52005DC0153

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Biex tiġi msaħħaħ ir-Rispons ta’ l-UE f’każi ta’ Diżastru u ta’ Kriżi /* KUMM/2005/0153 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, xxx

COM(2005) XXX (rev 5)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Biex tiġi msaħħaħ ir-Rispons ta’ l-UE f’każi ta’ Diżastru u ta’ Kriżi

(xxx)

INTRODUZZJONI

Din il-Komunikazzjoni hija r-rispons tal-Kummissjoni għall-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE ppreżentat mill-Presidenza tal-Lussemburgu fil-Kunsill ta’ l-Affarijiet Ġenerali u tar-Relazzjonijiet Barranin (GAERC) tal-31 ta’ Jannar 2005 wara t-tsunami (ħalal tal-baħar għoljin u twal ikkawżati minn terremot tal-baħar u theżżiż ieħor) tas-26 ta’ Diċembru 2004.

Ir-rispons ta’ l-Ewropa għad-diżastru kkawżat mit-tsunami kien immedjat u ġeneruż. Il-Komunità Ewropea kellha parti importanti f’dan l-isforz. Filwaqt li r-rispons tagħha wera l-profondità u l-estensjoni tar-riżorsi kollettivi li l-Unjoni jista’ jkollha minn programmi tal-Komunità u minn programmi bilaterali, kif ukoll il-kapaċitajiet militari ġodda tagħha, intwera wkoll kemm huma kumplessi t-tħaddim u l-politika ta’ l-istat ta’ preparazzjoni u r-rispons f’każi ta’ diżastru u ta’ kriżi.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Presidenza jindirizza tliet kwistjonijiet prinċipali:

- Il-miżuri meħuda biex jindirizzaw il-bżonnijiet tar-reġjuni milquta mit-tsunami;

- Il-miżuri biex itejbu l-kapaċità ta’ rispons minn-naħa ta’ l-UE, flimkien mal-koerenza u l-effiċjenza tagħha;

- Il-miżuri biex iżidu l-prevenzjoni, it-twissija minn kmieni u l-preparazzjoni għal diżastri fil-ġejjieni.

Il-President tal-Kummissjoni wieġeb għall-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE fil-GAERC b’rapport dwar l-assistenza finanzjarja tal-Komunità lir-reġjuni milquta mit-tsunami, u bi pjan għall-iżvilupp tul żmien itwal tal-kapaċità ta’ l-Unjoni li tantiċipa u tirrispondi f’każi ta’ diżastri u kriżijiet fil-ġejjieni. Din il-Komunikazzjoni qed tibni fuq dak il-pjan.

Il-Komunikazzjoni tinkludi żewġ annessi. L-ewwel wieħed huwa rapport aġġornat dwar il-miżuri meħuda mill-Kummissjoni biex tindirizza l-bżonnijiet taż-żoni ta’ l-Oċean Indjan milquta mit-tsunami. Dan jiddeskrivi l-programm tagħha ta’ €103 miljun bħala appoġġ umanitarju, il-programm tagħha ta’ €350 miljun għal rikostruzzjoni tul żmien itwal u serje ta’ miżuri li jmorru magħhom, li jinkludu l-Faċilità stabbilita minħabba t-Tsunami tal-Bank ta’ l-Investiment Ewropew u konċessjonijiet kummerċjali.

It-tieni anness juri l-firxa ta’ strumenti u programmi tal-Komunità li jikkontribwixxu għal twissija minn kmieni u għal stat ta’ preparazzjoni f’każ ta’ diżastri mad-dinja kollha.

BIEX TKUN ASSIGURAT RISPONS KOERENTI U EFFIċJENTI

Il-Komunità żviluppat numru ta’ strumenti distinti għall-azzjoni esterna tagħha. Dawn jirreaġixxu għal politika u mandati differenti: dawk umanitarji, ta’ għanijiet ta’ stabbilizzazzjoni, rikostruzzjoni u ta’ żvilupp sostenibbli, ta’ kooperazzjoni ekonomika u ta’ drittijiet fundamentali. Ir-rispons tal-Komunità għat-tsunami wera n-numru ta’ strumenti li għandha disponsibbli sabiex tiffaċċja każi ta’ diżastri u kriżijiet. Uriet li minbarra l-istrumenti rilevanti tar-relazzjonijiet barranin, bosta strumenti tal-politika interna jistgħu jiġu mmobilizzati b’mod koordinat sabiex isaħħu r-rispons ġenerali. Dawn jinkludu mhux biss il-Mekkaniżmu tal-Komunità għall-Protezzjoni Ċivili, iżda wkoll programmi fl-oqsma tar-riċerka, tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni u tal-ġustizzja, tal-libertà u tas-sigurtà u ta’ l-industrija tas-sajd. Is-saħħa tar-rispons tal-Komunità qiegħed fil-kapaċità tagħha li tintegra l-ħiliet mibnija permezz tal-politika interna tagħha bil-miżuri mogħtija skond l-istrumenti speċjalizzati tagħha għal azzjoni esterna.

Dimensjoni oħra hija r-riżultat tal-ħiliet militari u ċivili li ġew żviluppati bil-Politika Komuni Barranija u tas-Sigurtà.

Din id-diversità ta’ ħiliet hija waħda mis-saħħiet ta’ l-Unjoni. L-isfida doppja hija li jkun assigurat rispons effiċjenti, f’waqtu u flessibli fil-każ ta’ emerġenzi flimkien mal-mobilizzazzjoni u l-iżvilupp b’mod koerenti ta’ dawn ir-riżorsi, u li jsir progress fuq is-saħħiet rispettivi tagħhom.

Il-miżuri mniżżla f’din il-Komunikazzjoni jaqsmu bejniethom l-għan komuni li jinkorraġġixxu effiċjenza, koerenza u koordinazzjoni bejn l-istrumenti differenti tal-politika esterna ta’ l-Unjoni f’sitwazzjonijiet ta’ diżastru u ta’ kriżi, waqt li jżommu l-mandati distinti tagħhom, u b’mod partikolari dak li huwa magħruf bħala l-‘ispazju umanitarju’[1]. Huma maħsuba li jassiguraw li l-Kummissjoni tista’:

- tagħmel kontribuzzjoni effettiva għall-iżvilupp ta’ politika u prattika fuq il-livell ta’ l-UE relatata ma’ rispons f’każi ta’ diżastru u ta’ kriżi;

- tappoġġja koordinazzjoni ta’ ħidma mtejbabejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill;

- tindirizza nuqqasijiet prinċipali fil-kapaċità amministrattiva;

- tikkontribwixxi għat-tisħiħ ta’ qafas internazzjonali usa’ għal rispons f’każi ta’ diżastru u ta’ kriżi.

L-UE diġà waqqfet numru ta’ forums importanti li fihom jistgħu jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ koerenza ta’ politika u ħidma f’każi ta’ diżastru u ta’ kriżi jew li jipprovdu mudelli li jagħtu spinta lil xogħol ta’ din ix-xorta. Dawn jinkludu d-dibattitu annwali tal-GAERC fuq l-effikaċja ta’ l-azzjoni esterna ta’ l-UE, il-programm ta’ implimentazzjoni ta’ l-‘Impennji ta’ Barċellona’[2] dwar l-armonizzazzjoni tal-politika u tal-proċeduri għal assistenza esterna, il-ħsieb kostanti tal-Kummissjoni u ta’ l-Istati Membri dwar il-kwalità ta’ l-għajnuna umanitarja ta’ l-UE u s-sitwazzjonijiet ta’ ppjanar strateġiku li jridu jiġu żviluppati miċ-ċellula ċivili u militari. Il-Kummissjoni tagħti sehem sħiħ f’dawn il-forums u fil-każi rilevanti internazzjonali bħall-Kumitat għall-Assistenza fl-Iżvilupp ta’ l-OECSD u l-Laqgħat Internazzjonali ta’ l-Għoti tad-Donazzjonijiet Umanitarji Tajba.

IR-RINFORZ TAL-KAPAċITAJIET TA’ RISPONS TA’ L-UNJONI – IT-TITJIB TA’ L-ISTRUMENTI EżISTENTI, L-EFFIċJENZA TAGħHOM U L-KOERENZA ġENERALI

L-istrumenti prinċipali għal rispons immedjat min-naħa ta’ l-UE f’każ ta’ diżastru jibqgħu l-għajnuna umanitarja tal-Komunità mogħtija skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 1257/96, u l-kapaċitajiet ta’ l-Istati Membri mmobilizzati skond il-Mekkaniżmu ta’ Protezzjoni Ċivili tal-KE. Ir-riżorsi militari ta’ l-UE jistgħu jikkomplementaw u jsaħħu l-għoti ta’ l-għajnuna taħt dawn iż-żewġ mekkaniżmi. Barra minn hekk, bħalissa qed jiġu żviluppati sitwazzjonijiet ta’ ppjanar strateġiku għall-hekk imsejħa xogħlijiet umanitarji ta’ ‘Petersberg’ bl-użu ta’ riżorsi ċivili u militari.

Dawn l-istrumenti huma segwiti mill-qrib minn assistenza f’każi ta’ diżastru u ta’ kriżi mill-KE, tul perjodu qasir u medju, taħt il-Mekkaniżmu ta’ Rispons f’Waqtu tagħha[3] u l-programmi ċentrali tagħha ta’ assistenza esterna. Is-sekwenza preċiża ta’ din l-assistenza tiddependi minn dak li jkun ġara u għadd wiesa’ ta’ atturi ċivili u militari jistgħu jkunu preżenti fil-post fi kwalunkwe ħin. Din is-sezzjoni tidentifika miżuri biex jissaħħu strumenti eżistenti tal-Komunità u r-rabtiet u l-koerenza tagħhom mar-rispons iktar wiesa’ ta’ l-UE u dak internazzjonali.

