52006DC0027

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Il-Balkani tal-Punent fi triqithom lejn l-UE : it-tisħiħ ta' l-istabilità u t-tkattir tal-prosperità /* KUMM/2006/0027 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 27.1.2006

KUMM(2006) 27 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Il-Balkani tal-Punent fi triqithom lejn l-UE: it-tisħiħ ta' l-istabilità u t-tkattir tal-prosperità

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Il-Balkani tal-Punent fi triqithom lejn l-UE: it-tisħiħ ta' l-istabilità u t-tkattir tal-prosperità

F’Ġunju 2003, is-samit ta’ l-UE-Balkani tal-Punent li sar f’Tessaloniki kkonferma l-appoġġ ta’ l-UE għall-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent[1]. Is-samit ħaddan l-"aġenda ta' Tessaloniki", li tinkludi l-miżuri meħuda mill-proċess ta' qabel l-adeżjoni, u impenja ruħu li jimplimentaha b’mod konġunt.

F’Ġunju ta’ l-2005, il-Kunsill Ewropew ikkonferma l-impenn tiegħu biex jimplimenta l-aġenda ta' Tessaloniki, waqt li osserva li l-progress ta' kull pajjiż lejn l-integrazzjoni Ewropea tiddependi fuq l-isforzi tagħhom li jikkonformaw mal-kriterji ta' Kopenħagen u l-kundizzjonalità tal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ( SAp ).

Kważi tliet snin wara s-samit ta’ Tessaloniki, ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent stabbilizza ruħu ulterjorment u resaq aktar qrib ta’ l-Unjoni Ewropea. IL-perspettiva Ewropea tipprovdi inċentiv b’saħħtu għar-riforma politika u ekonomika u ħeġġet ir-rikonċiljazzjoni fost il-popli tar-reġjun. Huwa fl-interess ta’ l-UE bħala entità sħiħa, kif ukoll tal-pajjiżi kkonċernati, li dan il-proċess jiġi intensifikat. Dan se jgħin lill-UE biex takkwista l-għanijiet tagħha mingħajr ir-riskju mill-ġdid ta’ nuqqas ta’ stabilità f’reġjun li jinsab daqshekk fil-qrib. It-tisħiħ tal-politika ta’ l-UE għar-reġjun, speċjalment f’oqsma ta' interess reċiproku fejn hemm talba kbira min-naħa tan-nies tar-reġjun, bħall-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà, l-edukazzjoni u l-kummerċ, huwa l-aħjar mezz biex tissaħħaħ il-kredibilità tal-proċess u biex jitnaqqsu r-riskji politiċi.

Ix-xhur li ġejjin se jġibu magħhom sfidi reġjonali prinċipali, hekk kif il-proċess ta’ l-istatus tal-Kosovo jimxi ’l quddiem u kwistjonijiet kostituzzjonali fundamentali oħra jiġu jieħdu l-prijorità ta’ l-attenzjoni pubblika. Fi żmien bħal dan, il-kuraġġ ipprovdut mit-twettiq ta' l-aġenda ta' Tessaloniki huwa partikolarment importanti. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-istabbilizzazzjoni tar-reġjun, kemm permezz tal-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u anki permezz tal-kontribuzzjoni tagħha għall-Politika Komuni għall-Affarijiet Barranin u s-Sigurtà u l-appoġġ tagħha għall-operazzjoni ta’ l- ESDP fir-reġjun.

Il-Presidenza Awstrijaka qed tippjana li torganizza diskussjoni sostantiva dwar il-Balkani tal-Punent matul il-laqgħa informali tal-ministri barranin fl-10-11 ta’ Marzu f’Salisburgu. Din se tipprovdi okkażjoni utli biex jiġu affermati mill-ġdid l-għanijiet ta’ l-UE u biex ikun hemm qbil dwar modi u mezzi biex jissaħħu l-isforzi ta' l-UE fir-reġjun. L-għan ta’ l-UE huwa li jippromwovi stabilità, sigurtà u prosperità fil-Balkani tal-Punent permezz ta’ l-integrazzjoni progressiva tar-reġjun fin-normalità Ewropea.

Qabel il-laqgħa ta’ Salisburgu, din il-Komunikazzjoni se tivvaluta l-iżviluppi minn Tessaloniki 'l hawn u tistipula miżuri konkreti biex issaħħaħ il-politika u l-istrumenti tagħha b'konformità mad-Dokument ta' strateġija tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir ta’ Novembru 2005. Kif ikkonkluda l-Kunsill f’Diċembru, id-Dokument ta’ Strateġija huwa bażi tajba għad-diskussjoni tal-kwistjonijiet ta’ tkabbir fl-2006. L-Istati Membri huma mistiedna biex iħaddnu l-miżuri stipulati fid-dokument preżenti u biex jiżguraw li l-appoġġ meħtieġ ikun ipprovdut sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ l-UE fir-reġjun.

--I--

Tliet snin wara Tessaloniki

Il-progress miksub u l-isfidi tal-ġejjieni

Matul dawn l-aħħar tliet snin, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għamlu progress konsiderevoli fl-istabbilizzazzjoni u r-rikonċiljazzjoni, fir-riformi interni u l-kooperazzjoni reġjonali. B’riżultat ta’ dan, resqu aktar qrib ta’ l-UE.

Ittieħdu passi importanti fix-xhur li għaddew: il-ftuħ tan-negozjati ta’ adeżjoni mal-Kroazja, l-għoti ta’ l-istatus ta’ pajjiż kandidat lill- ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, il-qrubija lejn it-twettiq tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ( SAA ) ma’ l-Albanija, il-ftuħ tan-negozjati ta’ l- SAA mas-Serbja u l-Montenegro u l-Bożnja u l-Ħerżegovina. Beda l-proċess politiku biex tintlaħaq deċiżjoni dwar l-istatus fil-futur tal-Kosovo. Dawn l-iżviluppi juri li l-popli u l-gvernijiet tar-reġjun qed ifittxu futur aħjar fin-normalità tal-ħajja politika u ekonomika Ewropea. L-Unjoni Ewropea wriet l-impenn tagħha biex tappoġġjahom f'din l-istrateġija. Dawn l-impenji baqgħu sodi matul l-aħħar sena.

Ir-reġjun se jħabbat wiċċu ma' sfidi ewlenin fil-perjodu li ġej, speċjalment il-proċess ta' l-istatus tal-Kosovo u l-arranġamenti kostituzzjonali tas-Serbja u l-Montenegro. Ġestjoni effiċjenti ta’ dawn il-kwistjonijiet tista’ tagħti lok għal progress rapidu. Il-falliment ikollu konsegwenzi serji għall-pajjiżi kkonċernati, għar-reġjun, u għas-sigurtà Ewropea. Ir-riformi kostituzzjonali possibbli fil-Bożnija u l-Ħerżegovina se jkunu sfidi addizzjonali. L-UE hija impenjata li tgħin biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet kostituzzjonali u ta’ status f’konformità ma’ l-istandards Ewropej u internazzjonali, biex tgħin ħalli tinkiseb aktar rikonċiljazzjoni u maturità politika fir-reġjun, kif ukoll biex tmexxi l-pajjiżi lejn it-twettiq tal-vokazzjoni Ewropea tagħhom. L-UE se tkompli ssaħħaħ u tikkoordina l-preżenza tagħha fuq il-post.

L-UE se tilgħab rwol attiv fil-proċess ta’ l-istatus tal-Kosovo u ħatret rappreżentant biex ikun ta’ appoġġ għall-Mibgħut tan-NU dwar l-Istatus. Il-politika u l-influwenza ta' l-UE trid tintuża bis-sħiħ biex tgħin ħalli tintlaħaq soluzzjoni bbilanċjata u sostenibbli li ġġib il-paċi u l-istabilità mhux biss lil partijiet involuti direttament, imma anki lir-reġjun bħala entità sħiħa. L-UE hija lesta wkoll li tagħmel il-parti tagħha fil-preżenza internazzjonali li se tinħtieġ ladarba jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-istatus tal-Kosovo. Il-Kummissjoni qed issellef l-għarfien espert politiku u tekniku tagħha lit-taħdidiet dwar l-istatus u se jkollha terfa’ parti kbira mir-responsabbiltà biex timplimenta riżultat li jippromwovi l-perspettiva Ewropea tal-Kosovo.

Ir-reġjun mexa ’l quddiem f’termini ta’ kisba ta’ stabilità makroekonomika dejjiema u żieda fil-kompetittività tiegħu iżda l-progress mhuwiex kostanti u fadal ħafna xi jsir.

