progress mhuwiex wieħed inkoraġġanti. Hemm ir-riskju reali li l-miri globali ta’ l-2010 ma jintlaħqux. L-UE għandha parti mir-responsabbiltà għal dan. L-istil tal-ħajja tagħna jiddependi b’mod qawwi fuq importazzjonijiet minn pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-produzzjoni u t-trasport ta’ dawn l-importazzjonijiet ħafna drabi tista’ twassal biex it-telf tal-bijodiversità jsir b’rata aktar mgħaġġla. Jekk irridu nagħmlu d-differenza, jeħtieġ li nistabbilixxu l-kredibbiltà tagħna billi nħarsu l-bijodiversità ta’ l-UE, filwaqt li nirduppjaw l-isforzi tagħna biex inħarsu l-bijodiversità globali permezz ta’ għajnuna fl-iżvilupp, relazzjonijiet kummerċjali u kontroll internazzjonali.

Din il-Komunikazzjoni tiddeskrivi l-estensjoni tal-problema u teżamina kemm ir-rispons ta’ l-UE kien adegwat. Imbagħad tidentifika l-oqsma ewlenin tal-politika fejn trid tittieħed azzjoni, kif ukoll tidentifika għanijiet relatati u miżuri ta’ appoġġ biex jintlaħqu l-miri ta’ l-2010 u biex il-bijodiversità tibda tirkupra. Dawn huma mfissra f’miri u azzjonijiet speċifiċi fil-“Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE sa l-2010 u Lil hinn” li huwa anness. Dan huwa indirizzat kemm lill-istituzzjonijiet tal-Komunità u kemm lill-Istati Membri u jispeċifika r-responsabbiltajiet ta’ kull wieħed minn dawn sabiex l-azzjoni ssir b’mod konġunt. Il-Pjan huwa bbażat fuq, u appoġġjat b’mod qawwi minn, konsultazzjoni wiesgħa li kienet tinkludi l-esperti u l-pubbliku.

Finalment, it-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità sa l-2010 mhuwiex fih innifsu l-aħħar stadju. Il-Kummissjoni beħsiebha tniedi dibattitu dwar viżjoni mifruxa fuq perjodu twil ta’ żmien li fi ħdanha tinkludi l-politika tal-ġejjieni – dwar it-tip ta’ natura li rridu fl-UE, u dwar ir-rwol ta’ l-UE fil-ħarsien tan-natura globali.

2. GħALIEX IL-BIJODIVERSITÀ HIJA IMPORTANTI?

Huwa ta’ importanza jekk iktar u iktar speċi jiġu estinti? L-għerf u t-teknoloġija tal-bniedem ma jistgħux jieħdu post is-servizzi ta’ l-ekosistemi mitlufa?

Għal ħafna, it-telf ta’ l-ispeċi u ta’ l-ambjenti naturali huwa importanti għax, minn perspettiva etika, aħna m’għandniex id-dritt li niddeċiedu dwar id-destin tan-natura. B’mod iktar tanġibbli, in-natura hija mogħtija valur għall-gost u l-ispirazzjoni li tipprovdi. Waqt li dan il-valur jista’ jkun diffiċli biex jiġi kkwantifikat, huwa jipprovdi bażi għal ħafna mill-industriji turistiċi u rikreattivi tagħna.

Minn perspettiva ekonomika, il-bijodiversità tipprovdi benefiċċji għall-ġenerazzjonijiet tal-preżent u tal-ġejjieni permezz ta’ servizzi ta’ l-ekosistema. Dawn is-servizzi jinkludu l-produzzjoni ta’ ikel, fjuwil, fibri u mediċini, ir-regolazzjoni ta’ l-ilma, ta’ l-arja u tal-klima, il-manteniment tal-fertilità tal-ħamrija u r-riċiklaġġ tan-nutrijenti. Huwa diffiċli li wieħed jagħti valur finanzjarju lil dawn is-servizzi madwar id-dinja, imma l-istimi jissuġġerixxu li dan il-valur jilħaq il-mijiet ta’ biljuni ta’ Euro fis-sena. Dawn is-servizzi jsostnu t-tkabbir, l-impjiegi u l-benesseri ta’ l-UE. F’pajjiżi li qed jiżviluppaw, dawn huma essenzjali biex jintlaħqu l-Miri ta’ Żvilupp tal-Millennju. Madankollu skond l-MA, żewġ terzi mis-servizzi ta’ l-ekosistema madwar id-dinja qed jonqsu. Dan qed iseħħ minħabba li qed isir użu aktar milli meħtieġ ta’ dawn is-servizzi u minħabba t-telf tar-rikkezza ta’ l-ispeċi li tiżgura l-istabilità tagħhom.

L-evidenza ta’ dan it-telf tidher, per eżempju, fl-istokks tal-ħut li qed jonqsu b’mod qawwi, fit-telf mifrux tal-fertilità tal-ħamrija, fin-nuqqas kbir fil-popolazzjonijiet li jiffertilizzaw bil-polline u fit-tnaqqis tal-kapaċità tax-xmajjar tagħna li jżommu l-ilma ta’ l-għargħar. Hemm limitu għal kemm l-għerf u t-teknoloġija tal-bniedem jistgħu jieħdu post din is-sistema ta’ appoġġ għall-ħajja naturali u anke meta dan ikun possibbli, l-ispejjeż normalment jaqbżu dawk li kieku jintnefqu għall-ħarsien tal-bijodiversità. Ladarba jaqbżu ċertu limitu, normalment huwa ferm diffiċli jew impossibbli li l-ekosistemi jinġiebu għas-sitwazzjoni li kienu fiha qabel. L-estinzjoni hija għal dejjem. Fl-aħħar mill-aħħar, l-umanità sserraħ fuq din is-sistema ta’ appoġġ tal-ħajja għas-sopravivenza tagħha.

