52005DC0578




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 15.11.2005

KUMM(2005) 578 finali

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-estensjoni tal-missjonijiet ta’ l-Aġenzija Ewropea g ħas-sikurezza ta’ l-ajru - Aġenda għall-2010 –

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-estensjoni tal-missjonijiet ta’ l-Aġenzija Ewropea għas- sikurezza ta’ l-ajru - Aġenda għall-2010 – (Test b’relevanza għall–EEA)

Introduzzjoni

Fl-Ewropa, it-traffiku ta’ l-ajru qiegħed jikber b’pass mgħaġġel: irdoppja u aktar matul dawn l-aħħar ħmistax-il sena. It-twaqqif tas-suq intern tat-trasport bl-ajru ikkontribwixxa bil-kbir biex dan l-iżvilupp jaċċelera. Il-kumpaniji ta’ l-ajru Ewropej għarfu jadattaw irwieħhom ma’ l-ambjent il-ġdid ta' kompetizzjoni, filwaqt li jtejbu l-offerta tagħhom u jippruvaw jistabbilixxu rwieħhom fi swieq ġodda, direttament, permezz ta’ sussidjarji jew permezz ta’ alleanzi. Fl-istess waqt, wieħed seta’ jara l-iżvilupp rapidu tal-kumpaniji Ewropej bi prezzijiet baxxi, li għaxar snin ilu bdew mix-xejn, u llum jirrappreżentaw 12% tat-traffiku fi ħdan il-Komunità. Għalhekk l-ajruplan sar mezz ta’ trasport naturali għall-Ewropej u f’terminu medju xejn ma jidher jikkomprometti t-tkabbir tat-traffiku.

Fl-istess ħin, l-ajruplan jibqa’ wieħed mill-mezzi l-aktar sikuri ta’ trasport, bis-saħħa ta' l-isforzi kostanti tal-komunita aeronawtika li dejjem poġġiet is-sikurezza fiċ-ċentru tal-preokkupazzjonijiet tagħha. Dan hu minnu partikolarment fil-Komunita, fejn il-livell tas-sikurezza ta’ l-ajru huwa u jibqa’ wieħed mill-ogħla fid-dinja.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni dejjem għamlet ħilitha biex takkumpanja r-realizzazzjoni tas-suq intern tat-trasport bl-ajru bl-iżvilupp ta' regoli komuni tas-sikurezza, ta’ livell għoli u implimentati b’l-istess mod fl-Istati Membri kollha. F’dawn l-aħħar snin għalhekk saru bosta avvanzi sinifikanti, partikolarment rigward għodod ta’ prevenzjoni ta’ inċidenti ta’ l-ajru[1]. Imma fuq kollox huma t-twaqqif ta’ l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza ta’ l-Ajru ( EASA ) u l-ħolqien tas-“sema waħdieni Ewropew” li se jikkontribwixxu b’mod deċisiv għat-tisħiħ u l-armonizzazzjoni tal-qafas regolamentari u istituzzjonali tat-trasport bl-ajru Ewropew.

Madankollu, dan il-livell irid jibqa’ jitjieb, kif sfortunatament uriet is-serje ta’ inċidenti ta’ l-ajru li ġraw matul is-sajf ta' l-2005, inklużi dawk fil-Komunita. Sabiex dan il-perjodu traġiku ma jimmarkax tibdil fit-tendenza regolari għat-titjib tas-sikurezza tat-trasport ta’ l-ajru, huwa importanti li jissokta u anke jiżdied l-impenn permanenti favur din ta’ l-aħħar. B’hekk, fil-Komunità, wasal il-waqt li tintemm anomalija: filwaqt li l-mezzi ta’ l-ajru jevolvu mil-lum ’il quddiem b’liberta sħiħa fi ħdan suq magħqud, il-livelli tas-sikurezza jibqgħu ma jaqblux fost l-Istati Membri.