Hekk kif isir il-progress dwar l-istabbilizzazzjoni u jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ l-istatus, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent se jiffukaw dejjem iżjed fuq ir-riformi meħtieġa biex jersqu viċin ta’ l-istandards Ewropej. L-aġenda ekonomika u soċjali se ssir aktar importanti, ladarba ekonomiji dgħajfa, qgħad kbir u koeżjoni soċjali inadegwata huma problemi prinċipali fiż-żona kollha. Il-politika ta’ l-UE għar-reġjun għandha tiffoka aktar fuq żvilupp ekwu u ekonomikament sostenibbli u fuq li testendi l-benefiċċji ta’ tkabbir ekonomiku għal gruppi vulnerabbli u komunitajiet billi tiġġieled kontra l-qgħad, l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u billi tmexxi ’lquddiem djalogu soċjali.

Is-Sħubiji Ewropej/Ta’ Adeżjoni li kien hemm qbil dwarhom f’Diċembru 2005 għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jiddefinixxu l-prijoritajiet li fuqhom il-pajjiżi għandhom jikkonċentraw fit-terminu qasir u medju ta’ żmien. Progress dwar dawn il-prijoritajiet, kif ukoll l-implimentazzjoni sodisfaċenti ta’ l- SAAs , għandhom jippermettulhom li jwettqu l-passi stipulati mid-Dokument ta' Strateġija tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir ta' Novembru 2005.

Implimentazzjoni ta’ l-Aġenda ta’ Tessaloniki

Il-maġġoranza ta’ l-impennji li ttieħdu mill-UE fl-aġenda ta' Tessaloniki nkisbu jew jinsabu tajjeb fi triqithom. Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għamlu progress konsiderevoli fuq l-impenji tagħhom li ħadu f’Tessaloniki. Madankollu sforzi ulterjuri huma meħtieġa biex titmexxa ’l quddiem l-aġenda ta’ Tessaloniki.

Id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni fil-qasam tal-Politika Komuni għall-Affarijiet Barranin u s-Sigurtà (CFSP) ġew imsaħħa:

- Il- Forum politiku UE-Balkani tal-Punent ġie stabbilit u laqgħat annwali tal-ministri ta’ l-affarijiet barranin u tal-ġustizzja u l-intern seħħew. Laqgħat annwali tat-Troika fil-livell ta’ Direttur Politiku seħħew fil-marġni ta’ l-Assemblea Ġenerali tan-NU. Dawn il-laqgħat kisbu sew l-għanijiet tagħhom. Jekk jikkonċentraw b’mod aqwa fuq aġendi konkreti u li jistgħu jintlaħqu għandhom itejbu l-impatt tagħhom.

- Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ġew mistiedna biex jallinjaw ruħhom ma' pożizzjonijiet komuni, ma’ demarkazzjonijiet u ma’ dikjarazzjonijiet li għamlu dwar kwistjonijet tas- CFSP sa mill-bidu ta’ l-2004, f’għadd kbir ta’ każijiet rilevanti.

- Djalogu politiku bilaterali ġie stabbilit mal-Bożnija u l-Ħerżegovina u s-Serbja u l-Montenegro, b’laqgħat annwali tat-Troika fuq livell ministerjali, u b’hekk ikkompleta d-djalogu politiku li kien hemm diġà ma’ l-Albanija, l-Kroazja u l- ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja.

Id-dispożizzjonijiet ta’ Tessaloniki għal appoġġ aqwa min-naħa ta’ l-UE għall-bini ta’ l-istituzzjonijiet u għall-ftuħ ta’ programmi u aġenziji tal-Komunità għall-Balkani tal-Punent ġew implimentati jew jinsabu tajjeb fi triqithom. L-istess japplika għal għadd ta’ miżuri marbuta mal-kummerċ Ittieħdu passi importanti fil-qasam tal-kooperazzjoni reġjonali. Il-qagħda f’dawn iż-żoni u l-passi li jmiss li jittieħdu huma spjegati hawn taħt.

Djalogu regolari komuni ġie stabbilit bejn il-Kummissjoni u kull wieħed mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Dan huwa mistenni li jkun estiż għall-Bożnija u l-Ħerżegovina fir-Rebbiegħa. Djalogu simili qed iseħħ mal-Kosovo.

Progress fil-qasam tal-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà kien sinifikanti u jinkludi azzjoni biex tiġġieled il-kriminalità organizzata, it-tkabbir tal-kapaċità istituzzjonali fil-ġudikaturi, it-titjib fil-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-prosekuturi, pjan ta’ Ħidma kontra t-traffikar tad-drogi, miżuri biex jiġi kkuntrastat il-ħasil tal-flus u l-immigrazzjoni illegali, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ impenji meħuda fil-Konferenza ta' Ohrid dwar ġestjoni u sigurtà mal-fruntieri. Ħafna mill-miżuri f’dan il-qasam irċevew appoġġ mill-Komunità. Madankollu, jeħtieg li jiżdiedu l-isforzi f’dan il-qasam.

Kumitati Parlamentari Konġunti kienu stabbiliti fl-2004 bejn l-UE u l-Kroazja u l- ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja u qegħdin jiltaqgħu regolarment. Laqgħat interparlamentari regolari ma’ l-Albanija, il-Bożnija u l-Ħerżegovina, is-Serbja u l-Montenegro, u l-Kosovo qed iseħħu wkoll.

L-UE kompliet bil-preżenza attiva tagħha fil-missjonijiet taż-żamma tal-paċi u l-prevenzjoni ta’ kunflitti. Hi ħadet il-kontroll mill-operazzjonijiet militari mmexxija min- NATO fl- ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja u l-Bożnija u l-Ħerżegovina u mantniet il-Missjonijiet ta’ Pulizija f’dawn iż-żewġ pajjiżi. Il-Missjonijiet ta’ Sorveljanza ta’ l-UE komplew joperaw fil-pajjiżi kollha apparti l-Kroazja. Rappreżentanti speċjali ta’ l- SG/HR ta’ l-UE ilhom f’posthom f’Sarajevo u fi Skopje u sa minn Novembru 2005 l- EUSR u l-Kap tad-Delagazzjoni tal-Kummissjoni nħatru għall- ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja.

L-UE ilha impenjata għall-Kosovo sa mill-bidu tal-kunflitt fl-1999, b’investiment politiku prinċipali u sforzi finanzjarji biex tinħoloq paċi u demokrazija dejjiema, u biex jiġi ffaċilitat il-progress tal-Kosovo lejn soċjetà demokratika u multi-etnika. L-UE tat l-appoġġ tagħha lill-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo ( UNMIK ), anki billi stabbiliet il-Pilastru ekonomiku IV u tat il-fondi għall-ispiża amministrattiva tiegħu. Ħadmet mill-qrib ma’ l-Istituzzjonijiet Proviżorji ta’ Tmexxija awtonoma. L-appoġġ ta’ l-UE għall-iżvilupp tal-Kosovo sa llum jaqbeż il-€1.6bn.

Ir-rapport annwali tal-Kummissjoni, l-aktar reċenti r-rapporti ta’ progress adottati fid-9 ta’ Novembru 2005, jipprovdi evalwazzjoni dettaljata kemm tal-progress kif ukoll tad-dewmien fl-istabbilizzazzjoni tar-reġjun. Partikolarment, sforz ikbar huwa meħtieġ fil-qasam tar-ritorn tar-refuġjati, tar-rikonċiljazzjoni permezz ta’ l-edukazzjoni, l-iżvilupp soċjali u l-kultura. Kooperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall- ex Jugożlavja għandu jrid jinkiseb f’xi pajjiżi. Appoġġ għall-Qorti Kriminali Internazzjonali, li jiffurmaw parti minnha l-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent, f’xi każijiet għadu mhuwiex konformi mad-deċiżjonijiet rilevanti ta’ l-UE.

--II--

Il-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, kif imsaħħaħ mill-aġenda ta’ Tessaloniki, isarraf f’qafas politiku effiċjenti għall-azzjoni ta’ l-UE fil-Balkani tal-Punent. Bħala parti mill-proċess ta’ tkabbir, dan il-proċess se jibqa’ l-qafas għat-triq Ewropea għal dawn il-pajjiżi li twassalhom għall-adeżjoni futura tagħhom. Madankollu, l-implimentazzjoni tiegħu f’għadd ta’ oqsma jeħtieġu xogħol ulterjuri, fid-dawl ta’ l-esperjenza reċenti u l-isfidi li ġejjin. Dawn l-oqsma u l-passi ssuġġeriti li jmiss huma mniżżla hawn taħt.

