52005DC0718

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew rigward Strateġija Tematika dwar l-Ambjent Urban {SEC(2006) 16} /* KUMM/2005/0718 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 11.1.2006

KUMM(2005) 718 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW rigward Strateġija Tematika dwar l-Ambjent Urban {SEC(2006) 16}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW rigward Strateġija Tematika dwar l-Ambjent Urban

1. DAĦLA

L-inħawi urbani għandhom rwol importanti fit-twettiq tal-miri ta' l-Istrateġija ta' l-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli[1]. Fl-inħawi urbani, id-dimensjonijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali jiltaqgħu bl-ikbar qawwa[2]. Huwa fl-ibliet li jikkonċentraw irwieħhom ħafna problemi ambjentali, imma huma wkoll il-muturi ekonomiċi, il-postijiet fejn isiru l-kummerċ u l-investimenti. Erba' minn kull ħames ċittadini Ewropej joqogħdu fi nħawi urbani, u l-kwalità ta' ħajja tagħhom hija influwenzata direttament mill-istat ta' l-ambjent urban. Ambjent urban ta' kwalità għolja jikkontribwixxi wkoll għall-prijorità ta' l-Istrateġija mġedda ta' Liżbona li 'l-Ewropa ssir post aktar attraenti biex tgħix u tinvesti fih' . L-attrazzjoni tal-bliet Ewropej sejra ssaħħaħ il-potenzjal tagħhom għat-tkabbir u l-ħolqien ta' l-impjiegi, u l-bliet għalhekk għandhom importanza ewlenija għall-implimentazzjoni ta' l-Aġenda ta' Liżbona[3].

Madankollu, it-tħassib dwar l-istat ta' l-ambjent urban ta' l-Ewropa qed jikber. L-isfidi ambjentali li għandhom quddiemhom il-bliet għandhom konsegwenzi sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem, il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini urbani u l-prestazzjoni ekonomika tal-bliet infushom. Is-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali ( is-6 EAP ) għamel sejħa għall-iżvilupp ta' Strateġija Tematika dwar l-Ambjent Urban bil-għan li ' jingħata kontribut għal kwalità mtejba tal-ħajja permezz ta' approċċ integrat li jikkonċentra fuq iż-żoni urbani ' u li jgħin fl-ilħiq ta' 'livell għoli ta' kwalità tal-ħajja u benessri soċjali għaċ-ċittadini, bl-għoti ta' ambjent li fih il-livell tat-tniġġis ma jikkawżax effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent, u bl-inkoraġġament ta' żvilupp urban sostenibbli '.

F'konformità mas-6 EAP , il-Kummissjoni ppreżentat l-analiżi inizjali tagħha ta' l-isfidi li qed jaffrontaw iż-żoni urbani f'Komunikazzjoni interim ,[4] u ssuġġeriet azzjonjiet f'erba' temi prijoritarji: il-ġestjoni urbana, it-trasport sostenibbli, il-kostruzzjoni u d-disinn urban. Dawn l-azzjonijiet jistgħu jinkludu n-normalizzazzjoni tal-prattika t-tajba u obbligi possibbli ta' l-UEħall-adozzjoni tal-pjanijiet fuq il-livell lokali. Saru konsultazzjonijiet wiesgħa mal-partijiet interessati u analiżi komprensiva ta' rotot possibbli għall-progress, u din l-istrateġija tissejjes fuq ir-riżultati tagħhom.

2. L-ISFIDI AMBJENTALI LI GĦANDHOM QUDDIEMHOM IŻ-ŻONI URBANI

Il-parti l-kbira tal-bliet qed jiffaċċjaw sett komuni ta' problemi ambjentali tal-qofol bħalma huma kwalità ħażina ta' l-arja, livelli għoljin ta' traffiku u ffullar, livelli għolja ta' storbju ambjentali, ambjent mibni ta' kwalità baxxa, art żdingata, emissjonijiet ta' gassijiet ta' l-effett tas-serra, it-tferrix tal-bliet, il-ġenerazzjoni ta' l-iskart u ta' l-ilma ta' l-iskart.

Il-kawżi tal-problemi jinkludu tibdiliet fl-istil tal-ħajja (id-dipendenza, li qed tikber, fuq il-karozza privata, iż-żieda fil-għadd ta' unitajiet domestiċi b'persuna waħda biss, iż-żieda fl-użu tar-riżorsi għal kull ras) u tibdiliet demografiċi, li jridu jitqiesu fl-iżvilupp tas-soluzzjonijiet. Dawn is-soluzzjonijiet jeħtiġilhom ikunu orjentati lejn il-ġejjieni, filwaqt li jinkorporaw aspetti tal-prevenzjoni tar-riskji, bħall-antiċipazzjoni tat-tibdil fil-klima (pereżempju aktar għargħar) jew it-tnaqqis progressiv tad-dipendenza fuq l-idrokarboni.

Il-problemi ambjentali fil-bliet huma partikolarment kumplessi, minħabba li l-kawżi tagħhom huma relatati waħda ma' l-oħra. Inizjattivi lokali biex isolvu problema waħda jistgħu jwasslu għal problemi ġodda xi mkien ieħor, u jistgħu ma jaqblux ma ' politiki fuq il-livelli nazzjonali jew reġjonali. Pereżempju, politiki maħsuba biex itejbu l-kwalità ta' l-arja permezz tax-xiri ta' kowċis nodfa jistgħu jitnawru minn tkabbir fl-użu tat-trasport personali b'riżultat ta' deċiżjonijiet dwar l-użu ta' l-art (pereżempju l-bini ta' parkeġġi fiċ-ċentru tal-belt). Ħafna drabi, il-problemi assoċjati ma' ambjent mibni ta' kwalità baxxa jorbtu ma' problemi soċjoekonomiċi aktar profondi.