Fil-fatt, ir-regolamenti relatati mas-sikurezza ta’ l-avjazzjoni ċivili Ewropea , fil-biċċa l-kbira għadhom jiġu mfassla ġewwa awtoritajiet differenti. Dan hu partikolarment il-każ fil-Konferenza Ewropea ta’ l-Avjazzjoni Ċivili ( ECAC ) u l-“organu tekniku” tagħha li huma l-Awtoritajiet Konġunti ta’ l-Avjazzjoni ( JAA ), u, minn ftit żmien ’l hawn, il-Grupp tar-Regolaturi tas-Sikurezza ta’ l-Ajruporti ( GASR ). Dawn l-awtoritajiet speċjalizzati, li jaqsmu żoni ġeografiċi differenti, jiżviluppaw regoli li jiżdiedu ma’ u jikkompletaw dawk definiti fil-livell dinji mill-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Avjazzjoni Ċivili ( ICAO ). Madankollu, minħabba li joħorġu sempliċement mill-kollaborazzjoni intergovernattiva, dawn ir-regoli mhumiex applikati ħlief skond ir-rieda tajba ta' l-Istati involuti. Dan jirriżulta fi spariġġi nazzjonali kbar, u xi drabi, wieħed irid jammetti, l-istandards li jiġu applikati mhumiex mill-ogħla.

Għalhekk, sal-lum, hemm sitt verżjonijiet, suċċessivi u differenti, tar-regoli operativi li japplikaw għat-trasport bl-ajru permezz ta’ l-ajruplani definiti mill- JAA ( JAR OPS 1 ) li huma implimentati mill-ħamsa u għoxrin Stat Membru, u terġa' tmienja minn dawn l-Istati biddlu, permezz ta’ regoli nazzjonali, il-verżjoni li huma għażlu li japplikaw. Id-diverġenzi jidhru aktar u aktar f’dawk li huma regoli relatati mal-liċenzji tal-piloti li jagħmlu trasport kummerċjali bl-ajru. U, f’ċerti Stati Membri, il-kriterji relatati mal-liċenzji ta’ piloti privati għal għan rikreattiv lanqas biss jissodisfaw l-esiġenzi minimi imposti mill- ICAO . Fl-aħħarnett, ir-regoli għall-istaff kummerċjali li jinnaviga jibqgħu embrijoniċi, filwaqt li għandhom sehem importanti biex jiggarantixxu s-sikurezza tal-passiġġieri, bħalma wera t-tmiem b’wiċċ il-ġid ta’ l-inċident li ġara f’Toronto fit-2 ta’ Awwissu 2005.

Operazzjonijiet ta’ l-ajru u liċenzji tal-piloti

L-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza ta’ l-Ajru ġiet stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1592/2002[2], li daħal fis-seħħ f’Settembru 2002.

Mill-adozzjoni ta’ dan it-test, li jagħti lill-Komunita kompetenza esklussiva rigward in-navigabilita u l-kompatibilita ambjentali tal-prodotti aeronawtiċi, kien miftiehem li livell tajjeb u uniformi ta’ sikurezza u l-implementazzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusti għall-operaturi ta’ l-ajru ma jistgħux jintlaħqu ħlief bit-twessigħ ta' l-ambitu ta’ l-applikazzjoni ta’ dan it-test għal operazzjonijiet ta’ l-ajru u għal-liċenzji tal-piloti ta' l-ekwipaġġ. Minbarra dan, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill kienu inkarigaw lill-Kummissjoni speċifikament biex tressaq proposta f’dan is-sens, li ttkopri wkoll l-ajruplani ta’ pajjiżi terzi u tintervjeni fl-iqsar żmien possibbli. It-tieni premessa tar-regolament tippreċiża fil-fatt li "għandhom jiġu żviluppati ħtiġiet essenzjali approprjati fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament sabiex jiġu koperti operazzjonjiet ta' inġenji ta' l-ajru u liċensjar ta' l-ekwipaġġ ta' l-ajru u l-applikazzjoni tar-Regolament għal inġenji ta' l-ajru ta' pajjiżi terzi kif ukoll, wara, oqsma oħra fil-qasam tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili". L-artikolu 7, relatat ma’ l-operazzjonijiet ta’ l-ajru u l-liċenzji tal-piloti ta' l-ekwipaġġ, isaħħaħ dan l-obbligu li tittieħed azzjoni[3]. Is-serje twila ta’ inċidenti tas-sajf 2005 turi, sfortunatament, li huwa effettivament neċessarju biex jissoktaw l-isforzi biex jissaħħaħ il-livell ġenerali tas-sikurezza ta’ l-ajru.

Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, kif kienet ġiet mitluba, biex iwessgħu r-regoli komuni, u allura l-kompetenzi ta’ l-Aġenzija, għall-operat ta’ l-ajru, għal-liċenzji tal-piloti u, fil-limiti stipulati mill-Konvenzjoni ta’ Chicago, għas-sikurezza ta’ l-ajruplani ta’ pajjiżi terzi. Għalhekk, mill-2007 ’il quddiem, kważi r-regolazzjoni kollha żviluppata s’issa mill- JAA għandha tiġi integrata fil-Liġi tal-Komunita u implimentata bl-istess mod fil-Komunita kollha. Fl-istess waqt, sejrin jitwaqqfu mekkaniżmi effettivi ta’ kontroll, sabiex jiżguraw ir-rispett tar-regoli komuni.

Dan hu l-għan tal-proposta regolamentari mwassla lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bil-komunikazzjoni preżenti. Il-metodu adottat mill-Kummissjoni biex tipproċedi għal din l-estensjoni tar-regoli komuni u partikolarment id-distribuzzjoni tad-dmirijiet bejn l-Aġenzija u l-amministrazzjonijiet nazzjonali kompetenti, jidher fil-memorandum ta' spjegazzjoni li jakkumpanja din il-proposta regolamentari.

Is-sema waħdieni Ewropew u s-sikurezza fl-ajruporti

Min-naħa tagħhom, ir-regoli relatati man-navigazzjoni bl-ajru jinħarġu essenzjalment minn organizzazzjoni intergovernattiva distinta, l- Eurocontrol [4], li tiġbor fiha 35 Stat Ewropew u tiżviluppa, tikkoordina u tippjana l-istrateġiji panewropej f’dan il-qasam. Iżda sallum, l- Eurocontrol ma għandhiex poter regolamentari li jobbliga bil-liġi. Din hi r-raġuni għaliex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddelegaw lill-Kummissjoni, li taħdem bl-assistenza teknika ta’ l- Eurocontrol , il-poter regolamentari neċessarju biex jidħol fis-seħħ is-“sema waħdieni”.

B’l-implimentazzjoni tas-sema waħdieni Ewropew, jeħtieġ li “l-oqsma oħra” li għalihom tirreferi t-tieni premessa tar-Regolament 1592/2002 jinkludu n-navigazzjoni bl-ajru u l-operat ta’ l-ajruporti: is-sema waħdieni u l-EASA se jingħaqdu sabiex jippromwovu integrazzjoni aħjar u semplifikazzjoni fis-sistema regolamentari u istituzzjonali Ewropea. Kemm jista’ jkun, ir-regoli komunitarji se jiġu żviluppati bil-konsiderazzjoni tal-koordinament neċessarju bejn il-bżonnijiet ta’ l-utenti ċivili u militari ta’ l-ispazju ta’ l-ajru.

