52006DC0137

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Rapport ġenerali fuq għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni (Phare - Ispa - Sapard) fl-2004 {SEK(2006) 378} /* KUMM/2006/0137 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 24.3.2006

KUMM(2006) 137 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

RAPPORT ĠENERALIFUQ GĦAJNUNA TA’ QABEL L-ADEŻJONI(PHARE – ISPA – SAPARD)FL-2004{SEK(2006) 378}

1. TAQSIRA

Dan huwa l-ħames rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq it-tliet strumenti ta’ qabel l-adeżjoni u l-koordinazzjoni tagħhom skond l-Artikolu 13 tar-'Regolament tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta' għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni'(KE) Nru 1266/99[1] (minn issa "ir-Regolament tal-Koordinazzjoni”).

Phare jindirizza miżuri ta’ prijorità li jikkonċernaw l-adozzjoni ta’ l- acquis communautaire , kemm jekk dan jintlaħaq permezz ta’ titjib tal-kapaċità amministrattiva kif ukoll jekk jintlaħaq permezz ta’ appoġġ ta’ l-investiment relatat. Għandu wkoll element għal Koeżjoni Ekonomika u Soċjali.

ISPA (Strument għal Politika Strutturali għal Qabel l-Adeżjoni) jiffinanzja proġetti kbar fil-qasam ta’ l-ambjent u l-infrastruttura tat-trasport.

SAPARD (Programm Speċjali ta’ l-Adeżjoni għall-Iżvilupp Agrikolu u Rurali) jiffinanzja żvilupp agrikolu u rurali.

Informazzjoni fid-dettall dwar l-attivitajiet fl-2004 li jaqgħu taħt kull strument ta’ qabel l-adeżjoni tista’ ssibha fir-rapporti annwali rilevanti PHARE, ISPA u SAPARD.

Għal figuri finanzjarji fuq l-istrumenti ta’ qabel l-adeżjoni, ara t-taqsima 5 “Ħarsa Ġenerali Finanzjarja”.

Il- koordinazzjoni tat-tliet strumenti hija żgurata bi tqassim ta’ responsabilitajiet bejn l-istrumenti. Kumitat fil-livell ta’ Direttorat jiżgura koordinazzjoni bejn is-servizzi kkonċernati tal-Kummissjoni. F’Ġunju 2005 tressaq ‘Dokument Ġenerali dwar l-Għajnuna’ li jkopri l-istrumenti kollha, lill-Kumitat ta’ Ġestjoni tal-Phare, il-korp li jgħin lill-Kummissjoni fil-koordinazzjoni ta’ l-istrumenti. Fuq livell ta’ pajjiż, il-Kummissjoni inkuraġġiet lill-pajjiżi applikanti sabiex isaħħu l-koordinazzjoni inter-ministerjali, u din hi meqjusa bħala pre-kondizzjoni ewlenija għall-ġestjoni futura b’suċċess tal-Fondi Strutturali.

2. DESKRIZZJONI ĠENERALI TAL-MEKKANIżMI TA’ L-ISTRUMENTI TA’ QABEL L-ADEżJONI

2.1. Impenji u trasferiment tal-fondi

Qabel ma jistgħu jkunu trasferiti l-fondi ta’ l-UE, jeħtieġu: (1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni, sabiex ikunu marbuta fil-Baġit; (2) Ftehim ta’ Qafas; u (3) Ftehim ta' Finanzjament jew Memorandum bilaterali annwali li jiddetermina l-impenn finanzjarju tal-Komunità għall-miżura kkonċernata lejn il-pajjiż benefiċjarju, jiġifieri ffissar ta’ drittijiet u obbligi għaż-żewġ partijiet. Madankollu, il-proċeduri li jwasslu għal teħid ta’ deċiżjoni u impenn tal-fondi huma differenti għal kull strument. L-informazzjoni fid-dettall dwar il-proċeduri li jwasslu għal finanzjament taħt kull strument tista’ ssibha fl-Anness 1.1