It-tneħħija ta’ l-ostakli għall-kummerċ u l-investiment; nippromwovu l-ekonomija u l-iżvilupp soċjali

L-iżvilupp tal-kummerċ u l-ivestiment jiddependi b’mod kritiku fuq l-istabilità politika, il-klima ekonomika ġenerali u l-progress fir-riformi f’kull pajjiż u fir-reġjun bħala entità sħiħa. Stabilità makroekonomika teħtieġ li tissegwa aktar, b'mod partikolari fil-politika fiskali u monetarja bil-għan li tiżgura ambjent li jwassal għal tkabbir sostenibbli. Jeħtieġ li r-riformi strutturali jissegwew b’mod vigoruż sabiex jitjieb il-funzjonament tas-swieq u l-kompetittività. Partikolarment, il-pajjiżi għandhom jimxu ’l quddiem fir-ristrutturar u l-privatizzazzjoni ta’ impriżi ta’ l-istat, fit-twaqqif ta’ istituzzjonijiet funzjonali u tal-ġudikatura, u fir-riformi ulterjuri tas-swieq tax-xogħol. Huwa t-titjib f’dan il-qafas wiesa’ li jgħodd l-aktar. Minkejja progress sinifikanti, il-proċess ta’ riforma fir-reġjun jeħtieġ impetu ulterjuri.

Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u Miżuri Awtonomi tal-Kummerċ

Il-Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ( SAAs ) li jistabbilixxu l-kummerċ ħieles ma' l-UE, huma fil-preżent f'bosta stadji ta' negozjati ma' l-Albanija, is-Serbja u l-Montenegro, kif ukoll mal-Bożnija u l-Ħerżegovina. Dawn diġà qegħdin fis-seħħ mal-Kroazja u l- ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja. L- SAAs jikkostitwixxu mutur b’saħħtu għall-integrazzjoni tal-kummerċ, għar-riforma domestika u għall-approssimazzjoni ma’ l-UE, l-aktar permezz tal-klawżoli tagħhom li jħeġġu approssimazzjoni leġiżlattiva u l-bini ta’ kapaċità amministrattiva.

Il-Miżuri Kummerċjali Awtonomi applikati għall-Balkani tal-Punent kollha jippermettu aċċess mingħajr dazju għas-suq ta’ l-UE prattikament għall-prodotti kollha li joriġinaw mir-reġjun. Dawn il-preferenzi kummerċjali kienu ta’ suċċess, b’kontribuzzjoni għaż-żjieda medja annwali ta’ 8% fl-esportazzjonijiet tal-Balkani tal-Punent għall-UE (2000-2004).Il-preferenzi kummerċjali ġġeddew sa tmiem l-2010.[2]

Il-Miżuri Kummerċjali Awtonomi, flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ l-SAAs u arranġamenti kummerċjali oħra, jipprovdu qafas favorevoli għall-iżvilupp tal-kummerċ bejn l-UE u r-reġjun, b’hekk jistimolaw investiment dirett barrani fir-reġjun u żvilupp ekonomiku ġenerali.

Madankollu, biex jittieħed l-aħjar riżultat minn dan il-qafas, jeħtieġ li l-pajjiżi jirristrutturaw ulterjorment l-ekonomiji tagħhom, jsiru aktar kompetittivi u jsaħħu l-kapaċità amministrattiva tagħhom. Allinjament dwar l-oqsma prinċipali relatati mal-kummerċ li jinsabu fl- acquis , speċjalment dwar standards doganali u industrijali, sanitarji, fitosanitarji u veterinarji, kif meħtieġ mis-Sħubiji Ewropej, se jkollhom rwol ewlieni f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi għajnuna teknika lir-reġjun f’dan il-qasam.

Akkumulazzjoni djagonali

F’Tessaloniki, il-Kummissjoni kienet mistiedna tipprepara l-estensjoni ta' akkumulazzjoni djagonali ta’ oriġini panEwropea għall-pajjiżi tar-reġjun b’mod konsistenti mal-politika rilevanti tal-Komunità u dipendenti fuq il-kapaċità amministrattiva tagħha. L-akkumulazzjoni panEwropea qiegħda tiġi estiża għall-pajjiżi tal-proċess ta’ Barċellona, u b’hekk toħloq l-akkumulazzjoni “pan-Ewro-Med”. Inklużjoni tal-Balkani tal-Punent f’din is-sistema l-ġdida hija l-għan strateġiku ta’ l-UE.

Minħabba d-dewmien fis-sistema l-ġdida li eventwalment tirriżulta mill-inklużjoni ta’ partijiet ġodda f’dan il-mument, il-Kummissjoni fil-preżent qed tipprepara żona ta’ akkumulazzjoni djagonali ta’ oriġini bejn l-UE u dawk il-pajjiżi fil-Balkani tal-Punent li għandhom ftehim ta' kummerċ ħieles ma' l-UE, fil-preżent il-Kroazja u l- ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja. Tikkunsidra l-għadd ta’ partijiet ikkonċernati u l-livell għoli ta integrazzjoni reġjonali, din l-inizjattiva dalwaqt għandha tibda tagħti l-frott tagħha. Fit-tieni fażi, il-Balkani tal-Punent ikunu jistgħu jidħlu fis-Sistema tal-Pan-Ewro-Med ta' akkumulazzjoni djagonali hekk kif din is-sistema l-ġdida tkun operattiva, u b’konformità mal-prinċipji u l-proċeduri li japplikaw għal parteċipanti oħra f’din is-sistema li mhumiex Ewropej.

Integrazzjoni tal-kummerċ reġjonali

L-integrazzjoni tal-kummerċ reġjonali huwa importanti ħafna għall-Balkani tal-Punent u huwa element ewlieni tal-politika ta’ l-UE għar-reġjun.

Sar progress konsiderevoli fl-iżvilupp tal-kummerċ fi ħdan ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent. Twettaq in-netwerk ta’ Ftehimiet bilaterali ta’ Kummerċ Ħieles ( FTAs ) stabbilit taħt il-Patt ta’ Stabilità. B’riżultat ta’ dan, inter alia , żdied sostanzjalment il-kummerċ reċiproku. Madankollu, il-kummerċ intra-reġjonali għadu ma laħaqx il-potenzjal tiegħu u, f’xi każijiet, l-implimentazzjoni tal-ftehimiet bilaterali ma kinitx sodisfaċenti. Il-Kummissjoni hija lesta biex taħdem flimkien mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent sabiex tidentifika kwalunkwe ostakli li jistgħu jxekklu l-implimentazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet, kif ukoll biex jinstabu modi kif jingħelbu.

Fil-laqgħa tagħhom f’Sofia f’Ġunju 2005, il-ministri tal-kummerċ ta' l-Ewropa tax-Xlokk bdew proċess biex jintegraw in-netwerk eżistenti ta’ ftehimiet ta’ kummerċ bilaterali ħieles f’ FTA reġjonali waħda, li ssir sa nofs l-2006 bi dħul fis-seħħ fl-2007. Qablu wkoll biex jimplimentaw programm biex jitnaqqsu jew jiġu eliminati ostakli mhux tariffarji u biex isir xogħol immirat lejn armonizzazzjoni ulterjuri tar-regolamenti għall-kummerċ fis-servizzi. Il-Kummissjoni tappoġġja dawn l-inizjattivi u se tkompli tipprovdi pariri u għajnuna teknika biex l-integrazzjoni intrareġjonali tkun tista’ tiżviluppa f’armonija sħiħa mal-moviment lejn l-integrazzjoni Ewropea.

Adeżjoni għad- WTO

Il-Kummissjoni tappoġġja bis-sħiħ l-adeżjoni tal-Bożnija u l-Ħerżegovina, tal-Montenegro u tas-Serbja għall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ( WTO ). Is-sħubija mad- WTO hija pass importanti fil-proċess ta’ riforma ekonomika ta’ kull pajjiż. Il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi għajnuna teknika għal dak il-għan.

Offerti taħt strumenti ta’ għajnuna

B’konformità ma’ impenn magħmul f’Tessaloniki, ir-regolamenti u r-regoli ta’ għajnuna tal-KE ġew emendati biex jippermettu lill-operaturi mill-Balkani tal-Punent jieħdu sehem f’offerti mmexxija taħt l-istrumenti ta’ qabel l-adeżjoni[3]. Dispożizzjonijiet simili huma inklużi fil-proposti tal-Kummissjoni għall-istrument finanzjarju l-ġdid ta’ qabel l-adeżjoni (IPA) u l-Istrument ta’ Viċinanza u Sħubija Ewropea ( ENPI ), li se jkopri l-għajnuna tal-Komunità lill-ġirien tal-Lvant u tal-Mediterran ta’ l-Unjoni[4].

L-impriżi ż-Żgħar u ta’ daqs Medju

Li jinħolqu kondiżjonijiet favorevoli għall-Impriżi ż-Żgħar u ta’ daqs Medju huwa ta’ l-akbar importanza għat-tkabbir sostenibbli ta’ l-ekonomiji tal-Balkani tal-Punent. L-isforzi ta’ riforma għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lil dan il-qasam.

