52006DC0033

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta’ Liżbona : Inkattru inklinazzjonijiet intraprenditorjali bl-edukazzjoni u t-tagħlim /* KUMM/2006/0033 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 13.2.2006

KUMM(2006) 33 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta’ Liżbona:Inkattru inklinazzjonijiet intraprenditorjali bl-edukazzjoni u t-tagħlim

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

1.1. L-intraprenditorija hija kompetenza ewlenija għat-tkabbir, għax-xogħol u għas-sodisfazzjon personali. 4

2. L-intraprenditorija fl-edukazzjoni ta’ l-iskejjel 5

2.1. L-Intraprenditorija f’kurrikula ta’ qafas għall-iskejjel 5

2.2. L-Intraprenditorija fl-edukazzjoni primarja (studenti ta’ taħt l-14-il sena) 6

2.3. L-Intraprenditorija fl-edukazzjoni sekondarja (minn 14-il sena ’l fuq) 7

2.4. Miżuri li jappoġġjaw lill-iskejjel u lill-għalliema 8

3. L-intraprenditorija fl-edukazzjoni ogħla 10

4. It-triq ’il quddiem 11

4.1. Qafas koerenti 12

4.2. L-appoġġ għall-iskejjel u għall-għalliema 12

4.3. Il-parteċipazzjoni minn atturi u negozji esterni 12

4.4. It-tkattir ta’ l-intraprenditorija fl-edukazzjoni ogħla 12

1. INTRODUZZJONI

Fi Frar 2005, il-Kummissjoni pproponiet bidu ġdid għall-Istrateġija ta’ Liżbona li kellu jiffoka fuq l-isforzi ta’ l-Unjoni Ewropea fuq żewġ ħidmiet ewlenin – li jkun hemm tkabbir aktar b’saħħtu fit-tul, u li jkun hemm aktar impjiegi u li jkunu aħjar. Is-Sħubija għat-Tkabbir u l-Impjiegi l-ġdida tisħaq fuq l-importanza li titmexxa ’l quddiem kultura iktar intraprenditorjali u li jinħoloq ambjent li jappoġġja lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).

Il-kapaċità ta’ ekonomija li tikkompeti u tikber tajjeb tiddependi fuq il-bilanċ ta’ l-istokk ta’ l-intrapriżi billi jkunu mħeġġa aktar start-ups u billi jkun immaniġġjat it-trasferiment tan-negozju. Ir-riċerka turi li hemm korrelazzjoni pożittiva bejn l - intraprenditorija u t-tkabbir ekonomiku , l-aktar fil-pajjiżi bi dħul għoli[1], għalkemm it-tkabbir fil-prodott gross domestiku (GDP) huwa influwenzat minn ħafna fatturi oħra. It-tkabbir sostenibbli bbażat fuq l-innovazzjoni u fuq l-eċċellenza jeħtieġ numru dejjem ikbar ta’ start-ups , li x’aktarx jipprovdu aktar impjiegi u li jkunu aħjar. Il-pajjiżi li juru żjieda akbar fir-rati ta’ l-intraprenditorija għandhom it-tendenza li juru tnaqqis sussegwenti akbar fir-rati tal-qgħad[2]. Barra minn hekk, is-sistemi soċjali qed ikunu dejjem iżjed taħt pressjoni minħabba l-forza tax-xogħol li dejjem qed tonqos. Jekk l-Ewropa trid li żżomm b’suċċess il-mudell soċjali tagħha, din teħtieġ aktar tkabbir ekonomiku, aktar kumpaniji ġodda, iktar intraprendituri li huma lesti jibdew inizjattivi ġodda, kif ukoll aktar intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju bi tkabbir għoli .

L-intraprenditorija tista’ tikkontribwixxi wkoll għall-koeżjoni soċjali fir-reġjuni l-inqas żviluppati u għat-tħaddim ta’ nies li jkunu qiegħda jew żvantaġġati. Barra minn hekk, din tista’ tikkontribwixxi wkoll billi tagħti l-ħajja lill-potenzjal intraprenditorjali tan- nisa , li dan għad irid jiġi sfruttat aktar.

Hemm il-ħtieġa li għall-intraprenditorija tinħoloq klima soċjali aktar favorevoli , li tkun ibbażata fuq politika integrata biex mhux biss tinbidel l-inklinazzjoni iżda wkoll biex jittejbu l-ħiliet ta’ l-Ewropej u jitneħħew l-ostakli għall-i start-ups kif ukoll għat-trasferiment u t-tkabbir tan-negozji. Id-dokumenti preċedenti tal-Kummissjoni indirizzaw l-ostakli regolatorji, fiskali u finanzjarji[3]. Fi Frar 2004, il-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-Intraprenditorija[4] , li ssuġġerixxa miżuri orizzontali biex jinħoloq qafas ta’ appoġġ għall-politika intraprenditorjali. F’Novembru 2005 kienet introdotta l- politika integrata għall-SMEs[5].

Waqt li diversi fatturi jaffettwaw lill-intraprenditorija, jeħtieġ jitqiesu l-aspetti kulturali. L-Ewropej għandhom it-tendenza li joqogħdu lura milli jisfruttaw opportunitajiet għall-impjieg indipendenti u għall-attivitajiet intraprenditorjali[6]. Ir-riċerka turi li fl-UE l- appoġġ kulturali (eż. bi programmi edukattivi, kampanji promozzjonali, eċċ.) huwa marbut b’mod pożittiv ma’ l-ammont ta’ ħidma intraprenditorjali.[7]

Il-promozzjoni ta’ l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ huwa element ewlieni tal- Patt Ewropej dwar iż-Żgħażagħ li kien adottat mill-Kunsill ta’ l-Ewropa f’Marzu ta’ l-2005.

