52006DC0030

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa - Wasal iż-żmien li ningranaw - Parti I : Is-sħubija l-ġdida għat-tkabbir u għall-impjiegi - Parti II : Kapitoli tal-pajjiżi (Malta) - Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni sħiħa tal-"Parti II: Kapitoli tal-Pajjiżi" hija disponibbli bil-Franċiż, bl-Ingliż u bil-Ġermaniż /* KUMM/2006/0030 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 25.1.2006

KUMM(2006) 30 finaliPARTI I

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL EWROPEW TAR-REBBIEGĦA

WASAL IŻ-ŻMIEN LI NINGRANAW Is-sħubija l-ġdida għat-tkabbir u għall-impjiegi

WASAL Iż-żMIEN LI NINGRANAW IS-SħUBIJA L-ġDIDA GħAT-TKABBIR U L-IMPJIEGI

Is-sena l-oħra kien hemm xaqliba ġdida fl-Unjoni Ewropea, b’momentum ġdid miftiehem għat-tkabbir u l-impjiegi. Fl-2005, il-loġika li l-isfidi komuni tagħna jeħtieġu tweġibiet komuni ntgħarfet bħal qatt qabel. L-istrateġija l-ġdida ta’ Liżbona wriet kif strateġija Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi tista’ tkun, u għandha tkun, aktar mis-somma tal-partijiet tagħha. Il-laqgħa tal-mexxejja Ewropej f’Hampton Court għamlitha ċara li l-Ewropa hi indispensabbli għat-tfittxija ta' soluzzjonijiet għall-problemi globali. Kien hemm appoġġ sħiħ għall-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea ta’ l-isfidi li ġejjin, u għal qafas ambizzjuz biex jiġu indirizzati. Kollha qablu li l-potenzjal ta’ Ewropa mkabbra ma setax jiġi kkunsidrat bħala xi ħaġa ċerta- tintħtieġ azzjoni biex jiġi sfruttat l-potenzjal kemm jista’ jkun u biex jiġi żgurat żvilupp sostenibbli fil-ġejjieni.

Dan il-konsensus reġa’ ntwera fil-programmi ta’ riformi nazzjonali mħejjija minn kull Stat Membru. Jammontaw għal bidu promettenti għall-approċċ il-ġdid. Bħalissa jinħtieġ li l-momentum jiżdied u li l-programmi nazzjonali jiġu implimentati.

Liema huma l-aktar passi urġenti meħtieġa? Neħtieġu aktar riċerka u żvilupp, b’koordinazzjoni aħjar u aktar effiċjenti. Neħtieġu li naħdmu flimkien fuq livell Ewropew biex niżguraw li r-riċerka tiġi riflessa f’prodotti u servizzi innovattivi, li jirriżultaw fi tkabbir u impjiegi. Sabiex il-kumpaniji tagħna, b’mod partikolari kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju, jikkompetu b’suċċess f’suq globali li kulma jmur qed isir aktar kompetittiv, jeħtieġu li jiġu sostnuti minn suq intern mifrux ma' l-Ewropa. Suq ħieles mill-barrieri u l-burokrazija, fejn ir-regoli huma previdibbli u fejn il-kumpaniji dinamiċi jistgħu jwarrdu.

Neħtieġu aktar nies fix-xogħol biex jiffinanzaw il-pensjonijiet u l-kura tas-saħħa hekk kif il-popolazzjonijiet qegħdin jixjieħu. Neħtieġu approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja mmirat lejn ix-xogħol. Iż-żgħażagħ jeħtieġu l-għajnuna biex jibdew ħajjithom fix-xogħol. Il-ġenituri jeħtieġu kura għat-tfal bi prezz raġjonevoli u bilanċ tal-ħajja tax-xogħol diċenti. U ma nistgħux nħallu lin-nies joħorġu mis-suq tax-xogħol meta jkunu fil-ħamsinijat.

Ġejna mfakkra f’dawn l-aħħar żminijiet, b’mezzi varji, dwar l-importanza ta’ l-enerġija għall-ekonomiji tagħna. Ma nistgħux naħluha. Għandna nieħdu aktar minnha permezz ta’ sorsi rinnovabbli u li ma jniġġsux. U neħtieġu sigurtà ta’ provvista bi prezzijiet raġjonevoli. Il-kompetizzjoni tista’ tgħin hawnhekk ukoll. Imma l-Ewropa teħtieġ ukoll li titkellem b’leħen wieħed sabiex tiżgura l-provvista lil hinn mill-fruntieri tagħha.

Għalhekk nafu lejn xix qegħdin nimmiraw, u nafu kif għandna naslu s’hemm. Iżda issa għall-parti diffiċli: inbidlu l-intenzjonijiet tajbin f’azzjoni. Ir-riforma teħtieġ li tkun il-prinċipju li jiggwida kemm għall-politika ekonomika nazzjonali kif ukoll għal dik Ewropea. Huwa kruċjali li l-miżuri ta’ l-Istati Membri u ta’ l-UE jikkomplimentaw lil xulxin biex joħolqu magna tat-tkabbir u ta’ l-impjiegi b’saħħitha. Din hi r-responsabbiltà komuni tagħna, u x-xogħol ma jkunx lest qabel kull ħaddiem, kull negozju, kull konsumatur ikun jista’ jibbenefika mir-riforma.

L-ewwel sena ta’ l-istrateġija offriet tama reali li l-progress lejn riforma ekonomika qiegħed iseħħ, li l-Ewropa sejra x’imkien. Jekk nistgħu nirdoppjaw l-enerġiji tagħha u nagħmlu r-riforma l-prijorità ewlenija tagħna, l-istrateġija mġedda ta’ Liżbona ser tkun bidla deċiżiva lejn it-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa. Jiddependi minna kollha biex naraw li dan iseħħ.

Wasal iż-żmien li ningranaw.

SINTEŻI EŻEKUTTIVA L-istrateġija ta’ Liżbona daħlet f’fażi ġdida. Is-sena l-oħra kien hemm bidu ġdid, u bidla fil-pass ta’ kif taħdem. Issa qegħdin niffokaw fuq il-kisba ta’ riżultati. Bil-preżentazzjoni ta’ programmi nazzjonali ta’ riforma, l-Istati Membri aċċettaw responsabbiltà ġdida, li tistipula impenji dettaljati għal azzjoni. Fl-istess ħin, il-Programm Komunitarju ta’ Liżbona jispeċifika dak li għandu jseħħ fuq livell ta’ l-UE biex jiġu kkumplimentati l-isforzi nazzjonali, reġjonali u dawk lokali. Il-programmi nazzjonali ta’ riforma jammontaw għal bażi tajba biex imexxu l-aġenda tar-riforma ’il quddiem. L-argument biex tingħata prijorità lit-tkabbir u lill-impjiegi hu konvinċenti, b’konsensus wiesa’ dwar l-isfidi ewlenin li għandna nħabbtu wiċċna magħhom. B’mod parallel, l-azzjoni fuq livell ta’ l-UE qiegħda kif suppost u ser tirċievi impetu ġdid ladarba l-pjanijiet ta’ nfiq ta’ l-UE għall-2007-2013 ikunu ffinalizzati. Għalhekk l-istrumenti qegħdin bil-lest; il-programm nazzjonali żamm il-momentum; issa tinħtieġ ir-rieda politika biex l-impenji jiġu tradotti f’riżultati reali għat-tkabbir u l-impjiegi. Wasal iż-żmien li ningranaw. Issa l-programmi nazzjonali għandhom jiġu implimentati fuq bażi ta’ konsensus nazzjonali reali. Dan mhux ser iseħħ mil-lejl għan-nhar. Għandna nispjegaw aħjar liċ-ċittadini tagħna għaliex l-istrateġija ta’ tkabbir u ta’ impjiegi hija t-triq għal prosperità u ġustizzja soċjali fil-medda ta’ żmien twila. Il-programmi għandhom jissaħħu sabiex ir-riforma tkopri ż-żoni ta’ politika ewlenin għat-tkabbir u l-impjiegi fl-Istati Membri kollha. Kif uriet il-laqgħa tal-mexxejja Ewropew f’Hampton Court, hemm żoni ewlenin fejn l-Ewropa tista' tagħmel id-differenza, fejn deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni sodi jagħtu impetu ġdid lir-riforma. Qabża deċiżiva fl-investiment għar-riċerka u l-innovazzjoni ser twettaq il-potenzjal ta’ l-Ewropa biex toffri l-prodotti u s-servizzi li jkunu jridu ċ-ċittadini. Dan jeħtieġ aktar investiment pubbliku, bl-infiq preżenti jixxaqleb għal fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni u b’koordinazzjoni aħjar fost l-Istati Membri. Bl-istess importanza, l-ambjent għandu jkun tajjeb biex titwettaq riċerka lejn l-innovazzjoni u biex jitħeġġeġ it-tkabbir: il-frott ta’ l-eċċellenza tar-riċerka m’għandux jixxekkel minn ostakoli li mhumiex bżonnjużi għall-użu kummerjċali jew billi jorbtu l-idejn ta’ l-universitajiet. L-iżblokkar tal-potenzjal tan-negozju Ewropew ifisser il-ħolqien ta’ klima tan-negozju li tħeġġeġ il-kumpaniji biex jibdew u jikbru. L-Ewropa għandha jkollha l-kunfidenza biex tħalli lill-imprendituri jwarrdu billi jiftħu t-triq għal kumpaniji ġodda. Il-gvernijiet għandhom ikunu lesti li jwittu t-triq għall-kumpaniji f’kull stadju ta’ l-iżvilupp tagħhom, b’anqas burokrazija biex jgħinu lill-SMEs jiżviluppaw f’pajjiżhom u ’l barra mill-fruntieri, kif ukoll azzjoni pożittiva biex tħaffef l-aċċess għall-finanzi li jeħtieġu. Popolazzjoni li qiegħda tixjieħ tfisser li s-soċjetà Ewropea għandha tkun lesta tgħin iżjed lin-nies li jaħdmu, sabiex jaħdmu għal aktar żmien, u jaħdmu b’mod li jużaw it-talenti tagħhom mill-aħjar li jistgħu. Dan ifisser politiki ta’ l-impjieg li jgħinu lin-nies ifittxu xogħol f’kwalunkwe stadju tal-ħajja tax-xogħol tagħhom u jneħħu l-ostakoli għal dawk li jixtiequ jaħdmu. In-nies jeħtieġu l-ħiliet tajbin fil-ħin it-tajjeb, jeħtieġu l-għajnuna sabiex jaffrontaw il-bidla u jsibu opportunitajiet ġodda, u jeħtieġu li jkollhom il-ħila jissodisfaw il-ħtiġijiet tax-xogħol għall-bqija ta’ ħajjithom. Provvista ta’ l-enerġija sigura u raġjonevoli hi pjattaforma kruċjali għat-tkabbir. Iżda l-enerġija hi riżorsa limitata li għandhom jieħdu ħsiebha. Tinħtieġ politika ta’ l-enerġija Ewropea biex toffri suq intern reali, biex tkabbar il-benefiċċju ta’ l-effiċjenza ta’ l-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli, u biex tissalvagwardja l-provvista fi ħdan il-frunteri ta’ l-UE u lil hinn. L-esperjenza nazzjonali turi dak li hu possibbli, u dak li għandu jsir. L-Istati Membri għandhom jisfruttaw dan il-potenzjal u jagħmlu aktar biex jitgħallmu mill-imsieħba tagħhom. F’linja parallela ma’ l-attwazzjoni sħiħa tal-programmi nazzjonali, il-passi li jmiss għandhom jiffokaw fuq azzjonijiet ewlenin biex jinżamm il-momentum. Il-Kummissjoni ssejjaħ lill-Kunsill Ewropew biex jimpenja ruħu għal serje ta’ azzjonijiet speċifiċi, bi żmien limitat għal dawn l-oqsma kollha. dwar l-infiq fuq ir-riċerka u l-edukazzjoni, dwar il-ħeffa għall-bidu u t-tmexxija ta’ negozju, dwar l-għajnuna għall-persuni qiegħda biex isibu xogħol, dwar il-kura tat-tfal, dwar politika ta’ enerġija integrata fl-Ewropa. Iċ-ċittadini, il-ħaddiema u l-imprendituri għandu jħosshom li l-politika pubblika hi mfassla sabiex tgħinhom f'dak li qegħdin jippruvaw jiksbu, u mhux biex ixxekkilhom. Għandhom jiżdiedu l-isforzi biex jinbena konsensus nazzjonali reali wara l-programmi.. L-istituzzjonijiet ta’ l-UE u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li strateġija ta’ komunikazzjoni dedikata għandha tkun stabbilita u tinvolvi l-partijiet nazzjonali, reġjonali u lokali kkonċernati kollha. Għandu jkun hemm ukoll rwol speċjali għall-imsieħba soċjali. |

- WERREJ

Wasal iż-żmien li ningranaw Is-sħubija l-ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi 2

Parti I – Wasal iż-żmien li ningranaw 7

1. L-Ewropa qed tagħmel progress: naħdmu flimkien għal aktar tkabbir u impjiegi 7

2. Inwettquha: ir-rispons tal-politika 9

b2.1. Il-programm ta’ Liżbona tal-Komunità 9

b2.2. Il-programmi nazzjonali ta’ riforma 10

bb2.2.1. Il-valutazzjoni ta’ l-oqsma differenti tal-politika 12

bb2.2.2. Il-konklużjonijiet ġenerali 15

3. Inkomplu ningranaw: erba’ azzjonijiet għal aktar tkabbir u impjiegi 16

b3.1. Investiment akbar fl-għarfien u fl-innovazzjoni 17

b3.2. Jinfetaħ il-potenzjal tan-negozju, partikolarment ta’ l-SMEs 19

b3.3. Tweġiba għall-globalizzazzjoni u t-tixjieħ 21

b3.4. Progress biex issir politika ta’ l-enerġija ta’ l-UE effiċjenti u integrata 23

4. Is-segwitu wara l-kunsill ewropew tar-rebbiegħa ta’ l-2006 25

b4.1. L-implimentazzjoni u s-superviżjoni tal-programmi nazzjonali ta’ riforma: 25

4.2. It-twettiq ta’ l-azzjoni Komunitarja 26

b4.3. Jiġu mobilizzati l-atturi kollha wara aġenda komuni 27

Appendiċi – Lista ta’ eżempji illustrattivi tal-politika u tal-miżuri ta’ l-Istati Membri b’appoġġ għall-għanijiet ta’ tkabbir u impjiegi, partikolarment fl-erba’ oqsma ta’ prijoritàli ġew identifikati fit-taqsima 3 28

Parti I – Wasal iż-żmien li ningranaw

1. L-EWROPA QED TAGħMEL PROGRESS: NAħDMU FLIMKIEN GħAL AKTAR TKABBIR U IMPJIEGI

Qegħdin ngħixu f’dinja li tinbidel malajr u li hija interdependenti. Dan jipprovdilna bosta opportunitajiet imma se niffaċċjaw ukoll bosta sfidi jekk biħsiebna niksbu soċjetà li tirnexxi u ġusta. Fuq kollox, jekk se nindirizzaw il-kompitu ċentrali li noħolqu aktar tkabbir u impjiegi, il-politika pubblika f’kull livell jeħtieġ li tkun irrappreżentata f’realtajiet moderni bħall-globalizzazzjoni u bħat-tixjiħ tal-popolazzjoni tagħna. Dan huwa l-uniku mod li bih jistgħu jkunu mmodernizzati b’suċċess l-ekonomiiji tagħna u jkunu ssalvagwardjati u mħeġġa l-valuri ta’ l-Ewropa fl-Ewropa stess u lil hinn. U billi nagħtu r-riżultati nistgħu nerġgħu nnisslu sens ta’ kunfidenza f’ħilitna li nissodisfaw l-aspettattivi taċ-ċittadini.

Fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ Marzu 2005, il-mexxejja ta’ l-UE qiegħdu t-tkabbir u l-impjiegi fil-quċċata tal-prijoritajiet politiċi Ewropej. L-Istrateġija mġedda ta’ Liżbona fissret impenn mill-ġdid min-naħa ta’ kulħadd sabiex jimmobilita ruħu wara aġenda ta’ riforma pożittiva. Fl-oriġini tagħha kien hemm għarfien li s-suċċess jiddependi minn metodu komprensiv, li jħaddem l-akbar numru ta’ lievi u li jmiss kull rokna ta’ kull Stat Membru fl-Ewropa.

