52006DC0067

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-kunsillu l-parlament ewropew dwar it-tisħiħ ta' kooperazzjoni prattika - Strutturi ġodda, metodi ġodda : intejbu l-kwalità tat-teħid tad-deċiżjonijiet fis-sistema komuni ewropea ta’ l-ażil {SEK(2006) 189} /* KUMM/2006/0067 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 17.2.2006

KUMM(2006) 67 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILLU L-PARLAMENT EWROPEW

DWAR IT-TISĦIĦ TA' KOOPERAZZJONI PRATTIKA STRUTTURI ĠODDA, METODI ĠODDA: INTEJBU L-KWALITÀ TAT-TEĦID TAD-DEĊIŻJONIJIET FIS-SISTEMA KOMUNI EWROPEA TA’ L-AŻIL {SEK(2006) 189}.

1. SFOND TAL-POLITIKA

1. Bl-adozzjoni fl-1 ta’ Diċembru 2005 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85 dwar l-istandards minimi għall-proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istat ta’ refuġjat [1] (Id-Direttiva dwar il-Proċeduri għall-Għoti ta’ Ażil), tlestiet l-ewwel fażi tas-Sistema Komuni Ewropea ta’ l-Ażil. Fil-Programm ta’ l-Aja ta’ l-4 u l-5 ta’ Novembru 2004, il-Kunsill Ewropew saħaq li l-għanijiet tat-tieni fażi tas-Sistema Komuni Ewropea dwar l-Ażil se jkunu t-twaqqif ta’ proċedura komuni dwar l-ażil u status komuni għal dawk li jkunu ngħataw ażil jew protezzjoni sussidjarja. Il-Kunsill Ewropew talab ukoll għat-twaqqif ta’ strutturi xierqa li jkunu jinvolvu lis-servizzi nazzjonali ta’ ażil ta’ l-Istati Membri, bil-għan li titħaffef il-kooperazzjoni prattika u kollaborattiva biex jintlaħqu tliet għanijiet: il-kisba ta’ Proċedura Waħda madwar l-UE kollha; il-ħidma b’mod konġunt għall-ġbir, l-evalwazzjoni u l-applikazzjoni ta’ l-Informazzjoni dwar il-Pajjiż ta' Oriġini (COI); u t-titjib tal-mod kif l-Istati Membri jistgħu jaħdmu flimkien biex jindirizzaw pressjonijiet partikolari fuq is-sistemi ta' l-ażil jew il-kapaċitajiet ta’ lqugħ li jiġu minn fatturi bħal ma huma l-pożizzjoni ġeografika. Il-Programm ta’ l-Aja jgħid li dawn l-istrutturi għandhom jevolvu, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni, f’uffiċċju ta’ appoġġ Ewropew għal kull forma ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tas-Sistema Komuni Ewropea ta’ Ażil.

2. Din il-Kommunikazzjoni tispjega kif il-kooperazzjoni prattika bejn l-Istati Membri tista’ tgħin fil-kisba ta' għanijiet imfissra f’Tampere u fil-Programm ta’ l-Aja. Mehmuża mal-Kommunikazzjoni hemm programmi ta’ ħidma dettaljati għal kull wieħed mill-għanijiet ta’ l-Aja. L-isfond sħiħ politiku huwa inkluż fl-Anness A.

2. GħALIEX HIJA IMPORTANTI L-KOOPERAZZJONI PRATTIKA?

3. L-immaniġġjar flimkien ta’ l-ażil bħala Komunità hija r-raġuni ta' l-eżistenza tas-Sistema Komuni Ewropea ta’ l-Ażil. L-involviment tal-Komunità f’dan il-qasam hija msejsa fuq il-ħtieġa li jkun hemm solidarjetà bejn l-Istati Membri meta jkunu qed jindirizzaw sfida li, f’UE mingħajr fruntieri interni, ma tistax tiġi milqugħa b’mod effikaċi mill-pajjiżi individwali meta jaġixxu waħedhom. L-ewwel stadju tas-Sistema Komuni Ewropea ta’ Ażil, barra li daħħal qafas leġiżlattiv komuni, ħalaq ukoll il-ħtieġa li jkun hemm mixja lejn l-armonizzazzjoni, mhux biss tal-leġiżlazzjoni, iżda wkoll tal-prattika.