Il-pajjżi Balkani tal-Punent issieħbu fil-Karta Ewropea għall-Impriżi ż-Żgħar dakinhar tas-samit ta’ Tessaloniki. Il-pajjiżi tar-reġjun ilhom igawdu l-benefiċċji tal-Karta, għalkemm mhux kollha sa l-istess punt.

Fl-“Istqarrija ta’ Belgrad”, adottata f’Ottubru ta’ l-2005, il-pajjiżi Balkani tal-Punent jagħmlu seħja lill-Kummissjoni biex tissokta bil-proċess tal-Karta lilhinn mill-konfini ta’ tliet snin ta’ l-aġenda ta’ Tessaloniki. Bħala reazzjoni, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-presidenza Awstrijaka, l- OECD u mal-Fondazzjoni Ewropea ta’ Taħriġ, se terġa’ tissokta l-proċess fl-2006 għal tliet snin oħra, ta’ l-inqas.

Il-Kummissjoni tappoġġja l-Fond Ewropew għall-Ewropa tax-Xlokk ( EFSE ), li ġie stabbilit f’Diċembru ta’ l-2005 minn donaturi internazzjonali u nazzjonali u li għandu l-għan li jipprovdi finanzi addizzjonali ta’ l-iżvilupp, l-aktar lis-settur ta’ l-impriża ż-żgħira u dik mikro u lid-djar privati permezz ta’ istituzzjonijiet finanzjarji lokali. Il-Kummissjoni għandha pjan li tikkontribwixxi madwar €60m lill-Fond fl-2006.

L-Aġenda ta’ Liżbona

L-Aġenda ta’ Liżbona timmira li tagħmel l-ekonomija ta’ l-UE aktar kompetittiva u bbażata fuq l-għarfien, filwaqt li tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli u l-koeżjoni soċjali. L-għanijiet tagħha huma wkoll rilevanti għall-Balkani tal-Punent. Ir-reġjun għandu jiġi involut bil-mod il-mod biex jikseb dawn l-għanijiet, filwaqt li jitqies il-livell ta’ żvilupp ta’ l-ekonomiji u l-istadju ta’ approssimazzjoni ma’ l-UE. L-għanijiet ta’ Liżbona mhux se jikkostitwixxu kriterji jew għanijiet ekonomiċi addizzjonali, iżda l-Kummissjoni se tiżgura li l-politika tagħha lejn ir-reġjun tirrifletti wkoll l-attivitajiet ta’ Liżbona li jistgħu jitqiesu bħala prijoritajiet skond is-Sħubijiet Ewropej/ta’ l-Adeżjoni. Il-pajjiżi Balkani tal-Punent għandhom jibdew iqisu l-għanijiet ta’ Liżbona ta’ l-Unjoni fir-riformi tagħhom.

Il-politika soċjali u l-impjieg

Il-promozzjoni ta’ l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni, l-aktar b’attenzjoni għall-gruppi vulnerabbli u oqsma l-aktar effettwati minn taqlib ekonomiku, soċjali u etniku, hija prijorità tal-Balkani tal-Punent. Il-Kummissjoni tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ djalogu soċjali fir-reġjun, partikolarment biex tiżgura l-konsultazzjoni ta’ l-imsieħba soċjali fil-proċess ta’ trasformazzjoni ekonomika. Il-Kummissjoni organizzat forum dwar l-inklużjoni soċjali f’Tirana f’Ġunju ta’ l-2005 (flimkien mal- UNDP ) u konferenza ta’ livell għoli dwar id-djalogu soċjali fi Skopje f’Ottubru ta’ l-2005. Il-Presidenza Awstrijaka u l-Kummissjoni se jorganizzaw laqgħa informali tal-ministri tax-xogħol u l-imsieħba soċjali tal-pajjiżi Balkani tal-Punent f’Ġunju ta’ l-2006 f’Ġinevra. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-isforzi f’dan il-qasam.

Reviżjonijiet li jirrigwardaw il-pajjiżi dwar il-politika ta’ l-impjieg imwettqa taħt il-“Proċess ta’ Bukarest” immexxi mill-Patt ta’ Stabilità, kif ukoll reviżjonijiet dwar is-suq tax-xogħol imħejjija mal-Fondazzjoni Ewropea tat-Taħriġ huma importanti biex jiżdiedu l-għarfien speċjalizzat strateġiku u l-kapaċità tal-pajjiżi. Il-Kummissjoni se tibni fuqhom biex tiżviluppa l-kooperazzjoni ta’ qabel l-adeżjoni fil-qasam ta’ l-impjieg.

Il-politika tal-viża u l-miżuri marbuta mal-faċilitazzjoni tal-moviment tal-persuna

F’Tessaloniki, l-UE fakkret l-importanza li l-popli u l-gvernijiet fil-Balkani tal-Punent jagħtu lill-perspettiva ta’ liberalizzazzjoni tar-reġim tal-viża. L-Unjoni nnutat li l-progress kien jiddependi fuq kemm dawn il-pajjiżi jimplimentaw riformi ewlenin f’oqsma bħat-tisħiħ ta' l-istat tad-dritt, it-taqbida kontra l-kriminalità, il-korruzzjoni u l-immigrazzjoni illegali, u t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tagħhom rigward il-kontroll tal-fruntieri u s-sigurtà tad-dokumenti. Il-Kummissjoni ddiskutiet ma’ kull wieħed mill-pajjiżi Balkani tal-Punent ir-rekwiżiti biex dawn il-kwistjonijiet ikollhom prominenza f'termini konkreti. Dawn id-diskussjonijiet ikkonfermaw li r-riformi meħtieġa jirrikjedu sforzi sostanzjali mill-pajjiżi kkonċernati. Li jitneħħa l-obbligu tal-viża hija kwistjoni li tieħu fit-tul.

Sadanittant, għandu jkun possibbli li tiffaċilita proċeduri ta’ ħruġ ta’ viża, li jħaffu l-vjaġġi mill-Balkani tal-Punent lejn iż-żona ta’ l-UE/Schengen[5]. L-Istati Membri u l-Kummissjoni ftiehmu f’Diċembru ta’ l-2005 dwar sistema komuni ta’ faċilitazzjoni ta’ viża, kif previst mill-Programm ta' l-Aja adottat f'Novembru ta' l-2004. Se tiġi applikata strateġija għal kull każ speċifiku. Se titqies ir-relazzjoni speċjali li għandha l-UE ma’ ċerti pajjiżi, l-aktar l-istatus tagħhom bħala kandidati jew kandidati potenzjali għall-adeżjoni.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ppjanat li tibda taħdidiet esploratorji fil-Balkani tal-Punent. Dawn it-taħdidiet se jibdew fil-bidu ta’ l-2006 ma’ l- ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, bil-għan li tippreżenta abbozz ta’ mandati tan-negozjati għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent matul is-sena lill-Kunsill ta’ l-UE.

Il-progress fin-negozjati dwar il-faċilitazzjoni tal-viża se jkun marbut man-negozjati dwar ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid mal-Komunità Ewropea u mal-progress f’riformi f’oqsma rilevanti. Il-Kummissjoni għandha wkoll pjanijiet li tippreżenta, fir-rebbiegħa ta’ l-2006, proposta li għandha l-għan li inter alia tissimplifika u tħaffef il-proċeduri ta’ ħruġ ta’ viża fil-konsolati lokali.

Ittieħdu miżuri speċjali biex jitmexxew ’il quddiem l-iskambji ta’ riċerkaturi u studenti. Direttiva li permezz tagħha jkun eħfef għall-istudenti minn pajjiżi terzi jiksbu permessi ta’ residenza fl-Unjoni Ewropea ġiet adottata f’Diċembru ta’ l-2004, u direttiva b’regoli ekwivalenti għar-riċerkaturi ġiet adottata f’Ottubru ta’ l-2005.

Sakemm isseħħ it-traspożizzjoni tad-direttiva dwar ir-riċerkaturi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ l-Istati Membri, ġiet adottata Rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex tħeġġeġ l-Istati Membri japplikaw ċerti partijiet tad-direttiva qabel it-traspożizzjoni finali. Rakkomandazzjoni oħra li kellha l-għan li tiffaċilita mawriet qosra ta’ riċerkaturi fiż-żona ta’ Schengen, ġiet adottata mill-Kunsill f’Settembru ta' l-2005. Din ir-rakkomandazzjoni tħeġġeġ diġà minn issa lill-Istati Membri sabiex jagħtu viża ta’ dħul multiplu lir-riċerkaturi għal tul il-proġett ta’ riċerka li jkunu involuti fih, u jirrinunċjaw għall-ħlasijiet tal-viża.