2.2. Strutturi ta' implimentazzjoni fil-pajjiżi Kandidati

Il-fondi mill-istrumenti ta’ qabel l-adeżjoni jitwasslu permezz ta’ Fond Nazzjonali, stabbilit fil-Ministeru tal-Finanzi f’kull pajjiż, li jaqa' taħt ir-responsabilità ta' l-Uffiċjal Nazzjonali Awtorizzat. L-implimentazzjoni konkreta tal-Phare u ta’ l-ISPA titwettaq mill-Aġenziji ta’ Implimentazzjoni (bħall-Unità Ċentrali ta’ Finanzi u Kuntratti, CFCU) li jirċievu l-fondi mill-Fond Nazzjonali[2]. Għas-SAPARD, l-implimentazzjoni titwettaq mill-Aġenzija SAPARD maħtura apposta li tirċievi l-fondi mill-Fond Nazzjonali.

2.3. Deċentralizzazzjoni ta’ implimentazzjoni taħt l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Koordinazzjoni[3]

Id-deċentralizzazzjoni hija l-proċess li bih il-ġestjoni tal-fondi ta’ l-UE hija mgħoddija lill-amministrazzjonijiet ta’ pajjiżi kandidati.

Fil-Bulgarija u r-Rumanija, għal Phare u ISPA, dan il-proċess fl-2004 kien iggvernat mis-Sistema ta’ Implimentazzjoni Deċentralizzata (SID). SID tfisser li l-proċeduri għal ġestjoni ta’ miżuri jew proġetti ffinanzjati minn ISPA u Phare jirrikjedu kontroll ex ante , jiġifieri deċiżjonijiet li jikkonċernaw prokura u għotja ta’ kuntratti jittieħdu mill-awtorità kontraenti u jiġu rriferuti lid-Delegazzjoni tal-KE fil-pajjiż benefiċjarju għall-approvazzjoni. Għalhekk id-delegazzjonijiet tal-KE huma responsabbli għall-approvazzjoni ta’ dokumenti ta’ prokura qabel ma jitniedu l-offerti jew qabel ma jiġu ffirmati l-kuntratti.

Min-naħa l-oħra, SAPARD huwa implimentat fuq bażi totalment deċentralizzata (SIED = Sistema ta’ Implimentazzjoni Estiża Deċentralizzata). SIED tirrappreżenta deċentralizzazzjoni sħiħa tal-ġestjoni u l-implimentazzjoni tas-sostenn ta’ l-UE , li tfisser li l-ġestjoni tal-fondi ta’ qabel l-adeżjoni ta’ l-UE hija mgħoddija lill-amministrazzjoni ta' pajjiżi kandidati, fejn il-Kummissjoni ma teżerċita ebda kontroll ex-ante fuq it-tranżazzjonijiet individwali, iżda hija limitata għal kontroll ex-post , filwaqt li tibqa’ żżomm ir-responsabilità finali għall-eżekuzzjoni ġenerali tal-baġit.

Din it-tip ta’ delegazzjoni ta’ responsabilità ta’ ġestjoni titlob minn kull pajjiż il-kondizzjoni li jistabbilixxi ġestjoni u sistemi ta’ kontroll xierqa li għandhom jiġu approvati mill-Uffiċjal Nazzjonali Awtorizzat. Ladarba jintlaħqu dawn il-kondizzjonijiet, il-Kummissjoni twettaq verifika ta’ konformità qabel ma tittieħed id-Deċiżjoni mill-Kummissjoni li tikkonferixxi l-ġestjoni tas-sostenn ta’ l-UE.