4. Il-kooperazzjoni prattika se tgħin lill-Istati Membri biex isiru jafu aktar dwar is-sistemi u l-prattiki ta' l-oħrajn, u biex jiżviluppaw relazzjonijiet ta’ ħidma aktar mill-qrib bejn is-servizzi ta’ l-ażil fuq livell operazzjonali. Dan jibni bażi għal oqsma akbar ta' kollaborazzjoni, bl-iżvilupp tal-fiduċja u sens ta’ interess reċiproku. L-għan ewlieni tal-kooperazzjoni prattika huwa li titjieb il-konverġenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet mill-Istati Membrti F’din il-perspettiva, it-tisħiħ fil-kooperazzjoni jipprovdi “strument komuni” għall-awtoritajiet ta’ l-ażil ta’ l-Istati Membri li jkollhom jirrispondu għall-ħtiġiet operazzjonali ta’ kuljum ta’ min ikun qed jaħdem dwar dan fl-UE. L-użu ta’ dan l-istrument għandu jwassal għal titjib fil-kwalità fost l-aspetti kollha tal-ġestjoni ta’ l-ażil fl-Istati Membri u b’mod partikolari fit-teħid tad-deċiżjonijiet, meta wieħed iqis lejn fejn huma immirati l-għanijiet ta’ l-Aja. Dan għandu jgħin biex ikun hemm evalwazzjoni aħjar ta’ l-applikazzjoni ta’ l-ewwel stadju tas-Sistema Komuni Ewropea ta’ l-Ażil u jipprovdi bażi soda għat-tnedija ta’ l-istrumenti tat-tieni fażi.

5. It-titjib tal-kwalità huwa fl-interess sew ta’ l-Istati Membri kif ukoll ta’ min qed ifittex l-ażil. It-titjib fil-kwalità ta’ kif jittieħdu d-deċiżjonijiet jkun ta’ għajnuna biex il-qasam ta’ l-ażil fl-UE jkun l-istess għal kulħadd u joħloq spazju uniku ta’ ażil, li jagħti protezzjoni lil dawk li jeħtiġuha u jittrattaw b’mod ġust u effiċjenti lil dawk li ma jinħtiġuhiex. Bl-użu ta’ l-istess strumenti u ta’ l-istess garanziji, l-Istati Membri jibnu wkoll il-fiduċja u l-kunfidenza fis-sistemi ta’ xulxin u jiksbu konsistenza akbar fil-prattika.

3. IL-KISBA TA' GħANIJIET TA’ KOOPERAZZJONI PRATTIKA

6. Quddiem il-firxa wiesgħa ta’ l-għanijiet tal-Programm ta’ l-Aja, huwa ċar li l-attivitajiet meħtieġa biex dawn jintlaħqu jinħtieġu kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni beħsiebha tipproponi t-twaqqif ta’ netwerk b’mandat ċar ta’ kooperazzjoni f’kull wieħed mill-oqsma prijoritarji identifikati fil-Programm ta’ l-Aja. Dan in-netwerk ta’ kooperazzjoni ta’ l-ażil, li għandu jkun ġestit mill-Kummissjoni, jipprovdi bażi sistematika għall-iskambju ta’ informazzjoni, jmexxi ’l quddiem l-aħjar prattika, jiġma’ l-kompetenzi bil-għan li tittejjeb il-konverġenza fil-politika dwar l-ażil, u b’hekk jingħata kontribut biex ikun hemm implimentazzjoni armonizzata ta’ l-ewwel stadju tas-Sistema Komuni Ewropea dwar l-Ażil u l-bini tal-bażi għat-twaqqif ta’ Sistema Komuni Ewropea ta’ l-Ażil sħiħa.

7. Barra mill-mandat speċifiku tan-netwerk ta’ kooperazzjoni dwar l-ażil, xi wħud mill-attivitajiet meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ l-Aja, li huma mfissra fl-annessi ta’ din il-Kommunikazzjoni, jistgħu jitwettqu mill-Kummissjoni, li tagħmel użu tal-kompetenza teknika u l-pariri ta’ gruppi ta’ esperti ad hoc , fejn tkun meħtieġa kompetenza speċifika u speċjalizzata biex il-Kummissjoni jkollha it-tagħrif kollu fil-preparazzjoni tagħha għal emendi leġiżlattivi jew biex il-Kummissjoni tkun megħjuna fir-rwol tagħha ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni. In-netwerk Eurasil[2] , per eżempju, se jkompli jiltaqa’ bħala grupp ta’ esperti biex jipprovdi pariri lill-Kummissjoni dwar attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mas-COI.