Hemm rikonoxximent wiesa' li l-awtoritajiet lokali li l-iktar ikollhom suċċess jużaw approċċi integrati fil-ġestjoni ta' l-ambjent urban, billi jadottaw pjanijiet fit-tul u strateġiċi ta' azzjoni, li fihom ikun hemm analiżi dettaljata tal-konnessonijiet bejn politiki u obbligi differenti (ara l-Anness), inklużi dawk f'livelli amministrattivi differenti. Obbligi imposti fuq il-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew Ewropew (pereżempju dwar l-użu ta' l-artijiet, l-istorbju, il-kwalità ta' l-arja), meta jkunu integrati f'qafas strateġiku lokali ta' ġestjoni, jistgħu jiġu implimentati b'effikaċja akbar fuq il-livell lokali.

3. IL-VALUR MIŻJUD TA' L-AZZONI FUQ IL-LIVELL TA' L-UE

L-awtoritajiet lokali għandhom rwol deċiżiv fit-titjib ta' l-ambjent urban. Id-diversità f'dak li jirrigwarda l-istorja, il-ġeografija, il-klima, il-kundizzonijiet amministrattivi u legali, tqajjem il-ħtieġa għal soluzzjonijiet għall-ambjent urban li jkunu ġew żviluppati u mfassla lokalment. L-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, li skondu l-azzjoni għandha tittieħed fuq il-livell l-iktar effikaċi, timplika wkoll l-aġir fuq il-livell lokali.

Madankollu, l-ambjent urban jeħtieġlu azzjoni fuq il-livelli kollha: l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, kif ukoll l-UE, ilkoll għandhom sehem x'jagħtu.

Bosta soluzzjonijiet diġà qegħdin hemm f'ċerti bliet, imma mhumiex imxerrda jew implimentati biżżejjed. L-UE tista' tappoġġa l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali bl-aħjar mod billi tippromwovi l-aħjar prattiki ta' l-Ewropa, tiffaċilita l-użu wiesa’ tagħhom madwar l-Ewropa u tinkoraġġixxi l-ħolqien u ż-żamma tal-kuntatti bejn il-bliet, kif ukoll l-iskambju ta' l-esperjenzi bejniethom. Tista' toffri għajnuna finanzjarja għal investimenti għat-trattament tal-prijoritajiet ambjentali, u tgħin fil-bini tal-kapaċitajiet billi tagħmel disponibbli fondi għar-riċerka u t-taħriġ, billi tiżviluppa l-gwida rilevanti u tħeġġeġ it-twaqqif ta' punti konsultattivi nazzjonali għall-bliet.

Ta' importanza kruċjali li l-Istati Membri jisfruttaw l-opportunitajiet offruti fuq il-livell ta' l-UE, kif enfasizzat f'din l-Istrateġija, għall-ġid ta' l-awtoritajiet lokali. Huma mistiedna wkoll jappoġġjaw l-awtoritajiet lokali biex jilħqu l-għanijiet ta' din l-Istrateġija billi jġibu 'l quddiem il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni mill-qrib bejn il-korpi amministrattivi differenti biex jindividwaw soluzzjonijiet effikaċi għall-bliet u r-reġjuni tagħhom.

Matul l-għadd kbir ta' konsultazzjonijiet li saru, dawk kollha interessati, inklużi l-Istati Membri[5], qablu dwar l-evalwazzjoni tal-problemi ta' l-ambjent urban, il-ħtieġa għall-azzjoni fuq il-livelli kollha u l-valur miżjud ta' l-involviment tal-livell ta' l-UE. Il-Kummissjoni eżaminat diversi għażliet, inkluż is-siwi ta' leġiżlazzjoni li tiżgura li l-ġestjoni integrata sseħħ fuq il-livell lokali (ara l-evalwazzjoni ta' l-impatt). Madankollu, fid-dawl tad-diversità taż-żoni urbani u l-obbligi eżistenti nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll tad-diffikultajiet marbuta ma' l-istabbiliment ta' standards komuni dwar il-kwistjonijiet kollha ta' l-ambjent urban, ġie deċiż li l-leġiżlazzjoni ma tkunx l-aħjar triq għall-ilħiq ta' l-għanijiet ta' din l-Istrateġija. Il-parti l-kbira ta' l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali appoġġjaw dan l-approċċ, u esprimew id-dubji tagħhom dwar kemm hemm ħtieġa għal obbligi vinkolanti ta' l-UE dwar il-ġestjoni ambjentali u l-pjanijiet għat-trasport urban.

4. L-GĦANIJIET TA' L-ISTRATEĠIJA

Il-miżuri offruti taħt din l-Istrateġija għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni aħjar tal-politiki ambjentali u l-leġiżlazzjoni eżistenti ta' l-UE fuq il-livell lokali, billi jappoġġjaw l-awtoritajiet lokali u jinkoraġġixxuhom jadottaw approċċ aktar integrat lejn il-ġestjoni urbana, u billi jistiednu l-Istati Membri jappoġġjaw dan il-proċess u jisfruttaw l-opportunitajiet offruti fuq il-livell ta' l-UE.