1.1. In-nuqqasijiet fil-qasam regolamentari attwali

1.1.1. Is-“Sema Waħdieni Ewropew”, kostruzzjoni li għadha mhix kompluta

Il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru u tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru huma l-oġġett ta’ l-istandards maħruġa mill- ICAO u l- Eurocontrol . Dawn ir-regoli, li xi drabi jawtorizzaw ħafna soluzzjonijiet alternattivi, mhux dejjem jikkostitwixxu qafas rigoruż u ta' obbligu, la fil-liġi u lanqas fil-fatt. L-applikazzjoni tagħhom mill-Istati Membri għalhekk twassal għal ċerti inkoerenzi, għal ċerti diverġenzi u xi drabi għal xi kontradizzjonijiet. Ibda biex, dawn mhumiex applikati b’mod sinkronizzat fil-pajjiżi differenti. Għalhekk, ngħidu aħna, l-“ ESSAR 3 ” adottati mill- Eurocontrol f’Lulju 2000 kellhom jiġu implimentati qabel Lulju 2003, u dan ma seħħx ħlief f’xi wħud mill-Istati Membri u għadu ma seħħx f’14 minnhom. Huwa partikolarment sabiex jiġu solvuti dawn id-diffikultajiet, permezz ta’ regoli komuni, li l-Kummissjoni Ewropea pproponiet il-ħolqien tas-sema waħdieni.

Biex jitwettaq is-sema waħdieni, il-Kummissjoni taħdem mill-qrib ma’ l- Eurocontrol . In-normi u l-proċeduri f'dak li jirrigwarda s-sikurezza (indikati permezz ta’ l-akronimu “ ESARR ”) u l-interoperabilità elaborati mill- Eurocontrol huma progressivament integrati fil-Liġi tal-Komunità. Għalhekk l-iżvilupp tal-miżuri ta’ applikazzjoni jiggwadanja bis-sħiħ mill-kompetenza teknika ta’ l- Eurocontrol . Iżda s-sema waħdieni Ewropew fil-preżent ma jittrattax il-kwistjonijiet kollha tas-sikurezza li huma marbuta mal-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru. Huwa għalhekk indispensabbli li titkompla r-regolazzjoni eżistenti u li jiġi adottat metodu ta’ sikurezza aktar koerenti u artikulat.

1.1.2. Is-sikurezza fl-ajruporti: obbligu li jrid jiġi obdut

Mis-27 ta’ Novembru 2003 ’l hawn, l-Anness 14 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago jirrikjedi ċ-ċertifikazzjoni ta’ l-ajruporti. Bl-istess mod, minn Novembru 2005, l- ICAO se tagħmel obbligatorju l-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ tmexxija tas-sikurezza għall-operat ta’ l-ajruporti. F’dan il-qasam ukoll, ma teżisti l-ebda regola komuni. B’hekk hemm riskju kbir li jiġu żviluppati regoli inkoerenti, minkejja li xi Stati bdew volontarjament xogħol ta’ armonizzazzjoni fil-qafas ta’ grupp informali ta’ regolaturi tas-sikurezza fl-ajruporti (il- GASR ).

1.1.3. Xi esiġenzi ġodda

Maż-żjieda tat-traffiku ta’ l-ajru bdew jinħassu xi bżonnijiet ġodda. Jeħtieġ li l-infrastrutturi jitmexxew b’mod aktar flessibbli u li jinħolqu kapaċitajiet supplimentari dejjem b’kontroll fuq l-infiq. Riduzzjoni tad-dewmien u tnaqqis ta’ l-impatt ambjentali ta’ l-operat tat-trasport bl-ajru u ta' l-ajruporti huma meħtieġa bl-istess mod. Ir-rikors dejjem aktar frekwenti għal teknoloġiji kapaċi li jmexxu l-operat kollu b’mod globali, fit-titjira u madwar it-titjira, jippermetti tweġiba għal dawn l-isfidi. Dan se jkun id-dmir tal-programm SESAME li jġib 'il quddiem l-iżvilupp sinkronizzat u l-interoperabilità tal-ġenerazzjonijiet ġodda tas-sistemi tal-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru.