1.1. L-intraprenditorija hija kompetenza ewlenija għat-tkabbir, għax-xogħol u għas-sodisfazzjon personali.

L-intraprenditorija tirreferi għall-ħila ta’ persuna li tibdel l-ideat f’azzjoni. Din tinkludi l-kreattività, l-innovazzjoni u t-teħid ta’ riskji, kif ukoll il-ħila li wieħed jippjana u jimmaniġġja proġetti biex jintlaħqu l-għanijiet. Din tappoġġja lil kulħadd kuljum fid-dar u fis-soċjetà, tagħmel lill-ħaddiema aktar konxji mill-kuntest tax-xogħol tagħhom u biex dawn ikunu jistgħu jaħtfu aħjar l-opportunitajiet, kif ukoll tipprovdi pedament għall-intraprendituri li jkunu stabbilew attività soċjali jew kummerċjali[8].

L-iżvilupp ta' attributi u ħiliet ġeneriċi li huma l-pedament ta’ l-intraprenditorija huwa kkumplementat bit-twassil ta’ għarfien aktar speċfiku dwar in-negozju skond il-livell ta’ edukazzjoni. Li jkun enfasizzat il-kunċett ta’ “intraprenditorija responsabbli” għandu jgħin biex il-karriera intraprenditorjali ssir propożizzjoni iżjed attraenti.

Waqt li mhux iż-żgħażagħ kollha li jiżviluppaw kompetenza intraprenditorjali jsiru intraprendituri, ċerta evidenza turi li madwar 20% tal-parteċipanti li ħadu sehem f’attivitajiet ta’ kumpaniji żgħar fl-iskejjel sekondarji fil-fatt komplew biex ħolqu l-kumpanija tagħhom stess wara li kienu temmew l-istudji tagħhom [9]. L-edukazzjoni fl-intraprenditorija żżid iċ-ċansijiet ta’ start-ups u ta’ impjieg indipendenti u ssaħħaħ il-ħlas ekonomiku u s-sodisfazzjon ta’ l-individwi. Barra minn hekk, kull SME dinamika li tkun trid tikber għandha xi tgawdi minn dawk iż-żgħażagħ li jkollhom inklinazzjonijiet u ħiliet intraprenditorjali.

Madankollu, il-benefiċċji ta’ l-edukazzjoni intraprenditorjali mhumiex limitati biex ikun hemm aktar start-ups , intrapriżi innovattivi u impjiegi ġodda. L-intraprenditorija hija kompetenza importanti għal kulħadd, li tgħin liż-żgħażagħ biex ikunu aktar kreattivi u konfidenti magħhom infushom f’dak kollu li jagħmlu u biex jaġixxu b’mod li jkunu soċjalment responsabbli.

Il-Programm ta’ Ħidma għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010 inkluda l-intraprenditorija f’qafas ta’ referenza ta’ tmien kompetenzi ewlenin għat- tagħlim għal matul il-ħajja , liema kompetenzi huma meħteġa għas-sodisfazzjon personali, għall-inklużjoni soċjali, għaċ-ċittadinanza attiva u għall-impjegabilità. Dan jifforma l-bażi għall-proposta reċenti tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[10].

Tradizzjonalment, l-edukazzjoni formali fl-Ewropa ma kinitx twassal għall-intraprenditorija u għall-impjiegi indipendenti. Madankollu, minħabba li l-attitudnijiet u r-referenzi kulturali jibdew jiffurmaw ruħhom f’età bikrija, is-sistemi ta’ l-edukazzjoni jistgħu jgħinu sew biex fl-UE tkun indirizzata b’suċċess l-isfida intraprenditorjali.

Għalhekk, filwaqt li tagħraf li l-kompetenza ta’ l-intraprenditorija għandha tinkiseb permezz tat- tagħlim għal matul il-ħajja , din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq l-edukazzjoni mill-iskola primarja sa l-università, inklużi wkoll l-edukazzjoni vokazzjonali tal-livell sekondarju (it-taħriġ vokazzjonali tal-bidu) u l-istituzzjonijiet tekniċi tal-livell terzjarju.

Għalkemm tħejjew diversi inizjattivi fuq l-edukazzjoni intraprenditorjali, dawn mhux dejjem ikunu parti minn qafas koerenti. Din il-Komunikazzjoni, li hija bbażata fuq l-evidenza miksuba taħt il-programm MAP tal-Komunità[11], għandha l-għan li tappoġġja lill-Istati Membri biex jiżviluppaw strateġija aktar sistematika għall-edukazzjoni intraprenditorjali. L-aħjar prassi tista’ tinstab fl-Ewropa. L-isfida hija biex jinfirxu aktar l-eżempji pożittivi li jeżistu.

2. L-INTRAPRENDITORIJA FL-EDUKAZZJONI TA’ L-ISKEJJEL

2.1. L-Intraprenditorija f’kurrikula ta’ qafas għall-iskejjel[12]

- Li fil-kurrikula jkun hemm għanijiet espliċiti, flimkien ma’ linji ta’ gwida biex dawn jitpoġġew fil-prattika, jgħin biex ikun hemm bażi aktar b’saħħitha għall-edukazzjoni intraprenditorjali.

B’mod speċjali fl-edukazzjoni sekondarja jeżistu suġġetti li jistgħu jintużaw – fuq l-inizjattiva ta’ l-iskejjel u ta’ l-għalliema – għat-tagħlim ta’ l-intraprenditorija. Ħafna drabi, madankollu, dan it-tagħlim qed iseħħ f’attivitajiet extra-kurrikulari.

