52005DC0569




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 15.11.2005

KUMM(2005) 569 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar Sħubiji Pubbliċi u Privatiu l-Liġi tal-Komunità dwar l-Akkwisti Pubbliċi u l-Konċessjonijiet

WERREJ

1. Daħla 3

2. Kwistjonijiet ewlenin li possibbilment ikomplu jiġu segwiti 4

2.1. Kwistjonijiet li hemm bżonn ikomplu jiġu segwiti fil-livell tal-KE 4

2.2. Id-Djalogu Kompetittiv: il-Kummissjoni tipprovdi kjarifika 5

2.3. Kwistjonijiet li f’dan l-istadju m’hemmx inizjattiva separata proposta mill-KE 5

2.3.1. L-ebda leġiżlazzjoni ġdida li tkopri l-PPPs kuntrattwali kollha 5

2.3.2. L-ebda azzjoni mill-Komunità fuq aspetti speċifiċi oħra tal-PPPs 6

2.4. Kontinwazzjoni tad-dibattitu dwar il-PPPs fil-livell tal-KE 6

3. Konċessjonijiet 6

3.1. Sfond 6

3.2. Għażliet li jipprovdu ċertezza legali dwar il-konċessjonijiet 7

3.3. Kontenut ta’ inizjattiva possibbli tal-Komunità dwar il-konċessjonijiet 9

4. PPPs Istituzzjonalizzati 10

4.1. Metodu preferut 10

4.2. Kontenut ta’ Komunikazzjoni Interpretattiva possibbli dwar il-PPPs istituzzjonalizzati 10

5. Passi li jmiss 11

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar Sħubiji Pubbliċi u Privatiu l-Liġi tal-Komunità dwar l-Akkwisti Pubbliċi u l-Konċessjonijiet(Test b’relevanza għall-EEA)

1. DAħLA

L-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha qed ikunu dejjem iżjed interessati li jikkooperaw mas-settur privat meta jiġu biex jiżguraw il-provvista ta’ infrastruttura jew ta’ servizz. L-interess f’din il-kooperazzjoni, magħrufa aktar bħala Sħubiji Pubbliċi-Privati (PPPs), ġej parzjalment minħabba l-benefiċċju li l-awtoritajiet pubbliċi jista’ jkollhom mill-esperjenza tas-settur privat, b’mod partikolari biex tiżdied l-effiċjenza, u parzjalment dan l-interess ġej minħabba l-limitazzjonijiet tal- budget pubbliku. Madankollu, il-PPPs m’humiex soluzzjoni mirakoluża: għal kull proġett huwa meħtieġ li jiġi evalwat jekk is-sħubija tassew iżżidx valur lis-servizz speċifiku jew lix-xogħlijiet pubbliċi in kwistjoni, meta mqabbla ma’ għażliet oħra bħal konklużjoni ta’ kuntratt aktar tradizzjonali.

Il-liġi tal-Komunità hija newtrali dwar jekk l-awtoritajiet pubbliċi jagħżlux li jipprovdu attività ekonomika huma nfushom jew jafdawhiex lil terzi. Jekk, madankollu, l-awtoritajiet pubbliċi jagħżlu li jinvolvu terzi persuni biex issir l-attività, tista’ tidħol fis-seħħ il-liġi tal-Komunità dwar l-akkwisti pubbliċi u l-konċessjonijiet.

L-għan ewlieni tal-liġi tal-Komunità dwar l-akkwisti pubbliċi u l-konċessjonijiet huwa li jinħoloq Suq Intern li fih il-moviment ħieles ta’ oġġetti u servizzi u d-dritt ta’ l-istabbiliment kif ukoll il-prinċipji fundamentali ta’ trattament ugwali, trasparenza u rikonoxximent reċiproku huma mħarsa, u li jinkiseb valur għall-flus meta l-awtoritajiet pubbliċi jixtru prodotti jew iqabbdu partijiet terzi biex jagħmlu servizzi jew xogħlijiet. Fid-dawl ta’ l-importanza dejjem tiżdied tal-PPPs kien ikkunsidrat meħtieġ li jiġi esplorat sa liema limitu r-regoli eżistenti tal-Komunità jwettqu b’mod adegwat dawn l-għanijiet meta jiġu biex jingħataw kuntratti jew konċessjonijiet tal-PPP. Dan għandu jgħin lill-Kummissjoni biex tkun tista’ tevalwa jekk hemmx bżonn tikkjarifika, tikkomplementa jew ittejjeb il-qafas legali eżistenti fil-livell Ewropew. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni adottat il- Green Paper dwar is-Sħubiji Pubbliċi-Privati u l-Liġi tal-Komunità dwar il-Kuntratti u l-Konċessjonijiet Pubbliċi[1] fit-30 ta’ April 2004.

