52005DC0430

Rapport mill-Kummissjoni għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill dwar l-applikazzjoni mill-istati membri tad-direttiva tal-Kunsill 95/50/KE dwar proċeduri uniformi għal kontrolli fuq it-trasport bit-triq ta' merkanzija perikoluża /* KUMM/2005/0430 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 15.9.2005

KUMM(2005) 430 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI GĦALL-PARLAMENT EWROPEW U GĦALL-KUNSILL

DWAR L-APPLIKAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI TAD-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 95/50/KE DWAR PROċEDURI UNIFORMI GħAL KONTROLLI FUQ IT-TRASPORT BIT-TRIQ TA' MERKANZIJA PERIKOLUżA

WERREJ

1. INTRODUZZJONI 3

2. SFOND 3

3. ID-DIRETTIVA 95/50/KE 4

4. RAPPORTI MILL-ISTATI MEMBRI 4

5. KALKOLAZZJONI TAD-DATA 5

6. IL-LIVELL TAL-KONTROLLI FL-ISTATI MEMBRI 5

7. IL-PROPORZJON TA’ L-OPERAZZJONIJIET TA’ TRASPORT LI JIKSRU L-LEĠISLAZZJONI 6

8. TIPI TA’ KSUR 7

9. TIPI TA’ PENALI 8

10. KONKLUŻJONIJIET 8

ANNESS I SERJE TAŻ-ŻMIEN (1997-2002) TAN-NUMRU TA’ KONTROLLI, KSUR U PENALI RREĠISTRATI F’KULL STAT MEMBRU 10

ANNESS II SOMMARJU TAL-KONTROLLI,TAL-KSUR U TAL- PENALI FL-UNJONI EWROPEA (1999-2002) 11

ANNESS III NUMRU TA’ KONTROLLI GĦAL KULL NUMRU TA’ VJAĠĠI TA’ VETTURI LI JĠORRU MERKANZIJA PERIKOLUŻA (%) 12

ANNESS IV NUMRU TA’ KONTROLLI U PROPORZJON TA’ VETTURI BARRANIN IKKONTROLLATI (1999-2002) 13

ANNESS V NUMRU TA’ KSUR / NUMRU TA’ KONTROLLI 14

ANNESS VI KSUR SKOND IT-TIP (%) 15

ANNESS VII PENALI SKOND IT-TIP (%) 16

1. INTRODUZZJONI

Id-Direttiva tal-Kunsill 95/50/KE dwar proċeduri uniformi għal kontrolli fuq it-trasport bit-triq ta’ merkanzija perikoluża kienet adottata fis-6 ta’ Ottubru 1995[1] u l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw magħha sa l-1 ta’ Jannar 1997.

Id-Direttiva 95/50/KE tistipola li kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni għal kull sena kalendarja mhux aktar tard minn tnax-il xahar wara it-tmiem ta’ dik is-sena rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva[2]. Id-Direttiva tistipola wkoll li l-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill talanqas kull tliet snin rapport fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri[3].

Ir-rapport mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq ir-rapporti annwali rċevuti mill-Istati Membri. Dan huwa t-tieni rapport fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 95/50/KE fl-Istati Membri u jkopri s-snin 1999-2002. L-ewwel rapport[4] ikopri s-snin 1997-1998.

Il-Kummissjoni tħoss li dan ir-rapport, li janalizza żewġ perjodi ta’ sentejn, jippermetti analiżi sinifikanti u jiġġustifika ż-żmien meħud biex jiġi prodott, billi l-ewwel rapport ikopri l-ewwel sentejn biss ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva. Barra minn hekk, billi l-klassifikazzjoni statistika (Annessi mad-Direttiva) ser tinbidel mill-2005[5]; it-tielet rapport ser ikopri l-aħħar sentejn tat-tip attwali ta’ Annessi mad-Direttiva.

2. SFOND

Id-Direttiva tal-Kunsill 94/55/KE tal-21 ta’ Novembru 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward tat-trasport bit-triq ta’ merkanzija perikoluża[6], kif emendat[7], daħħlet regoli armonizzati għat-trasport ta’ merkanzija perikoluża bejn l-Istati Membri kif ukoll dak intern fl-Istati Membri.