Ċerti pajjiżi rrevedew, jew jinstabu fil-proċess li jirrevedu, il-kurrikulu nazzjonali biex tkun rikonoxxuta l-kompetenza intraprenditorjali. Waqt li hemm ftit każijiet biss fejn ir-riformi indirizzaw b’mod konsistenti l-livelli u t-tipi differenti ta’ edukazzjoni, tajjeb li wieħed isemmi xi eżempji pożittivi[13].

Fil- Polonja , “L-Għeruq ta’ l-Intrapriża” huwa suġġett obbligatorju fl-iskejjel sekondarji u vokazzjonali komprensivi kollha. L-għanijiet jinkludu l-iżvilupp ta’ attitudnijiet intraprenditorjali kif ukoll it-tagħlim ta’ kif jinbeda negozju.

L-intraprenditorija u l-impjieg indipendenti bħala għanijiet ta’ tagħlim jinstabu aktar ta’ spiss fl- edukazzjoni sekondarja vokazzjonali .

Fl-Awstrija, l-intraprenditorija tifforma parti mill-kurrikulu ta’ l-edukazzjoni teknika u vokazzjonali tal-livell sekondarju, per eżempju billi l-istudenti jmexxu kumpanija fittizja.

Il-kompetenza intraprenditorjali tiġi żviluppata kemm f’ambjent formali kif ukoll f’ambjent mhux formali (eż. bit-tħaddim taż-żgħażagħ u b’forom differenti ta’ parteċipazzjoni fis-soċjetà). Għandhom ikunu żviluppati aktar l-għodod meħtieġa għall-għarfien u l-validazzjoni tal-ħiliet intraprenditorjali li jinkisbu waqt it-tagħlim mhux formali.

2.2. L-Intraprenditorija fl-edukazzjoni primarja (studenti ta’ taħt l-14-il sena)[14]

- Għandu jitqajjem l-għarfien dwar il-benefiċċji tat-tagħlim bażiku ta’ l-intraprenditorija għas-soċjetà in ġenerali u għal dawk stess li jitgħallmu, anke fl-istadji bikrija ta’ l-edukazzjoni.

Fejn jikkonċerna l-kompetenzi kollha li jwasslu għall-immaniġġjar aħjar tal-ħajja tal-persuna stess, il-pedamenti huma stabbiliti fl-ewwel snin ta’ l-edukazzjoni. Fil-livell primarju, il-kwalitajiet edukattivi, bħalma huma l-kreattività u l-ispirtu ta’ inizjattiva, jgħinu biex ikunu żviluppati attitudnijiet intraprenditorjali. Dan isir l-aħjar permezz ta’ tagħlim attiv li jkun ibbażat fuq il-kurżità naturali tat-tfal. Aktar minn hekk, it-tagħlim fuq is-soċjetà għandu jinkludi wkoll għarfien bikri dwar id-dinja tax-xogħol u n-negozju u kuntatt magħha , kif ukoll għarfien dwar x’inhu r-rwol ta’ l-intraprendituri fil-komunità.

F’diversi Stati Membri, il-kurrikula diġà jħeġġu lill-iskejjel biex jiggwidaw lit-tfal biex jieħdu inizjattiva u jkunu responsabbli. Madankollu, eżempji ta’ edukazzjoni ta’ intraprenditorija aktar espliċita huma ftit. F’termini ġenerali, inizjattivi jew programmi koerenti mmexxija mill-awtoritajiet edukattivi għadhom rari ħafna fl-edukazzjoni primarja; l-attivitajiet ħafna drabi jitmexxew minn atturi esterni, bħalma huma l-organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitti li jkunu appoġġjati mis-settur privat. Minkejja dan, hemm numru ta’ prassi tajba li għandhom jixterdu fost l-awtoritajiet pubbliċi, l-iskejjel, l-għalliema u l-ġenituri.

Fil- Lussemburgu , il-programm tas-sitt sena bil-Franċiż (għal studenti ta’ 11/12-il sena) għandu taqsima li hija ddedikata biex jinbeda negozju. Dan il-programm huwa bbażat fuq il-komiks ta’ “ Boule u Bill jibdew negozju”, u jintuża fl-iskejjel primarji kollha. Dan ir-rakkont umoristiku jintuża wkoll fil-programm tal-matematika biex tkun introdotta l-analiżi finanzjarja bażika.

Il-metodi biex titmexxa ’l quddiem inklinazzjoni aktar miftuħa lejn l-intraprenditorija jinkludu xogħol fuq proġetti, role games , studji ta’ każijiet sempliċi u żjajjar f’intrapriżi lokali. Dawn huma attivitajiet li jappoġġjaw numru ta’ suġġetti oħra kif ukoll il-motivazzjoni ta’ dawk li jitgħallmu l-aħjar bil-prattika. Speċjalment fl-istadji avvanzati ta’ l-edukazzjoni primarja, il-programmi marbuta ma’ l-intraprenditorija jistgħu jgħaqqdu tajjeb il-kreattività, l-innovazzjoni u l-kunċett sempliċi ta’ negozju (eż. billi l-istudenti jbigħu prodotti fil-ħwienet ta’ l-iskola, eċċ.).

Il-“ Kompetizzjoni ta’ l-Inventuri Żgħażagħ ” huwa programm li jsir fl-iskejjel primarji u sekondarji inferjuri ta’ diversi pajjiżi.[15] Dan huwa mmirat lejn tfal ta’ bejn is-6 u s-16-il sena. Għandu l-għan li jħeġġeġ il-kreattività ta’ l-istudenti, li jiżviluppa l-ideat tagħhom u li jdaħħalhom f’kompetizzjoni. Ir-rebbieħa jirċievu premji għad-disinji u għall-invenzjonijiet tagħhom.