3. X’QED JIġRI LILL-BIJODIVERSITÀ U GħALIEX?

3.1. L-istat u t-tendenzi tal-bijodiversità

Il-MA sabet li l-ekosistemi ta’ l-Ewropa sofrew frammentazzjoni ikkaġunata mill-bniedem li hija ogħla minn dik ta’ kwalunkwe kontinent. Per eżempju, 1-3% biss tal-foresti ta’ l-Ewropa tal-Punent jistgħu jiġu klassifikati bħala ‘mhux mittiefsa mill-bniedem’; sa mis-snin ħamsin, l-Ewropa tilfet aktar minn nofs ta’ l-artijiet mistagħdra tagħha u parti kbira mill-art tal-biedja b’valur naturali għoli; u ħafna mill-ekosistemi tal-baħar ta’ l-UE huma fi stat ħażin. Fir-rigward ta’ l-ispeċi, 42% tal-mammali li joriġinaw fl-Ewropa, 43% ta’ l-għasafar, 45% tal-friefet, 30% ta’ l-anfibji, 45% tar-rettili u 52% tal-ħut ta’ l-ilma ħelu huma mhedda bl-estinzjoni; ħafna mill-istokks tal-ħut ewlenin huma taħt il-livelli ta’ sigurtà bijoloġika; xi 800 speċi ta’ pjanta fl-Ewropa huma fir-riskju li jiġu estinti b’mod globali; u f’forom iżgħar ta’ ħajja hemm tibdiliet mhux magħrufa iżda li jistgħu jkunu potenzjalment sinifikanti, inkluż diversità fl-invertebrati u diversità mikrobika. Barra minn hekk, speċi li fil-passat kienu komuni qed juru tnaqqis fil-popolazzjoni tagħhom. Dan it-telf ta’ speċi u nuqqas fl-abbundanza ta’ l-ispeċi jġib miegħu telf sinifikanti tad-diversità ġenetika.

Fuq livell globali, it-telf tal-bijodiversità huwa iktar allarmanti.[11] Sa mill-aħħar tas-snin sebgħin, ġiet meqruda żona ta’ foresta tax-xita tropikali li hija ikbar mill-UE, b’mod speċjali għall-injam, għaż-żrieragħ bħalma huma ż-żejt tal-palm u s-sojja, u għat-trobbija tan-nagħaġ; żona tad-daqs ta’ Franza tiġi meqruda kull 3-4 snin. Ekosistemi differenti oħra, bħalma huma l-artijiet mistagħdra, it-terraferma, il-gżejjer, il-foresti bi klima moderata, il-mangrovji u s-sikek tal-qroll, qed isofru telf proporzjonat. Ir-rati ta’ l-estinzjoni issa huma 100 darba aktar minn dawk li jidhru fir-rekords tal-fossili u huma mistennija li jiżdiedu, bit-theddida ta’ ‘estinzjoni tal-massa’ ta’ tip li qatt ma kellna bħalha sa mill-qerda tad-dinożawri.

3.2. Pressjonijiet u fatturi li jikkawżaw it-telf tal-bijodiversità

Il-pressjonijiet u l-fatturi ewlenin huma magħrufa. Il-pressjoni prinċipali hija l-frammentazzjoni, id-degradazzjoni u l-qerda ta’ l-ambjent naturali minħabba l-bidla fl-użu ta’ l-art li tirriżulta, inter alia , mill-bdil, l-intensifikazzjoni tas-sistemi ta’ produzzjoni, mill-abbandun tal-prattiċi tradizzjonali (li normalment kienu jkunu favorevoli għall-bijodiversità), mill-kostruzzjoni u mill-avvenimenti katastrofiċi li jinkludu l-ħruq. Pressjonijiet oħra ewlenin huma l-esplojtazzjoni żejda, il-firxa ta’ speċi invażivi u aljeni u t-tniġġis. L-importanza relattiva ta’ dawn il-pressjonijiet tvarja skond il-post u, ħafna drabi, ħafna minn dawn il-pressjonijiet jaġixxu flimkien.

B’mod globali, dawn il-kawżiet huma bbażati fuq żewġ pressjonijiet ewlenin: it-tkabbir tal-popolazzjoni u ż-żieda fil-konsum per capita . Dawn il-fatturi ta’ pressjoni huma mistennija li jintensifikaw b’mod konsiderevoli, u b’hekk mistennija li jżidu l-pressjonijiet b’mod partikolari fuq il-foresti tropikali, fuq ekosistemi tropikali oħra u fuq l-ekosistemi muntanjużi. Filwaqt li bħala fatturi għat-telf tal-bijodiversità fl-UE dawn huma inqas importanti, diversi pressjonijiet mistennija li jiżdiedu fl-UE, inkluż id-domanda għal infrastruttura tad-djar u tat-trasport.

Kawżiet oħra importanti madwar id-dinja jinkludu n-nuqqas ta’ kontroll, u n-nuqqas ta’ ekonomija konvenzjonali biex tirrikonoxxi l-valur ekonomiku tal-kapital naturali u tas-servizzi ta’ l-ekosistemi.

Ma’ dawn il-fatturi hemm ukoll dik tal-bidla fil-klima, li l-effetti tagħha fuq il-bijodiversità (bħall-bdil tas-sistemi ta’ distribuzzjoni, migrazzjoni u riproduzzjoni) diġà jistgħu jiġu osservati. Fl-Ewropa, sas-sena 2100 it-temperaturi medji huma mistennija li jogħlew b’bejn 2oC u 6.3oC iktar mit-temperaturi ta’ l-1990. Dan għandu jġib effetti kbar fuq il-bijodiversità.

Finalment, il-globalizzazzjoni, inkluż il-kummerċ Ewropew, iżżid il-pressjonijiet fuq il-bijodiversità u fuq is-servizzi ta’ l-ekosistemi f’pajjiżi li qed jiżviluppaw u fl-UE billi, inter alia , iżżid id-domanda għar-riżorsi naturali, tikkontribwixxi għall-emissjonijiet tal-gassijiet ta’ l-effett serra, u tiffaċilita l-firxa ta’ speċi invażivi u aljeni.

4. X’GħAMILNA S’ISSA U KEMM KIEN EFFETTIV DAN?

Din it-taqsima tipprovdi deskrizzjoni tal-progress fl-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-KE dwar il-Bijodiversità, u tissodisfa r-rekwiżit li tirrapporta lill-Kunsill u lill-Parlament f’dan ir-rigward. Hija bbażata fuq analiżi tal-politika tal-bijodiversità mwettqa fl-2003–04,[12] u tikkunsidra l-iżviluppi sussegwenti.

4.1. L-istrateġija ta’ l-UE għall-politika ta’ bijodiversità

L-istrateġija politika ta’ l-UE tirrikonoxxi li l-bijodiversità m’hijiex mifruxa bl-istess mod, u li ċerti ħabitats naturali u speċi huma iktar f’riskju minn oħrajn. Bħala konsegwenza, din l-istrateġija tagħti attenzjoni speċjali għall-ħolqien u l-ħarsien ta’ netwerk sostanzjali ta’ siti ta’ l-ogħla valur naturali – Natura 2000. Madankollu, l-istrateġija tirrikonoxxi wkoll li ħafna mill-bijodiversità tinsab ’il barra minn dawn is-siti. L-azzjoni fl-ambjent iktar mifrux u li jmur lil hinn minn Natura 2000 hija provduta permezz ta’ politika tan-natura li tkun maħsuba apposta (per eżempju, azzjoni għal speċi mhedda, u għall-konnettività tan-Natura 2000) u permezz ta’ l-integrazzjoni tal-ħtiġijiet tal-bijodiversità fi strateġiji politiċi ta’ l-agrikoltura, tas-sajd u fi strateġiji politiċi oħra.