L-Għajnuna Umanitarja

L-għan uniku ta’ l-għajnuna umanitarja tal-Komunità huwa li ma tħallix li jkun hemm jew ittaffi t-tbatija umana. Ir-rispons umanitarju tal-Komunità huwa ddeterminat mill-ħtiġijiet tal-vittmi biss u mhux ibbażat, jew suġġett għal konsiderazzjonijiet politiċi. Jitwassal skond il-liġi umanitarja internazzjonali u permezz tal-prinċipji umanitarji ta’ newtralità, imparzjalità u nuqqas ta’ diskriminazzjoni. Dawn il-prinċipji stabbiliti huma issa miġbura fit-Trattat Kostituzzjonali. Huma konsiderazzjonijiet essenzjali ta’ ħidma għal għajnuna effikaċi u għas-sigurtà u għall-protezzjoni kemm tal-ħaddiema li jagħtu l-għajnuna, kif ukoll tal-vittmi.

It-tsunami wera kemm jiswew ir-riżorsi loġistiċi militari meta jikkomplementaw u jappoġġjaw l-organizzazzjonijiet umanitarji għaliex il-kapaċitajiet ta’ dawn ta’ l-aħħar biex isalvaw u jwasslu l-għajnuna jkunu mifruxa żżejjed jew ma jkunux biżżejjed. Huwa meħtieġ, madankollu, li jkun assigurat li kwalunkwe operazzjoni umanitarja li tkun qed tuża riżorsi militari żżomm in-natura ċivili u imparzjali tagħha. Dan huwa ta’ importanza partikolari f’każi ta’ emerġenza kumplessi[4] fejn hemm ħtieġa assoluta li ma jkunx hemm konfużjoni fir-rwoli bejn l-atturi militari u dawk umanitarji. Għal din ir-raġuni, u sabiex tinżamm in-newtralità ta’ l-‘ispazju umanitarju’, il-Kummissjoni tagħti importanza kbira lill-konformità mal-linji ta’ gwida tan-NU dwar l-użu ta’ Riżorsi Militari u tad-Difiża Ċivili f’Operazzjonijiet Umanitarji[5] f’sitwazzjonijiet, kemm jekk hemm konflitt u kemm jekk m’hemmx. Dawn il-linji ta’ gwida miftiehma internazzjonalment jipprovdu għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi militari għal operazzjonijiet umanitarji u ta’ għajnuna fuq it-talba ta’, u b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-operaturi ċivili umanitarji. Dawn il-linji ta’ gwida huma wkoll l-elementi ewlenin li jitħaddmu sabiex ikunu assigurati s-sigurtà u l-protezzjoni tal-ħaddiema li jkunu qed jagħtu għajnuna u tal-vittmi.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi u tappoġġja l-funzjoni primarja tan-NU fl-isforzi ta’ koordinazzjoni ta’ l-għajnuna umanitarja.

Il-Kummissjoni se taħdem maċ-Ċellula Ċivili u Militari biex tassigura li dawn il-prinċipji u linji ta’ gwida jkunu riflessi b’mod xieraq fi kwalunkwe sitwazzjoni ta’ ppjanar strateġiku żviluppati miċ-Ċellula.

It-titjib fl-istat ta’ preparazzjoni

L-għajnuna umanitarja tal-Komunità tgħaddi, primarjament, mill-aġenziji speċjalizzati tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-grupp tas-Salib l-Aħmar u tan-NGOs Ewropej. Bosta minn dawn l-organizzazzjonijiet qed jaħdmu taħt mandat internazzjonali u huma rrikonoxxuti bħala organizzazzjonijiet ewlenin fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom [6].

Is-sħubiji ta’ l-ECHO ma’ dawn l-organizzazzjonijiet jagħtu lill-Komunità kapaċità li hija stabbilita sew biex tirreaġixxi malajr f’każi ta’ diżastri għall-għarrieda. Il-preżenza tagħha f’xi 70 pajjiż madwar id-dinja, l-attenzjoni tagħha fuq pajjiżi vulnerabbli u l-proċeduri f’waqthom tagħha biex tipprovdi fondi li jippermettu li jittieħdu deċiżjonijiet dwar fondi ta’ emerġenza fl-ewwel sigħat ta’ kriżi, ifisser li l-Komunità hija donatriċi prinċipali f’każi ta’ diżastri għall-għarrieda.

Il-Kummissjoni se taħdem biex tkabbar il-kapaċità ta’ tqassim ta’ l-imsieħba prinċipali billi tiffinanzja miżuri għall-istat ta’ preparazzjoni, speċjalment biex oġġetti ta’ għajnuna immedjata tassew importanti ikunu fil-post minn qabel. Il-Kummissjoni diġà qed tipprovdi fondi lill-UNICEF biex tpoġġi minn qabel oġġetti bażiċi għall-emerġenza f’ċentri reġjonali u biex tipprepara pjanijiet ta’ rispons f’16-il pajjiż vulnerabbli u għandha programm simili mal-WHO. Issa qiegħda f’diskussjonijiet biex testendi programmi bħal dawn lill-Federazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, kif ukoll lil organizzazzjonijiet internazzjonali mhux governattivi oħra. Barra minn hekk, hija qed tivvaluta kemm tista’ ssaħħaħ il-kapaċità loġistika ta’ l-imsieħba tagħha fl-implimentazzjoni – l-aktar fit-trasport bl-ajru – sabiex ikun hemm titjib fil-mod mgħaġġel ta’ kif jitqassmu l-membri ta’ l-istaff li jkunu qed jagħtu l-għajnuna u l-għajnuna nfisha.

It-titjib ta’ l-analiżi f’waqtha u tal-kapaċità ta’ valutazzjoni:

F’każ ta’ diżastru serju ħafna, koordinazzjoni tajba u ta’ min joqgħod fuqha flimkien ma’ valutazzjoni serja u f’waqtha tal-bżonnijiet huma fatturi essenzjali għall-effikaċja tar-rispons umanitarju. Għalhekk, il-Kummissjoni se żżid il-kapaċità tagħha ta’ valutazzjoni, billi tibni fuq in-netwerk eżistenti tagħha ta’ 69 espert fl-għajnuna umanitarja u 250 impjegati lokali li jinsabu f’uffiċċji reġjonali madwar id-dinja. Dawn l-esperti huma speċjalizzati f’setturi essenzjali umanitarji u ta’ għajnuna (bħas-saħħa, l-ilma u l-iġjene, il-provvista ta’ l-ikel, tal-kenn u tad-djar) u jistgħu diġà jkunu tqassmu fil-post ta’ kwalunkwe diżastru fi żmien 24 siegħa. Se ttejjeb il-kondizzjoni ta’ kemm tista’ taħdem il-kapaċità ta’ valutazzjoni tal-UE mas-sistemi tan-NU u tas-Salib l-Aħmar. Se taħdem b’appoġġ għat-tmexxija tan-NU fil-koordinazzjoni tar-rispons f’każ ta’ diżastri.

Se jittieħdu l-miżuri konkreti li ġejjin:

- Ikun hemm żieda progressiva fin-numru ta’ esperti bbażati fil-post minn 69 għal 150;

- Jitħarrġu esperti fil-metodoloġiji ta’ valutazzjoni u koordinazzjoni ta’ l-UNDAC[7] ta’ l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni ta’ l-Affarijiet Umanitarji (OCHA) u l-FACT[8] tas-Salib l-Aħmar, sabiex jiġu żviluppati sinerġiji u jitqabblu l-ideat meta jsiru valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet;

- Tiġi żviluppata kapaċità f’daqqa li titqiegħed fil-post minn qabel fuq il-livell ta’ l-uffiċċji fir-reġjuni ta’ l-ECHO li jippermettu li jitqassmu t-timijiet speċjalizzati għall-emerġenzi b’membri li ġejjin minn għadd ta’ setturi differenti fi żmien 24 siegħa.

Il-fondi huma lesti u qed isir reklutaġġ għal żjieda inizjali sa 100 espert. Hekk kif kollha jkunu f’posthom, l-ECHO terġa’ tivvaluta kif qed jaħdem in-netwerk qabel ma tagħmel eżerċizzju ieħor ta’ rinforz.

Ir-rinforz tal-kapaċità ta’ valutazzjoni f’waqtha tan-NU u kemm jistgħu jaħdmu flimkien it-timijiet

Il-funzjoni prinċipali ta’ l-OCHA f’koordinazzjoni f’sitwazzjoni ta’ diżastru hija rrikonoxxuta mill-UE, u l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ wara t-Tsunami ta’ l-UE jenfasizza bir-raġun ix-xewqa “interoperabbiltà” man-NU. Minbarra l-miżuri msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni qed tipprovdi appoġġ dirett għall-kapaċità ta’ l-OCHA għal koordinazzjoni, kemm bil-fondi u kemm b’kollaborazzjoni teknika maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-KE. Qed tipprovdi wkoll fondi għall-iżvilupp tal-gwida ta’ l-OCHA dwar l-implimentazzjoni tal-linji ta’ gwida fl-użu tar-riżorsi militari f’operazzjonijiet umanitarji.

Il-Korp Volontarju Ewropew għall-Għajnuna Umanitarja

Il-pjan ta’ azzjoni ta’ l-UE sejjaħ għal riflessjoni dwar Korp Volontarju għall-għajnuna umanitarja. Dan jirrifletti dispożizzjonijiet previsti fil-Kostituzzjoni dwar Korp Volontarju għall-Għajnuna Umanitarja[9].

Il-Kummissjoni nediet studju ta’ l-iskemi eżistenti ta’ voluntiera umanitarji (eż. Voluntiera tan-NU, Voluntiera tas-Salib l-Aħmar). L-istudju se jgħin biex jiġu identifikati fatturi komuni u l-aħjar prattika. Se jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar appoġġ possibbli mill-KE għat-taħriġ ta’ voluntiera, u għat-twaqqif ta’ roster ta’ l-UE ta’ voluntiera mħarrġa, disponibbli għall-aġenziji umanitarji għal meta jkun hemm bżonnhom.