L-annessi tekniċi mad-Direttiva 94/55/KE huma identiċi f’termini ta’ kontenut ma’ l-annessi tekniċi tal-ftehim internazzjonali ADR[8]. Għalhekk, id-Direttiva 94/55/KE tittrasponi fil-liġi Komunitarja d-dispożizzjonijiet tekniċi ta’ l-ADR, li jistipola regoli uniformi għat-trasport internazzjonali sigur bit-triq ta’ merkanzija perikoluża. Il-valur miżjud tad-Direttiva hu li testendi dawn ir-regoli wkoll biex ikopru t-traffiku nazzjonali sabiex tarmonizza l-kundizzjonijiet fil-Komunità kollha taħt liema din il-merkanzija perikoluża tinġarr fit-triq u b’hekk ittejjeb, fl-istess waqt, is-sikurezza fit-toroq fuq livell nazzjonali.

L-Anness A għad-Direttiva 94/55/KE jelenka l-merkanzija perikoluża li tista’ tinġarr fit-triq u tistipola regoli għall-imballaġġ, għat-tikkettar u għad-deskrizzjoni tal-merkanzija fid-dokumenti tat-trasport. L-Anness B jistipola r-regoli dwar il-vetturi u l-operazzjonijiet ta’ trasport.

3. ID-DIRETTIVA 95/50/KE

Fil-kuntest tad-Direttiva 94/55/KE, u sabiex ikompli jitjieb il-livell ta’ sikurezza fit-trasport ta’ merkanzija perikoluża u sabiex jiġi assigurat li livell xieraq ta’ kontrolli jitwettaq b’mod armonizzat, il-Kunsill adotta fis-6 ta’ Ottubru 1995 id-Direttiva 95/50/KE dwar proċeduri uniformi għal kontrolli fuq it-trasport ta’ merkanzija perikoluża bit-triq. Din id-Direttiva tinkludi lista ta’ kontrolli armonizzata użata mill-Istati Membri kif ukoll il-lista armonizzata tal-kodiċi ta’ ksur. Din tippermetti li jsir paragun li wieħed jista' joqgħod fuqu ta’ l-infurzar fl-Istati Membri rispettivi.

Dawn il-verifiki uniformi għandhom x’jaqsmu ma’ kull attività ta’ trasport bit-triq fir-rigward ta' merkanzija perikoluża fit-territorju ta’ Stat Membru jew li tiddaħħal minn pajjiżi terzi, irrispettivament mill-pajjiż ta’ reġistrazzjoni tal-vettura. Id-Direttiva għandha l-għan li tassigura li proporzjon rappreżentattiv ta’ konsenji ta’ merkanzija perikoluża ttrasportata bit-triq tkun ikkontrollata fuq bażi aleatorja (random), filwaqt li tkopri porzjon estensiv tax-xibka tat-toroq.

Bħala miżura preventiva, jew wara li jkun imniżżel waqt il-kontroll mal-ġenb tat-triq il-ksur li jipperikola s-sikurezza, il-kontrolli jistgħu jseħħu fil-kwartieri ta’ l-impriżi.

4. RAPPORTI MILL-ISTATI MEMBRI

Mhux l-Istati Membri kollha bagħtu rapporti għal kull sena fil-perjodu 1999-2002, u xi Stati Membri ma bagħtu l-ebda rapport.

Stati Membri li ppreżentaw rapporti għas-snin kollha fil-perjodu 1999-2002 | Il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, Spanja, l-Italja, l-Olanda, l-Awstrija, il-Finlandja, L-Iżvezja, ir-Renju Unit |

Stati Membri li ppreżentaw rapporti għall-parti mill-perjodu 1999-2002 | L-Irlanda (2002[9]), il-Portugall (2000, 2001, 2002) |

Stati Membri li ma ppreżentaw l-ebda rapport għall-perjodu 1999-2002 | Il-Greċja, Franza, il-Lussemburgu[10] |

Fir-rapporti tagħhom, l-Istati Membri intalbu jużaw il-kodiċi armonizzat ta’ ksur fl-Anness II mad-Direttiva u li jippreżentaw ir-rapport f’konformità ma’ l-Anness III tad-Direttiva. Mhux l-Istati Membri kollha mxew fuq dan il-mudell. Xi Stati Membri użaw il-kodiċi mil-lista ta’ verifiki (Anness I mad-Direttiva), xi wħud kellhom sistema tagħhom ta’ klassifikazzjoni tal-ksur, kif kien il-każ tar-rapport ta’ qabel ukoll. Għalhekk, bħal fir-rapport ta’ qabel, din id-data kellha tinqaleb għall-kodiċi armonizzati. Għall-ksur li ma kienx jaqbel ma’ l-ebda wieħed mit-13-il kodiċi, intuża l-kodiċi 14 imsejjaħ “Ksur ieħor”.