Il-Kummissjoni għamlet proposta għat-twaqqif ta’ reġim lokali ta’ traffiku fuq il-fruntiera fuq il-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri. B’dan ir-reġim, ir-residenti tar-reġjuni tal-fruntiera, inkluż dawk li jgħixu tul il-fruntieri ta’ l-UE mal-pajjiżi Balkani tal-Punent, jistgħu jiġu awtorizzati jaqsmu l-fruntiera b’permess lokali ta’ traffiku fuq il-fruntiera mingħajr il-ħtieġa ta’ viża. L-adozzjoni formali tal-proposta (mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill) hija mistennija sa Frar ta’ l-2006.[6]

Niffamiljarizzaw in-nies u l-istituzzjonijiet ma’ l-aġenda Ewropea

Il-parteċipazzjoni fil-programmi u l-aġenziji tal-Komunità

Bħala segwitu ta’ l-Aġenda ta’ Tessaloniki u ta’ Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tirriżulta minnha[7], il-bażi legali għas-sehem minn individwi jew istituzzjonijiet tal-pajjiżi Balkani tal-Punent fi programmi tal-Komunità issa tinsab f’postha. il-ftehimiet tal-qafas li ntlaħqu mill-UE ma’ kull pajjiż daħlu fis-seħħ f’nofs l-2005.

L-involviment fi programmi tal-Komunità jista’ jagħti lill-pajjiżi Balkani tal-Punent bażi soda fl-UE u jiffaċilita l-iskambju tal-kompetenzi u l-prassi t-tajba. Sa mill-2007, meta l-biċċa l-kbira tal-programmi tal-Komunità jridu jiġġeddu jew jiġu ristrutturati, il-pajjiżi Balkani tal-Punent se jkollhom l-opportunità li jinvolvu aktar lilhom infushom fi proġetti komuni f’oqsma bħall-ambjent, l-enerġija u t-trasport, ir-riċerka, il-kultura u l-mezzi tax-xandir, eċċ.

Il-programmi tal-Komunità huma primarjament programmi interni għall-benefiċċju taċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet ta’ l-UE; l-estensjoni tagħhom għall-istatus ta’ pajjiż imsieħeb hija soġġetta għal għadd ta’ rekwiżiti li fosthom hemm kontribuzzjoni finanzjarja u kapaċitajiet amministrattivi min-naħa tagħhom. Għalhekk, kull wieħed mill-pajjiżi jrid jevalwa bir-reqqa l-ħtiġijiet tiegħu inifsu u jagħżel dawk il-programmi li jaqblu bl-aqwa mod mal-prijoritajiet tiegħu u li jġibu valur miżjud veru, kif riflessi partikolarment bis-sħubijiet Ewropej. L-implimentazzjoni għandha tkun waħda gradwali u għandha jkollha l-appoġġ ta’ tħejjija xierqa.

Il-Kummissjoni tat segwitu għal proposti tagħha li tinvolvi l-Balkani tal-Punent fl-attivitajiet ta’ l-aġenziji tal-Komunità. Flimkien ma’ netwerking li għadu għaddej fl-attivitajiet ewlenin ta’ l-Aġenzija Ewropea ta’ l-Ambjent, se tagħti appoġġ lill-programmi ta’ ħidma tal-pajjiżi sa mill-2006 b’għażla ta’ aġenziji tal-Komunità[8].

Edukazzjoni u riċerka

Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi Balkani tal-Punent fl-oqsma ta’ l- edukazzjoni u r-riċerka kienet sinifikanti f’dawn l-aħħar snin, b’kontribut sostanzjali tal-Kummissjoni taħt bosta programmi: Tempus (edukazzjoni ogħla), Erasmus Mundus (boroż ta’ studju għall-istudenti), Żgħażagħ, is-Sitt Programm tal-Qafas ta’ Riċerka ( FP6 ) u l-attivitajiet taċ-Ċentru ta’ Riċerka Konġunta ( JRC ), kif ukoll permezz tal-ħidma tal-Fondazzjoni ta’ Taħriġ Ewropea ( ETF ). Il-programm Tempus, b’baġit ta’ €83m għall-perjodu 2001 – 2005 fil-Balkani tal-Punent iffinanzja boroż ta’ studju u għotjiet ta’ mobilità li involvew kull sena sa 250 student u aktar minn 1000 għalliem u persunal fl-edukazzjoni kull sena għal studju jew taħriġ fl-UE jew bnadi oħra fir-reġjun. Fl-2003-2004 madwar 2200 żagħżugħ mir-reġjun ħadu sehem fil-programm taż-Żgħażagħ, aktar mid-doppju ta’ dawk li kien hemm matul it-tliet snin ta’ qabel[9].

Pjan ta’ azzjoni dwar l- RTD imtella’ wara s-samit ta’ Tessaloniki mill-Istati Membri, pajjiżi kandidati u pajjiżi Balkani tal-Punent, identifika kif ir-riċerka tista’ tagħti sehem fl-iżvilupp ekonomiku u ttejjeb l-integrazzjoni u kien strumentali biex il-Balkani tal-Punent ikunu integrati aħjar fiż-Żona Ewropea ta’ Riċerka. Mill-2002 sa l-2005, madwar 120 parteċipant (unitajiet ta’ riċerka u istituzzjonijiet) mill-pajjiżi Balkani tal-Punent ġew irreġistrati f’51 proġett taħt l- FP6 .

Min-naħa tiegħu, iċ-Ċentru ta’ Riċerka Konġunta ħareġ f’dawn l-aħħar snin kwantita’ ta’ mijiet ta’ esperti mill-Balkani tal-Punent f'laqgħat ta’ ħidma u korsijiet u beda jinkludi organizzazzjonijiet mill-Balkani tal-Punent fi ħdan in-netwerks tiegħu ta’ riċerka u proġetti Ewropej.

B’reazzjoni għall-istennija fir-reġjun ta’ aktar sforz f’dawn is-setturi, l-aktar fl-għadd ta’ boroż ta’ studju, il-Kummissjoni se tibda konsultazzjonijiet dwar sett ġdid ta’ orjentazzjonijiet għall-perjodu 2006-2010 u biħsiebha tiddiskutihom fil-Laqgħa ta’ l-UE/Balkani tal-Punent tal-Ministri tax-Xjenza u l-Edukazzjoni fiż-17 ta’ Marzu 2006. Din il-Konferenza se tkun ukoll opportunità tajba biex l-Istati Membri jipprovdu tagħrif dwar il-programmi bilaterali tagħhom u jekk ikun possibbli jimpenjaw ruħhom biex isaħħu l-isforz tagħhom li huwa diġà wieħed sinifikanti.

Il-Kummissjoni se teżamina mill-ġdid l-azzjonijiet tagħha li jaqgħu taħt Tempus u Erasmus Mundus u tkabbar l-opportunitajiet ta’ mobilità għall-għalliema u kemm għall-istudenti li se jiggradwaw kif ukoll għal dawk iggradwati sa mill-2007. Bħala l-ewwel pass, se jkun hemm disponibilità ta’ tieqa speċjali fl-2006 fl-Erasmus Mundus li permezz tagħha sa 100 student mir-reġjun se jkunu jistgħu jagħmlu studju ta' wara l-lawrija f’korsijiet tal- master’s ta’ l-UE ta’ importanza għolja. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll skema ta’ boroż ta’ studju għall-istudenti li se jiggradwaw li qegħdin isegwu l-programm Tempus ta’ wara l-2006. Fir-rigward tas-suċċessur tal-programmi tal-Komunità ta’ wara l-2006 tal-programmi preżenti Socrates u Leonardo da Vinci, se jitħeġġeġ l-involviment gradwali, imfassal fuq il-ħtiġijiet u x-xkiel ta’ kull pajjiż, inkluża kapaċità amministrattiva avvanzata meħtieġa għal dawn il-programmi. Il-Kummissjoni se toħloq ukoll opportunitajiet ġodda li jaqgħu taħt il-programm taż-Żgħażagħ. L- ETF se tissokta bl-appoġġ tagħha lill-pajjiżi msieħba tal-Balkani tal-Punent fil-promozzjoni tar-riforma tas-sistemi tagħhom ta’ edukazzjoni u taħriġ.

Fir-rigward tar-riċerka, l-UE għandha pjanijiet li tkompli u li ssaħħaħ l-azzjonijiet tagħha favur il-komunità ta’ riċerka tal-Balkani tal-Punent taħt is-7 Programm tal-Qafas (2007-2013). Il-kooperazzjoni attwali li qed tħalli l-frott bejn il- JRC u l-pajjiżi Balkani tal-Punent se tissokta. Il-Kummissjoni se teżamina wkoll kif il-komunità ta’ riċerka fir-reġjun tista’ tuża dan il-potenzjal u għandha mnejn tipprovdi appoġġ għall-bini tal-kapaċità ta’ ċentri ta’ eċċellenza fir-reġjun. Sabiex tkompli tintegra r-reġjun fiż-Żona ta’ Riċerka Ewropea, il-Kummissjoni qed tikkonsidra li twaqqaf 'Pjattaforma ta’ Treġija’ li tidentifika ħtiġijiet konkreti u mezzi kif tissodisfahom.