It-titjib fil-koerenza tar-rispons umanitarju ġenerali ta’ l-UE

Koordinazzjoni msaħħa bejn l-għajnuna umanitarja tal-Komunità u l-għajnuna bilaterali ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE fir-rispons f’każi ta’ diżastru u ta’ kriżi tkun ta’ benefiċċju reċiproku għal kulħadd. Fluss ta’ informazzjoni standardizzat u li jasal fi żmien reali huwa s-sigriet tat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’sitwazzjonijiet li jinbidlu malajr. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi l-miżuri konkreti li ġejjin, li jistgħu jkunu implimentati malajr:

- l-iżvilupp ta’ netwerk tal-punti ewlenin għall-emerġenza umanitarja ta’ l-Istati Membri;

- tittejjeb is-sistema eżistenti tar-rapportar umanitarju ta’ l-UE (l-hekk imsejħa ‘sistema ta’ l-14-il punt’), biex issir konsistenti b’mod sħiħ mas-sistema ta’ l-UNOCHA li żżomm kont ta’ fejn imorru l-finanzi u jitjieb l-użu li jsir minnha mill-Istati Membri;

- l-esperti fl-għajnuna umanitarja li jkunu bbażati fil-post jkunu disponibbli għall-Istati Membri biex jagħtu pariri u għajnuna fl-għoti ta’ assistenza umanitarja bilaterali, u biex tkun iffaċilitata l-koordinazzjoni ta’ l-assistenza f’dan il-qasam mill-Komunità u mill-Istati Membri.

Il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili

Il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-Komunità jiffaċilita l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi speċjalizzati mingħand l-Istati Membri għall-għajnuna f’każ ta’ diżastru kemm ġewwa l-UE u kemm barra minnha. L-interventi barra mill-UE jistgħu jsiru jew fuq bażi awtonoma jew bħala kontribuzzjoni għal intervent immexxi minn organizzazzjoni internazzjonali[10]. Il-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet barra mill-UE se tkun assigurata mill-Kummissjoni u mill-Presidenza ta’ l-UE, li jaħdmu f’konsultazzjoni mill-qrib.

Miżuri biex isaħħu l-kapaċità ta’ rispons tal-Mekkaniżmu jridu jieħdu f’konsiderazzjoni din il-funzjoni doppja. Dawn il-miżuri jissemmew b’aktar dettal fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “It-Titjib tal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-Komunità ”[11]. Barra minn hekk, l-iżvilupp tax-xogħol tal-Mekkaniżmu f’pajjiżi terzi jrid jikkunsidra sewwa l-mandati ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra u ta’ mekkaniżmi internazzjonali eżistenti ta’ koordinazzjoni.

Azzjoni immedjata se tikkonċentra fuq it-titjib tal-Mekkaniżmu u t-tkabbir sakemm jista’ jkun ta’ l-impatt ta’ l-assistenza tiegħu fi ħdan il-qafas legali eżistenti. Il-Kummissjoni tipproponi li:

- Tassigura implimentazzjoni sħiħa tal-ftehim ma’ l-OCHA tan-NU biex jitkabbar kemm jista’ jkun l-użu ta’ riżorsi disponibbli u tassigura rispons koordinat f’każ ta’ diżastri f’pajjiżi terzi;

- Tkabbar l-istat ta’ preparazzjoni permezz ta’ iktar taħriġ u eżerċizzji. Il-valutazzjoni bbażata fuq is-sitwazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ protezzjoni ċivili ta’ l-UE teħtieġ tingħata spinta ’l quddiem malajr, bil-parteċipazzjoni sħiħa ta’ l-Istati Membri kollha;

- Tiżviluppa metodu modulari bbażat fuq moduli nazzjonali u li jistgħu jintużaw malajr għall-protezzjoni ċivili; fejn moduli bħal dawn huma intenzjonati biex jintużaw f’pajjiżi terzi trid tingħata attenzjoni lill-komplementarjetà tagħhom ma’ moduli li qed jiġu żviluppati fil-qafas ta’ l-UNOCHA;

- Tirrinforza r-rabtiet bejn il-Mekkaniżmu u sistemi ta’ twissija f’waqtha u ssaħħaħ il-kapaċità analitika u ta’ ppjanar taċ-Ċentru ta’ Sorveljanza u ta’ Informazzjoni tal-Kummissjoni (MIC). Dan se jinkludi t-tisħiħ tar-rabtiet mas-sistema ta’ allarm u dmir ta’ l-UNDAC u ċ-Ċentru tal-Koordinazzjoni ta’ l-Operazzjoni fuq il-Post (OSSOC) virtwali tiegħu;

- Issaħħaħ il-valutazzjoni fuq il-post tal-bżonnijiet speċjalizzati għall-protezzjoni ċivili u ttejjeb il-kapaċità għal koordinazzjoni biex jitqassmu r-riżorsi tal-protezzjoni ċivili ta’ l-UE, b’koordinazzjoni sħiħa ma’ atturi oħra;

- Ittejjeb l-aċċess għar-riżorsi militari ta’ l-UE għall-għajnuna waqt diżastru permezz ta’ użu aħjar tad- database tar-riżorsi militari ta’ l-UE, l-iżvilupp ta’ sitwazzjonijiet ta’ ppjanar speċifiċi maċ-ċellula Ċivili u Militari u t-twaqqif ta’ proċeduri ta’ tħaddim ma’ l-istaff militari ta’ l-UE;

- Tipprovdi fondi Komunitarji għal spejjeż tat-trasport.

Tul perjodu itwal ta’ żmien jistgħu jiġu kkunsidrati riformi iktar ambizzjużi u strutturali tal-Mekkaniżmu, imsaħħa bir-riżorsi finanzjarji ikbar proposti mill-Kummissjoni taħt il-Perspettivi Finanzjarji l-ġodda[12]. Dan jirriżulta f’kapaċità iktar soda tal-protezzjoni ċivili fuq il-livell ta’ l-UE u jkun jeħtieġ:

- Tkabbir tal-kapaċitajiet tal-protezzjoni ċivili disponibbli għall-assistenza fuq il-livell ta’ l-UE;

- Jingħata mandat lill-Kummissjoni biex tinforma lil pajjiżi terzi dwar il-possibbiltà li tintalab assistenza kull meta jkun hemm bżonn possibbli għall-assistenza tal-protezzjoni ċivili;

- L-iżvilupp tal-moduli għall-lest, ibbażati fl-Istati Membri, biex jintużaw immedjatament wara talba għal assistenza;

- Jiġu pprovduti finanzi għall-MIC biex tikri tagħmir neċessarju li ma jistax jiġi miksub mill-Istati Membri jew sorsi oħra biex ikun assigurat rispons f’waqtu min-naħa ta’ l-Ewropa filwaqt li jissaħħu r-rabtiet maċ-Ċentru Konġunt Loġistiku tan-NU;

- Tingħata spinta lill-koordinazzjoni internazzjonali għal rispons f’każ ta’ diżastru.

L-għajnuna għar-riabilitazzjoni, għar-rikostruzzjoni u għall-iżvilupp

L-istess bħall-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili, l-effikaċja ta’ l-assistenza ta’ l-UE tul perjodu medju f’każi ta’ diżastru, kriżi u rikostruzzjoni tiddependi milli jkun hemm aċċess għal valutazzjoni ta’ kwalità tajba tal-bżonnijiet minn kmieni, u li jkun hemm il-flessibilità neċessarja għall-kapaċità fl-implimentazzjoni biex jingħata servizz f’waqtu.

B’dan quddiem għajnejha, il-Kummissjoni se twaqqaf Timijiet ta’ Valutazzjoni u ta’ Ppjanar. Dawn jiġbru uffiċjali u speċjalisti fis-settur minn kull naħa tal-Kummissjoni u mill-130 Delegazzjoni tagħha. It-timijiet ikunu lesti għall-mobilizzazzjoni b’avviż qasir għal missjonijiet li jistgħu jdumu anki għal xahar u jkunu jistgħu jagħmlu użu minn esperti esterni li jkunu għall-lest. Il-parteċipazzjoni ta’ l-Istati Membri tkun inkoraġġuta.

Ikun hemm numru ta’ funzjonijiet distinti għat-timijiet ta’ valutazzjoni, skond in-natura tal-kriżi u d-daqs tar-rispons ikkunsidrat mill-Komunità, inklużi:

- Kontribuzzjoni għal valutazzjoni ta’ bżonnijiet multilaterali mmexxija mill-Bank Dinji jew min-NU;

- Identifikazzjoni ta’ programmar u proġetti dettaljati għal finanzjar ta’ emerġenza f’każ ta’ kriżi u għal rikostruzzjoni mill-KE;

- Integrazzjoni ta’ l-għanijiet ta’ l-iżvilupp sostenibbli u l-istrateġiji fl-ippjanar ta’ għajnuna ta’ emerġenza, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni kemm jista’ jkun mingħajr problemi bejn reabilitazzjoni ta’ emerġenza u għajnuna ta’ rikostruzzjoni u l-medda ta’ żmien twil.

- Kontribuzzjoni lill-missjonijiet ta’ ġbir ta’ fatti mis-CFSP organizzati mis-Segretarjat tal-Kunsill.