Is-sommarju tar-rapporti jintgħata fl-Annessi I u II ma’ dan ir-rapport. L-Anness I fih serje tad-data taż-żmien tan-numru ta’ kontrolli, ta’ ksur u ta’ penali rreġistrati f’kull Stat Membru mill-1997 sa l-2002. L-Anness II fih informazzjoni dwar in-numru ta’ vetturi kkontrollati u n-numru u t-tipi ta’ ksur, kif ukoll in-numru u t-tipi ta’ penali, kollha kklassifikati ġeografikament (jiġifieri jekk il-vettura kkontrollata ġietx rreġistrata fl-Istat Membru li wettaq il-kontroll jew fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz.). Taħt it-tipi ta’ penali, każi fejn il-vettura ma tħallietx tkompli l-vjaġġ sakemm il-ksur ġie rimedjat kompletament kienu kklassifikati bħala twissijiet.

5. KALKOLAZZJONI TAD-DATA

L-Istati Membri intalbu jagħtu l-istimi tagħhom ta’ l-ammont ta’ trasportazzjoni ta’ merkanzija perikoluża f’tunnellati jew f’tunnellati-kilometri fir-rapport tagħhom. Fil-fatt, kważi ebda Stat Membru ma pprovda din l-informazzjoni, għalhekk proporzjon ta’ 6 % tal-merkanzija kollha ttrasportata ntuża bħala valur medju kostanti għall-istima ta’ l-ammont ta’ merkanzija perikoluża trasportata[11]. Barra minn hekk, vjaġġ medju ta’ 110 kilometri u tagħbija medja ta’ merkanzija perikoluża ta’ 10 tunnellati ntużaw fil-kalkoli.

Fuq il-bażi ta’ din id-data n-numru ta’ vjaġġi magħmula minn vetturi li jġorru merkanzija perikoluża kienet ikkalkulata. Din iċ-ċifra kienet korrelatata man-numru ta’ kontrolli fil-pajjiż biex tinkiseb informazzjoni dwar il-frekwenza tal-kontrolli bħala perċentwali tan-numru ta’ kontrolli għal kull ammont ta’ vjaġġi (Anness III).

6. IL-LIVELL TAL-KONTROLLI FL-ISTATI MEMBRI

Wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva hu li tkompli ttejjeb il-livell ta’ sikurezza billi tassikura li livell xieraq ta’ kontrolli jitwettaq. Sabiex tistima l-livell tal-kontrolli u tevalwa l-iżvilupp tiegħu, il-frekwenza tal-kontrolli fit-triq fl-Istati Membri fil-perjodu 1999-2002 jitqabbel f’tabella, mal-frekwenza kkalkulata għall-perjodu 1997-1998 (Anness III).

Fuq il-bażi ta’ din it-tabella jista’ jiġi kkalkulat li:

1) Il-frekwenza tal-kontrolli fl-Unjoni Ewropea naqsu kumplessivament minn 0.27% (1997-1998) għal 0.23 % (1999-2002).

2) Fil-Ġermaja, fi Spanja, fil-Lussemburgu, fl-Awstrija u fl-Iżvezja l-frekwenza tal-kontrolli għall-perjodu 1999-2002 jaqbeż iż-0.20 %, fil-Belġju, fl-Olanda, u fil-Finlandja hu madwar 0.10 % u fir-Renju Unit 0.05 %; f’pajjiżi oħra hu 0.02 % jew anke inqas. Madanakollu, ta’ min jinnota li proporzjon sinifikanti tal-kapaċità ta’ nfurzar disponibbli fir-Renju Unit u fl-Olanda jintuża biex jitwettqu kontrolli fl-istabbilimenti, u dawn il-kontrolli huma bbażati wkoll fuq l-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/50/KE.

3) Fil-pajjiżi fejn il-livell tal-kontrolli hu l-ogħla, hu madwar 20 darba ogħla minn dak fil-pajjiżi fejn il-livell hu l-aktar baxx.