Dan l-impenn ingħata aktar importanza bil-ftehim dwar il-linji ta’ gwida integrati għat-tkabbir u għall-impjiegi[1], li jipprovdu pjan ċar għat-tfassil tar-riformi nazzjonali, u permezz tal-lagħqa informali f’Hampton Court f’Ottubru. F’Hampton Court, il-mexxejja ta’ l-UE analizzaw kif il-valuri Ewropej jistgħu jsostnu l-modernizzazzjoni fl-ekonomiji u fis-soċjetajiet tagħna u kif jistgħu jgħinuna nitqabdu ma’ l-isfidi ewlenija b’mod li huwa tabilħaqq Ewropew. Fi tmiem is-sena li għaddiet, il-ftehim fil-Kunsill Ewropew dwar il-perspettivi finanzjarji fisser pass ieħor ’il quddiem: hekk kif ikun iffinalizzat mal-Parlament Ewropew, se jiftaħ triq lejn investment ġdid sabiex l-ekonomija Ewropea tkun immodernizzata.

Għalhekk hemm viżjoni komuni u kunsens qawwi dwar dak li jeħtieġ isir – appoġġjat fl-ogħla livell. L-Ewropa teħtieġ li tagħmel użu minn firxa sħiħa ta’ politiki u ta’ strumenti: ma tistax toqgħod tagħżel biss dak li huwa politikament konvenjenti. Politika makroekonomika soda hija rekwiżit essenzjali sabiex jitwettaq il-potenzjal għat-tkabbir tagħha. L-Ewropa teħtieġ ukoll klima li jippermetti li l-kreattività ta’ l-Ewropej tiċċirkola billi jiġi offrut post aktar attraenti għall-investiment, għall-innovazzjoni u għax-xogħol. Il-ħelsien tan-negozji minn burokrazija żejda u minn kontrolli burokratiċi li issa għadda żmienhom jinkoraġġixxi lin-negozji l-ġodda, jagħti lok għall-espansjoni tan-negozji eżistenti, u joħloq impjiegi ġodda. Investiment privat u pubbliku akbar u li huwa aktar effiċjenti huwa l-katalist għall-ekonomija msejsa fuq l-għarfien, fejn jagħti stimolu lill-frott tar-riċerka u lill-ħiliet ta’ livell għoli li jinkoraġġixxu inklużjoni soċjali u kapaċità akbar ta’qligħ tul ħajja fuq il-post tax-xogħol itwal u aktar b’saħħitha. Il-promozzjoni ta’ l-ekoinnovazzjoni u t-tixrid tat-teknoloġiji ambjentali jġibu kemm is-sostenibbiltà kif ukoll it-tkabbir. Il-modernizzazzjoni tas-swieq tax-xogħol tagħna u tas-sistemi ta’ ħarsien tagħna tfisser li aktar nies qed jaħdmu, aktar adattabilità għal-bidla, aktar produttività u tkabbir ekonomiku aktar sostenibbli u aktar ġust. U ftuħ iżjed tal-kummerċ dinji billi jinkiseb ftehim b’suċċess mad-WTO sa l-aħħar ta’ l-2006 ser joħloq opportunitajiet ġodda u jagħti spinta lill-kompetittività kemm fi ħdan kif ukoll barra l-Unjoni. Dawn il-għanijiet kollha jridu jinkisbu filwaqt li jiġu rrispettati l-kondizzjonijiet essenzjali ta’ l-iżvilupp sostenibbli.

L-ewwel pass biex din l-ambizzjoni tissarraf f’azzjoni kien li jiġu stabbiliti l-għodod sabiex titwettaq il-biċċa xogħol. Dan jeħtieġ metodu ta’ sħubija, bil-miżuri korretti li jittieħdu fil-livell korrett.

- L-Istati Membri fasslu programmi nazzjonali ta’ riforma pajjiż b’pajjiż fuq il-bażi komuni tal-linji ta’ gwida integrati. Dawn huma l-għodda ewlenija sabiex titmexxa ’l quddiem l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona: joffru lista ta’ kontroll ta’ l-impenji nazzjonali u tal-livelli ta’ referenza sabiex jiġi kkontrollat il-progress fix-xhur u s-snin li ġejjin.

- Il-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni qed jaħdmu flimkien fuq l-azzjonijiet meħtieġa fuq il-livell tal-Komunità sabiex l-aġenda għat-tkabbir u għall-impjiegi tirnexxi:. Il-programm ta’ Liżbona tal-Komunità[2], li ntlaqa’ tajjeb mill-Kunsill Ewropew f’Diċembru 2005, beda jagħti r-riżultati fuq numru sostanzjali ta’ proposti importanti biex ikunu kkomplementati l-inizjattivi li ttieħdu mill-Istati Membri.

F’bosta oqsma, iċ-ċentru tal-gravità ta’ l-azzjoni jinstab fil- livell ta’ l-Istat Membru (jew fil-livell reġjonali jew lokali) – bħal, ngħidu aħna, għall-politika ta’ l-impjiegi u tas-suq tax-xogħol fejn ir-rwol tas-sħab soċjali huwa kruċjali wkoll . Imma l-fatt li l-azzjonijiet qed jiġu applikati fuq livell lokali, reġjonali jew nazzjonali ma jfissirx li m’għandhomx konsegwenzi għall-Ewropa kollha: bl-interdipendenza tas-suq uniku, anki l-ekonomiji li jrendu l-aktar ibatu min-nuqqasijiet ta’ l-oħrajn.

Fl-istess ħin, l-isfidi komuni li ġew iffaċċjati jfisser li r-risponsi jistgħu jitqassmu bejn is-sħab. Huwa bil-wisq rari li l-gvernijiet iħarsu lejn is-sħab tagħhom għal ideat u soluzzjonijiet. Kull pajjiż jista’ jiġbed l-attenzjoni fuq eżempji ta’ ideat u esperjenzi tajbin. Il-programmi nazzjonali ta’ riforma jipprovdu ħażna ta’ għarfien u ta’ esperjenzi li għandhom jitqassmu u jixxerrdu: l-użu bis-sħiħ ta’ dan it-teżor ta’ l-aħjar prassi huwa l-aħjar mod kif jinstilet valur miżjud mill-Istrateġija ta’ Liżbona. Bħala l-ewwel pass, dan ir-Rapport jipproponi sett ta’ passi essenzjali bħala programm komuni għal azzjoni nazzjonali.

Barra minn dan, hemm ukoll l-għanijiet li ma jistgħux jitwettqu mill-Istati Membri li jaġixxu waħedhom imma fejn ir-riżultati jeħtieġu azzjoni fuq il-livell tal-Komunità. Is-suċċess ta’ bosta inizjattivi nazzjonali se jiddependi mill-isforzi nazzjonali ta’ appoġġ permezz ta’ azzjoni Komunitarja u ta’ investiment Komunitarju li jagħmlu mill-Ewropa l-aħjar post fejn wieħed jgħix u jaħdem. Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata li tmexxi din l-aġenda ’l quddiem.

Din is-sħubija issa trid tiddaħħal f’fażi ġdida . L-għodod huma lesti. Hemm il-kunsens għall-politika. Jekk l-Istrateġija ta’ Liżbona se tagħmel id-differenza, l-attenzjoni issa trid iddur fuq l-implimentazzjoni.

*******

Din il-Komunikazzjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tistabbilixxi fejn ninsabu tul it-triq li twassal għall-ħolqien ta’ dinamiżmu ġdid għat-tkabbir u għall-impjiegi fl-Ewropa:

- Parti I tevalwa l-proċess tat-tfassil tal-programmi ta’ riforma u tenfasizza numru limitat ta’ inizjattivi ewlenija għall-ftehim fil-Kunsill Ewropew. Hija mehmuża lista illustrattiva ta’ eżempji ta’ inizjattivi u ta’ miżuri nazzjonali li turi kif skambju produttiv ta’ esperjenzi nazzjonali jista’ jkun ta’ benefiċċju reċiproku reali.

- Parti II hija valutazzjoni dettaljata tal-programmi nazzjonali ta’ riforma, fejn tinġibed l-attenzjoni fuq il-punti tajbin tagħhom kif ukoll fuq l-oqsma li l-Istati Membri jeħtieġ li jirrivedu u jaġġornaw. Għandha wkoll analiżi taż-żona ta’ l-euro.

- Analiżi aktar dettaljata ta’ l-aspetti makroekonomiċi, mikroekonomiċi u ta’ l-impjiegi tal-programmi nazzjonali ta’ riforma tista’ tinstab fl-Anness I. Safejn għandha x’taqsam il-parti ta’ l-impjiegi, din isservi wkoll bħala l-bażi għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi.

2. INWETTQUHA: IR-RISPONS TAL-POLITIKA

Iż-żewġ strumenti ewlenija sabiex tiġi implimentata l-istrateġija l-ġdida ta’ Liżbona huma l-programm ta’ Liżbona tal-Komunità, li jiddeskrivi x’inhu l-aħjar li jsir fuq il-livell Komunitarju, u l-25 programm nazzjonali ta’ riforma: ir-rispons tal-politika ta’ kull Stat Membru għall-isfidi ewlenija li ġew identifikati. Dawn l-istrumenti jridu jaħdmu flimkien sabiex ikollhom l-aħjar effett.

2.1. Il-programm ta’ Liżbona tal-Komunità

Fis-sitt xhur minn meta ġie adottat il-programm ta’ Liżbona tal-Komunità, sar progress sinifikanti fuqu. Il-Kummissjoni diġà adottat żewġ terzi mill-azzjonijiet previsti. Madankollu, il-proposti leġiżlattivi se jipproduċu biss effetti prattiċi ladarba jkunu adottati mill-Kunsill u mill-Parlament. Barra minn hekk, bosta mill-azzjonijiet finanzjarji jiddependu mill-finalizzazzjoni u mill-implimentazzjoni tal-perspettivi finanzjarji għall-2007-2013.

Il-programm ta’ Liżbona tal-Komunità jinkludi numru ta’ inizjattivi importanti sabiex jiġi indirizzat l-impatt deċiżiv transkonfinali tar-riċerka u ta’ l-innovazzjoni u t-tfarrik ta’ l-isforzi Ewropej għar-riċerka: prinċipalment is-7 programm ta’ qafas dwar ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni u l-programm ta’ qafas dwar il-kompetittività u l-innovazzjoni. Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll inizjattivi konkreti sabiex ittejjeb l-ambjent tar-riċerka u ta’ l-innovazzjoni fl-Ewropa fil-Komunikazzjoni tagħha “Aktar riċerka u innovazzjoni għall-Ewropa: metodu komuni”[3]. Is-7 programm ta’ qafas jintroduċi mudell ġdid ta’ appoġġ għar-riċerka – l-inizjattivi konġunti tat-teknoloġija – fis-sura ta’ sħubiji bejn il-pubbliku u l-privat sabiex jappoġġjaw riċerka ġdida li tipprometti u biex l-industrija Ewropea tingħata vantaġġ f’oqsma li jvarjaw miċ-ċelluli ta’ l-idroġenu u tal-fjuwil, mill-aeronawtika u t-trasport ta’ l-ajru, għall-mediċini innovattivi u n-nanoelettronika. Galileo, l-inizjattiva tan-navigazzjoni bis-satellita u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ amministrazzjoni ta’ traffiku bil-ferroviji u ta’ l-ajru integrat huma eżempji ewlenija ta’ proġetti industrijali avvanzati li għandhom dimensjoni Ewropea qawwija.

Ir-riforma tal-qafas tal-politika ta’ l-għajnuna Statali tal-Komunità għar-riċerka u l-iżvilupp, kif ippjanat, se tiffaċilita s-sħubiji bejn il-pubbliku u l-privat u għandha ċċaqlaq aktar investiment privat għar-riċerka u l-iżvilupp. Il-programm jinkludi wkoll azzjonijiet immirati sabiex jistimolaw l-eko-innovazzjoni u l-użu tat-teknoloġiji ambjentali. Il-qafas jista’ jiġi estiż biex ikopri dispożizzjonijiet ġodda sabiex tkun appoġġjata l-innovazzjoni, speċjalment għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju. Barra minn hekk, l-appoġġ Statali lill-kumpaniji ġodda u innovativi għandu jkun iffaċilitat, mhux biss permezz ta’ appoġġ finanzjarju dirett imma wkoll permezz ta’ aċċess aktar faċli għall-finanzjament kapitali ta’ riskju. Bħala pass addizzjonali importanti fit-twettiq tal-programm ta’ Liżbona tal-Komunità, il-Kummissjoni nediet politika industrijali ġdida u aktar integrata sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet tal-qafas għall-industriji tal-manifattura. Dawn l-industriji jħaddmu aktar minn 34 miljun persuna, li jammontaw għal aktar minn 80% tan-nefqa tas-settur privat ta’ l-UE għar-riċerka u l-iżvilupp.

Numru ta’ azzjonijiet fil-programm ta’ Liżbona tal-Komunità għandhom l-għan li jagħmlu mill-Ewropa post aktar attraenti fejn wieħed jinvesti u jaħdem. Dawn jinkludi inizjattivi sabiex is-suq intern għas-servizzi jsir realtà, jittieħdu passi sabiex titmexxa ’l quddiem riforma regolatorja, jittejjeb l-ambjent fiskali u doganali għall-attività ekonomika u jitħeġġeġ l-aċċess għas-swieq u swieq aktar kompetittivi, b’mod partikolari fl-enerġija u fis-servizzi finanzjarji fejn il-Kummissjoni tat bidu għal stħarriġ.

Ġiet proposta leġiżlazzjoni sabiex tinħoloq “żona ta’ pagament uniku” fl-UE, sabiex il-pagamenti transkonfinali jsiru faċli u aċċessibbli bħall-pagamenti domestiċi. Dan biss jista’ jiffranka lill-ekonomija ta’ l-UE bejn €50 u €100 biljun fis-sena. Inizjattivi notevoli oħrajn jinkludu t-titjib ta’ l-aċċess għall-kapital ta’ riskju, partikolarment għall-SMEs. Se jsir disponibbli l-finanzjament Komunitarju l-ġdid, pereżempju fil-forma ta’ garanziji u investimenti fil-kapital ta’ riskju, permezz tal-programm dwar il-kompetittività u l-innovazzjoni. Dan il-programm se jgħin ukoll sabiex jinġiebu fuq is-suq soluzzjonijiet innovattivi sabiex tittejjeb il-provvista ta’ l-enerġija (b’mod partikolari l-enerġiji rinnovabbli) kif ukoll it-talba għaliha (permezz ta’ miżuri għall-effiċjenza ta’ l-enerġija). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreżentat miżuri ambizzjużi sabiex jgħinu fil-ħolqien ta’ aktar impjiegi u li jkunu ta’ kwalità aħjar permezz tat-tneħħija ta’ l-ostakli għall-mobilità, metodu komuni għall-migrazzjoni ekonomika u sforzi biex ikunu ttrattati l-konsegwenzi soċjali ta’ strutturar ekonomiku mill-ġdid.

L-istituzzjonijiet Komunitarji u l-Istati Membri għandhom responsabbiltà komuni għall-kwalità ta’ l-ambjent regolatorju. Il-Kummissjoni żiedet l-isforzi tagħha sabiex ittejjeb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. L-impatt ta’ dawn l-azzjonijiet, ovvjament, se jkun ferm akbar jekk dawn jitqabblu ma’ sforz determinat min-naħa ta’ l-Istati Membri sabiex tittejjeb il-kwalità tar-regoli nazzjonali tagħhom u jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi li huma jimponu fuq iċ-ċittadini u n-negozji.

2.2. Il-programmi nazzjonali ta’ riforma

Kważi sena minn mindu nbdiet l-Istrateġija l-ġdida ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi, is-sħubija bdiet b’mod promettenti. Ir-responsabbiltajiet għall-azzjoni huma ddefiniti b’mod ċar. L-Istati Membri kollha fasslu programm nazzjonali ta’ riforma fuq il-bażi ta’ sett wieħed ta’ linji ta’ gwida integrati tal-politika. Dawn il-programmi nazzjonali ta’ riforma huma l-għodod ewlenija sabiex tiġi implimentata l-Istrateġija l-ġdida ta’ Liżbona, sabiex jiġu ttradotti l-linji ta’ gwida integrati tal-politika f’riforma li hija l-proprjetà ta’ l-Istati Membri u li l-Istati Membri huma responsabbli mit-twettiq tagħha. Il-fatt li l-Istati Membri kollha għamlu dan, ta’ spiss f’perjodi ta’ żmien tassew qosra, kien l-ewwel test importanti.