Numru ta’ passi prattiċi sejrin jittieħdu biex jiġu stabbiliti dawn it-timijiet:

- Jitwaqqaf roster ta’ kompetenza interna;

- Jiġi żviluppat kors komuni ta’ taħriġ;

- Jittieħdu miżuri biex ikun assigurat li l-impjegati jistgħu jħallu l-funzjonijiet tagħhom u jiġu mmobilizzati malajr;

Meta l-Kummissjoni tkun qed tippjana r-rispons tagħha f’każ ta’ diżastru jew ta’ kriżi, tara siwi kbir fl-iżvilupp ta’ analiżi komuni u awtorevoli tas-sitwazzjoni li tkun għaddejja ma’ l-Istati Membri u mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Din, imbagħad, tkun tista’ tintuża biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-prijoritajiet rispettivi għall-Komunità, għas-CFSP u għall-programmi ta’ assistenza bilaterali. Bħala punt ta’ tluq, se tfittex opportunitajiet għal valutazzjonijiet konġunti ma’ kollegi fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Barra minn hekk, jittieħdu miżuri biex jirrinforzaw il-kapaċità ta’ implimentazzjoni tad-Delegazzjonijiet b’avviż ta’ l-aħħar minuta.

It-tisħiħ tar-rabtiet bejn il-programmi tal-Komunità u l-kapaċitajiet ċivili u militari ta’ l-UE

Iċ-Ċellula ta’ l-Ippjanar Ċivili u Militari jkollha influwenza importanti fuq l-iżvilupp tar-rispons ta’ l-UE f’każ ta’ kriżi. Meta wieħed jikkunsidra kemm il-Kummissjoni għandha esperjenza kbira fit-tmexxija ta’ l-għajnuna u l-miżuri ta’ stabbilizzazzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ wara konflitti, u l-intensità u l-firxa ta’ riżorsi tal-Komunità rilevanti għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi, huwa importanti li l-Kummissjoni tikkontribwixxi bis-sħiħ għax-xogħol taċ-Ċellula.

Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni se taħtar uffiċjali tal-kollegamenti maċ-ċellula Ċivili u Militari. Il-funzjonijiet ewlenin tagħhom se jkunu biex jinkoraġġixxu l-koerenza bejn is-suppożizzjonijiet ta’ l-ippjanar tal-KE u l-miżuri tas-CFSP, u biex jidentifikaw l-arranġamenti prattiċi għall-użu tar-riżorsi militari f’appoġġ għall-programmi ċivili tal-Komunità u biex ikun assigurat li l-konsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq dwar operazzjonijiet umanitarji u ż-żamma ta’ ‘l-ispazju umanitarju’ jistgħu jitqiesu b’mod xieraq. L-uffiċjali tal-kollegamenti jkunu qegħdin jagħtu opinjoni esperta dwar l-għajnuna umanitarja u r-rispons f’każ ta’ diżastru u t-tmexxija ta’ assistenza fir-rikostruzzjoni. Jkunu integrati għal kollox fix-xogħol ta’ ġurnata b’ġurnata taċ-ċellula, filwaqt li jżommu linja ta’ rrapportar mas-servizzi tal-Kummissjoni.

Tmexxija finanzjarja soda

Se jsiru proposti fir-reviżjonjiet li ġejjin tar-regolamenti finanzjarji dwar kif l-aħjar li wieħed iqabbel il-ħtiġijiet għal assistenza flessibli u malajr f’każ ta’ diżastru mal-kundizzjonijiet meħtieġa ta’ tmexxija finanzjarja u għotja ta’ kuntratti pubbliċi sodi. Barra minn hekk, il-kummissjoni se tiżviluppa aktar il-mekkaniżmi ta’ kontroll u ta’ stħarriġ sabiex tassigura tmexxija finanzjarja soda u effettiva ta’ l-assistenza tal-komunità f’każi ta’ kriżi u diżastru. Il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ l-informazzjoni ma’ donaturi oħra se titjib jekk wieħed iżomm dan f’moħħu.

JITQABBLU L-MEZZI MA’ L-AMBIZZJONIJIET – MIżURI ESSENZJALI STRUTTURALI

Titjib fl-ippjanar, fil-koordinazzjoni u fil-koerenza

Il-President tal-Kummissjoni ħabbar fil-GAERC tal-31 ta’ Jannar it-twaqqif ta’ programm ħafif, imma effettiv, biex titjib il-koordinazzjoni tal-politika fiż-żmien reali fi ħdan is-servizzi tagħha. Dan ikun qed isaħħaħ u jikkonsolida wkoll il-flussi ta’ informazzjoni lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, ifittex li jkabbar kemm jista’ s-sinerġiji u l-komplementarjetà bejn l-istrumenti differenti tal-Komunità mobilizzati għar-rispons f’każi ta’ kriżi u diżastru, u jappoġġja x-xogħol ta’ servizzi ġeografiċi. Ikun qed jaħdem biex jitjiebu l-mezzi ta’ komunikazzjoni ma’ l-Istati Membri u mas-Segretarjat tal-Kunsill. Il-programm jikkonsolida u jsaħħaħ ukoll il-kompetenza fil-politika tas-settur tal-Kummissjoni għar-rispons f’każi ta’ diżastru u kriżi[13].

Barra minn hekk, il-Kummissjoni jkollha l-għan li ssaħħaħ il-koordinazzjoni mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill billi:

- Tippreżenta proposti għat-titjib ta’ ħidmet it-timijiet ta’ koordinazzjoni ta’ rispons f’każ ta’ kriżi kkunsidrati fil-proċeduri ta’ tmexxija ta’ kriżi ta’ l-UE approvati mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà fi Frar 2003;

- ittejjeb skambju ta’ informazzjoni maċ-Ċentru ta’-Kunsill tas-Sitwazzjoni Konġunta u taqsam il-kapaċitajiet rilevanti tal-Kummissjoni;

Biex titjib iċ-ċirkolazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-Komunità u l-assistenza ta’ emerġenza bilaterali, il-Kummissjoni se:

- tistabbilixxi proposti għat-twaqqif ta’ sistema permanenti ta’ punti fokali f’aġenziji ta’ l-Istati Membri għal assistenza fir-rikostruzzjoni, u tibni fuq il-mandat li ngħata diġà lill-Kummissjoni biex twaqqaf aġenziji ta’ informazzjoni għall-Iraq u għall-assistenza ta’ wara t-Tsunami.

Il-loġistika u l-għotja ta’ kuntratti

Il-ħila ta’ l-UE li tniedi missjonijiet kumplessi bħala rispons f’każ ta’ diżastru jew ta’ kriżi teħtieġ kapaċità qawwija loġistika u għat-telekomunikazzjoni, għas-sigurtà, għall-għotja ta’ kuntratti u għall-appoġġ amministrattiv u finanzjarju.

Però, il-bżonn għal din il-kapaċità mhuwiex ristrett għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Programmi importanti b’fondi tal-Komunità bħal dak ta’ osservazzjoni ta’ l-elezzjonijiet (li jkollu 8-10 missjonijiet kbar kull sena) għandhom bżonnijiet simili, u jħabtu wiċċhom ma’ sfidi simili biex jintlaħqu.

Il-programmi tal-Komunità sabu għadd ta’ risponsi għal dawn il-bżonnijiet, bi flessibiltà u effikaċja differenti. Fil-każ ta’ missjonijiet taħt is-CFSP, dawn ix-xogħlijiet kollha huma ddelegati lill-Kap tal-Missjoni jew lir-Rappreżentant Speċjali ta’ l-UE, li jaġixxi fil-kapaċità personali tiegħu jew tagħha. Il-Kap tal-Missjoni huwa għalhekk responsabbli li jwaqqaf loġistika kompleta, tmexxija finanzjarja u ta’ għotja ta’ kuntratti, minbarra x-xogħlijiet politiċi prinċipali tiegħu jew tagħha. Ikun (jew tkun) iggwidat(a) u ssorveljat(a) mill-Kummissjoni li żżomm ir-responsabbiltà finanzjarja ġenerali.

Il-Kummissjoni temmen li l-arranġamenti preżenti mhumiex sostenibbli tul perjodu ta’ żmien fit-tul u ma jistgħux jappoġġjaw it-tkabbir fl-importanza ippjanat ta’ missjonijiet kumplessi ta’ l-UE. Għal din ir-raġuni, il-President tal-Kummissjoni ħabbar li x-xogħol se jingħata spinta permezz ta’ programm loġistiku u amministrattiv ta’ appoġġ komuni għal azzjonijiet esterni.

Dan il-programm jassigura li l-amministrazzjoni, il-loġistika u l-għotja ta’ kuntratti għall-missjoni jingħataw f’waqthom, u b’hekk jitkomplew il-miżuri msemmija f’paragrafu 4.1 hawn fuq. Meta wieħed jikkunsidra l-implikazzjonijiet sinifikanti fil-każ ta’ dawk impjegati fi struttura bħal din, il-Kummissjoni se teżamina l-firxa sħiħa ta’ għażliet disponibbli għaliha taħt ir-Regolament Finanzjarju l-ġdid, inkluż il-ħolqien ta’ Uffiċċju tal-Kummissjoni, u t-twaqqif ta’ Aġenzija Eżekuttiva tal-Kummissjoni[14]. Se tmexxi analiżi dwar ir-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji li jinkisbu meta jitqabblu dawn l-għażliet ma’ l-għażla li jinżammu dawn il-funzjonijiet fi ħdan is-servizzi eżistenti tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tippjana li tagħmel proposta lill-awtorità ta’ l-estimi qabel l-aħħar tas-sena.

Bħala parti minn dan ix-xogħol il-Kummissjoni se tkompli d-diskussjonijiet tagħha mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u se tieħu numru ta’ miżuri interim miftiehma biex tħaffef l-għotja ta’ kuntratti għall-missjonijiet tas-CFSP.

Il-bini tal-kapaċità ta’ implimentazzjoni u l-preparazzjoni għall-Istrument ta’ Stabbiltà

Il-proposta tal-Kummissjoni għal strument ta’ Stabbiltà[15] tfittex li tintegra r-rispons tal-Komunità f’każi ta’ diżastru jew ta’ kriżi. Hija bbażata fuq loġika ta’ tisħiħ tar-riżorsi finanzjarji fi strument integrat wieħed. Bl-istess loġika, il-Kummissjoni se tikkonsolida progressivament il-kompetenza interna rilevanti għall-għanijiet ta’ l-istrument u twaqqaf il-kapaċità neċessarja ta’ implimentazzjoni. Fl-istess ħin, se tassigura tisħiħ progressiv ta’ l-impjegati tal-Mekkaniżmu ta’ Rispons f’Waqtu, biex tiżviluppa u tittestja l-identifikazzjoni ta’ proġett u l-metodoloġiji ta’ implimentazzjoni rilevanti għall-bżonnijiet ta’ l-istrument tal-futur.