Ta’ min jinnota li fil-kalkolazzjoni taċ-ċifri kienu tqies li għall-Istati Membri li ma ppreżentawx rapport, in-numru annwali ta’ kontrolli kien ekwivalenti għal żero. Madanakollu, anki jekk id-data tal-vjaġġi fir-rapporti neqsin m’għandhiex ikunu kkunsidrati, l-istampa ma tinbidilx radikalment, l-aktar għaliex ir-rapporti neqsin jirrappreżentaw l-istess ammont ta’ vjaġġi (madwar 20 %) sew fil-perjodu 1997-1998 sew fl-1999-2002.

Sabiex tiġi evalwata l-ekwivalenza tal-kontrolli bħal per eżempju bejn operaturi nazzjonali u dawk barranin, il-kontrolli magħmula minn kull Stat Membru u l-proporzjon ta’ vetturi barranin ikkontrollati huma ppreżentati fl-Anness IV. Dan il-proporzjon, tabilħaqq, ivarja sewwa. Madanakollu, peress li l-akbar proporzjon ta’ kontrolli fuq vetturi barranin jitwettaq f’pajjiżi ta’ tranżitu, il-proporzjonijiet xorta jidhru raġonevoli meta jitqiesu l-pożizzjonijiet ġeografiċi. Għalhekk nistgħu nikkonkludu li m’hemm l-ebda indikazzjoni li l-kontrolli mhumiex ibbilanċjati f’dan ir-rigward.

7. IL-PROPORZJON TA’ L-OPERAZZJONIJIET TA’ TRASPORT LI JIKSRU L-LEĠISLAZZJONI

Il-proporzjon ta’ l-operazzjonijiet ta’ trasport li jiksru l-leġislazzjoni ġie kkalkul permezz ta' relazzjoni bejn kull ksur (indipendentement mill-vettura, mis-sewwieq, mid-dokumentazzjoni jew mill-merkanzija trasportata) u l-vettura kkontrollata u filwaqt li tqies li seħħ ksur wieħed għal kull vettura. Peress li seta’ jkun hemm iktar minn ksur wieħed għal kull vettura, setgħet irriżultat ċifra artifiċjalment għolja. L-informazzjoni dwar il-proporzjon tal-ksur fil-perjodu 1999-2002 iddaħħlet fit-tabella, flimkien ma’ l-informazzjoni għall-perjodu 1997-1998, fl-Anness V.

Fuq il-bażi ta’ din it-tabella jista’ jiġi konkluż li:

1) il-proporzjon bejn in-numru ta’ ksur u n-numru ta’ kontrolli fl-Unjoni Ewropea bħala entità waħda żdied minn 0.22 (1997-1998) għal 0.26 (1999-2002);

2) skond il-pajjiż, il-proporzjon bejn in-numru ta’ ksur u n-numru ta’ kontrolli fil-perjodu 1999-2002 varja bejn 0.10 sa ‘l fuq minn 1.00;

3) fil-Belġju, fl-Irlanda, fl-Olanda, fl-Awstrija, fil-Portugall, fil-Finlandja u fl-Iżvezja l-proporzjon bejn in-numru ta’ ksur u n-numru ta’ kontrolli fil-perjodu 1999-2002 hu ferm ogħla mill-medja ta' l-UE (0.26), filwaqt li fil-pajjiżi l-oħra hi madwar 0.10 – 0.20.

Iċ-ċifri juru biċ-ċar li l-kontrolli fit-toroq huma neċessarji u jikkostitwixxu għodda importanti għat-titjib tas-sikurezza fit-trasport ta’ merkanzija perikoluża.

Meta nqabblu il-frekwenza (proporzjon) tal-kontrolli (Anness III) mal-proporzjon tal-ksur (Anness V), l-ebda korrelazzjoni ma tinstab.