Jekk l-Istrateġija tiġi implimentata fil-livelli kollha, fl-aħħar mill-aħħar sejra tikkontribwixxi għat-titjib ta' l-ambjent urban, billi l-bliet tagħmilhom postijiet aktar attraenti u b'saħħithom għall-għajxien, ix-xogħol u l-investiment, u jnaqqsu l-impatt ambjenatli ħażin tal-bliet fuq l-ambjent usa', pereżempju rigward it-tibdil fil-klima.

5. IL-MIŻURI

L-approċċ integrat għall-ġestjoni ambjentali fuq il-livell lokali, u partikolarment għat-trasport, imsejjes fuq il-konsultazzjoni effikaċi ma' dawk kollha kkonċernati, huwa ta' importanza ewlenija għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-leġiżlazzjoni ambjentali, u għall-ilħiq ta' titjib li jdum fil-kwalità u l-prestazzjoni ambjentali. Hemm il-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali jingħatalhom appoġġ fl-adozzjoni ta' dawn il-metodi ta' ġestjoni.

5.1. Gwida dwar il-ġestjoni ambjentali integrata

L-adozzjoni ta' approċċ integrat għall-ġestjoni ta' l-ambjent urban tgħin biex jiġu evitati ta' kunflitti bejn elementi fil-firxa ta' politiki u inizjattivi li japplikaw fiż-żoni urbani, u tgħin fil-ksib ta' viżjoni fit-tul għall-iżvilupp tal-belt. Minbarra l-inizjattivi volontarji ta' l-Aġenda Lokali 21 u l-Impenji ta' Aalborg[6], bosta Stati Membri lleġiżlaw jew implimentaw mekkaniżmi biex jesiġu l-ġestjoni integrata ta' l-ambjent urban[7].

Approċċi integrati jwasslu għal ippjanar aħjar u għal riżultati aktar sinifikanti. Għanijiet definiti ċar, miri, responsabbiltajiet aċċettati, proċeduri għall-monitoraġġ tal-progress, konsultazzjoni pubblika, reviżjoni, verifika u rappurtar: kollha huma kruċjali għall-implimentazzjoni effikaċi tal-miżuri. Bosta bliet li kellhom suċċess implimentaw sistemi ta' ġestjoni ambjentali bħalma huma l- EMAS jew ISO 14001 biex jiżguraw it-twettiq ta' l-għanijiet tal-politika u jipprovdu l-iskrutinju pubbliku fuq il-progress. Huma importanti l-kampanji ta' informazzjoni dwar it-titjib li jkun seħħ (pereżempju l-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità).

Il-Kummissjoni lill-awtoritajiet lokali tirrakkomandalhom bil-qawwa jieħdu l-passi meħtieġa biex jilħqu użu akbar tal-ġestjoni integrata fuq il-livell lokali, u tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jappoġġjaw dan il-proċess.

Fl-2006, l-Kummissjoni sejra tipprovdi l-gwida teknika dwar il-ġestjoni ambjentali integrata, fuq il-bażi ta' l-esperjenzi miksuba u bl-għoti ta' eżempji ta' prattika tajba. Issir referenza wkoll għal-leġiżlazzjoni ambjentali l-iktar rilevanti ta' l-UE, pereżempju d-direttivi dwar l-arja, l-istorbju, l-iskart u l-effiċjenza enerġetika.

5.2. Gwida dwar pjanijiet għat-trasport urban sostenibbli

It-trasport urban għandu impatt dirett fuq it-tniġġis ta' l-arja, l-istorbju, il-konġestjoni u l-emissjonijiet tal-CO2, u huwa ta' importanza fundamentali għaċ-ċittadini u għall-azjendi. L-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet għat-trasport urban f'ċerti Stati Membri huma obbligatorji[8]. Xi bliet jadottaw pjanijiet fuq bażi volontarja biex itejbu l-kwalità tal-ħajja ħalli jikkonformaw irwieħhom ma' standards ta' l-UE biex iħarsu s-saħħa tal-bniedem (pereżempju l-kwalità ta' l-arja).

L-ippjanar effikaċi tat-trasport jitlob viżjoni fit-tul għall-ippjanar tal-ħtiġijiet finanzjarji għall-infrastruttura u l-vetturi, għad-disinn ta' skemi ta' inċentiva għall-promozzjoni ta' trasport pubbliku ta' kwalità għolja, iċ-ċikliżmu u l-mixi fis-sikurezza, u għall-koordinazzjoni mal-pjanifikazzjoni ta' l-użu ta' l-art fil-livelli amministrattivi adatti. L-ippjanar tat-trasport għandu jqis is-sikurezza u s-sigurtà, l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi, it-tniġġis ta' l-arja, l-istorbju, l-emissjonijiet ta' l-gassijiet ta' l-effett tas-serra u l-konsum enerġetiku, l-użu ta' l-art, u jkopri t-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija u l-mezzi kollha tat-trasport. Is-soluzzjonjiet jeħtiġilhom ikunu mfassla apposta, fuq il-bażi ta' konsultazzjoni wiesgħa mal-pubbliku u ma' partijiet oħra kkonċernati, filwaqt li l-miri jeħtiġilhom jirriflettu s-sitwazzjoni lokali. Il-Kummissjoni tirrakkomanda bil-qawwa li l-awtoritajiet lokali jiżviluppaw u jimplimentaw Pjanijiet Sostenibbli għat-Trasport Urban.