IR-RINFORZ TAL-MIżURI PREVENTIVI, TAT-TWISSIJA MINN KMIENI U TA’ L-ISTAT TA’ PREPARAZZJONI F’KAż TA’ DIżASTRU

L-isfond

Il-kapaċitajiet ta’ rispons f’waqtu jeħtieġu jkunu akkumpanjati minn strateġija biex ma jitħallix isir diżastru, flimkien ma’ stat ta’ preparazzjoni u allarm għalih. Filwaqt li d-diżastru tat-tsunami fl-Oċean Indjan enfasizza b’mod drammatiku l-bżonn ta’ sistemi effettivi ta’ twissija minn kmieni, wera wkoll il-kumplessità politika u teknoloġika ta’ l-argument.

Il-Komunità għandha firxa wiesgħa ta’ politika u strumenti finanzjarji li jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ twissija minn kmieni u sistemi ta’ allarm. Bħalissa qed tikkontribwixxi għal sistemi ta’ allarm fl-Oċean Indjan, fl-Atlantiku u fil-Mediterran permezz ta’ l-għajnuna umanitarja, l-iżvilupp, l-għajnuna reġjonali u l-programmi ta’ riċerka tagħha. Qed tikkunsidra wkoll li twaqqaf faċilità ta’ l-ACP-KE f’każ ta’ diżastru naturali (deskrizzjoni qasira ta’ dawn l-inizjattivi tinstab fl-Anness II). L-isfida qiegħda biex jiġi identifikat qafas adattat ta’ politika li fih jistgħu jaħdmu b’mod koerenti dawn l-inizjattivi differenti. B’dan quddiem għajnejha, il-Kummissjoni waqqfet grupp permanenti ta’ ħidma biex tiġbor in-nies rilevanti li jifformolaw il-politika dwar dawn il-kwistjonijiet, u tipproponi l-elementi prinċipali għal strateġija li tidher hawn taħt.

Id-diskussjonijiet fil-Kunsill isiru wkoll f’firxa sħiħa ta’ formati, u m’hemmx grupp waħdani ta’ ħidma li jiġbor flimkien konsiderazzjoni ta’ l-aspetti politiċi, ta’ żvilupp u teknoloġiċi għal twissija minn kmieni u stat ta’ preparazzjoni f’każ ta’ diżastru.

Il-Kunsill jista’ jikkunsidra kif l-aħjar iqanqal diskussjoni strateġika dwar dawn il-kwistjonijiet, u kif l-aħjar jiskjera l-politika ta’ l-Istati Membri f’dan ir-rigward.

Il-qafas tal-politika internazzjonali

Il-Kummissjoni kellha funzjoni importanti fil-preparazzjoni tal-Konferenza Dinjija fuq it-Tnaqqis tad-Diżastri li saret f’Kobe fl-2005, u tara d- Dikjarazzjoni u l-Qafas għall-Azzjoni ta’ Hyogo għall-2005-2015, adottati f’dik il-konferenza, bħala l-punt mnejn tibda l-istrateġija tagħha. Waqt li tirrifletti dan il-qafas strateġiku, il-Kummissjoni se tagħmel enfasi partikolari fuq:

- l-integrazzjoni tat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastru f’politika ta’ żvilupp sostenibbli u fi programmi f’pajjiżi li kienu milquta minn diżastru;

- it-tisħiħ ta’ istituzzjonijiet, mekkaniżmi u kapaċitajiet f’kull livell li jistgħu jgħinu għal irkupru ta’ malajr mill-perikli u stat ta’ preparazzjoni f’każ ta’ diżastri kemm ġewwa, kif ukoll barra mill-UE;

- l-iżvilupp ta’ twissija minn kmieni ċċentrata fuq in-nies, tmexxija aħjar u skambju ta’ informazzjoni dwar riskji u protezzjoni, edukazzjoni u taħriġ;

- l-identifikazzjoni, il-valutazzjoni u s-sorveljanza ta’ riskji minn diżastru, it-titjib ta’ twissija minn kmieni;

- it-tnaqqis tal-fatturi ta’ riskju bażiċi;

Il-Kummissjoni se żżid ukoll ix-xogħol preventiv fl-ambjent bl-iskop li tikkumbatti diżastri ambjentali u naturali.

L-appoġġ tal-KE għal stat ta’ preparazzjoni f’każ ta’ diżastri u twissija minn kmieni

Skond l-opinjoni internazzjonali, il-Komunità se tinkoraġġixxi metodu għal twissija minn kmieni u allarm li jkopri ħafna perikli, u se tikkontribwixxi fl-istadji kollha fil-katina ta’ ġrajjiet mill-iskoperta sar-rispons. Bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi organizzazzjonijiet reġjonali u sotto-reġjonali biex jieħdu f’idejhom funzjoni fl-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ twissija minn kmieni u ta’ allarm. Hija se tivvaluta talbiet għal kontribuzzjonijiet għal sistemi nazzjonali flimkien ma’ prijoritajiet nazzjonali oħra ta’ żvilupp.

Se tuża dawn ir-riżorsi li ġejjin:

- għajnuna umanitarja u assistenza fl-iżvilupp iffokati fuq l-istat ta’ preparazzjoni lokali u l-azzjoni nazzjonali, il-komunikazzjoni waqt emerġenza u l-pjanijiet ta’ mitigazzjoni, inkluż il-bini ta’ kapaċità fuq livelli nazzjonali u reġjonali għat-tnaqqis ta’ diżastri;

- fondi għal riċerka u żvilupp mill-programmi tal-Komunità ‘It-Tibdil Globali u l-Ekosistema’, ‘L-Ispazju’ u ‘It-Teknoloġiji għas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni’. Dawn jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ metodi u mudelli, għall-valutazzjoni ta’ perikli u tbassir, għall-valutazzjoni tas-saħħa, għall-impatti ambjentali, ekonomiċi u soċjali, għall-osservazzjoni in situ ta’ satelliti u tad-dinja favur analiżi ta’ vulnerabilità u valutazzjoni tal-ħsara, u għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji għall-immaniġjar tar-riskji.

- trasferiment ta’ esperjenza mill-kapaċità xjentifika taċ-Ċentru ta’ Riċerka Konġunt u jkunu pprovduti servizzi ta’ tħaddim fil-qafas tal-kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-KE fl-inizjattiva tas-Sorveljanza Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES);

- il-promozzjoni ta’ għodod speċifiċi żviluppati miċ-Ċentru ta’ Riċerka Konġunt tal-Kummissjoni (b’fondi mill-ECHO) b’kooperazzjoni ma’ l-OCHA, bħal ma hi s-Sistema Globali ta’ Allarm f’każ ta’ Diżastri (GDAS), maħsuba biex twassal informazzjoni fi żmien reali dwar riskji u diżastri speċifiċi lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u lill-aġenziji li jagħtu l-għajnuna;

- ix-xogħol ta’ l-Organizzazzjonijiet ta’ Standardizzazzjoni Ewropej u l-ħila tagħhom biex jiżviluppaw standards teknoloġiċi armonizzati, pereżempju relatati ma’ l-użu ta’ ‘xandir biċ-ċelluli’ li jħallu lill-awtoritajiet pubbliċi joħorġu sejħiet ta’ allarm fuq netwerks tal-GSM.

Biex twissija minn kmieni tkun effettiva tiddependi mir-rabta li hemm bejn ix-xjenza u t-teknoloġiji ta’ osservazzjoni, ma’ sistemi ta’ allarm u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, it-tnejn fi ħdan amministrazzjonijiet nazzjonali u fil-komunità internazzjonali. Waħda mit-tagħlimiet li nkiseb mit-tsunami hija li sistemi ta’ informazzjoni, databases , satelliti u netwerks ta’ qisien mill-art għandhom għandhom jitjiebu b’mod sinifikanti. Fejn għandhom x’jaqsmu l-aspetti xjentifiċi u teknoloġiċi ta’ dan ix-xogħol, il-Kummissjoni se tiżviluppa l-programmi tagħha b’kooperazzjoni mill-qrib mal-komunità internazzjonali permezz ta’ dawn il-forums:

- l- Istrateġija Internazzjonali għat-Tnaqqis tad-Diżastri tan-NU li se jkollha funzjoni importanti biex tassigura koordinazzjoni bejn kollaborazzjoni teknoloġika internazzjonali u l-elementi usa’ ta’ l-istrateġija għat-tnaqqis tad-diżastri ta’ Hyogo.

- il- Grupp dwar l-Osservazzjonijiet tad-Dinja (GEO), li jiġbor operaturi nazzjonali u intergovernattivi tas-sistemi ta’ osservazzjoni tad-dinja li jinkludu l-Kummissjoni Ewropea, l-aġenziji rilevanti tan-NU u l-Kummissjoni Oċeanografika Intergovernattiva. Il-GEO dan l-aħħar endorsjat pjan ta’ 10 snin biex jimplimenta s-Sistemi tas-Sistema Osservazzjoni tad-Dinja Globali ta’ (GEOSS). Din hija sistema koordinata ta’ sistemi ta’ osservazzjoni sensorjali mad-dinja kollha in situ u fil-bogħod. Il-komponent ta’ osservazzjoni tal-GMES jikkostitwixxi kontribuzzjoni prinċipali Ewropea għall-GEOSS.