8. Forom oħra ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar kwistjonijiet speċifiċi jibqgħu jingħataw appoġġ permezz ta’ programmi finanzjarji skond kif jikkontribwixxu għall-kisba ta’ l-għanijiet tal-Programm ta’ l-Aja. Il-ħidma tal-Konferenza tad-Diretturi Ġenerali tas-Servizzi ta’ l-Immigrazzjoni (GDISC), li l-attivitajiet tagħha huma finanzjati mill-UE, tirrappreżenta eżempju tajjeb ta’ dan it-tip ta’ kooperazzjoni. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-attivitajiet tal-GDISC u se tikkunsidra kif tintegra l-GDISC fl-implimentazzjoni ta’ l-attivitajiet maħsuba f’din il-Komunikazzjoni.

9. Għal kull wieħed mill-għanijiet imfissra fil-Programm ta’ l-Aja għandhom jittieħdu għadd ta’ passi li huma spjegati fid-dettall fl-Annessi B, C u D ta’ din il-Kommunikazzjoni u mfissra hawn taħt.

3.1. Proċedura Waħda

10. Il-Komunikazzjoni dwar Proċedura Waħda [3] tispjega għaliex l-UE għandha tieħu passi biex tinħoloq Proċedura Waħda. Id-Direttiva ta’ Kwalifika [4] tobbliga lill-Istati Membri biex jevalwaw il-fatti u ċ-ċirkostanzi li għandhom x’jaqsmu ma’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bl-istess mod eżatt sew għall-istatus ta’ refuġjat kif ukoll għall-protezzjoni susssidjarja. Il-Komunikazzjoni tisħaq ukoll fuq id-differenza fil-livell ta' protezzjoni għal dawk l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li ma humiex koperti mill-garanziji tad-Direttiva tal-Proċeduri dwar l-Ażil. Il-Kommunikazzjoni ssemmi l-vantaġġi ewlenin f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ħeffa, effiċjenza u titjib fil-kwalità tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jistgħu jinkisbu mill-Proċedura Waħda għall-UE.

11. Il-Komunikazzjoni dwar Proċedura Waħda pproponiet firxa ta’ azzjonijiet li jistgħu jittieħdu biex ikun hemm konverġenza akbar bejn l-Istati Membri biex ikun żgurat li l-applikazzjonijiet kollha għall-protezzjoni fl-UE ikunu koperti bl-istess garanziji proċedurali. Il-Kommunikazzjoni pprevediet metodu doppju biex tinkiseb proċedura waħda għall-evalwazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet kollha għall-protezzjoni koperti mill-liġi tal-Komunità. Dan il-metodu għandu issa jkun inkorporat fil-kooperazzjoni prattika maħsuba fil-Programm ta’ l-Aja. Wara fażi preparatorja ta’ konsultazzjoni, dibattitu u tħejjija għal dak li l-Istati Membri għandhom bżonn jagħmlu biex jgħaqqdu l-proċeduri, li jwasslu għal żewġ tipi ta’ status kif imfissra fid-Direttiva ta’ Kwalifika, għandha tiġi fażi leġiżlattiva fejn jitressqu proposti biex tkun emendata l-leġiżlazzjoni ta’ l-ewwel fażi fejn dan ikun meħtieġ. L-attivitajiet biex titnieda l-fażi ta’ tħejjija, li tikkorrispondi mal- “Pjan ta’ Azzjoni ta’ One Stop Shop ” tal-Komunikazzjoni dwar Proċeedura Waħda, huma mfissra fid-dettal fl-Anness B u huma miġbura fil-qosor hawn taħt:

L-attivitajiet għal Proċedura Waħda għandu jkollhom l-għan li: Jidentifikaw fejn għandu jsir tibdil fil-prattika amministrattiva ta' l-Istati Membri biex ikunu implimentati l-istrumenti ta’ l-ewwel fażi. Jevalwaw kif il-kwalità u l-effiċjenza ta’ sistemi ta’ ażil ikunu jistgħu jittejbu billi jiddaħħlu l-possibbiltajiet kollha għall-protezzjoni f’deċiżjoni waħda. Jidentifikaw l-aħjar prattiċi għall-ġestjoni tar-riżorsi fi Proċedura Waħda, anki permezz ta’ tqabbil ta’ spejjeż involuti u eżerċizzji ta’ ġemellaġġ. Ir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet ikunu ta’ tagħrif għal azzjoni leġiżlattiva, b’mod partikolari biex ikun żgurat li, mill-anqas, il-garanziji maqbula kif applikabbli għal talbiet għal status ta’ refuġjat fid-Direttiva dwar il-Proċeduri ta’ Ażil ikunu jgħoddu wkoll għal applikazzkjonijiet għal protezzjoni sussidjarja. |