Kemm fil-każ tal-Bulgarija kif ukoll tar-Rumanija, il-Kummissjoni qiegħda ssostni l-isforzi tal-pajjiżi biex jadottaw is-SIED fl-ewwel nofs ta’ l-2006. Għal aktar informazzjoni dwar is-SIED, ara l-Anness 1.2.3. Barra minn dan, l-obbligu li s-SIED tkun f’postha sad-data ta’ l-adeżjoni kien inkluż fl-Att ta’ Adeżjoni (l-Artikolu 27) u jipprovdi impetu ċar sabiex dawn il-pajjiżi jagħmlu l-aħħar preparamenti biex dan iseħħ. Madankollu, il-proċess għadda minn diversi episodji ta’ dewmien.

Għall-Phare u l-ISPA, l-adozzjoni tas-SIED issir f’erba’ stadji, li huma deskritti fid-dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni “It-Tħejjija għal Deċentralizzazzjoni Estiża” u d-dokument “Pjan għall-Adozzjoni tas-SIED għall-ISPA u l-Phare”. Il-Pjan għall-Adozzjoni tas-SIED jagħti l-istadji ta’ proċedura li jwasslu għal deċiżjoni fuq il-bażi tas-SIED. L-istadji 1 sa 3 huma r-responsabilità tal-pajjiżi kandidati u għandhom valutazzjoni tal-Lakuni, it-tneħħija tal-Lakuni u Valutazzjoni tal-Konformità tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll. Ir-raba’ stadju huwa t-tħejjija għal deċiżjoni tal-Kummissjoni u huwa r-responsabilità tal-Kummissjoni. Din id-deċiżjoni tittieħed wara reviżjoni fil-fond, inkluża verifika tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll li ssir fuq il-post kif deskritta fl-applikazzjoni tas-SIED ippreżentata lill-Kummissjoni mill-Uffiċjal Nazzjonali Awtorizzat.

3. MONITORAġġ U VALUTAZZJONI

3.1. PHARE

L-eżekuzzjoni tal-programm PHARE hija soġġetta għal proċess strutturat ta’ monitoraġġ u valutazzjoni. Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ f’kull pajjiż huwa appoġġat minn sotto-Kumitati Settorjali ta’ Monitoraġġ li jiltaqgħu darbtejn fis-sena.

Fl-2004, daħal fis-seħħ mandat rivedut tal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ (KKM) fl-Istati Membri l-ġodda. L-għan prinċipali ta’ dan huwa li jsaħħaħ aktar il-funzjoni tal-monitoraġġ, bl-introduzzjoni ta’ Rapport dwar l-Istatus ta’ l-Implimentazzjoni, għat-tisħiħ ta’ l-operat tal-KKM kif ukoll ta’ l-obbligi tar-rapportar lill-Kummissjoni. Il-mandat ta’ qabel għadu japplika għall-Bulgarija u għar-Rumanija. Filwaqt li l-funzjoni tal-Valtuazzjoni Provviżorja għadha ġestita b’mod ċentralizzat fil-każ tal-Bulgarija u r-Rumanija, din ġiet iddeċentralizzata għall-Istati Membri l-ġodda.

Fl-2004, l-iskemi esterni ta’ valutazzjoni provviżorja ġġeneraw 45 rapport ta’ valutazzjoni – ta’ pajjiżi individwali, settorali, ad hoc jew tematiċi, li jkopru l-Phare u miżuri oħra ta’ strumenti finanzjarji ta’ qabel l-adeżjoni, kif ukoll Rapport Ikkonsolidat fil-Qosor dwar is-sostenn mill-Phare allokat mill-1999 sa l-2002 u implimentat sa Novembru 2003. B’mod ġenerali, mill-valutazzjoni li saret, ġie konkluż li l-Phare ta riżultati mħallta. Il-parti l-kbira ta’ dawn ir-riżultati ġejja minn tliet diskrepanzi fir-riżultati. L-ewwelnett, kien hemm nuqqasijiet serji fl-analiżi tal-bżonnijiet u fit-tfassil. It-tieni, l-għanijiet tal-programm/tal-proġett intlaħqu bl-eżatt. It-tielet, minkejja li l-implimentazzjoni sejra għall-aħjar, din batiet minn problemi ta’ effiċjenza, minn kull aspett. Madankollu, meta wieħed iqis il-kumplessità ta’ l-għanijiet ta’ qabel l-adeżjoni u l-limiti imposti mill-perjodu ta’ implimentazzjoni limitat ħafna, dak li sar bis-sostenn tal-Phare huwa verament eċċezzjonali.

