52005DC0710

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-futur ta' l-Aġenzija Ewropea għar-rikostruzzjoni /* KUMM/2005/0710 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 23.12.2005

KUMM(2005) 710 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

DWAR IL-FUTUR TA' L-AĠENZIJA EWROPEA GĦAR-RIKOSTRUZZJONI

INDIĊI

1. Sfond 3

2. Konsiderazzjonijiet politiċi 4

3. il-futur ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-gĦajnuna ta’ qabel l-adeŻjoni taĦt l-IPA (2007-2013) 4

4. L-aspetti tat-tranżizzjoni 7

4.1. Konsiderazzjonijiet legali u finanzjarji 7

4.2. Materji amministrattivi, ta’ personell u baġitarji 7

5. Konklużjoni 8

1. SFOND

L-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (minn issa’l quddiem imsejjħa l-“EAR”) kienet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2667/2000 tal-5 ta’ Diċembru 2000[1]. Din ġiet imfassla bħala strument biex jappoġġa l-isforzi ta' rikostruzzjoni tal-KE fil-Kosovo, wara l-kriżi fl-1999, u l-Programm ta' l-Għajnuna ta' Emerġenza fis-Serbja wara t-tmiem tar-Reġim ta’ Milosevic fl-2000[2]. Il-mandat tagħha kien estiż għall-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fl-2001 biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-ftehim Ohrid.

Il-kwartieri ta’ l-EAR qiegħed fit-Tessaloniki, u għandha ċentri operazzjonali f’Belgrade (is-Serbja u l-Montenegro-Serbja), Podgorica (is-Serbja u l-Montenegro-Montenegro), Pristina (is-Serbja u l-Montenegro-Kosovo, taħt il-UNSCR 1244) u Skopje (l-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja). In-numru totali ta’ personell fl-EAR hu, fl-2005, 312, li minnhom 114 huma aġenti temporanji u 198 huma aġenti lokali, kollha mħallsa mil-linji operazzjonali tal-baġit.

L-EAR għandha Bord ta’ Governaturi magħmul minn rappreżentanti li ġejjin mill-Istati Membri kollha, żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni, wieħed minnhom President tal-Bord u osservatur mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment. Il-kontroll estern qiegħed f’idejn il-Qorti ta’ l-Awdituri.

B’mod ġenerali l-EAR irnexxielha b’mod effiċjenti twassal l-għajnuna tar-rikostruzzjoni lill-Balkani tal-Punent. Hija kienet għodda effiċjenti u flessibbli aċċettata minn kulħadd b'rekord li juri li waslu ammonti sustanzjali ta' għajnuna.

Ir-Regolament (KE) 2667/2000 kien l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) 2068/2004 tad-29 ta’ Novembru 2004 biex inter alia tiġi estiża l-applikazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2006.

Dan ir-rapport isegwi l-impenn legali tal-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Kunsill dwar il-futur tal-mandat ta’ l-EAR qabel il-31 ta’ Diċembru 2005, kif provdut fl-Artikolu 14 tar-Regolament 2667/2000[3].

2. KONSIDERAZZJONIJIET POLITIċI

L-UE nediet il-Proċess ta’ Stabilità u Assoċjazzjoni (is-SAP), li għandu l-għan li jappoġġa assoċjazzjoni eqreb u adeżjoni eventwali tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. L-Aġenda ta’ Tessaloniki ta’ Ġunju 2003 ikkonfermat li l-politika arrikkita ta’ l-Istabilità u Assoċjazzjoni, inklużi l-Ftehimiet ta’ Stabilità u Assoċjazzjoni, se jikkostitwixxu qafas ġenerali għall-kors Ewropew tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, sa l-adeżjoni tagħhom fil-futur.