Id-dibattitu mniedi mill- Green Paper qanqal interess konsiderevoli u ġeneralment kien milqugħ tajjeb. Il-Kummissjoni rċeviet qrib il-200 kontribuzzjoni minn varjetà wiesgħa ta’ dawk li wieġbu, inklużi bosta mill-Istati Membri. Kemm il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[2] kif ukoll il-Kumitat tar-Reġjuni[3] adottaw opinjonijiet fuq il- Green Paper . F’Mejju 2005 ġie ppubblikat rapport li janalizza l-kontribuzzjonijiet kollha li ntbagħtu matul il-konsultazzjoni pubblika.[4]

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-għażliet tal-politika wara l-konsultazzjoni, bil-ħsieb li tiżgura kompetizzjoni effettiva għall-PPPs mingħajr ma tillimita iktar milli hemm bżonn il-flessibbiltà meħtieġa biex jiġu diżinjati proġetti innovattivi u spiss kumplessi. Li tistqarr liema politika tippreferi, f’dan l-istadju, jaqbel ma’ l-impenn tal-Kummissjoni għall-kontabbiltà pubblika u għat-trasparenza fl-eżerċizzju tad-dritt tagħha għall-inizjattiva, li huwa prinċipju bażiku tar-“Regolamentazzjoni aħjar għat-Tkabbir u l-Impjiegi fl-Unjoni Ewropea”.[5]

Filwaqt li din il-Komunikazzjoni tfittex li tiġbed konklużjonijiet dwar il-politika mill-konsultazzjoni fuq il- Green Paper dwar il-PPP, is-selezzjoni tal-għażliet li tressaq iridu jitqiesu f’kuntest usa’, inklużi konklużjonijiet minn sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, esperjenza tal-proċeduri li l-Kummissjoni nediet taħt l-Artikolu 226 tat-Trattat tal-KE kontra Stati Membri u kuntatti bilaterali ma’ partijiet interessati.

Filwaqt li l-konsultazzjoni pprovdiet kemm informazzjoni fattwali dwar esperjenzi prattiċi ma’ PPPs, kif ukoll opinjonijiet ta’ persuni li għandhom interess dwar l-għażliet tal-politika li jippreferu, ma tieħu post l-ebda analiżi fil-fond ta’ l-impatti ta’ politika bħal din. Konsegwentement, id-deċiżjoni finali dwar l-inizjattivi leġiżlattivi possibbli biex tiġi kjarifikata, komplementata jew imtejba l-liġi tal-Komunità dwar l-akkwisti pubbliċi u l-konċessjonijiet se tkun suġġetta għalevalwazzjoni ta’ l-impatt hekk kif mitlub mill-prinċipji “Regolamentazzjoni Aħjar”.

2. KWISTJONIJIET EWLENIN LI POSSIBBILMENT IKOMPLU JIġU SEGWITI

2.1. Kwistjonijiet li hemm bżonn ikomplu jiġu segwiti fil-livell tal-KE

Il- Green Paper dwar il-PPP kopriet firxa ta’ suġġetti relatati mal-PPPs u mal-liġi tal-Komunità dwar il-kuntratti pubbliċi u l-konċessjonijiet. Ir-rispons minn persuni li għandhom interess, li pparteċipaw fil-konsultazzjoni jissuġġerixxi li ftit biss minn dawn is-suġġetti jinħtieġu li jkomplu jiġu segwiti fil-livell tal-KE. Dawn jinkludu, b’mod partikolari:

- l-assenjazzjoni ta’ konċessjonijiet (mistoqsijiet 4 sa 6 tal- Green Paper – kapitolu 3 ta’ din il-Komunikazzjoni) u

- Il-ħolqien ta’ impriżi konġunti bejn sieħeb pubbliku u sieħeb privat biex jipprovdu servizzi pubbliċi (PPPs Istituzzjonalizzati – IPPPs) (mistoqsijiet 18 u 19 tal- Green Paper – kapitolu 4 ta’ din il-Komunikazzjoni).

Fuq iż-żewġ kwistjonijiet, maġġoranzi ċari ta’ persuni li għandhom interess talbu għal inizjattivi mill-KE li jipprovdu aktar ċertezza legali. Sezzjonijiet separati ta’ din il-Komunikazzjoni jippreżentaw il-miżuri xierqa biex ikomplu jiġu segwiti.

2.2. Id-Djalogu Kompetittiv: il-Kummissjoni tipprovdi kjarifika

Kwistjoni li ntlaqgħet speċjalment mill-persuni li għandhom interess kienet id-Djalogu Kompetittiv, proċedura ġdida ta’ kif issir l-assenjazzjoni, iddisinjata speċifikament għall-kuntratti pubbliċi kumplessi, introdotta bid-Direttiva 2004/18/KE. Ftit persuni li għandhom interess ikkontestaw l-importanza ta’ din il-proċedura. Ħafna minn dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni talbu għall-protezzjoni sħiħa tal-propjetà intellettwali u biex jiġu limitati r-riżorsi li l-appaltaturi għandhom jinvestu f’din il-proċedura.