Inħejju l-amministrazzjonijiet għall-integrazzjoni Ewropea

Li tiġi żviluppata l-kapaċità amministrattiva u ġudizjarja tal-pajjiżi Balkani tal-Punent, filwaqt li tkun żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Komunità, hija ta’ l-ogħla importanza.

Il-ġemellaġġ ta’ proġetti jinvolvi l-issekondar għal żmien twil ta’ esperti u konsulenti mill-Istati Membri għall-amministrazzjonijiet tal-pajjiżi fil-mira biex jgħinu fl-isforzi biex tiżdied il-kapaċità amministrattiva u istituzzjonali tagħhom. Proġetti bħal dawn għall-Balkani tal-Punent kibru minn 25 matul il-perjodu 2000-2002 għal 40 proġett ġdid fl-2003-2005. L-estensjoni ta’ l-istrument ta’ ġemellaġ għall-Kożovo bħalissa qed tiġi kkunsidrata.

L-Istrument ta’ Skambju ta’ Informazzjoni ta’ Assistenza Teknika ( TAIEX ) beda jopera fir-reġjun fl-2004 u, sa l-aħħar ta’ l-2005, kien organizza ’l fuq minn 300 azzjoni ta’ assistenza u kellu fil-mira 6000 uffiċjal mill-amministrazzjonijiet ċentrali ta’ l-istati, assoċjazzjonijiet ta’ negozju, amministrazzjonijiet ġudizjarji jew parlamentari. Wara fażi ta’ l-ewwel li kienet tikkonsisti f’seminars ta’ introduzzjoni għal ħafna pajiżi dwar il-leġiżlazzjoni ta’ l-UE fi Brussell, sistema mmexxija aktar mid-domanda issa qed tiġi implimentata fir-reġjun innifsu u qed tilħaq udjenza aktar wiesgħa.

Ix-xogħol ta’ tħejjija mill-Kummissjoni għat-twaqqif ta’ Skola reġjonali ta’ Edukazzjoni Ogħla fir-Riforma ta’ l-Amministrazzjoni Pubblika, kif prevista fl-Aġenda ta’ Tessaloniki, qiegħed miexi 'l quddiem. L-ewwel taħriġ propju li se jseħħ taħt din l-iskema għandu jsir qabel l-aħħar ta’ l-2006.

L-UE se tissokta bil-programmi tagħha ta’ assistenza doganali u fiskali ( CAFAO ) u se tibda tqis alternattivi li jifirxu fuq medda twila ta’ żmien u dawk li jifirxu fuq medda medja għal dawn il-programmi li jtejbu s-sjieda ta’ l-amministrazzjonijiet lokali.

Nappoġġjaw mezzi tax-xandir li huma ħielsa, indipendenti u professjonali

L-iżvilupp tal-mezzi tax-xandir li huma ħielsa, indipendenti u professjonali huwa element ewlieni ta’ sostenn ta’ l-istabilità u t-tħaddim tad-demokraziji fil-Balkani tal-Punent. Li jiżdied l-għarfien ta’ l-istandards Ewropej tal-mezzi tax-xandir fir-reġjun u li r-riformi meħtieġa jseħħu b’pass mgħaġġel fis-settur tal-mezzi tax-xandir huma prijoritajiet importanti.

Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Kunsill ta’ l-Ewropa, nidiet inizjattiva reġjonali dwar ir-riforma fil-mezzi tax-xandir fl-2004, filwaqt li laqqgħet rappreżentanti ta' gvernijiet, awtoritajiet li jirregolaw ix-xandir, xandara pubbliċi u partijiet oħra interessati. S’issa seħħu tliet eventi reġjonali (f’Belgrade u Skopje fl-2004, u f’Sarajevo fl-2005). Fi ħdan din l-inizjattiva, il-pajjiżi Balkani tal-Punent iffirmaw Protokolli ta’ Kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tagħhom ta’ regolamentazzjoni tax-xandir u bejn ix-xandara pubbliċi tagħhom. Il-Kummissjoni se tfittex li twettaq din l-inizjattiva reġjonali fl-2006, filwaqt li tipprovdi appoġġ lill-pajjiżi fl-isforz tagħhom li jersqu ’l quddiem lejn l-istandards Ewropej.

Il-Kooperazzjoni reġjonali

Progress sinifikanti jista’ jitqies li ġie rreġistrat fil-kooperazzjoni reġjonali[10]. Il-pajjiżi dejjem aktar għandhom għarfien li kulma jmur qiegħed jiżdied li l-kooperazzjoni reġjonali mhix biss hija parti ewlenija tal-kondizjonalità ta’ l-UE, iżda sservi l-interess tagħhom u diġà pproduċiet riżultati tanġibbli. Il-komplementarjetà tal-kooperazzjoni reġjonali mal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea inftiehmet aħjar.

Mis-Samit ta’ Tessaloniki ’l hawn, l-aġenda ta’ kooperazzjoni reġjonali mxiet ’il quddiem, bil-kontribut siewi tal-Patt ta’ Stabilità u inizjattivi reġjonali oħra. Il-kooperazzjoni hija issa appoġġjata minn għadd ta’ ċentri li jinsabu fir-reġjun u dan huwa mera ta’ sjieda mtejba – l-Osservatorju tat-Trasport f’Belgrade, il-Kummissjoni tax-Xmara Sava f’Żagreb, is-Segretarjat ta’ l-Enerġija fi Vienna, iċ-Ċentru Reġjonali ta’ l-Inizjattiva Reġjonali ta’ l-Immigrazzjoni, il-Kenn u r-Rifuġjati ( MARRI ) fi Skopje, eċċ.

Issa huwa importanti li nfittxu nwettqu l-implimentazzjoni ta’ dak li nbeda, li niffukaw fuq riżultati konkreti u li nilqgħu għadd ta’ sfidi li hemm quddiemna. B’mod aktar speċifiku:

- Ir-ritorn tar-refuġjati ilu għal żmien twil kwistjoni importanti għall-attenzjoni reġjonali; issa għaddiet għal fażi ġdida permezz ta’ l-Istqarrija ta’ Sarajevo ta’ Jannar 2005 li biha l-Bosnja u l-Ħerzegovina, il-Kroazja u s-Serbja u Montenegro, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u partijiet internazzjonali oħra interessati, impenjaw ruħhom li jingħaqdu biex jirrisolvu din il-kwistjoni qabel l-aħħar ta’ l-2006.

- Fil-qasam tal- ġustizzja,il-libertà u s-siġurtà, issegwew ħafna inizjattivi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u fil-ġestjoni tal-fruntieri. Fost l-isfidi ewlenin għall-perjodu li ġej hemm: aktar titjib fil-kapaċità tal-pulizija u tas-servizzi doganali fil-kooperazzjoni bejn il-fruntieri, appoġġ għaċ-Ċentru Reġjonali tas- SECI fit-taqbida kontra l-kriminalità li taqsam il-fruntieri u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-prosekuturi reġjonali operattivi fil-każijiet ta’ kriminalità organizzata u kriminalità marbuta mal-korruzzjoni. Il-proġett reġjonali ta’ politika dwar il-kenn, l-immigrazzjoni u l-viża, li ġie ffinalizzat dan l-aħħar, għandu jkollu s-segwitu ta’ miżuri meħtieġa fuq livell nazzjonali.

- Il-Kooperazzjoni parlamentari ttejbet b’mod sostanzjali bil-Konferenza, li twaqqfet dan l-aħħar, tal-Kumitat dwar l-Integrazzjoni Ewropea tal-Parlamenti tal-Balkani tal-Punent u l-Forum Parlamentari ta’ Cetinje. L-iżvilupp ta’ strateġija komuni għall-parlamenti tas- SEE , iffukata fuq l-integrazzjoni ma’ l-UE, huwa l-pass li jmiss, biex jipprovdi dimensjoni parlamentari għal qafas komprenżiv li jagħti gwida politika lill-attivitajiet ta’ kooperazzjoni.

- L-enerġija hija waħda mill-aktar żviluppi pożittivi hekk kif “il-proċess ta’ Ateni” laħaq l-ogħla quċċata tiegħu bil-firma tat-Trattat ta’ l- Enerġija tal-Komunità, fil-25 ta’ Ottubru 2005, bejn l-UE u l-imsieħba fir-reġjun, li ħoloq il-bażi għal spazju regolatorju uniku ta’ l-enerġija. Suġġett għal ratifika, it-Trattat jista’ jidħol fis-seħħ fl-ewwel nofs ta’ l-2006, biex b’hekk ikun possibbli li wieħed jgħaddi għall-implimentazzjoni. L-UE dejjem iżjed se tikkonċentra fuq li tiżgura l-interkonnessjonijiet tan-netwerks internazzjonali ta’ l-enerġija, inklużi l-pajplajns, fir-reġjun.