Skond il-metodu l-ġdid tas-sħubija, u sabiex ikunu ffaċilitati l-kooperazzjoni u l-viżibilità pubblika, l-Istati Membri kollha ħatru koordinaturi nazzjonali ta’ Liżbona. Sadanittant, bosta Stati Membri użaw l-opportunità li jfasslu l-programmi nazzjonali ta’ riforma sabiex jagħmlu aktar effiċjenti l-koordinazzjoni interna bejn id-dipartimenti governattivi differenti. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni żammet kuntatti mill-qrib ma’ l-awtoritajiet nazzjonali li huma responsabbli għall-preparazzjoni tal-programmi nazzjonali ta’ riforma, u tgħin fejn tista’ sabiex l-iżvilupp tal-politika nazzjonali jimxi sew.

Il-Kummissjoni vvalutat bir-reqqa kull programm nazzjonali ta’ riforma, billi qieset ix-xogħol li twettaq mill-Kumitati tal-Politika Ekonomika u ta’ l-Impjiegi[4]. Valutazzjoni dettaljata ta’ kull programm nazzjonali, li tiġbed l-attenzjoni fuq punti tajbin partikolari kif ukoll fuq numru ta’ kwistjonijiet li jistgħu jkunu żviluppati u msaħħa aktar, tista’ tinstab fil-Parti II. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex iqisu l-punti enfasizzati fil-konklużjonijiet tagħha. Se tagħti attenzjoni partikolari lil dawk l-aspetti fid-diskussjonijiet ta’ segwitu tagħha ma’ l-Istati Membri u fis-superviżjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali ta’ riforma matul l-2006.

Fl-interess tal-konsolidament u ta’ l-istabbilità tal-proċess, il-Kummissjoni tipproponi li jinżammu l-linji ta’ gwida integrati li fuq il-bażi tagħhom tfasslu l-programmi nazzjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tipproponix rakkomandazzjonijiet formali u speċifiċi għall-pajjiż bħala rispons għall-programmi nazzjonali ta’ riforma. Din hija l-ewwel sena tas-sħubija: il-programmi nazzjonali ta’ riforma jeħtieġu xi ftit taż-żmien sabiex ikunu integrati b’mod sħiħ fil-politika u fl-istrutturi nazzjonali. Il-Kummissjoni tqis bħala prijorità fuqanija li tinħoloq relazzjoni soda ta’ fiduċja u ta’ kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri, ibbażata fuq is-sjieda tal-programmi min-naħa ta’ l-Istati Membri nfushom. Madankollu, il-Kummissjoni mhix se toqgħod lura milli tuża l-istrumenti li għandha disponibbli, fost l-oħrajn li tipproponi rakkomandazzjonijiet li huma speċifiċi għall-pajjiż, meta tqis li dan jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni mingħajr problemi ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona.

Minkejja l-perjodu qasir ta’ żmien, il-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri għamlu sforz tassew sabiex jinvolvu lill-parlamenti nazzjonali, lil partijiet ikkonċernati, u lir-rappreżentanti mill-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-formulazzjoni tal-programm nazzjonali tagħhom. Minħabba li l-istrateġija ta’ Liżbona hija aġenda li tieħu minn perjodu ta’ żmien medju għal wieħed twil u li teħtieġ implimentazzjoni fost in-nies, l-involviment sostnut tal-parlamenti, tal-gvernijiet lokali, ta’ l-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili huwa essenzjali. Tabilħaqq, l-aċċettazzjoni tal-pubbliku tiddependi fuq li ċ-ċittadini u n-negozji jagħrfu li r-riforma hija meħtieġa u se tgħin biex ittejjeb ħajjithom; sjieda li tista’ tiġi biss milli jkollhom rwol fit-tiswir tar-riforma, jew b’mod dirett jew permezz ta’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi. Għad fadal ħafna xi jsir sabiex in-nies ikunu konvinti li r-riformi se jikkontribwixxu għal aktar prosperità li tinqasam bejniethom ilkoll u sabiex ikunu involuti fil-proċess. Dan se jeħtieġ sforz kbir kemm min-naħa ta’ l-Istati Membri kif ukoll min-naħa ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-UE.

2.2.1. Il-valutazzjoni ta’ l-oqsma differenti tal-politika

Il-linji ta’ gwida integrati jistabbilixxu tliet oqsma ta’ politika ewlenin għall-azzjoni: id-dimensjoni makroekonomika, dik mikroekonomika u d-dimensjoni ta’ l-impjiegi. F’dawn it-tliet oqsma, jistgħu jitfasslu konklużjonijiet mill-programmi nazzjonali ta’ riforma.

Id-dimensjoni makroekonomika

- Id-dixxiplina tal-baġit toħroġ bħala l-aktar sfida makroekonomika importanti li ġiet identifikata mill-Istati Membri. Hija formulata tipikament f’termini ta’ sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, - ir-riformi fil-pensjonijiet, fis-saħħa u fis-swieq tax-xogħol kif ukoll il-konsolidament tal-baġit għal perjodu qasir ta’ żmien huma għodod sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi għal perjodu ta’ żmien twil f’soċjetà li qed tixjieħ. L-isfida relatata li tittejjeb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi għandha t-tendenza li tkun indirizzata minn miżuri li huma mmirati sabiex tiżdied l-effiċjenza ta’ l-amministrazzjoni pubblika. Uħud mill-Istati l-Membri l-ġodda identifikaw l-introduzzjoni ta’ l-euro bħala l-isfida politika ewlenija li teħtieġ il-konsolidament tal-baġit u l-konverġenza tar-rati ta’ l-inflazzjoni għal-livelli taż-żona tal-euro. Fatturi oħra li ssemmew minn uħud mill-Istati Membri jinkludu l-kont estern u l-istabbiltà tal-prezzijiet.

- Sabiex ikunu bbilanċjati l-finanzi pubbliċi, l-Istati Membri għandhom it-tendenza li jippreferu t-tnaqqis fl-infiq milli jżidu t-taxxi, għalkemm is-sors tat-tnaqqis ta’ spiss mhux wieħed ċar. Madankollu, il-miżuri speċifiċi sabiex jinkiseb konsolidament tal-baġit għal perjodu qasir ta’ żmien mhumiex spjegati b’detall biżżejjed f’diversi pajjiżi, partikolarment fiż-żona ta’ l-euro. Jidher ċar li l-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri biħsiebhom itejbu l-kwalità tal-finanzi pubbliċi billi jqiegħdu fil-ġenb riżorsi pubbliċi għat-tisħiħ ta’ l-infrastruttra, tal-kapital uman u ta’ l-investiment fir-riċerka u fl-iżvilupp. Madankollu, ftit programmi nazzjonali ta’ riforma huma espliċiti dwar l-implikazzjonijiet baġitarji tal-miżuri proposti.

- L-Istati Membri li qed jipparteċipaw fl-euro ppreżentaw programmi nazzjonali li huma pjuttost komprensivi u li fil-parti l-kbira tagħhom iħarsu ’l quddiem sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, titkabbar il-produttività tax-xogħol permezz tar-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni u ambjent tan-negozju attraenti, u jiżdiedu l-impjiegi u r-rati ta’ parteċipazzjoni. Il-miżuri huma prinċipalment immirati sabiex ikabbru l-età effettiva ta’ l-irtirar għall-pensjoni, tiżdied il-provvista ta’ ħaddiema u titneħħa l-burokrazija żejda. Dawn il-programmi huma ġeneralment appoġġjati mill-Kummissjoni. Madankollu, il-miżuri għandu jkollhom ukoll l-għan li jtejbu l-pożizzjonijiet baġitarji aktar malajr, jappoġġjaw l-aġġustamenti tas-suq tax-xogħol, joħolqu swieq għas-servizzi li huma aktar kompetittivi u integrati, u jikkompletaw it-tħaddim aħjar tas-suq intern .

- Tul l-għexieren ta’ snin li ġejjin, il-popolazzjonijiet li qed jixjieħu fl-Ewropa se jqiegħdu dejjem aktar pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi. L-Istati Membri jagħrfu li l-modernizzazzjoni tas-sistemi pubbliċi u privati ta’ l-irtirar u tal-pensjonijiet hija prerekwiżit essenzjali sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, filwaqt li jkun hemm rispons għat-tħassib soċjali u għall-bidliet ekonomiċi. Madankollu, fil-parti l-kbira tal-pajjiżi l-miżuri li diġà ttieħdu jew li diġà ġew ikkunsidrati jidher li mhumiex sistematiċi jew mhumiex biżżejjed.

- Huwa importanti li l-istrateġija ta’ riforma ġenerali tkun koerenti, b’riformi f’qasam wieħed li jappoġġjaw dawk f’qasam ieħor. Minn dan il-lat, uħud mill-Istati Membri jorbtu l-finanzi pubbliċi sostenibbli mat-tnaqqis fil-qgħad (inqas spejjeż tal-benefiċċji tal-qgħad; aktar dħul mit-taxxi li jirriżultaw minħabba użu aħjar tal-forza tax-xogħol). Metodu integrat ta’ din ix-xorta isaħħaħ il-koerenza bejn il-partijiet differenti tal-programmi nazzjonali ta’ riforma.

Id-dimensjoni mikroekonomika

- Il-ħtieġa li tinbena ekonomija msejsa fuq l-għarfien u li tittejjeb l-ġibda ta’ l-Ewropa bħala post fejn isir in-negozju u fejn wieħed jinvesti hija ġeneralment riflessa sew fil-programmi nazzjonali ta’ riforma. Il-politika ta’ riċerka u innovazzjoni hija prijorità ewlenija għall-Istati Membri kollha. Bosta Stati Membri jenfasizzaw l-azzjonijiet sabiex isaħħu l-bażi industrijali, b’mod partikolari permezz tal-promozzjoni tar-raggruppamenti. Dawn ir-raggruppamenti jgħaqqdu universitajiet, istituti ta’ riċerka, intrapriżi żgħar u kbar li permezz tal-kooperazzjoni u ta’ l-interazzjoni mill-qrib tagħhom għandhom impatt pożittiv fuq l-innovazzjoni u t-trasferiment ta’ l-għarfien. Dan, min-naħa tiegħu, jiġġenera benefiċċji konsiderevoli għall-ekonomija kollha. L-Istati Membru jagħrfu li t-tħaffif ta’ l-aċċess għall-finanzi hija kwistjoni importanti, anki jekk għandhom metodi differenti kif jiksbu dan. Il-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri jenfasizzaw ukoll fuq l-ambjent tan-negozju u l-intraprenditorija, l-użu sostenibbli tar-riżorsi (inklużi l-enerġiji rinnovabbli u l-effiċjenza ta’ l-enerġija), il-konnessjonijiet u l-loġistika tat-trasport fost il-kwistjonijiet ewlenija li għandhom jiġu indirizzati.

- Jekk il-miri ta’ l-infiq għar-Riċerka u l-Iżvilupp jintlaħqu fit-tmintax-il pajjiż li ffissawhom (f’uħud mill-każi, b’mod parzjali) ġie kkalkulat li n-nefqa għar-Riċerka u l-Iżvilupp titla’ għal madwar 2.6% sa l-2010. L-infiq bħala sehem mill-PGD kien ftit jew wisq staġna għall-UE sa mill-2001 għal madwar 1.9%. F’perjodu ta’ żmien li jvarja minn wieħed medju għal wieħed twil, se jkun hemm bżonn ta’ tisħiħ supplimentari tas-sistemi nazzjonali tar-riċerka u l-iżvilupp u ta’ l-innovazzjoni fil-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri. Barra minn hekk, filwaqt li l-Istati Membri kollha japprezzaw l-importanza tal-firxa u ta’ l-użu effettiv tat-teknoloġiji ta’ l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u tat-teknoloġiji ambjentali, ir-rabta bejn l-isfidi identifikati u l-miżuri proposti sabiex jindirizzawhom mhix dejjem ċara.

- Il-programmi nazzjonali ta’ riforma jinkludu bosta eżempji ta’ inizjattivi tal-politika interessanti tul firxa ta’ oqsma tal-politika. Pereżempju, il-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri qed jipprovaw jużaw is-sinerġiji bejn it-tkabbir ekonomiku u l-ħarsien ambjentali (billi jinvestu f’sorsi alternattivi ta’ enerġija, billi jinkoraġġixxu l-effiċjenza ta’ l-enerġija, u billi jippromwovu l-ekoinnovazzjoni u l-ħarsien ta’ l-assi naturali). Il-parti l-kbira tal-programmi nazzjonali tiffoka wkoll fuq l-importanza ta’ l-infrastruttura tat-trasport modern u tat-teknoloġiji ta’ l-informatika u tal-komunikazzjoni (eż. id-disponibbiltà tal- broadband ). Dawn huma eżempji preċiżament tat-tip ta’ investimenti li l-Istati Membri għandhom jipprovaw jinkoraġġixxu bl-għajnuna tar-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni u ta’ l-iżvilupp rurali.

- It-tħaddim tas-suq intern u l-ħtieġa sabiex tittejjeb il-kompetizzjoni u l-aċċess għas-swieq b’mod ġenerali jixirqilhom aktar attenzjoni. Huma biss ftit Stati Membri li jsemmu azzjonijiet konkreti, pereżempju, sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tad-direttivi Komunitarji, fejn jeħtieġ li jsiru aktar sforzi, pereżempju dwar il-ftuħ effettiv tas-swieq ta’ l-enerġija, sabiex jittejjeb l-aċċess għall-kuntratti ta’ l-akkwisti pubbliċi jew sabiex tkun żgurata kompetizzjoni effettiva fis-servizzi.

- Rigward l-SMEs, il-parti l-kbira tal-programmi ma jagħmlux biżżejjed biex irawmu attitudni aktar pożittiva lejn l-intraprenditorija u sabiex jinkoraġġixxu lil aktar persuni biex jiftħu n-negozju tagħhom. Hawnhekk hawn rwol importanti għall-edukazzjoni, sabiex tagħmilha aktar faċli biex ikunu ttrasferiti n-negozji eżistenti, u sabiex titnaqqas l-istigma ta’ falliment. Għandhom jitqiesu wkoll miżuri supplimentari rigward l-aċċess għal miżuri ta' finanzi jew miżuri mmirati relatati sabiex jittejjeb l-investiment.

- Regolazzjoni aħjar hija kruċjali għall-ħolqien ta’ ambjent tan-negozju aktar kompetittiv u sabiex jitneħħew l-ostakli għall-innovazzjoni u għall-bidla. Kważi l-Istati Membri kollha jindirizzaw partijiet minn din l-aġenda, imma f’bosta każi, huwa meħtieġ metodu aktar integrat. Hija meħtieġa azzjoni fuq il-livell tal-Komunità, imma din l-azzjoni biss mhix se tkun biżżejjed. Ħafna mit-tiswir tar-regoli li jaffetwa n-negozju, pereżempju fit-tassazzjoni, fis-sigurtà soċjali jew fl-ippjanar reġjonali, isir fuq livell nazzjonali (jew lokali). Hemm ukoll differenzi importanti fil-mod kif l-Istati Membri qed jimplimentaw id-direttivi Komunitarji, li jistgħu jagħtu lok għal spejjeż amministrattivi li l-miżura Komunitarja nfisha ma teħtieġx. Biex ikun hemm differenza reali fl-ambjent tan-negozju, se tinħtieġ bidla kulturali fil-mod kif jitħejjew u jittieħdu d-deċiżjonijiet.

- Implimentazzjoni komprensiva u koordinata tal-politiki mikroekonomiċi differenti se toħloq ferm aktar benefiċċji mis-somma tal-politiki individwali magħduda flimkien. Pereżempju, il-qligħ minn żieda fl-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp se jkun akbar meta t-teknoloġiji l-ġodda jiġu adottati malajr mis-suq, li min-naħa tiegħu jiddependi mill-grad ta’ kompetizzjoni fis-swieq tal-prodotti u tas-servizzi.