Dawn l-iżviluppi teknoloġiċi għandhom ikunu akkumpanjati minn esiġenzi rigorużi fejn tidħol l-interoperabilità tat-tagħmir u tad-definizzjoni ta’ kuntatti tekniċi. Fil-fatt, l-effiċjenza u s-sikurezza tat-tmexxija tat-traffiku ta’ l-ajru jiddependu wkoll mill-interazzjoni tajba bejn organizzazzjonijiet, l-istaff u t-tagħmir, abbord l-ajruplani, fl-art jew fl-ajru. F’qasam fejn jintervjenu numru kbir ta’ parteċipanti, huwa indispensabbli li tkun żgurata l-koerenza ta’ dawn l-esiġenzi u li tkun osservata bir-reqqa l-applikazzjoni tagħhom, b’mod uniformi u sinkronizzat. Biex dan isir, għandhom jiġu implimentati xi regoli u proċeduri ġodda li jippermettu l-garanzija ta’ livell adegwat ta’ interoperabilità u ta’ sikurezza tas-sistemi aeronawtiċi.

Flimkien ma’ din il-perspettiva teknoloġika, it-tnaqqis ta’ l-impatt ambjentali ta’ l-avjazzjoni sejjer, bla dubju, jimponi rikors aktar u aktar frekwenti għal strumenti u inċentivi ekonomiċi. Il-Kummissjoni pproponiet li l-avjazzjoni tkun tista’, ngħidu aħna, tiġi inkluża fis-sistema Ewropea ta’ l-iskambji tad-drittijiet ta’ emissjoni.

1.1.4. Fornituri ġodda u impjiegi ġodda

Bl-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda, jinbtu fornituri ta’ servizzi li jaġixxu minn tarf għall-ieħor tal-kontinent kollu, u lil hinn minnu. Diġà għandna l-eżempji tal-grupp ta’ fornituri ta’ EGNOS [5] u l-mexxej li jmiss ta’ GALILEO [6] fil-qasam tan-navigazzjoni bis-satelliti, id- database aeronawtiku EAD [7], xi servizzi ta’ komunikazzjoni bħal ARINC u SITA [8]. Ir-regolazzjoni tal-Komunita għandha tippermetti li jiġi żgurat li ċ-ċertifikazzjoni ta’ dan it-tip ġdid ta’ organiżmu titwettaq sewwa b’mod koerenti u koordinat.

Il-formazzjoni u l-kwalifiki tal-grupp kollu ta' l-istaff ukoll għandu sehem essenzjali fis-sikurezza. Il-piloti, il-kontrolluri ta’ l-ajru, dawk li jaħdmu sa mill-bidu tal-kunċett, fil-produzzjoni u fil-manteniment tal-prodotti, il-komponenti u t-tagħmir aeronawtiċi huma jew dalwaqt se jkunu s-suġġett ta’ regoli komuni relatati mal-kwalifiki tagħhom u; jekk ikun il-każ, il-ħruġ tal-liċenzji. Bl-iżvilupp teknoloġiku, jista’ jinħtieġ li jiġu standardizzati aktar il-funzjonijiet moqdija minn membri oħrajn ta' l-istaff; jekk ikun hemm bżonn, il-Kummissjoni tagħmel il-proposti adegwati.

1.2. L-estensjoni tar-regoli komuni

1.2.1. L-applikazzjoni tal-kunċett tal-metodu integrat

Il-metodu integrat, li l-interess tiegħu ġie rikonoxxut mill- ICAO [9], jaspira li jtejjeb is-sikurezza u l-effiċjenza ta’ l-avjazzjoni ċivili filwaqt li jittratta b’mod koordinat is-sezzjonijiet ta’ l-art, ta’ l-ajru (u s-satelliti, jekk ikun il-każ) ta’ l-operazzjonijiet ta’ l-ajru u billi jserraħ fuq l-aħħar żviluppi teknoloġiċi li jippermettu l-interazzjoni bejn is-sistemi ta’ l-informatika, sew abbord kif ukoll fuq l-art. Dan għandu l-għan li jiżgura l-interoperabilità tas-sistemi u s-sinkronizzazzjoni ta’ l-applikazzjoni tagħhom fil-prattika.

L-applikazzjoni ta’ dan il-kunċett fuq livell Komunitarju tippermetti r-rimedju tan-nuqqasijiet attwali, billi ssolvi l-problemi ta’ l-artikulazzjoni bejn is-sezzjonijiet ta’ l-art u ta’ l-ajru tas-sikurezza ta’ l-ajru. Din il-prattika timponi l-ħolqien ta’ qafas uniku u koerenti ta’ regolamenti.