Fuq livell internazzjonali, l-attenzjoni ta’ l-UE kienet fuq it-tisħiħ tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) u ftehimiet oħra relatati mal-bijodiversità. Dan għamlitu billi fittxet li tara li dawn ikunu implimentati u billi appoġġat il-bijodiversità permezz ta’ għajnuna esterna. L-UE kienet attiva fil-kontroll ta’ kummerċ mhux sostenibbli ta’ speċi fil-periklu u ħeġġet biex ikun hemm sinerġija bejn l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u ftehimiet multilaterali ta’ l-ambjent. Sal-lum, ġiet mogħtija attenzjoni relattivament limitata għall-bijodiversità fir-rigward tal-ftehimiet bilaterali u multilaterali tal-kummerċ.

4.2. Il-bijodiversità fil-politika interna ta’ l-UE

4.2.1. Il-ħarsien ta’ l-iktar ħabitats naturali u speċi importanti

Il-bażi għall-azzjoni ta’ l-UE f’dan ir-rigward hija provduta bid-Direttivi ta’ l-Għasafar[13] u ta’ l-Ambjenti Naturali[14] (id-‘direttivi tan-natura'). Filwaqt li dawn għadhom ma ġewx implimentati bis-sħiħ fl-Istati Membri kollha, sar progress sostanzjali għat-twettiq tan-netwerk Natura 2000. Dan jikkonsisti minn siti li jkun fihom ‘biżżejjed’ żoni tal-200 tip ta’ ambjent naturali l-aktar importanti ta’ l-UE. In-netwerk issa jkopri madwar 18% tat-territorju ta’ l-UE15. L-estensjoni tiegħu għall-pajjiżi ta’ l-UE10 tinsab fi stadju avvanzat. Pjanijiet ta’ azzjoni li jkunu speċifiċi għall-ispeċi qed juru li huma ta’ benefiċċju għal x’uħud mill-ispeċi l-iktar fil-periklu ta’ l-UE.

Problemi oħrajn jinkludu n-nuqqas, s’issa, tan-netwerk Natura 2000 fi ħdan l-ambjent tal-baħar, l-impatt ħażin ta’ l-attivitajiet ta’ żvilupp fis-siti ta’ Natura 2000, il-fondi limitati disponibbli għall-ġestjoni effettiva tas-sit u għall-azzjonijiet ta’ sostenn. Il-benefiċċji sħaħ tan-netwerk, għall-bijodiversità u għas-servizzi ta’ l-ekosistemi, se jinħassu biss meta dawn il-problemi oħrajn ikunu indirizzati b’mod sħiħ.

Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-pajjiżi u t-territorji ta’ l-Istati Membri li jkunu lil hinn mill-baħar huma ta’ importanza internazzjonali għall-bijodiversità iżda ħafna minn dawn iż-żoni mhumiex koperti mid-direttivi tan-natura.[15]

4.2.2. L-integrazzjoni tal-bijodiversità fl-SDS, fis-sħubija ta’ Liżbona għat-tkabbir u għall-impjiegi, u fil-poltika ambjentali

Il-konservazzjoni tal-bijodiversità hija għan ewlieni ta’ l-SDS u tas-Sitt Pjan ta’ Azzjoni Ambjentali (is-6 EAP)[16]. Ġiet rikonoxxuta wkoll bħala għan importanti li jikkontribwixxi għat-tkabbir u għall-impjiegi fl-UE (żewġ terzi ta’ l-Istati Membri jindirizzaw dan l-għan fil-programmi nazzjonali tagħhom ta’ riforma ta’ Liżbona). Progress sinifikanti fil-politika ambjentali qed iġib benefiċċji għall-bijodiversità. Is-suċċessi l-aktar ovvji kienu fit-tnaqqis ta’ l-impatti ta’ pollutanti point-source , bħal dawk ta’ l-ilma ta’ l-iskart urban fuq l-istat ekoloġiku tax-xmajjar. Madankollu, pollutanti li jixterdu, bħal pollutanti fl-arja li jewtrofizzaw, jibqgħu problema sinifikanti. Id-direttivi qafas u l-istrateġiji tematiċi l-aktar reċenti fl-oqsma ta’ l-ilma, l-arja, il-baħar, il-ħamrija, ir-riżorsi naturali, l-ambjent urban u l-pestiċidi (li se jsiru) meta jkunu implimentati għandhom jiżguraw li jsir iktar progress.

4.2.3. L-integrazzjoni tal-bijodiversità fil-politika ta’ l-iżvilupp agrikolu u rurali

L-agrikoltura, fil-ġestjoni ta’ parti kbira tat-territorju ta’ l-UE, tikkonserva ġeni, speċi u ambjenti naturali. Madankollu, fl-aħħar għexieren ta’ snin, l-intensifikazzjoni u l-ispeċjalizzazzjoni, u fl-istess ħin il-marġinalizzazzjoni u l-użu mhux biżżejjed ta’ l-art, irriżultaw f’telf sinifikanti tal-bijodiversità. Il-Politika Agrikola Komuni (PAK), flimkien ma’ dinamika iktar wiesgħa ta’ żvilupp tas-settur agrikolu, kienet waħda mill-kawżiet għal dawn il-proċessi, iżda sa mill-1992 ġiet adattata biex tintegra aħjar il-ħtiġijiet tal-bijodiversità. Użu iktar frekwenti ta’ miżuri agro-ambjentali, Prattika Tajba għall-Biedja, il-biedja organika u l-appoġġ ta’ Żoni Inqas Vantaġġati għen lill-bijodiversità fl-art tal-biedja. Ir-riforma ta’ l-2003 tal-PAK tippromwovi dawn il-miżuri u miżuri oħrajn li huma favur il-bijodiversità. Miżuri li jaqgħu taħt il-politika tas-suq u tad-dħul, inkluż konformità obbligatorja bejn it-tnejn, il-ħlas uniku tar-razzett (id-diżakkoppjament) u l-modulazzjoni, għandhom jipprovdu benefiċċji indiretti għall-bijodiversità.

Ir-Regolament ġdid ta’ l-Iżvilupp Rurali[17] jipprovdi inter alia għal iktar appoġġ għal Natura 2000, iżomm il-miżuri u l-ħlasijiet agro-ambjentali għal żoni b’diffikultajiet u jaħseb għal sett ta’ miżuri bħala sostenn għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti (li x’uħud minnhom huma maħsuba apposta biex isaħħu l-valur ekoloġiku) bħalma huma l-ħlasijiet forestali-ambjentali. Madankollu, it-twettiq tal-benefiċċji sħaħ ta’ dawn il-miżuri se jiddependi fuq l-implimentazzjoni min-naħa ta’ l-Istati Membri u fuq il-baġit disponibbli.