8. TIPI TA’ KSUR

It-tipi ta’ ksur huma kategorizzati bit-13-il kodiċi armonizzat fl-Anness II tad-Direttiva. Barra minn hekk, il-kodiċi 14 (Oħrajn/Mhux magħrufa) kien miżjud għall-ksur li ma jikkorrespondux għall-ebda mit-13-kategorija definita. Għalhekk, l-14-il kodiċi użati huma l-istess bħal dawk fir-rapport ta’ qabel:

1. Merkanzija mhux awtorizzata għat-trasport;

2. Nuqqas tad-dikjarazzjoni tal-kunsinnatur dwar il-konformità tal-merkanzija u l-imballaġġ tagħha mar-regolamenti tat-trasport;

3. Vetturi li, meta jiġu eżaminati, juru sinjali ċari ta’ tnixxija ta’ sustanzi perikolużi minħabba n-nuqqas ta’ ssiġġilar tajjeb tat-tankijiet jew ta' l-ippakkjar;

4. Vetturi li ma jkollhomx ċertifikat ta’ l-approvazzjoni tat-tip jew ċertifikat li ma jkunx skond ir-regolamenti;

5. Vetturi li ma jkollhomx pjanċi oranġjo kif suppost jew pjanċi oranġjo li ma jkunux skond ir-regolamenti;

6. Vetturi li ma jkollhomx struzzjonijiet ta’ sikurezza jew b’oħrajn mhux kif suppost;

7. Vettura jew ippakkjar mhux kif suppost;

8. Sewwieq mingħajr ċertifikat ta’ taħriġ vokazzjonali għat-trasport ta’ merkanzija perikoluża bit-triq;

9. Vetturi li ma jkollhomx ċilindri tat-tifi tan-nar;

10. Vetturi jew ippakkjar mingħajr it-tikketta li turi l-preżenza ta’ merkanzija perikoluża;

11. Vetturi li ma jkollhomx dokumenti tat-trasport/dokumenti oħra relatati mat-trasport, jew b’dettalji dwar l-merkanzija perikoluża li jkun hemm fuq il-vettura li ma jkunux f’konformità mar-regolamenti;

12. Vetturi li m'humiex koperti bi qbil bilaterali/multilaterali jew li ma jkunux f’konformità mal-qbil;

13. Il-mili żejjed tat-tank;

14. Ksur ieħor.

Iċ-ċifri tal-ksur għall-perjodu 1999-2002 jingħataw fl-Anness II u fil-graff fl-Anness VI, li turi wkoll iċ-ċifri għall-perjodu 1997-1998, għall-finijiet ta’ paragun.

Numerikament, l-iktar tipi ta' ksur sinifikanti (iktar mill-5 % tat-total) fil-perjodu 1999-2002 huma dawn li ġejjin:

5. Vetturi li ma jkollhomx pjanċi oranġjo kif suppost jew pjanċi oranġjo li ma jkunux skond ir-regolamenti (11 %);

11. Vetturi li ma jkollhomx dokumenti tat-trasport/dokumenti oħra relatati mat-trasport, jew b’dettalji dwar l-merkanzija perikoluża li jkun hemm fuq il-vettura li ma jkunux f’konformità mar-regolamenti (13 %);

14. Ksur ieħor (58 %).

Fuq il-bażi ta’ dawn ir-riżultati, nistgħu nikkonkludu, b’evidenza ferm akbar mir-rapport ta’ qabel, li mhux il-kodiċi tal-ksur kollha fl-Anness II mad-Direttiva huma xierqa; fil-fatt, l-akbar proporzjon ta’ ksur huwa kklassifikat taħt “ksur ieħor” u żied ukoll minn 44 % (1997-1998) għal 58 % (1999-2002). Dan parzjalment minħabba il-fatt li ħafna punti fil-lista ta’ kontroll fl-Anness I mad-Direttiva u użati mill-awtoritajiet ta’ l-infurzar mhumiex ikkunsidrati fil-kodiċi ta’ ksur. Eżempju ta’ dan hu li, meta t-tagħmir tal-vettura u t-tagħmir għas-sewwieq jiġu eżaminati, huwa biss in-nuqqas ta’ ċilindri tat-tifi tan-nar li huwa kopert minn kodiċi armonizzat; b’hekk, kull ħsara oħra trid tkun ikklassifikata taħt “ksur ieħor”. Jidher li xi ksur tal-kodiċi qatt ma jseħħ, p.e. il-mili żejjed tat-tank. Fuq bażi ta’ dan, importanza ngħatat lejn l-emendar ta’ l-Annessi I u II mad-Direttiva.

9. TIPI TA’ PENALI

L-Istati Membri jużaw erba’ tipi differenti ta’ penali: twissija, multa, prosekuzzjoni u sentenza ta’ ħabs.