Fl-2006, il-Kummissjoni sejra tipprovdi gwida teknika dwar l-aspetti ewlenin tal-pjanijiet tat-trasport, fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonjiet tal-Grupp ta' Ħidma ta' l-Esperti[9] ta' l-2004, u tagħti eżempji ta' l-aħjar prassi.

5.3. Appoġġ għall-iskambju ta' l-aħjar prattika fi ħdan l-UE kollha kemm hi

It-titjib ta' l-aċċess ta' l-awtoritajiet lokali għal soluzzjonijiet eżistenti huwa importanti biex tħallihom jitgħallmu mingħand xulxin u jiżviluppaw soluzzjonijiet adatti għas-sitwazzjonijiet speċifiċi tagħhom. L-informazzoni jeħtiġilha tkun strutturata sew, faċilment disponibbli u appoġġjata mill-esperti rilevanti.

5.3.1. Proġetti għall-ħolqien u ż-żamma tal-kuntatti u għad-demostrazzjoni

L-iskambju ta' esperjenzi bejn l-awtoritajiet lokali li l-Kummissjoni ffinanzjathom taħt il-'Qafas ta' Kooperazzjoni'[10] wera li hemm bosta vantaġġi fil-ħidma flimkien għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet għal kull sitwazzjoni lokali, fuq il-bażi ta' l-esperjenzi u d-diffikultajiet rispettivi tagħhom. Il-Kummissjoni tipproponi li tkompli tappoġġja attivitajiet komparabbli taħt ir-Regolament ġdid LIFE+[11]. Il-Politika ta' Koeżjoni[12] u l-Programm ta' Qafas għar-Riċerka sejrin joffru opportunitajiet simili, kif ukoll proġetti ta' dimostrazzjoni fuq firxa ta' kwistjonijiet dwar l-ambjent urban.

Permezz ta' dawn l-istrumenti, għall-awtoritajiet reġjonali u lokali, il-Kummissjoni sejra toffri l-appoġġ tagħha għall-iskambju tal-prattika t-tajba u għall-proġetti ta' dimostrazzjoni dwar kwistjonjiet urbani. L-Istati Membri, u l-awtoritajiet reġjonali u lokali huma mħeġġa jisfruttaw dawn l-opportunitajiet. |

5.3.2. Netwerk ta' punti fokali nazzjonali dwar il-kwistjonjiet urbani

L-awtoritajiet lokali jirrappurtaw diffikultà fl-aċċess għall-informazzjoni dwar inizjattivi li jkunu taw riżultati promettenti. Ħafna każijiet ta' prattika tajba ma jiġux evalwati indipendentement, u mhumiex aċċessibbli f'post wieħed. Taħt l- URBACT , Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tiffinanzja netwerk preliminari ta' studju ta' punti fokali nazzonali ('Pjattaforma Ewropea ta' l-Għarfien'[13]) maħsub biex jagħti tagħrif strutturat u evalwat dwar kwistjonijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali fiż-żoni urbani, b'risposta għall-mistoqsijiet mill-awtoritajiet lokali.

Il-Kummissjoni sejra tevalwa l-proġett sperimentali (tmiem l-2006) u tqis jekk jistax jintuża bħala element fil-bini ta' "Programm Ewropew ta' qafas għall-iskambju ta' esperjenzi dwar l-iżvilupp urban" taħt il-Politika proposta ta' Koeżjoni 2007-2013. |

5.4. Portal ta' l-Internet tal-Kummissjoni għall-Awtoritajiet Lokali

Bħalissa il-Komunikazzjonijiet, is-sejbiet tar-riċerka, l-istudji u l-gwida rilevanti għall-awtoritajiet lokali jsiru disponibbli minn fuq diversi siti ta' l-internet tal-Kummissjoni, ħaġa li tagħmilha diffiċli li ssib dan it-tip ta' tagħrif.

Bħala parti mill-Pjan ta' Azzjoni għat-titjib tal-komunikazzjoni fl-Ewropa[14], il-Kummissjoni qiegħda tesplora l-iżvilupp ta' portals tematiċi fuq il-websajt Europa, għall-użu ta' ċerti udjenzi speċjalizzati. Portal ikun jista' jipprovdi konnesjonijiet għall-informazzoni kollha rilevanti, u jtejjeb il-fluss ta' l-informazzjoni.

Il-Kummissjoni sejra tevalwa l-fattibbiltà ta' l-istabbiliment ta' portal tematiku għall-awtoritajiet lokali. |

5.5. It-taħriġ

Bosta awtoritajiet lokali esprimew il-ħtieġa għal ħiliet speċifiċi biex jadottaw approċċ integrat għall-ġestjoni, li jinvolvi l-kooperazzoni bejn is-setturi u t-taħriġ fuq il-leġiżlazzjoni ambjentali speċifika, il-parteċipazzjoni effettiva tal-pubbliku u t-tħeġġiġ ta' tibdil fl-aġir taċ-ċittadini.

Il-partijiet ikkonċernati jqisu li t-taħriġ "wiċċ imb'wiċċ'', bl-involviment ta' l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, huwa l-iktar metodu ta' tagħlim li jiswa. Ir-Regolament LIFE+ tal-ġejjieni qed jiġi propost biex jipprovdi l-appoġġ għall-kapaċità lokali biex jgħin fl-implimentazzjoni tal-politika ambjentali. Dan jista' jinkludi programmi għall-iskambju ta' uffiċjali fl-awtoritajiet lokali.