4.2.4. L-integrazzjoni fil-politika tas-sajd

Is-sajd u l-akkwakultura ta’ l-UE kellhom impatt ħażin kemm fuq stokks ta’ ħut maħżuna għall-kummerċ u kemm fuq speċi u ambjenti naturali li ma jitqisux bħala mira ewlenija. Filwaqt li l-aħħar snin raw progress fl-integrazzjoni tal-bijodiversità fil-politika tas-sajd, għadu kmieni wisq biex wieħed jagħti ġudizzju dwar l-effettività tagħhom. Madankollu, il-Politika Komuni tas-Sajd riformata (CFP)[18], meta tkun implimentata b’mod sħiħ, se tnaqqas il-pressjoni fuq is-sajd, ittejjeb l-istat ta’ l-istokks maħżuna u tħares aħjar l-ispeċi u l-ambjenti naturali li ma jitqisux bħala mira ewlenija.

4.2.5. L-integrazzjoni fil-politika ta’ l-iżvilupp reġjonali u territorjali

Id-direttivi tan-natura u d-Direttiva ta’ l-Evalwazzjoni ta’ l-Impatt Ambjentali (EIA)[19] jitolbu li ssir konsiderazzjoni ta’ l-impatti potenzjali ta’ ċerti żviluppi reġjonali u territorjali. Dan jinkludi l-konsiderazzjoni ta’ alternattivi u l-iżvilupp ta’ miżuri biex ikunu evitati u mnaqqsa l-impatti negattivi. Il-valutazzjonijiet imwettqa b’attenzjoni fil-bidu tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet urew li kienu ta’ għajnuna. Madankollu, dawn normalment jew isiru tard wisq jew ma jkunux ta’ kwalità tajba. L-introduzzjoni reċenti ta’ stimi ambjentali strateġiċi (SEA)[20], li japplikaw għal ċerti pjanijiet u programmi, għandha tgħin iktar biex tpoġġi flimkien il-ħtiġijiet ta’ konservazzjoni u ta’ żvilupp billi tiżgura li l-impatti possibbli jkunu kkunsidrati ħafna iktar kmieni fil-proċess ta’ ppjanar.

4.2.6. Il-kontroll ta’ l-ispeċi aljeni

L-ispeċi invażivi u aljeni kienu identifikati bħala prijorità għall-azzjoni fis-sitt EAP. Filwaqt li ngħata xi appoġġ għal xi programmi lokalizzati ta’ eradikazzjoni permezz tal-fondi LIFE, il-Komunità għadha trid tiżviluppa strateġija komprensiva biex tindirizza din il-kwistjoni. Ix-xogħol fuq dan issa beda.

4.3. Il-bijodiversità fil-politika esterna ta’ l-UE

4.3.1. Il-kontroll internazzjonali

L-UE għandha rwol attiv fil-kontroll internazzjonali tal-bijodiversità. Madankollu, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jemmnu li l-implimentazzjoni tas-CBD trid tiġi msaħħa b’mod sostanzjali. L-UE timplimenta b’mod attiv ukoll serje ta’ ftehimiet internazzjonali oħra relatati mal-bijodiversità u tippromwovi s-sinerġiji bejniethom.

4.3.2. L-għajnuna esterna

L-Istati Membri jagħtu l-għajnuna finanzjarja tagħhom lill-Faċilità Globali ta’ l-Ambjent li tappoġġja l-proġetti tal-bijodiversità. Madankollu, dawn il-fondi jammontaw għal inqas minn 1/100 tal-baġits totali annwali tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri maħsuba għall-għajnuna fl-iżvilupp. Il-progress biex il-bijodiversità tingħata aktar importanza f’dawn il-baġits kien diżappuntanti, speċjalment minħabba li normalment il-bijodiversità ma tingħatax prijorità biżżejjed meta mqabbla ma’ ħtiġijiet oħra li jkunu iktar kompulsivi.

Madankollu, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp[21] tispeċifika: “L-UE għandha ssaħħaħ l-iffinanzjar maħsub għall-bijodiversità kif ukoll miżuri li jpoġġu l-bijodiversità fuq quddiem fl-għajnuna għall-iżvilupp.” Din ix-xewqa tidher ukoll fil-Politika ġdida ta’ Żvilupp ta’ l-UE[22] (il-Qbil Ewropew dwar il-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp) u fil-Politika tal-Viċinat[23].

4.3.3. Il-kummerċ internazzjonali

Sar sforz inizjali biex ikun indirizzat l-impatt tal-kummerċ ta’ l-injam fuq il-foresti tropikali[24], iżda ftit għadu sar biex ikunu ttrattati kawżi oħra relatati mal-kummerċ li qed iwasslu għall-qerda tal-foresti. Permezz ta’ parteċipazzjoni attiva fil-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali ta’ Speċi fil-Periklu, sar xi progress dwar il-kummerċ ta’ l-annimali salvaġġi. B’mod iktar ġenerali, l-UE ħeġġet biex id-dimensjoni ambjentali tkun integrata fil-kummerċ internazzjonali (ngħidu aħna permezz tal-ħidma tagħha fuq l-istimi ta’ sostenibbiltà ta’ l-impatt f’dak li għandu x’jaqsam mal-kummerċ) u fl-isforzi globali biex jitrażżnu t-tendenzi ta’ produzzjoni u konsum mhux sostenibbli. Iżda s’issa dan ftit li xejn ġab riżultati konkreti għall-bijodiversità.

4.4. Miżuri ta’ sostenn

4.4.1. Għarfien

Is-Sitt Programm Qafas[25], integrat bil-fondi ta’ riċerka ta’ l-Istati Membri, għen biex isaħħaħ strateġija Ewropea għar-riċerka dwar il-bijodiversità, l-użu ta' l-art u l-bidla fil-klima u biex itejjeb l-appoġġ xjentifiku għall-politika għall-UE u r-reġjuni msieħba tagħha, b’mod partikolari dawk li jinsabu f’żoni tad-dinja li qed jiżviluppaw. Madankollu, għad fadal ħafna x’isir fil-qasam ta’ l-għarfien. Il-Pjattaforma Ewropea għall-Istrateġija ta’ Riċerka dwar il-Bijodiversità wettqet stima tal-ħtiġijiet tar-riċerka li kienet ta’ għajnuna kbira. Il-proposta reċenti għas-Seba’ Programm Qafas (FP7)[26] tipprovdi l-opportunità li dawn il-ħtiġijiet ikunu indirizzati permezz ta’ kooperazzjoni, infrastrutturi ġodda u bini tal-kapaċità.