Ir-rabta mill-qrib bejn il-proċess politiku, inklużi d-djalogu politiku u l-għajnuna finanzjarja u l-implimentazzjoni tagħha sar kruċjali. Il-preparazzjoni għas-sħubija futura timplika wkoll l-ippreparar tal-pajjiżi benefiċjarji biex jassumu r-responsabbiltà finanzjarja tagħhom għall-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna tal-KE billi progressivament jimxu lejn is-sistemi ta’ implimentazzjoni deċentrallizati, fejn ir-responsabbiltà għall-preparazzjoni tal-programm u l-implimentazzjoni tistrieħ primarjament fuq l-istituzzjonijiet nazzjonali, l-ewwel taħt l-iskrutinju (kontroll ex-ante) mill-Kummissjoni, u finalment taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess.

Barra minn hekk, il-KE trid tkun koerenti bir-rigward ta' l-istrumenti u l-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni li tqiegħed fis-seħħ u tallinja l-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna tal-KE mal-prattiċi kurrenti f’kandidati potenzjali oħra u pajjiżi kandidati u l-esperjenza tat-tkabbir reċenti. Wieħed għandu jinnota, li għal raġunijiet storiċi, l-EAR taħdem biss fis-Serbja u l-Montenegro, inkluż il-Kosovo taħt l-UNSCR 1244, u fl-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, filwaqt li l-għajnuna tal-Komunità għall-pajjiżi l-oħra, il-Kroazja, il-Bożnja u Herzegovina u l-Albanija, bħalissa hi implimentata b’mod direttament ċentralizzat u deċentralizzat, mid-Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni hi mistennija madankollu li takkredita l-awtoritajiet Kroati biex jimmaniġġjaw l-għajnuna b’manjiera deċentralizzata fl-ewwel kwart ta’ l-2006.

M’hemm ebda raġuni’l għala din id-differenza m’għandhiex tinżamm fid-dawl tat-tħejjijiet għas-sħubija fil-futur. Li jinżamm l-istatus quo jistabbilixxi diffikultà biex tkun ġustifikata d-differenza bejn il-pajjiżi u tibgħat messaġġi xejn ċari lill-pajjiżi tar-reġjun.

3. IL-FUTUR TA’ L-IMPLIMENTAZZJONI TA’ L-G Ħ AJNUNA TA’ QABEL L-ADE Ż JONI TA Ħ T L-IPA (2007-2013)

L-aħħar proċess ta’ Tkabbir kien li d-devoluzzjoni (id-dekonċentrazzjoni, id-deċentralizzazzjoni progressiva) lejn id-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-amministrazzjoni nazzjonali tal-pajjiżi benefiċjarji ta' l-istrumenti eżistenti ta' qabel l-adeżjoni kienet suċċess. Dan kien mod effiċjenti biex tgħin lill-pajjiżi benefiċjarji fit-triq ta’ l-adeżjoni billi tintegrahom fil-politiki ta’ l-UE u billi tgħallimhom jimmaniġġjaw l-għajnuna finanzjarja ta’ l-UE b’mod awtonomu bħala parti integrali tal-preparazzjonijiet għall-parteċipazzjoni futura tagħhom fil-fondi strutturali u l-fondi ta’ l-iżvilupp rurali wara l-adeżjoni.

Interlokutur uniku permezz tad-delegazzjonijiet dekonċentrati biex jimplimentaw l- acquis u tiġi mmaniġġjata l-għajnuna għandu vantaġġi importanti. It-triq għal rabtiet eqreb ma’ l-UE u s-sħubija possibbli teħtieġ relazzjoni ta’ kuljum fuq livell lokali u metodu ta’ tagħlim għall-metodi tal-Komunità. Dan hu possibbli biss bil-prossimità u l-appoġġ biex tinħoloq proprjetà fil-pajjiżi. Permezz ta' trasferiment gradwali tar-responsabbiltajiet, il-pajjiżi jiksbu kompetenza biex jieħdu responsabbiltà sħiħa ta' l-immaniġġjar tal-fondi ta’ l-UE, li hi meħtieġa meta jsiru Stati Membri u jkollhom jikkontrollow il-fondi strutturali u l-fondi rurali. Fil-passat dan sar b’suċċess permezz tal-Phare u permezz tad-delegazzjonijiet deċentralizzati. Ir-regolament ta’ l-IPA huwa mfassal b'mod partikolari għal dan il-għan.