Il-Kummissjoni hija fiduċjuża li l-esperjenza prattika ta’ din il-proċedura, li s’issa mhix imwettqa f’ħafna mill-Istati Membri[6], iġġib fix-xejn dan it-tħassib. Kif mitlub minn numru ta’ persuni li għandhom interess, kjarifika tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-Djalogu Kompetittiv se tingħata permezz ta’ dokument li jispjega u li se jkun disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni.[7]

2.3. Kwistjonijiet li f’dan l-istadju m’hemmx inizjattiva separata proposta mill-KE

2.3.1. L-ebda leġiżlazzjoni ġdida li tkopri l-PPPs kuntrattwali kollha

Il-PPPs imwaqqfin kollha jikkwalifikaw – sakemm jaqgħu fl-ambitu tat-Trattat tal-KE – bħala akkwisti pubbliċi jew konċessjonijiet. Madankollu, billi regoli differenti japplikaw għall-assenjazzjoni ta’ akkwisti pubbliċi u konċessjonijiet, fil-liġi tal-KE m’hemmx proċedura uniformi dwar l-assenjazzjoni speċifikament għall-PPPs.

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni staqsiet lill-persuni li għandhom interess jekk huma jilqgħux leġiżlazzjoni ġdida li tkopri l-PPPs kuntrattwali kollha, irrispettivament jekk huma jikkwalifikawx bħala kuntratti ta’ akkwisti pubbliċi jew konċessjonijiet, u b’hekk ikunu suġġetti għal arranġamenti identiċi dwar l-assenjazzjoni (mistoqsija 7 tal- Green Paper ).

Il-konsultazzjoni wriet oppożizzjoni qawwija mill-persuni li għandhom interess għal reġim regolatorju li jkopri l-PPPs kontrattwali kollha, irrispettivament minn jekk dawn humiex imfassla bħala kuntratti jew konċessjonijiet.Għalhekk, il-Kummissjoni ma tipprevedix li tagħmilhom suġġetti għal arranġamenti identiċi ta’ għotja.

2.3.2. L-ebda azzjoni mill-Komunità fuq aspetti speċifiċi oħra tal-PPPs

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ PPPs fejn l-inizjattiva tiġi mis-settur privat (mistoqsija 9 tal- Green Paper ) it-tweġibiet ma indikawx xi bżonn kurrenti li jittieħdu miżuri fil-livell tal-KE biex jitrawwmu skemi bħal dawn.

Ma kien hemm l-ebda appoġġ kemm għall-inizjattivi tal-Komunità li jikkjarifikaw il-qafas kuntrattwali tal-PPPs fil-livell tal-Komunità (mistoqsija 14 tal- Green Paper ) kif ukoll dawk li jikkjarifikaw jew jaġġustaw ir-regoli dwar l-għoti ta’ sottokuntratti (mistoqsija 17 tal- Green Paper ).

2.4. Kontinwazzjoni tad-dibattitu dwar il-PPPs fil-livell tal-KE

Din il-Komunikazzjoni, madankollu, m’għandhiex l-għan li tikkonkludi d-dibattitu dwar il-PPPs u l-liġi tal-Komunità dwar l-akkwisti pubbliċi u l-konċessjonijiet. L-Esperjenza dwar il-PPPs qiegħda tiżdied b’mod sod. Dawk kollha involuti, inklużi l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni, qegħdin kontinwament jitgħallmu mill-esperjenzi prattiċi fl-applikazzjoni tal-liġi tal-KE għal dawn is-sħubiji. Filwaqt li dan il-proċess m’għandux iwaqqaf il-Kummissjoni milli tieħu inizjattivi biex tindirizza xi nuqqasijiet fil-qafas legali eżistenti kif maħsub illum, diskussjonijiet bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-persuni li għandhom interess u li huma involuti fl-iżvilupp tal-PPPs hemm bżonn li jitkomplew fil-livelli kollha, u l-evalwazzjoni ta’ l-impatt ippjanata se tipprova tieħu in konsiderazzjoni dan id-djalogu kontinwu.[8]

Dawn id-diskussjonijiet se jkomplu f’Kumitati eżistenti fil-livell tal-Kummissjoni, fejn esperti dwar l-akkwisti pubbliċi[9] u rappreżentanti[10] ta’ Stati Membri[11] jiltaqgħu, permezz ta’ parteċipazzjoni f’konferenzi dwar il-PPPs u l-akkwisti pubbliċi, u permezz ta’ kuntatti diretti bejn uffiċjali tal-Kummissjoni u esperti dwar il-PPP. Barra minn hekk, jidher li hemm qbil ġenerali fost il-Gruppi ta’ Ħidma fuq il-PPP nazzjonali li l-iżvilupp ta’ l-infrastruttura jista’ jkun imtejjeb aktar jekk is-settur pubbliku jkollu mezz aktar effettiv kif jaqsam esperjenzi eżistenti fil-politika dwar il-PPP, fl-iżvilupp ta’ programmi u fit-twettiq ta’ proġetti. Għalhekk, il-Gruppi ta’ Ħidma qegħdin jikkunsidraw, flimkien mal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment, li jwaqqfu Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza dwar il-PPP. Il-Kummissjoni, bħala prinċipju, tilqa’ inizjattiva bħal din.