Il-proposta tal-Kummissjoni għall-Fond Soċjali Ewropew[15] toffri wkoll opportunitajiet għat-tisħiħ ta' l-effiċjenza ta' l-amministrazzjonijiet pubbliċi fuq il-livelli reġjonal u lokali.

Il-Kummissjoni sejra tuża r-Regolament il-ġdid LIFE+ flimkien ma' strumenti oħra biex tappoġġja l-bini tal-kapaċitajiet rigward kwistjonjiet tal-ġestjoni urbana għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, u tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jibdew attivitajiet tat-tip. |

5.6. L-użu ta' Programmi Komunitarji oħra ta' Appoġġ

Biex tilħaq għanijietha, l-Istrateġija se jeħtiġilha wkoll tagħmel użu mill-opportunitajiet ippreżentati minn politiki oħra.

5.6.1. Il-Politika ta' Koeżjoni

Il-proposti tal-Kummissjoni għall-Fond ta' Koeżjoni[16] u l-Fondi Strutturali[17] għall-perjodu 2007-2013 jinkludu opportunitajiet sinifikanti ta' għajnuna għat-trattament ta' prijoritajiet ambjentali fiż-żoni urbani (pereżempju l-ġestjoni ta' l-iskart, l-ipproċessar ta' l-ilma ta' l-iskart urban, il-kwalità ta' l-arja, it-trasport pubbliku nadif, l-effiċjenza enerġetika, ir-rijabilitazzjoni ta' l-art kontaminata, u strateġiji integrati għar-riġenerazzjoni urbana).

Il-Kummissjoni tħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri jisfruttaw dawn l-opportunitajiet biex jindirizzaw il-problemi li għandhom quddiemhom iż-żoni urbani, u jagħtu fokus urban adattat lill-Oqfsa Nazzjonali Strateġiċi ta' Referenza. |

5.6.2. Ir-riċerka

L-UE diġà wettqet ħafna riċerka dwar kwistjonijiet urbani[18], u l-azzjonijiet 5.3-5.4 sejrin itejbu t-tixrid tagħha. Il-proposta tal-Kummissjoni għas-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka[19] jgħid li jitqies li aktar riċerka tkun ta' siwi fil-ġestjoni urbana innovattiva, fir-rijabilitazzjoni ta' l-ambjent artifiċjali, inkluż il-wirt kulturali, fir-riskju ambjentali, fl-effiċjenza enerġetika, fil-vetturi nodfa u l-fjuwils alternattivi, fil-mobilità, is-sikurezza u s-sigurtà.

Il-Kummissjoni sejra toffri l-appoġġ tagħha għal aktar riċerka urbana, u sejra tinvolvi attivament lill-awtoritajiet lokali, u tagħmel ħilitha biex il-materjal li ġie żviluppat għall-użu tagħhom tagħmlu disponibbli f'bosta ilsna, biex tiffaċilita l-użu tiegħu fil-livell lokali. |

6. SINERĠIJI MA' POLITIKI OĦRA

Din l-Istrateġija tmiss aktar minn qasam wieħed, għax tkopri bosta midja u kwistjonjiet ambjentali. Sejra tagħti kontribut lejn l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tas-6 EAP u politiki oħra ambjentali, inkluzi l-Istrateġiji Tematiċi l-oħra.

Politiki differenti dwar l-ambjent (il-kwalità ta' l-arja, l-istorbju eċċ.) jesiġu li jitfasslu pjanijiet għat-twarrib. Permezz tat-tqegħid ta' dawn il-pjanijiet fil-kuntest ta' qafas lokali integrat, kif propost f'din l-istrateġija, jistgħu jiġu żviluppati sinerġiji bejn bosta oqsma tal-politika, b'tali mod li jinkisbu riżultati aħjar, sew għall-ambjent kif ukoll għall-kwalità globali tal-ħajja fiż-żona urbana.

6.1. It-tibdil fil-klima

Iż-żoni urbani għandhom sehem importanti x'jagħtu, sew f'li jadattaw irwieħhom għat-tibdil fil-klima, kif ukoll f'li jtaffu l-emissjonjiet tal-gassijiet ta' l-effett tas-serra.

Iż-żoni urbani vulnerabbli għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, bħalma huma l-għargħar, is-sħanat u skarsezzi aktar frekwenti u gravi ta' l-ilma. Il-pjanijiet integrati għall-ġestjoni urbana għandhom jinkorporaw miżuri biex irażżnu r-riskju ambjentali ħalli jippermettu liż-żoni urbani li jkampaw aħjar b'tibdil bħal dan.

Għall-awtoritajiet lokali, it-trasport u l-kostruzzjoni huma oqsma prijoritarji għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet ta' l-effett tas-serra.

L-implimentazzjoni usa' ta' Pjanijiet għat-Trasport Urban Sostenibbli , inklużi miżuri speċifiċi biex jippromwovu vetturi li jkunu enerġetikament effiċjenti u jipproduċu livell baxx ta' emissjonijiet ta' CO2, fil-livell lokali sejra tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet ta' l-effett tas-serra.