- Il-kooperazzjoni fit- trasport fuq l-art miexja ’l quddiem fuq il-bażi tal-Memorandum ta’ Ftehim dwar l-iżvilupp tan-netwerk tat-Trasport Reġjonali Intern tax-Xlokk ta’ l-Ewropa ffirmat f’Ġunju ta’ l-2004. Ftehim dwar Żona ta’ Avjazzjoni Komuni Ewropea ġie inizjalat mill-pajjiżi tar-reġjun u l-Kummissjoni Ewropea f’Diċembru ta’ l-2005 u dalwaqt jitniedu proċeduri għall-firma.

- Ġiet stabbilita kooperazzjoni reġjonali għall-ambjent, li fiha l-Kummissjoni għandha rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-Programm ta’ Rikostruzzjoni Ambjentali Reġjonali, li jipprovdi qafas għal azzjonjiet ambjentali li jkunu segwiti fuq livell reġjonali. Il-pajjiżi kollha tar-reġjun huma involuti fil-proċess, kif ukoll fl- ECENA (netwerk ta’ konformità u ta’ infurzar ambjentali għall-adeżjoni).

- Il-Kummissjoni tikkontribwixxi għall- protezzjoni u konservazzjoni tal-wirt kulturali fil-Balkani tal-Punent premezz tal-programm għall-Wirt Kulturali u Naturali fix-Xlokk ta’ l-Ewropa li tiegħu għandha l-amministrazzjoni konġunta flimkien mal-Kunsill ta’ l-Ewropa. Aktar minn 160 monument u sit se jiġu restawrati jew rijabilitati taħt din l-iskema. Fil-Kożovo, il-Kummissjoni qegħdha tiffinanzja r-restawr ta’ siti reliġjużi li ġarbu ħsara matul il-grajjiet vjolenti ta’ Marzu 2004.

L-impenn ta’ l-Unjoni Ewropea fil-kooperazzjoni reġjonali se jiżdied fil-ġejjieni minħabba r-rabta mill-qrib tal-kooperazzjoni reġjonali ma’ l-integrazzjoni Ewropea. Ir-reġjun bħala entità sħiħa qed jiġi assoċjat gradwalment ma’ l-istrateġiji politiċi ewlenin Ewropej bħall-kooperazzjoni fil-kummerċ, il-ġustizzja, fil-libertà u fis-sigurtà (ara hawn fuq), fit-trasport, fl-enerġija u f’dik li taqsam il-fruntieri. Il-Kummissjoni diġà qegħdha tagħti kontribut deċiżiv f’bosta oqsma u hija lesta għal involviment aħjar l-ewwel nett f’oqsma fejn il-kooperazzjoni reġjonali tikkontribwixxi b’mod dirett u hija indispensabbli għall-aġenda ta’ integrazzjoni Ewropea.

Tul dawn l-aħħar sitt snin, seħħ tibdil fil-fond fir-reġjun, l-aktar fir-rigward tal-progress tiegħu lejn l-UE. Wasal iż-żmien li wieħed jersaq lejn sjieda lokali sħiħa tal-kooperazzjoni reġjonali u li jħares mill-ġdid lejn ir-rwol tal- Patt ta' Stabilità . It-tranżizzjoni gradwali għandha tara li l-funzjonijiet ewlenin tal-Patt ta’ Stabilità jiġu trasferiti, b’determinazzjoni ċara tal-prijoritajiet u normalizzazzjoni ta’ l-arranġamenti. Jista’ jiġi kkunsidrat rwol miżjud għall-Proċess ta' Kooperazzjoni fix-Xlokk ta’ l-Ewropa ( SEECP ), li s-Samit ta’ Tessaloniki għaraf bħala l-leħen tar-reġjun. Sabiex dan ir-rwol isir tagħha l- SEECP teħtieġ reviżjoni ġenerali. Il-Kummissjoni qegħdha tikkoopera mal-Patt u mal-partijiet oħra interessati minħabba d-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu madwar il-Mejda Reġjonali ta’ Mejju 2006.

Għajnuna Finanzjarja

L-għajnuna finanzjarja ta’ l-UE għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent taħt il-programm tal- CARDS għandu l–għan li jkun ta‘ appoġġ għall-isforzi tagħhom biex tissaħħaħ ir-riforma politika u ekonomika u l-iżvilupp, fi triqithom lejn sħubija fl-UE Bħala pajjiż kandidat, il-Kroazja sa mill-2005 bbenefika minn għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni taħt il-programmi Phare , ISPA u SAPARD . Il-Bank għall-Investiment Ewropew jipprovdi self għal proġetti ta’ infrastruttura. Is-Sħubiji Ewropej u ta’ Adeżjoni huma l-gwida prinċipali għall-assistenza taħt il- CARDS u l-istrumenti ta’ pre-adeżjoni.

L-għajnuna tal-Komunità għar-reġjun hija sinifikanti. Għall-perjodu 2000-2006 l-għotjiet għar-reġjun jammontaw għal madwar €5.4bn. L- EIB qiegħed jipprovdi għotjiet ta’ xi €2.0bn. F’termini per capita , u bħala sehem mill-PGD tal-pajjiżi benefiċjarji, din l-għajnuna hija fost l-ogħla li ngħatat lil kwalunkwe msieħeb ta' l-UE. Għalkemm l-għajnuna għar-reġjun kienet ikkonċentrata lejn il-bidu ta’ dan il-perjodu ta’ għaxar snin sabiex tlaħħaq mar-rikostruzzjoni u mar-rijabilitazzjoni ta’ wara l-kunflitt, livelli preżenti ta’ appoġġ jibqgħu għoljin. Bir-riforma fil-Kosovo bħala prijorità, il-Kummissjoni allokatilha mill-ġdid żieda ta’ €25m għall-implimentazzjoni fl-2006. Matul il-perjodu mill-2000 sa l-2006 l-KE pprovdiet għajnuna makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-pajjiżi kollha tar-reġjun, apparti mill-Kroazja, b’total li jammonta għal €873m.

L-Istrument għal Qabel l-Adeżjoni ( IPA ) il-ġdid, li se jieħu post l-istrumenti eżistenti ta' qabel l-adeżjoni u l- CARDS mill-2007 ’l quddiem, se jkopri għajnuna lill-kandidati u lil pajjiżi potenzjalment kandidati. Għalhekk dan se jissimplifika t-tranżizzjoni ta’ pajjiż minn status għall-ieħor, meta dan ikun deċiż mill-Kunsill. Il-komponenti ta’ l-istrument li jiffinanzja t-tranżizzjoni u l-bini ta’ l-istituzzjonjiet kif ukoll il-kooperazzjoni reġjonali u bejn il-pajjiżi se tkun miftuħa għal kandidat potenzjali u pajjjżi kandidati. It-tliet komponenti li jifdal (il-finanjzament reġjonali u r-riżorsi umani u l-iżvilupp rurali) li huma l-prekursuri tal-fondi strutturali tal-Komunità, jeħtieġu livell għoli ta’ kapaċità amministrattiva finanzjarja adattata għas-sistema ta’ l-UE u għalhekk huma riżervati għall-pajjiżi kandidati. Tranżizzjoni għall-istatus ta’ pajjiż kandidat se tiftaħ l-aċċess għat-tliet komponenti ‘strutturali' ta’ l- IPA , għalkemm dan mhux se jfisser żieda awtomatika fil-livell ta’ appoġġ għall-pajjiż ikkonċernat.

Għajnuna fl-oqsma ta’ l-infrastruttura, żvilupp reġjonali u xogħol u politika soċjali se jkunu disponibbli wkoll għal kandidati potenzjali permezz tal-komponent tal-bini ta’ l-istituzzjonjiet. Inizjalment għajnuna bħal din se tkun ġestita ċentralment mill-Kummissjoni. Apparti l- IPA, strumenti oħra (eż. l-Istrument ta’ Stabilità) jistgħu jiġu rikjesti li jindirizzaw sfidi ta’ sigurtà fir-reġjun. Għajnuna makrofinanzjarja addizzjonali tista’ tkun meħtieġa wkoll f’każijiet eċċezzjonali. Probabbli li tkun meħtieġa operazzjoni favur il-Kosovo .

Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata li tappoġġja l-Balkani tal-Punent b’fondi adegwati. Il-UE għandha tiżgura li l-prijoritajiet politiċi tagħha għall-Balkani tal-Punent ikunu sostnuti b’ appoġġ simili taħt il-Perspettivi Finanzjarji li ġejjin.