3. KONċESSJONIJIET

3.1. Sfond

Fattur ewlieni tal-konċessjonijiet huwa d-dritt ta’ min ikun ingħata l-konċessjoni li jisfrutta l-kostruzzjoni jew s-servizz mogħti bħala kunsiderazzjoni talli jkun tella’ il-kostruzzjoni jew wassal is-servizz. Id-differenza ewlenija mill-akkwist pubbliku hija r-riskju li jeżisti fi sfruttament bħal dan u li min jingħata l-konċessjoni, li ħafna drabi jipprovdi l-fondi għal xi partijiet mill-proġetti relevanti, ikollu jġorr. Dan l-involviment kapitali tal-privat huwa kkunsidrat bħala wieħed mill-inċentivi ewlenin għall-awtoritajiet pubbliċi biex jidħlu f’PPPs. Minkejja l-importanza prattika tagħhom, huma biss ftit id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Komunità li jikkoordinaw il-proċeduri dwar l-assenjazzjoni ta’ konċessjonijiet għal xogħlijiet. Minnnaħa tagħhom, ir-regoli li jirregolaw l-assenjazzjoni ta’ konċessjonijiet għal servizzi japplikaw biss b’riferenza għall-prinċipji li jirriżultaw mill-Artikoli 43 u 49 tat-Trattat tal-KE, b’mod partikolari l-prinċipji tat-trasparenza, ta’ l-ugwaljanza fit-trattament, tal-proporzjonalità u r-rikonoxximent reċiproku. F’dan l-isfond, il- Green Paper (mistoqsija 6) staqsiet jekk fil-fehma tal-persuni li għandhom interess, kinitx mixtieqa inizjattiva leġiżlattiva tal-Komunità ddisinjata biex tirregola l-proċedura li biha jingħataw il-konċessjonijiet.

Il-maġġoranza l-kbira tal-persuni li għandhom interess u li pparteċipaw fil-konsultazzjoni kkonfermaw it-talba għal aktar ċertezza legali fejn jidħlu r-regoli tal-Komunità li jirregolaw l-assenjazzjoni tal-konċessjonijiet. Kien hemm opinjonijiet differenti dwar kif għandha tiġi pprovduta din iċ-ċertezza legali – permezz ta’ leġiżlazzjoni jew strument interpretattiv li ma jorbotx.

3.2. Għażliet li jipprovdu ċertezza legali dwar il-konċessjonijiet

Il-konsultazzjoni uriet it-talba għal ambjent legali stabbli u konsistenti għall-assenjazzjoni ta’ konċessjonijiet fil-livell ta’ l-UE, b’mod partikolari biex jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ transazzjoni (billi jitnaqqsu r-riskji legali) u b’mod aktar ġenerali biex tissaħħaħ il-kompetizzjoni. Ħafna persuni li għandhom interess, argumentaw li ż-żieda fiċ-ċertezza legali u l-kompetizzjoni effettiva fil-qasam tal-konċessjonijiet tkun mod prattiku kif jiġu promossi l-PPPs, u b’hekk tiżdied il-kontribuzzjoni li l-iffinanzjar privat ta’ proġett jista’ jagħmel fi żminijiet meta l- budgets pubbliċi jkunu magħfusin. Persuni privati li għandhom interess, b’mod partikolari issottolineaw li hija biss azzjoni fil-livell ta’ l-UE li tista’ tipprovdi ċertezza legali bħal din u fl-istess ħin tevita l-problemi li jġib miegħu n-nuqqas ta’ koordinazzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Istati Membri ġodda li l-aktar li għandhom bżonn ta’ finanzi mis-settur privat. Bażikament hemm żewġ modi biex tintlaqa’ din it-talba: (1) gwida li ma torbotx, partikularment f’forma ta’ Komunikazzjoni Interpretattiva, u (2) leġiżlazzjoni li turi speċifikament l-obbligi li joħorġu mill-prinċipji ġenerali tat-Trattat tal-KE.

Komunikazzjoni Interpretattiva

Il-Kummissjoni diġà (f’April ta’ l-2000) adottat Komunikazzjoni Interpretattiva dwar il-Konċessjonijiet stabbiliti taħt il-Liġi tal-Komunità, li tispjega l-għan u l-kontenut tal-prinċipji tat-Trattat tal-KE applikabbli għall-assenjazzjoni ta’ konċessjonijiet. Ħafna persuni li għandhom interess argumentaw li Komunikazzjoni Interpretattiva kienet għodda mgħaġġla u effettiva biex tipprovdi kjarifika. Madankollu, kummenti li saru matul id-dibattitu minn persuni ewlenin li għandhom interess, jindikaw li l-Komunikazzjoni Interpretattiva eżistenti dwar il-konċessjonijiet naqset milli turi b’mod ċar biżżejjed l-implikazzjonijiet tal-prinċipji tat-Trattat tal-KE għall-assenjazzjoni ta’ konċessjonijiet. Il-Kontribut minn għadd ta’ persuni importanti li għandhom interess kien għadu – b’sorpriża – ibbażat fuq is-suppożizzjoni li l-obbligi eżistenti tal-liġi tal-KE ma jitolbux li l-assenjazzjoni ta’ konċessjonijiet tkun miftuħa għall-kompetizzjoni, b’mod partikolari billi jħalli l-impriżi kollha jesprimu l-interess tagħhom li jiksbu konċessjonijiet.