Il-kostruzzjoni sostenibbli tejjeb l-effiċjenza enerġetika, bi tnaqqis korrispondenti fl-emissjonijiet ta' CO2. L-Awtoritajiet Lokali jistgħu jippromwovu metodi bħal dawn billi jkabbru l-kuxjenza, jiddefinixxu u jinfurzaw l-istandards kulfejn dan ikun possibbli, u jadottaw l-aħjar prattika għall-bini tagħhom stess u għall-bini li jikkummissjonaw permezz ta' kuntratti pubbliċi li jirrispettaw l-ambjent. F'dan il-kuntest, l-adattament ta' bini eżistenti għandu importanza sinifikanti. Il-Kummissjoni tħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri, kif ukoll lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, biex jiżviluppaw programmi għall-promozzjoni tal-kostruzzjoni sostenibbli fil-bliet tagħhom.

Bil-għan li tippromwovi l-effiċjenza enerġetika u l-użu ta' l-enerġija li tiġġedded fost l-atturi lokali u reġjonali, il-Kummissjoni sejra tissokta wkoll l-użu tal-programm l-Enerġija Intelliġenti – Ewropa[20], b'appoġġ tal- politika enerġetika tagħha. Il- Green Paper dwar l-Effiċjenza Enerġetika[21] tistaqsi jekk id-Direttiva dwar il-Prestazzjoni Enerġetika tal-Bini[22] għandhiex tiġi estiża biex tkopri bini rinovat ta' daqs iżgħar.

Biex tippermetti t-tqabbil tal-bini fi ħdan l-Ewropa kollha kemm hi u tinkoraġġixxi l-iskambju ta' l-aħjar prattiki , il-Kummissjoni tat mandat lill-Organizzazzjoni Ewropea għall-Istandardizzar ( CEN ) biex tiżviluppa metodi għall-evalwazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali integrata tal-bini (lil hinn mill-effiċjenza enerġetika)[23].

6.2. In-Natura u l-Bijodiversità

Id-disinn urban sostenibbli (l-ippjanar adatt ta' l-użu ta' l-artijiet) sejjer jgħin fit-trażżin tat-tifrix tal-bliet u t-telfien tal-ħabitats u l-bijodiversità. Il-ġestjoni integrata ta' l-ambjent urban għandha tgħin politiki dwar l-użu sostenibbli ta' l-artijiet li jevitaw it-tifrix tal-bliet u jnaqqsu l-għata tal-ħamrija, tinkludi l-promozzjoni tal-bijodiverità urbana u tkabbar il-kuxjenza fost iċ-ċittadini urbani.

L-Istrateġija Tematika dwar il-Ħarsien tal-Ħamrija , li qed tiġi żviluppata bħalissa, x'aktarx li sejra tindirizza r-rijabilitazzjoni u l-użu mill-ġdid ta' artijiet mogħtija għall-bini, u l-ippjanar ekonomiku ta' l-użu ta' l-ispazji bil-għan li titnaqqas l-għata tal-ħamrija u li jiġi żgurat l-użu razzjonali tagħha.

6.3. L-Ambjent u l-Kwalità tal-Ħajja

Il-pjanijiet għat-trasport urban sostenibbli sejrin jgħinu fit-tnaqqis tat-tniġġis ta' l-arja u ta' l-istorbju, l-inkoraġġament taċ-ċikliżmu u l-mixi, it-titjib tas- saħħa u t-tnaqqis ta' l-obeżità. L-użu ta' metodi sostenibbli tal-kostruzzjoni sejrin jippromwovu l-konfort, is-sikurezza u l-aċċessibbiltà, u jnaqqsu l-impatti fuq is-saħħa tat-tniġġis ġewwa u barra l-bini, partikolarment mill-partiċelli prodotti mis-sistemi li jsaħħnu l-bini.

Il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-Kwalità ta' l-Arja [24] tesiġi li jiġu stabbiliti pjanijiet kulmeta l-valuri ta' limitu jew jinqabżu jew ikun hemm ċans li jinqabżu. Dawk is-sitwazzjonijiet iseħħu f'bosta bliet, partikolarment f'dak li jirrigwarda t-tniġġis mill-partiċelli (PM10), iġġenerat l-aktar mit-traffiku fit-toroq u mill-impjanti tal-ħruq. Fil-kuntest ta' l-Istrateġija Tematika dwar it-Tniġġis ta' l-Arja[25] tagħha, il-Kummissjoni sejra tikkunsidra miri u miżuri[26] maħsuba għall-kontroll tat-tniġġis mill-partiċelli u mill-ozonu, inklużi miżuri Komunitarji rigward it-trasport, il-vetturi l-ġodda u l-impjanti żgħar tal-ħruq. L-ilħiq ta' l-istandards Komunitarji dwar il-kwalità ta' l-arja jirrikjedi approċċ integrat li jinvolvi l-awtoritajiet tal-bliet. Pjanijiet għat-Trasport Urban Sostenibbli u ġestjoni aktar integrata taż-żona urbana, inkluż it-tisħin distrettwali, jistgħu jgħinu l-bliet jaqdu dawn l-obbligi.

It-trasport għandu rwol kritiku fil-kuntest tat-tibdil fil-klima, tal-kwalità ta' l-arja u ta' l-iżvilupp sostenibbli. Il-Kummissjoni sejra tqis firxa wiesgħa ta' azzjonijiet biex jikkontribwixxu għat-titjib ta' l-ambjent urban, inklużi standards ġodda għall-vetturi ( EURO 5, EURO VI). Sejra tirrifletti wkoll dwar miżuri maħsuba biex jippromwovu l-użu usa' ta' tariffi ddifferenzjati f'żoni ta' sensittività ambjentali, kif ukoll għad-deżinjazzjoni ta' żoni ta' emissjonijiet baxxi b'restrizzjonijiet għat-trasport li jniġġes. Dan l-aħħar il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva dwar kuntratti għall-akkwist ta' vetturi nodfa min-naħa ta' l-awtoritajiet pubbliċi[27].