2.3. L-Intraprenditorija fl-edukazzjoni sekondarja (minn 14-il sena ’l fuq) [16]

- L-edukazzjoni sekondarja għandha tqajjem l-għarfien ta’ l-istudenti dwar l-impjieg indipendenti u l-intraprenditorija bħala għażliet għall-karriera futura tagħhom.

- Wieħed jista’ jmexxi ’l quddiem sew l-inklinazzjonijiet u l-ħiliet intraprenditorjali billi l-istudenti jitgħallmu jagħmlu u jesperjenzjaw l-intraprenditorija fil-prattika, permezz ta’ proġetti u attivitajiet prattiċi.

F’bosta pajjiżi Ewropej, il- kurrikula għandhom għanijiet wesgħin u jinkludu suġġetti li jippermettu t-tagħlim permezz ta’ l-intraprenditorija (per eżempju, bl-istudji soċjali, bl-istudji ta’ l-ekonomija, bil-ġeografija, eċċ.). Madankollu, l-implimentazzjoni ħafna drabi tistrieħ fuq l-inizjattiva ta’ l-iskejjel u ta’ l-għalliema kif ukoll fuq l-appoġġ tal-komunità tan-negozju lokali. Fi ftit Stati Membri , l-esperjenza prattika ta’ l-intraprenditorija hija mdaħħla fil-korsijiet stabbiliti.

Fl- Irlanda , fil- kurrikulu stabbilit, programmi bħalma huma it- Transition Year, il- Leaving Certificate Vocational Programme u l- Leaving Certificate Applied joffru lill-istudenti l-opportunità biex dawn jesperjenzjaw l-intraprenditorija.

Il-programmi jista’ jagħtu attenzjoni speċifika fuq it-tagħlim dwar in-negozju fil-prattika, per eżempju billi l-istudenti jitħallew imexxu kumpaniji żgħar.

L-għan tal- kumpaniji żgħar li jitmexxew fl-iskejjel mill-istudenti stess huwa li dawn jiżviluppaw attività ekonomika reali fuq skala żgħira, jew biex jimitaw il-mod kif il-kumpaniji jaħdmu fir-realtà. L-istudenti jitgħallmu kif jaħdmu f’tim u kif jiżviluppaw il-kunfidenza tagħhom stess. Huwa stmat li fl-UE 25 u fin-Norveġja aktar minn 200 000 student kull sena qed jieħdu sehem f’dawn il-programmi[17].

Fl- edukazzjoni sekondarja vokazzjonali (it-taħriġ vokazzjonali tal-bidu) , it-taħriġ speċifiku fuq kif wieħed jiftaħ kumpanija jista’ jkun effettiv ħafna hekk kif l-istudenti jibdew joqorbu biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol, u għalhekk l-impjieg indipendenti jista’ jkun għażla importanti għalihom. Madankollu, b’xi eċċezzjonijiet f’xi pajjiżi (eż. fejn hemm sistema ta’ apprendistat żviluppata sew), f’ħafna każi ma tingħatax attenzjoni vera lill-intraprenditorija, għaliex il-ħidma ewlenija qiegħda titqies bħala waħda li jitħarrġu ħaddiema tas-sengħa.

Fis-Sistema Ġermaniża tat-Taħrig Vokazzjonali (l-hekk imsejħa “Sistema Doppja”), fejn it-taħriġ iseħħ kemm fl-iskola kif ukoll f’ditta, fil-“Fażi Master” iż-żgħażagħ huma mgħallma jibdew il-kumpanija tagħhom stess. Taħriġ bħal dan għandu l-għan li mhux biss iwassal għall-kisba tal-ħiliet ta’ ġestjoni meħtieġa, iżda wkoll li jrawwem l-attitudnijiet intraprenditorjali u l-ħiliet ta’ l-apprendisti..

Hemm l-idea[18] li l-kurrikula ta’ l-iskejjel sekondarji ma joffrux motivazzjoni biżżejjed lill-għalliema u lill-iskejjel biex jiżviluppaw l-edukazzjoni intraprenditorjali. Għalhekk, huwa importanti ħafna li dawn jingħataw l-appoġġ u l-inċentivi meħtieġa.

2.4. Miżuri li jappoġġjaw lill-iskejjel u lill-għalliema

- L-iskejjel għandhom jingħataw l-appoġġ u l-inċentivi meħtieġa biex iħeġġu t-twettiq ta’ attivitajiet u programmi ta’ intraprenditorija, minħabba li ħafna eżempji konkreti ta’ kif dawn għandhom isiru diġà jeżistu.

- L-awtoritajiet pubbliċi għandhom jieħdu l-inizjattiva u jmexxu ’l quddiem l-edukazzjoni għall-intraprenditorija fl-iskejjel fost il-kapijiet ta’ l-iskejjel u l-għalliema.

- L-appoġġ ta’ l-isforzi ta’ organizzazzjonijiet dedikati huwa metodu effettiv ta’ kif jista’ jinxtered l-ispirtu intraprenditorjali fl-iskejjel u ta’ kif ikunu mħeġġa s-sħubiji mad-dinja tan-negozju.

L-intraprenditorija tiżviluppa f’ambjent li jħeġġeġ forom attivi ta’ tagħlim. Biex ikun jista’ jsir dan, l-appoġġ huwa meħtieġ u għandu jinkludi kemm taħriġ tal-bidu kif ukoll korsijiet in-service għall-għalliema, biex dawn ikollhom iż-żmien u r-riżorsi biex jippjanaw, biex imexxu u jevalwaw l-attivitajiet, biex ikollhom il-materjal tat-tagħlim u biex jiċċaraw ir-responsabbilitajiet tagħhom. Id-dedikazzjoni tal-kapijiet ta’ l-iskejjel u tal-bordijiet ta’ l-iskejjel hija importanti ħafna, kif inhu wkoll l-involviment tal-ġenituri.