Persuni oħra li għandhom interess ikkunsidraw Komunikazzjoni Interpretattiva bħala strument ideali biex tipprovdi delimitazzjoni aktar ċara bejn il-kuntratti ta’ l-akkwisti pubbliċi u l-konċessjonijiet. Madankollu, l-għan taċ-ċertezza li tipprovdi Komunikazzjoni Interpretattiva huwa limitat, hekk kif dan ifiehem biss il-liġi eżistenti. F’ħafna każi, nuqqas ta’ preċiżjoni fil-liġi bil-kemm tista’ tingħeleb permezz ta’ interpretazzjoni. Għalhekk jidher li – filwaqt li jipprovdi xi valur miżjud – aġġornament tal-Komunikazzjoni Interpretattiva ta’ April 2000 dwar il-konċessjonijiet probabbli, aktarx jonqos milli jissodisfa t-talba għal aktar ċertezza legali.

Inizjattiva leġiżlattiva

In-nuqqas ta’ ftehim irraportat dwar l-għan u l-kontenut ta’ l-obbligi tal-liġi tal-Komunità dwar l-awtoritajiet li jikkuntrattaw u li jagħtu konċessjonijiet, jikkonferma l-fehma ta’ persuni li għandhom interess li l-prinċipji ġenerali tat-Trattat tal-KE, anke kjarifikati b’dokument interpretattiv mill-Kummissjoni, ma jipprovdux ċertezza legali biżżejjed. Huma kkunsidrati li jħallu wisq diskrezzjoni lill-awtoritajietkontraenti u għalhekk ma jistgħux jiggarantixxu trattament indaqs għall-kumpaniji Ewropej madwar l-UE. Tabilħaqq, kemm il-prattika legali kif ukoll id-duttrina legali juru li – minkejja l-kjarifika provduta mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja[12] – il-ħtiġijiet tat-Trattat tal-KE jinftiehmu b’modi differenti. Ġie rraportat li dan ħoloq diffikultajiet partikulari lil appaltaturi, biex huma jmexxu l-każ tagħhom kontra l-assenjazzjoni ta’ konċessjonijiet għar-reviżjoni mill-qrati nazzjonali. Din is-sitwazzjoni, biċ-ċar tista’ taqta’ qalb appaltaturi għal konċessjonijiet u tista’ tnaqqas il-kompetizzjoni għall-PPPs u fl-aħħar nett tipperikola s-suċċess tagħhom.

Fuq nota aktar ġenerali, huwa diffiċli li tifhem għaliex konċessjonijiet għal servizzi li spiss jintużaw għal proġetti kumplessi u ta’ valur għoli, huma esklużi għal kollox mil-leġiżlazzjoni sekondarja tal-KE. Xi argumenti li jfissru dan in-nuqqas ta’ proċeduri ddettaljati dwar l-assenjazzjoni fil-livell tal-KE intbagħtu tul il-konsultazzjoni fuq il- Green Paper dwar il-PPP. Dawn jinkludu l-flessibbiltà li suppost hija meħtieġa fil-qasam tal-konċessjonijiet, u l-prinċipju tas-sussidjarjetà. Dawn l-argumenti kontra inizjattiva li torbot tal-Komunità f’dan il-qasam mhumiex, madankollu, konvinċenti: l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar l-assenjazzjoni ta’ konċessjonijiet ma timplikax li awtoritajiet pubbliċi għandha tonqsilhom il-flessibbiltà meta jkunu qegħdin jagħżlu sieħeb privat għall-PPPs. Inizjattiva leġiżlattiva dwar l-assenjazzjoni ta’ konċessjonijiet jeħtieġ li tikkunsidra l-kumplessità possibbli tal-konċessjonijiet u l-ħtieġa ta’ negozjati bejn l-awtorità kontraenti u l-appaltaturi. F’dan l-isfond, huwa diffiċli li wieħed jara għaliex li turi biċ-ċar ir-regoli applikabbli għall-assenjazzjoni ta’ konċessjonijiet, fih innifsu jillimita bla bżonn il-flessibbiltà ta’ l-awtoritajiet kontraenti meta jagħtu konċessjonijiet għal servizzi. Bl-istess mod, il-kontenut preċiż ta’ inizjattiva bħal din għandu jiddetermina jekk tħarisx jew le l-prinċipju tas-sussidjarjetà. Ma hemm l-ebda raġuni għaliex il-konsiderazzjoni ta’ inizjattiva bħal din, fiha nnifisha, hija waħda li ma tħarisx dan il-prinċipju.