3.2. ISPA

Il-Proġetti ISPA huma kollha soġġetti għar-Regolament ta’ l-ISPA u għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Finanzjarju kemm dawk tal-monitoraġġ kif ukoll dawk tal-valutazzjoni. Il-progress ta’ l-implimentazzjoni huwa rivedut b’mod sistematiku darbtejn fis-sena u b’mod perjodiku mis-servizzi tal-Kummissjoni, b’mod partikolari permezz tal-Kumitati tal-Monitoraġġ.

Il-kondizzjonijiet mitluba għal valutazzjoni ex-post huma stipulati fit-Taqsima XIII ta’ l-anness tal-Memorandum Finanzjarju, li huwa konkluż għal kull proġett li jseħħ bejn il-Kummissjoni u l-istat benefiċjarju ta’ l-ISPA. Din it-taqsima tiddikjara li wara li jitlesta l-proġett, il-Kummissjoni u l-pajjiżi benefiċjarji se jivvalutaw l-impatt tal-proġett u l-mod kif il-proġett ikun twettaq. Għadu mhux il-każ li tiġi mitħaddta l-valutazzjoni ex-post, billi ebda proġett għadu ma tlesta f’dan l-istadju.

3.3. SAPARD

L-implimentazzjoni tal-programmi SAPARD hija soġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-‘Ftehim Finanzjarju Multi-Annwali’ kemm fir-rigward tal-monitoraġġ kif ukoll f’dak tal-valutazzjoni. Sa mill-2001, twaqqfu Kumitati tal-Monitoraġġ tas-Sapard f’kull pajjiż benefiċjarju, u dawn kienu qegħdin jaħdmu primarjament skond ir-regoli tal-Fondi Strutturali, waqt li l-Kummissjoni adottat status ta’ osservatur.

Għalkemm tmienja mill-għaxar pajjiżi benefiċjarji saru Stati Membri ġodda fl-1 ta’ Mejju 2004, dawn baqgħu jikkuntrattaw proġetti taħt is-Sapard mal-benefiċjarji finali sakemm setgħu jaqilbu għall-ipprogrammar ta’ wara l-adeżjoni. Għalhekk, sa l-aħħar ta’ l-2004, l-aġenziji tas-Sapard approvaw ’il fuq minn 37 000 proġett li jinvolvu kontribuzzjoni ta’ €2.2 biljun mill-Komunità.

Il-Kummissjoni baqgħet taħdem mill-qrib mal-pajjiżi benefiċjarji fuq l-addattament u l-ġestjoni tas-sistemi tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni. It-18-il laqgħa tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ li saru fl-2004 taw opportunità utli biex issir diskussjoni u jittieħdu deċiżjonijiet dwar: (i) il-monitoraġġ ta’ l-implimentazzjoni tal-programmi (ii) l-approvazzjoni tal-modifikazzjonijiet li jridu jiddaħħlu fil-programmi, jiġifieri dawk li joħroġu mill-eżerċizzji ta’ valutazzjoni ta’ nofs il-perjodu li saru fl-2003 u (iii) l-approvazzjoni tar-rapporti annwali dwar il-progress li sar fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni tal-programmi Sapard, qabel ma jiġu ppreżentati uffiċjalment lill-Kummissjoni.