IL-PROTEZZJONI U L-APPOġġ TAċ-ċITTADINI TA’ L-UE

It-Tsunami enfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni ikbar bejn l-Istati Membri meta jagħtu l-għajnuna tagħhom lil ċittadini Ewropej milquta minn kriżi prinċipali. Il-Kummissjoni tappoġġja x-xogħol tal-Grupp għall-Affarijiet Konsulari fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni konsulari u tal-Grupp ta’ Ħidma ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija fit-twaqqif ta’ mekkaniżmu koordinat mill-UE biex jidentifika l-vittmi ta’ diżastru. Il-Kummissjoni se tipprovdi appoġġ finanzjarju għal dan ix-xogħol permezz tal-Programm Ġenerali tagħha – Is-Sigurtà u l-Protezzjoni tal-Libertajiet. Il-Mekkaniżmu ta’ Protezzjoni Ċivili tal-Komunità jista’ wkoll ikollu kontribuzzjoni x’jagħti.

Ix-xogħol ta’ preparazzjoni fuq it-twaqqif tas-Servizz Ewropew ta’ Azzjoni Esterna previst fil-Kostituzzjoni wkoll se jipprovdi opportunità biex jikkunsidra iktar forom istituzzjonalizzati ta’ kooperazzjoni konsulari.

KONKLUżJONI

Il-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni huma mistiedna jieħdu nota tas-saħħa u l-profondità tal-kapaċitajiet tal-Komunità għar-rispons u l-istat ta’ preparazzjoni f’każ ta’ diżastri u kriżijiet. Huma mistiedna jendorsjaw il-miżuri msemmija f’din il-Komunikazzjoni biex jissaħħu dawn il-kapaċitajiet, u biex jaħdmu mal-Kummissjoni biex jassiguraw koerenza fuq livell ta’ politika u ta’ tħaddim ta’ l-azzjoni esterna ta’ l-UE f’dan il-qasam.

A NNESS I

Ir-rapport tal-progress dwar l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni b’rispons għat-tsunami tas-26 ta’ Diċembru 2004

1. INTRODUZZJONI

2. Il-Kunsill tal-31 ta’ Jannar 2005 adotta Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE b’rispons għat-tsunami tas-26 ta’ Diċembru 2004. Il-Kunsill sejjaħ għall-GAERC tal-25-26 ta’ April biex jara fiex wasal il-progress. Din il-Komunikazzjoni tirrapporta lill-Kunsill dwar il-progress tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni tagħha għall-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE, kemm permezz ta’ l-għajnuna umanitarja u ta’ rikostruzzjoni tiegħu kif ukoll permezz ta’ serje ta’ miżuri ta’ appoġġ li jmorru magħha.

3. It-tsunami kien wieħed mill-agħar diżastri naturali fl-istorja miktuba. Meded kbar ta’ art fil-gżejjer tas-Sri Lanka u l-Maldive, kif ukoll żoni mal-kosta ta’ l-Indoneżja, l-Indja u t-Tajlandja kienu sempliċiment meqruda għal kollox. Tliet xhur wara, jidher ċar kemm kienet tabilħaqq kbira din it-traġedja . Madwar 300,000 ruħ mietu u miljun ruħ oħra sfaw refuġjati.

4. Madankollu, ir-rispons għat-tsunami kien straordinarju, u wera umanità fl-aqwa tagħha. Nies lokali nġabru b’kuraġġ kbir biex isalvaw kemm ġirien kif ukoll turisti. Il-komunità internazzjonali, inkluża l-UE, malajr marret għall-għajnuna ta’ dawn il-pajjiżi, b’għajnuna loġistika, umanitarja u ta’ rikostruzzjoni tul perjodu itwal ta’ żmien. Donaturi wegħdu madwar €5.4 biljun. L-UE kienet l-ikbar donatur b’madwar €1.5 biljun. Donazzjonijiet privati direttament lin-NGO’s ukoll kienu kbar b’madwar €1.9 biljun. Kif saret taf bit-tsunami fis-26 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni kienet fost l-ewwel organizzazzjonijiet li aġixxew bl-attivazzjoni immedjata tal-Mekkaniżmu ta’ Protezzjoni Ċivili tal-Komunità u bl-approvazzjoni immedjata tad-deċiżjoni għall-iffinanzjar ta’ assistenza umanitarja. L-ewwel talba għal assistenza ntbagħtet mill-qalba ta’ fejn qed jitħaddem il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-Komunità – iċ-Ċentru ta’ Sorveljanza u ta’ Informazzjoni (MIC) – lill-pajjiżi parteċipanti. L-Istati Membri wieġbu b’ġenerożità għal dawn it-talbiet. Waqt li b’xi mod l-Istati Membri Ewropej kollha kkontribwew għall-isforzi immedjati biex tingħata l-għajnuna, 16-il Stat Membru – flimkien mal-Bulgarija u mar-Romanija – iggwidaw l-assistenza tagħhom permezz tal-Mekkaniżmu tal-Komunità.

5. L-ECHO u s-Salib l-Aħmar tagħha, in-NU u n-NGOs imsieħba għenu biex jevitaw traġedja ikbar bir-rispons umanitarju f’waqtu tagħhom. Madankollu, għadu kmieni wisq biex ikun hemm valutazzjoni komprensiva tar-rispons tal-Kummissjoni waqt il-fażi ta’ emerġenza. Il-pakkett kbir ta’ rikostruzzjoni issa huwa pprogrammat u, jekk jiġi approvat mill-Istati Membri, jibda jitħaddem minn-nofs is-sena.

6. Iżda l-isfida għadha fil-bidu tagħha u ċerti riskji huma diġà ċari, b’mod partikolari l-koordinazzjoni batuta tal-mijiet ta’ organizzazzjonijiet li qegħdin bħalissa fil-post, il-kapaċità ta’ assorbiment limitata minħabba l-livell kbir ta’ proġetti li qed jagħtu għajnuna u li trid titwassal għajnuna fiż-żoni ta’ konflitt ta’ Aceh u fit-tramuntana u fil-lvant tas-Sri Lanka. Il-Kummissjoni qed tlesti miżuri biex tassigura ruħha li tkun tista’ twassal b’mod effiċjenti u effettiv għal rikostruzzjoni tul perjodu ta’ żmien twil, f’din is-sitwazzjoni ta’ sfida iżda x-xogħol li hemm aktar ’il quddiem se jitlob attenzjoni u l-Kummissjoni trid tibqa’ għaddejja b’ħidmietha għat-tul ta’ żmien meħtieġ.

7. L-GħAJNUNA UMANITARJA

8. Il-Kummissjoni rreaġit dakinhar stess li ġara d-diżastru billi approvat € 3 miljun f’għajnuna umanitarja skond il-proċedura primarja ta’ emerġenza. Kienet l-ewwel fost id-donaturi li tat rispons. Sa nofs Frar, kien hemm € 103 miljun marbuta biex jingħataw bħala appoġġ lill-Indoneżja, lis-Sri Lanka, lill-Maldive, lill-Indja u lit-Tajlandja, li jkopru mhux biss għajnuna għal futur qrib iżda wkoll attivitajiet żgħar ta’ riabilitazzjoni biex jerġgħu jinbdew il-modi bażiċi ta’ kif in-nies tal-post jaqilgħu l-għixien tagħhom.

9. L-allokazzjoni ta’ emerġenza ta’ l-ECHO għall-IFRC ippermettiet il-bidu immedjat ta’ operazzjoni ta’ emerġenza li kopriet il-bżonnijiet urġenti ta’ 500,000 benefiċjarju mingħajr assistenza u refuġjati milquta b’mod iebes mit-terremot u mit-tsunami. L-allokazzjoni ta’ emerġenza kienet tinkludi refuġju u oġġetti oħra mhux marbuta ma’ l-ikel, tagħmir għal familji u tagħmir mediku ta’ emerġenza. Bl-appoġġ ta’ l-ECHO, il-WHO bagħtet timijiet ta’ l-Azzjoni għas-Saħħa fi Kriżijiet u l-WFP ġew mgħejuna biex iżidu l-kapaċità tal-loġistika għal distribuzzjoni ta’ ikel u provvisti mhux ta’ l-ikel billi żiedu mħażen, trasport bl-art u bl-ajru u riżorsi umani. B’kollox, tqassmu €20.6 miljun lill-proġetti reġjonali.

10. €36 miljun tqassmu lill-Indoneżja. Fost l-attivitajiet li rċevew appoġġ kien hemm it-twaqqif ta’ sistema ta’ twissija minn kmieni minħabba l-mard mill-WHO; ingħata aċċess għal servizzi primarji tas-saħħa u appoġġ psikosoċjali lil 90,000 ruħ; inħalqu 20 ċentru għat-tfal biex jiġu rreġistrati, imfittxija jew jerġgħu jingħaqdu tfal separati/waħidhom; ingħata aċċess għal ilma tajjeb u għal kundizzjonijiet iġjeniċi u tqassam l-ikel lil madwar 150,000 ruħ; ittejbu l-kundizzjonijiet ta’ fejn jgħixu n-nies fil-kampijiet u fl-istess ħin ingħatat għajnuna lil dawk li kienu lesti jmorru lura lejn fejn kienu jgħixu qabel biex jerġgħu jibnu djarhom u jerġgħu jibdew l-attivitajiet tagħhom fl-agrikoltura u fis-sajd.

11. €28.27 miljun tqassmu lis-Sri Lanka. L-attivitajiet ta’ l-ECHO jinkludu: operazzjoni tal-WFP li tipprovdi ikel għal 748,000 ruħ, b’kura speċjali lil nisa tqal u tfal, u ikel u flus kontanti għal skemi ta’ xogħol biex tiġi rriabilitata infrastruttura bażika; ingħata appoġġ permezz tan-NGOs biex jiġu pprovduti kenn, ikel, ilma tajjeb, tagħmir tad-dar u kundizzjonijiet iġjeniċi bażiċi lil iktar minn 150,000 ruħ jgħixu fil-kampijiet; ingħatat assistenza lil 150,000 familja biex jerġgħu jingħataw l-għajxien tagħhom fis-setturi tas-sajd u ta’ l-agrikoltura; twaqqfu kliniki mobbli tas-saħħa; ingħata appoġġ psikoloġiku u kura medika speċifika lil dawk li kellhom xi diżabilità.