Bħala parti mir-reviżjoni tal-Politika Komuni dwar it-Trasport[28], il-Kummissjoni sejra tittratta l-ħtieġa għal aktar azzjoni fil-qasam tat-trasport urban, partikolarment billi teżamina r-rwol tal-vetturi privati fil-bliet u l-mezzi kif tista' tittejjeb il-kwalità tat-trasport pubbliku.

Il-Kummissjoni biħsiebha tkompli l-finanzjament ta' l-Inizjattiva CIVITAS [29] li tgħin il-bliet fit-twettiq ta' bidla sinifikanti fit-tqassim modali, fl-inkoraġġiment ta’ l-użu ta' vetturi aktar nodfa u fit-trattament tal-konġestjoni. CIVITAS tappoġġja wkoll it-taħriġ, l-iskambju ta' l-informazzjoni u l-adozzjoni tar-riżultati.

Il-liġi ta' l-UE[30] tesiġi l-mapep akustiċi u l-pjanijiet dwar l-istorbju ambjentali , bil-għan li jitnaqqas l-istrobju f'żoni urbani kbar fejn il-livelli ta' esponiment jistgħu jikkawżaw effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem, u biex jipproteġu l-inħawi kwieti minn żidiet fl-istorbju. Il-Pjanijiet għat-Trasport Urban Sostenibbli sejrin jgħinu l-ilħiq tal-konformità ma' dawn ir-rekwiżiti bl-identifikazzjoni ta' miżuri għall-kontroll ta' l-istorbju kkawżat mit-trasport urban.

6.4. L-Użu Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali

L-Istrateġija Tematika dwar l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali[31] sejra tenfasizza l-importanza ta' l-użu effiċjenti tar-riżorsi naturali, b'tali mod li jitnaqqsu l-impatti ambjentali. Il-ġestjoni urbana mtejba tista' tnaqqas l-impatti ta' l-użu ta' kuljum tar-riżorsi, bħall-enerġija u l-ilma. L-evitar tat-tifrix tal-bliet permezz tad-densità għolja u l-mudelli ta' l-użu ta' l-artijiet għal għanijiet imħallta joffru vantaġġi ambjentali fir-rigward ta' l-użu ta' l-artijiet, it-trasport u t-tisħin, u b'hekk jikkontribwixxu għal anqas użu tar-riżorsi għal kull ras.

Id-Direttiva proposta skond l-Istrateġija Tematika dwar il-Prevenzjoni u r-Riċiklaġġ ta' l-Iskart [32] tiċċara l-obbligu li għandhom l-Istati Membri li jfasslu programmi għall-prevenzjoni ta' l-iskart fuq l-iktar livell ġeografiku adatt. Il-ġestjoni urbana integrata għandha tkopri l-miżuri lokali għall-prevenzjoni ta' l-iskart.

7. IL-BINI TAL-BAŻI TA' L-GĦARFIEN – IL-MONITORAĠĠ TAL-PROGRESS

Id- data urbana aġġornata u aċċessibbli hija meħtieġa għall-monitoraġġ ta' l-effikaċja ta' din l-Istrateġija. Il-Kummissjoni, bl-għajnuna taż-ŻEE u f'kollaborazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, sejra tagħmel ħilitha biex ittejjeb id- data Ewropea dwar kwistjonijiet ta' l-ambjent urban, mingħajr ma żżid il-piżijiet fuq l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali, biex tevalwa l-prestazzjonijiet ambjentali taż-żoni urbani Ewropej fuq medda ta' żmien. Dan se jsir fil-kuntest ta' l- INSPIRE (Infrastruttura għall-Informazzjoni dwar l-Ispazji fl-Ewropa), u fi rbit ma' l-inizjattivi GEO [33] u GMES [34].

Il-Kummissjoni sejra twettaq Verifika Urbana oħra fl-2006, u dik is-sena tippubblika rapport, imsejjes fuq l-indikaturi, li jiddeskrivi l-kundizzjonijiet ta' l-għajxien f'għadd ta' bliet ta' l-UE, u jkopri l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali.

8. KONKLUŻJONI

Il-ħolqien ta' żoni urbani ta' kwalità għolja jitlob li jkun hemm koordinazzjoni mill-qrib bejn politiki u inizjattivi differenti, kif ukoll kooperazzjoni aħjar bejn il-livelli differenti ta' l-amministrazzjoni. L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jgħinu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tal-bliet f'pajjiżhom. Il-miżuri ta' appoġġ li tipprovdi din l-Istrateġija għandhom jagħtu kontribut biex jgħinu lill-awtoritajiet lokali u lill-atturi oħra fl-identifikazzjoni tal-miżuri adatti għas-sitwazzjonijiet partikolari tagħhom, huma u jibbenefikaw mill-iskambju ta' l-informazzjoni fi ħdan l-UE kollha kemm hi. Jistgħu jgħinu wkoll fil-promozzjoni lil hinn mill-UE (pereżempju l-inizjattiva 'Il-Belt Ambjentali' tal-Programm tan-NU dwar l-Ambjent[35]) tal-prattika t-tajba rigward il-ġestjoni ambjentali urbana

L-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-partijiet l-oħra kkonċernati sejrin jiġu mistiedna jressqu l-fehmiet tagħhom regolarment rigward l-impatt tal-miżuri li fiha din l-Istrateġija, kif ukoll fi ħdan eżerċizzju wiesa' ta' konsultazzjoni fl-2009. Dawn il-fehmiet, flimkien mad- data disponibbli dwar il-prestazzjonjiet ambjentali fuq il-livell urban, sejrin jiġu eżaminati bħala parti mir-reviżjoni fl-2010 tas-6 EAP , meta titqies il-ħtieġa ta' aktar miżuri.