Wara l-esperjenza tal-passat u meta wieħed jieħu kont tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Qorti ta' l-Awdituri, il-Kummissjoni tejbet id-dispożizzjonijiet tal-proposta għar-Regolament ta' l-IPA meta pparagunat mad-dispożizzjonijiet kurrenti taħt ir-regolament PHARE, sabiex tappoġġa u tinkuraġġixxi lill-pajjiżi benefiċjarji biex jimxu lejn l-immaniġġjar deċentralizzat ta' l-għajnuna ta’ l-UE u tqarreb l-istrutturi ta' l-immaniġġjar għal dawk li l-pajjiż irid jaffaċċja meta jissieħeb. Fi ħdan l-IPA, ġew maħluqa tliet komponenti speċifċi, jiġifieri għall-iżvilupp reġjonali, l-iżvilupp tar-riżorsi umani u l-iżvilupp rurali (simili għall-fondi strutturali u rurali għall-Istati Membri). Dawn il-komponenti li huma miftuħa biss għall-pajjiżi kandidati jistgħu wkoll ikunu implimentati biss taħt l-immaniġġjar deċentralizzat. Fih innifsu, dan se jistimula lill-pajjiżi eliġibbli taħt l-IPA - bl-appoġġ tal-Kummissjoni - biex jibnu l-amministrazzjonijiet tagħhom biex ikunu eliġibbli għal dawn il-komponenti malajr kemm jista’ jkun wara li jiġu dikjarati pajjiżi kandidati.

Is-saħħa ta’ l-amministrazzjonijiet nazzjonali fil-Balkani tal-Punent tvarja minn pajjiż għal pajjiż, li hi raġuni oħra għall-Kummissjoni biex tkun partikolarment preżenti u qrib tagħhom, tgħinhom, permezz tad-delegazzjonijiet, biex jibnu l-istituzzjonijiet u l-kapaċitajiet meħtieġa għall-immaniġġjar deċentralizzat, filwaqt li jieħdu kont ta' kull sitwazzjoni partikolari.

Ta’ min jenfasizza li l-Qorti ta’ l-Awdituri ikkonkludiet li matul is-snin is-sistemi superviżorji u ta’ kontroll sabiex titwassal l-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni ġew imtejba u dan wassal għal Dikjarazzjoni ta' Assigurazzjoni mill-Qorti għal għajnuna ta' qabel l-adeżjoni fil-kuntest tar-rilaxx tal-baġit ta’ l-2004. Ir-rapport tal-Qorti ta' l-Awdituri ddikjara f'dan il-kuntest li dawn " is-sistemi fil-livell tas-servizzi ċentrali tal-Kummissjoni u d-delegazzjonijiet u l-awtoritajiet ta' ċertifikar kienu bażikament sodi u ħadmu fil-prattika ".

Il-proċess lejn deċentralizzazzjoni sħiħa ta’ l-għajnuna ta’ l-UE lill-pajjiżi benefiċjarji hija waħda mill-għanijiet ewlenin ta’ l-IPA (bħall-PHARE fil-passat). Se jkun proċess ta’ tagħlim għal ħafna snin li ġejjin għall-pajjiżi benefiċjarji, fil-perjodu 2007/2013 ta’ l-IPA. Biex ikun suċċess, dan il-proċess l-ewwel irid jgħaddi minn deċentralizzazzjoni parzjali (b’kontroll ex-ante mid-delegazzjonijiet dwar is-sejħiet għall-offerti u l-kuntratti) għal numru ta' snin bħal pass intermedju. Id-deċentralizzazzjoni parzjali b’kontroll ex ante tista’ tinkiseb fi żmien relattivament qasir ta’ sena jew tnejn kif seħħ fil-każ tal-pajjiżi kandidati. Il-Kroazja per eżempju, fejn il-Kummissjoni bħalissa qed timplimenta l-għajnuna b’mod deċentralizzat mid-delegazzjoni tagħha, diġà se tibda taħdem b’mod parzjali deċentralizzat fl-2006 wara 18-il xahar ta’ preparazzjoni.