Id-dimensjoni ta’ l-impjiegi

- Il-programmi kollha jagħtu importanza kbira lill-ġibda u liż-żamma ta’ aktar persuni fid-dinja tax-xogħol. Dan huwa essenzjali sabiex ikun indirizzat l-impatt tat-tixjiħ fuq il-provvista ta’ ħaddiema u fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Sbatax-il Stat Membri issa qed jippjanaw il-miżuri tagħhom bl-għajnuna tal-miri tar-rata ta’ xogħol nazzjonali. Qed isiru jew qed ikunu previsti sforzi partikolari sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni ta’ l-impjiegi tan-nisa. Miżuri oħrajn huma żviluppati biex jgħinu lill-ħaddiema li huma aktar imdaħħlin fiż-żmien, sabiex tiġi appoġġjata l-integrazzjoni taż-żgħażagħ u tal-persuni żvantaġġjati fis-suq tax-xogħol u sabiex jiġu mmodernizzati s-sistemi ta’ ħarsien soċjali. Dawn l-isforzi huma ġeneralment skond l-impenji li ttieħdu fil-qafas ta’ l-għanijiet Komunitarji għall-ħarsien soċjali u għall-inklużjoni soċjali. Madankollu, l-effikaċja u s-sostenibbiltà tagħhom hija mfixkla minn tendenza lejn politiki ta’ biċċa biċċa. Iċ-ċansijiet li jkun żgurat twettiq effettiv għandhom jittejbu jekk kienu bbażati fuq metodi ta’ ċikli ta’ ħajja sabiex ikunu ffaċilitati t-tranżizzjonijiet aktar mgħaġġla ta’ l-impjiegi matul karriera.

- L-importanza ta’ miżuri oħra sabiex tittejjeb l-adattabilità tal-ħaddiema u ta’ l-intrapriżi hija fil-parti l-kbira traskurata. It-tkabbir tal-kapaċità ta’ rispons tas-swieq tax-xogħol Ewropej huwa kruċjali sabiex titħeġġeġ l-attività ekonomika u aktar produttività. Madankollu, il-bilanċ korrenti bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà f’bosta Stati Membri ta lok għal swieq tax-xogħol dejjem aktar issegmentati. Għandha tingħata aktar attenzjoni sabiex ikunu stabbiliti kondizzjonijiet ta’ ‘flessigurtà’. Din tikkonsisti minn taħlita ta’ kuntratti tax-xogħol li huma flessibbli biżżejjed u politika tas-suq tax-xogħol li hija effettiva u attiva sabiex ikunu appoġġjati l-bidliet minn impjieg għall-ieħor, sistema ta’ tagħlim matul il-ħajja li hija serja u li tirrispondi malajr, ħarsien soċjali xieraq. Il-potenzjal għal progress permezz tar-rabtiet bejn is-sistemi tat-taxxi u dawk tal-benefiċċji huwa eżempju tajjeb fejn l-Istati Membri jistgħu jħarsu lejn is-sħab tagħhom għall-ispirazzjoni. L-involviment attiv tas-sħab soċjali għandu jingħata aktar attenzjoni wkoll.

- L-Istati Membri jagħrfu l-importanza kruċjali li jiġu żviluppati l-ħiliet meħtieġa fl-ekonomiji msejsa fuq l-għarfien u l-ħtieġa li jkun hemm investiment fil-kapital uman permezz ta’ edukazzjoni u ħiliet aħjar. Madankollu, ir-rispons tal-politika jikkonċentra aktar fuq ir-riformi kwalitattivi fis-sistemi edukattivi, fuq aċċess aħjar għal u aktar trasparenza tal-kwalifiki, milli fuq it-tkabbir ta’ l-investiment u l-kisba ta’ żvilupp reali.

2.2.2. Il-konklużjonijiet ġenerali

Il-programmi nazzjonali huma bażi tajba sabiex l-aġenda tar-riformi titmexxa ’l quddiem anke jekk mhumiex kollha ta’ l-istess kwalità. Hemm konverġenza kbira fl-opinjonijiet dwar id-dijanjożi u dwar liema sfidi ewlenija jeħtieġ li jiġu indirizzati bħala prijorità: pereżempju, is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, il-provvista ta’ ħaddiema, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, l-ambjent tan-negozju u s-sostenibbiltà ambjentali.

Il-konklużjonijiet ewlenin li jistgħu jinġibdu f’dan l-istadju bikri huma:

- Li jiġi rikonoxxut li l-Istati Membri jibdew minn pożizzjonijiet differenti; hemm differenzi importanti bejn il-programmi. Pereżempju, il-metodu għall-miri jvarja ferm: uħud mill-Istati Membri mxew ħafna lejn l-integrazzjoni tal-miri Komunitarji u dawk nzzjonali u ffissaw miri u programmi ċari, li ta’ spiss huma kwantitattivi, li jistgħu jservu sabiex jitkejjel il-progress. Programmi oħra, però, huma inqas kompleti f’dan l-istadju u jistgħu jibbenefikaw mill-istudju tal-metodi li ġew adottati mill-Istati Membri l-oħra li qed jiffaċjaw sfidi simili. Filwaqt li wħud mill-programmi jiddeskrivu b’mod ċar il-kontenut u l-forma tal-miżuri tal-politika li ttieħdu jew li kienu proposti, f’oħrajn din l-informazzjoni ta’ spiss tkun nieqsa. Il-miri u l-iskedi kif ukoll dettalji oħra dwar l-aspetti baġitarji tar-riforma previsti ta’ spiss ukoll jkunu nieqsa. Dan se jagħmilha aktar diffiċli sabiex jitwettqu.

- L-integrazzjoni bejn it-tliet dimensjonijiet (makro-, mikro- u ta’ l-impjiegi) tista’ tissaħħaħ. Il-programmi nazzjonali ta’ riforma huma għodod essenzjali sabiex ikun żviluppat metodu koerenti, imma wħud mill-programmi kisbu dan aktar minn oħrajn. Il-qligħ minn azzjoni f’qasam wieħed ta’ spiss jiddependi mill-progress li sar f’qasam ieħor. Pereżempju, il-qliegħ minn investiment żejjed fir-riċerka u l-iżvilupp se jkun ħafna akbar jekk il-kondizzjonijiet meħtieġa huma lesti sabiex jissarfu fi tkabbir: kondizzjonijiet bħal swieq kompetittivi, qafas regolatorju xieraq, u forza tax-xogħol b’ħiliet ta’ livell għoli.

- Filwaqt li l-kompetizzjoni u t-tneħħija ta’ l-ostakli għall-aċċess għas-swieq, partikolarment fis-servizzi, ġiet identifikata bħala sfida għal madwar nofs l-Istati Membri, huma biss ftit programmi nazzjonali ta’ riforma li tabilħaqq jitqabdu ma’ din l-isfida b’mod effettiv. Is-swieq kompetittivi huma prerekwiżit sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ Liżbona. Barra minn hekk, bosta Stati Membri ffissaw miri nazzjonali għall-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u għall-impjiegi, imma wħud minnhom m’għamlux dan, minkejja d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew.

- Numru kbir ta’ Stati Membri jeħtieġu wkoll li jiżguraw li l-infiq ta’ l-iżvilupp rurali u ta’ koeżjoni tal-Komunità huwa mmirat sabiex tkun appoġġjata l-Istrateġija ta’ Liżbona b’mod ġenerali. Tabilħaqq, għandu jkun ipprogrammat sabiex jagħti appoġġ dirett lill-programmi nazzjonali ta’ riforma. Barra minn hekk, jinħtieġu sforzi akbar sabiex ikunu żviluppati mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni bejn dawk li huma responsabbli għall-programmi nazzjonali ta’ riforma u dawk li jippreparaw il-programmi tal-fondi strutturali għall-2007-2013. Dawn ir-rabtiet iridu jkunu stabbiliti malajr minħabba li l-preparazzjoni ta’ dawn il-programmi qed tintensifika, ibda bl-adozzjoni ta’ l-istrateġiji tal-politika nazzjonali ta’ koeżjoni (dawk li jissejħu “il-programmi nazzjonali ta’ referenza strateġika”).

- Fl-aħħar, imma b’daqshekk mhux l-inqas importanti, bi ftit eċċezzjonijiet biss, il-proprjetà pubblika ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u għall-impjiegi tiddiżappunta. Il-kopertura tal-mezzi tax-xandir kienet ukoll pjuttost limitat. Għalhekk, għadna ma nistgħux ngħidu li sezzjonijiet kbar tal-popolazzjoni saru konxji, u inqas u inqas li ħadu l-pussess, ta’ l-istrateġija. Dan jiġbed l-attenzjoni fuq il-ħtieġa għal strateġija ta’ komunikazzjoni maħsuba apposta, li tagħmel użu sħiħ minn analiżi ekonomika u li turi kif l-azzjoni se ġġib benefiċċji reali għaċ-ċittadini individwali. Bl-istess mod, is-sħab soċjali li għandhom rwol importanti kemm bħala parteċipanti fil-proċess kif ukoll bħala multiplikaturi tal-messaġġ, għandhom isiru involuti b’mod aktar attiv fil-proċess ta’ kontroll.

3. INKOMPLU NINGRANAW: ERBA’ AZZJONIJIET GħAL AKTAR TKABBIR U IMPJIEGI

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw il-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom b’mod sħiħ u f’waqthom. Madankollu, il-proċess biex ikunu prodotti u valutati l-programmi nazzjonali ta’ riforma enfasizza nuqqasijiet li għandhom jimtlew u sinerġiji li għandhom jiġu użati. F’bosta każi, in-nuqqasijiet jistgħu jiġu indirizzati mill-Istati Membri billi jtejbu l-programmi nazzjonali tagħhom, billi jieħdu ispirazzjoni mill-esperjenzi tas-sħab tagħhom. F’numru ta’ każi, diversi Stati Membri żviluppaw risponsi li rnexxew għal sfidi partikolari li kieku kienu implimentati mill-Istati Membri kollha jistgħu jħallu benefiċċji kbar għall-Unjoni kollha. Hemm ukoll sfidi li ma jistgħux jiġu indirizzati fuq il-livell ta’ l-Istat Membru biss, u fejn is-suċċess ġenwin jiddependi minn azzjoni koordinata kemm fuq il-livell Ewropew kif ukoll fuq il-livell nazzjonali:

- Il-programmi nazzjonali ta’ riforma juru li bosta Stati Membri jistennew li jżidu l- infiq għar-riċerka u l-iżvilupp tagħhom, imma li mhux se jilħqu l-mira ġenerali ta’ l-UE ta’ 3% tal-PGD. Kull Stat Membru jeħtieġ li jagħmel kontribuzzjoni jekk trid tintlaħaq din il-mira. Swieq li jiffunzjonaw sew, żieda fl-infiq, miri aħjar għall-infiq u kkumbinar effettiv tal-baġits nazzjonali u tal-Komunità, huma kollha meħtieġa. Se jkun meħtieġ ukoll li ż-żieda fl-infiq għar-riċerka u l-iżvilupp timxi id f’id mat-titjib ta’ l-infrastruttura ta’ l-għarfien tagħna, ma’ l-inkoraġġiment ta’ l-eċċellenza fl-edukazzjoni u fir-riċerka, mat-tisħiħ tas-sistemi ta’ innovazzjoni tagħna u ma’ li jkun żgurat li l-politika tas-suq intern tikkontribwixxi b’mod sħiħ sabiex ir-riċerka u l-innovazzjoni jissarfu f’valur.

- Bosta programmi nazzjonali ta’ riforma jagħtu attenzjoni limitata lit- titjib ta’ l-aċċess għas-swieq u tal-kompetizzjoni. Ir-regoli u l-prattika nazzjonali, flimkien ma’ l-awtoregolazzjoni, ta’ spiss jistgħu jkissru s-suq biċċa biċċa u jfixklu l-kompetizzjoni. L-Istati Membri jeħtieġ li jagħmlu aktar sabiex jidentifikaw il-modi kif ineħħu regoli u restrizzjonijiet ta’ din ix-xorta mill-programmi tagħhom. Il-Komunità wkoll għandha responsabbiltajiet importanti fejn għandha x’taqsam kompetizzjoni effettiva u ġusta (pereżempju, billi tittieħed azzjoni enerġika kontra l-iffissar tal-prezzijiet u l-kartelli tat-tqassim fis-suq li jżidu l-ispejjeż tad-dħul għan-negozju u jagħmlu ħsara lill-konsumatur) u sabiex jinkiseb suq intern reali ma’ l-UE kollha. Min-naħa l-oħra, bosta programmi nazzjonali jenfasizzaw azzjonijiet sabiex ikun iffaċilitat it-twaqqif u l-ġestjoni ta’ negozju, sabiex titħeġġeġ kultura aktar intraprenditorjali u sabiex jinħoloq ambjent li jagħti aktar appoġġ għall-SMEs.

- Fl-għexieren ta’ snin li ġejjin, l-Ewropa se tħabbat wiċċha ma’ implikazzjonijiet ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ. Il-programmi nazzjonali jagħrfu li tinħtieġ taqliba ta’ taħt fuq fis-sistemi ta’ l-irtirar u tal-pensjonijiet sabiex tkun żgurata żieda fl-impjiegi u l-finanzi pubbliċi sostenibbli. Madankollu, fil-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri, il-miżuri li diġà ttieħdu jew li kienu previsti mhumiex se jlaħħqu ma’ l-isfida. Hija meħtieġa azzjoni urġenti sabiex ikun iffaċilitat id-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, skond il-Patt taż-Żgħażagħ, jinkiseb bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja għall-familji u jsir aktar attraenti għall-ħaddiema li huma aktar imdaħħla fiż-żmien li jibqgħu impjegati. Barra minn hekk, l-adattabilità tas-swieq tax-xogħol se ssir sfida li kulma tmur tiżdied. Il-globalizzazzjoni ġġib magħha wkoll sfidi ġodda għall-UE. Issaħħaħ il-bżonn għal aktar adattabbiltà tas-suq tax-xogħol iżda toffrilna wkoll opportunitajiet ġodda bħala riżultat ta’ ftuħ akbar tas-swieq tal-pajjiżi terzi.

- Bosta programmi jenfasizzaw l-importanza ta’ l-enerġija. L-Ewropa teħtieġ politika ta’ l-enerġija tabilħaqq integrata li tinkoraġġixxi t-tkabbir, tipprovdi aktar sigurtà fil-provvista u tikkontribwixxi għal aktar effiċjenza u sostenibbiltà ambjentali. Filwaqt li sar progress importanti fil-ftuħ tas-swieq domestiċi, s’issa għadd m’hemm l-ebda suq ta’ l-enerġija għall-Ewropa kollha. L-enerġija hija kwistjoni globali; huwa biss rispons Ewropew li se jilqa’ ħtiġijietna.

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni identifikat 4 azzjonijiet ta’ prijorità li jeħtieġu impetu qawwi mill-ogħla livell politiku u li għandhom jiġu implimentati malajr – mhux aktar tard mit-tmiem tas-sena 2007. B’dan il-mod, il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa fl-2008 jista’ jniedi t-tieni ċiklu ta’ l-istrateġija għat-tkabbir u l-impjiegi fuq sisien sodi.

L-erba’ azzjonijiet isegwu metodu integrat – imissu oqsma tal-politika differenti, li wħud minnhom kienu diskussi fil-laqgħa ta’ Hampton Court, u li huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin. B’mod separat, se jagħmlu kontribuzzjoni importanti għat-tkabbir u għall-impjiegi u sabiex l-Ewropa ssir tajba għall-ġejjieni. Billi tittieħed azzjoni dwarhom ilkoll flimkien, bħala parti mis-sħubija l-ġdida bejn il-Komunità u l-Istati Membri, se jinħoloq effett ta’ enerġija kbira, li se jwassal biex tingrana aktar il-magna Ewropea għat-tkabbir u għall-impjiegi .

3.1. Investiment akbar fl-għarfien u fl-innovazzjoni

Minħabba l-importanza tar-riċerka u l-iżvilupp għat-tkabbir futur u sabiex ikunu pprovduti s-soluzzjonijiet għal bosta mill-problemi li tiffaċċja s-soċjetà tagħna llum, hija kawża ta’ tħassib kbir li ma tantx huwa probabbli li l-UE se tilħaq il-mira tagħha li tkabbar l-infiq għar-riċerka għal 3% tal-PGD sa l-2010 (li minnu żewġ terzi ġejjin mis-settur privat u terz ġej mis-settur pubbliku).

Il-Kummissjoni hija konxja mill-ħtieġa li l-Istati Membri jikkontrollaw l-infiq pubbliku, imma temmen li hemm ambitu konsiderevoli sabiex tittejjeb il-kwalità tan-nefqa pubblika billi r-riżorsi, speċjalment l-għajnuna Statali, jiġu indirizzati għal użu aktar produttiv u billi jkun hemm koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri sabiex tkun evitata dupplikazzjoni għalja ta’ l-isforzi. L-effikaċja ta’ l-appoġġ tas-settur pubbliku għar-riċerka u l-iżvilupp ukoll tista’ tittejjeb, pereżempju, permezz ta’ użu aktar mifrux u aħjar ta’ l-inċentivi fiskali (eż. krediti tat-taxxa jew vawċers), li bosta Stati Membri inkludew fil-programmi nazzjonali tagħhom. Id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jassenja l-infiq ta’ koeżjoni relatat ma’ Liżbona juri kif il-prijoritajiet bħar-riċerka jistgħu jkunu integrati tul firxa ta’ politika.