Hemm il-ħtieġa biex l- awtoritajiet pubbliċi , speċjalment dawk li huma responsabbli mill-edukazzjoni, mill-impjiegi, mill-industrija u mill-intrapriża, jnkoraġġixxu l-edukazzjoni intraprenditorjali b’mod attiv. L-ewwel pass importanti fuq livell nazzjonali huwa, meta titqies in-natura orizzontali u interdixxiplinari ta’ l-edukazzjoni ta’ l-intraprenditorija, li tkun stabbilita kooperazzjoni formali bejn id-dipartimenti differenti ta’ l-amministrazzjoni . Din il-kooperazzjoni tista’ twassal biex tkun introdotta strateġija jew pjan ta’ azzjoni nazzjonali.

Fil- Finlandja , fl-2002 kien stabbilit kumitat apposta dwar l-intraprenditorija biex jiżviluppa u jikkordina l-intraprenditorija fuq livelli differenti ta’ edukazzjoni; il-membri ta’ dan il-grupp kienu jirrappreżentaw ministeri, organizzazzjonijiet u amministrazzjonijiet edukattivi differenti.

Wieħed mill- ostakli l-kbar huwa li l-għalliema ma jkollhomx motivazzjoni u lanqas taħriġ speċifiku . L-isforzi li l- għalliema jagħmlu fuq attivitajiet ibbażati fuq il-prattika, ġieli anke barra l-ħin normali tax-xogħol, għandu jkun rikonoxxut bħala ħidma uffiċjali ta’ l-iskola. Minkejja li l-awtoritajiet pubbliċi qed isiru aktar konxji, l-inizjattivi li jindirizzaw lill-għalliema ħafna drabi ma jkunux sistematiċi.

F’termini ta’ politika, hemm diversi modi ta’ kif wieħed jista’ jimxi ’l quddiem. Il-gvernijiet għandhom jadottaw miżuri ta’ appoġġ billi jkunu nkoraġġiti l-isħubiji bejn l-iskejjel u l-intrapriżi , billi jkunu appoġġjati organizzazzjonijiet dedikati li jwasslu programmi konkreti, billi jiġu ffinanzjati proġetti pilota fl-iskejjel, u billi tixxerred il-prassi tajba . Għalkemm il-promozzjoni sistematika għadha waħda limitata, hemm diversi eżempji tajbin fl-Ewropa li tajjeb jissemmew.

Fl- Olanda, il-gvern ħareġ il-fondi għal proġetti pilota fl-iskejjel. L-appoġġ inkluda l-iżvilupp ta’ materjali tat-tagħlim, kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ seminars u ta’ taħriġ għall-għalliema. Issa l-għan huwa li dawn il-proġetti jsiru minn skejjel oħra billi tkun ippreżentata l-prassi tajba lill-amministrazzjoni ta’ l-iskola, lill-għalliema u lill-istudenti.

L-atturi privati (assoċjazzjonijiet tan-negozju, kumpaniji, intraprendituri, konsulenti tan-negozju, eċċ.) qed isiru aktar involuti fl-edukazzjoni, kemm billi jisponsorjaw inizjattivi speċifiċi kif ukoll billi jieħdu sehem direttament fit-tagħlim (eż. bħala konsulenti). Il-kumpaniji għandhom iqisu dan l-involviment bħala investiment fit-tul, u bħala aspett importanti mir- responsabbiltà soċjali tal-kumpanija tagħhom . Is- sħubiji pubbliċi-privati huma importanti ħafna għall-iżvilupp ta’ l-edukazzjoni intraprenditorjali. It-twaqqif ta’ rabtiet bejn il-komunità, l-iskejjel u n-negozju huwa element ewlieni ta’ programmi b’suċċess. Dan il-proċess jeħtieġ li jitħeġġeġ iżjed.

Ħafna organizzazzjonijiet [19] bħalissa qed ixerrdu l-edukazzjoni intraprenditorjali madwar l-Ewropa permezz ta’ sħubiji mad-dinja tan-negozju u b’ċertu grad ta’ appoġġ pubbliku. Dawn qed imexxu ’l quddiem programmi li huma bbażati fuq it-tagħlim fil-prattika, per eżempju billi l-istudenti jitħallew imexxu kumpaniji żgħar. Fin-nuqqas ta’, jew flimkien ma’, l-metodoloġija żviluppata internament mis-sistema edukattiva, il-kontribuzzjoni tagħhom għall-edukazzjoni intraprenditorjali hija importanti f’ħafna pajjiżi Ewropej. Dawn l-organizzazzjonijiet jipprovdu wkoll it-taħriġ għall-għalliema u jistgħu jaġixxu bħala għodda ta’ bidla fil-politika nazzjonali dwar l-edukazzjoni.

Fin- Norveġja , il- Young Enterprise Norway huwa sieħeb għall-Gvern biex jimplimenta l-Istrateġija għall-Edukazzjoni Intraprenditorjali. Fl-2004, 14% ta’ l-istudenti kollha li ħallew l-iskola sekondarja ogħla kienu ħadu sehem fil-Programm tal-Kumpaniji ta’ l-Istudenti.

3. L-INTRAPRENDITORIJA FL-EDUKAZZJONI OGħLA

- Bħala parti importanti mill-kurrikulu, l-universitajiet u l-istituti tekniċi għandhom jintegraw l-intraprenditorija f’suġġetti differenti, waqt li jġiegħlu jew iħeġġu lill-istudenti biex isegwu korsijiet fl-intraprenditorija.