1.2.2. Qafas uniformi u effiċjenti ta’ regolamenti

Għalhekk il-Kummissjoni se tipproponi li twessa’ r-regoli komuni ta’ sikurezza għan-navigazzjoni bl-ajru u għall-operazzjonijiet fl-ajruporti. Din il-proposta hija mahsuba biex taghmel parti mill-programm ta’ xoghol ghall-2006 u hija konformi mal-principji legislattivi tal-istess programm. Għalhekk, l-Aġenzija tkun inkarigata li telabora l-grupp tar-regoli kollha ta’ sikurezza u interoperabilità tas-sistema Ewropea ta’ l-avjazzjoni u, wara l-adozzjoni tagħhom mill-Kummissjoni, li tikkontrolla l-applikazzjoni tagħhom, partikolarment permezz ta’ spezzjonijiet fl-Istati Membri u stħarriġ fl-intrapriżi.

Lil hinn minn dawn il-mizuri, dan il-qafas ta’ regolamenti jsir ħafna aktar koerenti u progressivament ikun jista’ jintegra l-kwistjonijiet kollha u l-oqsma li għandhom impatt fuq is-sikurezza u l-interoperabilità tas-sistema Ewropea ta’ l-avjazzjoni u l-koordinament tas-setturi differenti tagħha. Għalhekk il-Kummissjoni bdiet studji li se jippermettu li jiġi ddeterminat jekk, u f’liema miżura, se jkunu jistgħu jiġu żviluppati xi regoli li jikkonċernaw l-organizzazzjoni u l-ġestjoni ta’ l-ispazju ta’ l-ajru, il-ġestjoni tal-flussi tat-traffiku, il-kapaċitajiet ta’ l-ajruport u l-impatti ambjentali ta’ l-attivita ta’ l-ajru u ta’ xi attivitajiet tat-titjira kif ukoll xi kwistjonijiet ekonomiċi. Il- Eurocontrol , flimkien mal-partijiet kollha interessati, se tkun assoċjata ma’ dawn l-istudji.

Il-benefiċċju minn dan il-qafas ta’ regolamenti se jkun jista jinfirex għall-pajjiżi ġirien, permezz ta’ ftehimiet speċifiċi li l-Komunita se tikkonkludi ma’ l-Istati kkonċernati. Is-sikurezza u l-effikaċja tat-trasport bl-ajru għalhekk ikunu jistghu jissaħħu fil-Komunita u fil-madwar tagħha.

1.2.3. L-inkarigi ta’ ċertifikazzjoni ta’ l-EASA

Fil-kuntest tas-sema waħdieni, ir-responsabbiltà ta’ ċertifikazzjoni tal-fornituri tas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru taqa’ taħt l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza. L-għarfien espert ta' l-Istati Membri u l-obbligi tagħhom rigward l- ICAO jiġġustifika dan il-metodu.

L-armonizzazzjoni tal-livelli ta’ sikurezza u n-neċessita li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni bejn il-fornituri, madankollu jimponu r-rekwiżit li l-Istati Membri jeżerċitaw din ir-responsabbilità b’mod uniformi. Biex tiggarantixxi s-sikurezza tat-trasport kollu bl-ajru fl-Ewropa, l-Aġenzija se tkun inkarigata bl-iżgurar tal-koerenza tal-prattiċi nazzjonali u se tkun fdata bis-sorveljanza ta’ l-organiżmi taċ-ċertifikazzjoni.

L-istess raġunijiet tal-mezzi eżistenti u tar-responsabbilità internazzjonali jimmotivaw li ċ-ċertifikazzjoni ta’ l-operati fl-ajruport tibqa’ f'idejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, filwaqt li l- EASA tiggarantixxi hemm ukoll il-koerenza ta’ l-azzjonijiet immexxija mill-Istati Membri u l-konformita tagħhom fir-rigward tal-liġi Komunitarja.