L-akbar kontribuzzjoni, Madankollu, għandha tiġi mis-settur privat. Sabiex l-industrija fl-Ewropa tiġi mħeġġa tinvesti aktar fir-Riċerka u l-Iżvilupp, huwa essenzjali li l-politika tas-suq tiġi ingranata aktar lejn it-trawwim ta’ l-ekonomija msejsa fuq l-għarfien u lejn it-tkabbir tad-dinamiżmu tas-swieq għal prodotti u servizzi li huma intensivi fir-riċerka u innovativi. Dan se jeħtieġ li jittejbu l-kondizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq, li jkun iffaċilitat l-aċċess għal sorsi esterni ta’ finanzjament (kapital ta’ riskju, self, strumenti ta’ tqassim tar-riskju) u li jiġu integrati s-swieq finanzjarji, billi jintuża l-akkwist pubbliku aktar bħala lieva sabiex jitħeġġu s-soluzzjonijiet innovattivi tas-settur privat, jissaħħaħ l-iżvilupp tal-karrieri tar-riċerkaturi, kif ukoll it-tneħħija ta’ l-ostakoli għall-mobilità (min-naħa għall-oħra tal-fruntiera u minn settur għal ieħor) u jkun hemm għal-lest reġim għad-drittijiet tal-proprjetà industrijali u intelletwali modern u li jista’ jiġi akkwistat, li jilħaq il-bilanċ ġust bejn li jitħares id-detentur tad-dritt u jiġi żgurat li l-ideat ikunu jistgħu jiċċirkolaw f’soċjetà ta’ l-informazzjoni dinamika. Huma meħtieġa wkoll metodi aktar effettivi sabiex isir ftehim dwar l-istandards għall-prodotti ta’ teknoloġija għolja, li huma interoperattivi u li jirriflettu l-interessi tan-negozju Ewropew. Il-politika tal-kompetizzjoni hija għodda qawwija oħra sabiex tittejjeb l-interoperabilità u tkun stimolata l-innovazzjoni[5].

Filwaqt li huwa meħtieġ li jsir aktar investiment fl-għarfien u fl-innovazzjoni, l-investiment minnu nnifsu mhux biżżejjed sabiex jiżgura l-futur ekonomiku ta’ l-Ewropa. Fl-aħħar mill-aħħar, il-kontribuzzjoni għat-tkabbir u għall-impjiegi tiġi mir-riżultati tar-Riċerka u l-Iżvilupp permezz ta’ l-innovazzjoni, jiġifieri l-prodotti u s-servizzi attraneti li l-persuni minn madwar id-dinja jkunu jridu jixtru. Il-kwalità tas-sistemi ta’ innovazzjoni tagħna għalhekk teħtieġ attenzjoni partikolari[6]. Dan jista’ jinkludi l-esplorazzjoni tal-potenzjal tar-raggruppamenti bħala poli innovattivi għat-tkabbir u għall-impjiegi, b’mod partikolari l-formazzjoni u l-kooperazzjoni tar-raggruppamenti transnazzjonali fi ħdan l-UE. Il-laqgħa ta’ Hampton Court sejħet ukoll għal azzjoni urġenti sabiex titħeġġeġ l-eċċellenza kemm fir-riċerka kif ukoll fl-edukazzjoni, partikolarment fl-aqwa universitajiet b’riżorsi finanzjarji xierqa u b’rabtiet aktar mill-qrib mad-dinja tan-negozju.

L-Azzjoni 1: Investiment akbar fl-għarfien u fl-innovazzjoni L-Istati Membri għandhom jimpenjaw irwieħhom aktar fir-Riċerka u l-Iżvilupp u l-innovazzjoni. Sal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, l-Istati Membri għandhom ilkoll jiffissaw mira għan-nefqa tar-Riċerka u l-Iżvilupp għall-2010 sabiex il-Kunsill Ewropew ikun jista’ jiffissa mira kredibbli għan-nefqa tar-riċerka u l-iżvilupp għall-Unjoni kollha. Dan jista’ jsir fi ħdan il-qafas tas-sejħiet preċedenti tal-Kunsill Ewropew għal inqas għajnuna li tkun immirata aħjar, billi n-nefqa pubblika tingħata direzzjoni ġdida lejn ir-Riċerka u l-Iżvilupp; pereżempju, billi jiġi rdoppjat is-sehem ta’ l-għajnuna Statali allokata għal dan il-qasam għal 25% (mit-12% ta’ bħalissa). Dan jista’ jintuża, pereżempju, sabiex jiżdied il-provvediment ta’ inċentivi fiskali mmirati għas-settur privat skond l-orjentazzjonijiet li se tipprovdi l-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-infiq ta’ sehem akbar b’mod sinifikanti mill-fondi strutturali ta’ l-UE fuq ir-Riċerka u l-Iżvilupp, fuq l-innovazzjoni u fuq l-ICT (eż. l-infrastruttura u l-applikazzjonijiet biex il-broadband ikun implimentat aktar malajr) jista’ jrawwem kompetittività, koeżjoni reġjonali u jkun ta’ benefiċċju għall-SMEs b’mod partikolari[7]. Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-investiment privat tar-Riċerka u l-Iżvilupp, għandhom jinħolqu aktar kondizzjonijiet attraenti għas-swieq b’intensità ta’ teknoloġija għolja. Dan jinkludi użu aħjar tal-prokura pubblika, regolament li jħeġġeġ l-innovazzjoni u l-istandards imsejsa fuq identifikazzjoni bikrija tal-bżonnijiet. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom iniedu inizjattivi biex joħolqu swieq ewlenin ma' l-Ewropa kollha f'setturi ewlenin tat-teknoloġija[8], li jimxu fuq il-ħidma ta’ pjattaformi Ewropej tat-teknoloġija. L-UE teħtieġ li żżid l-investiment tagħha fl-edukazzjoni ogħla[9] (l-UE bħalissa tonfoq biss 1.28% mill-PGD meta mqabbel mat-3.25% fl-Istati Uniti: il-qabża hija prinċipalment riżultat ta’ finanzjament privat akbar). Sa tmiem l-2007 l-universitajiet għandhom jitħallew u jitħeġġu jfittxu sorsi privati ta’ finanzjament komplimentari; ostakli legali u ta’ xort’oħra għas-sħubiji bejn il-pubbliku u l-privat bejn l-universitajiet u n-negozji għandhom jitneħħew; l-universitajiet tekniċi kollha għandu jkollhom uffiċċju għat-trasferiment tat-teknoloġija; u għandu jitwaqqaf l-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija. Il-profiċjenza fil-matematika u x–xjenza għandha titmexxa ’l quddiem sabiex ittejjeb il-ħila tan-nies għall-innovazzjoni; l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal tagħlim obbligatorju ta’ żewġ ilsna barranin fis-sistemi ta’ edukazzjoni nazzjonali tagħhom. L-għan għandu jkun li sa l-2010 l-UE tiddedika mill-inqas 2% tal-PGD għall-edukazzjoni ogħla. |

- 3.2. Jinfetaħ il-potenzjal tan-negozju, partikolarment ta’ l-SMEs

Meta mqabbla ma’ reġjuni ta’ suċċess oħra fid-dinja, is-swieq Ewropej, b’mod partikolari fis-servizzi, jibqgħu wisq frammentati. Dan ifisser problemi serji li jieħdu s-sura ta’ livelli aktar baxxi ta’ innovazzjoni u tkabbir tal-produttività li jibqa’ lura[10]. Wisq ta’ spiss, implimentazzjoni fqira jew tard tad-direttivi Komunitarji ittellef lill-kumpaniji tagħna l-benefiċċji ta’ aċċess faċli għal suq intern kbir. Dan jista’ biss idgħajjifhom meta jiffaċċjaw kompetizzjoni internazzjonali. Jekk uħud mill-Istati Membri ma jaġixxux, huma jkunu qed jiżbilanċjaw is-sitwazzjoni u jispiċċaw biex jagħmlu ħsara lill-interessi ta’ kulħadd.

Wieħed mill-eżempji li jintuża l-aktar ta’ spiss fejn l-intraprenditorija fl-UE hija maħnuqa hija d-diffikultà li jitwaqqaf negozju, kif ukoll varjazzjonijiet kbar fl-ispejjeż tal-ġestjoni ta’ negozju f’partijiet differenti ta’ l-UE. M’għandekx bżonn aktar minn 5t ijiem sabiex tiftaħ negozju f’ċerti Stati Membri meta mqabbel ma’ 60 jum f’oħrajn. F’uħud mill-Istati Membri jista’ ma jkun hemm l-ebda spiża amministrattiva biex jinfetaħ negozju, filwaqt li f’oħrajn din tista’ tkun ta’ eluf ta’ euro. Proċeduri twal u kkumplikati u l-burokrazija mhux biss jaqtgħu qalb in-nies milli jiftħu negozju, imma jirriflettu wkoll attitudni negattiva lejn l-intraprenditorija b’mod ġenerali.

Il-Kummissjoni identifikat numru ta’ impenji li se jgħinu biex jinfetaħ il-potenzjal sħiħ tal-kapaċitajiet konsiderevoli ta’ l-Ewropa, partikolarment fis-settur tas-servizzi. Dawn il-miżuri, flimkien mal-finalizzazzjoni mgħaġġla tad-direttiva dwar is-servizzi u tal-kooperazzjoni amministrattiva mtejba bejn l-Istati Membri, għandhom jgħinu sabiex jinħoloq dinamiżmu ġdid għan-negozju u għall-impjiegi fl-UE.

L-Azzjoni 2: Jinfetaħ il-potenzjal tan-negozju, partikolarment ta’ l-SMEs Għandu jsir ħafna aktar faċli li jitwaqqaf u jitmexxa negozju fl-Istati Membri kollha. Sa tmiem l-2007, kull Stat Membru għandu jkun waqqaf one-stop shop sabiex jgħin lil dawk li biħsiebhom isiru intraprendituri u sabiex jagħti l-opportunità lin-negozji li jissodisfaw ir-rekwiżiti amministrattivi kollha f’post wieħed – fejn ikun possibbli b’mod elettroniku – u f’perjodi qosra ta’ żmien. Il-perjodu ta’ żmien medju sabiex jitwaqqaf negozju għandu jitnaqqas bin-nofs[11] bl-għan aħħari li dan għandu jista’ jsir f’ġimgħa tkun fejn tkun fl-UE. Il-ħlasijiet tal-bidu għandhom ikunu kemm jista’ jkun baxxi, u r-reklutaġġ ta’ l-ewwel impjegat m’għandux jinvolvi aktar minn punt wieħed ta’ kuntatt ta’ l-amministrazzjoni pubblika. Kull student għandu jkollu aċċess għal taħriġ intraprenditorjali, li għandu jsir parti mill-kurrikula nazzjonali ta’ l-iskejjel fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-attivitajiet transkonfinali ta’ l-SMEs billi jimplimentaw il-proġetti pilota ta’ tassazzjoni fl-istat ta’ l-oriġini. Il-Kunsill għandu jadotta malajr il-proposti tal-Kummissjoni għal one-stop shop tal-VAT u għal ambjent doganali modernizzat sabiex ikunu ssimplifikati l-proċeduri. Sabiex ikun iffaċilitat l-aċċess għall-finanzi, partikolarment għall-SMEs, l-istrumenti finanzjarji fuq il-livell Komunitarju se jkunu żviluppati aktar taħt il-programm ta’ qafas dwar il-kompetittività u l-innovazzjoni. L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-possibbiltajiet offruti taħt il-fondi strutturali, prinċipalment l-iskema tal-finanzjament futur għar-riżorsi Ewropej konġunti għall-mikrointrapriżi sa dawk ta’ daqs medju (JEREMIE). Sabiex tiġi evitata l-burokrazija żejda u jkunu ssimplifikati l-proċeduri amministrattivi, sa tmiem l-2007 l-Istati Membri kollha għandha jadottaw u jimplimentaw metodoloġija sabiex ikejlu l-ispejjeż amministrattivi (għar-regoli u għar-regolamenti nazzjonali). Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni se tniedi eżerċizzju ewlieni sabiex tkejjel l-ispiża amministrattiva li tirriżulta minħabba r-regoli Komunitarji (jew minħabba l-mod kif dawn ġew implimentati) f’oqsma speċifiċi tal-politika bħala parti mix-xogħol li għaddej fuq is-simplifikazzjoni leġiżlattiva b’enfażi speċjali fuq l-SMEs. Se tidentifika liema sehem minn dawn l-ispejjeż ġej direttament mir-regoli Komunitarji u liema sehem jista’ jiġi attribwit lill-implimentazzjoni tagħhom mill-Istati Membri. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni se tippreżenta proposti biex, fejn ikun xieraq, jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi. Sa tmiem l-2007, il-Kummissjoni se tneħħi l-obbligu li tinnotifika lil ċerti kategoriji b’għajnuna Statali iżgħar, li għandu jserraħ xi ftit mill-piżijiet amministrattivi, partikolarment għall-SMEs. |

- 3.3. Tweġiba għall-globalizzazzjoni u t-tixjieħ

Il-popolazzjoni ta’ l-Ewropa qed tixjieħ. Ir-rati tal-fertilità jibqgħu inqas mir-rata naturali ta’ sostituzzjoni. L-għomor tal-ħajja ta’ l-Ewropej qed ikompli jiżdied. Huwa probabbli li l-migrazzjoni netta ’l ġewwa se tkompli. Dawn il-bidliet demografiċi għandhom konsegwenzi ekonomiċi importanti. Inqas persuni se jkollhom l-età biex jaħdmu fl-għexieren tas-snin li ġejjin. Bħalissa, għal kull ċittadin imdaħħal fiż-żmien hemm erba’ persuni jaħdmu, imma sa l-2050 il-proporzjon se jkun ta’ 2 għal 1. Il-forza tax-xogħol ta’ l-Ewropa se tibda tiċkien minn madwar 300 miljun persuna kif inhi bħalissa, għal madwar 250 miljun sa l-2050. Forza tax-xogħol iżgħar se tagħmilha ta’ brejk fuq it-tkabbir potenzjali, billi tnaqqsu minn 2-2.5% tal-lum għal biss 1.25% fi żmien erbgħin sena. L-ispejjeż ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ (il-pensjonijiet, il-kura tas-saħħa) se jikbru ħafna; u s-sostenibbiltà ta’ sistemi ta’ għajnuna soċjali bħalissa ser jaqgħu taħt sforz qawwi. Il-pożizzjonijiet baġitarji tal-gvernijiet għandhom jittejbu b’mod urġenti u d-dejn għandu jkun iffissat fuq trajettorja li tinżel dejjem ’l isfel. Is-sistemi tal-pensjonijiet u tal-kura tas-saħħa għandhom jiżguraw is-sostenibbiltà kif ukoll l-aċċess u l-adegwatezza.

F’dan l-isfond, neħtieġu aktar persuni li jaħdmu u li l-persuni jaħdmu għal perjodi itwal. Neħtieġu wkoll żjidiet aktar mgħaġġla fil-produttività tax-xogħol. Produttività ogħla tax-xogħol u żieda fl-impjiegi għandhom jimxu id f’id. Dan se jiġri biss jekk il-persuni jkunu jistgħu jiksbu l-ħiliet meħtieġa sabiex jiddaħħlu u jkunu applikati t-teknoloġiji l-ġodda, u jekk ikollhom opportunità akbar sabiex jgħaqqdu l-ħajja fil-familja, ix-xogħol, l-edukazzjoni u l-kura tal-persuni dipendenti, b’mod bilanċjat. L-evidenza mill-Istati Membri turi li hemm dividend doppju x’jinkiseb – f’termini ta’ rati ta’ twelid ogħla u ta’ parteċipazzjoni femminili akbar fis-suq tax-xogħol – jekk il-politiki tas-sess, il-faċilitajiet xierqa għall-kura tat-tfal, l-inċentivi fiskali xierqa u l-organizzazzjoni tax-xogħol huma għal-lest. Aktar flessibbiltà u responsabbiltà individwali għaċ-ċiklu tal-ħajja tal-persuna mhumiex biss importanti għall-persuni li għandhom it-tfal. Persuni li huma aktar imdaħħla fiż-żmien se jibbenefikaw ukoll minn arranġamenti flessibbli tax-xogħol li jippermettulhom jgħaqqdu xogħol part-time ma’ rtirar part-time . Ħaddiema li huma aktar imdaħħla fiż-żmien jipparteċipaw ftit wisq fit-taħriġ vokazzjonali. Jekk jaġġornaw il-ħiliet tagħhom, se jinkisbu aktar sodisfazzjonijiet milli jkomplu jaħdmu; kemm għall-ħaddiem kif ukoll għall-kumpanija. Bl-istess mod, jista’ jsir ferm aktar biex tkun iffaċilitata t-transizzjoni taż-żgħażagħ mill-iskola għax-xogħol. Hemm vantaġġ ċar għaż-żgħażagħ li jiksbu esperjenza tax-xogħol bħala apprendisti jew trainees waqt il-perjodu ta’ l-iskola/ta’ l-università. Iż-żgħażagħ li għadhom kemm ħarġu mill-iskola għandhom ikunu jistgħu jiksbu impjieg kemm jista’ jkun malajr. Jekk l-ebda impjieg mhu disponibbli, taħriġ u/jew internati addizzjonali għandhom ikunu alternattiva.