Il-MA kellha rwol ewlieni fl-isforz biex iġġib għall-attenzjoni politika u pubblika l-istat u t-tendenzi preżenti tal-bijodiversità u tas-servizzi ta’ l-ekosistema b’mod globali. Minkejja li dan kien ferm importanti, bħalissa għad m’hemm l-ebda mekkaniżmu biex jiżgura li dawn ikunu analizzati u aġġornati b’mod regolari.

4.4.2. It-trawwim ta’ kuxjenza u l-involviment tal-pubbliku

L-istituzzjonijiet tal-Komunità, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili segwew firxa wiesgħa ta’ inizjattivi f’dan ir-rigward, inkluż l-adozzjoni ta’ Direttivi fil-Konvenzjoni ta’ Århus, u l-inizjattiva Countdown 2010 li fiha kienu involuti ħafna partijiet interessati. Il-miri ta’ l-2010 jipprovdu skop li jgħin biex il-profil politiku tal-kwistjoni jingħata aktar attenzjoni.

4.4.3. Il-monitoraġġ u r-rappurtar

Qed isir progress fl-iżvilupp u t-tiswir ta’ l-indikaturi, il-monitoraġġ u r-rappurtar. Indikatur ta’ l-istat tal-bijodiversità ġie magħżul kemm bħala indikatur strutturali fl-2004 u kemm bħala indikatur ewlieni ta’ l-iżvilupp sostenibbli fl-2005. Barra minn hekk, il-Kummissjoni flimkien ma’ l-Aġenzija Ewropea ta’ l-Ambjent qed tiżviluppa sett ta’ indikaturi ewlenin għall-bijodiversità, li huma bbażati fuq dawk adottati mis-CBD. Bħalissa qed issir ħidma biex ikunu żviluppati strateġiji u għodod ta’ monitoraġġ, u biex jittejjeb ir-rappurtar taħt id-direttivi tan-natura.

5. X’IRID ISIR AKTAR?

5.1. Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE sa l-2010 u Lil hinn

L-analiżi politika ta’ l-2003–04 laħqet il-quċċata tagħha f’konferenza importanti tal-partijiet interessati li saret taħt il-Presidenza Irlandiża f’Malahide f’Mejju 2004. Din il-konferenza kisbet kunsens wiesgħa fuq l-għanijiet ta’ prijorità fit-triq li twassal għat-twettiq ta’ l-impenji ta’ l-2010, preżentati fil-‘Messaġġ minn Malahide.’[27]

Fuq il-bażi ta’ dan, u fuq l-analiżi preżentata fit-taqsimiet 2-4 ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni identifikat erba’ oqsma ewlenin ta’ politika għall-azzjoni u għaxar għanijiet ta’ prijorità relatati magħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni identifikat erba’ miżuri ewlenin ta’ sostenn. Dawn l-għanijiet u l-miżuri ta’ sostenn huma appoġġjati b’mod qawwi bir-riżultati ta’ konsultazzjoni pubblika reċenti.[28]

It-twettiq ta’ l-għanijiet u tal-miżuri ta’ sostenn se jitlob azzjonijiet speċifiċi li, flimkien mal-miri relatati, huma stabbiliti fil-‘Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE sa l-2010 u Lil hinn’, li huwa anness ma’ din il-Komunikazzjoni. Il-Pjan ta’ Azzjoni jistabbilixxi wkoll xi azzjonijiet u miri għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar.

Il-Pjan ta’ Azzjoni jirrapreżenta strateġija importanti ġdida għall-politika tal-bijodiversità ta’ l-UE, peress li jindirizza kemm il-Komunità u kemm l-Istati Membri, jispeċifika r-rwoli tat-tnejn li huma fir-rigward ta’ kull azzjoni, u jipprovdi pjan komprensiv ta’ azzjonijiet prijoritarji li jwasslu għal miri speċifiċi u li jridu jitwettqu fiż-żmien limitat. Is-suċċess se jkun jiddependi fuq id-djalogu u s-sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u fuq l-implimentazzjoni komuni.

Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jwieġeb għas-sejħa reċenti tas-CBD biex l-azzjonijiet jingħataw prijorità sas-sena 2010[29], u huwa maħsub bħala żieda ma’ l-Istrateġija u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-KE dwar il-Bijodiversità. L-Istati Membri huma mħeġġa jaġġustaw l-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom biex jikkunsidraw dan kollu.

Il-Kummissjoni tipproponi li, wara li tkun ikkunsidrata mill-Kunsill u mill-Parlament, l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għandha tkun sorveljata mill-Grupp eżistenti ta’ Esperti tal-Bijodiversità (BEG). Il-BEG għandu jaħdem ukoll biex jiżgura li jkun hemm koordinazzjoni u komplementarjetà bejn il-livelli ta’ azzjoni tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri.

5.2. L-erba’ oqsma ewlenin ta’ politika u l-għaxar għanijiet ta’ prijorità

Din it-taqsima tintroduċi l-erba’ oqsma ewlenin ta’ politika u l-għaxar għanijiet ta’ prijorità, tispjega l-ambitu tagħhom, u tenfażizza x’uħud mill-azzjonijiet ewlenin identifikati fil-Pjan ta’ Azzjoni.

5.2.1. L-EWWEL QASAM TAL-POLITIKA: Il-Bijodiversità fl-UE

Għanijiet

1. Biex jitħarsu l-ambjenti naturali u l-ispeċi l-iktar importanti ta’ l-UE.

Azzjoni favur l-ambjenti naturali u l-ispeċi l-iktar importanti ta’ l-UE hija essenzjali biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità sa l-2010 u biex tinbeda t-triq ta’ l-irkupru. Biex dawn l-ambjenti naturali jkunu fiż-żgur, jeħtieġ li jkun hemm iktar impenn mill-Istati Membri biex jipproponu, jinnominaw, iħarsu u jamministraw b’mod effettiv is-siti ta’ Natura 2000. Jeħtieġ ukoll li huma jsaħħu l-koerenza, il-konnettività u l-elastiċità tan-netwerk, inkluż permezz ta’ sostenn għaż-żoni protetti nazzjonali, reġjonali u lokali. L-użu ta’ pjanijiet ta’ azzjoni maħsuba għall-irkupru ta’ speċi li huma l-aktar mhedda għandu jkun estiż. Huma meħtieġa miżuri simili għall-ambjenti naturali u għall-ispeċi f’dawk ir-reġjuni l-iktar imbiegħda ta’ l-UE li mhumiex koperti mid-direttivi tan-natura[30].