Filwaqt li l-Balkani tal-Punent jgħaddu minn rikostruzzjoni għal żvilupp ekonomiku u integrazzjoni, appoġġ fil-forma ta' self minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (l- EIB, l- EBRD , il-Bank Dinji, l- IMF eċċ), jieħu rwol aktar importanti. Pereżempju, id-deċiżjoni li żżid il-mandat ta’ self estern tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment (minn €1.6 għal aktar minn €3bn) huwa sinjal importanti. Il-Kummissjoni se tkompli tfittex koordinazzjoni mill-qrib ma’ donaturi bilaterali u internazzjonali oħra biex jissaħħu s-sinerġiji, bħat-tmexxija konġunta mal-Bank Dinji dwar il-koordinazzjoni ta’ proġetti infrastrutturali.

Djalogu tas-soċjetà ċivili

Fid-dawl ta’ l-esperjenza mill-aktar tkabbir reċenti, il-Kunsill Ewropew f’Diċembru 2004 ddeċieda li l-UE għandha tinvolvi ruħha fi djalogu politiku u kulturali intensiv ma’ pajjiżi oħra, li jinvolvu s-soċjetà ċivili. F’Ġunju 2005, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li kien fiha proposti biex tippromwovi dan id-djalogu tas-soċjetà ċivili mat-Turkija u l-Kroazja, li jinvolvi partikolarment l-imsieħba soċjali u l- NGOs [11]; proġett relatat għall-Kroazja se jkun iffinanzjat mill-programm Phare 2006.

Il-Kummissjoni issa qed tipproponi li testendi d-djalogu tas-soċjetà ċivili għall-pajjiżi kollha tal-Balkani. Apparti l-proposti ppreżentati fil-Komunikazzjoni għall-pajjżi kandidati, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lid-djalogu bejn is-soċjetajiet tal-Balkani tal-Punent. Għandu jitwettaq sforz speċjali biex jitħeġġeġ l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili f’kull pajjiż u kultura ta’ konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili.

--III--

Konklużjonijiet

IL-Kunsill u l-Parlament huma mistiedna li jieħdu nota tal-konklużjonijiet li ġejjin. L-istabilità, is-sigurtà u l-prosperità dejjem akbar tal-Balkani tal-Punent huma prijorità kbira għall-Unjoni Ewropea. Li jikkonfermaw mill-ġdid il-perspettiva Ewropea tagħhom se tkun partikolarment importanti fil-kuntest tal-proċess ta' l-istatus tal-Kosovo u waqt li jiġu indirizzati kwistjonijiet istituzzjonali oħra fir-reġjun .

Il-maġġoranza ta’ l-aġenda konġunta li kien hemm qbil dwarha bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fis-Samit ta’ Tessaloniki ta’ l-2003 ġiet implimentata, u huwa mistenni progress ulterjuri . Sforzi ulterjuri biex l-għanijiet tagħha jimxu 'l quddiem se jwasslu għal benefiċċji addizzjonali. L-aġenda ekonomika u soċjali u r-riformi biex joqorbu lejn l-istandards Ewropej bħalissa huma partikolarment importanti.

- Bħala mezz biex il-kummerċ, l-investiment u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali jimxu 'l quddiem:

- Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni qed jiġu nnegozjati mas-Serbja u l-Montenegro u l-Bożnija u l-Ħerżegovina, u qegħdin qrib li jiġu ffinalizzati ma’ l-Albanija. Il-Miżuri Kummerċjali Awtonomi ġew estiżi sa l-2010.

- Il-Kummissjoni se tipprepara żona ta’ akkumulazzjoni djagonali ta’ oriġini bejn l-UE u l-pajjiżi tar-reġjun li għandhom ftehimiet ta’ kummerċ ħieles magħha, filwaqt li l-inklużjoni fis-Sistema Pan-Ewro-Med tibqa’, bħala t-tieni pass, l-għan strateġiku ta’ l-UE..

- Il-Kummissjoni tappoġġja konklużjoni rapida ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles reġjonali u se tipprovdi pariri u għajnuna teknika għal dan l-għan.

- Il-Kummissjoni se tħejji skeda għall-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ l-Enerġija Komunitarja, li għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel nofs ta’ l-2006

- Il-proċess li jaqa’ taħt il-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar se jerġa’ jinbeda u l-Kummissjoni se tagħti konribut finanzjarju lill-Fond Ewropew għall-Ewropa tax-Xlokk.

- L-għanijiet ta’ l-Aġenda ta’ Liżbona se jkunu riflessi fil-politika ta’ l-UE għar-reġjun u l-pajjiżi huma mħeġġa li jqisuhom fir-riformi u l-pjanijiet tagħhom ta’ ħidma.

- Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja attivitajiet li jippromwovu l-inklużjoni u l-integrazzjoni soċjali u d-djalogu soċjali.

- Fl-2006 l-Kummissjoni se tressaq inizjattivi dwar l-iffaċilitar tal-viża. Miżuri li jiffaċilitaw l-ivjaġġar tar-riċerkaturi u l-istudenti, kif ukoll jiffaċilitaw it-traffiku lokali tal-fruntiera mal-fruntieri li l-UE għandha mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent se jiġu implimentati dalwaqt.

- Boroż ta’ studju pprovduti lil studenti li ggradwaw u dawk li għadhom ma ggradwawx u lir-riċerkaturi mir-reġjun permezz ta’ numru ta’ programmi u istituzzjonijiet iffinanzjati mill-UE se jiżdiedu ulterjorment. Ċittadini u istituzzjonijiet tal-Balkani tal-Punent għandhom jitħeġġu biex iżidu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi tal-Komunità u f’attivitajiet ta’ l-aġenzija tal-Komunità. Partikolarment dawn għandhom jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li se jingħataw fl-2007 bit-tiġdid ta’ ħafna minn dawn il-programmi.

- L-appoġġ għall-bini ta' istituzzjonijiet permezz ta’ ġemellaġġ u l-Għajnuna Teknika u l-Istrument ta’ Skambju ta’ l-Informazzjoni se jissaħħu. Skola reġjonali ġdida għall-Edukazzjoni Ogħla fl-Amministrazzjoni Pubblika għandha tibda l-attività tagħha ta’ taħriġ fl-2006.

- Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandhom fir-rigward tal-kooperazzjoni reġjonali, jagħmluha dejjem aktar, ħaġa tagħhom. Għandu jkun hemm trasferiment progressiv tar-responsabbiltajiet tal-Patt ta' Stabilità għall-korpi bbażati fir-reġjun. Oqsma ta’ prijorità għall-perjodu li ġej huma l-kummerċ, ir-ritorn tar-refuġjati, il-kooperazzjoni parlamentari, l-enerġija, it-trasport, l-ambjent, il-qasam tal-ġustizzja, tal-libertà u tas-sigurtà, u l-ħarsien u l-preżervazzjoni tal-wirt kulturali.

- L-UE għandha tiżgura li l-prijoritajiet politiċi tagħha għall-Balkani tal-Punent jitqabblu minn appoġġ simili taħt il-Perspettivi Finanzjarji li ġejjin. Taħt l-Istrument il-ġdid għall-Għajnuna ta’ Qabel l-Adeżjoni, appoġġ għall-infrastruttura, żvilupp reġjonali u xogħol u politiki soċjali se jkunu disponibbli anki għal kandidati potenzjali permezz tal-komponent ta’ bini istituzzjonali ta’ l- IPA.

- Djalogu tas-soċjetà ċivili li fih il-Kummissjoni tkun involuta ma’ pajjiżi kandidati se jkun estiż għall-Balkani tal-Punent kollha.

[1] Il-pajjiżi koperti mill-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, li huwa l-politika ta’ l-UE għall-Balkani tal-Punent, huma l-Albanija, il-Bożnija u l-Ħerżegovina, il-Kroazja, l- ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, u s-Serbja u l-Montenegro, inkluż il-Kosovo kif definiti fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1244/99.

[2] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1946/2005, 14.11.2005, ĠU L 312/2005.

[3] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 769/2004, tal-21 ta’ April 2004, ĠU L 123/2004.

[4] COM(2004) 627 u 628 finali, 29.9.2004 (L-Artikoli 16 u 21, rispettivament)

[5] Il-Kroazja diġà qiegħda fuq il-lista ta’ bla viża.

[6] Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament Abbozz tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar it-traffiku lokali fuq il-fruntiera fuq il-fruntieri esterni fuq l-art ta’ l-Istati Membri u li jemenda l-Konvenzjoni ta’ Schengen [COM (2005)56, 23.2.2005].

[7] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Tħejjija għas-sehem tal-pajjiżi Balkani tal-Punent fi programmi u aġenziji tal-Komunità” [COM 748(2003), 3.12.2003]

[8] Azzjonijiet skond il-programmi PHARE u CARDS 2005.

[9] Fuq bażi medja annwali.

[10] Il-kooperazzjoni reġjonali fil-kummerċ hija indirizzata hawn fuq.

[11] COM(2005)290 finali, 29.6.2005.