ANNEX

- Examples -

Integrated environmental management - Copenhagen Under Danish law, the city of Copenhagen adopted a Local Agenda 21 strategy. Together with several other more specific strategies for different sectors (e.g. traffic, waste, CO2, risks) and Copenhagen's own environmental management system for the entire city (called ‘Dogme 2000’), these constitute Copenhagen’s integrated approach to the management of the city’s environment. The Local Agenda 21 Strategy is not yet fully implemented, but noticeable improvements are reported by the city authority in many environmental challenges including air quality, greenhouse gas emissions, energy use, ecological footprint, recycling and the number of buildings constructed using sustainable construction methods and techniques. The Copenhagen authority also believes that there has been an increase in the city’s competitive advantage as a result, since the city can present its environmental policies and projects to companies interested in relocating there. Properties near to the now cleaner bathing water have seen their rental value rise. Work with ethnic minorities on developing solutions to environmental issues has led to greater social inclusion of these communities and better community relations with the city authority. The authority itself is more efficient at planning and managing the urban environment and the level of staff awareness of environmental issues is higher than before. |

Sustainable Urban Transport Planning - Nantes The 'Plan de déplacements urbains' (PDU) of the Nantes conurbation (24 municipalities and 569 000 inhabitants) was adopted in 2000 under French law. The law set ambitious targets for controlling private car traffic demand (target: a reduction to 50% of all journeys by 2010 from 62% in 2002) and reducing its related emissions (noise, CO2, air pollutants) by developing efficient and clean collective transport systems, managing parking supply and fees, promoting intensive use of cycling and supporting development of travel plans by businesses and public institutions. To date, a 6-7% annual increase in demand for transport has been recorded. The main actions implemented in the PDU are: * complete renewal of the bus fleet (150 vehicles) with natural gas buses which will make it one of the cleanest urban bus fleets in Europe. * funding dedicated extensions of the public transport network (tramway, bus, tram-bus and rail infrastructures) and increasing frequency, accessibility, coordination with other modes and operating hours. * integrated public transport pricing and ticketing for all collective transport networks. * voluntary development of travel plans in cooperation with the major employers of the conurbation (13 to date are signed). * extension and improvement of the cycling network (300km to date) and development of cycle hire services. * integrated parking policy favouring residents, short duration parking for visitors, supervision of parking areas, development of Park and Ride areas (2,500 parking places) close to major railway stations, parking spaces dedicated to bicycles. |

[1] COM(2001) 264

[2] Dan jirriflettih il-Ftehim ta' Bristol: http://www.odpm.gov.uk/index.asp?docid=1162287

[3] COM(2005)330

[4] "Lejn Strateġija Tematika dwar l-Ambjent Urban" COM(2004)60

[5] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' l-14.10.2004.

[6] www.aalborgplus10.dk

[7] Il-Belġju (Flanders), id-Danimarka, Franza, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovenja: leġiżlazzjoni; Ċipru, ir-Repubblika Ċeka: mekkaniżmi ta' kunsiderazzjoni; Ir-Renju Unit: xi elementi

[8] Franza, ir-Renju Unit: leġiżlazzjoni; Ċipru, ir-Repubblika Ċeka: mekkaniżmi ta' kunsiderazzjoni l-Italja: xi elementi

[9] europa.eu.int/comm/environment/urban/pdf/final_report050128.pdf

[10] Id-Deċiżjoni 1411/2001/KE.

[11] COM(2004)621

[12] COM(2004)495

[13] Imexxih il-Ministeru ta' l-Intern Olandiż, bil-parteċipazzjoni ta' 15-il Stat Membru.

[14] SEC(2005)985

[15] COM(2004)493

[16] COM(2004)494

[17] COM(2004)495

[18] Pereżempju 145 proġett 'Il-Belt tal-Ġejjieni u l-Wirt Kulturali'.

[19] COM(2005)119

[20] L-effiċjenza enerġetika fil-bini u l-industrija ( SAVE ), il-koġenerazzjoni tas-sħana u l-enerġija, sorsi ġodda u li jiġġeddu ta' l-enerġija għall-elettriku, is-sħana, il-bijofjuwils ( ALTENER ), l-aspetti enerġetiċi tat-trasport ( STEER ).

[21] COM(2005)265

[22] Id-Direttiva 2002/91/KE

[23] Mandat CEN M/350.

[24] europa.eu.int/comm/environment/air/ambient.htm

[25] COM(2005)446

[26] Dawn il-miżuri sejrin ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ta' l-impatt.

[27] COM(2005) 634

[28] COM(2001)370

[29] www.civitas-initiative.org

[30] Id-Direttiva 2002/49/KE

[31] COM(2005) 670

[32] COM(2005) 667

[33] Il-Grupp dwar l-Osservazzjoni tad-Dinja

[34] COM(2004)65

[35] www.wed2005.org