2 . Biex il-bijodiversità u s-servizzi ta’ l-ekosistema fil-kampanja ta’ l-UE jkunu konservati u mreġġgħa għal li kienu.

3 . Biex il-bijodiversità u s-servizzi ta’ l-ekosistema fil-baħar ta’ l-UE jkunu konservati u mreġġgħa għal li kienu.

Natura 2000 u l-konservazzjoni ta’ l-ispeċi mhedda mhux se jkunu vijabbli fuq perjodu twil ta’ żmien jekk ma jkunx hemm ambjent ta’ l-art, ta’ ilma u ta’ baħar li ma jkunx favorevoli għall-bijodiversità. L-azzjonijiet ewlenin jinkludu: l-aħjar użu tal-miżuri disponibbli taħt il-PAK riformata, b’mod partikolari biex tkun evitata l-intensifikazzjoni jew l-abbandun ta’ l-art tal-biedja, ta’ l-imsaġar u tal-foresti b’valur naturali għoli, u biex isir sostenn sabiex dawn ikunu mreġġgħa għal li kienu; l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Foresti, li dalwaqt ikun disponibbli, li jinkludi miżuri biex ikunu evitati u megħluba n-nirien fil-foresti; l-aħjar użu tal-miżuri disponibbli taħt is-CFP riformat, b’mod partikolari biex l-istokks tal-ħut jinġiebu għal li kienu, biex jitnaqqas l-impatt fuq speċi li ma jitqisux bħala mira ewlenija u biex titnaqqas il-ħsara għall-ambjenti naturali tal-baħar; u it-tmexxija ’l quddiem ta’ l-implimentazzjoni ta’ direttivi qafas u strateġiji tematiċi ewlenin ta’ l-ambjent li jnaqqsu l-pressjonijiet fuq il-bijodiversità, b’mod partikolari billi titjieb il-kwalità ta’ l-ilma, ta’ l-ambjent tal-baħar u tal-ħamrija, u billi jitnaqqsu l-pressjonijiet tal-pollutanti li jixterdu (eż. sustanzi li jaċidifikaw u jewtrofizzaw, nitrati mill-irziezet, pestiċidi).

4. Biex fl-UE tkun imsaħħa l-kompatibilità bejn l-iżvilupp reġjonali u territorjali u l-bijodiversità.

Ippjanar aħjar fil-livell ta’ l-Istati Membri, fuq livell reġjonali u fuq livell lokali huwa l-mezz ewlieni biex ikunu evitati, minimizzati u bbilanċjati l-impatti negattivi ta’ l-iżvilupp reġjonali u territorjali, u biex b’hekk tkun imsaħħa l-kompatibilità mal-bijodiversità. Dan jitlob li l-ħtiġijiet tal-bijodiversità jkunu meqjusa ‘iktar kmieni’ fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. L-azzjonijiet ewlenin jinkludu: trattament effettiv tal-bijodiversità fis-SEA u l-EIA; li jkun żgurat li l-fondi tal-komunità għall-iżvilupp reġjonali jkunu ta’ benefiċċju, u mhux ta’ ħsara, għall-bijodiversità; u l-ħolqien ta’ sħubiji bejn min jippjana, min jiżviluppa u min għandu l-interess tal-bijodiversità.

5. Biex jitnaqqas sostanzjalment l-impatt ta’ l-ispeċi invażivi u aljeni u ta’ ġenotipi aljeni fuq il-bijodiversità ta’ l-UE.

Hemm diversi miżuri fis-seħħ li huma maħsuba għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ l-ispeċi invażivi u aljeni iżda għad hemm xi lakuni fil-politika; għandha tkun żviluppata strateġija komprensiva ta’ l-UE għal dan il-għan kif ukoll li jkunu żviluppati azzjonijiet speċifiċi inkluż sistema ta’ twissija immedjata.

5.2.2. IT-TIENI QASAM TAL-POLITIKA: Il-Bijodiversità ta’ l-UE u l-Bijodiversità globali

Għanijiet

6. Biex tissaħħaħ b’mod sostanzjali l-effettività tal-kontroll internazzjonali għall-bijodiversità u għas-servizzi ta’ l-ekosistema .

7. Biex jissaħħaħ b’mod sostanzjali s-sostenn għall-bijodiversità u għas-servizzi ta’ l-ekosistema fl-għajnuna esterna ta’ l-UE .

8. Biex jitnaqqas b’mod sostanzjali l-impatt tal-kummerċ internazzjonali fuq il-bijodiversità u s-servizzi ta’ l-ekosistema madwar id-dinja.

Jeħtieġ li jkun hemm enerġija ġdida fl-azzjoni tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri jekk irid jintlaħaq l-impenn li r-rata ta’ telf globali tal-bijodiversità tonqos b’mod sinifikanti sa l-2010. Hija meħtieġa strateġija ta’ l-UE li tkun iktar koerenti, li tiżgura iktar sinerġija bejn l-azzjonijiet għall-kooperazzjoni fil-kontroll, il-kummerċ (inkluż il-ftehimiet bilaterali) u l-iżvilupp. Fir-rigward tal-kontroll, l-UE għandha tixħet l-attenzjoni tagħha fuq implimentazzjoni aktar effettiva tas-CBD u tal-ftehimiet relatati. Fir-rigward ta’ l-għajnuna esterna, l-UE għandha ssostni l-fondi maħsuba għall-bijodiversità u ssaħħaħ l-inklużjoni tal-bijodiversità fil-programmi settorjali u ġeografiċi. Fir-rigward tal-kummerċ, hemm il-ħtieġa urġenti ta’ miżuri li jindirizzaw il-qerda tal-foresti tropikali, inkluż il-kummerċ ta’ oġġetti li jwasslu għal din il-qerda. L-implimentazzjoni rapida tal-programm ta’ l-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, il-Kontroll u l-Kummerċ[31] jista’ jkun ta’ kontribut importanti f’dan ir-rigward. Azzjoni effettiva fil-pajjiżi u territorji ta’ l-Istati Membri li huma lil hinn mill-baħar u li huma għonja fil-bijodiversità hija essenzjali biex tagħti kredibilità lill-UE fix-xena internazzjonali.

5.2.3. IT-TIELET QASAM TAL-POLITIKA: Il-Bijodiversità u l-bidla fil-klima

Għan

9. Biex ikun appoġġjat l-adattament tal-bijodiversità għall-bidla fil-klima.

Hemm kunsens xjentifiku u politiku mifrux li issa dħalna f’perjodu ta’ bidla fil-klima li ma tistax tiġi evitata u li hija mingħajr preċedenti. L-impatti fuq il-bijodiversità fl-UE diġà jistgħu jiġu kalkolati. Il-bidla fil-klima għandha l-potenzjal, fuq perjodu ta’ ftit għexieren ta’ snin, li ttellef l-isforzi tagħna għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità.