Barra minn hekk, ġaladarba s-sema waħdieni jipprevedi l-istabbiliment ta’ blokok ta’ spazji funzjonali multinazzjonali, l-Aġenzija tkun tista’ tiċċertifika l-fornituri tas-servizzi li joperaw f’dawn il-blokok. MInbarra dan, minħabba problemi ta’ effiċjenza, għandha tiċċertifika l-fornituri tas-servizzi panewropej tan-navigazzjoni bl-ajru u l-fornituri ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-Komunita, kif jista' jkun il-każ għal xi operaturi ta’ sistemi ta’ komunikazzjoni aeronawtika mobbli u numerika, billi n-netwerks tagħhom jistgħu jkopru l-globu kollu.

Għall-validazzjoni tas-sistemi teknoloġiċi tal-ġestjoni tat-traffiku (metodi ta’ l-operat, awtomazzjoni, informatika u sistemi ta’ komunikazzjoni, navigazzjoni u sorveljanza inklużi) kif ukoll għall-evalwazzjoni tal-konformita tal-komponenti, il-fornituri tas-servizzi u l-kostrutturi ċċertifikati se jkollhom dejjem jipproduċu dikjarazzjoni Ewropea uniformi. F’dan il-kuntest, l-Aġenzija sejra tivverifika r-rispett ta’ l-obbligi imposti mir-regolament fuq l-interoperabilità tan-netwerk Ewropew tal-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru.

Konklużjoni

L-Aġenzija Ewropea tas-sikurezza ta’ l-ajru hija llum kompetenti fil-qasam tan-navigabilità u l-kompatibilità ambjentali tal-prodotti aeronawtiċi. Il-ħolqien tagħha, fl-2002, kien jirrappreżenta avvanz kbir, imma mhux biżżejjed, kif kienu enfasizzaw dak iż-żmien il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Is-serje twila ta’ inċidenti li ġraw fis-sajf ta' l-2005 turi, sfortunatament li huwa attwalment neċessarju li jissoktaw l-isforzi biex jissaħħaħ il-livell ġenerali tas-sikurezza ta’ l-ajru fl-Ewropa.

Biex tiżgura liċ-ċittadini Ewropej livell għoli u uniformi ta’ protezzjoni fl-avjazzjoni ċivili, biex tiggarantixxi l-kompatibilità ambjentali tal-prodotti aeronawtiċi, biex tiffaċilita ċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-persuni, tas-servizzi u tal-prodotti u ttejjeb l-effiċjenza tar-regolamenti, hija t-totalita tas-sistema Ewropea ta’ l-avjazzjoni li, fl-aħħar mill-aħħar, għandha tkun koperta minn regoli komuni, imħaddma bl-istess mod. F’dan il-kuntest l- EASA li sejra tipprepara, tħaddem u tissorvelja l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, hija msejħa biex issir, mil-lum sa l-2010, l-awtorità Ewropea b'poteri mwessgħa fl-aspetti kollha tas-sikurezza ta’ l-avjazzjoni ċivili.

Fl-istess ħin li stabbiliet il-proposta regolamentari magħquda mal-komunikazzjoni preżenti, il-Kummissjoni bdiet l-ewwel xogħlijiet sabiex il-ġestjoni tat-traffiku bl-ajru, il-fornitura ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru u tas-sikurezza ta’ operazzjonijiet ta’ l-ajruporti jkunu huma wkoll koperti minn regoli Komunitarji. Għalhekk talbet lill-Aġenzija biex mill-2005 ’il quddiem tibda xi xogħlijiet ta’ tiftix fuq dawn is-suġġetti u nediet studju ta’ l-impatt li l-konklużjonijiet tiegħu se jservu bħala bażi ta’ proposta regolamentari li se titressaq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill qabel għeluq is-sena 2006. Dawn il-preparamenti kollha se jkunu, naturalment, immexxija flimkien ma’ l- EASA u mal-grupp kollu tal-partijiet konċernati. Bl-istess mod tal-kooperazzjoni eżemplari stabbilità bejn il- JAA u l- EASA [10], din il-kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija u sħabha, li l-ewwel minnhom xieraq li tkun l- Eurocontrol , se tippermetti transizzjoni armonjuża u progressiva lejn is-sistema l-ġdida Ewropea ta’ l-avjazzjoni ċivili.