Il-penali l-aktar użati huma imposti direttament mill-awtoritajiet ta’ l-infurzar. Dawn jinkludu twissija orali jew twissija bil-miktub, li magħhom jistgħu jiżdiedu projbizzjoni tat-tkomplija tal-vjaġġ sakemm ma jiġi rimedjat il-ksur, u multa.

Il-prosekuzzjoni tista’ twassal għal liberazzjoni, għal multa u fl-aħħar, f’xi każi, għal sentenza ta’ ħabs.

Il-multa hija l-iktar penali komuni fl-użu u tirrapreżenta 69 % tal-penali imposti. Fit-tieni post jinsabu t-twissijiet, b’azzjoni korrettiva meħtieġa jew mhux (30 %). Il-prosekuzzjoni kienet irreġistrata f’1 % tal-każi, filwaqt li s-sentenzi ta’ ħabs ma jidhrux li seħħu. Dawn il-proporzjonijiet, għall-perjodu 1999-2002, jidhru fit-tabella fl-Anness II u fil-graff fl-Anness VII.

L-Anness VII juri wkoll iċ-ċifri għall-perjodu 1997-1998. Meta mqabbla ma’ dak il-perjodu, fl-1999-2002 it-twissijiet żdiedu b’5 % u kemm il-multi kif ukoll il-prosekuzzjonijiet naqsu, b’1 % u bi 3 % rispettivament.

L-istatistika dwar il-penali turi li l-akbar numru ta’ każi ta’ ksur m’humiex meqjusin bħala gravi wisq, peress li l-prosekuzzjonijiet huma rari; min-naħa l-oħra, madwar żewġ terzi huma meqjusin gravi biżżejjed biex jiġġustifikaw multa.

10. KONKLUŻJONIJIET

Minkejja li ħafna mill-Istati Membri wettqu kontrolli f’ġenb it-triq fuq it-trasport ta’ merkanzija perikoluża fil-perjodu 1999-2002, il-frekwenza tal-kontrolli tvarja sew bejn l-Istati Membri. Xi Stati Membri ma wettqu l-ebda kontroll, jew għall-inqas ma rrapurtawx li seħħu kontrolli lill-Kummissjoni. Il-frekwenza tal-kontrolli fl-Unjoni Ewropea bħala entità waħda naqset.

Il-ġustifikazzjoni għall-kontrolli tidher biċ-ċar fil-proporzjon ta’ vetturi li, matul il-kontrolli, instabu li kisru l-leġislazzjoni: il-proporzjon bejn in-numru ta’ ksur u n-numru ta’ kontrolli fl-Unjoni Ewropea bħala entità waħda naqas min 0.22 (1997-1998) għal 0.26 (1999-2002). Dan juri biċ-ċar li l-frekwenza tal-kontrolli għandha tkun ogħla f’xi pajjiżi, anke jekk ma nstabitx korrelazzjoni diretta bejn il-frekwenza tal-kontrolli u n-numru ta’ ksur.

L-iktar ksur komuni huwa n-nuqqas ta’ dokumenti tat-trasport dwar it-tagħbija ta’ merkanzija perikoluża u n-nuqqas tal-pjanċi oranġjo li l-vettura qed iġġor merkanzija perikoluża. Min-naħa l-oħra, ħafna kategoriji ta’ ksur ma jseħħu kważi qatt. Il-maġġoranza tal-ksur kienu kklassifikati taħt “Oħrajn”, minħabba l-inkompatibilità bejn il-lista ta’ verifika użata mill-awtoritajiet ta’ l-infurzar u l-kodiċi armonizzati. Dan il-fatt waħdu jiġġustifika l-modifika taż-żewġ listi mill-2005 u l-emendi ta’ l-Annessi I u II mad-Direttiva 95/50/KE[12].

L-iktar penali komuni kienet multa segwita minn twissija, li setgħet ġiet akkumpanjata minn projbizzjoni tat-tkomplija tal-vjaġġ sakemm ma jiġi rimedjat il-ksur.

Fuq il-bażi ta’ dan ir-rapport il-Kummissjoni tisħaq li l-kontrolli fit-toroq huma għodda effettiva sabiex jinkixfu il-problemi marbutin mas-sikurezza tat-trasport ta’ merkanzija perikoluża u, indirettament, fit-titjib tagħha. Madanakollu, kontrolli mwettqa fl-istabbilimenti minn xi Stati Membri huma ovvjament xorta waħda mod effettiv ta’ nfurzar, minkejja li dan ma jidhirx mill-annessi ta’ dan ir-rapport. Fl-aħħar, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni ta' l-Istati Membri li l-kodiċi armonizzati tal-ksur għandhom jintużaw fir-rapporti u r-rapporti għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni mill-Istati Membri kollha.

ANNESS I SERJE TAŻ-ŻMIEN (1997-2002) TAN-NUMRU TA’ KONTROLLI, KSUR U PENALI RREĠISTRATI F’KULL STAT MEMBRU

PAJJIŻ | 1997 | 1998 | 1999 | 2000 | 2001 | 2002 | ‘97-'98 | ‘99-'00 | ‘01-'02 |

Nru TA’ VETTURI KONTROLLATI | 509973 | 122696 | 68081 | 4682 | 705432 | 100,00 |

Nru TA’ KSUR | 90545 | 27797 | 24115 | 42578 | 185035 | 100,00 |

1. Merkanzija mhux awtorizzata | 284 | 23 | 25 | 455 | 787 | 0,43 |

2. Nuqqas tad-dikjarazzjoni tal-kunsinnatur | 1086 | 181 | 161 | 495 | 1923 | 1,04 |

3. Tnixxija | 104 | 33 | 40 | 458 | 635 | 0,34 |

4. Mingħajr ċertifikat ta’ l-approvazzjoni tat-tip | 606 | 77 | 101 | 1399 | 2183 | 1,18 |

5. Mingħajr il-pjanċi oranġjo | 10887 | 3301 | 2346 | 4123 | 20657 | 11,16 |

6. Mingħajr struzzjonijiet ta’ sikurezza | 1679 | 513 | 719 | 2591 | 5502 | 2,97 |

7. Vettura jew pakkjar mhux kif suppost | 986 | 143 | 196 | 1493 | 2818 | 1,52 |

8. Mingħajr ċertifikat ta’ taħriġ vokazzjonali | 2193 | 509 | 545 | 1254 | 4501 | 2,43 |

9. Mingħajr ċilindri tat-tifi tan-nar | 1722 | 480 | 751 | 4210 | 7163 | 3,87 |

10. Mingħajr tabelli li jwissu periklu | 3280 | 751 | 389 | 2163 | 6583 | 3,56 |

11. Mingħajr dokumenti tat-trasport | 13268 | 3570 | 2828 | 5034 | 24700 | 13,35 |

12. Mhux koperti bi qbil | 96 | 4 | 5 | 284 | 389 | 0,21 |

13. Mili żejjed tat-tank | 221 | 9 | 27 | 17 | 274 | 0,15 |

14. Oħrajn | 54133 | 18203 | 15982 | 18602 | 106920 | 57,78 |

Nru TA’ PENALI | 57660 | 17581 | 16053 | 6057 | 97351 | 100,00 |

Twissija | 13102 | 5672 | 5154 | 5422 | 29350 | 30,15 |

Multa | 43671 | 11853 | 10850 | 595 | 66969 | 68,79 |

Prosekuzzjoni | 887 | 56 | 49 | 40 | 1032 | 1,06 |

Sentenza ta’ ħabs | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0,00 |

Mhux magħruf | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0,00 |

ANNESS III NUMRU TA’ KONTROLLI GĦAL KULL NUMRU TA’ VJAĠĠI TA’ VETTURI LI JĠORRU MERKANZIJA PERIKOLUŻA (%)

[pic]

ANNESS IV NUMRU TA’ KONTROLLI U PROPORZJON TA’ VETTURI BARRANIN IKKONTROLLATI (1999-2002)

Pajjiż | Pajjiż fejn sar il-kontroll | UE oħrajn | Mhux UE | Mhux magħruf | Numru totali | % ta’ Kontrolli fuq Vetturi Barannin |