Huwa meħtieġ tnaqqis qawwi fl-emissjonijiet tal-gassijiet ta’ l-effett serra biex itaffi t-theddida għall-bijodiversità mifruxa fuq perjodu twil ta’ żmien. Għandna nosservaw l-impenji ta’ Kyoto u hemm il-ħtieġa ta’ miri globali għal wara l-2012, relatati ma’ l-emissjonijiet, li jkunu iktar ambizzjużi sabiex jillimitaw iż-żieda fil-medja globali annwali tat-temperatura għal mhux iktar minn 2oC ’il fuq mil-livelli pre-industrijali.

Il-ħarsien tal-bijodiversità jista’ jgħin biex jillimita l-konċentrazzjonijiet atmosferiċi tal-gassijiet ta’ l-effett serra peress li l-foresti, l-artijiet tal-pit u ambjenti naturali oħra jaħżnu l-karbonju. Se jkunu meħtieġa strateġiji politiċi wkoll biex il-bijodiversità tkun tista’ tiġi adattata għall-kondizzjonijiet tal-bdil fit-temperatura u ta’ l-ilma. Dan, b’mod partikolari, jitlob li jkun hemm koerenza man-netwerk Natura 2000. Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex tkun evitata, minimizzata jew bilanċjata kwalunkwe ħsara potenzjali għall-bijodiversità li tista’ tirriżulta mill-adattament għall-bidla fil-klima u mill-miżuri ta’ mitigazzjoni.

5.2.4. IR-RABA’ QASAM TAL-POLITIKA: Il-bażi ta’ l-għarfien

Għan

10. Biex tissaħħaħ b’mod sostanzjali l-bażi ta’ l-għarfien għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità, fl-UE u madwar id-dinja

Il-komprensjoni tal-bijodiversità hija waħda mill-ikbar sfidi xjentifiċi li l-umanità qed taffaċċja. Hemm il-ħtieġa essenzjali li jkun hemm żvilupp f’dak li aħna nifhmu b’bijodiversità u servizzi ta’ l-ekosistema, jekk irridu ntejbu r-rispons politiku tagħna fil-ġejjieni. Dan jitlob it-tisħiħ (taħt l-FP7 u l-programmi nazzjonali ta’ riċerka) tal-Qasam Ewropew tar-Riċerka, tad-dimensjoni internazzjonali tiegħu, ta’ l-infrastrutturi tar-riċerka, tal-kollegament bejn ix-xjenza u l-politika u ta’ l-interoperabilità tad- data dwar il-bijodiversità. Dan kollu għandu jisfrutta t-teknoloġiji l-ġodda ta’ l-informazzjoni u l-komunikazzjoni. Bil-kundizzjoni li jinstabu fondi minn riżorsi finanzjarji eżizstenti, il-Kummissjoni se tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ l-UE li jagħti pariri indipendenti, awtoritativi u bbażati fuq ir-riċerka biex jgħin fl-implimentazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-politika. Fuq livell internazzjonali, l-UE għandha tidentifika modi u mezzi kif issaħħaħ il-pariri xjentifiċi indipendenti għat-tfassil tal-politika globali, fost oħrajn billi tikkontribwixxi b’mod attiv biex jitqies is-CBD fl-evalwazzjoni ta' l-2007 ta’ l-MA, u l-konsultazzjonijiet li għaddejjin bħalissa dwar il-ħtieġa għal Mekkaniżmi Internazzjonali mtejba għall-Għarfien Espert dwar il-Bijodiversità.

5.3. L-erba’ miżuri ewlenin ta’ sostenn

1. Li jkunu żgurati l-finanzi adegwati

L-iffinanzjar adegwat, kemm għal Natura 2000 u kemm għall-bijodiversità li ma tidħolx f’Natura 2000, huwa essenzjali. Il-Perspettivi Finanzjarji l-ġodda għall-2007-13 jippreżentaw opportunitajiet għall-iffinanzjar konġunt tal-bijodiversità u ta’ Natura 2000 taħt il-Fond għall-Iżvilupp Rurali[32], il-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni[33], il-Life+[34] u l-FP7. Madankollu, it-tnaqqis fil-baġit previst mill-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru[35] għandu jinfluwenza l-għażliet ta’ dawn l-istrumenti fl-iffinanzjar għall-bijodiversità. Bħala konsegwenza ta’ dan, l-għażliet fl-implimentazzjoni nazzjonali se jkunu kruċjali. Il-Komunità u l-Istati Membri se jkollhom jiżguraw, permezz ta’ ffinanzjar konġunt tal-Komunità u permezz tar-riżorsi proprji ta’ l-Istati Membri, iffinanzjar adegwat tal-Pjan ta’ Azzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ Natura 2000, ta’ artijiet tal-biedja u foresti b’valur naturali għoli, kif ukoll fir-rigward tal-bijodiversità marina, tal-bijodiversità globali, u tar-riċerka, il-monitoraġġ u l-inventarju tal-bijodiversità. Fi kwalunkwe każ, l-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji kommunitarji għandhom jikkunsidraw il-limitazzjonijiet tal-baġit u jkunu fil-limiti tal-Perspettivi Finanzjarji l-ġodda.

2. Li jissaħħaħ it-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ l-UE

Dan jinvolvi: it-titjib tal-koordinazzjoni u l-komplementarjetà bejn il-Komunità u l-Istati Membri, b’mod speċjali permezz tal-BEG; li jkun żgurat li strateġiji politiċi u baġits eżistenti u ġodda (inklużi dawk żviluppati taħt il-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona) jikkunsidraw il-ħtiġijiet tal-bijodiversità; li fit-teħid tad-deċiżjonijiet ikunu kkunsidrati l-ispejjeż ambjentali (inkluż it-telf tal-kapital naturali u tas-servizzi ta’ l-ekosistema); li fuq livell nazzjonali tittejjeb il-koerenza bejn id-diversi pjani u programmi li jaffettwaw il-bijodiversità; u li jkun żgurat li t-teħid tad-deċiżjonijiet fuq livell reġjonali u lokali jkun konsistenti ma’ impenn ta’ l-ogħla livell favur il-bijodiversità.

3. Li jinħolqu sħubiji

Dan jinvolvi li b’mod progressiv jinħolqu sħubiji bejn il-gvern, id-dinja ta’ l-akkademiċi, min jieħu ħsieb il-konservazzjoni, is-sidien ta’ l-art u min jużaha, is-settur privat, is-settur finanzjarju, is-settur edukattiv u l-midja biex jiġu mfassla s-soluzzjonijiet. Jinvolvi wkoll li jkun hemm żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet eżistenti (eż. taħt il-PAK u l-CFP) u li jinħolqu sħubiji ġodda, inkluż barra mill-UE.