Il-globalizzazzjoni u t-tixjieħ demografiku jitolbu titjib urġenti fl-adattabilità tal-ħaddiema u ta’ l-intrapriżi, fil-kapaċità tagħhom li jantiċipaw, jikkawżaw u jassorbixxu l-bidla u l-istrutturar mill-ġdid, u li jirnexxu fi swieq li huma ferm kompetittivi. F’bosta Stati Membri, però, is-swieq tax-xogħol doppji ma jaħsbux għal dan b’mod xieraq. Dan jillimita l-innovazzjoni u l-bidla teknoloġika, jillimita t-tagħlim kontinwu u jnaqqas l-għażliet individwali għall-istil tal-ħajja. Swieq tax-xogħol li huma aktar miftuħa u li jirrispondu aktar malajr għandhom jingħaqdu ma’ politika li tgħin lill-ħaddiema jibqgħu impjegati u li jagħmlu progress fuq ix-xogħol. Dan huwa l-aħjar mod kif jinkisbu l-flessibbiltà tas-swieq tax-xogħol u s-sigurtà ta’ l-impjiegi f’perspettiva ta’ ċiklu tal-ħajja. F’dan kollu, għandu jkun hemm enfażi qawwija fuq il-ġustizzja soċjali, u mhux fuq ir-riforma fiha nfisha jew sempliċiment biex jitnaqqsu l-ispejjeż.

L-Azzjoni 3: Tweġiba għall-globalizzazzjoni u t-tixjieħ L-Istati Membri għandhom jiżguraw is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tagħhom billi jtejbu l-pożizzjonijiet tal-baġit tal-gvern u billi jnaqqsu b’pass stabbli r-rati tad-dejn attwali. L-Istati Membri għandhom, bħala parti mir-riformi tagħhom għas-sistemi tal-pensjoni tal-pubblika, itejbu l-inċentivi finanzjarji għall-ħaddiema li huma aktar imdaħħla fiż-żmien sabiex jibqgħu attivi, ifittxu rabta mill-qrib bejn id-drittijiet għall-pensjoni u l-għomor tal-ħajja meta jirtiraw, permezz, pereżempju, ta’ l-adattament ta’ l-etajiet statutarji ta’ l-irtirar, filwaqt li jiġi limitat l-użu għal skemi ta’ rtirar kmieni. L-iskemi ta’ diżabilità, flimkien ma’ sistemi ta’ kura tas-saħħa u ta’ kura għal perjodu twil ta’ żmien, għandhom ikunu riveduti sabiex jinkludu inċentivi ħalli jsir użu aktar effettiv tar-riżorsi skarsi. L-Istati Membri, għandhom jimmiraw sabiex ikabbru d-dħul fis-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ, sabiex jinkiseb bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja għall-familji, u sabiex isir aktar attraenti għall-ħaddiema li huma aktar imdaħħlin fiż-żmien li jibqgħu jaħdmu għal perjodi itwal ta’ żmien: sa tmiem l-2007, kull żagħżugħ/a li jkun/tkun telaq/telqet mill-iskola u jkun/tkun qiegħed/qiegħda, għandu/ha jingħata/tingħata impjieg, apprendistat, taħriġ addizzjonali jew miżura oħra biex ikun/tkun impjegat/a f’6 xhur. Dan il-perjod għandu jitqassar għal mhux aktar minn 100 jum sa l-2010. Għandhom ikunu offruti inċentivi finanzjarji u inċentivi oħrajn sabiex ikun aktar attraenti għall-kumpaniji, l-aktar għall-SMEs, li jagħtu esperjenza fuq il-post tax-xogħol lill-istudenti u liż-żgħażagħ li huma qiegħda; id-disponibilità ta’ kura għat-tfal ta’ kwalità għandha tiżdied skond il-miri nazzjonali ta’ l-Istati Membri stess. Għandhom ikunu implimentati politiki mmirati sabiex ittejjeb l-ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll miżuri supplimentari sabiex titħeġġeġ politika li tiffavorixxi lill-familji. Il-Kummissjoni bħalissa qed tikkonsulta lis-sħab soċjali dwar modi aħjar kif tkun irrikonċiljata l-ħajja tal-familja ma’ dik professjonali; għandhom ikunu implimentati strateġiji attivi għat-tixjiħ li jinkludu inċentivi finanzjarji sabiex jittawlu l-ħajjiet fuq il-post tax-xogħol; l-irtirar gradwali u l-użu ta’ xogħol part-time, u t-titjib tal-kwalità fuq ix-xogħol. Għandu jkun hemm inċentivi mmirati sabiex ikun żgurat li n-numru ta’ ħaddiema li għandhom aktar minn 45 sena u li jipparteċipaw fit-taħriġ jiżdied b’rata ferm aktar mgħaġġla minn dik għall-forza tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom ifittxu konverġenza tal-fehmiet dwar il-bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà ta’ l-impjiegi (‘flessigurtà’). Il-Kummissjoni se tippreżenta rapport bl-għan li tiffaċilita l-ftehim, sa tmiem l-2007, dwar sett ta’ prinċipji komuni, li jinkludu dawn l-elementi li ġejjin: liġijiet tax-xogħol moderni li jippermettu arranġamenti tax-xogħol li jkunu flessibbli biżżejjed u li jnaqqsu s-segmentazzjoni tas-swieq tax-xogħol u x-xogħol mhux iddikjarat, għandhom jippermettu lill-persuni li jagħmlu l-aħjar użu mill-mudelli tax-xogħol tagħhom matul ħajjithom kollha. Il-Kummissjoni se tikkonsulta lis-sħab soċjali u lil dawk kollha li għandhom interess dwar dan is-suġġett partikolari matul din is-sena; sistemi ta’ tagħlim kontinwu serji u li jirrispondu malajr u politika attiva għas-swieq tax-xogħol għandhom jgħinu lin-nies ilaħħqu mal-bidla mgħaġġla, mal-perjodi ta’ qgħad u mat-transizzjonijiet għal impjiegi ġodda; inċentivi finanzjarji u inċentivi oħrajn għandhom ikunu eżaminati sabiex jintlaħaq żvilupp. L-Istati Membri għandhom iwettqu l-impenn tagħhom biex iwaqqfu strateġiji ta’ tagħlim kontinwu komprensivi sa l-aħħar ta’ l-2006. Il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ġdid ta’ Aġġustament tal-Globalizzazzjoni għandhom jappoġġjaw bil-qawwa dawn l-isforzi mkabbra. Il-Kummissjoni se taħdem ma’ l-Istati Membri biex tiddedika sehem akbar ta’ l-infiq tal-fond strutturali għall-edukazzjoni u t-taħriġ; is-sistemi tas-sigurtà soċjali moderni għandhom jgħaqqdu l-ħtieġa li tkun iffaċilitata l-mobilità tas-suq tax-xogħol billi jkun ipprovdut appoġġ għad-dħul xieraq. Il-Kunsill għandu jilħaq ftehim dwar il-proposta tal-Kummissjoni dwar it-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni supplimentari. L-Istati Membri għandhom iqisu jħaffu t-tneħħija tar-restrizzjonijiet kollha fuq il-mobbiltà tal-ħaddiem fi ħdan l-UE. Sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet, l-Istati Membri għandhom jaħdmu mill-qrib mas-sħab soċjali. Il-Kummissjoni tipproponi li torganizza Samit Soċjali straordinarju li għandu jkun iddedikat sabiex ikunu identifikati l-passi konkreti sabiex isir progress fl-oqsma kollha li ssemmew aktar ’il fuq. |

- 3.4. Progress biex issir politika ta’ l-enerġija ta’ l-UE effiċjenti u integrata

L-enerġija hija vitali għat-tkabbir u għall-impjiegi. It-talba globali għall-enerġija qed tiżdied. Fl-istess ħin, il-provvista ta’ l-enerġija tibqa’ limitata. Il-prezzijiet tas-suq għaż-żejt u għall-gass bdew jogħlew. L-isfida ewlenija li qed tiffaċċja s-sistema ta’ l-enerġija ta’ l-Ewropa hija li jkun żgurat li l-enerġija tkun disponibbli bi prezzijiet kompetittivi. Jeħtieġ li nissalvagwardjaw is-sigurtà tal-provvista u niżviluppaw sorsi awtonomi sabiex ikunu evitati indħil u xokkijiet għall-prezzijiet b’effetti ekonomiċi dannużi. Suq ta’ l-enerġija Komunitarju kompetittiv u integrat ser jipprovdina bil-bażi l-aktar effiċjenti u sostenibbli għal diversifikazzjoni u sigurtà tal-provvista. Il-produzzjoni u l-konsum ta’ l-enerġija jridu jqisu bis-sħiħ il-konsiderazzjonijiet ambjentali. L-Ewropa se ssir saħansitra aktar dipendenti fuq fornituri esterni u fil-ġejjieni se jkun meħtieġ li timporta l-parti l-kbira taż-żejt u tal-gass tagħha. Neħtieġu vuċi waħda koerenti fid-djalogu tagħna mal-fornituri ewlenija ta’ l-enerġija u fid-diskussjonijiet internazzjonali dwar l-enerġija.

Hemm profitti importanti x’niksbu milli niffrankaw l-enerġija. L-effiċjenza ta’ l-enerġija tnaqqas l-ispejjeż, tagħmel lill-prodotti u s-servizzi tagħna aktar kompetittivi u tikkontribwixxi għal ambjent aktar nadif. L-investimenti f’tagħmir u f’servizzi li huma effiċjenti fl-enerġija se jgħinu lill-industriji Ewropej sabiex iżommu u jżidu l-vantaġġ globali tagħhom. Dan l-impetu għall-effiċjenza ta’ l-enerġija għandu jimxi id f’id mad-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ l-enerġija. L-Ewropa għandha tqis is-sorsi kollha ta’ l-enerġija, u tagħti atttenzjoni speċjali lis-sorsi ta’ l-enerġiji rinnovabbli kif ukoll l-iżvilupp ta’ sorsi indiġeni nodfa. Inqas emissjonijiet mis-sorsi ta’ l-enerġija tagħna se jnaqqsu t-tniġġis ta’ l-arja u se jgħinu fil-ġlieda tagħna kontra l-bidla fil-klima. Għal darb’oħra, l-intrapriżi Ewropej se jkunu ppremjati mis-suq għal investimenti bikrija f’dan il-qasam.

Il-miżuri biex jitwettqu dawn l-għanjiet għandhom ikunu implimentati mingħajr dewmien. Hija meħtieġa sħubija bejn l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea għal metodu aktar integrat lejn il-politika ta’ l-enerġija fuq il-livell Ewropew.Politika ta’ l-enerġija Ewropea integrata tista’ tagħmel kontribuzzjoni kruċjali sabiex tiggarantixxi provvista Ewropea ta’ l-enerġija fil-ġejjieni b’mod sostenibbli, għaldaqstant is-sejħa għal-laqgħa tal-Kapijiet ta' l-Istat u tal-Gvern f’Hampton Court biex jiċċaqilqu malajr f’din id-direzzjoni.

L-Azzjoni 4: Progress sabiex tinkiseb politika ta’ l-enerġija ta’ l-UE effiċjenti u integrata It-tisħiħ u t-tkabbir tas-suq intern ta’ l-enerġija jinkoraġġixxi l-kompetittività u s-sigurtà tal-provvista. Il-miżuri li huma meħtieġa jinkludu: implimentazzjoni f’waqtha u regolazzjoni aktar effettiva tas-swieq ta’ l-enerġija sabiex jinkiseb ftuħ tas-suq sħiħ u effettiv sa l-1 ta’ Lulju 2007, bħal ma kien ftiehem il-Kunsill Ewropew; il-promozzjoni ta’ aktar kompetizzjoni fis-swieq ta’ l-elettriku u tal-gass, u kunsiderazzjoni lill-istħarriġ tal-kompetizzjoni tas-settur tal-Kummissjoni, b’mod partikolari billi jittieħdu l-passi biex tiġi indirizzata d-dominanza kontinwa ta’ l-operaturi responsabbli nazzjonali; it-trasparenza insuffiċjenti tas-suq; is-separazzjoni inadegwata tan-netwerk u l-attivitajiet ta’ provvista u ostakoli għal provvista transkonfinali li xxekkel is-suq ta’ l-enerġija ta’ l-UE tassew integrat; iżjed kooperazzjoni u integrazzjoni aħjar bejn il-gradilji u s-sistemi tal-pajpijiet tal-gass ta’ l-Istati Membri, sabiex min-naħa tal-konsumaturi, hemm biss netwerk Ewropew wieħed. Għal dan il-għan, rabtiet ta’ interkonnessjoni transkonfinali li huma nieqsa jew inadegwati għandhom ikunu identifikati u kkompletati. L-assistenza finanzjarja hija disponibbli permezz ta’ l-istrumenti finanzjarji ta’ l-UE sabiex jgħinu lill-Istati Membri jiksbu l-għan ta’ interkonnessjoni ta’ 10%. L-isfruttament tal-potenzjal tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, bħal bijo-fjuwils u l-bijo-mass, u użu aktar effiċjenti ta’ l-enerġija jistgħu jgħinu wkoll biex ikabbru s-sigurtà tal-provvista fl-Ewropa, filwaqt li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet ta’ l-effett serra, itejbu l-kwalità ta’ l-arja, u jsaħħu l-kompetittività. L-isforzi ta’ l-Istati Membri għandhom ikunu kkomplimentati minn imbuttatura lit-teknoloġija tat-tipi ta’ enerġija rinnovabbli u politika tal-ġibda skond it-talba (demand pull policy) fuq il-livell Ewropew. Għandu jkun hemm qafas regolatorju xieraq. Ir-riċerka u l-innovazzjoni għall-enerġiji indiġeni, inklużi l-enerġiji rinnovabbli, il-bijo-fjuwils u l-bijo-massa, il-faħam nadif u s-sekwestrar tal-karbonju u t-trattament u r-rimi ta’ l-iskart nukleari għandhom jiġu stimolati. Jeħtieġ li tingħata prijorità simili lir-riċerka sabiex jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda ta’ enerġija effiċjenti. L-iżvilupp ta’ qafas Ewropew ta’ inċentivi biex jitħeġġu l-enerġiji rinnovabbli jista’ jkabbar b’mod sinifikanti l-użu taghom. It-taħlita preżenti ta’ sistemi nazzjonali u reġjonali differenti toħloq barrieri artifiċjali bejn is-swieq nazzjonali, li jżommu lura l-potenzjal ta’ teknoloġiji ġodda promettenti. L-iżvilupp ta’ metodu aktar iffokat, koerenti u integrat sabiex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista ta’ l-enerġija fl-Ewropa, li tinkludi fejn għandhom x’jaqsmu l-mekkaniżmi ta’ emerġenza jinħtieġ ukoll. Il-Komunità u l-Istati Membri għandhom jitkellmu b’leħen wieħed fil-fora internazzjonali u mal-pajjiżi terzi li jipprovdu l-enerġija lill-Komunità. Il-Kummissjoni se tippreżenta l-ideat dwar kif l-aħjar jistgħu jiġu segwiti dawn il-prijoritajiet fuq il-livell ta’ l-Istati Membri u tal-Komunità fi green paper li għandha tkun ippubblikata fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena. |

- 4. IS-SEGWITU WARA L-KUNSILL EWROPEW TAR-REBBIEGħA TA’ L-2006

Huwa importanti li jinżamm l-impetu wara l-Kunsill Ewropew, sabiex isseħħ il-viżjoni tagħna ta’ Ewropa aktar b’saħħitha b’aktar tkabbir u aktar impjiegi. Għal dan il-għan, qed jiġu proposti dawn il-passi tul ix-xhur li ġejjin:

4.1. L-implimentazzjoni u s-superviżjoni tal-programmi nazzjonali ta’ riforma:

- L-implimentazzjoni effettiva tal-programmi nazzjonali ta’ riforma u l-kontribut tagħhom għat-tkabbir u għall-impjiegi issa jrid isir il-punt fokali ewlieni ta’ l-attenzjoni. Għalhekk, tul ix-xhur li ġejjin, il-Kummissjoni biħsiebha taħdem mill-qrib ma’ l-Istati Membri sabiex tgħinhom bl-isforzi tagħhom u sabiex tikkontrolla l-progress. Se jkun hemm il-ħtieġa li jkun hemm konsultazzjonijiet mal-parlamenti nazzjonali (u reġjonali), ma’ l-awtoritajiet lokali, mas-sħab soċjali u mal-partijiet ikkonċernati l-oħra, partikolarment fejn ma kienx hemm biżżejjed żmien waqt it-tħejjija tal-programmi sabiex wieħed jirċievi l-fehmiet differenti u jkun hemm djalogu[12]. Minħabba li Liżbona hija aġenda għal perjodu medju ta’ żmien, se jkun hemm il-ħtieġa li jkun hemm djalogu u kuntatti ta’ din ix-xorta fuq bażi regolari;

- Pass loġiku ieħor se jkun li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiddiskutu (kemm b’mod kollettiv kif ukoll b’mod bilaterali) kif il-programmi nazzjonali ta’ riforma jistgħu jissaħħu u jiġu żviluppati, b’rispett xieraq għat-tradizzjonijiet nazzjonali, sabiex titqies mhux biss id-dimensjoni Komunitarja, imma wkoll l-impatt tad-deċiżjonijiet tal-politika minn Stati Membri oħra. Il-Kummissjoni se torganizza dan il-proċess. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni ser tissokta tfittex titjib fil-mod kif tikkontribwixxi għas-suċċess tas-sħubija. L-Istati Membri li għadhom ma ffissawx il-miri tagħhom fejn għandhom x’jaqsmu l-infiq futur għar-Riċerka u l-Iżvilupp u/jew ir-rata ta’ l-impjiegi għandhom jagħmlu dan qabel il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006;

- L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-koerenza bejn il-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom u l-użu li se jagħmlu mill-fondi ta’ koeżjoni u ta’ l-iżvilupp rurali taħt il-perspettivi finanzjarji l-ġodda. L-Istati Membri għandhom iqisu l-impatt makroekonomiku tat-trasferimenti mill-fondi strutturali fil-medda ta’ żmien qasir, partikolarment fejn dawn jammontaw għal diversi punti perċentwali tal-PGD. Il-Kummissjoni ser taħdem mill-qrib ma’ l-Istati Membri hekk kif ifasslu l-oqsfa ta’ referenza strateġika nazzjonali tagħhom biex jiżguraw li l-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ programmi ta’ politika ta’ koeżjoni jirriflettu l-prijoritajiet inklużi fil-programmi nazzjonali ta’ riforma u l-4 azzjonijiet ta’ prijorità li ġew enfasizzati taħt it-taqsima 3. Għandu jkollhom għal-lest il-mekkaniżmi xierqa sabiex tkun ipprovduta l-koordinazzjoni meħtieġa bejn iż-żewġ proċessi fuq livell nazzjonali u reġjonali. Fil-kuntest tal-programmi l-ġodda ta’ koeżjoni, l-Istati Membri l-ġodda jitħeġġu li jassenjaw ir-riżorsi tal-fondi strutturali għall-miżuri li jsegwu l-għanijiet ta’ Liżbona, kif diġà hemm ftehim għall-15 ta’ l-UE[13];

- Il-programmi nazzjonali ta’ riforma jinkludu għadd ta’ politika interessanti li fuq il-bażi tagħha l-Istati Membri għandhom ipartu l-esperjenzi. Il-Kummissjoni se tidentifika uħud mill-oqsma speċifiċi tal-politika fejn l-ambitu għat-tagħlim reċiproku huwa partikolarment kbir u torganizza laqgħat mar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri sabiex ikunu diskussi ideat speċifiċi ta’ politika. L-Istati Membri għandhom ifittxu li japplikaw l-aktar ideat ta’ politika promettenti li huma inklużi fi programmi nazzjonali ta’ riforma oħrajn. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-koordinazzjoni miftuħa ta’ l-UE fl-oqsma ta’ l-edukazzjoni u tat-taħriġ, tal-ħarsien soċjali u ta’ l-inklużjoni soċjali tkun ta’ kontribut qawwi.

L-Istati Membri huma mistiedna li jqisu l-elementi li ssemmew aktar ’il fuq meta jkunu qed ifasslu ir-rapporti annwali tagħhom aktar tard din is-sena.

4.2. It-twettiq ta’ l-azzjoni Komunitarja

- Il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jiffinalizzaw il-perspettivi finanzjarji għall-2007-2013 u l-Kunsill u l-Parlament Ewropew għandhom jadottaw l-istrumenti legali meħtieġa kemm jista’ jkun malajr sabiex ikollhom żmien biżżejjed ħalli jippermettu investiment fl-aġenda tat-tkabbir u ta’ l-impjiegi mill-1 ta’ Jannar 2007;

- L-Istituzzjonijiet Komunitarji se jkollhom bżonn li jdaħħlu fis-seħħ b’mod mgħaġġel il-miżuri stipulati fil-programm ta’ Liżbona tal-Komunità u b’mod speċjali dawk li huma meħtieġa sabiex ikunu implimentati d-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Kunsill Ewropew fejn għandhom x’jaqsmu l-erba’ azzjonijiet ta’ prijorità li ġew proposti fit-taqsima preċedenti. Il-Kummissjoni se taħdem ma’ l-Istati Membri (inklużi l-koordinaturi nazzjonali ta’ Liżbona) sabiex ikun żgurat li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa għal dawn l-erba’ azzjonijiet sabiex ikunu implimentati bis-sħiħ sa tmiem l-2007. Għal dan il-għan, se tipproponi pjan li jistabbilixxi l-passi meħtieġa u d-dati ewlenija sabiex ikunu kkompletati. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni li jmiss tal-Kummissjoni ta’ l-implimentazzjoni min-naħa ta’ l-Istati Membri tal-programmi nazzjonali tagħhom, il-Kummissjoni se tidentifika l-miżuri meħtieġa sabiex ikunu kkomplementati l-isforzi ta’ l-Istati Membri – u jkun aġġornat il-programm ta’ Liżbona tal-Komunità skond dan.

Fejn għandhom x’jaqsmu kemm il-programm ta’ Liżbona tal-Komunità kif ukoll il-programmi nazzjonali ta’ riforma, il-Kummissjoni se tqis fejn waslu l-iżviluppi fir-Rapport tagħha tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2007.

4.3. Jiġu mobilizzati l-atturi kollha wara aġenda komuni

- Jeħtieġ li jsiru sforzi kbar ta’ komunikazzjoni sabiex jitkabbru l-għarfien u s-sjieda tal-programmi nazzjonali ta’ riforma u ta’ l-azzjonijiet Komunitarji għal aktar tkabbir u impjiegi, min-naħa tal-Parlament, tal-Kummissjoni, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tal-Kumitat tar-Reġjuni, ta’ l-Istati Membri, ta’ l-atturi reġjonali u lokali, tas-soċjetà ċivili u tas-sħab soċjali. Bħala rappreżentant taċ-ċittadini Ewropej, il-Parlament Ewropew għandu rwol essenzjali f’dan l-isforz għal komunikazzjoni mtejba – li għandu jkun ikkoordinat mill-qrib mad-dibattiti nazzjonali u reġjonali dwar il-ġejjieni ta’ l-Ewropa;

- Is-sħab soċjali huma mistiedna li jkollhom rwol saħanistra akbar fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija mġedda ta’ Liżbona, partikolarment billi jagħmlu proposti konġunti dwar kif jistgħu jikkontribwixxu b’mod dirett għas-suċċess tagħha. Il-Kummmissjoni tipproponi li l-Presidenza ta’ l-Unjoni torganizza Samit Soċjali straordinarju ddedikat sabiex ikunu identifikati l-passi konkreti ħalli jsir progress fl-azzjonijiet kollha proposti fil-Komunikazzjoni u b’mod partikolari sabiex ikun ittrattat l-impatt tal-globalizzazzjoni u tal-bidla demografika fuq aktar impjiegi li jkunu ta’ kwalità aħjar.

Appendiċi Lista ta’ eżempji illustrattivi tal-politika u tal-miżuri ta’ l-Istati Membri b’appoġġ għall-għanijiet ta’ tkabbir u impjiegi, partikolarment fl-erba’ oqsma ta’ prijorità li ġew identifikati fit-taqsima 3

Ir-Riċerka u l-Iżvilupp u l-innovazzjoni

Madwar nofs l-Istati Membri jużaw inċentivi fiskali biex jagħtu stimolu lir-Riċerka u l-Iżvilupp privati u diversi Stati Membri oħra biħsiebhom japplikaw miżuri ta’ din ix-xorta wkoll. Spanja qed tqis tnaqqasx it-taxxi għad-ditti li jinvestu fir-Riċerka u l-Iżvilupp, kif diġà qed tagħmel l-Olanda. L-Ungerija se tissemplifika l-iskema ta’ sussidju tat-taxxi u Franza se titrippla l-krediti tat-taxxa tagħa għar-riċerka sa l-2010.

Spanja, id-Danimarka u l-Estonja għandhom programmi speċifiċi mmirati sabiex iżidu n-numru ta’ riċerkaturi fl-intrapriżi. Il-Ġermanja nediet ‘Inizjattiva ta’ Eċċellenza’ sabiex tinkoraġġixxi r-riċerka eċċellenti fl-universitajiet. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tiżviluppa wħud mill-universitajiet Ġermaniżi f’imkejjen fuqana fix-xena internazzjonali għar-riċerka xjentifika.

L-Italja qed tiżviluppa ċentri ta’ eċċellenza għat-tagħlim u għar-riċerka, fost l-oħrajn is-sistema tat-tagħlim mill-bogħod ta’ l-università EwroMediterranja u tinkoraġġixxi l-mobilità ta’ l-għalliema u ta’ l-istudenti mar-reġjun kollu tal-Mediterran. Spanja u l-Portugall ħolqu istitut ta’ riċerka konġunta.

Is-Slovakkja, Spanja u Franza qed jippjanaw li jintroduċu sistemi ta’ superviżjoni u ta’ evalwazzjoni sabiex itejbu l-effikaċja ta’ l-infiq pubbliku għar-Riċerka u l-Iżvilupp.

Fi Franza, qed jiġu stabbiliti l-'Pôles de Compétitivité' bħala sħubiji bejn il-pubbliku u l-privat. Dawn il-‘Pôles' se jappoġġjaw u jikkoordinaw numru ta’ politiki komplimentari għan-negozji li minnhom ir-Riċerka u l-Iżvilupp hija ċentrali. Inizjattiva tar-raggruppamenti reċenti Slovena diġà tat riżultati pożittivi: 18-il uffiċċju tar-raggruppamenti li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn 350 kumpanija u 40 istitut edukattiv/ta’ riċerka kienu operattivi sa l-2004. Fil-Litwanja, il-gvern qed jistabbilixxi Istitut tat-Teknoloġija li jgħin lin-negozju fir-riċerka, fl-iżvilupp teknoloġiku u fl-innovazzjoni.

Fl-Irlanda, ittieħdu miżuri li jinkoraġġixxu l-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati tar-riċerka pubblika billi ngħatat il-liċenzja tagħha lis-settur privat jew billi r-riċerkaturi jingħataw għajnuna sabiex iwasslu l-ideat tagħhom għal stadju li jistgħu jitqiegħdu fuq is-suq u jiġu mgħejuna jiksbu suċċess kummerċjali.

L-Italja qed tindirizza n-nuqqasijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali (IPR) permezz ta’ sett ta’ miżuri li huma mmirati sabiex itejbu l-kapaċitajiet għall-brevettar tal-kumpaniji u billi jitnaqqsu l-ispejjeż tal-brevettar. Fil-Ġermanja, l-aġenziji għall-użu tal-brevetti se jkunu żviluppati u mkabbra aktar. Fil-Belġju, il-gvern federali, l-Uffiċċju Ewropew tal-Brevetti, iċ-ċentri ta’ riċerka u l-universitajiet qed jikkooperaw f’inizjattiva sabiex l-SMEs jingħataw appoġġ ħalli jużaw s-sistema ta’ l-IPR. Il-Latvja żviluppat programm ta’ appoġġ pubbliku sabiex tħares u ssaħħaħ l-IPR u tqajjem għarfien fil-komunità tan-negozju.

Jittejjeb l-ambjent tan-negozju u t-tħaddim tas-swieq

Il-Latvja daħlet għal impenn politiku qawwi sabiex timplimenta l-liġi Komunitarja appoġġjata minn miri u termini ta’ żmien konkreti sabiex tkun żgurata t-traspożizzjoni f’waqtha u korretta tad-direttivi tas-suq intern. L-Irlanda saħħet il-proċeduri interni tagħha sabiex tikkontrolla l-implimentazzjoni tad-direttivi Komunitarji. Sabiex ikun evitat li tiġi kkumplikata l-leġiżlazzjoni, diversi Stati Membri qed jiskoraġġixxu b’mod attiv li jiġu miżjuda d-dispożizzjonijiet meta jkunu qed jiġu implimentati d-direttivi Komunitarji (l-Awstrija, l-Olanda). Sabiex tkun evitata implimentazzjoni tard, uħud mill-Istati Membri lestew proċeduri għal implimentazzjoni mgħaġġla (l-Italja, Franza).

Bosta Stati Membri għamlu progress kbir bil-gvern elettroniku, bħat-twaqqif ta’ one-stop shops għall-mistoqsijiet min-naħa tan-negozju u taċ-ċittadini (il-Belġju, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Polonja u l-Portugall). Dan inaqqas ħafna x-xogħol klerikali u ż-żmien meħtieġ għal tweġiba. Wieħed jista’ jiftaħ negozju f’inqas minn ġimgħatejn fid-Danimarka, fi Franza, fl-Olanda, fl-Italja u fil-Finlandja. Hemm biss proċedura waħda li trid tkun issodisfatta meta jiġi impjegat l-ewwel ħaddiem fil-Litwanja; tnejn fil-każ tar-Renju Unit, ta’ l-Iżvezja u ta’ l-Irlanda.

Bosta Stati Membri (l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall, is-Slovenja u r-Renju Unit) qed iwettqu – jew biħsiebhom iwettqu – analiżijiet ta’ l-ispejjeż amministrattivi imposti mil-leġiżlazzjoni. Numru sinifikanti minnhom qed jużaw varjanti tal-mudell standard ta’ l-ispejjeż li fil-bidu kien żviluppat fl-Olanda u li l-karatteristiċi tiegħu ispiraw l-aspetti ewlenija tal-metodoloġija komuni ta’ l-UE li ġiet proposta mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Istati Membri f’Ottubru 2005. Ħames pajjiżi (ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Olanda, l-Iżvezja u r-Renju Unit) iffissaw ukoll miri kwantitattivi sabiex inaqqsu l-ispejjeż amministrattivi (li jvarjaw bejn 20 sa 25% fi tnaqqis sa l-2010).

Tmien Stati Membri (l-Awstrija, l-Estonja, il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja, is-Slovenja, Spanja u r-Renju Unit) qed jippjanaw li jniedu programmi ta’ simplifikazzjoni, minbarra l-erba’ Stati Membri (id-Danimarka, l-Irlanda, il-Lussemburgu, l-Iżvezja) li diġà għamlu dan. Il-punt fokali qiegħed fuq it-titjib tal-leġiżlazzjoni dwar it-taxxi, il-miżuri ta’ verifika u dawk fiskali, it-twaqqif tan-negozji, l-insolvenza u l-ħarsien tax-xogħol u tal-konsumatur.