Proċess ta’ tagħlim simili lejn l-immaniġġjar sħiħ ta’ l-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni mill-pajjiżi benefiċjarji ma jistax jinkiseb ma’ l-EAR għal għadd ta’ raġunijiet:

L-ewwelnett, l-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna mill-EAR għandha tiġi kkunsidrata bħala forma ta' "immaniġġjar ċentralizzat indirett", fis-sens ta' l-Artikolu 53 (2) tar-Regolament Finanzjarju, li jfisser li ma tistax tiddelega aktar is-setgħat mogħtija lilha mill-Kummissjoni.

It-tieni nett, l-EAR, li twaqqfet qabel id-data ta' l-applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju preżenti (l-1 ta' Jannar 2003), ma tikkorrispondi eżattament għall-ebda waħda mill-entitajiet li lilhom il-Kummissjoni tista’ tafda ċertu ħidmiet skond l-Artikolu 54 tar-Regolament Finanzjarju. Fil-fatt ġiet stabbilita b’Regolament tal-Kunsill daqs li kieku kienet korp tal-Komunità fis-sens ta’ l-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju, imma din tiffunzjona bħala "aġenzija eżekuttiva", li, skond l-Artikolu 55 tar-Regolament Finanzjarju, għandha titwaqqaf mill-Kummissjoni skond l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi. Din is-sitwazzjoni ma setgħetx tinżamm fit-tul u kieku kien deċiż li l-EAR għandha tkompli teżisti, ikollha bżonn li tiġi mibdula f’aġenzija eżekuttiva. Madankollu, l-aġenzija eżekuttiva hi wkoll forma ta’ immaniġġjar ċentralizzat indirett u ugwalment ma tkunx soluzzjoni adatta.

Il-proċess ta’ deċentralizzazzjoni hu proċess ta’ tagħlim ta’ ħafna snin li għandu jibda immedjatament taħt l-IPA. Taħt il-qafas regolatorju preżenti l-uniku strument disponibbli għal dan huwa implimentazzjoni konċentrata ta’ l-għajnuna tal-Komunità mid-Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni.

Għalhekk, il-Kummissjoni qed tipproponi għall-futur Strument għall-Għajnuna ta’ Qabel l-Adeżjoni (“l-IPA”), biex jimplimenta mill-bidu l-għajnuna taħt il-mudell użat għall-proċess ta' adeżjoni preċedenti, i.e. biex jimplimenta l-għajnuna permezz tad-Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni deċentralizzati u biex jipprepara b'mod parallel il-pajjiżi għall-implimentazzjoni deċentralizzata futura fiż-żmien meta s-sistemi ta’ immaniġġjar u kontroll tagħhom ikunu żviluppati biżżejjed biex jilħqu l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 164 tar-regolament finanzjarju, l-ewwel taħt il-kontroll ex-ante tad-Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni u finalment taħt l-awtonomija tagħhom stess. ħat-Turkija u l-Kroazja, dan se jkun diġà l-każ mill-bidu ta’ l-IPA fl-2007 minħabba li t-Turkija illum diġà qed taħdem b'mod deċentralizzat u l-Kroazja hi mistennija li tkun akkreditata dalwaqt.

L-EAR hi issa afdata bl-implimentazzjoni tal-programm CARDS, li jdum sa l-2006. Bħala konsegwenza, f’dan il-kuntest, ikun adatt li l-EAR titneħħa gradwalment, matul perjodu relattivament qasir wara l-2006, sabiex l-EAR tkun tista’ ttemm dan ix-xogħol (jew għall-anqas parti kbira minnu); dan ikun jeħtieġ estensjoni ta’ l-eżistenza tagħha għal sentejn oħra, sal-31 ta’ Diċembru 2008.