Wara li jkunu ġew ikkunsidrati bil-għaqal l-argumenti kollha u l-informazzjoni fattwali li jkunu ntbagħtu matul il-konsultazzjoni fuq il- Green Paper dwar il-PPP, jidher li bħalissa, inizjattiva leġiżlattiva hija l-aħjar għażla fil-każ tal-konċessjonijiet. Madankollu, kif issemma’ hawn fuq, qabel ma formalment tiġi proposta leġiżlazzjoni, jeħtieġ li ssir aktar analiżi fil-fond skond il-prinċipji ta’ “Regolamentazzjoni Aħjar”, biex (1) jiġi determinat jekk tassew hemmx ħtieġa ta’ inizjattiva tal-Komunità biex tirregola l-proċeduri għall-assenjazzjoni ta’ konċessjonijiet, (2) jekk inhu hekk, tiġi ffurmata din l-inizjattiva, u (3) jiġi mifhum aħjar l-impatt possibbli tagħha.

3.3. Kontenut ta’ inizjattiva possibbli tal-Komunità dwar il-konċessjonijiet

Kif imfisser hawn fuq, il-prinċipji ġenerali li joħorġu mit-Trattat tal-KE jista’ jkollhom bżonn ikunu murija ċari permezz ta’ leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar l-assenjazzjoni ta’ konċessjonijiet. Il-leġiżlazzjoni, li għandha tkopri kemm il-konċessjonijiet għax-xogħlijiet kif ukoll għas-servizzi, għandha tipprovdi abbozz ċar bejn konċessjonijiet u kuntratti ta’ akkwisti pubbliċi. Jinħtieġ li jkollha promozzjoni adegwata ta’ l-intenzjoni ta’ l-assenjazzjoni ta’ konċessjoni, u ffissar ta’ regoli li jirregolaw l-għażla ta’ dawk li jingħataw il-konċessjoni fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u li ma jiddiskriminawx. B’mod aktar ġenerali, ir-regoli għandhom iwasslu lejn l-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għall-parteċipanti kollha fl-assenjazzjoni tal-konċessjonijiet. Ukoll, problemi relatati mat-tul tal-konċessjonijiet, bħall-bżonn ta’ l-adattament tagħhom tul iż-żmien, kif ukoll mistqosijiet dwar PPPs stabbiliti biex jibnu u joperaw infrastrutturi bejn il-fruntieri jistgħu jkunu solvuti b’inizjattiva bħal din.

Konsegwenza waħda ta’ leġiżlazzjoni bħal din dwar il-konċessjonijiet tkun il-qabża fil-kwalità tal-ħarsien ta’ l-appaltaturi f’ħafna mill-Istati Membri, hekk kif il-konċessjonijiet, la darba jkunu koperti b’leġiżlazzjoni sekondarja tal-Komunità, jaqgħu taħt l-għan tad-Direttivi tal-Komunità dwar il-proċeduri tar-reviżjoni ta’ l-assenjazzjoni ta’ kuntratti ta’ akkwisti pubbliċi, li jipprovdu għal aktar rimedji effettivi u adegwati mill-prinċipji bażiċi tal-protezzjoni ġurisdizzjonali żviluppata mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Mhux possibbli li f’dan l-istadju jingħataw dettalji dwar il-kontenut ta’ inizjattiva potenzjali tal-Komunità dwar konċessjonijiet. L-eżistenza u l-forma ta’ regoli bħal dawn jiddependu fuq aktar riċerka li l-Kummissjoni għandha bżonn tagħmel tul evalwazzjoni sħiħa ta’ l-impatt. Huwa għalhekk prematur li wieħed jesprimi opinjoni dwar l-għan totali ta’ regoli bħal dawn, inkluża d-definizzjoni ta’ valuri gwida li ’l fuq minnhom japplikaw dawn ir-regoli. F’kull każ, inizjattiva bħal din ma għandhiex il-ħsieb li temenda regolamenti eżistenti tal-Komunità dwar setturi speċifiċi li jkopru l-assenjazzjoni ta’ konċessjonijiet fis-setturi rispettivi.

4. PPPS ISTITUZZJONALIZZATI

4.1. Metodu preferut

Il-konsultazzjoni pubblika fuq il- Green Paper dwar il-PPP uriet il-ħtieġa ta’ kjarifika ta’ kif ir-regoli tal-KE dwar l-akkwisti pubbliċi japplikaw għall-istabbiliment ta’ impriżi miżmuma b’mod konġunt bejn sieħeb pubbliku u sieħeb privat sabiex jipprovdu servizzi pubbliċi (PPPs Istituzzjonalizzati – IPPPs). Xi persuni li għandhom interess qalu li kjarifika bħal din kienet meħtieġa b’urġenza. Kien irraportat li awtoritajiet pubbliċi jastjenu li jidħlu f’IPPPs innovattivi, biex jevitaw ir-riskju li jistabbilixxu IPPPs li aktar tard jista’ jirriżulta li ma jkunux qegħdin iħarsu l-liġi tal-KE. Kienu biss ftit il-persuni li għandhom interess li argumentaw, madankollu, li ċ-ċertezza legali f’dan il-qasam kien jinħtieġ li tiġi provduta permezz ta’ strument li jorbot legalment.