4. Li tiżdied l-edukazzjoni, it-trawwim tal-kuxjenza u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku

Dan jinvolvi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni bħala appoġġ għall-Pjan ta’ Azzjoni. Jinvolvi wkoll il-ħidma mill-qrib ma’ l-inizjattiva Countdown 2010, u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ǻrhus u tad-Direttivi relatati[36].

5.4. Il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-reviżjoni

Ta’ kull sena il-Kummissjoni se tagħmel rapport lill-Kunsill u lill-Parlament dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni. L-ewwel rapport se jkun dwar il-perjodu bejn l-adozzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni u l-aħħar ta’ l-2007.

It-tieni rapport (sa l-aħħar ta’ l-2008) se jinkludi evalwazzjoni qasira tal-progress f’nofs il-perjodu li jwassal għall-miri ta’ l-2010.

Ir-raba’ rapport annwali (sa l-aħħar ta’ l-2010) se jevalwa sa liema punt l-UE tkun wettqet l-impenji tagħha ta’ l-2010. Dan se jinvolvi stima kwalitativa tal-livell li fih ġew implimentati l-azzjonijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni u ta’ kemm intlaħqu l-għanijiet, inkluż il-konsiderazzjoni ta’ xi ipotesi bażika u ta’ xi azzjonijiet possibbli li kienu nieqsa. L-evalwazzjoni se tkun imsaħħa wkoll b’ data kwantitativa relatata ma’ sett ta’ indikaturi ewlenin tal-bijodiversità (Anness 2). Fl-2007 se jkun żviluppat indiċi tal-bijodiversità bħala indikatur strutturali u ta’ l-iżvilupp sostenibbli. Il-Kummissjoni se tiżviluppa u timplimenta dawn l-indikaturi, u l-monitoraġġ relatat magħhom, flimkien ma’ l-Istati Membri u mas-soċjetà ċivili.

Is-seba’ rapport annwali (sa l-aħħar ta’ l-2013) se jipprovdi evalwazzjoni simili, u se jindirizza wkoll il-miri kollha ta’ wara l-2010 li hemm fil-Pjan ta’ Azzjoni.

Dawn l-evalwazzjonijiet se jservu bħala bażi għall-aħħar evalwazzjoni tas-Sitt EAP, għar-reviżjoni ta’ l-istrateġiji politiċi settorjali u l-baġits matul il-perjodu 2007-2013, u għall-istrateġiji politiċi u l-baġits għall-perjodu ta’ wara l-2013.

5.5. Viżjoni dwar il-bijodiversità li tkun mifruxa fuq perjodu itwal ta’ żmien u l-UE bħala qafas għall-politika

Finalment, it-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità u l-bidu tat-triq li twassal għall-irkupru huma stadji importanti ħafna. Madankollu, hemm il-ħtieġa li wieħed iħares lil hinn mill-2010 b’viżjoni li tkun mifruxa fuq perjodu itwal ta’ żmien bħala qafas għall-politika. Din il-viżjoni għandha tirrikonoxxi l-interdipendenza tagħna man-natura u l-ħtieġa ta’ bilanċ ġdid bejn l-iżvilupp u l-konservazzjoni ta’ l-ambjent naturali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tniedi dibattitu.

[1] Ara, per eżempju, it-tendenzi ta’ l-Indiċi ta’ l-Iżvilupp Uman, fil- Human Development Report 2005 ta’ l-UNDP

[2] Is-Segretarjat CBD (2006) Global Biodiversity Outlook 2 .

[3] http://www.maweb.org

[4] Konklużjonijiet tal-Presidenza, il-Kunsill Ewropew ta’ Göteborg tal-15 u 16 ta’ Ġunju 2001

[5] COM (2001) 264 finali

[6] Laqgħa Dinjija għall-Iżvilupp Sostenibbli, Pjan għall-Implimentazzjoni

[7] Eurobarometer Speċjali 217 (2005)

[8] COM (2001) 264 finali

[9] COM (1998) 42 finali

[10] COM (2001) 162 finali

[11] Is-Segretarjat CBD (2006) op. cit.

[12] Iktar dettalji fil-karti ta’ l-‘awditjar’ tal-konferenza ta’ Malahide, id-DĠ ta’ l-Ambjent fuq Europa: http://europa.eu.int/comm/environment/nature/biodiversity/develop_biodiversity_policy/malahide_conference/index_en.htm

[13] Id-Direttiva 79/409/KE, ĠU L 103, 25.4.1979, p.1 kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) 807/2003, ĠU L122, 6.5.2003, p. 36.

[14] Id-Direttiva 92/43/KEE, ĠU L 206, 22.7.1992, p.7, kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 97/62/KE, ĠU L 305, 8.11.1997, p.42.

[15] Azores, Madejra, u l-Gżejjer Kanarji mhumiex koperti

[16] Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE, ĠU L 242, 10.9.2002, p.1

[17] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, ĠU L 277, 21.10.2005, p.1

[18] COM (2001) 135 finali

[19] Id-Direttiva 85/337/KEE kif emendata bid-Direttiva 97/11/KE, ĠU L 073, 14.3.1997, p.5

[20] Id-Direttiva 2001/42/KE, ĠU L 197, 21.7.2001, p.30

[21] COM (2005) 134 finali

[22] COM (2005) 311 finali

[23] COM (2003) 104 finali, COM (2004) 373 finali

[24] COM (2003) 251 finali

[25] Id-Deċiżjoni Nru 1513/2002/KE, ĠU L 232, 29.8.2002, p.1

[26] COM (2005) 119 finali.

[27] Fi: Rapport dwar il-Konferenza, id-DĠ ta’ l-Ambjent fuq Europa

[28] Il-paġna tad-DĠ ta’ l-Ambjent fuq Europa

[29] Is-Segretarjat tas-CBD (2006) op. cit .

[30] Jiġifieri miżuri li ttieħdu b’mod volontarju u fuq inizjattiva nazzjonali għall-kolonji Franċiżi ta’ Gujana, Reunion, Guadeloupe, Martinique

[31] COM (2003) 251finali

[32] Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005, ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1 u d-Deċiżjoni Nru 2006/144/KE, ĠU L 55, 25.2.2006, p. 20

[33] COM (2004) 492, 493, 494 , 495, 496 finali

[34] COM (2004) 621 finali

[35] Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza, il-Kunsill Ewropew, Brussell, 15 u 16 ta’ Diċembru 2005

[36] Id-Direttivi 2003/4/KE, ĠU L-41, 14.2.2003 p. 26 u 2003/35/KE, ĠU L156, 25.6.2003, p. 17