4. KOORDINAZZJONI

4.1. Ġenerali

Hekk kif mitlub mir-Regolament tal-Koordinazzjoni, il-Kummissjoni tiżgura koordinazzjoni mill-qrib bejn it-tliet strumenti ta’ qabel l-adeżjoni. Ir-Regolament jispeċifika bir-reqqa l-qasam li kull strument jipprovdi għajnuna rispettiva għalih, u b’hekk inaqqas kemm jista’ jkun il-possibilità li l-istrumenti differenti jintużaw b’tali mod li jidħlu fil-qasam ta’ xulxin.

L-Imsieħba ta’ l-Adeżjoni fasslu l-qafas ġenerali għal għajnuna taħt it-tliet strumenti ta’ qabel l-adeżjoni. Huma kkomplementati, fil-każ tal-PHARE, bil-Pjanijiet ta’ Żvilupp Nazzjonali, u fil-każ ta’ l-ISPA, bl-istrateġiji nazzjonali għall-ambjent u t-trasport. Il-proġetti SAPARD jintgħażlu fuq il-bażi tal-Programmi ta’ Żvilupp Rurali għas-sena 2000 sa l-2006, jitħejjew fuq il-bażi tal-pjanijiet tal-pajjiżi Kandidati u jiġu approvati għal kull pajjiż mill-Kummissjoni fis-sena 2000.

Il- Kumitat ta’ Ġestjoni tal-PHARE għandu rwol ewlieni fil-koordinazzjoni ġenerali. Skond l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Koordinazzjoni, il-Kumitat għandu jgħin lill-Kummissjoni fil-koordinazzjoni tal-operati li jaqgħu taħt it-3 strumenti u l-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat dwar l-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi għal kull pajjiż u għal kull strument ta' qabel l-adeżjoni fir-rigward ta' l-azzjoni li tkun ħadet fejn tidħol il-koordinazzjoni mal-Bank Ewropew għall-Investiment, ma' strumenti oħra tal-Komunità u ma' l-IFI.

4.2. Koordinazzjoni ġewwa l-Kummissjoni

Il-programm PHARE u l-koordinazzjoni ta’ l-istrumenti jaqgħu taħt ir-responsabilità tad-DĠ għat-Tkabbir, appoġġjat mill-Kumitat ta’ Ġestjoni PHARE. L-ISPA jaqa’ taħt ir-responsabilità tad-DĠ għall-Politika Reġjonali, u SAPARD taħt ir-responsabilità tad-DĠ għall-Agrikoltura.

L-ipprogrammar huwa kkoordinat permezz ta’ konsultazzjonijiet estiżi bejn is-servizzi involuti. Barra minn hekk, ġie stabbilit Kumitat ta’ Koordinazzjoni f’livell ta’ Direttur għall-istrumenti ta’ qabel l-adeżjoni fis-servizzi varji tal-Kummissjoni involuti. Dan jagħti attenzjoni partikolari għat-tħejjija tas-SIED tal-PHARE u ta’ l-ISPA.

Sabiex tevita xogħol doppju, il-Kummissjoni ċcarat l-isfera komuni għall-PHARE u s-SAPARD, filwaqt li kkunsidrat id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Koordinazzjoni. Fir-rigward tal-monitoraġġ tal-proġett, il-koordinazzjoni tieħu l-forma ta’ kumitat konġunt ta’ monitoraġġ (KKM). Il-KKM huwa responsabbli għall-koordinazzjoni tal-monitoraġġ ta’ kull strument ta’ qabel l-adeżjoni u għall-valutazzjoni tal-progress ġenerali ta’ l-assistenza ffinanzjata mill-UE fil-pajjiżi benefiċjarji. Il-kumitat joħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat ta’ l-ISPA jew lill-Kummissjoni meta jkun il-każ.

Ġew organizzati laqgħat perjodiċi mis-servizzi tal-Kummissjoni (id-DĠ għat-Tkabbir, għar-Relazzjonijiet Esterni, u għall-Politika Reġjonali) ma’ l-esperti fid-Delegazzjonijiet responsabbli għall-PHARE u l-ISPA biex jiddiskutu kwistjonijet dwar l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni, b’mod partikulari dawk marbuta mal-ħruġ tat- tenders u mal-kuntratti.