Bħalissa, fil-qasam ta’ l-IPPPs, jidher li Komunikazzjoni Interpretattiva tista’ tkun l-aħjar mod biex tinkoraġġixxi kompetizzjoni effettiva u tipprovdi ċertezza legali. L-ewwel nett, b’kuntrast mal-konċessjonijiet, sa issa ma kien hemm l-ebda esperjenza ta’ Komunikazzjoni Interpretattiva li tfisser kif għandhom jiġu applikati regoli dwar l-akkwisti pubbliċi għall-istabbiliment ta’ IPPPs. Aktar minn hekk, f’ħafna mill-Istati Membri, l-istabbiliment ta’ entitajiet pubbliċi-privati biex jagħtu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali huwa kunċett kemmxejn ġdid u innovattiv. F’dan il-qasam, inizjattiva li ma torbotx, tipprovdi l-gwida meħtieġa mingħajr ma xxekkel l-innovazzjoni. Barra minn hekk, tweġiba mgħaġġla għall-inċertezzi perċepiti, tidher li hija partikularment importanti fir-rigward ta’ IPPPs.

Fuq kollox, jidher li fil-preżent, Komunikazzjoni Interpretattiva tkun aktar adattata għal din is-sitwazzjoni milli jkun l-effett sħiħ tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, jekk fil-ġejjieni l-analiżi turi li – bħal fil-każ tal-konċessjonijiet – Komunikazzjoni Interpretattiva ma tkunx biżżejjed biex tħares l-applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-KE, l-adozzjoni ta’ proposta leġiżlattiva tibqa’ għażla miftuħa.

4.2. Kontenut ta’ Komunikazzjoni Interpretattiva possibbli dwar il-PPPs istituzzjonalizzati

Komunikazzjoni Interpretattiva dwar l-IPPPs u l-liġi tal-Komunità dwar l-akkwisti pubbliċi għandhom, fuq kollox, jikkjarifikaw l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwisti pubbliċi (1) għall-istabbiliment ta’ entitajiet b’kapital imħallat, bl-għan tagħhom ikun li jipprovdu servizzi ta’ interess ġenerali (ekonomiku) u (2) għall-parteċipazzjoni ta’ ditti privati f’kumpaniji pubbliċi eżistenti li jipprovdu ħidmiet bħal dawn. F’dan il-kuntest, kull Komunikazzjoni fil-ġejjieni għandha partikularment tagħti deskrizzjoni ta’ mezzi kif jiġu stabbiliti IPPPs u tiżgura li l-assenjazzjoni ta’ ħidmiet magħhom tkun kompatibbli mal-liġi tal-KE.[13]

Fil-kuntest ta’ IPPPs, il-G reen Paper dwar il-PPP iddiskutiet ir-relazzjonijiet interni.[14] Kien enfasizzat li bħala regola, il-liġi tal-Komunità dwar il-kuntratti pubbliċi u l-konċessjonijiet tapplika meta korp kontraenti jiddeċiedi li jafda kompitu lil terza persuna, jiġifieri persuna legali distinta minnha. Hija stabbilita fil-liġi tal-każijiet[15] tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li l-pożizzjoni tista’ tkun mod ieħor biss fejn (1) l-awtorità lokali teżerċita fuq il-persuna konċernata kontroll li huwa simili għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u, fl-istess ħin, (2) dik il-persuna tagħmel il-parti essenzjali ta’ l-attivitajiet tagħha ma’ l-awtorità jew awtoritajiet lokali kontrollanti. Fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Jannar 2005 fil-każ Stadt Halle [16], il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, żiedet din id-definizzjoni ta’ “relazzjonijiet interni” billi stqarret li l-proċeduri ta’ l-assenjazzjoni pubblika mniżżla taħt id-Direttivi dwar l-Akkwisti Pubbliċi għandhom – jekk jeżistu l-kundizzjonijiet l-oħra għall-applikazzjoni tagħhom – dejjem ikunu applikati fejn awtorità kontraenti għandha l-ħsieb li tikkonkludi kuntratt li fih interess ta’ flus ma’ kumpanija distinta legalment minnha, u li għandha sehem fil-kapital tagħha flimkien ma’ ta’ l-inqas impriża privata waħda.

B’mod partikolari, persuni li għandhom interess fis-settur pubbliku, inklużi xi gvernijiet ta’ Stati Membri, sejħu għat-twessiegħ tal-kunċett in-house , li fil-fehma tagħhom huwa mifhum b’mod wisq dejjaq mill-Qorti. Madankollu, ma jidhirx li fil-preżent hemm xi evidenza b’saħħitha li tissuġġerixxi li l-kwalità tas-servizzi pubbliċi tista’ tiġi mtejba jew il-prezzijiet jiġu mnaqqsa, jekk l-impriżi privati – permezz ta’ IPPPs – jieħdu missjonijiet tas-servizz pubbliku mingħajr ma qabel ikun hemm proċedura kompetittiva ta’ l-assenjazzjoni. Aktar minn hekk, huwa diffiċli li tara kif trattament privileġġjat għall-IPPPs meta mqabbla mal-kompetituri privati tagħhom jista’ jħares l-obbligi ta’ trattament indaqs li joħroġ mit-Trattat tal-KE.