Bosta pajjiżi, fosthom l-Irlanda u l-Olanda neħħew restrizzjonijiet speċifiċi għall-aċċess tas-suq fil-professjonijiet liberali, fis-servizzi finanzjarji u fis-swieq ta’ l-enerġija. Is-Slovakkja qed tidentifika l-barrieri li mhux qed jippermettu l-ftuħ tas-suq tal-provvista ta’ l-enerġija u se tiddefinixxi miżuri sabiex dawn jitneħħew. Qed tieħu wkoll passi sabiex ittejjeb il-kompetizzjoni fis-servizzi finanzjarji. Ir-Renju Unit se jimplimenta miżuri sabiex jinkoraġġixxi l-kompetizzjoni fis-servizzi legali. L-Estonja biħsiebha timplimenta politika proattiva ta’ kompetizzjoni permezz ta’ analiżi tas-settur u qawmien ta’ għarfien dwar il-liġi tal-kompetizzjoni. Id-Danimarka għaddejja b’eżami bir-reqqa tar-regoli domestiċi sabiex jitneħħew l-ostakli għall-importazzjonijiet u għall-investimenti fil-pajjiż (“It-Task Force għas-Suq Intern” – TIM).

Ċipru se jevalwa l-iskemi ta’ għajnuna kollha eżistenti u ġodda sabiex jikkontrolla jekk humiex qed jindirizzaw b’mod adegwat il-fallimenti tas-suq jew le. Il-Finlandja se tirrivedi l-politika tas-sussidji tagħha bl-għan li tnaqqas il-volum totali u tiżgura ruħha li l-għajnuna ma tirriżultaw f’distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Is-Slovakkja nediet inizjattiva sabiex twaqqaf Borsa ta’ l-Ewropa Ċentrali li tindirizza n-nuqqas ta’ swieq għall-ishma mhux biss fis-Slovakkja imma fil-pajjiżi ġirien ukoll. L-Ungerija u r-Reppubblika Ċeka huma mistiedna li jieħdu sehem. Is-suq domestiku Slovakk huwa żgħir wisq sabiex isostni suq ta’ l-ishma li jaħdem sew u li jkun likwidu; il-kooperazzjoni bejn diversi pajjiżi hija għalhekk meħtieġa.

Il-Portugall qed jipproponi diversi programmi sabiex tkun appoġġjata l-internazzjonalizzazzjoni tan-negozji. Qed jimplimenta wkoll programm speċifiku sabiex jitħaffu t-transizzjoni industrijali u l-istrutturar mill-ġdid.

Il-Litwanja qed tippjana li torganizza kampanji ta’ promozzjoni madwar eżempji ta’ negozji li rnexxew sabiex tippromwovi l-immaġni ta’ l-intraprenditorija fost il-pubbliku ġenerali. Ir- Renju Unit qed jipprovdi ħamest ijiem ta’ korsijiet dwar l-intrapriżi fl-iskejjel għall-istudenti kollha li għandhom bejn 14 u 16-il sena. Spanja qed tippjana li tindirizza l-biża’ mill-istigma ta’ falliment billi tagħti l-opportunità lill-istudenti fil-livelli kollha ta’ l-iskola sabiex jitgħallmu dwar il-valur ta’ l-intraprenditoriija u dwar il-falliment tan-negozju.

Numru ta’ pajjiżi ħadu wkoll inizjattivi interessanti sabiex isaħħu l-aċċess għall-kapital min-naħa ta’ l-SMEs; pereżempju, il-programm KAPITAL tar-Repubblika Ċeka, il-pakkett PreSeed Finlandiż u l-Enterprise Capital Funds (il-Fondi Kapitali ta’ l-Intrapriża) tar-Renju Unit. Id-Danimarka qed tippjana li tintroduċi tnaqqis fit-taxxa għall-intraprendituri tat-tkabbir. It-tnaqqis jibda minn meta l-intraprenditur joħloq profitti għall-ewwel darba u jingħata għal tliet snin.

L-impjiegi, is-sostenibbiltà finanzjarja u d-demografija

Numru ta’ Stati Membri tejbu l-kwalità tal-finanzi governattivi tagħhom, billi qiesu l-prijoritajiet nazzjonali tagħhom, bl-għan li jkabbru l-potenzjal fit-tul ta’ l-ekonomiji tagħhom. Pereżempju, id-Danimarka, ir-Renju Unit, l-Irlanda u l-Finlandja żiedu b’mod sinifikanti n-nefqa tal-gvern fl-edukazzjoni, bl-għan li jżidu l-produttività u l-kapaċità għax-xogħol tal-forza tax-xogħol.

Diversi Stati Membri tejbu s-sostenibbiltà finanzjarja ta’ l-iskemi tal-pensjoni tagħhom. Il-Belġju, Spanja, Franza, l-Awstrija, il-Portugall u l-Fialandja kollha saħħew ir-rabta bejn il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji, pereżempju billi għamlu n-numru ta’ snin ta’ kontribuzzjoni kriterju aktar importanti fejn għandu x’jaqsam l-irtirar mill-età ta’ min se jirtira, jew billi jippermettu rtirar bikri jew tard b’bidliet korrispondenti fil-benefiċċji.

Numru ta’ Stati Membri ġodda (l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, l-Ungerija u s-Slovakkja) ddiversifikaw ir-riskju ta’ sistemi ta’ pensjoni billi biddlu parti mill-pensjoni statutorja tas-sigurtà soċjali fi skemi b’fondi privati. L-Iżvezja, l-Italja, il-Latvja u l-Polonja waqqfu skemi, fejn il-benefiċċji tal-pensjoni huma marbuta b’mod dirett mal-kontribuzzjonijiet li tħallsu matul il-ħajja fuq il-post tax-xogħol tal-persuna u jiddependu wkoll mill-għomor tal-ħajja wara l-irtirar. Franza ddeċidiet li żżid is-snin ta’ kontribuzzjoni meħtieġa għal pensjoni sħiħa skond stennija tal-ħajja li qed tiżdied. Il-Ġermanja daħħlet fattur ta’ sostenibbiltà fl-indiċjar ta’ l-iskema tal-pensjoni pubblika tagħha fejn għamlet l-indiċjar jiddpendendi mill-proporzjon bejn in-numru ta’ dawk li huma impjegati u tal-pensjonanti. Bidliet ta’ din ix-xorta tejbu s-sostenibbiltà finanzjarja ta’ l-iskemi tal-pensjoni anki jekk uħud mill-isfidi jibqgħu preżenti minħabba popolazzjoni li qed tixjieħ.

Ir-riforma tal-pensjoni hija fattur importanti li tispjega ż-żieda kbira fir-rati ta’ l-impjiegi fost il-ħaddiema li huma aktar imdaħħla fiż-żmien sa mill-2000 f’uħud mill-Istati Membri. Il-Finlandja, pereżempju, żiedet b’mod sinifikanti r-rata ta’ l-impjiegi għall-ħaddiema li huma aktar imdaħħla fiż-żmien (minn 35% fl-1995 għal 50.9% fl-2005) minħabba l-bidliet fis-sistema tal-pensjonijiet kif ukoll minħabba taħriġ immirat, attenzjoni akbar għall-benesseri fuq il-post tax-xogħol tal-ħaddiema li huma aktar imdaħħla fiż-żmien u sussidji mmirati għal impjiegi li mhumiex imħallsin tajjeb.

Il-programm Irlandiż Skills-net jagħmilha faċli għall-kumpaniji li jkollhom aċċess għal taħriġ flessibbli, innovattiv u li huwa ta’ valur meta mqabbel mal-flus li jintefqu. L-inizjattiva diġà għenet biex jiġu aġġornati l-ħiliet ta’ madwar 30,000 membru tal-persunal. L-Estonja qed tippjana li tirriforma t-taħriġ vokazzjonali u l-Lussemburgu biħsiebu jwaqqaf sistema ta’ għarfien ta’ tagħlim li mhux formali.

L-Awstrija qed timmira li timla 5000 post battal li bħalissa huwa diffiċli li jimtlew minħabba li l-paga hija baxxa wisq (f’bosta każi minħabba li l-impjiegi konċernati huma part-time). Il-‘Kombi-Lohn’ il-ġdida tippremja kemm lil dak li jħaddem kif ukoll lill-ħaddiem jekk il-post battal jimtela. Il-gruppi kkonċernati huma żgħażagħ li ilhom qiegħda għal aktar minn 6 xhur u ħaddiema li huma aktar imdaħħla fiż-żmien li ilhom qiegħda għal aktar minn sena.

L-Olanda ħadet miżuri konkreti sabiex tinkoraġġixxi lill-ħaddema jifirxu x-xogħol, il-kura u l-edukazzjoni b’mod aktar ibbilanċjat tul iċ-ċiklu tal-ħajja. Skema ġdida u volontarja ta’ tfaddil se tagħti l-opportunità lill-ħaddiema li jfaddlu perċentwali mill-paga tagħhom sabiex ikopru perjodi ta’ lif, bħal-lif ta’ kura, ta’ edukazzjoni jew ta’ xort’oħra. It-tfaddil huwa appoġġjat b’mod fiskali.

Is-Slovakkja qed tfittex li ttejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familji żgħażagħ. L-iskejjel u l-istituzzjonjiet pre-skolastiċi se jiftħu għal aktar sigħat. L-Istat jappoġġja l-faċilitajiet il-ġodda għall-kura ta’ matul il-jum għat-tfal iż-żgħar, jiffaċilita x-xogħol part-time u lesta programmi ta’ appoġġ individwali għan-nisa li qed jerġgħu lura fis-suq tax-xogħol wara l-lif ta’ maternità jew tal-ġenituri.

Fil-Greċja, liġi ġdida tirriforma s-sistema nazzjonali tat-tagħlim kontinwu. Kumitat se jikkoordina l-isforzi nazzjonali, jinkoraġġixxi edukazzjoni orjentata lejn in-negozju, jimplimenta l-aħjar prattika u jindirizza l-esklużjoni.

L-enerġija u t-teknoloġiji ambjentali

Il-pajjiżi tat-Tramuntana waqqfu suq integrat għax-xiri u għall-bejgħ ta’ l-elettriku. Konnessjonijiet addizzjonali bejn l-Olanda u n-Norveġja, bejn il-Finlandja u l-Estonja u bejn id-Danimarka u l-żsvezja se jiffaċċilitaw in-negozju u jappoġġjaw il-ġenerazzjoni ta’ l-enerġija anki minn sorsi alternattivi bħall-ilma u r-riħ, biex b’hekk inaqqsu emissjonijiet dannużi.

L-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, Malta u r-Renju Unit qed jieħdu passi sabiex jagħmlu użu mill-akkwist pubbliku bħala lieva sabiex jinkoraġġixxu t-teknoloġiji ambjentali u l-effiċjenza ta’ l-enerġija. Il-Ġermanja tipprovdi inċentivi li jinkoraġġixxu t-tfaddil ta’ l-enerġija fil-bini, u nediet programm kbir ta’ rinnovament. Ċipru elabora pjan konkret u programm sabiex ikunu indirizzati sussidji li huma dannużi għall-ambjent ħalli jkunu eżaminati, irriformati jew aboliti.

L-Iżvezja għandha l-għan li twaqqaf id-dipendenza fuq il-karburanti fossili sa l-2020. Biex tagħmel dan, l-Iżvezja se tapplika taxxi ħodor, tappoġġja l-enerġija mir-riħ u ċertifikat ta’ elettriku aħdar. Dan iċ-ċertifikat jagħmilha bilfors li jinxtara ċertu sehem mill-konsum ta’ l-elettriku ta’ dak li jkun minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Id-Danimarka u l-Iżvezja diġà għandhom proporzjon għoli ta’ taxxi ambjentali fil-firxa fiskali tagħhom u biħsiebhom jiżviluppawhom aktar. Din is-sena l-Estonja nediet riforma ambizzjuża fit-taxxa ambjentali bl-għan li ċċaqlaq il-piż tat-taxxi tax-xogħol għall-konsum u għat-tniġġis u b’hekk tinkoraġġixxi l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali.

Politika nazzjonali u reġjonali ta’ appoġġ għall-enerġija mir-riħ fili-Ġermanja, fi Spanja u fid-Danimarka qed turi r-riżultati. Il-Ġermanja għandha aktar minn terz tal-kapaċità dinjija ta’ l-enerġija mir-riħ u r-riħ jammonta għal 6.5% tal-produzzjoni ta’ l-elettriku fi Spanja. Fid-Danimarka, l-industrija tal-manifattura bl-enerġija mir-riħ hija suċċess kummerċjali kbir. Is-settur kiber b’rata aktar mgħaġġla minn kwalunkwe settur ieħor tan-negozju u t-turbini Daniżi issa jiddominaw is-suq dinji. L-industrija tipprovdi impjiegi għal aktar minn 20,000 persuna fid-Danimarka. Ir-Renju Unit qed jinnegozja mal-fornituri taż-żejt għal sehem akbar mill-bijofjuwils fil-petrol.

[1] ĠU L 205 (6.8.2005).

[2] COM(2005) 535.

[3] COM(2005) 488.

[4] Il-Kumitat tal-Politika Ekonomika: Rapport dwar il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma ta’ Liżbona ta’ l-2005, ECFIN/EPC(2005)REP/55392, li huma disponibbli f’: http://europa.eu.int/comm/economy_finance/epc/documents/2005/nationalreports/nrp_report_en.pdf.Dawk li jissejħu bħala l-eżamijiet tat-taqsimiet ta’ l-impjiegi tal-programmi nazzjonali ta’ riforma tal-pajjiżi tal-Cambridge Review tal-Kumitat ta’ l-Impjiegi huma disponibbli fuq: http://europa.eu.int/comm/employment_social/employment_strategy/emco_en.htm.

[5] Dawn l-aspetti kollha huma enfasizzati fir-rapport li ġie kkompilat minn grupp ta’ esperti awtorevoli li ġie stabbilit wara l-laqgħa ta’ Hampton Court taħt il-presidenza ta’ l-ex-prim ministru Finlandiż Esko Aho.

[6] Il-programmi nazzjonali ta’ riforma jenfasizzaw firxa ta’ inizjattivi promettenti. Barra minn hekk, it-tabella ta’ valutazzjoni għall-innovazzjoni tal-Kummissjoni (http://www.trendchart.org/) tenfasizza li bosta Stati Membri għadhom jiffaċċjaw sfidi importanti li jeħtieġ li jitqiesu meta jiġu aġġornati l-programmi.

[7] 5.9% tal-pakkett totali tal-fond Ewropew għall-iżvilupp reġjonali u tal-fond soċjali Ewropew bħalissa qed jintefqu fuq ir-riċerka u l-iżvilupp u fuq l-appoġġ għall-innovazzjoni.

[8] Dawn jinkludu b’mod partikolari s-saħħa elettronika, il-farmaċewtiċi, it-trasport u l-loġistika, l-ambjent, il-kontenut diġitali u l-enerġija.

[9] Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Mobilizzazzjoni ta' l-intelliġenza ta' l-Ewropa: li tippermetti lill-universitajiet sabiex jagħtu l-kontribut sħiħ tagħhom għall-Istrateġija ta' Lisbona [sic] (SEC(2005) 518 ta’ 20.4.2005)” .

[10] Ara, pereżempju, l-analiżi annwali tat-tendenzi tal-produttività globali min-naħa tal-Bord tal-Konferenzi: “As US productivity slows, emerging economies grow rapidly, but Europe falls further behind” (“Hekk kif tonqos il-produttività ta’ l-Istati Uniti, l-ekonomiji emerġenti jikbru malajr, imma l-Ewropa taqa’ aktar lura”) ta’ Van Ark et al., is-serje Executiveaction, Jannar 2006. Ir-rapport jenfasizza li filwaqt li t-tkabbir tal-produttività tal-15 ta’ l-UE naqas minn 1.4% fl-2004 għal 0.5% fl-2005, l-Istati Membri l-ġodda ta’ l-UE żjiedu r-rata tat-tkabbir tal-produttività tax-xogħol minn 4.1% fl-2004 għal 6.2% fl-2005.

[11] Il-medja bħalissa hi ta’ 29 ġurnata kalendarja.

[12] L-UNICE u l-ETUC f’dikjarazzjoni li nħarġet fil-15.3.2005 laqgħu tajjeb it-tnedija ta’ l-Istrateġija l-ġdida ta’ Liżbona, u impenjaw irwieħhom b’mod attiv sabiex jaħdmu b’appoġġ għall-aġenda tat-tkabbir u ta’ l-impjiegi. Għadhom kemm qablu ma' programm ta' ħidma għall-2005-2008 bħala appoġġ għall-istrateġija.

[13] Għall-għan ta’ konverġenza, ir-riżorsi assenjati għandhom jirrappreżentaw minimu ta’ 60% tal-fondi totali, filwaqt li għall-għan tal-kompetittività reġjonali dawn għandhom ikunu ta’ 75%.