4.3. Koordinazzjoni fil-pajjiżi Kandidati

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-pajjiżi kandidati sabiex itejbu l-koordinazzjoni interministerjali bħala prekondizzjoni ewlenija għall-ġestjoni futura tal-Fondi Strutturali b’suċċess u, fuq medda qasira ta’ żmien, għall-implimentazzjoni tal-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali tal-PHARE. F’bosta pajjiżi, il-koordinazzjoni interministerjali ta' dan it-tip għadha teħtieġ titjib ulterjuri.

Billi l-ġestjoni deċentralizzata sħiħa, jew tiġi prevista mill-bidunett (fil-każ tas-SAPARD), jew tiżdied bil-mod il-mod (għall-PHARE u l-ISPA), ir-responsabblità tal-pajjiż kandidat għall-koordinazzjoni xierqa tal-ħidmiet li jkunu qed jirċievu l-appoġġ ta’ qabel l-adeżjoni, u biex ikun evitat li elementi ta’ l-operat jidħlu fil-qasam ta’ xulxin, trid tiġi żviluppata skond dan.

Għalhekk il-Kummissjoni titlob lill-pajjiżi jieħdu l-passi meħtieġa għal koordinazzjoni effettiva u effiċjenti. Il-lista tal-kontroll mibgħuta lill-pajjiżi kandidati u lid-Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni, li tippermetti lil dawn ta’ l-aħħar jivverifikaw li l-IA hija kapaċi tiġġestixxi ‘skema’ għall-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali tal-PHARE b’mod effettiv u effiċjenti, tgħid li trid issir valutazzjoni biex jintwera li l-mekkaniżmi stabbiliti għall-koordinazzjoni huma adegwati, u li hemm mekkaniżmi xierqa, sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti l-oħra tal-Komunità, partikolarment il-Phare CBC, is-SAPARD u l-ISPA, ma jidħlux fl-oqsma ta’ xulxin,.

4.4. Koordinazzjoni mal-Bank Ewropew għall-Investiment (EIB) u ma’ l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFI)

Bħal fis-snin ta’ qabel, il-kooperazzjoni ma’ l-EIB u ma’ IFI oħra kompliet fl-2004 skond il-qafas tal-Memorandum ta’ Ftehim dwar il-kooperazzjoni fl-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni. Iċ-ċifri disponibbli għas-snin 2000 sa l-2004 juru li l-ħidmiet ta’ l-IFI huma responsabbli għal kuntratti ta’ self ta’ 6.9 biljun euro ffirmati mal-Bulgarija u r-Rumanija għall-perjodu 2000-2004. Din hija somma sinifikanti li turi wkoll l-influwenza li kellha l-għajnuna tal-Komunità ta’ qabel l-adeżjoni. Din l-influwenza stess issaħħet mill-2000 ’l hawn.

Is-Servizzi tal-Kummissjoni jorganizzaw laqgħat perjodikament ma’ l-EIB u l-IFI l-oħra biex jikkoordinaw kwistjonijiet marbuta ma’ l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni, kif ukoll dwar kwistjonijiet ta’ proċedura. Bil-għan li torganizza t-tranżizzjoni mill-appoġġ ta’ qabel l-adeżjoni għas-sħubija sħiħa fl-UE għall-pajjiżi li ssieħbu f’Mejju 2004, il-Kummissjoni ppresidiet ukoll il-Grupp ta’ Ħidma KE/IFI fis-26 ta’ Marzu 2004, kif ukoll il-Grupp ta’ Livell Għoli KE/IFI, li jikkonsistu f’laqgħat tad-diriġenti fuq livell għoli bejn il-KE u l-IFI.