Kontribuzzjonijiet għall- Green Paper dwar il-PPP u diskussjonijiet ma’ persuni li għandhom interess fil-kuntest ta’ din il-konsultazzjoni pubblika kif ukoll esperjenzi fil-kuntest tal-proċeduri skond l-Artikolu 226 tat-Trattat tal-KE, urew li hemm bżonn ta’ kjarifika anke biex jiġi identifikat sa fejn il-liġi tal-Komunità tapplika għad-delegazzjoni ta’ kompiti lill-korpi pubbliċi, u liema forom ta’ kooperazzjoni jibqgħu barra mill-għan tad-dispożizzjonijiet tas-suq intern. Kien biss reċentement, li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja[17] għamlitha ċara li relazzjonijiet bejn awtoritajiet pubbliċi, il-korpi pubbliċi tagħhom u, b’mod ġenerali, korpi mhux kummerċjali rregolati mill-liġi pubblika ma setgħux a priori jkunu esklużi mill-liġi dwar l-akkwisti pubbliċi. B’mod ċar, aktar kjarifika fuq din il-kwistjoni tista’ tkun parti minn Komunikazzjoni Interpretattiva dwar l-IPPPs.

5. PASSI LI JMISS

Jeħtieġ li ssir aktar analiżi tal-miżuri diskussi f’din il-Komunikazzjoni preżenti, b’mod partikolari l-istrument leġiżlattiv dwar konċessjonijiet u d-dokument interpretattiv dwar l-IPPPs. Konsultazzjoni b’miri speċifiċi ma’ persuni li għandhom interess se tkun parti minn dan ix-xogħol.

Huwa ppjanat li d-dokument interpretattiv dwar l-IPPPs jitħejja tul l-2006.

Fl-2006, is-servizzi tal-Kummissjoni se jagħmlu wkoll analiżi fil-fond ta’ l-impatti ta’ inizjattiva leġislattiva possibbli dwar konċessjonijiet. Id-deċiżjoni finali dwar jekk titteħidx jew le din il-miżura, u dwar il-forma konkreta tagħha, tiddependi fuq ir-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni ta’ l-impatt.

[1] COM(2004) 327, tat-30.4.2004.

[2] Opinjoni fuq il- Green Paper dwar is-sħubiji Pubbliċi-Privati u l-Liġi tal-Komunità dwar il-kuntratti u l-konċessjonijiet pubbliċi, Brussell, 27-28 ta’ Ottubru 2004, CESE 1440/2004.

[3] Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-17 ta’ Novembru 2004 fuq il- Green Paper dwar is- sħubiji Pubbliċi-Privati u l-Liġi tal-Komunità dwar il-kuntratti u l-konċessjonijiet pubbliċi (COM(2004) 327 finali), ECOS-037.

[4] SEC(2005) 629, tat-3.5.2005. Dan ir-rapport u ħafna mill-kontribuzzjonijiet mibgħuta lill-Kummissjoni huma disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni fuq:http://europa.eu.int/comm/internal_market/publicprocurement/ppp_en.htm.

[5] Ara Komunikazzjonijiet mill-Kummisjoni, Governanza Ewropea: Tfassil ta’ Leġiżlazzjoni Aħjar , COM(2002) 275 finali, tal-5.6.2002, u Regolamentazzjoni Aħjar għat-Tkabbir u l-Impjiegi fl-Unjoni Ewropea, COM(2005)97 finali, tas-16.3.2005.

[6] L-Istati Membri għandhom bżonn idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2006.

[7] http://europa.eu.int/comm/internal_market/publicprocurement/index_en.htm

[8] F’dan il-kuntest għandha tingħata konsiderazzjoni partikolari lill-mistoqsijiet relatati mal-PPPs stabbiliti biex jibnu u joperaw infrastrutturi bejn il-fruntieri.

[9] Kumitat Konsultattiv dwar il-Ftuħ ta’ Akkwisti Pubbliċi stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 87/305/KEE.

[10] Skond l-arranġamenti għall-perjodu provviżorju, il-Kumitati ma jinkludux biss rappreżentanti ta’ l-Istati Membri iżda wkoll osservaturi mill-Istati fit-triq tas-sħubija (il-Bulgarija u r-Rumanija).

[11] Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti ta’ Xogħlijiet Pubbliċi stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 71/306/KEE.

[12] Każ C-324/98 Telaustria [2000] ECR I-10475, Każ C-231/03 Coname [2005] li għadu mhux ippubblikat fl-ECR.

[13] Komunikazzjoni bħal din għandha teżamina mill-qrib b’mod aktar speċifiku l-kwistjonijiet enfasizzati f’paragrafi 58 sa 69 tal- Green Paper dwar il-PPP.

[14] Paragrafu 63 tal- Green Paper dwar il-PPP.

[15] Sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999 fil-Każ C-107/98 Teckal [1999] ECR I-08121, paragrafu 50.

[16] Każ C-26/03 [2005], paragrafu 52, li għadu mhux ippubblikat fl-ECR.

[17] Sentenza tal-13 ta’ Jannar 2005 fil-Każ C-84/03 Kummissjoni vs Spanja [2005] li għadu mhux ippubblikat fl-ECR.