- Li l-inklinazzjonijiet u l-kompetenza intraprenditorjali jingħaqdu ma’ l-eċċellenza fl-istudji xjentifiċi u tekniċi iwassal biex l-istudenti u r-riċerkaturi jkunu jistgħu jikkumerċjalizzaw aħjar l-ideat tagħhom kif ukoll teknoloġiji ġodda li jkunu ġew żviluppati.

Fl-istudji universitarji, l-edukazzjoni intraprenditorjali tipprovdi taħriġ speċifiku fuq kif jinbeda u jitmexxa negozju , u tħeġġeġ u tappoġġja l-ideat ta’ negozju li jiġu mill-istudenti. L-edukazzjoni terzjarja normalment tkun deċentralizzata ħafna, iżda diġà jeżistu xi eżempji ta’ strateġija nazzjonali biex l-intraprenditorija titmexxa ’l quddiem fl-edukazzjoni ogħla. Dawn isiru normalment bħala riżultat tal-kooperazzjoni li jkun hemm bejn l-amministrazzjoni u l-universitajiet.

Fir- Renju Unit , l-għan ta’ l-Isfida tat-Tlaqqigħ bejn l-Intrapriża u x-Xjenza ( Science Enterprise Challenge ) huwa li fi ħdan l-universitajiet ikun stabbilit netwerk ta’ ċentri ffinanzjati mill-gvern li jkunu speċjalizzati biex ilaqqgħu flimkien l-istudji intraprenditorjali max-xjenza u t-teknoloġija .

Fl-Ewropa jeżistu ftit Katedri fl-Intraprenditorija [20]; dawn jiġu wara dawk ta’ l-Istati Uniti b’fattur ta’ erbgħa[21]. Barra minn hekk, it-tagħlim ta’ l-intraprenditorija jikkonċentra l-aktar fuq studenti li jkunu qed isegwu korsijiet fl-ekonomija u fin-nogozju ; it-tagħlim disponibbli għal dawk li jkunu qed isegwu studji oħra huwa limitat. L-intraprenditorija tibqa’ primarjament suġġett akkademiku u hemm it-tendenza li din tkun offruta bħala suġġett għalih. L-universitajiet għandhom jintegraw l-intraprenditorija f’suġġetti differenti tal-programm ta’ l-istudji tagħhom, għaliex din tkun ta’ valur miżjud għall-korsijiet akkademiċi kollha. Barra minn hekk, biex ikun trattat in-nuqqas ta’ għalliema speċjalizzati, l-intraprenditorija għandha tkun rikonoxxuta iżjed bħala qasam ta’ speċjalizzazzjoni għall-programmi ta’ dottorat.

Studji tal-każijiet u metodi oħra ta’ tagħlim interattiv mhumiex qed ikunu utilizzati biżżejjed[22]; l-istess jista’ jingħad għall-involviment ta’ nies tan-negozju fil-proċess tat-tagħlim. Biex titħeġġeġ l-imġiba intraprenditorjali, huwa meħtieġ li jkun hemm ambjent ta’ appoġġ . L-istituzzjonijiet ta’ l-edukazzjoni ogħla li jgħallmu l-intraprenditorija jipprovdu jew iħaffu l-aċċess għar- risk capital , għall-bini tal-kapaċità ta’ l-amministrazzjoni kif ukoll għall-ħolqien ta’ netwerks. Il-kompetizzjonijiet ta’ pjan ta’ negozju huma mod effettiv ta’ kif l-istudenti jesponu ruħhom għall-investituri. Il-preżenza ta’ inkubaturi u ta’ parkijiet tax-xjenza turi wkoll ir-rabta ta’ l-universitajiet, bil-forniment prattiku ta’ servizzi.

Fl- istudji tan-negozju li jsiru kemm fuq livell ta’ undergraduate kif ukoll fuq livell ta’ graduate (inklużi l-MBAs), il-korsijiet għandhom jixħtu attenzjoni akbar fuq aspetti bħalma huma t-twaqqif ta’ negozju, l-immaniġġjar tal-fażi tat-tkabbir ta’ l-SME u l-iżgurar ta’ l-innovazzjoni kontinwa.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali biex it-taħriġ intraprenditorjali ikun integrat b’mod sistematiku fl- istudji xjentifiċi u tekniċi kif ukoll fl-istituzzjonijiet tekniċi (eż. fil-politekniks). Dan biex jippermetti aħjar l-iżvilupp ta’ spin-offs u start-ups innovattivi u bħala mezz biex jgħin lir-riċerkaturi jiksbu ħiliet intraprenditorjali. L-iskejjel tan-negozju u l-fakultajiet tekniċi/xjentifiċi għandhom jikkollaboraw iżjed, per eżempju billi joħolqu timijiet interdixxiplinarji ta’ studenti u ta’ kandidati għad-dottorat. Jeħtieġ tingħata aktar attenzjoni fuq li jkunu żviluppati l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa biex ikunu sfruttati b’mod sħiħ attivitajiet ta’ trasferiment ta’ innovazzjoni u ta’ għarfien flimkien mal- kummerċjalizzazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda [23].

Jeħtieġ li l-universitajiet Ewropej jidentifikaw b’mod ċar il-parti strateġika li t-trasferiment ta’ l-innovazzjoni u ta’ l-għarfien għandu fil-missjonijiet ġenerali ta’ l-istituzzjonijiet.

L-iżviluppi akkademiċi qed jitqiesu iżjed bħala mezz importanti biex jissaħħaħ l-iżvilupp ekonomiku lokali. Madankollu, biex jitwettqu r-rwoli ġodda tagħhom, ix-xjenzati u l-universitajiet għandhom jibnu kompetenzi fin-negozju u kompetenzi maniġerjali .