Biex tappoġġja, u jekk ikun possibli ssaħħaħ, il-koerenza panewropea tar-regoli ta’ sikurezza ta’ l-avjazzjoni ċivili, il-benefiċċji tas-“sistema EASA ” se jinfirxu għall-pajjiżi terzi Ewropej kollha, permezz ta’ ftehimiet speċifiċi konklużi bejn il-Komunita u l-pajjiżi konċernati.

L-estensjoni tal-kompetenzi ta’ l-Aġenzija, it-twettiq ta’ sema waħdieni u l-konklużjoni tal-ftehimiet tas-servizzi ta’ l-ajru mal-pajjiżi terzi, li se jitmexxew flimkien, se jiggarantixxu għall-politika Ewropea ta’ l-avjazzjoni qafas koerenti, komparabbli ma’ dak li jeżisti fl-Istati Uniti.

[1] Direttiva tal-Kunsill 94/56/KE, tal-21 ta’ Novembru 1994, li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta' aċċidenti u inċidenti ta’ avjazzjoni ċivili (ĠU L 319, 12.12.1994, p. 14). Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/42/KE tat-13 ta’ Ġunju 2003 dwar rapporti ta' okkorrenza fl-avjazzjoni ċivili (ĠU L 167, 4.7.2003, p. 23). Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/36/KE tal-21 ta’ April 2004 dwar is-sigurta ta’ ajruplani ta' pajjiżi terzi li jużaw ajruporti tal-Komunità (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 76).

[2] Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1592/2002 tal-15 ta’ Lulju 2002 dwar regoli komuni fil-kamp ta' l-avjazzjoni ċivili u li jistablixxi Aġenzija tas-Sigurtà ta' l-Avjazzjoni Ewropea (ĠU L 240, 7.9.2002, p. 1).

[3] Għat-tfakkir, id-Direttiva 91/670/KEE, imsemmija aktar ’l isfel, kienet diġa inkarigat lill-Kummissjoni biex tippreżenta “miżuri għal ħtiġijiet armonizzati fir-rigward ta' liċenzji u programmi ta’ taħriġ”. Sena wara, ir-Regolament (KEE) Nru 2407/92 fuq il-liċenzji ta’ trasportaturi bl-ajru ħabbar Regolament tal-Kunsill fuq iċ-ċertifikat ta' trasportatur bl-ajru.

[4] Organizzazzjoni Ewropea għas-sikurezza tan-navigazzjoni bl-ajru.

[5] EGNOS : European Geostationary Navigation and Overlay Service

[6] GALILEO hija s-sistema Ewropea tan-navigazzjoni bis-satellita

[7] EAD : European AIS database

[8] ARINC u SITA : Aeronautical Radio Inc. u s- Société Internationale de Télécommunications Aéronautiques jikkumerċjalizzaw xi servizzi ta’ komunikazzjoni ddedikati għall-avjazzjoni

[9] Ara ICAO , Dok. 9524, 1988

[10] It-transizzjoni tajba bejn il- JAA u l- EASA kienet żgurata, partikolarment, bis-saħħa tat-tħaddim ta’ grupp ta’ xogħol, il- FUJA ( Future of the JAA ), fejn huma rrappreżentati l-Aġenzija, il-Kummissjoni u l- JAA . Dan il-grupp jipproponi soluzzjonijiet prattiċi, li partikolarment jaspiraw li jevitaw kwalunkwe dupplikazzjoni l- EASA u l- JAA u biex iħarsu l-interessi tal-pajjiżi tal- ECAC li mhumiex membri ta’ l-Unjoni Ewropea.