52005DC0299

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Politika ta’ Koeżjoni bħala Sostenn għat-Tkabbir u għall-Impjiegi - Il-Linji ta’ Gwida Strateġiċi tal-Komunità, 2007-2013 {SEG(2005) 904} /* KUMM/2005/0299 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 5.7.2005

KUMM(2005) 299 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Politika ta’ Koeżjoni bħala Sostenn għat-Tkabbir u għall-Impjiegi: Il-Linji ta’ Gwida Strateġiċi tal-Komunità, 2007-2013

{SEG(2005) 904}

WERREJ

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI Politika ta’ Koeżjoni b ħala Sostenn għat-Tkabbir u għall-Impjiegi: Il-Linji ta’ Gwida Strateġiċi tal-Komunità, 2007-2013 1

1. L-INTRODUZZJONI 3

2. IL-KOEŻJONI, IT-TKABBIR, L-IMPJIEGI 5

2.1. L-aġenda mġedda ta’ Liżbona 5

2.2. Il-kontribuzzjoni tal-politika ta’ koeżjoni għat-tkabbir u għall-impjiegi 6

3. IL-QAFAS GĦAL POLITIKA TA’ KOEŻJONI 2007-2013 7

3.1. Il-konċentrazzjoni 7

3.2. Il-konverġenza 8

3.3. Il-kompetittività reġjonali u l-impjiegi 9

3.4. Il-kooperazzjoni territorjali Ewropea 9

3.5. Il-Governanza 10

4. IL-LINJI TA’ GWIDA GĦALL-POLITIKA TA’ KOEŻJONI, 2007-2013 12

4.1. LINJA TA’ GWIDA: Biex l-Ewropa u r-reġjuni tagħha jsiru postijiet aktar attraenti għall-investiment u għax-xogħol 13

4.1.1. It-tkabbir u t-titjib ta’ l-infrastrutturi tat-trasport 13

4.1.2. It-tisħiħ tas-sinerġiji bejn il-ħarsien ambjentali u t-tkabbir 15

4.1.3. Ikun indirizzat l-użu intensiv tas-sorsi tradizzjonali ta’ l-enerġija fl-Ewropa 16

4.2. LINJA TA’ GWIDA: It-titjib ta’ l-għarfien u ta’ l-innovazzjoni għat-tkabbir ekonomiku 17

4.2.1. It-tkabbir u t-titjib ta’ l-investiment fl-RTD 18

4.2.2. Tkun iffaċilitata l-innovazzjoni u tingħata spinta lill-intraprenditorija 20

4.2.3. Tkun inkoraġġita s-soċjetà ta’ l-informazzjoni għal kulħadd 21

4.2.4. It-titjib ta’ l-aċċess għall-finanzjament 23

4.3. LINJA TA’ GWIDA : Impjiegi aktar u aħjar 24

4.3.1. Jinġibdu aktar nies lejn id-dinja tax-xogħol u jibqgħu fiha u jkunu mmodernizzati s-sistemi ta’ħarsien soċjali 25

4.3.2. Jitjiebu l-adattabilità tal-ħaddiema u ta’ l-intrapriżi u l-flessibilità tas-suq tax-xogħol 26

4.3.3. Jitkabbar l-investiment fil-kapital uman permezz ta’ edukazzjoni u ħiliet aħjar 27

4.3.4 Il-kapaċità amministrattiva. 29

4.3.5. L-għajnuna biex tinżamm forza tax-xogħol b’saħħitha 30

5. TITQIES ID-DIMENSJONI TERRITORJALI TAL-POLITIKA TA’ KOEŻJONI 30

5.1. Il-kontribuzzjoni ta’ l-ibliet għat-tkabbir u għall-impjiegi 31

5.2. L-appoġġ għad-diversifikazzjoni ekonomika taż-żoni rurali 32

5.3. Il-kooperazzjoni 32

5.4. Il-kooperazzjoni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera 33

5.5. Il-kooperazzjoni transnazzjonali 33

5.6. Il-kooperazzjoni interreġjonali 34

6. IL-PASSI LI JMISS 34

L-ANNESS 36

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Politika ta’ Koeżjoni bħala Sostenn għat-Tkabbir u għall-Impjiegi: Il-Linji ta’ gwida Strateġiċi tal-Komunità, 2007-2013 “L-Ewropa trid iġġedded il-bażi tal-kompetittività tagħha, iżżid il-potenzjal għat-tkabbir u l-produttività tagħha u ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali, waqt li tqiegħed l-enfażi ewlenija fuq il-konoxxenza, l-innovazzjoni u l-ottimizzazzjoni tal-kapital uman.

Biex tilħaq dawn l-għanijiet, l-Unjoni trid torganizza r-riżorsi nazzjonali u Komunitarji kollha xierqa – inkluża l-politika ta’ koeżjoni – fit-tliet dimensjonijiet ta’ l-Istrateġija (ekonomika, soċjali u ambjentali) sabiex issegwi a ħjar is-sinerġija tagħhom f’kuntest ġenerali ta’ żvilupp sostenibbli” [1] .

1. L-INTRODUZZJONI

It-tkabbir reċenti għal 25 Stat Membru, bil-Bulgarija u r-Rumanija wkoll lesti biex jissieħbu fl-Unjoni fl-2007, żied b’mod drammatiku l-firda fil-livelli fi ħdan l-UE.

It-Tielet Rapport Interim dwar il-Koeżjoni ppubblikat reċentement ikkonferma li t-tkabbir ta’ l-Unjoni għal 25 Stat Membru, u iktar tard għal 27 u aktar, jippreżenta sfida mingħajr preċedenti għall-kompetittività u għall-koeżjoni interna ta’ l-Unjoni. Fl-istess ħin, ir-rapport innota li xi wħud mill-ifqar partijiet ta’ l-Istati Membri l-ġodda għandhom uħud mill-ogħla rati ta’ tkabbir ekonomiku fl-Unjoni (ara l-mappa fl-anness).

Waqt li jipprovaw jilħqu l-għanijiet stabbiliti fit-Trattat[2], u b’mod partikolari l-għan li titrawwem konverġenza reali, l-azzjonijiet sostnuti bir-riżorsi limitati disponibbli għall-politika ta’ koeżjoni għandhom ikunu kkonċentrati fuq l-inkoraġġiment tat-tkabbir sostenibbli[3], tal-kompetittività u tax-xogħol kif imniżżel fl-istrateġija mġedda ta’ Liżbona. Jidher b’mod ċar li l-istabbiltà makro-ekonomika u r-riformi strutturali huma prerekwiżit neċessarju għas-suċċess tal-politika ta’ koeżjoni flimkien ma’ firxa ta’ kondizzjonijiet oħra li jiffavorixxu l-investiment (inklużi l-implimentazzjoni effettiva tas-Suq Uniku, ir-riformi amministrattivi, governanza tajba, klima li jiffavorixxi n-negozju, u d-disponibilità ta’ ħaddiema bl-aqwa ħiliet)[4].

Dawn huma l-prinċipji li jirregolaw il-proposti għar-riforma tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2007-2013 ippreżentati mill-Kummissjoni fit-Tielet Rapport ta’ Koeżjoni ta’ Frar 2004 u f’forma ta’ baġit u ta’ leġiżlazzjoni f’Lulju 2004.

Il-proposti tal-Kummissjoni jfittxu titjib f’żewġ oqsma ewlenin. L-ewwelnett, id-dimensjoni strateġika tal-politika ta’ koeżjoni hija msaħħa biex tiżgura li l-prijoritajiet tal-Komunità jkunu integrati aħjar fil-programmi nazzjonali u reġjonali ta’ żvilupp. It-tieni, isiru sforzi biex tkun żgurata iktar il-preżenza tal-politika ta’ koeżjoni fost il-poplu. Dan huwa rifless fi djalogu rinforzat fis-sħubijiet ta’ bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni u bi qsim iktar ċar u iktar deċentralizzat tar-responsabbiltajiet f’oqsma bħall-amministrazzjoni u l-kontroll finanzjarju. Il-proposti joħolqu wkoll diviżjoni aktar ċara bejn ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni, ta’ l-Istati Membri u tal-Parlament.

Skond l-Artikolu 23 ta’ l-abbozz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali għall-Fondi Reġjonali Ewropej ta’ l-Iżvilupp (ERFD), għall-Fond Soċjali Ewropew (ESF) u għall-Fond ta’ Koeżjoni[5], huwa l-Kunsill li jrid jistabbilixxi, wara l-adozzjoni tar-regolamenti u fuq il-bażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, il-linji ta’ gwida strateġiċi tal-Komunità għall-politika ta’ koeżjoni biex “tingħata importanza lill-prijoritajiet tal-Komunità bil-għan li jkun inkoraġġit żvilupp bilanċjat, armonizzat u sostenibbli ”[6].

Il-Linji ta’ Gwida Strateġiċi tal-Komunità, abbozzati f’din il-Komunikazzjoni, għandhom il-karatteristiċi ewlenin li ġejjin:

- L-istrumenti finanzjarji li huma disponibbli għall-politika ta’ Koeżjoni huma l-Fondi Strutturali (l-ERDF u l-ESF) u l-Fondi ta’ Koeżjoni. Fil-linji ta’ gwida li ġejjin, deliberatament m’hemm l-ebda analiżi skond il-Fond. Il-kwistjoni ta’ l-istrument xieraq taħt kull intestatura hija kwistjoni li taqa’ taħt il--fażi ta’ programmazzjoni u tiddependi min-natura ta’ l-infiq ippjanat (l-infrastruttura, l-investiment produttiv, l-iżvilupp tar-riżorsi umani, eċċ);

- L-għan ewlieni huwa li jkunu identifikati l-prijoritajiet tal-Komunità għas-sostenn taħt il-politika ta’ koeżjoni sabiex jissaħħu s-sinerġijima’ l-istrateġija ta’ Liżbona u jkun hemm kontribut biex titwettaq, Liżbonakif iddefinita mil-linji ta’ gwida integrati għat-tkabbir u għall-impjiegi;

- Jikkonċernaw biss il-parti ta’ l-investimenti nazzjonali u reġjonali ko-finanzjati mill-Fondi Strutturali u mill-Fond ta’ Koeżjoni;

- Jeħtieġ li jinqraw flimkien mal-proposti leġiżlattivi. Dawn ta’ l-aħħar jiddefinixxu l-iskop u l-ambitu ta’ assistenza ta’ kull Fond, filwaqt li l-Linji ta’ Gwida Strateġiċi tal-Komunità jfittxu li jidentifikaw fi ħdan dan l-ambitu dawk l-oqsma fejn il-politika ta’ koeżjoni tista’ tikkontribwixxi bl-aktar mod effettiv għat-twettiq tal-prijoritajiet tal-Komunità, b’mod partikolari dawk ta’ l-istrateġija mġedda ta’ Liżbona;

- Jirriflettu diskussjoni ma’ l-Istati Membri u fi ħdan is-servizzi differenti tal-Kummissjoni.

Ladarba jkunu addottati mill-Kunsill, il-Linji ta’ Gwida se jkunu l-bażi biex jitħejjew l-oqfsa ta’ referenza ta’ strateġija nazzjonali u l-programmi operattivi li jirriżultaw minnhom.

2. IL-KOEŻJONI, IT-TKABBIR, L-IMPJIEGI

2.1. L-aġenda mġedda ta’ Liżbona

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2000 f’Liżbona[7] – it-test bażiku li jiddefinixxi l-istrateġija ta’ Liżbona – stabbilixxew strateġija u firxa wiesgħa ta’ għanijiet u għodod ta’ politika bil-għan li jagħmlu l-Unjoni Ewropea iktar dinamika u kompetittiva. Il-Kunsill Ewropew ta’ l-2001 f’Göteborg inkorpora dimensjoni ambjentali ma’ dawn l-għanijiet.

Ir-reviżjoni intermedja tal-proċess kkonkludiet li r-riżultati s’issa kienu mħallta. Wara bidu promettenti fis-sena 2000, it-tkabbir fil-qasam ta’ l-impjiegi naqas f’daqqa, waqt li t-tkabbir tal-produttività kien diżappuntanti matul il-perjodu kollu, parzjalment minħabba li ma ttieħidx vantaġġ sħiħ mill-konoxxenza ta’ l-ekonomija u mit-teknoloġiji ta’ l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs). Għalkemm ir-rendiment ekonomiku fqir huwa parzjalment ir-riżultat tat-tnaqqis fl-ekonomija dinjija, jeħtieġ li jsir ħafna iktar biex jiżdied il-potenzjal tat-tkabbir u tax-xogħol fl-Ewropa.

Fi Frar 2005, il-Kummissjoni pproponiet Sħubija ġdida għat-Tkabbir u għall-Impjiegi[8] lill-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2005. Il-Kunsill ikkonferma l-għanijiet tiegħu u enfażizza l-ħtieġa li tkun imnedija mill-ġdid l-Istrateġija ta’ Liżbona.

Dan l-isforz imġedded jeħtieġ li “l-Unjoni trid tinvolvi r-riżorsi nazzjonali u Komunitarji kollha xierqa – inkluża l-politika ta’ koeżjoni”[9]. Barra minn hekk, ikkonkludiet li hija neċessarja preżenza akbar ta’ l-għanijiet ta’ Liżbona fost il-poplu, li tinvolvi l-atturi reġjonali u lokali u s-sħab soċjali. Dan għandu importanza partikolari f’oqsma fejn il-viċinanza għandha rwol importanti, bħal fl-innovazzjoni u fl-, ekonomija ta’ l-għarfien, fl-impjiegi, fil-kapital uman, fl-intraprenditorija, fis-sostenn għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) jew l-aċċess għall-finazjament fejn ir-riskju għall-kapital, imma anki l-profitt, jista’ jkun konsiderevoli (risk capital financing). Iktar minn hekk, il-politika nazzjonali għandha tindirizza b’mod konsistenti l-istess għanijiet strateġiċi sabiex ikunu organizzati l-akbar ammont ta’ riżorsi u jkunu evitati azzjonijiet konfliġġenti fost il-poplu.

Fil-perjodu li għadda minn meta sar il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni adottat linji ta’ gwida integrati għall-aġenda tat-tkabbir u ta’ l-impjiegi[10] sabiex tassisti lill-Istati Membri biex jiżviluppaw programmi nazzjonali ta’ riforma. B’mod parallel, il-Kummissjoni se tħejji Programm Komunitarju ta’ Liżbona.

2.2. Il-kontribuzzjoni tal-politika ta’ koeżjoni għat-tkabbir u għall-impjiegi

Il-politika ta’ koeżjoni diġà tikkontribwixxi g ħall-istrateġija ta’ Liżbona. Evalwazzjonijiet indipendenti juru li l-politika kellha impatt makro-ekonomiku sostanzjali, b’mod speċjali fir-reġjuni li huma l-inqas żviluppati, b’effetti li jkabbru u jkattru fl-UE kollha[11]. Bil-mobilizzazzjoni tal-potenzjal għat-tkabbir li jeżisti fir-reġjuni kollha, il-politika ta’ koeżjoni ttejjeb il-bilanċ ġeografiku ta’ l-iżvilupp ekonomiku u żżid ir-rata potenzjali tat-tkabbir fl-Unjoni kollha. Jekk l-UE trid tilħaq l-għanijiet tagħha ta’ Liżbona, ir-reġjuni kollha – b’mod speċjali dawk fejn hemm l-ogħla potenzjal fil-produttività u fix-xogħol – għandhom il-parti tagħhom x'jaqdu..

Barra minn hekk, il-politika ta’ koeżjoni tikkontribwixxi biex issaħħaħ l-integrazzjoni ekonomika u politika billi, pereżempju, tiżviluppa netwerks ta’ infrastruttura u aċċess għal servizzi ta’ interess ġenerali, iżżid il-ħiliet taċ-ċittadini tal-Komunità, tkabbar l-aċċessibilità tar-reġjuni mbiegħda u tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni.

Hemm diversi modi li permezz tagħhom il-politika ta’ koeżjoni tista’ tkompli tipprovdi kontribuzzjoni sinifikanti għall-prijoritajiet ta’ Liżbona billi:

- Tinvesti f’żoni b’potenzjal kbir ta’ tkabbir . Redditi għolja huma disponibbli meta jsiru investimenti f’reġjuni li għandhom il-potenzjal li jlaħħqu malajr mal-bqija ta’ l-UE, imma fejn il-fondi domestiċi jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet kollha disponibbli.

- Tinvesti f’min imexxi t-tkabbir u x-xogħol. Il-politika ta’ koeżjoni hija ffokata fuq investimenti fil-kapital uman u f’dak fiżiku li huma essenzjali għall-potenzjal ta’ tkabbir u ta’ impjiegi, li jinkludu l-infrastruttura fiżika u ta’ l-ICT, il-ħila fir-riċerka u fl-innovazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-addattabilità tal-ħaddiema.

- Tappoġġja l-implimentazzjoni ta’ strateġiji koerenti li jvarjaw tul perjodu medju sa perjodu twil. Il-politika ta’ koeżjoni hija l-unika politika li tipprovdi qafas stabbli ta’ seba’ snin ta’ investiment.

- Tiżviluppa sinerġiji u komplementarjetajiet ma’ politika oħra tal-Komunità. Il-politika ta’ koeżjoni taġixxi bħala lieva b’saħħitha għall-implimentazzjoni ta’ politika oħra tal-Komunità. Pereżempju, il-proġetti tan-Netwerk Transewropew huma finanzjati direttament mill-Fond ta’ Koeżjoni fil-pajjiżi tal-koeżjoni, li jwassal għal titjib sostanzjali fl-aċċessibilità għall-bqija ta’ l-Ewropa; il-konformità ma’ l-acquis ambjentali u ma’ l-għanijiet iktar wesgħin ta’ żvilupp sostenibbli hija appoġġjata bis-sħiħ mill-politika ta’ koeżjoni; il-politika ta’ l-RTD u l-interessi tagħha, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ l-infrastrutturi tar-riċerka u ta’ l-iżvilupp tar-riżorsi umani fir-riċerka huma wkoll appoġġjati mill-politika ta’ koeżjoni, bħalma hija l-politika ta’ l-innovazzjoni tal-Komunità u ta’ l-SMEs.

- Torganizza riżorsi addizzjonali. L-attivitajiet ko-finanzjati mill-politika ta’ koeżjoni jiżguraw grad għoli ta’ żjieda għall-fondi ta’ l-UE, b’mod partikolari billi jċaqilqu r-riżorsi għall-investiment f’żoni fejn l-infiq jista’ jkollu l-ikbar impatt u valur addizzjonali. Huma għandhom il-qawwa li jċaqilqu riżorsi nazzjonali addizzjonali, kemm pubbliċi u kemm privati, biex jintużaw fi strateġiji ta’ żvilupp koerenti fuq livell nazzjonali u reġjonali. Kull euro li jintefaq fuq il-livell ta’ l-UE mill-politika ta’ koeżjoni jwassal għal iktar infiq, b’medja ta’ 0.9 euro, f’reġjuni inqas żviluppati (L-objettiv kurrenti 1) u 3 euro fir-reġjuni li għaddejjin minn fażi ta’ ristrutturar (L-Objettiv kurrenti 2).

- Ittejjeb il-governanza. Is-sistema unika biex iseħħul-programmi ta’ koeżjoni tiffavorixxi t-titjib fil-kapaċitajiet istituzzjonali marbuta mat-tfassil tal-politika u ma’ l-implimentazzjoni; mat-tixrid ta’ kultura ta’ evalwazzjoni; ma’ l-arranġamenti ta’ sħubija bejn il-pubbliku u l-privat; mat-trasparenza; mal-kooperazzjoni reġjonali u min-naħa għall-oħra tal-fruntiera; u ma’ l-iskambju ta’ l-aħjar prattika. Tikkontribwixxi wkoll għal governanza aħjar fuq il-livelli kollha billi ttejjeb ir-responsabbiltà u l-preżenza ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona fuq livell sub-nazzjonali.

- Tinkoraġġixxi strateġija integrata favur koeżjoni territorjali. Il-politika ta’ koeżjoni tista’ tgħin biex toħloq kommunitajiet sostenibbli, billi tiżgura li tittieħed azzjoni rigward il-kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali permezz ta’ strateġiji integrati għal tiġdid, riġenerazzjoni u żvilupp kemm fiż-żoni ta’ l-ibliet kif ukoll f’dawk rurali.

It-taqsima li ġejja tistabbilixxi l-aspetti ewlenin tal-qafas il-ġdid għall-politika ta’ koeżjoni 2007-2013, fid-dawl tal-modi differenti kif il-politika ta’ koeżjoni tista’ tikkontribwixxi għall-aġenda ta’ Liżbona.

3. IL-QAFAS GĦAL POLITIKA TA’ KOEŻJONI 2007-2013

3.1. Il-konċentrazzjoni

F’din it-taqsima, se jiġi diskuss il-qafas il-ġdid għal politika ta’ koeżjoni f’relazzjoni mal-ħtieġa għal konċentrazzjoni tematika u ġeografika. Peress li l-konċentrazzjoni tar-riżorsi hija wkoll kwistjoni ta’ proċess, id-dimensjoni tal-governanza hija diskussa wkoll.

It-tkabbir fil-produzzjoni ekonomika huwa essenzjalment magħmul minn żewġ muturi: it-tkabbir fl-impjiegi u fil-produttività. Dawn huma relatati mill-qrib u jridu jissaħħu b’mod simultanju biex jinkiseb l-impatt massimu. Sabiex tkun inkoraġġita mogħdija ta’ żvilupp sostenibbli, taħt il-programmi ta’ l-iżvilupp nazzjonali u reġjonali, 2007-2013, u tissaħħaħ il-kompetittività f’ekonomija bbażata fuq l-għarfien, huwa essenzjali li r-riżorsi jkunu kkonċentrati fuq infrastrutturi bażiċi, il-kapital uman, u r-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż l-aċċess għal u l-użu strateġiku tat-teknoloġiji ta’ l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs). Kemm l-assi tanġibbli u kemm dawk intanġibbli huma meħtieġa.

It-taħlita politika maħsuba sabiex Stat Membru jew reġjun jikseb taħlita xierqa ta’ investimenti għat-tkabbir jiddependi mill-karatteristiċi speċifiċi, mill-istruttura ta’ l-attività ekonomika u min-natura u l-firxa ta’ l-iżbilanċi strutturali, u miż-żoni potenzjali tiegħu li jistgħu joffru vantaġġ komparattiv. It-taħlita politika b’mod inevitabbli tevolvi maż-żmien, u ġġib bidla fit-tip ta’ politika u ta’ strumenti użati. Kull Stat Membru u kull reġjun għandu jsib l-aħjar taħlita ta’ politika għall-iżvilupp tiegħu fid-dawl tal-kondizzjonijiet ekonomiċi, soċjali, ambjentali, kulturali u istituzzjonali partikolari tiegħu.

Madankollu, filwaqt li t-taħlita tista’ tvarja skond il-kuntest, fuq il-livell ta’ programmi u proġetti se tkun żgurata l-konċentrazzjoni billi jkunu inklużi biss dawk l-elementi li jistgħu jikkontribwixxu għall-aġenda tat-tkabbir u ta’ l-impjiegi. Dan se jkun il-prinċipju regolatorju li l-Kummissjoni se tuża meta tkun qed tinnegozja l-programmi nazzjonali u reġjonali differenti.

Il-kwistjoni taż-żmien hija wkoll importanti fir-rigward tal-politika ta’ koeżjoni fl-Istati Membri fejn it-trasferimenti mill-Unjoni jieħdu dimensjoni makro-ekonomika. Tul perjodu qasir ta’ żmien, dawn it-trasferimenti se joħolqu pressjoni fuq l-inflazzjoni, pereżempju, fis-settur tal-kostruzzjoni, waqt li jpoġġu iktar pressjoni fuq il-kont kurrenti (minħabba l-importazzjonijiet tat-tagħmir kapitali, eċċ) u fuq il-baġit (minħabba l-arranġamenti ta’ ko-finanzjament). Huwa għalhekk importanti li l-Istati Membri u r-reġjuni jorganizzaw il-programmi ta’ l-investimenti tagħhom b’tali mod li jindirizzaw l-ostakli marbuta mas- supply-side (politika ta’ tassazzjoni baxxa li tinkoraġġixxi l-produzzjoni u l-investiment) u jkabbru l-produttività sabiex jikkumpensaw għall-pressjonijiet tad- demand-side fuq l-ekonomija nominali.

Għandhom jitqiesu wkoll il-prijoritajiet l-oħra tal-politika tal-Komunità, l-ewwelnett minħabba l-potenzjal tagħhom biex jikkontribwixxu għat-tkabbir u għall-impjiegi fi ħdan il-qafas tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni u, t-tieni, sabiex jitrawmu s-sinerġiji ma’ strateġiji politiċi oħra ta’ l-EU fost il-poplu.

3.2. Il-konverġenza

Għar-reġjuni u għall-Istati Membri li huma eliġibbli għall-appoġġ tal-politika ta’ koeżjoni taħt l-għan il-ġdid ta’ Konverġenza, l-għan ewlieni se jkun li jingħata stimolu lill-potenzjal tat-tkabbir sabiex jinżammu u jinkisbu rati għolja ta’ tkabbir. Dan l-għan għandu jitqies fid-dawl taż-żjieda mingħajr preċedenti fid-disparità fi ħdan l-Unjoni mkabbra, in-natura ta’ l-isforzi tul perjodu twil ta’ żmien li se jkunu meħtieġa biex dan jitnaqqas u l-kontribuzzjoni għall-kompetittività ta’ l-Unjoni kollha.

L-istrateġiji tagħhom għalhekk se jiffokaw fuq l-investimenti u s-servizzi kollettivi li huma meħtieġa biex tiżdied il-kompetittività fuq medda twila ta’ żmien, jinħolqu aktar impjiegi u jitkabbar l-iżvilupp sostenibbli. Se jkun meħtieġ li jinħolqu, jkunu aġġornati u jitwessgħu l-infrastrutturi u s-servizzi bażiċi, sabiex jinfetħu l-ekonomiji reġjonali u lokali, ikun stabbilit qafas ta’ appoġġ għan-negozju u jiġu utilizzati l-opportunitajiet offruti mis-Suq Uniku. Barra minn hekk, jeħtieġ li jkun hemm sforzi sostanzjali biex jinfirex l-investiment fil-kapital uman; jiżdied l-aċċess għall-impjiegi, tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali; u tkun introdotta u implimentata riforma fis-sistemi edukattivi u tat-taħriġ.

Flimkien ma’ l-isforzi indirizzati lejn l-infrastruttura bażika, jeħtieġ li tittieħed azzjoni biex tkun immodernizzata u rristrutturata l-kapaċità produttiva tar-reġjuni billi jkunu provduti servizzi lill-intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs; billi jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament; billi jkunu inkoraġġiti l-RTD u l-innovazzjoni; billi jkunu żviluppati r-riżorsi umani; u billi jkunu inkoraġġiti l-introduzzjoni, it-tixrid u l-użu ta’ l-ICTs.

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali u ta’ l-ordni istituzzjonali huwa essenzjali biex titfassal u titwassal politika effettiva.

3.3. Il-kompetittività reġjonali u l-impjiegi

Il-ħtieġa li jkun hemm konċentrazzjoni fuq numru limitat ta’ prijoritajiet ewlenin, u b’mod partikolari fuq ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-aċċessibilità u l-ħolqien ta’ l-impjiegi, hija waħda obbligatorja taħt dan l-għan sabiex ikun żgurat l-aħjar użu ta’ riżorsi finanzjarji limitati. L-investiment fil-kapital uman jista’ jkollu rwol importanti sabiex ikun żgurat adattament bla għawġ wara bidla ekonomika u ristrutturar.

L-iskop tal-kompetittività reġjonali l-ġdida u ta’ l-għan tax-xogħol huwa li jantiċipa u jinkoraġġixxi bidla ekonomika billi jkun hemm titjib fil-kompetittività u l-attrattiva tar-reġjuni ta’ l-UE permezz ta’ investimenti fl-ekonomija ta’ l-għarfien, fl-intraprenditorija, fir-riċerka, fil-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi u l-università u fl-innovazzjoni; fl-aċċess għall-infrastruttura tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni, fl-enerġija u fis-saħħa; fl-ambjent u fil-prevenzjoni tar-riskju; fis-sostenn favur l-adattabilità tal-ħaddiema u ta’ l-intrapriżi; fit-tisħiħ tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol; u fl-inkoraġġiment ta’ l-inklużjoni soċjali u tal-komunitajiet sostenibbli.

Ir-reġjuni industrijali jieħdu forom differenti. Ħafna huma kkaratterizzati mill-preżenza ta’ ditti kbar tal-manifattura, densitajiet għolja ta’ popolazzjoni u rati għoljin ta’ tkabbir ekonomiku filwaqt li oħrajn għandhom taħlita ta’industrija moderna, b’mod speċjali l-SMEs, mas-settur tas-servizzi li qed jikber b’mod relattivament malajr. Dawn iż-żewġ tipi ta’ reġjuni jistgħu, madankollu, ikunu kkonfrontati minn imkejjen f’ibliet li ilhom sejrin lura u fejn ilu jinġema’ l-faqar, mill- konġestjoni, pressjoni ambjentali u mard, minħabba li jridu jirrispondu għall-isfidi tal-globalizzazzjoni u għall-ħtieġa li jadattaw irwiehom għall-bidla ekonomika mgħaġġla. Fl-estrem l-ieħor, ħafna reġjuni industrijali oħra għadhom qed jibdew jadattaw irwieħhom għall-bidla, u l-kriżi tal-bażi industrijali ma ġiext ikkumpensata b’mod suffiċjenti b’attivitajiet ġodda.

Sadanittant, f’żoni kkaratterizzati b’densità baxxa ta’ popolazzjoni, l-iżvilupp ekonomiku huwa spiss immexxi minn ditti żgħar, imma l-isfidi li dawn qed jiffaċċjaw huma simili. Id-densità baxxa ta’ popolazzjoni tagħmilha iktar diffiċli li jkun hemm rispons għall-isfidi u għalhekk is-sitwazzjoni soċjo-ekonomika ma nbidlitx f’dawn l-aħħar għaxar snin.

Hemm varjazzjoni sħiħa fis-sitwazzjoni ekonomika taż- żoni rurali . X’uħud minnhom għandhom rabtiet tajba maċ-ċentri ta’ l-ibliet u, bl-agrikoltura li tkompli bir-rwol sinifikanti tagħha, qed jesperjenzaw żjieda fid-diversifikazzjoni ekonomika u tkabbir fl-attivitajiet tas-settur tas-servizzi, pereżempju fit-turiżmu. Żoni rurali oħra li huma iktar imbiegħda jridu jħabbtu wiċċhom ma’ popolazzjoni mferrxa ħafna u li qed tixjieħ, infrastrutturi tekniċi u soċjali ta’ livell baxx, servizzi inadegwati, u rabtiet dgħajfa mal-bqija ta’ l-ekonomija.

Li jkunu indirizzati dawn il-problemi differenti, u li r-reġjuni jkunu mgħejjuna biex jirristrutturaw u joħolqu attivitajiet ġodda skond l-aġenda mġedda ta’ Liżbona, huma l-isfidi biex jiġu ġenerati mill-ġdid il-programmi tal-kompetittività reġjonali u ta’ l-impjieg.

3.4. Il-kooperazzjoni territorjali Ewropea

L-iskop ta’ l-għan il-ġdid ta’ kooperazzjoni huwa li jinkoraġġixxi integrazzjoni iktar qawwija tat-territorju ta’ l-Unjoni fid-dimensjonijiet kollha tiegħu. B’dan il-mod, il-politika ta’ koeżjoni tappoġġja l-iżvilupp bilanċjat u sostenibbli tat-territorju ta’ l-Unjoni fuq il-livell tal-makro-reġjuni tiegħu u tnaqqas l-“effetti ostaklu” permezz tal-kooperazzjoni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera u ta’ l-iskambju ta’ l-aħjar prattika.

Dawn l-azzjonijiet huma bbażati fuq strateġiji ta’ żvilupp komuni tat-territorji konċernati (nazzjonali, reġjonali, lokali) u fuq in-netwerking tal-partijiet interessati ewlenin. Minħabba f’hekk, għandhom valur miżjud Ewropew ovvju li saħansitra jikber iktar fl-Unjoni ta’ wara t-tkabbir u iktar iddiversifikata.

3.5. Il-Governanza

Fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni, il-kwistjoni tal-governanza għandha diversi dimensjonijiet.

L-ewwel waħda għandha x’taqsam ma’ sett ta’ karatteristiċi ta’ organizzazzjonijiet pubbliċi relatati mar- rendiment u s-suċċess tal-politika pubblika. Għall-pajjiżi u r-reġjuni, b’mod partikolari dawk li huma eliġibbli taħt l-għan tal-Konverġenza, il-kwalità u l-produttività tas-settur pubbliku huma essenzjali sabiex ikunu aċċettati r-riformi u l-governanza tajba, b’mod speċjali fil-qasam ekonomiku, ta’ l-impjiegi, dak soċjali, edukattiv, ambjentali u ġudizzjarju. Dan se jgħin mhux biss biex itejjeb l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni ta’ l-UE, imma wkoll biex jiżdied ir-rendiment ekonomiku b’mod ġenerali.

Fejn il-kapaċitajiet istituzzjonali u tal-kontroll jitqiesu bħala dgħajfa, it-tisħiħ tagħhom għandu jkun prijorità ewlenija f’reġjuni inqas żviluppati. Il-kompetittività ekonomika u soċjetà ċivili iktar b’saħħitha jiddependu mhux biss fuq netwerks ta’ infrastruttura effettivi, iżda wkoll fuq l-infurzar tal-liġi b’mod li ma ssirx diskriminazzjoni, li jkun prevedibbli u trasparenti; fuq l-assenjazzjoni u l-infurzar ta’ drittijiet negozjabbli tal-proprjetà, inklużi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; fuq sistema miftuħa ta’ l-appalt pubbliku; u fuq amministrazzjoni li tnaqqas kemm tista’ l-piż amministrattiv fuq l-operaturi ekonomiċi.

Għalhekk, meta jkunu qed jiżviluppaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom janalizzaw, b’mod sistematiku, sa liema punt amministrazzjoni pubblika iktar effiċjenti, responsabbli u trasparenti tista’ tgħin biex jiżdiedu l-livelli tal-produttività. Għalhekk, it-trawwim tal-kapaċità għall-amministrazzjonijiet pubbliċi fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali, biex jittejjeb il-qafas amministrattiv għall-attività ekonomika, biex titfassal u tkun implimentata sew il-politika, inkluż li jsiru liġijiet, evalwazzjoni u analiżi ta’ l-impatt ta’proposti politiċi b’mod aħjar, u monitoraġġ regolari tal-mekkaniżmi ta’ attwazzjoni, għandhom ikunu appoġġjati mill-Fondi Strutturali.

It-tieni dimensjoni tirreferi għal miżuri u azzjonijiet li huma meħtieġa b’mod speċifiku sabiex tittejjeb il-kapaċità ta’ l-Istati Membri biex jamministraw u jimplimentaw il-politika ta’ koeżjoni. Amministrazzjoni soda u effiċjenti tal-Fondi titlob strutturi xierqa, effettivi u trasparenti f’amministrazzjonijiet ċentrali u reġjonali li huma kapaċi jwettqu l-kompiti relatati ma’ l-implimentazzjoni tal-Fondi, bħall-appalt pubbliku, il-kontroll finanzjarju, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni. L-użu effettiv tal-Fondi huwa wkoll influwenzat mill-kapaċitajiet ta’ dawk li għandhom il-proġetti f’idejhom li jiżviluppaw u jimplimentaw proġetti ta’ kwalità għolja. Fejn ir-riżorsi jkunu użati b’mod effiċjenti u trasparenti, il-viżibilità tagħhom minnha nfisha tinkoraġġixxi l-intraprendituri privati u lis-sħab soċjali, u toħloq l-ambjent fejn ta’ l-ewwel jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ l-investimenti. Għaldaqstant, jeħtieġ li tittieħed azzjoni f’dan il-qasam ukoll, u din għandha tkun appoġġjata b’assistenza teknika.

Fattur relatat, u importanti ħafna, li jiddetermina l-effikaċja tal-politika ta’ koeżjoni huwa dak tal-kwalità tas- sħubija bejn il-partijiet interessati kollha, inklużi dawk fuq livell reġjonali u lokali, fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-programmi. Barra minn hekk, sħubija b’saħħitha bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri hija l-bażi biex tkun iddeterminata strateġija ta’ koeżjoni, u l-implimentazzjoni aħħarija tagħha permezz tal-programm operattiv.

L-iżvilupp ta’ proġetti innovattivi bbażati fuq sħubija, u li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni ċivili fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika pubblika, kif ukoll it-titjib ta’ l-azzjoni reċiproka bejn u fi ħdan il-komunitajiet jistgħu jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ kapital uman u soċjali, li jwassal għal impjiegi, tkabbir, kompetittività u koeżjoni soċjali sostenibbli. F’dan il-kuntest, huwa importanti li l-partijiet interessati ewlenin fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali juru solidarjetà ma’ l-aġenda tar-riforma sabiex ir-riżorsi jkunu k konċentrati b’mod ġenwin fuq l-aġenda tat-tkabbir u ta’ l-impjiegi, u n-netwerks tas-sħubija neċessarji għal dan il-għan jitqiegħdu f’posthom.

Ir-reġjuni huma mħeġġa sabiex jiżviluppaw strateġiji reġjonali ta’ żvilupp sostenibbli, filwaqt li jibnu kunsens dwar l-għanijiet li għandhom jintlaħqu permezz ta’ djalogu regolari u sistematiku mal-partijiet interessati ewlenin. Is-sħubija hija essenzjali għat-tfassil u għall-implimentazzjoni ta’ l-istrateġiji ta’ żvilupp, u tistrieħ fuq il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati, bħall-awtoritajiet kompetenti, is-sħab ekonomiċi u soċjali, u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili inklużi l-organizzazzjonijiet mhux governamentali. Is-sħubija tipprovdi bażi għall-ftuħ u għat-trasparenza fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-programmi.

Is-sħubijiet bejn il-Pubbliku u l-Privat

Is-Sħubija bejn il-Pubbliku u l-Privat (SPP) tista’ tkun metodu xieraq biex ikun iffinanzjat l-investiment meta jkun hemm skop sinifikanti biex ikun involut is-settur privat, b’mod speċjali f’żoni fejn mhux possibbli jew xieraq li l-proprjetà pubblika jew il-forniment tas-suq jinqatgħu kompletament. Minbarra s-saħħa finanzjarja li tipprovdi, is-sħubija bejn il-pubbliku u l-privat fuq livell ta’ proġetti ttejjeb ukoll il-kwalità ta’ l-implimentazzjoni u ta’ l-amministrazzjoni sussegwenti tal-proġetti. L-Istati Membri huma għalhekk imħeġġa li jagħżlu sħubijiet bħal dawn meta jkunu disponibbli. Il-benefiċċji ewlenin ta’ skemi ta’ SPP bħal dawn huma li:

• is-settur pubbliku jikseb aċċess għal firxa wiesgħa ta’ ħiliet tas-settur privat li għandhom jippermettulu li jipprovdi servizz iktar effiċjenti u ta’ nefqa effettiva

• is-settur privat iġorr firxa ta’ riskji li bl-appalt pubbliku tradizzjonali kieku jinġarru mis-settur pubbliku

• tista’ tkun iġġenerata iktar effiċjenza meta parti waħda tkun responsabbli għat-tfassil, għall-kostruzzjoni, għall-amministrazzjoni u għall-finanzjament bħala parti minn pakkett integrat.

Meta jkun qed jitqies jekk għandux isir xi proġett partikolari bħala SPP, huwa importanti li jkunu sodisfatti ċertu kundizzjonijiet qabel ma jkun assenjat il-kuntratt tal-forniment ta’ l-oġġetti u tas-servizzi, b’mod partikolari meta jitqiegħed f’postu qafas legali xieraq.

L-arranġamenti tal-SPP jaħdmu l-aħjar meta jkun hemm impenn politiku espliċitu mill-gvernijiet nazzjonali sabiex jinvolvu s-settur privat fil-proġetti tas-settur pubbliku. Oqfsa ċari u speċifiċi huma meħtieġa għall-SPP f’diversi oqsma tal-politika; se jvarjaw, pereżempju, skond kemm l-ispejjeż ikunu jistgħu jiġu rkuprati permezz tal-ħlasijiet min-naħa ta’ l-utenti u skond kemm huma mifruxa l-għanijiet soċjali.

L-UE se tappoġġja dawn il-SPPs billi tipprovdi l-finanzi, permezz tal-fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni, fejn il-proġetti jkunu jissodisfaw il-kriterji kollha neċessarji. Għal proġetti ikbar, il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-Istat Membru (MS) biex jinkludi evalwazzjoni dwar kemm huwa adattat għal skema ta’ SPP. L-EIB u l-EIF jistgħu jipprovdu informazzjoni ta’ siwi f’dan ir-rigward.

4. IL-LINJI TA’ GWIDA GĦALL-POLITIKA TA’ KOEŻJONI, 2007-2013

Fid-dawl ta’ dak li ssemma aktar ’il fuq u fid-dawl ta’ l-istrateġija mġedda ta’ Liżbona għat-tkabbir u għall-impjiegi, il-programmi ko-finanzjati permezz tal-politika ta’ koeżjoni għandhom ifittxu li jilħqu r-riżorsi konċernati skond it-tliet prijoritajiet li ġejjin[12]:

- itejbu l- attrattiva ta’ l-Istati Membri, tar-reġjuni u ta’ l-ibliet billi jtejbu l-aċċessibilità, jiżguraw kwalità u livell ta’ servizzi adegwati, u jżommu l-potenzjal ambjentali tagħhom;

- jinkoraġġixxu l- innovazzjoni, l-intraprenditorija u t-tkabbir ta’ l- ekonomija ta’ l-għarfien permezz tal-kapaċitajiet tar-riċerka u ta’ l-innovazzjoni, li jinkludu t-teknoloġiji ġodda ta’ l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni; u

- joħolqu iktar impjiegi u li jkunu ta’ kwalità aħjar billi jattiraw iktar nies lejn ix-xogħol jew lejn l-attività intraprenditorjali, itejbu l-adattabilità tal-ħaddiema u ta’ l-intrapriżi u jżidu l-investiment fil-kapital uman.

Fit-taqsimiet li ġejjin, se jkunu eżaminati l-aspetti ewlenin ta’ kull wieħed minn dawn l-oqsma wesgħin permezz ta’ linji ta’ gwida speċifiċi taħt kull titolu. Naturalment, dawn il-linji ta’ gwida aktar dettaljati mhux se jkunu kollha rilevanti għar-reġjuni kollha. L-iktar taħlita ta’ investimenti adattata fl-aħħar mill-aħħar tiddependi fuq l-analiżi tal-punti tajbin u tal-punti dgħajfin ta’ kull Stat Membru u reġjun. Il-linji ta’ gwida pjuttost jirrappreżentaw qafas wieħed li l-Istati Membri u r-reġjuni huma mistiedna li jużaw meta jkunu qed jiżviluppaw programmi nazzjonali u reġjonali, b’mod partikolari bil-ħsieb li jivvalutaw il-kontribuzzjoni tagħhom għall-għanijiet ta’ l-Unjoni f’termini ta’ koeżjoni, tkabbir u impjiegi. Il-Linji ta’ Gwida huma kondizzjoni neċessarja, imma mhumiex l-unika kondizzjoni biex jinkiseb l-aħjar livell ta’ konċentrazzjoni dwar il-prijoritajiet ewlenin għal kull Stat Membru u reġjun skond l-aġenda mġedda ta’ Liżbona.

Skond it-tnedija mill-ġdid ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona għat-Tkabbir u għall-Impjiegi, il-politika ta’ koeżjoni għandha tiffoka b’mod iktar qawwi fuq l-għarfien, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u fuq il-kapital uman. Għalhekk, l-isforz finanzjarju totali li jsostni lil dawn l-oqsma ta’ azzjoni għandu jiżdied b’mod sinifikanti. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom ikunu ispirati mill-aħjar prattika meta din tkun tat riżultati pożittivi li jidhru f’termini ta’ tkabbir u impjiegi.

L-Istati Membri u r-reġjuni għandhom ifittxu li jissodisfaw l-għan ta’ l- ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-istadji kollha tal-preparazzjoni u ta’ l-implimentazzjoni tal-programmi u tal-proġetti. Dan jista’ jsir permezz ta’ azzjonijiet speċifiċi li jinkoraġġixxu l-ugwaljanza jew jopponu d-diskriminazzjoni, kif ukoll billi jitqies bir-reqqa l-mod kif il-proġetti u l-amministrazzjoni tal-fondi jistgħu jaffettwaw lin-nisa u lill-irġiel.

4.1. LINJA TA’ GWIDA: Biex l-Ewropa u r-reġjuni tagħha jsiru postijiet aktar attraenti għall-investiment u għax-xogħol

Waħda mill-prerekwiżiti għat-tkabbir u għall-impjiegi hija li jkun żgurat li l-infrastruttura neċessarja (eż. it-trasport, l-ambjent, l-enerġija) tkun disponibbli għall-impriżi. Infrastruttura moderna hija fattur importanti fir-rendiment ta’ ħafna intrapriżi, li taffetwa l-attrattiva ekonomika u soċjali tar-reġjuni. L-investiment fl-infrastruttura f’reġjuni li qegħdin lura, b’mod speċjali fl-Istati Membri l-ġodda, se jinkoraġġixxi t-tkabbir u għaldaqstant isaħħaħ il-konverġenza mal-bqija ta’ l-Unjoni. Ir-riżorsi m’għandhomx jiġu biss minn għotjiet iżda anki minn self, pereżempju mill-Bank Ewropew ta’ l-Investiment (BEI). L-Istati Membri se jkollhom l-opportunità li jagħmlu użu ikbar mill-kompetenza tal-BEI sabiex iħejju proġetti xierqa biex jingħataw fondi Ewropej.

4.1.1. It-tkabbir u t-titjib ta’ l-infrastrutturi tat-trasport

Li tkun provduta infrastruttura tat-trasport effiċjenti, flessibbli u mingħajr periklu tista’ titqies bħala prerekwiżit neċessarju għall-iżvilupp ekonomiku peress li tinkoraġġixxi l-produttività u għaldaqstant, il-prospetti ta’ żvilupp tar-reġjuni konċernati billi tiffaċilita ċ-ċaqliq tan-nies u ta’ l-oġġetti. In-netwerks tat-trasport jinkoraġġixxu l-opportunitajiet għall-kummerċ, waqt li jżidu l-effiċjenza. Barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ infrastrutturi tat-trasport fl-Ewropa kollha (b’mod partikolari l-partijiet rilevanti tat-tletin proġett prijoritarju għan-Netwerks Transewropej tat-Trasport), b’attenzjoni partikolari fuq proġetti min-naħa għall-oħra tal-fruntieri, huwa essenzjali biex tinkiseb integrazzjoni akbar tas-swieq nazzjonali, b’mod speċjali fi ħdan il-kuntest ta’ Unjoni wara t-tkabbir.

L-investiment fl-infrastruttura jeħtieġ li jkun adattat għall-ħtiġijiet speċifiċi u għal-livell ta’ żvilupp ekonomiku tar-reġjuni u tal-pajjiżi konċernati. Tipikament, l-investimenti fl-infrastruttura (kif jiġri f’investimenti oħra) juru li r-rati ta’ qligħ qed jonqsu ’l fuq minn ċertu livell ta’ għoti ta’ fondi. Il-qligħ ekonomiku fuq investimenti bħal dan jkun għoli meta l-infrastruttura tkun skarsa u n-netwerks bażiċi ma jkunux tlestew, imma x’aktarx li jonqos ladarba jkun intlaħaq ċertu livell.

Għalhekk għandhom jitqiesu l-livell ta’ l-iżvilupp ekonomiku reġjonali u l-eżistenza ta’ wirt infrastrutturali kbir. Fir-reġjuni u fil-pajjiżi li huma l-inqas żviluppati, ir-rabtiet internazzjonali u interreġjonali jistgħu joffru qligħ ogħla tul perjodu itwal ta’ żmien f’termini ta’ żjieda fil-kompetittività kummerċjali u wkoll billi jkun iffaċilitat iċ-ċaqliq tal-ħaddiema. Min-naħa l-oħra, għal reġjuni b’bażi ekonomika mferrxa u ta’ daqs żgħir, u b’mudell ta’ urbanizzazzjoni bbażat fuq bliet żgħar, il-kostruzzjoni ta’ infrastruttura ta’ trasport reġjonali tista’ tkun iktar xierqa. F’reġjuni ta’ konverġenza, u f’livell inqas f’reġjuni li jkunu qed jispiċċaw b’mod gradwali, li jkollhom netwerks ta’ toroq inadegwati, il-fondi għandhom ikunu disponibbli wkoll biex jinbnew kollegamenti ta’ toroq li jkunu ekonomikament essenzjali.

Sabiex jikbru kemm jistgħu l-benefiċċji li jirriżultaw mill-investimenti fit-trasport, l-assistenza mill-Fondi trid tkun ibbażata fuq numru ta’ prinċipji.

L-ewwelnett, għandhom jintużaw kriterji oġġettivi sabiex jiddeterminaw il-livell u n-natura ta’ l-investiment infrastrutturali li jkun se jitwettaq. Pereżempju, ir-rati potenzjali ta’ qligħ għandhom jiġu kkalkulati skond il-livell ta’ żvilupp ekonomiku u n-natura ta’ l-attivitajiet ekonomiċi tar-reġjuni konċernati, skond id-densità prevalenti ta’ l-infrastrutturi jew il-grad ta’ konġestjoni. Meta jiġu ddeterminati r-rati soċjali tal-qligħ, għandhom jitqiesu wkoll l-implikazzjonijiet ambjentali u soċjali tal-proġetti infrastrutturali prospetttivi.

It-tieni, il-prinċipju ta’ sostenibbiltà ambjentali għandu jkun irrispettat bl-aħjar mod possibbli, skond il- White Paper [13]. Fattur importanti għandu jkun dak li fl-Ewropa tkun ibbilanċjata d-dominanza tat-trasport bl-art billi jkunu inkoraġġiti modi alternattivi u trasport imħallat.

It-tielet, fir-reġjuni ta’ Konverġenza għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-immodernizzar tas-sistema tal-ferroviji billi jintgħażlu s-sezzjonijiet ta’ prijorità, filwaqt li tkun żgurata l-interoperabilità tagħhom fi ħdan il-qafas tas-Sistema Ewropea ta’ l-Amministrazzjoni tat-Trasport bil-Ferroviji (SEATF).

Ir-raba’, l-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport għandhom ikunu akkumpanjati minn amministrazzjoni xierqa tat-traffiku, b’attenzjoni partikolari għas-sigurtà, skond l-istandards nazzjonali u tal-Komunità. L-istrateġiji nazzjonali u reġjonali għandhom iqisu l-ħtieġa li jinkiseb qsim modali bbilanċjat (u ċar) li jissodisfa l-ħtiġijiet kemm ekonomiċi u kemm ambjentali. L-istrateġiji għandhom jinkludu, pereżempju, sistemi intelliġenti tat-trasport, pjattaformi multi-modali u, b’mod partikolari, teknoloġiji li jkunu użati għall-SEATF u għas-SESAME (biex fl-Ewropa jkun hemm sistema ta’ amministrazzjoni tat-traffiku bl-ajru li tkun iktar uniformi).

Ibbażati fuq il-prinċipji t’aktar ’il fuq, il-linji ta’ gwida għall-azzjoni huma kif ġej:

- L-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità lit- 30 proġett ta’ interess Ewropew , li jinsabu fi Stati Membri u reġjuni eliġibbli taħt l-għan ta’ Konverġenza[14]. Proġetti oħra tat-TEN għandhom jirċievu l-appoġġ fejn ikun hemm ħtieġa qawwija f’termini ta’kontribuzzjoni għat-tkabbir u għall-kompetittività. Fi ħdan dan il-grupp ta’ proġetti, il-konnessjonijiet min-naħa għall-oħra tal-fruntiera u dawk issorveljati mill- koordinaturi Ewropej fl-Istati Membri, li nħatru apposta, jixirqilhom attenzjoni speċjali. L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-koordinaturi bħala mezz biex inaqqsu ż-żmien bejn l-allokament ta’ l-ippjanar tan-netwerk u l-kostruzzjoni fiżika tiegħu.

- Se jkun ukoll importanti l-investiment komplementari f’ konnesjonijiet sekondarji fil-kuntest ta’ strateġija reġjonali u integrata ta’ trasport u komunikazzjoni li tkopri ż-żoni urbani u rurali, sabiex ikun żgurat li r-reġjuni jibbenefikaw mill-opportunitajiet maħluqa min-netwerks il-kbar.

- Is-sostenn għall- infrastruttura tal-ferroviji għandu jfittex li jiżgura iktar aċċess. Il-ħlasijiet fuq il-linji tal-ferrovija għandhom jiffaċilitaw l-aċċess għall-operaturi indipendenti. Għandhom ikabbru wkoll il-ħolqien ta’ netwerk interoperattiv fl-UE kollha. Il-konformità u l-applikazzjoni ta’ l-interoperabilità u l-adattament tas-SEATF fuq il-vaguni tal-ferrovija u fuq il-linji għandhom ilkoll ikunu parti mill-proġetti kollha ffinanzjati.

- Tingħata spinta lin- netwerks tat-trasport li huma sostenibbli ambjentalment. Din tinkludi faċilitajiet tat-trasport pubbliku (inklużi infrastrutturi tal- park-and-ride ), pjanijiet dwar il-mobilità, toroq bid-dawra, żjieda fis-sigurtà tal-postijiet fejn jiltaqgħu it-toroq, it-traffiku ħafif (lejns għaċ-ċiklisti, mogħdijiet għan-nies li jmorru bil-mixi). Tinkludi wkoll azzjonijiet li jipprovdu aċċessibilità għas-servizzi komuni tat-trasport pubbliku għal ċertu gruppi partikolari (l-anzjani, il-persuni b’diżabilità) u li jipprovdu netwerks ta’ distribuzzjoni għall-fjuwils alternattivi tal-vetturi.

- Sabiex tkun iggarantita l-effiċjenza ottimali ta’ l-infrastrutturi tat-trasport biex ikun inkoraġġit l-iżvilupp reġjonali, għandha tingħata attenzjoni biex tittejjeb il- konnessjoni ta t-territorji mdawra bl-art man-netwerk Transewropew (TEN-T) (ara l-mappa fl-anness). F’dan ir-rigward, l-iżvilupp ta’ rabtiet sekondarji, b’attenzjoni partikolari għall-inter-modalità u għat-trasport sostenibbli, għandu jkun inkoraġġit. B’mod partikolari, il-portijiet u l-ajruporti għandhom ikunu kkollegati ma’ l-intern tal-pajjiż tagħhom.

- Għandha tingħata iktar attenzjoni għall-iżvilupp ta’ “ awtostradi tal-baħar” u għall-ġarr fuq il-baħar tul distanzi qosra bħala alternattiva vijabbli għat-trasport tul distanzi twal fuq it-toroq jew bil-ferrovija.

Meta l-Istati Membri jirċievu appoġġ kemm mill-Fondi ta’ Koeżjoni u kemm mill-Fondi Strutturali, fil-programmi għandha ssir distinzjoni bejn it-tipi ta’ azzjonijiet ffinanzjati minn kull wieħed mill-Fondi, bil-Fond ta’ Koeżjoni li jkollu ir-rwol ewlieni fl-appoġġ għan-netwerks tat-trasport Transewropew.

Min-naħa tagħhom, il-Fondi Strutturali għandhom ġeneralment jiffokaw fuq l-iżvilupp ta’ infrastruttura marbuta ma’ miżuri li jixprunaw it-tkabbir ekonomiku (bħall-iżvilupp tat-turiżmu, it-titjib biex tiżdied l-attrattiva tal-postijiet industrijali, eċċ). Fir-rigward ta’ l-infrastruttura tat-toroq, l-investimenti għandhom ikunu konformi ukoll ma’ l-għan ġenerali tas-sigurtà fuq it-toroq.

Il-ko-finanzjament mill-Fondi ta’ Koeżjoni u mill-Fondi Strutturali għandu jikkomplementa l-għotjiet mill-baġit għan-Netwerks Transewropej. L-Istati Membri se jkollhom jiddeterminaw minn qabel l-istrument li huwa l-iktar adatt għall-proġetti ppjanati. Il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni jistgħu jingħaqdu mal-parti tal-garanzija għas-self ta’ l-istrumenti tat-TEN.

4.1.2. It-tisħiħ tas-sinerġiji bejn il-ħarsien ambjentali u t-tkabbir

L-investimenti ambjentali jistgħu jagħtu kontribut lill-ekonomija fi tliet modi: jistgħu jiżguraw is-sostenibbiltà tat-tkabbir ekonomiku fuq perjodu twil, inaqqsu l-ispejjeż ambjentali esterni għall-ekonomija (eż. spejjeż tas-saħħa, spejjeż ta’ ikklerjar jew irkupru tad-danni) u jistimulaw l-innovazzjoni u l-ħolqien ta’ l-impjiegi. Il-programmi ta’ koeżjoni tal-ġejjieni għandhom ifittxu li jsaħħu s-sinerġiji potenzjali bejn il-ħarsien ambjentali u t-tkabbir. Li jkunu provduti servizzi ambjentali bħall-infrastrutturi għat-trattament ta’ l-iskart u ta’ l-ilma tad-dranaġġ, l-amministrazzjoni tar-riżorsi naturali, id-dekontaminazzzjoni ta’ l-art sabiex titħejja għal attivitajiet ekonomiċi ġodda, u l-ħarsien minn ċerti riskji ambjentali, għandhom ilkoll ikollhom prijorità għolja f’dan il-kuntest.

Sabiex jitkabbru kemm jistgħu l-benefiċċji ekonomiċi u jitnaqqsu kemm jistgħu l-ispejjeż, għandha tingħata prijorità lill-ġlieda kontra t-tniġġis ambjentali fis-sorsi tiegħu. Fis-settur ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-iskart, dan jimplika attenzjoni ffokata fuq il-prevenzjoni ta’ l-iskart, fuq ir-riċiklaġġ u l-bijodegradazzjoni ta’ l-iskart li huma irħas u jipprovdu iktar impjiegi meta mqabbla mal- landfill ) u mal-ħruq, li huma s-soluzzjonijiet ta’ l-aħħar u l-inqas favorevoli.

L-istrateġiji ta’ l-iżvilupp għandhom ikunu bbażati fuq evalwazzjoni preċedenti tal-ħtiġijiet u tal-kwistjonijiet speċifiċi ffaċċjati mir-reġjuni, fejn huwa possibbli billi jintużaw indikaturi xierqa. Għandhom isiru sforzi biex tkun inkoraġġita l-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż ambjentali esterni, b’sostenn għat-twaqqif u għall-iżvilupp ta’ strumenti li huma bbażati fis-suq (ara, pereżempju, l-istrumenti proposti fil-Pjan ta’ Azzjoni tat-Teknoloġiji Ambjentali).

Għalhekk, il-linji ta’ gwida rakkomandati għall-azzjoni huma dawn li ġejjin:

- li jkunu indirizzati l-ħtiġijiet sinifikanti għall-investiment fl- infrastruttura , b’mod partikolari fir-reġjuni ta’ Konverġenza, partikolarment fl-Istati Membri l-ġodda, biex dawn ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni ambjentali fl-oqsma ta’ l-ilma, ta’ l-iskart, u tal-ħarsien tan-natura u ta’ l-ispeċijiet.

- li jkun żgurat li jeżistu kondizzjonijiet attraenti għall-impriżi u għall-istaff tagħhom li jkun magħmul minn nies ta’ ħila kbira. Dan jista’ jkun żgurat billi jkun inkoraġġit l-ippjanar ta’ l-użu ta’ l-art li jnaqqas it-tixrid urban, u billi jkun riabilitat l-ambjent fiżiku, inklużi l-assi naturali u kulturali. L-investimenti f’dan il-qasam għandhom ikunu marbuta direttament ma’ l-iżvilupp ta’ impriżi innovattivi u li joħolqu l-impjiegi fil-postijiet konċernati.

- li flimkien ma’ l-investimenti fl-enerġija u fit-trasport sostenibbli li huma koperti bnadi oħra, ikunu inkoraġġiti l-investimenti li jikkontribwixxu għall- impenji ta’ Kyoto ta’ l-UE.

- li jittieħdu miżuri ta’ prevenzjoni tar-riskju permezz ta’ titjib fl-amministrazzjoni tar-riżorsi naturali, permezz ta’ riċerka aktar immirata u użu aħjar ta’ l-ICTs, u permezz ta’ strateġiji politiċi iktar innovattivi dwar l-amministrazzjoni pubblika (ara l-mappa fl-anness).

Fejn l-Istati Membri jirċievu appoġġ kemm mill-Fondi ta’ Koeżjoni u kemm mill-Fondi Strutturali, fil-programmi għandha ssir distinzjoni bejn it-tipi ta’ azzjonijiet iffinanzjati minn kull wieħed mill-Fondi. Il-Fondi ta’ Koeżjoni għandhom, b’mod ġenerali, jiffokaw fuq l-investimenti infrastrutturali marbuta ma’ mat-tniġġis ta’ l-ilma, l-iskart u ta’ l-arja, filwaqt li l-Fondi Strutturali għandhom, b’mod ġenerali, jiffokaw fuq il-promozzjoni ta’ sistemi ta’ amministrazzjoni ambjentali, fuq it-tixrid ta’ teknoloġiji li ma jħammġux l-ambjent fl-IŻMs (Impriżi Żgħar u Medji) u fuq ir-riabilitazzjoni ta’ postijiet ikkontaminati.

4.1.3. Ikun indirizzat l-użu intensiv tas-sorsi tradizzjonali ta’ l-enerġija fl-Ewropa

Prijorità relatata hija l-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza mill-enerġija tradizzjonali permezz ta’ titjib fl-effiċjenza ta’ l-enerġija u fl-enerġiji li jistgħu jiġġeddu. L-investimenti f’dawn l-oqsma jikkontribwixxu għall-provvista ċerta ta’ l-enerġija għal tkabbir ekonomiku tul perjodu twil ta’ żmien, waqt li jaġixxu bħala sors ta’ innovazzjoni u jipprovdu opportunitajiet għall-esportazzjoni.

L-investiment f’sorsi tradizzjonali ta’ enerġija huwa meħtieġ ukoll, sabiex tkun żgurata provvista ċerta. B’mod partikolari, il-Fondi għandhom jikkonċentraw – fejn ikun hemm evidenza ta’ falliment tas-suq u fejn dan ma jmurx kontra l-liberalizzazzjoni tas-suq – fuq it-tlestija tal-konnessjonijiet bejn post u ieħor, b’enfażi speċjali fuq in-netwerks Transewropej, fuq it-titjib tal-grilji ta’ l-elettriku u fuq it-tlestija u t-titjib tan-netwerks li jwasslu u jqassmu l-gass.

Il-linji ta’ gwida għall-azzjoni relatati ma’ dan it-titolu huma dawn li ġejjin:

- li jkun hemm appoġġ għall-proġetti biex itejbu l- effiċjenza ta’ l-enerġija , u jxerrdu mudelli ta’ żvilupp ta’ enerġija b’intensità baxxa.

- li jkun hemm appoġġ għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji li jiġġeddu u ta’ teknoloġiji alternattivi (tar-riħ, tax-xemx, tal-bijomassa) li jistgħu jagħtu vantaġġ lill-UE u għaldaqstant isaħħu l-pożizzjoni kompetittiva tagħha. Investimenti bħal dawn jikkontribwixxu wkoll għall-għan ta’ Liżbona li jiżgura li, sa l-2010, 21% ta’ l-elettriku ikun iġġenerat minn sorsi li jiġġeddu.

- li l-investiment fis-sorsi ta’ enerġija tradizzjonali jkun ikkonċentrat biex jiġu żviluppati netwerks fejn ikun hemm evidenza ta’ falliment tas-suq. Dawn l-investimenti jikkonċernaw l-iktar ir-reġjuni ta’ Konverġenza.

4.2. LINJA TA’ GWIDA: It-titjib ta’ l-għarfien u ta’ l-innovazzjoni għat-tkabbir ekonomiku

L-għanijiet ta’ l-Unjoni fir-rigward tat-tkabbir u tal-ħolqien ta’ l-impjiegi se jeħtieġu ċaqliq strutturali fl-ekonomija lejn attivitajiet ibbażati fuq l-għarfien. Dan jitlob azzjoni fuq numru ta’ fronti: li jkunu indirizzati l-livelli baxxi tar-Riċerka u ta’ l-Iżvilupp tat-Teknoloġija (RTD), b’mod speċjali fis-settur privat; li tkun inkoraġġita l-innovazzjoni permezz ta’ prodotti, proċessi u servizzi ġodda jew imtejba li jistgħu jlaħħqu mal-kompetizzjoni internazzjonali; li tiżdied il-kapaċità reġjonali sabiex tiġġenera u tassorbi teknoloġiji ġodda (b’mod partikolari l-ICTs); u li jkun provdut iktar sostenn għat-teħid tar-riskji.

L-infiq fl-RTD bħala persentaġġ tal-GDP qed jiżdied, imma biss b’mod marġinali u, b’1.9% tal-GDP, għadu ferm lura mill-għan ta’ Liżbona li huwa ta’ 3%[15]. Huwa stmat li żjieda fis-sehem ta’ l-infiq ta’ l-RTD minn 1.9% għal 3% tal-GDP (sabiex tintlaħaq il-mira ta’ Liżbona sa l-2010) se tirriżulta f’żjieda ta’ 1.7% fil-livell tal-GDP sa l-2010[16]. Filwaqt li d-defiċit fl-investiment kummerċjali fl-RTD jibqa’ sinifikanti, hemm sinjali li l-investiment pubbliku f’dan il-qasam qiegħed ikun ukoll taħt pressjoni. Il-lakuna ta’ l-RTD u ta’ l-innovazzjoni fi ħdan u bejn il-pajjiżi, b’mod partikolari meta relatat ma’ l-infiq kummerċjali fuq l-RTD, hija ferm ikbar mil-lakuna tad-dħul. Minkejja li twettqu taħlita ta’ inizjattivi nazzjonali u Komunitarji, jeħtieġ iktar azzjoni sabiex il-ħtiġijiet kummerċjali jitqabblu mal-provvista ta’ l-RTD mill-istituzzjonijiet pubbliċi u privati ta’ l-RTD.

Il-lakuna ta’ l-Ewropa fl-innovazzjoni qiegħda dejjem tiżdied: l-I scoreboard Ewropew ta’ l-Innovazzjoni juri li l-Ewropa tinsab wara l-Istati Uniti f’9 minn 11-il indikatur ta’ l-Innovazzjoni[17]. Anki fi ħdan l-Ewropa, il-lakuna fl-innovazzjoni tippersisti, peress li l-istess Unjoni ġeneralment ma jirnexxilix tbiddel l-iżvilupp teknoloġiku fi prodotti u proċessi kummerċjali. Il-politika ta’ koeżjoni tista’ tgħin biex tindirizza l-problemi ewlenin li qed iwasslu għan-nuqqas ta’ rendiment ta’ l-Ewropa fil-qasam ta’ l-innovazzjoni, li jinkludi sistemi mhux effettivi ta’ innovazzjoni, dinamiżmu intraprenditorjali mhux suffiċjenti jew dewmien fl-adozzjoni ta’ l-ICT min-naħa ta’ l-impriżi.

F’dan il-kuntest, huwa neċessarju li jikbru l-kapaċitajiet nazzjonali u reġjonali ta’ l-RTD sabiex jappoġġjaw l-investiment fl-infrastruttura ta’ l-ICT, u jxerrdu t-teknoloġija u l-għarfien permezz ta’ trasferiment teknoloġiku xieraq u ta’ mekkaniżmi ta’ skambju ta’ għarfien. Użu aħjar tal-potenzjal eżistenti ta’ l-RTD jista’ jkun inkoraġġit permezz ta’ ‘għarfien minn qabel’ min-naħa tar-reġjuni u permezz ta’ metodi oħra ta’ ippjanar strateġiku reġjonali, li jinvolvu djalogu regolari u sistematiku mal-partijiet interessati ewlenin. Huwa wkoll importanti li tikber il-kapaċità min-naħa tad-ditti li jinkorporaw l-RTD, b’mod partikolari l-IŻMs, sabiex jitħeġġeġ il-ħolqien u l-utilizzazzjoni ta’ aktar nies mogħnija b’talent ta’ kwalità għolja fil-qasam tar-riċerka fl-Ewropa; sabiex jiżdied l-investiment pubbliku u privat fl-RTD u fl-innovazzjoni; u sabiex ikunu inkoraġġiti s-sħubijiet ta’ l-RTD fir-reġjuni differenti ta’ l-Unjoni.

Filwaqt li l-għotjiet diretti jibqgħu importanti, b’mod speċjali fir-reġjuni ta’ Konverġenza, hemm il-ħtieġa li l-attenzjoni tkun iffokata fuq li jkunu provduti servizzi kollettivi ta’ kummerċ u teknoloġija lil gruppi ta’ ditti, sabiex dawn ikunu mgħejjuna jtejbu l-attività innovattiva tagħhom. L-għotjiet diretti lil ditti individwali għandu jkollhom l-għan li jtejbu l-kapaċità ta’ l-RTD u l-innovazzjoni tad-ditta, iktar milli t-tnaqqis temporanju ta’ l-ispejjeż tal-produzzjoni tagħha li jiġġeneraw effetti kbar ta’ dejn mhux kopert mill-assi. Dan huwa partikolarment importanti fis-setturi tradizzjonali, b’mod partikolari dawk li jkunu esposti għall-kompetizzjoni globali li jeħtieġu sforzi addizzjonali sabiex jibqgħu kompetittivi, kif ukoll fl-IŻMs li ta’ spiss jirrapreżentaw l-ogħla sors ta’ impjiegi fuq livell reġjonali. Fuq kollox, din il-politika jeħtieġ li tkun adattata għall-kondizzjonijiet partikolari ta’ kull reġjun, u b’mod partikolari għall-ħtiġijiet ta’ l-IŻMs. L-istrateġiji nazzjonali u reġjonali jridu jkunu bbażati fuq analiżi komprensiva ta’ l-opportunitajiet ta’ investiment fl-RTD.

L-għarfien u l-innovazzjoni huma fiċ-ċentru ta’ l-isforzi ta’ l-Unjoni għall-promozzjoni ta’ tkabbir iktar mgħaġġel u għal iktar impjiegi. Żewġ programmi qafas relatati huma proposti fuq livell ta’ Unjoni: is-Seba’ programm Qafas għall-RTD u l-Programm Qafas għall-Kompetittività u għall-Innovazzjoni (CIP). Is-sinerġija bejn il-politika ta’ koeżjoni u dawn l-istrumenti hija essenzjali u l-istrateġiji ta’ żvilupp nazzjonali u reġjonali jridu juru kif din se tinkiseb. Il-politika ta’ koeżjoni tista’ tgħin lir-reġjuni kollha biex jibnu l-kapaċità tagħhom fir-riċerka u fl-innovazzjoni, u b’hekk tagħti kontribut għall-parteċipazzjoni effettiva ta’ dawk ir-reġjuni fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka u fl-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ l-Unjoni b’mod ġenerali. B’mod partikolari, il-politika ta’ koeżjoni għandha żewġ rwoli importanti. L-ewwel wieħed huwa dak li tgħin lir-reġjuni jimplimentaw l-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ azzjoni ta’ innovazzjoni reġjonali li potenzjalment jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-kompetittività, kemm fuq livell reġjonali u kemm fl-Unjoni kollha; it-tieni rwol huwa dak li tikkontribwixxi biex tkabbar il-kapaċità ta’ riċerka u innovazzjoni fir-reġjun sa livell fejn dan ikun jista’ jieħu sehem fi proġetti ta’ riċerka transnazzjonali.

Għalhekk, l-istrateġiji nazzjonali għandhom jikkonċentraw fuq l-investiment fl-RTD, fl-innovazzjoni u fl-intraprenditorija; jiżguraw li dawn l-investimenti jwieġbu għall-ħtiġijiet ta’ l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun u li jkunu mibdula f’innovazzjoni ta’ prodotti, proċessi u servizzi; ikabbru t-trasferiment tat-teknoloġija u l-iskambju ta’ l-għarfien; jinkoraġġixxu l-iżvilupp, it-tixrid u l-użu ta’ l-ICTs fi ħdan id-ditti, u jiżguraw li l-intrapriżi li lesti li jinvestu f’oġġetti u f’servizzi ta’ valur miżjud għoli jkollhom l-aċċess għall-finanzjament.

4.2.1. It-tkabbir u t-titjib ta’ l-investiment fl-RTD

Il-kompetittività ta’ l-intrapriżi Ewropej tiddependi b’mod kruċjali fuq il-kapaċità tagħhom li jġibu konoxxenza ġdida lis-suq kemm jista’ jkun malajr. Din il-kapaċità hija msaħħa bl-appoġġ pubbliku għall-RTD, inkluż l-appoġġ lil kumpaniji fejn il-kondizzjonijiet ekonomiċi u tas-suq jiġġustifikawh. Barra minn hekk, kwistjonijiet marbuta mal-pussess tar-riżultati tar-riċerka u mal-ħtieġa li jintlaħaq l-livell meħtieġ f’ċertu setturi tar-riċerka jipprovdu ġustifikazzjoni għall-appoġġ tal-gvern għall-RTD.

Meta tkun qed tiġi implimentata l-politika reġjonali, għandha titqies in-natura speċifika ta’ l-RTD. B’mod partikolari, l-RTD teħtieġ azzjoni reċiproka mill-qrib bejn dawk involuti sabiex tingħata spinta lill-formazzjoni ta’ punti ta’ eċċellenza li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-livelli meħtieġa. Il-viċinanza ġeografika, ngħidu aħna permezz ta’ gruppi ta’ SMEs u ta’ punti ta’ innovazzjoni madwar l-istituzzjonijiet pubbliċi tar-riċerka, irid ikollha rwol ewlieni. B’riżultat ta’ dan, l-attivitajiet ta’ l-RTD bilfors iridu jkunu kkonċentrati fi spazju partikolari filwaqt li trid titrawwem il-kapaċità taż-żoni b’intensità baxxa ta’ RTD li jinkorporawhom.

Fl-Istati Membri u fir-reġjuni l-inqas żviluppati, l-RTD għandha tkun żviluppata madwar punti eżistenti ta’ eċċellenza u għandu jiġi evitat tixrid żejjed ta’ riżorsi f’postijiet differenti. L-investimenti għandhom jikkomplementaw ukoll il-prijoritajiet stabbiliti fis-Seba’ Programm Qafas u jappoġġjaw l-għanijiet ta’ l-aġenda mġedda ta’ Liżbona. Għandha tingħata prijorità lill-iżvilupp ta’ prodotti, servizzi u ħiliet ġodda u li jistgħu isibu post fis-suq.

L-azzjonijiet fl-RTD għandhom jimxu mal-politika ta’ l-RTD ta’ l-UE u mal-ħtiġijiet tar-reġjuni konċernati. F’termini ta’ metodu, jeħtieġ li jkunu bbażati fuq metodu analitiku sod, bħal pereżempju l-għarfien minn qabel; kif ukoll fuq l-użu ta’ indikaturi, bħall-brevetti; fuq ir-riżorsi umani fl-RTD; fuq fejn jinsabu l-istituzzjonijiet privati u pubbliċi tar-riċerka; u fuq l-eżistenza ta’ gruppi ta’ impriżi innovattivi.

Il-linji ta’ gwida għall-azzjoni f’dan il-qasam ta’ l-RTD jistgħu jkunu identifikati kif ġej:

- Tissaħħaħ il-kooperazzjoni fost l-impriżi u bejn l-impriżi u l-istituzzjonijiet pubbliċi tar-riċerka/ta’ l-edukazzjoni terzjarja billi jkun appoġġjat il-ħolqien ta’ gruppi reġjonali u transreġjonali ta’ eċċellenza.

- Ikunu appoġġjati l-attivitajiet ta’ l-RTD fl-IŻMs u li tingħata l-opportunità li l-IŻMs ikollhom aċċess għas-servizzi ta’ l-RTD fl-istituzzjonijiet ta’ riċerka ffinanzjati pubblikament.

- Sostenn għal inizjattivi min-naħa għall-oħra tal-fruntiera u dawk transnazzjonali li huma mmirati biex isaħħu l-kollaborazzjoni fir-riċerka u t-trawwim tal-kapaċità f’oqsma prijoritarji tal-politika ta’ riċerka ta’ l-UE.

- Jissaħħaħ it-trawwim tal-kapaċità fir-Riċerka u fl-Iżvilupp (l-R&D), li jinkludi l-ICT, l-infrastruttura tar-riċerka u l-kapital uman f’oqsma b’potenzjal sinifikanti ta’ tkabbir.

Fir-reġjuni li jkunu eliġibbli taħt l-għan ta’ Konverġenza, il-programmi jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ l-infrastruttura ta’ l-RTD u ta’ l-edukazzjoni (inklużi n-netwerks reġjonali għad- data b’veloċità kbira bejn u fi ħdan l-istabbilimenti tar-riċerka), ta’ tagħmir u strumenti kemm fl-istituzzjonijiet ta’ riċerka ffinanzjati b’mod pubbliku u kemm fl-impriżi, bil-kondizzjoni li dawn l-investimenti jkunu marbuta direttament ma’ l-għanijiet ta’ żvilupp ekonomiku reġjonali. Dan jista’ jinkludi infrastruttura ta’ riċerka li l-istudji ta’ probabilità għaliha jkunu ġew iffinanzjati minn Programmi Qafas preċedenti. Is-sostenn għall-prijoritajiet tas-Seba’ Programm Qafas għandu jfittex li jiżviluppa l-potenzjal sħiħ taċ-ċentri ta’ eċċellenza li qed jitfaċċaw u dawk li hemm diġà u jkabbar l-investiment fil-kapital uman, b’mod partikolari billi jħarreġ riċerkaturi fuq livell nazzjonali u billi joħloq kondizzjonijiet biex jattira lil riċerkaturi li ġew imħarrġa barra mill-pajjiż.

4.2.2. Tkun iffaċilitata l-innovazzjoni u tingħata spinta lill-intraprenditorija

L-innovazzjoni hija r-riżultat ta’ proċessi komplessi u li jinteraġixxu, inkluża l-kapaċità ta’ l-intrapriżi li jgħaqqdu l-konoxxenza komplementari minksuba mingħand persuni oħra involuti fis-suq, minn organizzazzjonijiet u minn istituzzjonijiet.

L-investimenti fl-innovazzjoni jirrapreżentaw prijorità ewlenija għall-politika ta’ koeżjoni fi ħdan l-Unjoni kollha. Il-ko-finanzjament tagħhom għandu jkun il-prijorità prinċipali fir-reġjuni koperti mill-għan il-ġdid ta’ kompetittività u impjiegi fir-reġjun, fejn ir-riżorsi finanzjarji limitati jeħtieġ li jkunu kkonċentrati sabiex jintlaħaq il-livell meħtieġ u jkun iġġenerat effett qawwi.

L-għan ewlieni għandu jkun li jkun inkoraġġit ambjent kummerċjali li jagħti spinta lill-produzzjoni, lit-tqassim u lill-użu ta’ għarfien ġdid min-naħa tad-ditti. Sabiex jinħolqu sistemi ta’ innovazzjoni reġjonali li jkunu effiċjenti, l-atturi ekonomiċi, soċjali u politiċi jeħtieġ li jiġu f’kuntatt ma’ l-aħjar teknoloġija u prattika tan-negozju fid-dinja, li tmur lilhinn mil-livell nazzjonali jew lokali. F’dan ir-rigward, irid ikun hemm tiftix għal kooperazzjoni maċ-Ċentri li Jwasslu l-Innovazzjoni u ma’ l- EUROINFOCENTRES li huma ffinanzjati taħt il-programmi CIP, b’mod speċjali fil-qasam tat-teknoloġija u t-tixrid ta’ l-informazzjoni transnazzjonali.

Il-kumpaniji li jkunu għadhom fil-bidu, b’mod partikolari dawk marbuta ma’ l-RTD, jeħtieġ li jkunu appoġġjati bil-għan li jiżviluppaw sħubijiet ma’ istituzzjonijiet tar-riċerka bbażati fuq viżjoni tul perjodu twil ta’ żmien u fuq orjentazzjoni ċara tas-suq. Il-politika ta’ koeżjoni għandha tfittex li tikkumpensa għall-falliment tas-suq li jfixkel l-innovazzjoni u l-intraprenditorija. L-azzjonijiet għandhom ifittxu li jibnu fuq il-punti eżistenti ta’ attività sabiex ikun utilizzat il-potenzjal reġjonali għall-RTD u sabiex jitrawmu n-netwerking u l-kooperazzjoni teknoloġika fi ħdan u bejn ir-reġjuni.

L-awtoritajiet pubbliċi għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet tar-riċerka, is-settur privat u s-settur pubbliku jutilizzaw b’mod sħiħ is-sinerġiji potenzjali ta’ bejniethom.

F’termini ta’ metodu, l-istrateġiji ta’ l-iżvilupp ekonomiku jistgħu jkunu informati permezz tal-ġbir ta’ data dwar attivitajiet innovattivi eżistenti fir-reġjuni konċernati, pereżempju, dwar kif il-privat jikseb brevett jew dwar in-natura, l-iskop u l-potenzjal ta’ l-iżvilupp ta’ gruppi eżistenti ta’ attivitajiet innovattivi, inklużi dawk li jinvolvu kemm lill-istituzzjonijiet privati ta’ riċerka kif ukoll lil dawk pubbliċi. F’dan ir-rigward, is-Servejs tal-Komunità dwar l-Innovazzjoni u l-I scoreboard Ewropew ta’ l-Innovazzjoni huma wkoll ta’ għajnuna.

Il-linji ta’ gwida għall-azzjoni relatati ma’ dan it-titolu huma dawn li ġejjin:

- Li l-innovazzjoni u l-edukazzjoni reġjonali ta’ l-RTD ikunu provduti b’mod iktar effiċjenti u aċċessibbli għad-ditti, b’mod partikolari għall-IŻMs, pereżempju, billi jiġu stabbiliti punti ta’ eċċellenza, li jġibu flimkien lill-IŻMs b’teknoloġiji ta’ livell għoli u l-istituzzjonijiet tar-riċerka u t-teknoloġija, jew billi jkunu żviluppati u jinħolqu gruppi reġjonali madwar kumpaniji kbar.

- Ikunu provduti servizzi ta’ sostenn għan-negozju sabiex jippermettu lill-intrapriżi, u b’mod speċjali lill-IŻMs, iżidu l-kompetittività u jsiru internazzjonali, b’mod partikolari billi jaħtfu l-opportunitajiet maħluqa mis-Suq Intern. Is-servizzi tan-negozju għandhom jagħtu prijorità lill-utlizzazzjoni tas-sinerġiji (eż. it-trasferiment tat-teknoloġija, iż-żoni fejn issir ir-riċerka xjentifika, iċ-ċentri tal-komunikazzjoni ta’ l-ICT, l-inkubaturi u servizzi relatati, il-kooperazzjoni mal-gruppi) u jagħtu iktar sostenn tradizzjonali fl-oqsma ta’ amministrazzjoni, bejgħ, għajnuna teknika, reklutaġġ, u servizzi oħra professjonali u kummerċjali.

- Tkun żgurata utlizzazzjoni sħiħa tal-punti tajbin Ewropej fil-qasam ta’ l- eko-innovazzjonijiet. Flimkien mat-titjib tal-prattika ta’ l-IŻMs, l-eko-innovazzjonijiet għandhom ikunu inkoraġġiti permezz ta’ l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ amministrazzjoni ambjentali. Billi jinvestu issa f’dan il-qasam, l-impriżi ta’ l-UE se jkunu f’pożizzjoni b’saħħitha fil-futur qarib meta reġjuni oħra jibdew japprezzaw il-ħtieġa ta’ teknoloġiji bħal dawn. Dan huwa qasam b’rabta ċara mal-Programm Qafas għall-Kompetittività u għall-Innovazzjoni.

- Tkun inkoraġġita l- intraprenditorija , li tiffaċilita l-ħolqien u l- iżvilupp ta’ ditti ġodda, u tinkoraġġixxi kumpaniji li joffru pjattaforma ġdida għan-negozju ( spin-out) u kumpaniji li ġejjin ( spin-off) minn istituzzjonijiet ta’ riċerka jew ditti li jużaw teknika differenti (pereżempju, it-trawwim ta’ l-għarfien; il-ħolqien ta’ prototipi; it-tagħlim privat u l-forniment ta’ appoġġ maniġerjali u teknoloġiku lil dawk li jixtiequ jsiru intraprendituri).

Huwa importanti li jkun żgurat li l-kumpaniji, inklużi l-IŻMs, jistgħu jagħmlu użu kummerċjali mir-riżultati tar-riċerka.

Is-servizzi tan-negozju għandhom preferibbilment jitwettqu mis-settur privat jew minn organizzazzjonijiet li jinkludu kemm il-pubbliku kif ukoll il-privat. Is-servizzi għandhom ikunu ta’ l-ogħla livell, disponibbli immedjatament, faċli biex wieħed ikollu aċċess għalihom u jwieġbu għall-ħtiġijiet ta’ l-IŻMs. Il-kwalità tas-servizzi għandha tkun iddefinita u immonitorjata u għandu jkun hemm koerenza bejn il-fornituri tas-servizz, eż. billi jiġu stabbiliti sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat u one-stop shops .

Il-proċeduri amministrattivi spiss huma wisq kumplessi. L-informazzjoni u s-sostenn inizjali għandhom ikunu disponibbli minn netwerk ta’ one-stop shops , li jistgħu jipprovdu kollegament bejn is-settur pubbliku u l-applikant għall-għotja; dan għandu jinkludi l-azzjonijiet differenti li huma ko-finanzjati mill-Politika ta’ Koeżjoni. Dawn il-fornituri għandu jkollhom kompetenza fil-firxa sħiħa ta’ l-għajnuniet ta’ l-Istat – b’mod indipendenti mir-responsabbiltajiet nazzjonali u reġjonali – u miri għall-effiċjenza tal-ħidma tagħhom li huma mmonitorjati regolarment.

Fejn iċ-ċirkostanzi jkunu adattati, għandu jkun disponibbli sostenn li jkun magħmul apposta għal kategoriji speċifiċi ta’ negozju (eż. kumpaniji li għadhom jibdew jew li ġew trasferiti reċentement) jew għall-intraprendituri (eż. żgħażagħ, nisa, ħaddiema li huma ikbar fl-età, jew dawk li jkunu ġejjin minn komunitajiet ta’ minoranza etnika). L-edukazzjoni fl-intraprenditorija għandha tkun ukoll inkoraġġita fl-iskejjel.

4.2.3. Tkun inkoraġġita s-soċjetà ta’ l-informazzjoni għal kulħadd

It-tixrid ta’ l-ICT fl-ekonomija ta’ l-Unjoni kollha jirrapreżenta lieva ewlenija biex jittejbu l-livelli tal-produttività u l-kompetittività tar-reġjuni. It-tixrid ta’ l-ICT jinkoraġġixxi wkoll l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-metodi ta’ produzzjoni u l-itfaċċar ta’ negozji u servizzi privati ġodda. It-twettiq effiċjenti u effettiv tas-servizzi pubbliċi – b’mod partikolari l-gvern elettroniku ( e-government ) u s-saħħa elettronika ( e-health ) – għandu potenzjal sinifikanti għat-tkabbir ekonomiku u biex ikun hemm servizzi ġodda. It-tixrid tat-teknoloġija jista’ jikkontribwixxi għal żvilupp reġjonali billi jiffavorixxi l-ħolqien u t-tkabbir ta’ punti ta’ eċċellenza fl-attivitajiet ta’ l-ICT u billi jiżviluppa l-kapaċità ta’ kollegament u netwerking fost l-intrapriżi u b’mod partikolari fost l-IŻMs. Il-miżuri għandhom jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi bil-għan li jiffaċilitaw u jistimulaw l-investiment privat fl-ICT filwaqt li tkun garantita l-kompetizzjoni fis-settur ta’ l-ICT.

Il-miżuri tal-politika għandhom għalhekk jiffokaw fuq it-titjib tas-servizzi ta’ sostenn ta’ l-innovazzjoni għall-IŻMs bl-għan partikolari li jiġi inkoraġġit it-trasferiment tat-teknoloġija bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-intrapriżi. Il-politika ta’ koeżjoni għandha tintuża wkoll biex tiżviluppa l-ħiliet meħtieġa fl-ekonomija ta’ l-għarfien u biex tiżviluppa il-kontenut permezz tat-twettiq ta’ applikazzjonijiet u servizzi (bħall-gvern elettroniku, in-negozju elettroniku, it-tagħlim elettroniku u s-saħħa elettronika), li jipprovdu alternattivi interessanti għal mudelli oħra li jwasslu servizz li spiss iġibu magħhom iktar spejjeż. Dan huwa partikolarment rilevanti għal żoni mbiegħda u li ftit li xejn ikunu ppopolati. Ovvjament l-użu u l-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi li jkunu bbażati fuq il-kontenut jista’ jaħdem biss jekk l-infrastruttura xierqa tkun disponibbli u tista’ tiflaħ għas-servizzi tal- broadband (tingħad għal kanali ta’ komunikazzjoni imma wkoll għall-Internet). Huwa għalhekk importanti li min-naħa għall-oħra ta’ l-Unjoni jkun hemm infrastruttura xierqa tal-komunikazzjoni broadband li tkun disponibbli bi prezz aċċessibbli.

Bħala regola ġenerali, investiment fl-infrastruttura ta’ l-ICT għandu jqis l-iżvilupp teknoloġiku mgħaġġel, ir-rispett tal-prinċipji ta’ newtralità teknoloġika u ta’ l-aċċess miftuħ. Il-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni u ma’ l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi hija essenzjali.

L-azzjonijiet jeħtieġ li jkunu bbażati fuq indikaturi tal-kuntest li huma relatati ma’ l-istruttura ekonomika eżistenti (li tinkludi l-ispeċjalizzazzjoni industrijali; il-livell ta’ l-iżvilupp ekonomiku; il-kwalità tal-kapaċità ta’ kollegament ma’ l-ICTs u s-sinerġiji potenzjali bejn il-punti reġjonali ta’ l-attività ekonomika). L-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet reġjonali għandha tqis l-inizjattivi eżistenti ta’ l-Unjoni favur l-ICTs, b’mod partikolari l-i2010 – Soċjetà Ewropea ta’ l-Informazzjoni għat-tkabbir u għall-impjiegi[18].

Peress li l-ICTs jgħaddu mis-setturi kollha ta’ l-ekonomija u tas-soċjetà, huwa importanti ħafna li l-Istati Membri u r-reġjuni jiżviluppaw strateġiji kompatibbli ta’ soċjetà ta’ l-informazzjoni li jiżguraw koerenza u integrazzjoni fost is-setturi, billi jibbilanċjaw il-miżuri ta’ provvista u domanda fuq il-bażi tal-kondizzjonijiet lokali meħtieġa, tal-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati, u ta’ appoġġ qawwi pubbliku u politiku.

Il-linji ta’ gwida għall-azzjoni huma kif ġej:

- Ikun żgurat l-użu ta’ l-ICTs min-naħa tad-ditti u tal-familji u jkun inkoraġġit l-iżvilupp permezz ta’ sostenn bilanċjat għall-provvista u għad-domanda ta’ prodotti u servizzi kemm pubbliċi u kemm privati ta’ l-ICT, kif ukoll permezz ta’ żjieda fl-investiment fil-kapital uman. Dawn l-azzjonijiet għandhom iżidu l-produttività, jagħtu spinta lil ekonomija diġitali miftuħa u l-kompetittiva u lil soċjetà inklussiva (pereżempju, it-titjib fl-aċċessibilità għal persuni b’diżabilità u għall-anzjani), u b’hekk jinkoraġġixxu t-tkabbir u l-impjiegi.

- Tkun żgurata d-disponibilità ta’ l-infrastruttura ta’ l-ICT f’sitwazzjonijiet fejn is-suq jonqos milli jipprovdiha bi prezz aċċessibbli u f’livell adegwat biex tappoġġja s-servizzi meħtieġa, b’mod speċjali f’żoni mbiegħda u rurali u fl-Istati Membri l-ġodda.

4.2.4. It-titjib ta’ l-aċċess għall-finanzjament

Ingredjent ieħor ewlieni għall-promozzjoni ta’ l-għarfien u ta’ l-innovazzjoni huwa li jkun iffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament. Biex jitrawmu t-tkabbir u l-ħolqien ta’ l-impjiegi, l-intraprendituri u l-intrapriżi jridu jagħrfu li se jkunu ppremjati għall-investiment tagħhom fl-iżvilupp u fil-produzzjoni ta’ oġġetti u servizzi iktar milli kieku jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq, pereżempju, l-attivitajiet marbuta mat-tiftix tal-kiri.

L-aċċess għall-finanzjament f’dan il-kuntest huwa spiss diffiċli, u għaldaqstant joħloq ostaklu għat-tkabbir u għall-ħolqien ta’ l-impjiegi. Huwa importanti li jittejjeb l-aċċess għall-kapital kemm għall-attivitajiet ta’ l-RTD u kemm għall-intrapriżi li jkunu għadhom jibdew. Jeħtieġ li jkunu żviluppati swieq ta’ flus investiti f’intrapriżi spekulattivi relatati ma’ l-attivitajiet ta’ innovazzjoni flimkien mat-twaqqif ta’ ambjent regolatorju aħjar li jagħmel l-intraprenditorija iktar faċli.

Dawn il-programmi għandhom jitwettqu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Fond Ewropew ta’ l-Investiment (EIF) sabiex ikunu żviluppati r-riżorsi finanzjarji fiż-żoni fejn l-intraprenditorija hija mfixkla min-nuqqasijiet tas-suq minħabba r-riskji kbar assoċjati ma’ l-attivitajiet ta’ l-RTD. Irid jitqies ukoll l-impatt tas-sostenn tal-gvern għall-ħolqien tan-negozju, sabiex ikun evitat l-iffullar ta’ l-investiment privat u ta’ miżuri li jagħmlu ħsara lill-kompetizzjoni.

Il-kapital mill-interessi tal-privat u għal proġetti ta’ riskju, u l-fondi rotativi għall-kumpaniji li għadhom jibdew għandu jkollhom rwol essenzjali bħala magna ta’ l-intraprenditorija, ta’ l-innovazzjoni u tal-ħolqien ta’ l-impjiegi; l-istituzzjonijiet tas-settur pubbliku mhux dejjem ikunu adattati biex jittieħed xi riskju. Il-prijorità għandha tkun dik li jinħolqu jew jiżdiedu l-fornituri tal-kapital li jitqiegħed f’riskju kbir u tal-garanziji tal-bank, fejn ikun hemm nuqqas tas-suq. Tipikament, dawn se jkunu iktar effettivi jekk jipprovdu pakkett integrat ta’ sostenn, li jibda mit-taħriġ li jseħħ qabel il-bidu jew it-tkabbir ta’ l-intrapriża.

Fuq il-bażi ta’ dawn il-prinċipji, il-linji ta’ gwida għall-azzjoni huma:

- Ikunu sostnuti strumenti ta’ mingħajr konċessjoni bħal self, finanzjament fis-sod ta’ dejn għal dejn subordinat, strumenti konvertibbli (dejn mezzanin) u kapital ta’ riskju (eż. kapital allokat għal xi proġett u kapital ta’ riskju). L-għotjiet għandhom jintużaw biex jinbnew u jinżammu infrastrutturi li jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament (eż. uffiċċji ta’ trasferiment ta’ teknoloġija, inkubaturi, “business angels” netwerks (persuni li jinvestu kapital privat f’kumpanija li għadha kemm bdiet, speċjalment jekk jingħataw lura ishma fil-kumpanija), programmi ta’ dispożizzjoni ta’ investiment). Mekkaniżmi ta’ garanzija u ta’ garanzija reċiproka għandhom ikunu sostnuti, b’mod partikolari biex ikun faċilitat l-aċċess għall-mikro-kreditu min-naħa ta’ l-IŻMs. L-EIB u l-EIF jistgħu jipprovdu dħul importanti f’dan ir-rigward.

- Jintlaħqu gruppi speċifiċi , bħal intraprendituri żgħażagħ jew nisa jew dawk li jkunu ġejjin minn gruppi żvantaġġjati, li jinkludu minoranzi etniċi.

Huwa partikolarment importanti li ssir ħidma mill-qrib ma’ l-EIF fid-dawl tal-kompetenza li dan żviluppa matul numru ta’ snin, sabiex l-IŻMs jingħataw is-sostenn meħtieġ, filwaqt li fl-istess ħin jkun żviluppat is-suq Ewropew ta’ riskju ta’ kapital..

4.3. LINJA TA’ GWIDA : Impjiegi aktar u aħjar

Fit-tnedija mill-ġdid ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona, il-Kunsill Ewropew approva uffiċjalment sett wieħed ta’ Linji ta’ Gwida li jiġbru flimkien il-Linji ta’ Gwida Ġenerali tal-Politika Ekonomika u l-Linji ta’ Gwida ta’ l-Istrateġija Ewropea tax-Xogħol[19], biex b’hekk ġiet integrata l-politika makro-ekonomika, dik mikro-ekonomika flimkien mal-politika tax-xogħol għat-tkabbir u għall-impjiegi. Skond l-abbozz tar-regolamenti tal-Fond[20], fil-qasam ta’ l-impjiegi u tar-riżorsi umani, il-prijoritajiet tal-Linji ta’ Gwida Strateġiċi tal-Komunità dwar il-koeżjoni għandhom ikunu dawk ta’ l-Istrateġija Ewropea tax-Xogħol.[21]Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjonijiet ta’ l-UE dwar ix-Xogħol jenfażizzaw l-isfidi u l-prijoritajiet li huma speċifiċi għall-pajjiżi differenti.

It-triq li twassal għal xogħol għal kulħadd u għal iktar produttività tiddependi minn firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet, inklużi dawk li diġà ġew diskussi aktar ’il fuq. L-investiment fl-infrastruttura, l-iżvilupp tan-negozju u r-riċerka jtejbu l-opportunitajiet biex wieħed isib impjieg, kemm fuq perjodu qasir ta’ żmien minħabba l-effett inizjali u kemm fuq perjodu itwal ta’ żmien minħabba l-effett pożittiv tagħhom fuq il-kompetittività. Sabiex l-impjiegi li jirriżultaw minn dawn l-investimenti jkunu l-akbar numru possibbli, jeħtieġ li l-kapital uman ikun aktar żviluppat u mtejjeb .

F’termini ta’ żvilupp ta’ kapital uman, il-Linji ta’ Gwida tax-Xogħol jenfażizzaw tliet azzjonijiet prijoritarji għall-istrateġiji politiċi ta’ l-Istati Membri:

- jiġu attirati u miżmuma iktar nies fl-impjiegi u jiġu mmodernizzati s-sistemi ta’ ħarsien soċjali;

- tittejjeb l-adattabilità tal-ħaddiema u ta’ l-intrapriżi u l-flessibilità tas-swieq tax-xogħol;

- jiżdied l-investiment fil-kapital uman permezz ta’ edukazzjoni u snajja aħjar.

B’konformità ma’ dawn il-prijoritajiet, għandha tingħata attenzjoni xierqa lill-investimenti għaleffiċjenza aħjar fl-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll lill-infrastrutturi ta’ l-edukazzjoni u tas-saħħa.

Il-politika ta’ koeżjoni għandha tkun iffokata biex tindirizza l-isfidi speċifiċi ta’ l-Istrateġija Ewropea tax-Xogħol f’kull Stat Membru, billi tappoġġja azzjonijiet li jaqgħu taħt l-objettivi ta’ konverġenza u kompetittività reġjonali u ta’ l-impjieg. , Il-medda ta’ azzjonijiet eliġibbli u ta’riżorsi finanzjarji hija ikbar għall-ewwel objettiv. Għal dak ta’ l-aħħar, r-riżorsi ta’ l-UE jeħtieġu li jkunu ferm iktar iffokati sabiex jinkiseb impatt sinifikanti.

Il-programmi ta’ l-impjiegi u ta’ żvilupp tar-riżorsi umani għandhom iqisu l-isfidi u l-prijoritajiet li huma speċifiċi għal kull pajjiż, kif inhu enfażizzat fir-Rakkomandazzjonijiet dwar l-Impjiegi, u jistgħu jiġi amministrati fuq livell nazzjonali jew reġjonali. Sabiex id-differenzi reġjonali jkunu indirizzati b’mod effettiv, il-programmi nazzjonali għandu jkollhom dimensjoni reġjonali, jekk ma jkunux ġew stabbiliti programmi reġjonali speċifiċi.

4.3.1. Jinġibdu aktar nies lejn id-dinja tax-xogħol u jibqgħu fiha u jkunu mmodernizzati s-sistemi ta’ħarsien soċjali

Li titwessa’ l-bażi ta’ l-attività ekonomika, li jiżdiedu l-livelli ta’ l-impjiegi u li jitnaqqas il-qgħad huma kollha metodi kruċjali biex ikun sostnut it-tkabbir ekonomiku, ikunu inkoraġġiti s-soċjetajiet inklussivi u jkun miġġieled il-faqar. Li tiżdied il-parteċipazzjoni fl-impjiegi huwa ferm iktar neċessarju minħabba t-tnaqqis mistenni fil-popolazzjoni ta' età tax-xogħol.. Fil-qafas tal-Linji ta’ Gwida ta’ l-Impjiegi, l-Istati Membri huma msejħa biex:

- Jmplimentaw strateġiji politiċi ta’ impjieg maħsuba biex jinkiseb xogħol għal kulħadd, biex itejbu l-kwalità u l-produttività fuq il-post tax-xogħol, u biex isaħħu l-koeżjoni soċjali u territorjali

- Jippromwovu metodu ‘ċiklu tal-ħajja’ għax-xogħol

- Jiżguraw swieq tax-xogħol inklużivi, ikabbru l-attrattiva tax-xogħol, u juru x-xogħol bħala mezz li jrendi f’għajnejn dawk li jkunu qed ifittxu x-xogħol, inklużi n-nies żvantaġġjati u dawk li mhumiex attivi.

- Itejbu l-mod kif jintlaħqu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

L-azzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq identifikazzjoni preċedenti tal-ħtiġijiet permezz ta’, pereżempju, l-użu ta’ indikaturi nazzjonali u/jew reġjonali rilevanti bħall-qgħad u r-rati ta’ parteċipazzjoni, ir-rati ta’ qgħad fuq perjodu twil ta’ żmien, ir-rati tal-popolazzjoni li tkun qed tissogra l-faqar u l-livell tad-dħul.

Il-preżenza ta’ istituzzjonijiet effiċjenti u effettivi tas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari servizzi tax-xogħol li jkunu jistgħu jirrispondu għall-isfidi ta’ ristrutturar ekonomiku u soċjali mgħaġġel u tat-tixjiħ demografiku hija essenzjali sabiex ikun sostnut il-forniment tas-servizzi lil dawk li jkunu qed ifittxu x-xogħol, lin-nies qiegħda u lil dawk żvantaġġjati, u jistgħu jkunu appoġġjati mill-Fondi Strutturali. Dawn l-istituzzjonijiet għandhom rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tal-Politika Attiva tas-Suq tax-Xogħol u biex jipprovdu servizzi fuq bażi personalizzata bil-għan li jinkoraġġixxu l-mobilità fl-impjiegi u l-mobilità ġeografika u biex jitqabblu l-provvista ta’, u d-domanda għax-xogħol, inkluż fuq livell lokali. Għandhom jgħinu biex ikunu antiċipati n-nuqqasijiet u l-ostakli fis-suq tax-xogħol u l-ħtiġijiet fil-qasam ta’ l-impjiegi u tas-snajja. B’riżultat ta’ dan l-amministrazzjoni pożittiva tal-migrazzjoni ekonomika tkun assistita wkoll. L-aċċess faċli u t-trasparenza tas-servizzi offruti huma kruċjali. In-netwerk EURES għandu rwol ċentrali fiż-żjieda tal-mobilità ġeografika u ta’ l-impjiegi, kemm fuq livell Ewropew kemm fuq livell nazzjonali.

Prijorità importanti għandha tkun dik li jissaħħu l-miżuri attivi u preventivi tas-suq tax-xogħol sabiex jingħelbu l-ostakli li wieħed jiffaċċja biex jidħol jew jibqa’ fis-suq tax-xogħol u sabiex tkun inkoraġġita l-mobilità ta’ dawk li qed ifittxu x-xogħol, għan-nies qiegħda u għal dawk li mhumiex attivi, għall-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien kif ukoll għal dawk li jkunu qed jirriskjaw li jibqgħu bla xogħol. L-azzjoni għandha tiffoka fuq li jkunu provduti servizzi personalizzati, li jinkludu għajnuna fit-tiftix għax-xogħol, fit-taħriġ u biex wieħed isib l-aħjar impjieg għalih. Għandu jitqies il-potenzjal kollu għall-ħolqien ta’ xogħol indipendenti u ta’ negozju, u anki tal-ħiliet ta’ l-ICT u tal-konoxxenza tal-qasam diġitali. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil:

- l-implimentazzjoni tal- Patt Ewropew taż-Żgħażagħ , billi jkun iffaċilitat l-aċċess għax-xogħol għaż-żgħażagħ, billi titħaffef it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol, inkluż permezz ta’ gwida għall-għażla tal-karriera, għajnuna biex wieħed itemm l-edukazzjoni, aċċess għal taħriġ xieraq u għal apprendistati.

- azzjoni speċifika biex tiżdied il- parteċipazzjoni tan-nisa fix-xogħol, biex tonqos is-segregazzjoni ta’ l-impjiegi u jkunu indirizzati d-differenzi fil-ħlas bejn in-nisa u l-irġiel u l-istereotipi marbuta mas-sess u biex ikunu inkoraġġiti ambjenti tax-xogħol li jiffavorixxu iktar il-familja, u biex ma jkunx hemm kunflitti bejn il-ħajja professjonali u dik privata. Għal persuni dipendenti huwa kruċjali li jiġi ffaċilitat l-aċċess għal servizzi ta’ kura għat-tfal u għal servizzi oħra ta’ kura, flimkien ma’ l-inklużjoni kemm tan-nisa u kemm ta’ l-irġiel fl-istrateġiji politiċi u fil-miżuri, u flimkien mat-trawwim ta’ l-għarfien u d-djalogu fost il-partijiet interessati.

- azzjoni speċifika biex jissaħħaħ l-aċċess min-naħa ta’ l-emigranti għas-suq tax-xogħol u sabiex tkun iffaċilitata l-integrazzjoni soċjali tagħhom, permezz tat-taħriġ u tat-tisħiħ tal-kompetenzi miksuba barra mill-pajjiż, ta’ gwida personalizzata, ta’ taħriġ fl-ilsna, ta’ appoġġ xieraq għall-intraprenditorija u għat-trawwim ta’ l-għarfien fost min jimpjega u fost il-ħaddiema emigranti dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, u t-tisħiħ ta’ l-infurzar tar-regoli kontra d-diskriminazzjoni.

Prijorità importanti oħra għandha tkun dik li jkunu żgurati swieq tax-xogħol inklużivi għall-persuni żvantaġġati jew li jkunu qed jirriskjaw l-esklużjoni soċjali, bħal pereżempju dawk li joħorġu kmieni mill-iskola, nies li ilhom qiegħda għal żmien twil, minoranzi u persuni b’diżabilità. Dan jitlob firxa iktar wiesgħa ta’ sostenn sabiex jinħolqu mogħdijiet li jwasslu għall-integrazzjoni u jiġġieldu d-diskriminazzjoni. L-għan għandu jkun li:

- tittejjeb il-possibbiltà tagħhom li jkunu impjegati billi tikber il-parteċipazzjni fl-edukazzjoni vokazzjonali u fit-taħriġ, fir-riabilitazzjoni u fl-inċentivi xierqa u fl-arranġamenti tax-xogħol, kif ukoll fl-appoġġ soċjali u s-servizzi ta’ kura meħtieġa, inkluż permezz ta’ l-iżvilupp ta’ l-ekonomija soċjali.

- tkun miġġielda d-diskriminazzjoni u tkun inkoraġġita l-aċċettazzjoni tad-diversità fil-post tax-xogħol permezz ta’ kampanji ta’ taħriġ u ta’ trawwim ta’ għarfien li fihom ikunu involuti b’mod sħiħ il-komunitajiet lokali u l-intrapriżi.

4.3.2. Jitjiebu l-adattabilità tal-ħaddiema u ta’ l-intrapriżi u l-flessibilità tas-suq tax-xogħol

Fid-dawl tal-pressjoni li dejjem tikber minħabba l-globalizzazzjoni, inklużi x-xokkijiet kummerċjali li jseħħu f’daqqa waħda u li ma jkunux mistennija, u minħabba l-introduzzjoni kontinwa ta’ teknoloġiji ġodda, l-Ewropa trid iżżid il-kapaċità tagħha biex tantiċipa, tagħti bidu u tassorbi l-bidla ekonomika u soċjali. Fil-qafas tal-Linji ta’ Gwida tax-Xogħol, l-Istati Membri huma msejħa biex:

- Jinkoraġġixxu l-flessibilità flimkien mas-sigurtà ta’ l-impjieg, u jnaqqsu s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, waqt li jqisu r-rwol tas-sħab soċjali.

- Jiżguraw żviluppi fl-ispejjeż tax-xogħol li jiffavorixxu l-impjiegi u mekkaniżmi fl-iffissar tal-pagi.

L-attenzjoni ewlenija għandha tkun fuq l-azzjonijiet li jinkoraġġixxu l-investiment fir-riżorsi umani min-naħa ta’ l-intrapriżi, b’mod speċjali l-IŻMs, u min-naħa tal-ħaddiema permezz ta’ strateġiji u sistemi ta’ tagħlim għal matul il-ħajja li jipprovdu lill-impjegati, b’mod partikolari l-ħaddiema li ma jkunux tas-sengħa u dawk imdaħħla fiż-żmien, bil-ħiliet neċessarji sabiex jadattaw irwieħhom għall-ekonomija ta’ l-għarfien u sabiex itawlu l-ħajja tagħhom tax-xogħol. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lil:

- l-iżvilupp ta’ strateġiji u sistemi ta’ tagħlim għal matul il-ħajja inklużi mekkaniżmi bħall-fondi reġjonali u tas-settur, bil-għan li jiżdied l-investiment mill-intrapriżi u tiżdied il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fit-taħriġ.

- L-implimentazzjoni ta’ strateġiji tali permezz ta’ kontribuzzjoni biex jingħataw il-fondi għall-iskemi u għall-attivitajiet ta’ taħriġ. Għandha tingħata prijorità lill-IŻMs, li tinkludi li jkun iffaċilitat l-aċċess tagħhom għal sorsi esterni ta’ kompetenza u soluzzjonijiet ta’ taħriġ – bl-enfażi titqiegħed fuq il-ħiliet relatati ma’ l-ICT u ma’ l-amministrazzjoni – u biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema li ma jkunux tas-sengħa jew li jkunu mdaħħla fiż-żmien fit-taħriġ u fit-taħriġ mill-ġdid.

Antiċipazzjoni aħjar u amministrazzjoni pożittiva tar-ristrutturar ekonomiku, b’mod speċjali b’riżultat tal-bidliet marbuta mal-ftuħ tal-kummerċ, huma partikolarment importanti. Għandha tingħata attenzjoni għall-ħolqien ta’ sistemi ta’ monitoraġġ li jinvolvu lis-sħab soċjali, lill-intrapriżi u lill-komunitajiet lokali, sabiex ikunu osservati bir-reqqa l-bidliet soċjo-ekonomiċi fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali, u sabiex ikunu vvalutati t-tendenzi futuri ta’ l-ekonomija u tas-swieq tax-xogħol. Għandu jkun hemm sostenn għall-programmi li għandhom l-għan li jimmodernizzaw is-swieq tax-xogħol u jantiċipaw il-bidliet gradwali fl-Unjoni kollha f’setturi bħall-agrikoltura, it-tessuti u l-karozzi, flimkien ma’ miżuri attivi biex jissaħħaħ il-benesseri ekonomiku tar-reġjuni. Hemm post ukoll għal servizzi speċifiċi għax-xogħol, għat-taħriġ u għas-sostenn tal-ħaddiema fil-kuntest tar-ristrutturar tal-kumpanija jew tas-settur, bħal pereżempju skemi ta’ rispons mgħaġġel fil-każ ta’ sensji kollettivi.

Għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-iżvilupp u lit-tixrid ta’ l-għarfien dwar forom innovattivi u adattabbli ta’ l-organizzazzjoni tax-xogħol sabiex jinkiseb vantaġġ mit-teknoloġiji l-ġodda – inkluż it- teleworking (ix-xogħol fid-dar filwaqt li wieħed jikkomunika mal-post tax-xogħol permezz tat-telefon, tal-fax jew tal-post elettronika), it-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol, iż-żjieda fil-produttività u l-inkoraġġiment biex ma jkunx hemm kunflitti bejn ix-xogħol u l-ħajja fi ħdan il-familja. Dan jista’ jinkludi wkoll trawwim ta’ għarfien dwar ir-responsabbiltà soċjali kollettiva u dwar modi kif xogħol mhux dikjarat jista’ jinbidel f’impjieg regolari.

4.3.3. Jitkabbar l-investiment fil-kapital uman permezz ta’ edukazzjoni u ħiliet aħjar

L-Ewropa jeħtiġilha tinvesti iktar fil-kapital uman. Wisq nies ma jidħlux jew ma jibqgħux fis-suq tax-xogħol, minħabba nuqqas ta’ ħiliet, jew minħabba tlaqqigħ żbaljat bejn il-ħiliet u l-postijiet tax-xogħol. Sabiex jitjieb l-aċċess għall-impjiegi għall-ħaddiema ta’ kull età u sabiex jiżdiedu l-livelli ta’ produttività u l-kwalità fix-xogħol, hemm il-ħtieġa li jiżdied l-investiment fil-kapital uman u li jkunu żviluppati u implimentati strateġiji nazzjonali effettivi ta’ tagħlim għal matul il-ħajja għall-benefiċċju ta’ l-individwi, l-intrapriżi, l-ekonomija u s-soċjetà. Fil-qafas tal-Linji ta’ Gwida tax-Xogħol, l-Istati Membri huma msejħa sabiex:

- Jespandu u jtejbu l-investiment fil-kapital uman.

- Jadattaw sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ biex iwieġbu għall-kompetenzi meħtieġa l-ġodda.

Ir-riformi fit-taħriġ tas-suq tax-xogħol imwettqa sabiex ikunu attirati iktar persuni fid-dinja tax-xogħol u sabiex tiżdied l-adattabilità tal-ħaddiema u ta’ l-intrapriżi jeħtieġ li jsiru flimkien mar-riformi fis-sistemi ta’ l-edukazzjoni u tat-taħriġ – bl-użu, fejn ikun rilevanti, ta’ referenzi u prinċipji komuni Ewropej. F’perjodi preċedenti ta’ programmazzjoni, il-Fondi Strutturali investew b’mod sostanzjali fis-sistemi ta’ l-edukazzjoni u tat-taħriġ. Fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, l-investiment fil-kapital uman irid jissaħħaħ billi tingħata attenzjoni partikolari għall-għanijiet ta’ Liżbona skond il-linji ta’ gwida integrati għat-tkabbir u għax-xogħol. Il-prijoritajiet ġenerali li ġejjin għandhom ikunu indirizzati:

- jitwessgħu u jittejbu l-investimenti fil-kapital uman inkluż l-iżvilupp ta’ inċentivi xierqa u ta’ mekkaniżmi li jqassmu l-ispejjeż għall-intrapriżi, għall-awtoritajiet pubbliċi u għall-individwi.

- ikunu appoġġjati strateġiji koerenti u komprensivi ta’ tagħlim għal matul il-ħajja, b’attenzjoni partikolari biex ikunu indirizzati l-ħiliet meħtieġa għall-ekonomija ta’ l-għarfien, inkluż l-appoġġ għat-twaqqif ta’ sħubijiet bejn ir-reġjuni u l-ibliet f’termini ta’ edukazzjoni u taħriġ sabiex ikun iffaċilitat l-iskambju ta’ esperjenzi u ta’ prattika tajba. Attenzjoni partikolari għandha tingħata sabiex ikunu indirizzati l-ħtiġijiet tal-gruppi żvantaġġati.

- ikunu appoġġjati l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ riformi fis-sistemi ta’ l-edukazzjoni u tat-taħriġ bl-użu, fejn ikun rilevanti, ta’ referenzi u prinċipji komuni Ewropej

- jissaħħu r-rabtiet bejn l-universitajiet, iċ-ċentri tar-riċerka u tat-teknoloġija u l-intrapriżi, b’mod partikolari permezz ta’ attivitajiet ta’ netwerking u ta’ azzjonijiet konġunti.

Taħt l-għan ta’ “Konverġenza”, ħafna Stati Membri u reġjuni jħabbtu wiċċhom ma’ sfidi sinifikanti fl-edukazzjoni u fit-taħriġ. Ir-riżorsi finanzjarji għandhom ikunu użati wkoll biex ikunu implimentati r-riformi, li għandhom jindirizzaw il-prijoritajiet speċifiċi li ġejjin:

- ikun żgurat li jkunu provduti edukazzjoni u taħriġ li jkunu attraenti, aċċessibbli u ta’ kwalità għolja fil-livelli kollha, inklużi mogħdijiet flessibli ta’ tagħlim, nuqqas sinifikanti fin-numru ta’ studenti li joħorġu kmieni mill-iskola u rati iktar għolja fin-numru ta’ studenti li jtemmu l-edukazzjoni sekondarja tagħhom.

- tkun appoġġjata l-modernizzazzjoni ta’ l-edukazzjoni terzjarja u l-iżvilupp tal-potenzjal uman fir-riċerka u fl-innovazzjoni, permezz ta’ studji li wieħed iwettaq wara li jkun iggradwa l-ewwel darba, b’taħriġ ulterjuri għar-riċerkaturi, u billi jkunu attirati iktar żgħażagħ fl-istudji xjentifiċi u tekniċi.

- li tkun inkoraġġita l-kwalità u l-attrattiva ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, inklużi l-apprendistati u l-edukazzjoni intraprenditorjali.

- Li, fejn xieraq, tkun żgurata iktar mobilità fuq livell reġjonali, nazzjonali jew transnazzjonali, u li jkunu inkoraġġiti oqfsa u sistemi li jappoġġjaw it-trasparenza u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u t-tisħiħ tat-tagħlim non-formali u dak informali.

- investiment fl-infrastruttura ta’ l-edukazzjoni u tat-taħriġ inklużi fl-ICTs, fejn investimenti bħal dawn huma neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ riforma u/jew fejn dawn jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti biex tiżdied il-kwalità u l-effikaċja tas-sistema edukattiva u tat-taħriġ.

4.3.4 Il-kapaċità amministrattiva.

Fil-perjodi preċedenti ta’ programmazzjoni, il-Fondi, permezz ta’ l-assistenza teknika, saħħew il-kapaċità amministrattiva ta’ l-Istati Membri u ta’ l-awtoritajiet amministrattivi fl-implimentazzjoni tar-regolamenti. Dan se japplika wkoll għall-perjodu mill-2007 sa l-2013.

Aktar mill-amministrazzjoni tal-Fondi u lilhinn minnha, il-kapaċità amministrattiva effettiva ta’ l-amministrazzjonijiet pubbliċi u tas-servizzi pubbliċi jiġifieri amministazzjoni intelliġenti, hija kondizzjoni meħtieġa fundamentali għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi. Għaldaqstant, fuq il-linja ta’ l-Istrateġija mġedda ta’ Liżbona li titlob għal leġiżlazzjoni, tfassil u twassil ta’ politika aħjar sabiex jinħolqu l-kondizzjonijiet għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien ta’ l-impjiegi, il-Fondi se jappoġġjaw l-investiment fil-kapital uman tas-servizzi amministrattivi u pubbliċi fil-livelli territorjali kollha.

Għall-pajjiżi u għar-reġjuni li jaqgħu taħt l-għan ta’ Konverġenza, iż-żjieda fil-produttività u fil-kwalità fuq il-post tax-xogħol fis-settur privat – b’mod speċjali fl-oqsma ekonomiċi, ta’ l-impjiegi, soċjali, edukattivi, tas-saħħa, ambjentali u ġudizzjarji, hija essenzjali biex jintlaħqu u jkunu aċċelerati r-riformi, biex tiżdied il-produttività u t-tkabbir fl-ekonomija aktar wiesgħa u biex ikunu inkoraġġiti l-koeżjoni soċjali u territorjali u l-iżvilupp sostenibbli. Il-Fondi Strutturali jista’ jkollhom rwol importanti fl-appoġġ għat-tfassil u għall-implimentazzjoni ta’ politika effettiva, li tinvolvi l-partijiet rilevanti kollha, f’firxa wiesgħa ta’ oqsma.

Għalhekk, taħt l-Għan ta’ Konverġenza, l-Istati Membri huma msejħa biex jibnu amministrazzjonijiet u servizzi pubbliċi fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali. L-azzjonijiet f’dan il-qasam għandhom iqisu s-sitwazzjoni speċifika ta’ kull Stat Membru. Għaldaqstant, b’konformità mal-prinċipju ta’ konċentrazzjoni, l-Istati Membri huma mistiedna biex iwettqu analiżi komprensiva biex jidentifikaw l-oqsma tal-politika li jeħtieġu l-iktar appoġġ għall-kapaċità amministrattiva. L-investiment għandu jikkonċentra fuq dawk l-oqsma tal-politika fejn ikun hemm l-ikbar ostakli għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku u fuq l-elementi ewlenin tar-riformi amministrattivi.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tkun indirizzata b’mod adegwat il-ħtieġa li tiżdied l-effiċjenza u t-trasparenza fl-amministrazzjonijiet pubbliċi u li jkunu modernizzati s-servizzi pubbliċi. B’mod partikolari, għandhom iqisu azzjoni biex:

- Jappoġġjaw it-tfassil tajjeb tal-politika u tal-programmi, filwaqt li jimmonitorjaw l-evalwazzjoni u l-assessjar ta’ l-impatt, permezz ta’ studji, statistika, perizja, u kapaċità li jidentifikaw it-tendenzi tal-futur, jappoġġjaw il-koordinament bejn id-dipartimenti u d-djalogu bejn il-korpi pubbliċi u privati rilevanti;

- Ikabbru l-bini tal-kapaċità fit-twettiq ta’ strateġiji politiċi u ta’ programmi, inkluż fir-rigward tal-ħarsien mill-krimini u ta’ l-infurzar tal-leġiżlazzjoni, b’mod speċjali permezz tapreċiżazzjoni tal-ħtiġijiet ta’taħriġ, reviżjoni ta’ l-iżvilupp tal-karriera, evalwazzjoni, proċeduri ta’ verifika soċjali, implimentazzjoni ta’ prinċipji marbuta ma’ gvern miftuħ, ta’ taħriġ għall-maniġers u għall-istaff u permezz ta’ sostenn speċifiku għas-servizzi ewlenin, għall-ispettorati u għall-atturi soċjo-ekonomiċi.

4.3.5. L-għajnuna biex tinżamm forza tax-xogħol b’saħħitha

Fid-dawl ta’ l-istruttura demografika ta’ l-UE, u tal-popolazzjoni li qed tixjiħ u tat-tnaqqis probabbli fil-forza tax-xogħol, huwa essenzjali li l-Unjoni tieħu passi biex iżżid in-numru tas- snin produttivi ta’ xogħol għall-membri tal-forza tax-xogħol tagħha. L-investiment fil-promozzjoni tas-saħħa u tal-prevenzjoni tal-mard se jgħin biex tinżamm parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà għall-ikbar numru ta’ ħaddiema possibbli, u b’dan il-mod tinżamm il-kontribuzzjoni ekonomika tagħhom u jitnaqqsu l-livelli ta’ dipendenza. Dan għandu effett dirett fuq il-produttività u l-kompetittività.

Bejn ir-reġjuni Ewropej hemm differenzi kbar fl-istat tas-saħħa u fl-aċċess għall-kura tas-saħħa. Huwa għalhekk importanti għall-politika ta’ koeżjoni li tikkontribwixxi għall-faċilitajiet ta’ kura tas-saħħa, biex b’hekk tgħin ħalli jiżdied n-numru ta’ snin produttivi ta’ xogħol. It-titjib fis-saħħa tal-komunità u l-azzjoni preventiva għandhom rwol importanti fit-tnaqqis ta’ l-inugwaljanzi marbuta mas-saħħa. Kura tajba tas-saħħa tirriżulta f’parteċipazzjoni ikbar fis-suq tax-xogħol, ħajja itwal ta’ xogħol, iktar produttività u inqas spejjeż soċjali u għall-kura tas-saħħa.

Għall-politika ta’ koeżjoni huwa importanti li, b’mod speċjali fir-reġjuni li qegħdin lura, ikun hemm kontribut għat-titjib tal-faċilitajiet ta’ kura fuq perjodu twil ta’ żmien u jkun hemm investiment fit-titjib ta’ l-infrastruttura tas-saħħa, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ dawn l-infrastrutturi jew l-iżvilupp mhux suffiċjenti tagħhom jirrappreżenta ostaklu ewlieni għall-iżvilupp ekonomiku. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tkun indirizzata l-ħtieġa li tiżdied l-effiċjenza fis-sistemi tal-kura tas-saħħa permezz ta’ investimenti fl-ICT, fl-għarfien u fl-innovazzjoni. B’mod partikolari, l-Istati Membri huma msejħa biex joqogħdu attenti ħalli:

- Jipprevjenu r-riskji marbuta mas-saħħa permezz ta’ kampanji ġeneriċi ta’ informazzjoni dwar is-saħħa u billi jkun żgurat trasferiment ta’ għarfien u ta’ teknoloġija u jkun żgurat li s-servizzi tas-saħħa jkollhom il-ħiliet, il-prodotti u t-tagħmir meħtieġ biex jipprevjenu r-riskji u jnaqqsu kemm jistgħu l-ħsara potenzjali.

- Jimlew il-vojt fl-infrastruttura tas-saħħa u jinkoraġġixxu sabiex is-servizzi jkunu provduti b’mod effiċjenti fejn ikun qed jiġi affettwat l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni eliġibbli taħt l-għan ta’ Konverġenza. Din l-azzjoni trid tkun ibbażata fuq analiżi bir-reqqa tal-livell ottimali tal-forniment tas-servizzi u tat-teknoloġija adattata, bħal pereżempju t- telemedicine u l-potenzjal li jiġu ffrankati l-flus billi jkunu offruti s-servizzi tas-saħħa elettronika.

5. TITQIES ID-DIMENSJONI TERRITORJALI TAL-POLITIKA TA’ KOEŻJONI

Waħda mill-karatteristiċi determinati tal-politika ta’ koeżjoni – b’kuntrast mal-politika settorjali – hija l-kapaċità tagħha li tadatta ruħha għall-ħtiġijiet u għall-karatteristiċi partikolari ta’ l-isfidi u l-opportunitajiet ġeografiċi speċifiċi. Għalhekk, meta jkunu qed jiżviluppaw il-programmi tagħhom u jikkonċentraw ir-riżorsi fuq il-prijoritajiet ippreżentati fit-taqsimiet preċedenti, l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil dawn il-ħtiġijiet speċifiċi sabiex ikun evitat li xi żvilupp reġjonali irregolari jfixkel it-tkabbir potenzjali.

Id-dimensjoni territorjali hija ta’ importanza partikolari għaż-żoni urbani u rurali rispettivament. Il-politika ta’ koeżjoni jista’ jkollha wkoll rwol ċentrali fit-titjib tas-sitwazzjoni ta’ żoni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera u ta’ żoni transnazzjonali iktar vasti kif ukoll ta’ reġjuni li għandhom żvantaġġi oħra minħabba l-insularità tagħhom, minħabba l-fatt li qegħdin imbiegħda (bħar-reġjuni l-iktar lejn it-truf tad-dinja jew ir-reġjuni ta’ l-Artiku), minħabba li ftit li xejn hemm nies jew minħabba li huma reġjuni muntanjużi, billi tinkoraġġixxi aċċessibilità aħjar, b’mod partikolari fil-każ tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, billi ssostni l-attività ekonomika u billi tinkoraġġixxi d-diversifikazzjoni ekonomika fuq il-bażi tal-kapaċitajiet endoġeniċi u tal-vantaġġi naturali tagħhom.

Il-kunċett ta’ koeżjoni territorjali jestendi lilhinn mill-kunċett ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali, billi l-għan tiegħu huwa li jgħin biex jinkiseb żvilupp iktar bilanċjat, li jinbnew komunitajiet sostenibbli fiż-żoni urbani u rurali u li tkun imfittxija konsistenza ikbar ma’ strateġiji politiċi settorjali oħra li jkollhom l-istess impatt fuq it-territorju. Dan jinvolvi wkoll it-titjib fl-integrazzjoni territorjali u l-inkoraġġiment tal-kooperazzjoni bejn u fi ħdan ir-reġjuni.

It-titjib fil-koeżjoni territorjali hija kwistjoni kemm ta’ metodu – jiġifieri li jkun determinat jekk ikunx meħtieġ metodu multidixxiplinari jew wieħed integrat – u kemm ta’ rikonoxximent tal-problemi partikolari ppreżentati miċ-ċirkostanzi ġeografiċi differenti. Is-suċċess fil-qasam tal-koeżjoni territorjali għalhekk jiddependi fuq strateġija komprensiva li tistabbilixxi l-qafas li fih ikunu segwiti l-għanijiet u l-azzjonijiet speċifiċi.

5.1. Il-kontribuzzjoni ta’ l-ibliet għat-tkabbir u għall-impjiegi

Fiż- żoni urbani , l-attenzjoni għandha tkun iffokata fuq it-titjib tal-kompetittività (permezz ta’ l-iggruppjar u tan-netwerking) u fuq il-kisba ta’ żvilupp iktar bilanċjat bejn l-ibliet li huma l-iktar b’saħħithom ekonomikament u l-bqija tan-netwerk urban.

Għandhom jitqiesu l-problemi speċifiċi taż-żoni urbani bħal pereżempju l-esklużjoni soċjali, ir-rati ta’ kriminalità għolja u li qegħdin jogħlew, u t-taħsir ġenerali tal-kwalità tal-ħajja f’żoni urbani nieqsa mill-kumditajiet essenzjali. B’mod ġenerali, is-sostenn għandu jiffoka fuq l-iżvilupp ta’ strateġiji parteċipattivi u integrati li kapaċi li jimmaniġġjaw il-konċentrament għoli ta’ problemi ekonomiċi, ambjentali u soċjali li jaffettwaw l-agglomerazzjonijiet urbani.

L-azzjonijiet sostnuti jinkludu miżuri li jinkoraġġixxu l-intraprenditorija, l-iżvilupp lokali ta’ l-impjiegi u tal-komunità, kif ukoll li jkunu provduti s-servizzi lill-popolazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-istrutturi demografiċi li qed jinbidlu. Huwa wkoll importanti li jkun attirat personàl li jkollu ħiliet ta’ l-ogħla livell (b’miżuri relatati ma’ l-aċċessibilità, ma’ l-edukazzjoni ta’ kwalità għolja, mal-forniment ta’ servizzi kulturali, u ma’ l-opportunitajiet għall-RTD u għall-innovazzjoni).

Importanti wkoll huma l-miżuri maħsuba biex ikun riabilitat l- ambjent fiżiku, ikunu żviluppati mill-ġdid is-siti brownfield , u biex jinżamm u jkun żviluppat il-wirt storiku u kulturali. Ir-riġenerazzjoni ta’ l-ispazji pubbliċi u tas-siti industrijali jista’ jkollha rwol importanti biex tgħin fil-ħolqien ta’ l-infrastrutturi neċessarji għal żvilupp ekonomiku sostenibbli.

Fid-dawl tal-problemi marbuta mal- koeżjoni soċjali li ta’ spiss ikunu ilhom jinġemgħu, huwa importanti li l-azzjonijiet għandhom isaħħu s-sikurezza, jinkoraġġixxu l-integrazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali ta’ dawk li huma l-inqas iffavoriti, jiġġieldu d-diskriminazzjoni, u jtejbu d-disponibilità tas-servizzi ewlenin u l-aċċess għalihom.

Is-sħab prinċipali fl-ibliet u fl-awtoritajiet lokali għandhom rwol importanti fil-kisba ta’ dawn l-għanijiet. It-tħejjija ta’ pjan ta’ żvilupp għar-riġenerazzjoni ta’ l-ibliet mifrux fuq perjodu medju jew perjodu twil ta’ żmien huwa ġeneralment prerekwiżit għas-suċċess għax jiżgura l-koerenza ta’ l-investimenti u tal-kwalità ambjentali tagħhom. Dan se jgħin ukoll biex ikunu żgurati l-impenn u l-parteċipazzjoni tas-settur privat fit-tiġdid urban.

5.2. L-appoġġ għad-diversifikazzjoni ekonomika taż-żoni rurali

Il-politika ta’ koeżjoni jista’ jkollha rwol importanti wkoll fis-sostenn tar-riġenerazzjoni ekonomika taż- żoni rurali , billi jkunu kkomplementati l-azzjonijiet appoġġjati mill-fond il-ġdid ta’ l-iżvilupp rurali (il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali).

Is-sinerġija bejn l-istrateġiji politiċi ta’ l-iżvilupp rurali, strutturali u ta’ l-impjiegi għandha tkun inkoraġġita. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-komplementarjetà u l-koerenza bejn l-azzjonijiet li għandhom ikunu ffinanzjati mill-ERDF, mill-Fondi ta’ Koeżjoni, mill-ESF, mill-EFF u mill-EAFRD fuq territorju partikolari u f’qasam partikolari ta’ attività. Il-prinċipji ta’ gwida ewlenin fir-rigward tal-linja ta’ demarkazzjoni u tal-mekkaniżmi ta’ koordinament bejn l-azzjonijiet appoġġjati mill-Fondi differenti għandhom ikunu ddefiniti fuq il-livell ta’ qafas nazzjonali ta’ referenza strateġika/pjan strateġiku nazzjonali.

Għall-politika ta’ koeżjoni, l-azzjoni favur iż-żoni rurali għandha tikkontribwixxi biex tiżgura livell minimu ta’ aċċess għas- servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali bil-għan li ttejjeb il-kondizzjonijiet fiż-żoni rurali, livell li huwa meħtieġ sabiex ikunu attirati ditti u personàl kwalifikat u biex tkun limitata l-emigrazzjoni ’l barra miż-żoni rurali. Huwa wkoll meħtieġ il-kollegament man-netwerks ewlenin nazzjonali u Ewropej. Barra minn hekk, il-politika ta’ koeżjoni għandha tappoġġja l-kapaċità endoġenika tat-territorji rurali billi tinkoraġġixxi, pereżempju, il-bejgħ tal-prodotti fuq livell nazzjonali u globali, u billi tiffavorixxi l-innovazzjoni tal-proċessi u tal-prodott fl-attivitajiet ekonomiċi eżistenti.

Ħafna reġjuni rurali jiddependu bil-qawwi fuq it-turiżmu. Dawn ir-reġjuni jeħtieġu metodu integrat i mfassal apposta għall-kwalità, li jiffoka fuq is-sodisfazzjon tal-konsumatur u li jkun ibbażat fuq id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta’ l-iżvilupp sostenibbli. L-azzjonijiet għandhom jieħdu vantaġġ minn, u jfittxu li jżommu, il-kwalitajiet naturali u kulturali li jista’ jkollhom benefiċċji pożittivi importanti billi jħarsu l-ambjenti naturali u jsostnu l-bijodiversità. Il-metodu integrat għandu jfittex li jkollu impatt pożittiv fuq is-settur tat-turiżmu, fuq l-ekonomija lokali, fuq il-persuni li jaħdmu fis-settur tat-turiżmu, fuq il-viżitaturi u fuq il-popolazzjoni lokali, kif ukoll fuq il-wirt naturali u kulturali.

Huwa importanti wkoll li jkunu rikonoxxuti l-limiti potenzjali tal-metodu integrat. Li jinkiseb il-livell meħtieġ sabiex is-servizzi jitwasslu b’mod effiċjenti – inklużi s-servizzi għal forza tax-xogħol b’saħħitha, kif issemma aktar ’il fuq – hija sfida partikolari. Jista’ jkun żgurat aċċess għal kulħadd għas-servizzi kollha, b’mod partikolari f’żoni fejn ma tantx hemm nies jgħixu fihom, permezz ta’ investiment f’ punti opposti ta’ żvilupp taż-żoni rurali (pereżempju fi bliet żgħar jew ta’ daqs medju) u billi jkunu żviluppati gruppi ekonomiċi bbażati fuq il-kwalitajiet lokali magħquda flimkien ma’ l-użu ta’ teknoloġiji ġodda ta’ l-informazzjoni.

5.3. Il-kooperazzjoni

Il-miżuri li jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera, il-kooperazzjoni transnazzjonali u l-kooperazzjoni interreġjonali għandhom jikkomplementaw it-tliet prijoritajiet indikati aktar ’il fuq. Għaldaqstant, kooperazzjoni aktar mill-qrib fir-reġjuni ta’ l-UE għandha tgħin biex tħaffef aktar l-iżvilupp ekonomiku u l-kisba ta’ livell ogħla fit-tkabbir. Il-fruntieri nazzjonali spiss huma ostaklu għall-iżvilupp tat-territorju Ewropew kollu, u jistgħu jillimitaw il-potenzjal tiegħu għal kompetittività sħiħa. Fil-kuntest tal-kooperazzjoni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera u tal-kooperazzjoni transnazzjonali, it-trasport, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma u l-ħarsien ta’ l-ambjent huma eżempji ċari ta’ l-isfidi li jeħtieġu metodu ffokat u integrat li jmur lilhinn mill-fruntieri nazzjonali.

5.4. Il-kooperazzjoni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera

L-għan aħħari tal-kooperazzjoni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera fl-Ewropa huwa dak li jkunu integrati żoni diviżi mill-fruntieri nazzjonali li jħabbtu wiċċhom ma’ problemi komuni li jeħtieġu soluzzjonijiet komuni. Sfidi bħal dawn huma ffaċċjati mir-reġjuni kollha ta’ l-Unjoni li jinsabu fuq fruntiera u normalment huma relatati mal-frammentazzjoni tas-swieq, mal-forza tax-xogħol, mal-mudelli ta’ l-investiment, ma’ l-infrastruttura, mar-riżorsi fiskali, ma’ l-istituzzjonijiet u jinkludu s-servizzi ta’ interess ġenerali.

Għalkemm, il-programmi ta’ kooperazzjoni għandhom ikunu magħmula apposta skond is-sitwazzjoni partikolari ffaċċjata minn kull wieħed mir-reġjuni li jinsab fuq fruntiera, huwa importanti li jsir sforz biex l-għajnuna tkun ikkonċentrata fuq il-prijoritajiet ewlenin bħala sostenn għat-tkabbir u għall-ħolqien ta’ l-impjiegi.

Ġeneralment, ir-rakkomandazzjonijiet li japplikaw għall-kooperazzjoni futura min-naħa għall-oħra tal-fruntiera mhux dejjem ikunu rilevanti minħabba d-diversità kbira tas-sitwazzjonijiet. Fl-istess ħin, fid-dawl ta’ l-ostakli li jinħolqu minħabba l-fruntieri, punt tat-tluq utli huwa t-titjib ta’ l-infrastruttura eżistenti tat-trasport u tal-komunikazzjoni u l-iżvilupp, fejn meħtieġ, ta’ kollegamenti ġodda. Dawn huma prerekwiżiti biex ikunu stabbiliti jew żviluppati kuntatti min-naħa għall-oħra tal-fruntiera.

Il-kooperazzjoni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera għandha tiffoka fuq it-tisħiħ tal-kompetittività tar-reġjuni li jinsabu fuq fruntiera. Barra minn hekk, għandha tikkontribwixxi għall-integrazzjoni ekonomika u soċjali, b’mod speċjali fejn hemm differenzi ekonomiċi kbar fuq kull naħa. L-azzjonijiet jinkludu l-inkoraġġiment tat-trasferiment tal-konoxxenza u ta’ l-għarfien, l-iżvilupp ta’ attivitajiet tan-negozju min-naħa għall-oħra tal-fruntiera, il-potenzjal għall-edukazzjoni/għat-taħriġ u għall-kura tas-saħħa min-naħa għall-oħra tal-fruntiera u l-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol min-naħa għall-oħra tal-fruntiera; u l-amministrazzjoni konġunta tat-theddid għalll-ambjent u dak komuni għat-tnejn. Meta diġà jkun hemm il-kondizzjonijiet bażiċi għall-kooperazzjoni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera, il-politika ta’ koeżjoni għandha tiffoka l-għajnuna fuq azzjonijiet li jipprovdu valur miżjud għall-attivitajiet ta’ min-naħa għall-oħra tal-fruntiera: eż. li tiżdied il-kompetittività min-naħa għall-oħra tal-fruntiera permezz ta’ l-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp; li jkun hemm kollegament bejn in-netwerks intanġibbli (is-servizzi) jew in-netwerks fiżiċi (it-trasport) sabiex tkun imsaħħa l-identità ta’ bejn il-fruntieri bħala karatteristika ewlenija taċ-ċittadinanza Ewropea; li tkun inkoraġġita l-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol min-naħa għall-oħra tal-fruntiera; l-amministrazzjoni ta’ l-ilmijiet u l-kontroll ta’ l-għargħar bejn il-fruntieri.

5.5. Il-kooperazzjoni transnazzjonali

Iż-żoni transnazzjonali huma makro-reġjuni fejn ikun hemm il-ħtieġa li tiżdied l-integrazzjoni u l-koeżjoni ekonomika u soċjali. Il-programmi ta’ kooperazzjoni transnazzjonali jfittxu li jżidu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar kwistjonijiet ta’ importanza strateġika.

Is-sostenn għandu għalhekk jingħata lill-azzjonijiet li jfittxu li jtejbu l-kollegament fiżiku bejn it-territorji (eż. l-investimenti fi trasport sostenibbli) kif ukoll il-kollegamenti intanġibbli (netwerks, skambji bejn ir-reġjuni u bejn il-partijiet involuti).

L-azzjonijiet ikkunsidrati jinkludu l-ħolqien ta’ rotot Ewropej tat-trasport (b’mod partikolari taqsimiet min-naħa għall-oħra tal-fruntiera) biex ikunu evitati l-perikli naturali, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma fuq livell ta’ baċin tax-xmara, il-kooperazzjoni marittima integrata u n-netwerks ta’ l-R&D/ta’ l-innovazzjoni.

Il-mappa taż-żoni preżenti għall-kooperazzjoni transnazzjonali jeħtieġ li tkun eżaminata mill-ġdid. Id-deskrizzjoni tal-makro-reġjuni futuri se jkollha tiżgura li dawn joħolqu l-kondizzjonijiet biex ikunu implimentati azzjonijiet strutturali bażiċi. Għalhekk għandhom isiru b’tali mod li titqies il-koerenza territorjali u l-kriterji funzjonali ta’ natura ġeografika, pereżempju, baċin ta’xmara jew żona ta’ mal-kosta komuni, żona muntanjuża komuni li minnha tgħaddi rotta ewlenija ta’trasport. Kriterji oħra, bħalstrutturi storiċi jew istituzzjonali, jew kooperazzjoni jew Konvenzjonijiet eżistenti, huma rilevanti wkoll.

Fl-aħħarnett, l-esperjenza tas-suċċess ta’ l-Inizjattiva tal-Komunità INDAQS ( EQUAL Community Initiative) , li tinkoraġġixxi soċjetà inklużiva billi tiġġieled id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni, għandha tkun integrata fl-azzjonijiet kollha biex tkompli tibni fuq is-sħubija, l-awtorizzazzjoni, l-innovazzjoni u l-kooperazzjoni transnazzjonali, filwaqt li tippermetti lill-Istati Membri jaqsmu l-prattika tajba bejniethom u jiżviluppaw metodi ġodda biex jiġġieldu l-problemi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom fl-oqsma msemmija iktar ’il fuq.

5.6. Il-kooperazzjoni interreġjonali

Il-programmi ta’ kooperazzjoni interreġjonali għandhom jiffokaw fuq l-Aġenda tat-Tkabbir u ta’ l-Impjiegi: it-tisħiħ ta’ l-innovazzjoni, ta’ l-IŻMs u ta’ l-intraprenditorija, ta’ l-ambjent u l-prevenzjoni tar-riskji. Barra minn hekk, se jkun inkoraġġit wkoll l-iskambju ta’ l-esperjenzi u ta’ l-aħjar prattika fir-rigward ta’ l-iżvilupp urban, il-modernizzazzjoni tas-servizzi tas-settur pubbliku (bħas-saħħa u l-iggvernar bl-użu ta’ l-ICT) u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ kooperazzjoni kif ukoll l-istudji u l-ġbir ta’ informazzjoni. Il-kooperazzjoni interreġjonali se tkun appoġġjata wkoll fi ħdan il-programmi għall-konverġenza u għall-kompetittività reġjonali u għall-impjiegi. Barra minn hekk, se jkun ikoraġġit ukoll l-iskambju ta’ l-esperjenzi u ta’ l-aħjar prattika fir-rigward ta’ l-iżvilupp urban, ta’ l-inklużjoni soċjali, tar-relazzjonijiet bejn l-ibliet u ż-żoni rurali, u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ kooperazzjoni.

6. IL-PASSI LI JMISS

Wara l-ftehim dwar il-Perspettivi Finanzjarji (2007-2013), in-negozjati dwar ir-regolamenti għall-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni jeħtieġ li jkunu konklużi malajr kemm jista’ jkun sabiex jippermettu l-ikbar perjodu ta’ żmien possibbli għat-tħejjija tal-programmi l-ġodda. Meta dan iseħħ, il-Kummissjoni se tipprovdi l-verżjoni finali tal-Linji ta’ Gwida Strateġiċi għall-Koeżjoni tal-Komunità lill-Kunsill għall-approvazzjoni skond l-Artikolu 24 ta’ l-abbozz tar-Regolament Ġenerali.

Il-Linji ta’ Gwida Strateġiċi huma l-bażi għall-Oqfsa Nazzjonali ta’ Referenza Strateġika, li min-naħa tagħhom jiddeterminaw il-prijoritajiet stabbiliti fil-Programmi Operattivi skond l-Artikolu 25 ta’ l-abbozz tar-Regolament Ġenerali.

Huwa essenzjali, għalhekk, li wieħed jimxi mal-programm fl-adozzjoni tar-regolamenti għall-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni 2007-2013 sabiex ikun hemm żmien biżżejjed għall-fażi ta’ programmazzjoni fl-2006.

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni se tniedi konsultazzjoni pubblika meta jkun adottat dan id-dokument bi tħejjija għall-verżjoni finali tal-Linji ta’ Gwida Strateġiċi.

Filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu r-riżorsi limitati disponibbli għall-programmi tal-politika ta’ koeżjoni fl-Istati Membri u fir-reġjuni, il-konsultazzjoni hija maħsuba biex tagħti tweġiba għall-mistoqsijiet li ġejjin:

- Sa liema punt għandha l-politika ta’ koeżjoni tappoġġja l-aġenda tat-tkabbir u ta’ l-impjiegi u l-proċess ta’ Liżbona?

- X’elementi ġodda jistgħu jkunu inklużi sabiex tkun indirizzata din l-aġenda?

- Liema aspetti tqis li huma inqas rilevanti għal din l-aġenda?

Ir-riżultati ta’ l-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni se jgħinu biex jagħtu forma lill-verżjoni finali tal-Linji ta’ Gwida li l-Kummissjoni se tikkomunika lill-Kunsill. Il-Kummissjoni għalhekk tistieden lill-partijiet interessati rilevanti kollha biex jipparteċipaw f’dan l-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni u tilqa’ l-kummenti qabel it-30 ta’ Settembru 2005. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu fuq:

http://europa.eu.int/comm/regional_policy/consultation/index_en.htm

L-ANNESS

IL-LISTA TAL-MAPEP

Mappa 1 It-tkabbir tal-GDP, 1995-2002

Mappa 2 Il-klassifikazzjoni tematika reġjonali ta’ l-Ewropa – Il-Kompetittività

Mappa 3 L-aċċessibilità potenzjali, multimodali għall-2001

Mappa 4 Il-klassifikazzjoni tematika reġjonali ta’ l-Ewropa: Il-Perikli

[pic]

[pic]

[pic]

[pic]

[1] Il-konklużjonijiet tal-presidenza, il-Kunsill Ewropew, Marzu 2005.

[2] L-Artikolu 158 tat-Trattat jiddikjara li, sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali tagħha, il-Komunità għandha jkollha l-għan li tnaqqas id-disparitajiet bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni differenti u n-nuqqas ta’ progress tar-reġjuni jew tal-gżejjer li huma l-inqas iffavoriti, inklużi ż-żoni rurali.

[3] Skond l-Istrateġija ta’ Göteborg Strategy adottata mill-Kunsill Ewropew fl-2001.

[4] “L-Ekonomija ta’ l-UE: ir-Reviżjoni ta’ l-2004”, COM(2004) 723, 26.10.2004.

[5] COM(2004) 492, 14.7.2004. Fil-bqija tal-karta, “Fondi” hija użata fir-rigward tat-tliet Fondi u “Fondi Strutturali” hija użata meta ssir referenza għall-ERDF u għall-ESF biss.

[6] COM(2004) 492, l-Artikolu 23.

[7] Il-konklużjonijiet tal-presidenza, il-Kunsill Ewropew ta’ Liżbona, 23 u 24.3.2000.

[8] Il-komunikazzjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa “Naħdmu Flimkien għat-tkabbir u għall-impjiegi – bidu ġdid għall-Istrateġija ta’ Liżbona”, COM(2005) 24, 2.2.2005.

[9] Il-konklużjonijiet tal-presidenza, il-Kunsill Ewropew, Marzu 2005.

[10] COM(2005) 141.

[11] Ara t-Tielet Rapport ta’ Koeżjoni, p. 149.

[12] Il-komunikazzjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa “Naħdmu Flimkien għat-tkabbir u l-impjiegi – bidu ġdid għall-Istrateġija ta’ Liżbona”, COM(2005) 24, 2.2.2005.

[13] “Il-Politika Ewropea tat-trasport għall-2010 : iż-żmien li tittieħed deċiżjoni”, COM(2001) 370.

[14] Id-Deċiżjoni nru. 884/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 29.4.2004.

[15] “L-investiment fir-riċerka: pjan ta’ azzjoni għall-Ewropa”, COM(2003) 226, 30.4.2003.

[16] “L-ispejjeż ekonomiċi mhux ta’ Liżbona”, SEC(2005) 385, 15.3.2005.

[17] SEC(2004) 1475.

[18] COM(2005) 229.

[19] L-Artikolu 99 tat-Trattat għal-Linji ta’ Gwida Ġenerali tal-Politika Ekonomika u l-Artikolu 128 għal-Linji ta’ Gwida tax-Xogħol

[20] L-Artikolu 23 ta’ l-abbozz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għall-Fondi Ewropej ta’ l-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), il-Fond Soċjali Ewropew (ESF) u l-Fond ta’ Koeżjoni.

[21] COM(2005) 141 tat-12.4.2005.