Jeżistu wkoll ostakli interni , per eżempju sistema ta’ karriera bbażata ħafna fuq il-mertu akkademiku li għada ma tagħmilx it-triq intraprenditorjali bħala għażla kredibbli. Hemm ukoll problemi li jikkonċernaw il-mobilità tax-xogħol ’il ġewwa u ’l barra mid-dinja ta’ l-akkademiċi, kif ukoll oħrajn li jolqtu l-kapaċità għall-flessibilità u biex jintgħażlu b’mod strateġiku l-impjegati fl-universitajiet[24]. Il-mobilità inter-settorjali tar-riċerkaturi fl-istadji kollha tal-karriera tagħhom (inkluż fuq il-livell ta’ taħriġ dottorali) għandha ssir komponent normali fit-triq tal-karriera li r-riċerkatur ikun qabad.[25] Din il-mobilità għandha tgħin ukoll biex ikunu żviluppati l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa biex fl-universitajiet jissaħħu kemm il-kultura intraprenditorjali kif ukoll l-attitudni intraprenditorjali.

Fl-aħħarnett, huwa importanti ħafna li tinħoloq massa kritika ta’ għalliema ta’ l-intraprenditorija u li tiżdied il-kollaborazzjoni minn fruntiera għall-oħra. Waqt li fl-Ewropa kollha qed jiġu ppruvati metodi ġodda ta’ tagħlim għat-taħriġ ta’ l-intraprenditorija fl-universitajiet, il-qsim ta’ din il-prassi għandu jiżdied.

4. IT-TRIQ ’IL QUDDIEM

IR- rakkomandazzjonijiet li ġejjin għal azzjoni konkreta huma bbażati fuq l-evidenza u l-prassi tajba li teżisti fl-Ewropa. Ħafna minn din l-azzjoni jeħteġ tittieħed fuq livell nazzjonali jew lokali. Il-proposti għandhom l-għan li jgħinu fil-formulazzjoni ta’ metodi aktar sistematiċi għall-edukazzjoni intraprenditorjali u li jsaħħu r-rwol ta’ l-edukazzjoni fil-ħolqien ta’ kultura aktar intraprenditorjali fis-soċjetajiet Ewropej .

4.1. Qafas koerenti

- L-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali għandhom jistabbilixxu kooperazzjoni bejn id-dipartimenti differenti , li twassal biex tkun żviluppata strateġija b’għanijiet ċari u li tkun tkopri l-istadji kollha ta’ l-edukazzjoni fil-kuntest tal-programmi nazzjonali ta’ Liżbona.

- Il-kurrikula għall-iskejjel fil-livelli kollha għandhom jinkludu b’mod espliċitu l-intraprenditorija bħala għan ta’ edukazzjoni; dawn għandhom ikunu akkumpanjati b’linji ta’ gwida għall-implimentazzjoni.

4.2. L-appoġġ għall-iskejjel u għall-għalliema

- L-iskejjel għandhom jingħataw appoġġ u inċentivi prattiċi biex ikunu mħeġġa jwettqu attivitajiet u programmi ta’ intraprenditorija b’sensiela ta’ strumenti differenti.

- Għandha tingħata attenzjoni speċjali għat- taħriġ ta’ l-għalliema , permezz ta’ taħriġ tal-bidu u korsijiet in-service kif ukoll permezz ta’ esperjenza prattika, u biex isiru aktar konxji l-kapijiet ta’ l-iskejjel u l-bordijiet ta’ l-iskejjel.

4.3. Il-parteċipazzjoni minn atturi u negozji esterni

- Il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u l-komunità , speċjalment in-negozji , għandha tkun imħeġġa. L-involviment fl-edukazzjoni formali u f’dik mhux formali għandha titqies mill-kumpaniji bħala investiment u bħala aspett mir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji .

- L-iżvilupp ta’ kumpaniji żgħar ta’ l-istudenti fl-iskejjel għandu jitmexxa ’l quddiem iżjed. F’dak il-kuntest, l-attività ta’ l-organizzazzjonijiet li jmexxu ’l quddiem dawn il-programmi, bħall-NGOs, għandha tkun rikonoxxuta sew, filwaqt li l-inizjattivi tagħhom għandhom ikunu appoġġjati b’mod aktar sistematiku.

4.4. It-tkattir ta’ l-intraprenditorija fl-edukazzjoni ogħla

- L-istituzzjonijiet ta’ l-edukazzjoni ogħla għandhom jintegraw l-intraprenditorija f’suġġetti u f’korsijiet differenti, l-aktar fl-istudji xjentifiċi u tekniċi.

- L-appoġġ ta’ l-awtoritajiet pubbliċi huwa meħtieġ l-aktar biex jipprovdi taħriġ ta’ livell għoli għall-għalliema u biex jiżviluppa netwerks li jkunu jistgħu jaqsmu bejniethom il-prassi tajba.

- Għandha tkun mħeġġa wkoll il-mobilità ta’ l-għalliema bejn l-università u d-dinja tan-negozju kif ukoll l-involviment tan-nies tan-negozju fit-tagħlim.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-azzjonijiet ta’ l-Istati Membri fuq politika aktar komprensiva, billi jkun hemm attivitajiet ta’ koordinazzjoni kif ukoll proġetti speċifiċi. Għandha xxerred il-prassi tajba u tgħolli l-livell ta’ l-edukazzjoni intraprenditorjali b’sensiela wiesgħa ta’ azzjonijiet, inkluż l-azzjoni ta’ segwitu għar-Rakkomandazzjoni dwar il-kompetenzi ewlenin. Mill-2006, ix-xogħol fuq l-intraprenditorija fl-edukazzjoni ogħla se jiżdied sew. Mill-2007 il-Programm Integrat tal-Komunità fuq it-Tagħlim għal Matul il-Ħajja l-ġdid li huwa propost għandu jappoġġja proġetti innovattivi b’dimensjoni Ewropea. Dan għandu l-għan li jkattar l-attitudnijiet u l-ħiliet intraprenditorjali u li jippromwovi r-rabtiet ta’ bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u l-intrapriżi. Il-Fond Soċjali Ewropew se jkompli jappoġġja l-inizjattivi li jsiru fuq livell Ewropew, nazzjonali u lokali.