- 3.2. Informazzjoni dwar il-Pajjiż ta’ l-Oriġini (COI)

12. Il-ġbir, l-organizzazzjoni, l-evalwazzjoni u l-preżentazzjoni tas-COI huma kollha fil-qalba tal-proċessi ta’ l-ażil u t-teħid tad-deċiżjonijiet fl-Istati Membri ta' l-UE. Bis-COI, l-awtoritajiet ta’ l-ażil ta’ l-Istati Membri jkunu jistgħu jivverifikaw l-istqarrijiet li jsiru mill-applikanti dwar il-ħtieġa tagħhom ta’ protezzjoni u biex jistabbilixxu jekk l-applikant għandux igawdi minn protezzjoni internazzjonali. Sistema oġġettiva, trasparenti u preċiża tas-COI li tipprovdi informazzjoni uffiċjali, malajr u ta’ min joqgħod fuqha hija għalhekk ċentrali għal kull evalwazzjoni dwar jekk persuna għandhiex tibbenefika minn protezzjoni internazzjonali. Jekk ikun hemm aktar konverġenza dwar il-ġbir u l-analiżi tas-COI mill-awtoritajiet ta’ ażil fl-Istati Membri, dan iwassal biex ikun hemm kundizzjonijiet l-istess għal kulħadd fil-qasam ta’ l-ażil.

13. Il-kooperazzjoni dwar is-COI se tkun fattur ċentrali tal-mandat tan-netwerk dwar il-kooperazzjoni fl-ażil. L-ewwel għan ta’ kooperazzjoni bħal din għandu jkun li jitwaqqaf punt komuni ta’ dħul li jkun jista’ jintlaħaq malajr, għal informazzjoni li diġà teżisti. Dan jista’ jinkiseb permezz tal-ħolqien ta’ ‘portal komuni’ li permezz tiegħu l-Istati Membri kollha jkun jista’ jkollhom aċċess, f’mument wieħed, għad- databases kollha uffiċjali tas-COI, il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri, il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-KE u l-preċendenti, kif ukoll sorsi oħra uffiċjali ta’ informazzjoni. 'Portal komuni' jipprovdi riżorsa addizzjonali utli b’mod speċjali għal dawk l-Istati Membri li għandhom riżorsi tas-COI anqas żviluppati.

14. Għan ieħor ikun biex il-Kummissjoni tipproponi linji-gwida dwar il-produzzjoni tas-COI, billi tagħmel użu sħiħ tal-pariri tal-grupp ta’ esperti tal-Eurasil. L-applikazzjoni ta’ dawk il-linji-gwida għas-COI ta’ l-Istati Membri nfushom tista’ tkun l-ewwel pass lejn l-għan għat-tul ta’ applikazzjoni armonizzata tas-COI b’konformità mal-għanijiet tal-Programm ta' l-Aja. Għat-tul, wieħed għandu jaħseb ukoll għall-iżvilupp ta’ database sħiħ tas-COI għall-UE li jkun fih informazzjoni ibbażata fuq il-prinċipji komuni ta' l-UE. Attivitajiet li huma maħsuba biex jitfassal metodu konġunt dwar is-COI huma mfissra fid-dettal fl-Anness C u miġbura fil-qosor hawn taħt.

Il-kooperazzjoni dwar is-COI għandu jkollha tliet għanijiet ewlenin għal perjodu ta’ żmien medju: It-twaqqif ta' linji ta' gwida komuni dwar il-produzzjoni tas-COI. It-twaqqif ta' 'portal komuni' għad-databases tas-COI kif ukoll informazzjoni rilevanti oħra Soluzzjoni prammatika għad-diffikultajiet ta’ traduzzjoni li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri meta jkollhom x'jaqsmu ma' informazzjoni dwar is-COI li tkun ġejja minn sorsi differenti. Ir-riżultat ta’ dawn l-attivitajiet għandhom iwasslu, għat-tul, għall-iżvilupp fil-futur ta' database tas-COI għall-UE. |

- 15. Għall-integrazzjoni tal-kooperazzjoni fir-rigward ta’ l-informazzjoni dwar il-pajjiżi ta’ l-oriġini (is-COI) (għalkemm qed tiġi ttrattata attività sostanzjalment distinta), il-Kummissjoni se tibda’ l-ħidma meħtieġa biex tħejji lista minima komuni ta’ pajjiżi ta’ oriġini sikuri kif previst fl-Artikolu 29 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri għall-Ażil. Fit-tħejjija ta’ lista bħal din, il-Kummissjoni se tuża l-informazzjoni pprovduta mid-delegazzjonijiet tagħha stess f’pajjiżi terzi, kif ukoll rapporti mħejjija mir-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi ta’ l-Istati Membri. Kooperazzjoni u koordinazzjoni mtejba bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni f’dan il-qasam se jkunu essenzjali u se jikkontribwixxu għall-preċiżjoni, il-konsistenza u l-kredibilità ta’ l-informazzjoni.