12. €2.73 miljun tqassmu lill-Maldive. L-ECHO qed tapoġġja lill-UNICEF u lill-UNDP biex jinstallaw tankijiet ta’ l-ilma fi skejjel bil-ħsara, isewwu sistemi bi spieri żgħar tad-drenaġġ, jirrestawraw kmamar tal-kesħa u friżers fi sptarijiet bil-ħsara u jgħinu familji ta’ refuġjati biex isewwu djarhom u jerġgħu jibdew attivitajiet fis-setturi tas-sajd u ta’ l-agrikoltura. €10 miljun tqassmu lill-Indja, fejn l-imsieħba ta’ l-ECHO qed jgħinu lil madwar 8,700 familja vulnerabbli li jgħixu mis-sajd bil-bini mill-ġdid ta’ dgħajjes żgħar u l-għotja ta’ tagħmir tas-sajd kif ukoll jipprovdu appoġġ psikoloġiku, aċċess għal ilma tajjeb, għodod, materjal għall-bini u appoġġ lil nisa u lil komunitajiet li qed jaħdmu f’setturi relatati ma’ l-industrija tas-sajd. Fl-aħħarnett, €0.5 miljun tqassam lit-Tajlandja, fejn qed tiġi pprovduta assistenza lil madwar 2,000 sajjied u nisa mill-gruppi l-iktar vulnerabbli.

13. F’dak li għandha x’taqsam il-koordinazzjoni, wara li l-Kummissjoni għarfet il-problema potenzjali li l-bosta organizzazzjonijiet umanitarji involuti fl-għoti ta’ l-għajnuna u fl-isforzi għal riabilitazzjoni jistgħu jikkawżaw sabiex titwassal l-għajnuna b’mod effettiv, adottat numru ta’ miżuri biex jirrinforzaw il-funzjoni tan-NU bħala l-korp b’mandat għall-koordinazzjoni ta’ l-isforzi għall-għajnuna umanitarja internazzjonali. .L-ewwelnett, il-Kummissjoni qassmet iktar minn 50% ta’ l-għajnuna umanitarja tagħha b’appoġġ għall-Proċess ta’ Appell Konsolidat tan-NU; it-tieni, il-Kummissjoni qassmet iktar minn €6 miljun lill-aġenziji tan-NU direttament responsabbli għall-koordinazzjoni ta’ l-għajnuna umanitarja; it-tielet, l-ECHO iffinanzjat it-twaqqif ta’ Ċentri Umanitarji ta’ Informazzjoni stabbiliti mill-OCHA (l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni ta’ l-Affarijiet Umanitarji) u ipparteċipat b’mod attiv (u talbet lill-imsieħba tagħha biex jipparteċipaw) f’laqgħat ta’ koordinazzjoni ġenerali u tas-settur.

2.4. Wara t-tsunami, l-ECHO mill-ewwel skjerat lill-esperti tagħha li jmorru fuq il-post ibbażati fil-Bangkok u fl-Indja. Minn dak iż-żmien lil hawn, irrinforzat il-kapaċitajiet tagħha ta’ valutazzjoni u sorveljanza fuq il-post fin-Nofsinhar ta’ l-Ażja. Żewġ uffiċċji f’Banda Aceh u f’Colombo nfetħu f’Jannar, b’kull wieħed minnhom immexxi minn żewġ esperti fuq il-post. Barra minn hekk, uffiċċji eżistenti f’Ġakarta, f’Bangkok u fi New Delhi kienu rrinforzati b’4 esperti. 2 esperti oħra kienu mmobilizzati mill-uffiċċji reġjonali ta’ l-Afrika u ta’ l-Amerika Latina waqt l-ewwel fażi tal-kriżi. B’kollox, madwar 20 espert kienu mmobilizzati b’rispons għat-tsunami.

14. IR-RABTA BEJN IR-RIABILITAZZJONI PERMEZZ TA’ L-GħAJNUNA U L-IżVILUPP

15. Huwa ferm importanti li jkun hemm rabta solida kemm jista’ jkun bejn ir-rispons umanitarju inizjali u l-fażijiet ta’ riabilitazzjoni u ta’ rikostruzzjoni. Din ir-“Rabta ta’ Rkupru, Riabilitazzjoni u Żvilupp” (LRRD) hija l-pedament tar-rispons ta’ emerġenza ta’ l-UE.

16. Il-metodu tal-LRRD kien parti mill-operazzjonijiet iffinanzjati mill-ECHO kif deskritt hawn fuq. L-attivitajiet ta’ riabilitazzjoni tul perjodu qasir ta’ żmien se jibqgħu sejrin sa l-aħħar ta’ l-2006, u b’hekk jippermettu l-għajnuna għall-iżvilupp tal-Kummissjoni Ewropea biex tibni fuq is-suċċessi tal-fażi ta’ l-għajnuna umanitarja.

17. Biex jitkompla x-xogħol li sar mill-ECHO fil-fażijiet ta’ emerġenza u riabilitazzjoni, fondi sostanzjali tal-Kummissjoni se jmorru bħala appoġġ għar-riġenerazzjoni u l-għajxien tal-komunità għal perjodu itwal ta’ żmien. Se jkunu ffinanzjati proġetti speċifiċi fis-Sri Lanka u fil-Maldive biex jiffaċilitaw direttament din ir-rabta mal-LRRD. L-LRRD se tkun indirizzata permezz ta’ l-appoġġ tal-Fondi ta’ Fiduċja għal proġetti ta’ livell komunitarju li fih tipparteċipa l-Kummissjoni. L-implikazzjonijiet tat-tsunami tul perjodu twil ta’ żmien se jitqajmu fil-ġenerazzjoni li jmiss tal-Karti ta’ Strateġija tal-Pajjiż li qed jiġu ppreparati bħalissa.

18. Fl-aħħarnett, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni li jinsabu fil-post huma okkupati fi djalogu man-NGOs imsieħba biex jassiguraw li r-rabta ma’ l-LRRD tkun stabbilita fi proġetti tul perjodu itwal ta’ żmien iffinanzjati mir-riżorsi tagħhom stess.

19. L-ASSISTENZA GħAR-RIABILITAZZJONI U GħAR-RIKOSTRUZZJONI

20. Il-fażi ta’ emerġenza rnexxiet – il-vittmi ngħataw kenn u appoġġ u ġie evitat il-biża’ ta' mard. L-isfida issa hija li jerġgħu jinbnew iż-żoni milquta u li l-komunitajiet jibdew ħajjithom mill-ġdid. B’dan il-mod, tingħata spinta lill-iżvilupp sostenibbli ta’ dawn ir-reġjuni.

21. Il-tagħlimiet miksuba mir-risponsi għal diżastri li ġraw qabel, bħalma kienu t-terremoti f’Gujarat u f’Hanshin-Awaji, ġew inkorporati f’dan ir-rispons, b’mod partikolari l-bżonn għal ippjanar bil-galbu u ż-żamma ta’ l-għarfien ta’ sitwazzjonijiet li dejjem jiżviluppaw (eż. sitwazzjonijiet naturali, klimatoloġiċi, politiċi jew oħrajn), enfasi fuq tmexxija min-naħa tal-gvern u koordinazzjoni miegħu, l-involviment tal-komunitajiet lokali u l-proċeduri ta’ implimentazzjoni flessibbli.

22. Fil-Konferenza tad-Donaturi ta’ Ġakarta f’Jannar 2005, il-President tal-Kummissjoni Ewropea wiegħed €350 miljun għal appoġġ għar-rikostruzzjoni tul perjodu itwal ta’ żmien. Dan issa ġie pprogrammat u l-proposta għall-Programm Indikattiv tat-Tsunami qiegħda għand l-Istati Membri biex tiġi approvata, filwaqt li l-emendi neċessarji għall-baġit ta’ l-2005 qed jiġu ppreparati. Ġew identifikati l-proġetti u qed jibdew bil-mod il-mod taħt il-Mekkaniżmu ta’ Rispons f’Waqtu.

23. L-appoġġ għar-rikostruzzjoni tal-Kummissjoni se jiffoka fuq dawk il-pajjiżi li l-aktar li ntlaqtu b’mod iebes u l-iktar li qegħdin fil-bżonn, jiġifieri l-Indoneżja, is-Sri Lanka u l-Maldive, b’fondi addizzjonali għal azzjonijiet fir-reġjuni bħal fl-ambjent (żoni mal-kosta) u l-użu ta’ sistemi ta’ Twissija minn Kmieni. Il-pajjiżi l-oħra, inklużi l-Indja, it-Tajlandja u l-Malażja, biħsiebhom jieħdu ħsieb ir-rikostruzzjoni huma stess. Madankollu, l-Indja u t-Tajlandja bbenefikaw tassew minn xi għajnuna umanitarja u dawn il-pajjiżi kollha jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna reġjonali bħal m’hu l-programm tat-tsunami Pro Eco ta’ €15-il miljun u se jibbenefikaw minn miżuri oħra li jmorru miegħu.

24. Il-valutazzjonijiet tal-bżonnijiet li saru mal-Bank Dinji u oħrajn ifformaw il-bażi biex titqassam l-għajnuna bejn u fil-pajjiżi biex ikun assigurat li l-allokazzjonijiet ikunu ġusti u retti, ibbażati fuq bżonnijiet ċari u fuq il-kapaċità ta’ assorbiment. L-allokazzjonijiet skond il-baġit tal-Komunità, b’mod provviżorju, huma l-Indoneżja (€200 miljun), is-Sri Lanka (€95 miljun) u l-Maldive (€16-il miljun). Il-bilanċ ta’ €350 miljun b’mod provviżorju huwa magħmul mill-programm tat-tsunami Pro Eco (€15-il miljun), mill-proġetti tal-Mekkaniżmu ta’ Rispons f'Waqtu (€ 12-il miljun) u mill-faċilità reġjonali u orizzontali (€12-il miljun).