L-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri huma mistiedna biex jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa u biex iħaffu l-pass għar-riformi, skond il-ħtiġiet speċifiċi ta’ kull pajjiż. Din il-Komunikazzjoni se sservi bħala referenza biex ikun rivedut il-progress fl-iżvilupp tal-politika, l-aktar permezz tar-Rapporti ta’ Liżbona li l-Istati Membri għandhom jissottomettu skond il-Linji ta’ Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi ( Il-Linja ta’ Gwida Nru 15 ).

[1] Il-Monitoraġġ Intraprenditorjali Globali ta’ l-2004.

[2] D. Audretsch, Entrepreneurship: A survey of the literature , Ottubru 2002.

[3] Ara wkoll: http://europa.eu.int/comm/enterprise/entrepreneurship/index_en.htm

[4] L-Aġenda Ewropea għall-Intraprenditorija, il-Kummissjoni Ewropea, COM (2004) 70 finali, il-11 ta’ Frar 2004.

[5] Il-Politika Moderna ta’ l-SMEs għat-Tkabbir u l-Impjiegi, COM (2005)551 finali, l-10 ta’ Novembru 2005.

[6] Flash Eurobarometer 160 ‘L-Intraprenditorija’, Ġunju 2004.

[7] Il-Monitoraġġ Intraprenditorjali Globali ta’ l-2004.

[8] Proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni fuq il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim għal Matul il-Ħajja COM(2005)548 finali

[9] Kumpaniji Żgħar fl-Edukazzjoni Sekondarja, Proġett ta’ l-Aħjar Proċedura: Rapport Finali tal-Grupp Espert, Settembru 2005.

[10] Proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni fuq il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim għal Matul il-Ħajja.

[11] Deċiżjoni tal-Kunsill (2000/819/KE) ta’ l-20 ta’ Diċembu 2000 dwar il-programm multi-annwali għall-intrapriża u l-intraprenditorija, u partikolarment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) (2000/819/KE).

[12] Il-kurrikula ta’ qafas għall-edukazzjoni fl-iskejjel jistgħu jkunu ta’ responsabbiltà nazzjonali jew reġjonali. Għalhekk, l-ideat ippreżentati hawnhekk għandhom ikunu adattati għall-kuntesti tal-pajjiżi differenti.

[13] Per eżempju, fi Spanja, fl-Irlanda, fil-Polonja, fil-Finlandja u fir-Renju Unit, iżda wkoll fin-Norveġja. Il-proġett MAP dwar l-Edukazzjoni għall-Intraprenditorija, Rapport Finali Marzu 2004, u r-Rapport fuq l-Implimentazzjoni tal-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar ta’ l-2005.

[14] ‘L-edukazzjoni primarja’ tirreferi għal-livell 1 tal-klassifikazzjoni ISCED ta' l-1977 tal-UNESCO. Wieħed irid iżomm f’moħħu li fl-Istati Membri ta’ l-UE d-definizzjoni ta’ edukazzjoni primarja u sekondarja tvarja ħafna.

[15] Per eżempju fil-Finlandja, fir-Renju Unit, fl-Iżlanda u fin-Norveġja.

[16] Skond l-ISCED, l-edukazzjoni sekondarja inferjuri hija ekwivalenti għal-livell 2, waqt li l-livell sekondarju ogħla, li jibda wara l-edukazzjoni obbligatorja, huwa ekwivalenti għal-livell 3.

[17] Il-Kumpaniji Żgħar fl-Edukazzjoni Sekondarja, Proġett ta’ l-Aħjar Proċedura: Rapport Finali tal-Grupp Espert, Settembru 2005.

[18] Il-proġett MAP dwar l-Edukazzjoni għall-Intraprenditorija, Rapport Finali, Marzu 2004.

[19] Per eżempju, il-membri tan-netwerks Junior Achievement-Young Enterprise Europe , EUROPEN u JADE.

[20] Proġett dwar l-Aħjar Proċedura fuq l-Edukazzjoni u t-Taħriġ għall-Intraprenditorija, Novembru 2002.

[21] Stħarriġ fuq l-edukazzjoni intraprenditorjali fl-Ewropa mill-EFER u mill-EFMD, Settembru 2004. J. A. Katz, Stħarriġ dwar il-Kapaċitajiet fl-Intraprenditorija u f’Oqsma Relatati fl-Istati Uniti, Ottubru 2003.

[22] Stħarriġ fuq l-edukazzjoni intraprenditorjali fl-Ewropa.

[23] Ara wkoll: Aktar Riċerka u Innovazzjoni – L-Investiment għat-Tkabbir u l-Impjiegi: Metodu Komuni. COM (2005)488 finali.

[24] Iċ-Ċentru Nordiku ta’ l-Innovazzjoni, Entrepreneurial learning & academic spin-offs , Göteborg, Jannar 2005.

[25] Il-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u l-Kodiċi ta’ Mġiba għar-Reklutaġġ tar-Riċerkaturi C52005) 576 finali, it-22 ta’ Marzu 2005.