4. L-ASPETTI TAT-TRANżIZZJONI

4.1. Konsiderazzjonijiet legali u finanzjarji

Il-ħidma ta’ l-EAR hi li timplimenta l-għajnuna tal-Komunità taħt ir-Regolament CARDS għall-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u s-Serbja u l-Montenegro, inkluż il-Kosovo taħt il-UNSCR 1244, sakemm il-Kummissjoni ddelegat l-implimentazzjoni tal-programmi CARDS rilevanti lill-EAR. Bit-tmiem ta' l-EAR, id-delegazzjonijiet mill-Kummissjoni lil din l-aġenzija ukoll waslu fl-aħħar. Bħala konsegwenza fejn l-implimentazzjoni tal-programmi CARDS rilevanti għadha ma spiċċatx fit-tmiem tad-data ta' l-EAR, se jkun f'idejn il-Kummissjoni li tkompli din l-implimentazzjoni.

F’dak li għandu x’jaqsam ma' partijiet terzi, minħabba li l-EAR taġixxi f'isem il-Komunità Ewropea, se jkun f'idejn il-Komunità Ewropea biex teżerċita direttament id-drittijiet kollha u biex tonora l-obbligi. Minħabba li l-Komunità Ewropea hi rrappreżentata mill-Kummissjoni (l-Art. 282 Trattat tal-KE) ikun f'idejn il-Kummissjoni fil-proċediment legali kollha li tieħu f'idejha r-responsabbiltà ta' l-EAR bħala applikant jew konvenut.

It-temma ta’ l-EAR (tal-personell kontrattwali u l-likwidazzjoni ta’ l-assi) tkun ħidma ta’ l-EAR innifisha. Id-deċiżjonijiet neċessarji jridu jiġu adottati mid-Direttur ta’ l-EAR jew mill-Bord tal-Governaturi, skond il-poteri rispettivi tagħhom.

Arranġamenti dettaljati għat-trasferiment proprja tal-fajls u l-arkivji tas-servizzi tal-Kummissjoni għandu jsir qbil dwaru minn qabel b’arranġament amministrattiv bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u d-Direttur ta' l-EAR.

4.2. Materji amministrattivi, ta’ personell u baġitarji

It-tneħħija gradwali ta’ l-EAR trid tkun akkumpanjata b’introduzzjoni gradwali ekwivalenti ta' l-implimentazzjoni ta' l-għajnuna tal-Komunità b'mod dekonċentrat mid-Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-pajjiżi konċernati. It-trasferiment tar-responsabbiltajiet finanzjarji lill-Kummissjoni jkun jeħtieġ aġġornament tad-Delegazzjonijiet fis-Serbja u l-Montenegro u fl-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Dan ikun jeħtieġ it-twaqqif ta’ uffiċċji f’Podgorica u Pristina.

Filwaqt li jittieħed kont tal-metodu doppju, qed isiru preparazzjonijiet għat-twaqqif ta’ Uffiċċju tal-KE għall-kollegament f’Podgorica li se jkun antenna tad-delegazzjoni tal-KE f’Belgrade.

Minn Settembru 2004, l-Uffiċċju tal-KE għall-Kollegament fil-Kosovo taħt il-UNSCR1244 kien qed jaħdem mill-post ta’ l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni fi Pristina.

It-tfaddilL-iffrankar ta’ spejjeż mill-għeluq ta’ l-attivitajiet ta’ l-EAR fil-Balkani tal-Punent fit-tmiem tal-fażi ta’ tranżizzjoni, i.e. 2009, ikun ekwivalenti għall-ispejjeż amministrattivi supplimentari għad-delegazzjonijiet/uffiċċji, minħabba li jkun hemm ekonomiji fil-linji operazzjonali wara t-tneħħija kompluta ta’ l-EAR. Żieda żgħira tan-nefqa amministrattiva madankollu se sseħħ fl-2007 u l-2008, minħabba l-eżistenza kemm tad-delegazzjonijiet/uffiċċji u l-EAR. Din in-nefqa amministrattiva fl-2009 se tinżel għal livelli simili bħal fl-2006.

5. KONKLUżJONI

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tipproponi, qabel il-31 ta’ Marzu 2006, abbozz ta’ regolament lill-Kunsill bil-għan li:

Titwaqqaf l-EAR, imma titfittex estensjoni għal sentejn, sal-31 ta' Diċembru 2008, bil-mandat u l-istatus kurrenti u gradwalment jitneħħew l-attivitajiet tagħha taħt il-CARDS.