3.3. Pressjonijiet Partikolari

16. Kif wieħed jista’ jiġbor ir-riżorsi u jara li l-piżijiet li jġib miegħu l-ażil ma jkunux jinħassu aktar minn xi ftit Stati Membri hija diffiċli teknikament kif ukoll hija kwistjoni politika taħraq. Fil-waqt li d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja [5] tistipula li għandu jkun hemm solidarjetà bejn l-Istati Membri fil-każ ta’ dħul massiċċ ta’ persuni li jkunu telqu minn pajjiżhom, ir-rekwiżiti speċifiċi tagħha ma jipprovdux risposta xierqa għat-tip ta’ pressjoni partikolari fuq is-servizzi ta’ l-ażil u l-kapaċitajiet ta’ akkoljenza li ta’ spiss iħabbtu wiċċhom magħha l-Istati Membri. Dawn il-pressjonijiet ġew karatterizzati bil-wasla ta’ diversi mijiet ta’ persuni ta’ nazzjonalitajiet differenti f’postijiet partikolari matul il-fruntiera esterna, li fittxew li jidħlu fl-UE min għal raġuni u min għal oħra, xi wħud għall-protezzjoni. Kien hemm ukoll xi punti ta’ pressjoni oħra aktar sistemiċi, fejn Stati Membri individwali sabu quddiemhom żieda qawwija fit-talbiet għall-ażil u b’implikazzjonijiet fuq ir-riżorsi u periklu li l-proċessi jitwalu u li jkun hemm problemi fil-provvista ta’ faċilitajiet ta’ akkoljenza xierqa.

17. Il-ħtieġa għall-protezzjoni internazzjonali li jkollhom l-individwi hija parti waħda biss ta’ l-għaqda ta’ forzi li joħolqu sitwazzjonijiet ta' pressjonijiet partikolari. L-UE trid issib tweġibiet għal din l-isfida permezz ta’ ġestjoni aħjar tal-flussi migratorji, koordinazzjoni interna aħjar meta tiġi indirizzata l-immigrazzjoni illegali, u l-assistenza lill-pajjiżi terzi, f’partenarjat sħiħ, bl-użu ta’ fondi tal-Komunità li diġà hemm, fejn ikun xieraq, biex dawn ikunu jistgħu jtejbu l-ħiliet tagħhom ta’ kif jiġġestixxu l-migrazzjoni u l-protezzjoni tar-refuġjati. Dawk l-aspetti tal-politika tal-Komunità dwar il-migrazzjoni mhumiex inkluż f’dik il-Komunikazzjoni. L-iskop ta’ din il-Komunikazzjoni, u l-azzjonijiet imfissra fl-Anness D, huma mmirati lejn kif jista’ jingħata appoċċ lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex iżommu ma’ l-obbligi li għandhom taħt il-miżuri ta’ l-ewwel stadju tas-Sistema Komuni Ewropea ta’ l-Ażil quddiem l-isfidi li jġibu magħhom sitwazzjonijiet ta’ pressjonijiet partikolari.

18. L-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ l-ewwel stadju u l-bidu tat-twettiq tal-fażi ta’ kooperazzjoni prattika, biż-żidiet fl-effiċjenza li dan iġib miegħu, għandha tkun ta’ għajnuna biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jwieġbu aħjar għal sitwazzjonijiet ta’ pressjoni partikolari. L-għodda biex ikunu indirizzati ħtiġijiet ċari diġà teżisti fil-programmi finanzjarji tal-Komunità u fil-varjetà rikka ta’ kompetenzi u esperjenza li bħalissa qed jitħaddmu fl-Istati Membri nfushom. L-isfida għall-UE hija kif tibdel dawn l-għodod f’mekkaniżmu ħafif u ta’ min joqgħod fuqu biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jindirizzaw pressjonijiet partikolari sabiex l-applikazzjoni tas-Sistema Komuni Ewropea ta' l-Ażil ma tkunx kompromessa. Għal dan il-għan, se jkun meħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw ma’ xulxin biex jaqsmu r-riżorsi bejniethom u jsibu soluzzjonijiet. Attività waħda ċentrali tan-netwerk tal-kooperazzjoni dwar l-ażil tista’ tkun l-iskambju tal-kompetenza biex tkun indirizzata kollettivament il-firxa ta’ sfidi li għandhom quddiemhom l-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sitwazzjonijiet ta’ pressjoni partikolari, mingħajr ma jitqiegħdu fid-dubju l-obbligi ta’ l-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-għoti ta’ protezzjoni.