Meta jitqies il-fatt li l-proġetti l-kbar infrastrutturali li spiss ikunu suġġetti għall-kofinanzjament internazzjonali issa qegħdin jiġu ffinanzjati skond l-ISPA, il-kofinanzjament skond il-Phare kien limitat. Fit-termini ta’ l-implimentazzjoni, l-istrument prinċipali tal-kofinanzjament fl-2004 kien għal darba oħra il-Faċilità ta’ l-Intrapriżi ż-Żgħar u ta’ Daqs Medju (SME) li fih qed jipparteċipaw l-EIB, l-EBRD u l-Bank għall-Iżvilupp fi ħdan il-Kunsill ta’ l-Ewropa/KfW. L-għan huwa li tkompli tkun ikkofinanzjata l-kapaċità tal-kofinanzjament fi ħdan is-settur finanzjarju biex jiġi żviluppat il-finanzjament għall-SMEs (permezz tal-Faċilità ta’ l-SMEs) u l-muniċipalitajiet (permezz tal-Faċilità tas-Self Muniċipali). Għal aktar dettalji dwar dawn il-faċilitajiet, ara d-dettalji fil-Parti II ta’ l-Anness.

Billi l-proġetti prinċipali tat-trasport u ta’ l-ambjent isiru prinċipalment skond l-ISPA, id-DĠ għall-Politika Reġjonali huwa s-sieħeb ewlieni għall-kofinanzjament ma’ l-EIB u l-EBRD.

Il-Faċilità tas-Self Muniċipali tikkonċentra fuq il-finanzjament u l-miżuri għall-bini tal-kapaċità għall-banek sabiex jespandu l-operat tas-self tagħhom lill-muniċipalitajiet lokali.

L-EIB u l-Kummissjoni waqqfu faċilità fir-reġjuni tal-fruntiera, kif jitlob il-Kunsill Ewropew ta’ Nizza, u kif deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Reġjuni tal-Fruntiera (tal-25 ta’ Lulju 2001 COM(2001)437finali). Il-proġett jikkonċentra fuq l-implimentazzjoni ta’ l-infrastruttura ż-żgħira muniċipali fir-reġjuni tal-fruntiera biex titħeġġeġ l-integrazzjoni mar-reġjuni kurrenti ta’ l-UE.

Għaddejin ukoll diskussjonijiet dwar il-kofinanzjament tal-komponent tal-Koeżjoni Socjali u Ekonomika tal-PHARE.

5. ĦARSA FINANZJARJA ġENERALI

L-allokazzjonijiet għal kull pajjiż għall-PHARE, l-ISPA u s-SAPARD fl-2004 (f’miljuni ta’ €)

PHARE | SAPARD | ISPA | TOTAL |

Il-Bulgarija | 294 | 68 | 136 | 497 |

Ir-Rumanija | 433 | 159 | 317 | 907 |

Oħrajn4 | 31 | - | - | 31 |

Total | 758 | 227 | 453 | 1435 |

[1] Ippubblikat fil-ĠU L 161, tal-21.06.1999, p. 68

[2] Sakemm il-Fond Nazzjonali ma jaġixxix bħala aġent ta’ ħlas f’isem l-Aġenzija għall-Implimentazzjoni.

[3] L-Artikolu 12 tar-Regolament għall-Koordinazzjoni jipprovdi l-bażi legali għal “rinunzja ta’ l-approvazzjoni ex ante , min-naħa tal-Kummissjoni. għall-għażla tal-proġetti, is-sejħiet għall-offerti u l-għoti tal-kuntratti mill-pajjiżi applikanti”.

4 Programmi bejn diversi pajjiżi li jinkludu t-TAIEX, is-sigurtà nukleari, l-istatistika, il-parteċipazzjoni fl-aġenziji u l-faċilità tan-netwerking. Dawn jinkludu wkoll il-kontribuzzjoni ta’ € 2.5 miljun taħt il-PHARE lill-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ.