52005DC0701




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 23.12.2005

KUMM(2005) 701 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

Rapport ta’ l-2004 dwar il-Phare, il-Pre-Adeżjoni u Strumenti Ta’ Tranżizzjoni {SEG(2005) 1773}

SOMMARJU

Flimkien ma’ żewġ strumenti oħra ffinanzjati mill-Komunitajiet Ewropej, l-aktar l-ISPA (Strument għall-Politiki Strutturali għall-Qabel l-Adeżjoni) u s-SAPARD (Programm Speċjali għall-Adeżjoni għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali), il-Programm Phare għandu l-għan li jgħin lill-pajjiżi kandidati u li se jissieħbu fil-preparazzjonijiet tagħhom biex jidħlu fl-Unjoni Ewropea. Fl-2004, wara l-adeżjoni ta’ l-10 Stati Membri ġodda, il-Phare pprovda appoġġ għall-bqija tal-kandidati, il-Bulgarija u r-Rumanija. It-Turkija kompliet tirċievi appoġġ taħt l-istrument ta’ għajnuna tagħha ta’ qabel l-adeżjoni.

L-għanijiet ta’ l-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni tal-Phare huma li jassistu lill-kandidati u lill-pajjiżi li se jissieħbu fl-isforzi tagħhom biex isaħħu l-amministrazzjonijiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi biex jaħdmu b’mod effettiv fi ħdan l-Unjoni Ewropea, biex jippromwovu l-konverġenza mal-leġiżlazzjoni tal-Komunità Ewropea, biex inaqqsu l-bżonn għal perjodi tranżizzjonali u biex jippromwovu l-Koeżjoni Soċjali u Ekonomika (l-ESC).

L-ipprogrammar kien ibbażat fuq il-Linji Gwida tal-Phare li ġew riveduti fl-2004 sabiex jakkumpanjaw aktar l-allinjament tal-Regolament Kooperazzjoni bejn il-Fruntieri (CBC) ma’ l-INTERREG, biex jakkomoda l-istrateġija unika meħtieġa fil-qasam tas-sigurtà nukleari u biex jenfasizza t-tranżizzjoni għal Sistema ta’ Implimentazzjoni Deċentralizzata Estiża (l-EDIS).

L-ipprogrammar u l-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni lit-Turkija, fil-parti l-kbira rriflettew il-proċeduri u l-kontenut ta’ l-appoġġ Phare. Sabiex tipprepara għall-istrateġija deċentralizzata ta’ l-immaniġġjar tal-programm stabbilit taħt il-Fondi Strutturali, il-Kummissjoni Ewropea intensifikat aktar l-appoġġ lill-Bulgarija u r-Rumanija biex tippermetti trasferiment supplimentari tar-responsabilità għall-immaniġġjar u l-implimentazzjoni tal-programmi Phare lill-awtoritajiet nazzjonali.

Dan ir-rapport fih ukoll informazzjoni dwar il-Faċilità ta’ Tranżizzjoni għall-Istati Membri ġodda li ġie introdott biex jippermetti għat-tkomplija ta’ l-appoġġ fil-bini ta’ l-istituzzjonijiet bil-għan li tissaħħaħ u tiġi kkonsolidata l-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva biex timplimenta l- acquis communautaire . L-ipprogrammar huwa bbażat fuq bżonnijiet identifikati fir-Rapport ta’ Kontroll Komprensiv tal-Kummissjoni (Novembru 2003).

1. IS-SENA ANALIZZATA

1.1. Evoluzzjonijiet ewlenin tal-Proċess tat-Tkabbir fl-2004

Fl-1 ta’ Mejju 2004, l- Ewropa ta’ 25 saret realtà. L-adeżjoni ta' 10 Stati Membri ġodda ma' l-Unjoni Ewropea kienet l-akbar tkabbir li qatt sar fl-istorja ta' l-Unjoni.

Ċertament, il-proċess tat-tkabbir se jkompli. Fis-6 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni adottat fil- pakkett tat-tkabbir tagħha li jinkludi rapporti dwar il-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija, dokument ta’ strateġija dwar it-tkabbir u valutazzjoni ta’ l-impatt dwar kwistjonijiet li jfiġġu mill-perspettiv tas-sħubija tat-Turkija.

In-negozjati ta’ l-adeżjoni ntemmu mal- Bulgarija u r-Rumanija biex jippermettu liż-żewġ pajjiżi sabiex jissieħbu fl-UE fl-2007. Il-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru approva l-għeluq tan-negozjati bil-għan li jiġi ffirmat it-Trattat ta' l-Adeżjoni malajr kemm jista' jkun fl-2005.

Fid-dawl tar-rakkomandazzjoni mwassla mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Ottubru 2004, il-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru ddeċieda wkoll li jiftaħ negozjati ta’ l-adeżjoni mat- Turkija f’Ottubru 2005. Id-deċiżjoni ttieħdet fid-dawl tal-progress fuq ir-riformi miksuba mit-Turkija u bil-kundizzjoni li l-partijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni jidħlu fis-seħħ u l-Protokoll li jestendi l-Ftehim ta' Ankara għall-Istati Membri ġodda jkun iffirmat qabel il-ftuħ tan-negozjati[1].

Fl-20 ta’ April 2004, il-Kummissjoni rrakkomandat il-ftuħ tan-negozjati tad-dħul mal- Kroazja . Il-Kunsill Ewropew ta' Ġunju, li hu bbażat fuq din id-deċiżjoni, iddeċieda li jsejjaħ konferenza intergovernattiva bilaterali mal-Kroazja, kmieni fl-2005 sabiex jibdew in-negozjati[2].

Rigward l-iffinanzjar, fid-29 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni pproponiet, flimkien mal-proposti tagħha dwar il-perspettivi finanzjarji għall-2007-2013, it-twaqqif ta’ strument għall-għajnuna għal qabel l-adeżjoni (l-IPA) biex jissostitiwixxi l-Phare, l-ISPA, is-Sapard u l-CARDS, u jkopri l-applikanti attwali u futuri. Fi ħdan l-istess deċiżjoni ġie propost li jitwaqqaf programm tal-ġirien madwar il-fruntieri esterni ta’ l-UE u l-pajjiżi kandidati, li jinvolvi l-kooperazzjoni Phare bejn il-fruntieri, l-iffinanzjar TACIS u Interreg. Għall-perjodu 2004-2006, il-Kunsill stabbilixxa metodu ġenerali għar-riallokazzjoni tar-riżorsi li kienu disponibbli taħt is-Sapard u l-ISPA. Bħala parti mill-istrateġija ta’ qabel l-adeżjoni għall-Kroazja, il-Kummissjoni pproponiet li tippermetti lil dak il-pajjiż aċċess għat-tliet strumenti eżistenti ta’ qabel l-adeżjoni.

1.2. Konklużjonijiet ewlenin tal-Kunsilli Ewropej ta’ l-2004

Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tas-17-18 ta’ Ġunju 2004:

Il-Kunsill Ewropew enfasizza li l- Bulgarija u r-Rumanija huma parti integrali mir-rawnd ta’ tkabbir li għaddej u fakkar li l-prinċipji ta’ gwida li applikaw għan-negozjati ta’ l-adeżjoni ma' l-għaxar Stati Membri ġodda għandhom ikomplu japplikaw għall-Bulgarija u r-Rumanija, li huma parti mill-istess proċess ta' tkabbir inklusiv u irriversibbli.

Il-Kunsill Ewropew laqa’ l-progress sinifikanti li għamlet it- Turkija fil-proċess ta' riforma, inkluż emendi kostituzzjonali importanti u wiesa' adottati f'Mejju kif ukoll sforzi sostenuti tal-Gvern Tork biex jilħaq il-kriterji politiċi ta' Kopenhagen. L-Unjoni tafferma mill-ġdid l-impenji tagħha li jekk f'Diċembru 2004 il-Kunsill Ewropew jiddeċiedi li t-Turkija tissodisfa l-kriterji ta' Kopenhagen, l-UE tiftaħ in-negozjati ta' l-adeżjoni mat-Turkija mingħajr dewmien.

Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tal-4-5 ta’ Novembru 2004:

Il-Kunsill Ewropew sema’ preżentazzjoni mill-President tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir- Rapporti tal-Progress , id- Dokument ta’ Strateġija dwar it-Tkabbir u r- Rakkomandazzjonijiet rigward l-Istati kandidati kif ukoll l-istudju dwar kwistjonijiet li jfiġġu mill-perspettiva tas-sħubija tat-Turkija ppubblikata mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Ottubru 2004.

Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tas-16-17 ta’ Diċembru 2004:

Il-Kunsill Ewropew laqa’ s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni fis-6 ta' Ottubru 2004 fir-rapport regolari tagħha dwar il-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija, id-dokument ta' strateġija dwar it-tkabbir, ir-rakkomandazzjonijiet dwar it-Turkija u l-assessjar ta' l-impatt dwar kwistjonijiet li jfiġġu mill-perspettivi tas-sħubija tat-Turkija.

Il-Kunsill Ewropew fakkar li l-kapaċità ta’ l-Unjoni li tassorbi membri ġodda, filwaqt li żżomm il-momentum ta' l-integrazzjoni Ewropea, hi kunsiderazzjoni importanti fl-interess ġenerali kemm ta' l-Unjoni kif ukoll tal-pajjiżi kandidati.

Il-Kunsill Ewropew ikkunsidra li l- Bulgarija tkun kapaċi tassumi l-obbligi kollha tas-sħubija fiż-żmien previst tas-sħubija, sakemm tkompli l-isforzi tagħha għal dak l-iskop u ttemm b'suċċess u fil-ħin ir-riformi kollha neċessarji u l-impenji li ħadet fl-oqsma kollha ta' l- acquis . Klawsoli ta’ salvagwardja se jipprovdu għal miżuri biex jindirizzaw problemi serji li jistgħu jfiġġu qabel l-adeżjoni jew fit-tliet snin wara l-adeżjoni.

Il-Kunsill Ewropew innota b’sodisfazzjon li l-progress li sar mir- Rumanija fl-implimentazzjoni ta’ l- acquis u l-impenji li daħlet għalihom rigward, b'mod partikolari, il-Ġustizzja u l-Intern u l-Kompetizzjoni, għamluha possibbli li jingħalqu formalment il-kapitoli kollha pendenti ma’ dan il-kandidat fl-14 ta’ Diċembru 2004 u minħabba dan jistenna l-mument li jilqagħha bħala membru f'Jannar 2007.

Il-Kunsill Ewropew fakkar fil-konklużjonijiet preċedenti tiegħu dwar it- Turkija , li fihom, f’Helsinki, qabel li t-Turkija kienet Stat kandidat destinat li jingħaqad ma' l-Unjoni fuq il-bażi ta’ l-istess kriterji kif applikati mill-Istati kandidati l-oħra . Talab lill-Kunsill li jaqbel fuq qafas għan-negozjati, biex jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni, bil-għan li jinfetħu n-negozjati fit-3 ta' Ottubru 2005.

Il-Kunsill Ewropew qabel li n-negozjati għall-adeżjoni ma' Stati kandidati individwali jkunu bbażati fuq qafas għan-negozjati . Kull qafas, li se jkun stabbilit mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni se jqiis l-esperjenza tal-ħames tkabbir u l- acquis li qed tevolvi u se jindirizza elementi serji skond il-meriti tal-pajjiżi kandidati nfushom u s-sitwazzjonijiet u l-karatteristiki speċifiċi.

2. PROGRAMMAR U IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMMI: ĦARSA ĠENERALI

2.1. Il-Phare u l-Pre-Adeżjoni għat-Turkija u l-Pakkett Speċjali ta' Għajnuna għall-Parti ta' Fuq ta' Ċipru

Mill-2004, it-tmien pajjiżi ta’ l-Ewropea Ċentrali u tal-Lvant u ż-żewġ pajjiżi Mediterranji li daħlu fl-UE fl-1 ta' Mejju 2004 ma baqgħux jieħdu l-benefiċċji ta' l-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni. Madankollu, mekkaniżmu speċjali tal-Phare ta' phasing-out għal perjodu massimu ta' 15-il xahar kien stabbilit sabiex jippermetti tranżizzjoni organizzata tar-rwol tad-delegazzjonijiet ta' l-UE fl-immaniġġjar tal-programmi Phare lill-awtoritajiet nazzjonali.

Il-Bulgarija u r-Rumanija kienu l-uniċi benefiċċjarji taħt il-Phare fl-2004.

Il-Linji Gwida attwali tal-Phare jiddikjaraw li madwar 65% tar-riżorsi tal-Phare huma mmarkati għall-bini ta' l-istituzzjonijiet u investimenti assoċjati (li minnhom, minimu ta’ 30 fil-mija għall-IB). L-istrumenti ewlenin għall-bini ta’ l-istituzzjonijiet u t-trasferiment tat-tagħrif huma t- Twinning u t- Twinning Light. Dawn jinvolvu l-issekondar ta’ l-esperti mill-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri għal dawk f’pajjiżi kandidati biex jgħinu l-iżvilupp tal-kapaċità li jiġu implimentati aspetti speċifiċi ta' l- acquis . Massimu ta’ 35% huwa allokat għal investimenti mfassla biex jippromwovu l-koeżjoni ekonomika u soċjali (ESC).

Marra mill-Programmi Nazzjonali u l-elementi CBC iffinanzjati taħt il-Phare, saru numru ta’ programmi orizzontali li jinvolvu numru ta' pajjiżi. Dawn il-programmi koprew is-sigurtà nukleari, il-kooperazzjoni fl-istatistika u l-parteċipazzjoni fl-Aġenziji, faċilità ta’ netwerk, operazzjonijiet TAIEX u programm ta’ informazzjoni u komunikazzjoni.

It-Turkija tibbenefika mill-istrument tagħha ta’ qabel l-adeżjoni u, permezz ta' dan, mill-programmi orizzontali li jinvolvu numru ta' pajjiżi. Il-programm ta’ l-2004 ta’ għajnuna finanzjarja ta’ qabel l-adeżjoni għat Turkija ffoka prinċipalment fuq l-indirizzar tal-kriterji ta’ Copenhagen, l-approssimazzjoni ma' l- acquis , it-tisħiħ ta' l-amministrazzjoni pubblika, il-ġustizzja u l-intern u l-koeżjoni soċjali u ekonomika. Il-programm jinkludi wkoll ko-finanzjament għall-kontribuzzjoni tat-Turkija biex tipparteċipa fis-sitt Qafas ta' Programm u l-programmi edukattivi tal-Komunità.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pakkett Speċjali ta’ Għajnuna ta’ l-2003 għall-parti ta’ fuq ta’ Ċipru ġie emendat fil-11 ta’ Awwissu 2004 (Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004)3030) sabiex jiffoka mill-ġdid il-programm ta’ għajnuna wara r-riżultat tar-referenda ta’ April 2004 billi jżid l-allokazzjoni ta’ l-għajnuna TAIEX u għall-istudji ta' possibbiltà. L-għajnuna taħt dan il-programm hija mmaniġġjata b'mod ċentrali mill-Kummissjoni. Sa l-aħħar ta’ l-2004, il-kuntratti ġew iffirmati mill-UNDP, mill-Kunsill Brittaniku u l-Kunsill Brittaniku għal ammont totali ta' €10.3 miljuni.

L-iffinanzjar fl-2004 kien skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Kopenhagen li approva l-pjan rivedut għall-Bulgarija u r-Rumanija kif ukoll it-trasferiment ta’ għajnuna għat-Turkija għal Intestatura 7 (pre-adeżjoni).

L-impenji tat-tħaddim totali tal-Phare ammontaw għal €757.7 miljun li inkludew:

Programmi Nazzjonali | €577.8 miljun |

L-għeluq ta' Reattur Nukleari (Kozloduy) | €85.0 miljun |

Kooperazzjoni Bejn il-Fruntieri | € 64 miljun |

Programmi Orizzontali/Jinvolvu numru ta’ pajjiżi | €28.4 miljun |

(N.B. It-2.5 miljun € li jifdal jirrappreżentaw l-impenji Phare għall-Fondazzjoni Ewropea tat-Taħriġ immaniġġjata taħt il-qasam ta' politika Edukazzjoni u Kultura.)

Il-programmi nazzjonali tqassmu kif ġej:

Il-Bulgarija | €172.5 miljun |

Ir-Rumanija | €405.3 miljun |

Sar qbil dwar il-programm ta' għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni għat-Turkija:

It-Turkija | €245.9 miljun |

Dan jinkludi l-Programm Nazzjonali (€236.7 miljun), kif ukoll miżuri orizzontali inklużi TAIEX u appoġġ għall-infiq.

Informazzjoni dettaljata dwar il-Phare f’kull pajjiż u għajnuna finanzjarja ta’ qabel l-adeżjoni tinsab fl-Anness - Parti I: Sezzjoni tal-pajjiż - għal dan ir-rapport.

2.2. Il-Faċilità ta’ Tranżizzjoni

L-għaxar pajjiżi li kienu jirċievu l-għajnuna finanzjarja ta' qabel l-adeżjoni taħt il-Phare (jew faċilitajiet speċifiċi ta' qabel l-adeżjoni fil-każ ta' Ċipru u Malta) minflok ibbenefikaw għall-ewwel darba fl-2004 minn Faċilità ta’ Tranżizzjoni għall-bini ta’ istituzzjonijiet, immirati li jippermettu l-Istati Membri ta’ dak iż-żmien, li jsaħħu u jikkonsolidaw il-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva biex tiġi implimentata l- acquis communautaire u b’hekk jitkomplew il-miżuri ta' bini ta' istituzzjonijiet mibdija taħt il-Phare.

Il-Faċilità ta’ Tranżizzjoni ġiet maħluqa bl-Artikolu 34 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni, bħala strument finanzjarju temporanju ta’ qabel l-adeżjoni. L-ipprogrammar huwa bbażat fuq il-bżonnijiet identifikati fir-Rapport Komprensiv ta’ Kontroll tal-Kummissjoni (Novembru 2003). L-Artikolu jagħti lista mhux eżawrenti ta’ eżempji ewlenin ta’ l- acquis fejn jistgħu jippersistu n-nuqqasijiet, imma wkoll jeskludi kull qasam li hu eliġibbli għall-iffinanzjar taħt il-Fondi Strutturali. Fatt li jirrifletti kontinwità ma’ l-appoġġ għall-Bini ta’ l-istituzzjonijiet iffinanzjat bil-Phare, parti minn kull envelop annwali tal-Faċilità ta’ Tranżizzjoni ġie allokat għal ċertu programmi multi-benefiċjarji.

L-impenji totali ammontaw għal €189.6 miljun, li jinkludu:

Programmi Nazzjonali | €166.6 miljun |

Programmi Orizzontali u li jinvolvu Numru ta’ Pajjiżi u oħrajn | €23.0 miljun |

Il-programmi nazzjonali ġew imqassma kif ġej:

Ċipru | €9 miljun |

Ir-Repubblika Ċeka | €17.1 miljun |

L-Estonja | €8.4 miljun |

L-Ungerija | €18.4 miljun |

Malta | €11.8 miljun |

Il-Latvja | €6.7 miljun |

Il-Litwanja | €22.4 miljun |

Il-Polonja | €49.9 miljun |

Is-Slovenja | €8.7 miljun |

Is-Slovakkja: | €14.2 miljun |

2.3. Koordinazzjoni ta' l-Għajnuna tal-Komunità ta' Qabel l-Adeżjoni

Is-SAPARD [3] (Programm Speċjali ta’ l-Adeżjoni għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali) għandu l-għan li jgħin lill-pajjiżi kandidati jitrattaw il-problemi ta’ l-aġġustament strutturali fis-setturi agrikoli tagħhom u fl-oqsma rurali, kif ukoll fl-implimentazzjoni ta’ l- acquis communautaire rigward is-CAP (Il-Politika Komuni Agrikola) u l-leġiżlazzjoni relatata. Informazzjoni dettaljata dwar l-attivitajiet tas-SAPARD jinsabu fuq ir-rapport annwali tas-SAPARD għall-2004.

L-ISPA [4] (Istrument għall-Politiki Strutturali għall-Qabel l-Adeżjoni) huwa prinċipalment dirett lejn l-allinjament tal-pajjiżi applikanti fuq l-istandards ta’ l-infrastruttura tal-Komunità. Jiffinanzja wkoll infrastruttura tat-trasport u ambjentali ewlenija. Informazzjoni dettaljata dwar l-attivitajiet ta’ l-ISPA jinsabu fuq ir-rapport annwali ta’ l-ISPA għall-2004.

Il- Kumitat tal-Koordinazzjoni tal-Kummissjoni għat-3 strumenti ta' qabel l-adeżjoni, imwaqqaf fuq livell ta’ Diretturi, iltaqa’ darba fl-2004.

Dokument ta’ Għajnuna Ġenerali, li permezz tiegħu l-Kummissjoni informat lill-Kumitat għall-Immaniġġjar tal-Phare bil-koordinazzjoni ta’ l-għanjnuna ta’ qabel l-adeżjoni fl-2004, ġie ppreżentat lill-Istati Membri fil-Kumitat għall-Immaniġġjar tal-Phare fl-10 ta’ Ġunju 2004. B’mod partikolari, dan id-dokument ipprovda allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi għas-sena, għal kull pajjiż, f’relazzjoni mat-tliet strumenti, informazzjoni fuq il-koordinazzjoni ma’ l-EIB u l-IFIs u dwar progress u perspettivi għall-immaniġġjar deċentralizzat. Rapport annwali separat dwar il-koordinazzjoni ta’ l-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni jipprovdi informazzjoni aktar dettaljata dwar il-koordinazzjoni bejn il-Phare, l-ISPA u s-SAPARD.

2.4. Kooperazzjoni mal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment (l-EIB) u l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (l-IFIs)

Bħal fis-snin preċedenti, il-Kooperazzjoni ma’ l-EIB u l-IFIs l-oħra, fl-2004, kompliet taħt il-qafas tal-Memorandum ta’ Ftehim dwar il-kooperazzjoni fl-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni.

Is-Servizzi tal-Kummissjoni perjodikament jorganizzaw laqgħat ma’ l-EIB u l-IFIs l-oħra biex jikkoordinaw kwistjonijiet relatati ma’ l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni, kif ukoll kwistjonijiet proċedurali. Fid-dawl ta’ l-organizzazzjoni tat-tranżizzjoni mill-appoġġ ta’ qabel l-adeżjoni għal sħubija sħiħa fl-UE ta' pajjiżi li ssieħbu f’Mejju 2004, il-Kummissjoni, fis-26ta’ Marzu 2004, ippresediet ukoll il-Grupp ta’ Ħidma KE/IFI, kif ukoll il-Grupp ta’ Livell Għoli KE/IFI, li jikkonsistu f’laqgħat fuq livell għoli ta’ mmaniġġjar bejn il-KE u l-IFIs kollha.

Minħabba l-fatt li proġetti kbar ta’ infrastruttura li b’mod komuni huma suġġetti għall-kofinanzjament internazzjonali huma issa ffinanzjati taħt l-ISPA, il-ko-finanzjament taħt il-Phare kien limitat.

L-istrument ewlieni ta’ kofinanzjament fl-2004 kien mill-ġdid il-Faċilità ta’ l-SME li fiha l-EIB, l-EBRD u l-Bank ta’ l-Iżvilupp tal-Kunsill ta' l-Ewropea /il-KfW qed jipparteċipaw. L-għan huwa li jkompli jiġi kofinanzjat l-bini tal-kapaċità tas-settur finanzjarju biex jiġi żviluppat l-iffinanzjar għall-SMEs (permezz tal-Faċilità ta’ l-SME) u l-muniċipalitajiet (permezz tal-Faċilità tas-Self għall-Muniċipalità). Għal aktar dettalji dwar dawn il-faċilitajiet, ara d-dettalji fil-Parti II ta’ l-Anness.

3. IMMANIġġJAR TAL-PROGRAMM

3.1. Nersqu lejn Sistema ta’ Implimentazzjoni Deċentralizzata Estiża (l-EDIS)

Il-kunċett tal-proċess ta’ akkreditazzjoni EDIS hu li jiffaċilita d-deċentralizzazzjoni sħiħa ta’ l-immaniġġjar u l-implimentazzjoni tal-fondi ta’ l-UE lill-amministrazzjonijiet tal-pajjiżi kandidati. Meta l-EDIS tinkiseb b’mod sħiħ, il-Kummissjoni ma tibqax teżerċità kontroll sistematiku ex-ante fuq tranżazzjonijiet individwali, imma hi limitata għal kontroll ex-post , filwaqt li żżomm ir-responsabilità finali ġenerali għall-eżekuzzjoni ġenerali tal-baġit.

Rigward l-10 stati membri ġodda, l-obbligu li jkun hemm l-EDIS fis-seħħ sad-data ta’ l-adeżjoni kien inkluż fl-Att ta’ l-Adeżjoni (l-Artikolu 33) u pprovda impetus ċar għall-pajjiżi li dak iż-żmien kienu se jissieħbu biex itemmu l-preparazzjonijiet finali sabiex dan jinkiseb. Bħala riżultat ta’ dan, il-preparazzjonijiet għall-EDIS intemmu fil-pajjiżi ta’ l-10 Stati Membri l-ġodda matul l-2004. Sa l-aħħar ta’ l-2004, l-EDIS ġiet formalment mogħtija - fil-forma ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tneħħi kontroll ex-ante fuq l-immaniġġjar tal-fondi ta’ qabel l-adeżjoni - lil 9 minn 10 Stati Membri ġodda ( Cipru, r-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Latvja, Malta, is-Slovakkja u s-Slovenja ). Il-Polonja kienet l-uniku Stat Membru ġdid li ma rċeviet l-akkreditazzjoni EDIS fl-2004, minkejja li kienet mistennija deċiżjoni fl-ewwel ġimgħat ta’ l-2005[5]. Dettalji rigward id-Deċiżjoni EDIS f’kull wieħed mill-10 stati membri ġodda jinsabu f’punt 1 ta’ kull sezzjoni tal-pajjiż.

Għall-Bulgarija u r-Rumanija, is-sitwazzjoni fl-aħħar ta’ l-2004 kienet kif ġej: kemm il- Bulgarija kif ukoll ir- Rumanija kienu temmew l-1 Stadju ta' l-EDIS (Assessjar tad-Differenza) u mxew għat-2 Stadju (Tnaqqis tad-Differenza), bil-għan li l-EDIS jitmexxa matul l-ewwel nofs ta’ l-2006. Il-Kummissjoni u l-amministrazzjonijiet nazzjonali f’dawn il-pajjiżi komplew jikkontrollaw il-proċess permezz ta’ Gruppi ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli (HLWG), imwaqqfa fl-2002 fil-pajjiżi kollha tal-Phare biex jissorveljaw u jipprovdu għajnuna għat-tranżizzjoni għall-EDIS.

It- Turkija mxiet għal DIS (sistema ta’ implimentazzjoni deċentralizzata) f’Ottubru 2003, bil-mira indikattiva li tipproċedi għall-EDIS fl-2007.

3.2. Kontroll u Valutazzjoni

Il-funzjoni tal-kontroll u l-valutazzjoni għandha l-għan li l-ewwel nett tissorvelja u tevalwa l-effettività ta’ l-appoġġ finanzjarju mogħti lill-pajjiżi benefiċjarji fil-kisba ta’ l-għanijiet tagħhom ta’ qabel l-adeżjoni billi jevalwaw il-ħidma fil-programm u jieħdu tagħlimiet minnu. It-tieni għan hu li jkun hemm appoġġ għall-iżvilupp tal-kontroll lokali u valutazzjoni tal-kapċità bħala mezz biex tissaħħaħ il-kapaċità ta’ l-istati biex jimmaniġġjaw u jikkontrollaw l-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni.

3.2.1. Evalwazzjoni ex ante

Matul l-2004, id-diskussjonijiet dwar l-evalwazzjoni ex-ante interna ta’ l-2003 ta' l-eżerċizzju tal-mekkaniżmi għall-ipprogrammar għall-Phare fl-2004 u wara, komplew u ffokaw fuq l-unika sett ta' rakkomandazzjonijiet li għadhom pendenti, li huma l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi tal-kontroll tal-kwalità aktar sistematiċi u formali.

3.2.2. Kontroll u Valutazzjoni Temporanja

Fl-2004, l-iskema ta’ valutazzjoni temporanja esterna ġġeneraw madwar 45 rapport ta' valutazzjoni li jinkludu pajjiżi individwali, settorali, ad-hoc jew tematiċi li jkopru l-Phare u miżuri ta’ strumenti finanzjarji oħra ta’ qabel l-adeżjoni, kif ukoll Sommarju ta' Rapport Konsolidat ta' għajnuna Phare allokata fl-1999-2002 u implimentata sa Novembru 2003.

Azzjonijiet konkreti f’dan il-qasam inkludew: it-tlestija ta' gruppi ta’ ħidma għat-tfassil tal-programm/proġett fil-parti l-kbira tal-pajjiżi kandidati biex jindirizzaw in-nuqqas fit-tfassil; u seminar speċjali bil-partijiet interessati relevanti involuti fit- twinning biex jiġu identifikati azzjoni sabiex isaħħu aktar l-istrument tat- twinning .

3.2.3. Evalwazzjoni ex post

Il-Unità ta’ l-Evalwazzjoni niedet proċess ta’ sejħa għall-offerti għal eżerċizzju ta’ evalwazzjoni ex post esterna tal-programmi nazzjonali Phare allokati fl-1999-2001, bil-għan li jinbeda x-xogħol ta' valutazzjoni fl-ewwel kwart ta' l-2005. L-eżerċizzju se jiġi konkluż fl-aħħar ta' l-2006, wara dewmien ippjanat ta' 20 xahar.

3.3. Attivitajiet oħra

Numru ta’ attivitajiet oħra sarumis-servizzi tal-Kummissjoni sabiex titjieb il-kwalità tal-programmi għas-sena 2004, kif ukoll biex jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-kontroll lokali u l-kapaċità ta' l-valutazzjoni. Azzjonijiet speċifiċi huma deskritti fl-Anness Parti II.2.3.

[1] Il-Kunsill Ewropew, f’Diċembru 17, 2004, aċċetta r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u ddeċieda li jibda n-negozjati mat-Turkija fit-3 ta' Ottubru 2004, dment li l-Protokoll li jadatta il-Ftehim ta' Ankara għas-sħubija attwali ta' l-UE jiġi ffirmat qabel din id-data. Il-firma saret fid-29 ta’ Lulju 2005 u d-deċiżjoni li mmarkat il-bidu tan-negozjati ttieħdet fit-3 ta’ Ottubru 2005.

[2] Stati Membri ta’ l-UE ddeċidew fil-Lussemburgu fit-3 ta’ Ottubru li jniedu negozjati ta' l-adeżjoni mal-Kroazja. Il-ftuħ tan-negozjati ta' l-adeżjoni kien possibbli permezz ta' l-assessjat tal-Kunsill tal-Ministri li l-Kroazja kienet qiegħda tikkoopera b'mod sħiħ mat-Tribunal Internazzjonali għal Delitti tal-Gwerra fl-eks Jugoslavja (ICTY) imwaqqaf mill-UN

[3] Għal informazzjoni ġenerali dwar is-SAPARD, aħna nirreferi għall-websajt tad-DĠ Agrikoltura http://europa.eu.int/comm/agriculture/external/enlarge/index_en.htm

[4] Għal informazzjoni ġenerali dwar l-ISPA, aħna nirreferu għall-websajt tad-DĠ Politika Reġjonali http://europa.eu.int/comm/regional_policy/funds/ispa/ispa_en.htm

[5] Il-Polonja ġiet mogħtija l-akkreditazzjoni EDIS f’Jannar 2005.