IL-BELĠJU | 7229 | 1341 | 67 | 1677 | 10314 | 13,65 |

ID-DANIMARKA | 685 | 100 | 23 | 5 | 813 | 15,13 |

IL-ĠERMANJA | 290688 | 92240 | 55271 | 0 | 438199 | 33,66 |

Il-GREĊJA | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | / |

SPANJA | 126663 | 17102 | 2279 | 0 | 146044 | 13,27 |

FRANZA | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | / |

L-IRLANDA | 428 | 7 | 0 | 0 | 435 | 1,61 |

L-ITALJA | 9575 | 212 | 103 | 0 | 9890 | 3,19 |

IL-LUSSEMBURGU | 475 | 824 | 37 | 0 | 1336 | 64,45 |

L-OLANDA | 5229 | 2869 | 402 | 3000 | 11500 | 28,44 |

L-AWSTRIJA | 13838 | 5332 | 7827 | 0 | 26997 | 48,74 |

IL-PORTUGALL | 298 | 61 | 4 | 0 | 363 | 17,91 |

IL-FINLANDJA | 5481 | 161 | 1073 | 0 | 6715 | 18,38 |

L-IŻVEZJA | 23869 | 1435 | 906 | 0 | 26210 | 8,93 |

IR-RENJU UNIT | 25515 | 1012 | 89 | 0 | 26616 | 4,14 |

UE | 509973 | 122696 | 68081 | 4682 | 705432 | 27,04 |

ANNESS V NUMRU TA’ KSUR / NUMRU TA’ KONTROLLI

[pic]

ANNESS VI KSUR SKOND IT-TIP (%)

1. Merkanzija mhux awtorizzata |

2. Nuqqas tad-dikjarazzjoni tal-kunsinnatur |

3. Tnixxija |

4. Mingħajr ċertifikat ta’ l-approvazzjoni tat-tip |

5. Mingħajr il-pjanċi oranġjo |

6. Mingħajr struzzjonijiet ta’ sikurezza |

7. Vettura jew pakkjar mhux kif suppost |

8. Mingħajr ċertifikat ta’ taħriġ vokazzjonali |

9. Mingħajr ċilindri tat-tifi tan-nar |

10. Mingħajr it-tikketta li turi periklu |

11. Mingħajr dokumenti tat-trasport |

12. Mingħajr qbil |

13. Mili żejjed tat-tank |

14. Oħrajn |

[pic]

ANNESS VII PENALI SKOND IT-TIP (%)

I. Twissija |

II. Multa |

III. Prosekuzzjoni |

IV. Sentenza ta’ ħabs |

V. Mhux magħruf |

[pic]

[1] ĠU Nru L 249, tas-17.10.1995, p. 35, kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/112/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li tadatta għal progress tekniku mad-Direttiva tal-Kunsill 95/50/KE (ĠU Nru L 367, ta’ l-14.12.2004, p. 23)

[2] Artikolu 9(1) tiegħu

[3] Artikolu 9(2) tiegħu

[4] COM(2000) 517 final, tas-06.09.2000

[5] Direttiva tal-Kummissjoni 2004/112/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li tadatta għall-progress tekniku mad-Direttiva tal-Kunsill 95/50/KE (ĠU Nru L 367, ta’ l-14.12.2004, p. 23)

[6] ĠU Nru L 319, tat-12.12.1994, p. 7, Annessi A u B miegħu ppubblikati fil-ĠU Nru L 275, tat-28.10.1996

[7] Direttiva emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/111/KE tad-9 ta’ Diċembru 2004 li tadatta għall-progress tekniku mad-Direttiva tal-Kunsill 94/55/KE (ĠU Nru L 365, ta’ l-10.12.2004, p. 25)

[8] Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali bit-triq ta’ Merkanzija Perikoluża li ntemm f’Ġinevra fit-30 ta’ Settembru 1957, kif emendat, l-aħħar verżjoni hija dik ta’ l-2005.

[9] L-Irlanda implimentat id-Direttiva mill-2001 biss.

[10] Il-Lussemburgu bagħat data sommarja biss dwar in-numru totali ta’ kontrolli u ksur irreġistrat.

[11] Id-data dwar il-merkanzija kollha trasportata ġejja mill-manwal statistiku “2004 EU Energy and Transport in Figures”, maħruġ mill-Eurostat. Id-data dwar l-Iżvezja u dwar ir-Renju Unit, disponibbli għall-operaturi nazzjonali biss, kienet adattata, sabiex tikkunsidra l-operaturi kollha, kien assunt li l-operaturi nazzjonali ġarru 70% ta’ l-ammont totali tal-merkanzija f’tunnellati-kilometri.

[12] Direttiva tal-Kummissjoni 2004/112/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li tadatta għall-progress tekniku mad-Direttiva tal-Kunsill 95/50/KE (ĠU Nru L 367, ta’ l-14.12.2004, p. 23)