19. Flimkien mar-rakkomandazzjoni għal azzjonijiet prattiċi misjuba fl-Anness D, il-Kummissjoni beħsiebha tipproponi emendi għall-Fond Ewropew tar-Refuġjati [6] (l-ERF) biex l-Istati Membri jkun jista’ jkollhom aċċess ta’ malajr u bl-anqas proċessi burokratiċi possibbli biex ikunu jistgħu jilqgħu għall-konsegwenzi tal-wasla f’daqqa ta’ għadd kbir ta’ nies li jista’ jkollhom bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali. Il-Kummissjoni beħsiebha wkoll tissimplifika l-proċedura biex il-fondi għal azzjonijiet urġenti li hemm fil-programm ARGO jkunu jistgħu jinkisbu aktar malajr [7] . L-ewwel evalwazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin [8] , li għandha ssir fl-2006, se tkun ukoll punt fokali importanti biex issir kunsiderazzjoni dwar kif ir-Regolament jista’ jkun aġġustat f’ċerti sitwazzjonijiet biex l-Istati Membri żgur ma jkunux żvantaġġati mill-pożizzjoni ġeografika tagħhom. L-azzjonijiet rakkomandati mill-Kummissjoni huma mfissra fid-dettall fl-Anness D u miġbura fil-qosor hawn taħt:

Azzjonijiet biex ikunu indirizzati pressjonijiet partikolari: L-emendar tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiksbu fondi malajr u b-inqas burokrazija f’każi ta’ azzjonijiet ta’ emerġenza. Is-simplifikazzjoni tal-proċedura biex jinkisbu aktar malajr il-fondi għal azzjonijiet urġenti li hemm fil-programm ARGO It-twaqqif ta’ gruppi ta’ esperti biex jindirizzaw kwistjonijiet dwar l-akkoljenza u l-ipproċessar għal meta jasal għadd kbir ta' persuni għall-għarrieda fil-fruntieri esterni ta’ l-UE. Għażliet għat-tul jinkludu evalwazzjoni komprensiva ta’ pressjonijiet partikolari li jkunu seħħew fil-passat u t-twaqqif ta’ netwerk ta’ uffiċjali ta’ informazzjoni mill-Istati Membri f’pajjiżi terzi magħżula. |

- 3.4. Taħriġ

20. It-taħriġ ta’ persunal li jaħdem fis-servizzi ta’ l-ażil jibqa’ fil-qofol ta’ l-implimentazzjoni tas-Sistema Komuni Ewropea ta’ l-Ażil. Il-ftehim fuq prinċipji ewlenin ta’ prattika tajba għal atti amministrattivi bħal ma huma l-intervisti u t-teħid tad-deċiżjonijiet jipprovdi bażi soda għall-iżvilupp ta’ kurrikulu Ewropew li jwassal għal konverġenza dejjem akbar fil-prattika u fil-metodu amministrattiv. Fl-Annessi, il-kwistjonijiet dwar it-taħriġ huma msemmija bħala parti minn kull sett ta’ attivitajiet immirati lejn il-kisba ta’ l-għanijiet ta’ l-Aja.

4. UFFIċċJU TA’ APPOġġ EWROPEW GħAL KULL FORMA TA’ KOOPERAZZJONI BEJN L-ISTATI MEMBRI DWAR IS-SISTEMA KOMUNI EWROPEA TA’ L-AżIL

21. Il-Programm ta’ l-Aja jgħid li l-istrutturi li għandhom x’jaqsmu ma’ kooperazzjoni prattika għandhom jinbidlu, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni, f’uffiċċju ta’ appoġġ Ewropew għal kull forma ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar is-Sistema Komuni Ewropea ta’ l-Ażil. Hekk kif tinfirex il-kooperazzjoni prattika, il-koordinazzjoni tal-firxa ta' attivitajiet rilevanti titlob sforzi msaħħa u parteċipazzjoni biex jingħata l-appoġġ meħtieġ lill-awtoritajiet ta' ażil ta' l-Istati Membri. Dawn it-talbiet jistgħu jkunu akbar minn kemm ikunu kapaċi jlaħħaq in-netwerk tal-kooperazzjoni dwar l-ażil fil-futur. Se jkun hemm ukoll attivitajiet ta’ manteniment ta’ l-informazzjoni, l-aġġornament tas-sorsi u referenzi għal dokumentazzjoni u r-reviżjoni ta’ linji ta’ gwida rilevanti. Dan ikun partikolarment rilevanti għall-‘portal komuni’ għas-COI u l-iżvilupp sussegwenti f’ database tas-COI għall-UE. Fl-istadji inizjali, din il-funzjoni tista’ tkun parti mill-mandat tan-netwerk, iżda l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni fi żmien qasir iwasslu għal massa kritika li tkun teħtieġ devoluzzjoni aktar strutturata ta’ funzjonijiet tekniċi.

22. Il-Kummissjoni se tagħmel rapport dwar il-progress miksub fi tmiem l-ewwel fażi ta’ l-attivitajiet (kmieni fl-2008). Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress għandu jinkludi valutazzjoni tal-possibbiltajiet ta’ għoti ta’ fondi u dwar jekk in-netwerk ta’ kooperazzjoni dwar l-ażil għandux ikompli jiġi żviluppat aktar biex ikun jista’ jinżamm kif suppost ir-repożitorju ta’ kompetenza u ta’ l-informazzjoni stabbilita, u biex ikun żgurat li dejjem ikun hemm il-previdibbiltà, il-konsistenza u l-kontinwazzjoni fis-servizzi lill-Istati Membri. Fuq il-bażi ta' evalwazzjoni bħal din, isir studju ta’ prattikabbiltà dwar it-twaqqif ta’ uffiċċju Ewropew ta’ appoġġ għal kull forma ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri wara li tkun stabbilita proċedura komuni ta’ l-ażil kif maħsub fil-Programm ta’ l-Aja.

23. F’dan l-istadju wieħed jista’ jipprevedi li uffiċċju Ewropew ta’ appoġġ ikollu funzjoni ta’ appoġġ tekniku għat-tħaddim tal-‘portal komuni’ tas-COI u tad- database tas-COI għall-UE. Jista’ wkoll jinkorpora faċilitajiet ta’ taħriġ dwar kull aspett li għandu x’jaqsam ma’ l-applikazzjoni tas-Sistema Komuni Ewropea ta’ l-Ażil. L-uffiċċju jikkoordina r-risposti għal sitwazzjonijiet partikolari ta’ pressjoni. Meta jkunu qed jitfasslu l-funzjonijiet ta' l-uffiċċju għall-ġejjieni, għandhom jitqiesu wkoll l-istudji dwar l-ipproċessar konġunt fl-UE, li l-Programm ta’ l-Aja jistieden lill-Kummissjoni biex tlesti. Ir-relazzjoni bejn l-uffiċċju futur Ewropew ta’ appoġġ u kull funzjoni ta’ ipproċessar konġunt ta' l-UE ovvjament tkun ta' muftieħ għat-tlestija tas-Sistema Komuni Ewropea ta’ l-Ażil. L-iżvilupp ta’ uffiċċju Ewropew ta’ appoġġ jista’ wkoll iservi ta’ ġid f’dak li għandu x’jaqsam ma’ xogħol li jsir fl-oqsma tal-migrazzjoni u ta’ l-integrazzjoni. Id-direzzjoni politika dwar il-firxa u l-karattru ta’ l-uffiċċju ta’ appoġġ għandha tkun imfassla mill-Kummissjoni, fid-dawl ta’ l-għan li jkun hemm Sistema Komuni Ewropea ta’ l-Ażil.

5. L-ASSENJAR TA’ FONDI TAL-KOMUNITÀ

24. L-ewwel mewġa ta’ kooperazzjoni prattika se tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jippreżentaw proġetti flimkien ma’ Stati Membri oħra li jkunu jaħsbuha l-istess, jew bħala proġett individwali li minnu jgawdu l-25, li jikkontribwixxi biex ikunu jistgħu jinkisbu l-għanijiet ta’ l-Aja. L-appoġġ u s-sostenibbiltà tal-programm ta’ attivitajiet ippreżentat f’din il-Komunikazzjoni jeħtieġ li jiġu assikurati. Madankollu jidher ċar li l-opportunitajiet finanzjarji eżistenti, permezz tal-Programm ARGO u l-Azzjonijiet tal-Komunità ta’ l-ERF ma jipprovdux il-flessibbiltà jew iż-żieda fil-fondi meħtieġa biex jitlesta l-mandat ambizzjuz kif imfisser fil-Programm ta’ l-Aja. Il-Kummissjoni għalhekk beħsiebha tressaq proposti biex l-ERF u l-Programm ARGO ikunu emendati biex tara li l-kisba tal-prijoritajiet ta’ l-Aja żgur jingħataw appoġġ. L-elementi ewlenin tal-proposti għall-emendi, li għandhom jitressqu kmieni fl-2006, huma miġbura fil-qosor hawn taħt:

L-ERF għandu jiġi emendat biex jitwarrbu aktar fondi għal kooperazzjoni prattika permezz ta’ azzjonijiet tal-Komunità. |

- 25. Ix-xogħol biex jinkisbu l-għanijiet tal-Programm ta’ l-Aja jkun megħjun finanzjarjament billi jkun żgurat li l-programmi ta’ ħidma rilevanti jqisu l-kooperazzjoni li mistennija ssir, u li jkun hemm fondi biżżejjed permezz ta’ linji ta’ fondi tal-Komunità.

26. L-għanijiet tal-Programm ta’ l-Aja u l-ħtieġa li tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-ġestjoni ta’ Sistema Komuni Ewropea ta’ l-Ażil f’sens sħiħ iridu jitqiesu fid-diskussjonijiet dwar il-programm ta’ qafas propost “Is-solidarjetà u l-ġestjoni tal-flussi ta’ migrazzjoni [9] ” li għandu l-għan li jindirizza l-piżijiet differenti li għandhom l-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-Komunità fil-qasam ta’ l-ażil u migrazzjoni għat-tmien snin li ġejjin.

6. KONKLUżJONI

27. Id-data ta’ l-iskadenza ffissata mill-Programm ta' l-Aja għat-twaqqif ta’ proċedura komuni ta’ ażil hija s-sena 2010. Bħala tħejjija meħtieġa għal dan irid ikun hemm implimentazzjoni xierqa ta’ l-istrumenti leġiżlattivi ta’ l-ewwel stadju. Il-kooperazzjoni prattika li nbdiet biex dak il-għan ikun appoġġat għandha wkoll l-effett ta’ armonizzazzjoni orizzontali – biex b’hekk jiżviluppa u jissaħħaħ metodu komuni permezz ta’ konsistenza amministrattiva u billi jkun hemm skambju tal-kompetenza, tar-riżorsi u ta’ l-għarfien Permezz tal-kooperazzjoni prattika, il-ġestjoni flimkien ta’ l-ażil, titjieb fil-kwalità u, aktar milli sempliċement għan ta’ xewqa jew leġiżlattiv, din issir ir-realtà operattiva ta’ kuljum.

[1] ĠU L 326, 13.12.2005, p.13.

[2] L-EURASIL , in-netwerk ta’ l-UE għal dawk li jaħdmu fil-qasam ta’ l-asil, presedut mill-Kummissjoni, twaqqaf f’Lulju 2002 b’deċiżjoni tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper II) fis-6 ta’ Marzu biex itemm l-attivitajiet tal-grupp CIREA (iċ-Ċentru għall-Informazzjoni, Diskussjoni u Skambju dwar l-Ażil).

[3] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Sistema Komuni Ewropea ta’ l-Ażil aktar effiċjenti: Il-Proċedura Unika bħala l-Pass li Jmiss” (KUMM(2004) 503 finali).

[4] Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE 29 April 2004 dwar l-istandards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz jew persuni bla ċittadinanza bħala refuġjati jew bħala persuni li altrimenti jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija. (ĠU L 304, 30 Settembru, 2004, p.12).

[5] Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE ta’ l-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss massiċċ ta’ persuni li jkunu telqu pajjiżhom u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn, (ĠU L 212, 7.8.2001, p.12).

[6] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (2004/904/KE) tat-2 ta’ Diċembru 2004 li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perjodu bejn l-2005 u l-2010 (ĠU L 381, 28.12.04, p.52).

[7] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (2004/867/KE) tat-13 ta’ Diċembru 2004 li temenda d-Deċiżjoni 2002/483/KE li taddotta programm ta’ azzjoni għal kooperazzjoni amministrattiva fl-oqsma tal-fruntieri esterni, il-viżi, l-immigrazzjoni u l-ażil (il-programm ARGO) (ĠU L 371, 18.12.2004).

[8] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil indirizzata lil wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, (ĠU L 50, 25.2.2003)

[9] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi programm ta’ qafas dwar Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi tal-Migrazzjoni għall-perjodu 2007-1013 (KUMM(2005) 123 finali)