Fl-istess ħin il-Kummissjoni tipprepara l-implimentazzjoni tar-Regolament futur ta' l-IPA b'mod dekonċentrat, permezz tad-Delegazzjonijiet tagħha fil-pajjiżi konċernati, mill-2007.

L-estensjoni tal-mandat ta' l-EAR hu għalhekk intenzjonat biex jippermetti biss lill-EAR tiffinalizza l-programmi CARDS li timmaniġġja bħalissa. L-għan ewlieni hu li jippermetti l-kontinwazzjoni tat-twassil ta’ l-għajnuna mingħajr interruzzjonijiet, l-awqa effiċjenza possibbli u b’infiq effettiv.

Il- phasing-out It-tneħħija progressiv ta’ l-EAR sal-31 ta’ Diċembru 2008 u l-ħolqien fl-istess ħin ta’ delegazzjonijiet/uffiċċji dekonċentrati li jkunu responsabbli għall-implimentazzjoni ta' l-IPA mill-bidu se jagħmel il-preżenza ta' l-UE aktar trasparenti u effiċjenti. Dan hu partikolarment rilevanti għall-Kosovo, fil-kuntest tal-preżenza msaħħa ta’ l-UE fil-futur f’dan it-territorju wara li jitlesta l-istatus finali.

L-estensjoni tal-mandat għal sentejn jippermetti għal trasferiment tar-responsabbiltajiet mill-EAR għas-servizzi tal-Kummissjoni, b'mod partikolari għad-Delegazzjonijiet tagħha, b'mod ordnat. Dan jippermetti lill-EAR li tagħlaq parti kbira tal-proġetti CARDS li jifdal, u kemm jista’ jkun, titrasferixxi l-fajls miftuħa lill-Kummissjoni.

[1] ĠU L 306, tat-7.12.2000, p. 7. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2068/2004 (ĠU L 358, tat-3.12.2004, p. 2).

[2] Il-ħidmiet mitluba għall-Aġenzija biex timplimenta huma definiti fl-Artikolu 2 paragrafu 1 tar-Regolament, kif ġej:

Artikolu 2

1. Sabiex jintaħaq l-għan imsemmi fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1, l-Aġenzija għandha twettaq ix-xogħolijiet li ġejjin, fi ħdan il-limiti tal-poteri tagħha u bi qbil mad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni:

(a) tiġbor, tanaliżża u tikkomunika informazzjoni lill-Kummissjoni dwar:

(i) ħsara, il-ħtiġijiet għar-rikostruzzjoni u r-ritorn tar-refuġjati u l-persuni mitlufa, u inizjattivi relatati meħuda mill-gvernijiet, l-awtoritajiet lokali jew reġjonali u l-komunità internazzjonali;

(ii) il-ħtiġijiet urġenti tal-komunitajiet konċernati, wara li jiġu kunsidrati l-ispostamenti varji fil-popolazzjoni u l-possibiltajiet tar-ritorn ta' dawk mitlufa;

(iii) is-setturi ta' prijorità u ż-zoni ġeografiċi li jeħtieġu assistenza urġenti mill-komunità internazzjonali;

(b) il-preparazzjoni ta' abbozzi ta' programmi għar-rikostruzzjoni tar-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u r-ritorn tar-refuġjati u l-persuni mitlufa skond il-linji ta' gwida mogħtija mill-Kummissjoni;

(c) l-implimentazzjoni ta' l-assistenza Komunitarja msemmija fl-Artikolu 1, kull fejn hu possibbli f'kooperazzjoni mal-popolazzjoni lokali u fejn neċessarju billi jduru għas-servizzi ta' operaturi magħżula permezz ta' sejħa għall-offerti.

[3] L-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2068/2004

Sal-31 ta’ Diċembru 2005 il-Kummissjoni se tirrapporta lill-Kunsill dwar il-futur tal-mandat ta’ l-Aġenzija Ewropea għar-rikostruzzjoni. Kull proposta biex testendi l-Aġenzija wara l-31 ta’ Diċembru 2006 għandha ssir mill-Kummissjoni lill-Kunsill sal-31 ta' Marzu 2006.