25. Il-programmi u l-proġetti li qed jirċievu appoġġ mill-Kummissjoni huma bbażati fuq pjanijiet nazzjonali ta’ rikostruzzjoni tal-gvernijiet stess. Madankollu, huma ppjanati biex jassiguraw li l-għajnuna titqassam b’mod ġust fost il-partijiet kollha tal-popolazzjonijiet milquta. Meta wieħed jikkunsidra n-natura tal-ħsara kkaġunata mit-tsunami, il-programmi jikkonċentraw fuq tliet oqsma: (i) ir-rikostruzzjoni taż-żoni li għandhom ħsarat, li jinkludu tiswijiet fid-djar u fl-infrastruttura tal-komunità bħal skejjel u kliniki, ħalli l-komunitajiet milquta jistgħu jerġgħu jiffunzjonaw mill-ġdid u jingħata appoġġ lis-sistemi tas-saħħa u ta’ l-edukazzjoni; (ii) jinbdew mill-ġdid il-mezzi ta’ l-għajxien, ħalli l-individwi u l-familji tagħhom jistgħu jerġgħu jibdew jaqilgħu l-għajxien tagħhom u jgħixu ħajjithom; u (iii) jissewwew l-ikbar infrastrutturi – speċjalment it-toroq – ħalli l-ekonomiji tal-kosta jistgħu jerġgħu jiffunzjonaw b’mod xieraq. Il-ħtiġijiet ambjentali wkoll se jitqiesu, kif għandu jkun.

26. Il-benefiċjarji prinċipali ta’ din l-għajnuna għar-rikostruzzjoni se jkunu l-komunitajiet lokali milquta u l-provinċji iktar wesgħin fejn hemm dawn il-komunitajiet tal-kosta. Il-gruppi li se jingħataw din l-għajnuna jinkludu sajjieda, negozji lokali u l-popolazzjoni ġenerali b’enfasi fuq dawk l-iżjed żvantaġġati/imwarrba, b’attenzjonali partikolari fuq in-nisa u t-tfal. Attivitajiet turistiċi se jkunu eliġibbli għax dan is-settur saritlu ħsara b’mod partikolari iżda se jkollu funzjoni importanti ferm fir-riġenerazzjoni ta’ l-ekonomiji tal-kosta. Proġetti iktar wesgħin bil-ħsieb li jippromwovu l-bidu mill-ġdid tat-turiżmu (eż. kampanji ta’ riklami u promozzjonijiet) qed jiġu ffinanzjati minn baġits nazzjonali u minn donaturi oħra, inklużi l-Istati Uniti u l-Bank Dinji.

27. Qatt qabel reġjun ma ġie ffaċċjat bi sfida ta’ koordinazzjoni bħal din għax in-numri ta’ donaturi (madwar 70) u NGOs (iktar minn 300) involuti tant huma kbar, u l-ammonti ta’ flus (madwar €5.4 biljun f’donazzjonijiet pubbliċi u €1.9 biljun f’donazzjonijiet privati) huma tabilħaqq kbar. Jekk l-isforz kollu tar-rikostruzzjoni hux se jkun suċċess jew falliment jistrieħ fuq li jkun assigurat li l-isforzi tal-gvern, tad-donaturi u tan-NGOs ikunu kkoordinati.

28. Il-Kummissjoni qed tikkontribwixxi biex ittejjeb il-koordinazzjoni fuq numru ta’ aspetti. L-ewwelnett, hija għażlet l-azzjonijiet tagħha bl-iskop li dejjem tiffaċilita koordinazzjoni – il-programmi kollha għandhom l-għeruq fil-pjanijiet ta’ azzjoni tal-gvernijiet stess u l-Kummissjoni se tidderieġi l-biċċa l-kbira mill-fondi tagħha permezz tal-Fondi ta’ Fiduċja li, bil-mod kif jiġbru flimkien il-fondi tad-donaturi, jgħinu ħafna l-isforzi ta’ koordinazzjoni. It-tieni, il-Kummissjoni qed tipparteċipa b’mod attiv fil-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni nazzjonali u f’xi każi tgħin biex ittejjeb il-konsultazzjoni tal-komunitajiet lokali dwar il-pjanijiet ta’ rikostruzzjoni, bħal m’hu fil-każ ta’ Aceh. It-tielet, rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-pajjiż qed jiddiskutu man-NGOs internazzjonali l-kbar, li għandhom fondi sostanzjali tagħhom stess, minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni u tal-fondi ta’ fiduċja.

29. Ir-raba’, bħala rispons għat-talba tal-Kunsill li tiġi kkoordinata r-rikostruzzjoni mill-bidunett, il-Kummissjoni qed tkabbar kemm tista’ l-azzjonijiet fuq livell ta’ l-UE, bil-ħsieb li dan ikun mudell ta’ koordinazzjoni ta’ l-UE u biex tassigura li l-Unjoni tidher b’mod xieraq. Il-Kummissjoni waqqfet netwerk virtwali li jippermetti lill-pubbliku biex jimmonitorja l-wegħdiet u d-deċiżjonijiet finanzjarji tal-Kummissjoni u ta’ l-Istati Membri dwar assistenza għal riabilitazzjoni u rikostruzzjoni lill-pajjiżi milquta mit-tsunami. Se titwaqqaf “Dar Ewropea” f’Aceh biex tikkoordina u tinkoraġġixxi azzjonijiet konġunti bejn l-Istati Membri ta’ l-UE u l-Kummissjoni. Meta wieħed jikkunsidra l-prevalenza tal-fondi ta’ l-UE fil-Fondi ta’ Fiduċja kemm fl-Indoneżja kif ukoll fis-Sri Lanka, qed tintalab rappreżentazzjoni adegwata tal-Kummissjoni Ewropea/UE fil-korpi li qed jirregolawhom.

30. L-użu tal-Fondi ta’ Fiduċja mill-Kummissjoni mhuwiex intenzjonat biss biex jiffaċilita l-koordinazzjoni. Se jkabbar kemm jista’ wkoll l-effiċjenza ta’ l-indħil tal-Kummissjoni (sett wieħed ta’ proċeduri għad-donaturi parteċipanti kollha) u, billi jiġborhom flimkien ma’ donaturi oħra ta’ l-UE, huwa jagħti lill-UE influwenza ta’ politika strateġika akbar ma’ gvernijiet fil-proċess ta’ rikostruzzjoni. Bil-ħolqien ta’ kanali ta’ komunikazzjoni bejn gvern ċentrali u awtoritajiet fil-provinċji li għandhom konflitt, il-Fondi ta’ Fiduċja jistgħu jibnu fiduċja u jgħinu, b’mod sinifikanti, biex dawn il-konflitti kroniċi fir-reġjuni jiġu solvuti.

31. L-effiċjenza u l-koordinazzjoni inerenti fil-Fondi ta’ Fiduċja se jgħinu wkoll biex jilqgħu l-isfida ta’ kapaċità ta’ assorbiment limitata li se tkun problema prinċipali għax ammonti kbar ta’ għajnuna se jaslu fi strutturi amministrattivi lokali li ma tantx huma żviluppati. Il-Kummissjoni qed tindirizza wkoll il-problema tal-kapaċità billi tieħu perspettiva tul perjodu itwal ta’ żmien (impenn tul iktar minn sentejn u perjodu itwal għall-ħruġ tal-flus), issaħħaħ l-amminstrazzjonijiet (u b’hekk tinkoraġġixxi l-bini tal-kapaċità) u tevita żoni li diġà qed tingħatalhom attenzjoni minn donaturi oħra.

32. Iż-żoni milquta mit-tsunami fl-Indoneżja u fis-Sri Lanka kienu u għadhom żoni ta’ konflitt. Hemm potenzjal għal żjieda fit-tensjoni jekk il-bżonnijiet ta’ wara l-konflitt jiġu injorati. Għalkemm is-soluzzjonijiet kollha għal dawn il-konflitti huma r-riżerva esklussiva tal-pajjiżi stess, l-UE qed tipprova tgħin fuq il-livell politiku fiż-żewġ pajjiżi, bħal permezz tal-proċess Co-chairs ta’ l-UE fis-Sri Lanka. Il-Kummissjoni qed tipprovdi wkoll għajnuna addizzjonali biex jiġi solvut il-konflitt taħt il-Mekkaniżmu ta’ Rispons f'Waqtu (li qed jiffinanzja l-isforzi ta’ medjazzjoni f’Aceh) u taħt il-programmi nazzjonali l-oħra tagħha, li m’għandhomx x’jaqsmu mar-rispons tagħha għat-tsunami, bħal dak għar-rikostruzzjoni f’żoni milquta mill-gwerra fil-Grigal tas-Sri Lanka. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni qed tassigura li r-rispons tagħha għall-għajnuna jkun sensittiv għall-konflitt – per eżempju, li tintuża d-definizzjoni l-iktar wiesgħa ta’ reġjuni “milquta mit-tsunami” u l-involviment ta’ komunitajiet u ta’ provinċji lokali fil-fondi ta’ fiduċja se jiftħu mezzi ta’ komunikazzjoni u jibnu fiduċja bejn il-partijiet.

33. Ir-responsabbiltà fl-użu ta’ fondi għall-għajnuna qed tkun assigurata f’kull livell. L-ECHO titlob responsabbiltà permezz tal-ftehim ta’ sħubija tagħha man-NGOs. Sorveljanza frekwenti ta’ proġetti umanitarji hija assigurata u l-pjan ta’ verifika ta’ l-ECHO għall-2005 jinkludi l-proġetti kollha li għandhom x’jaqsmu mat-tsunami. Diliġenza, sorveljanza u verifika xierqa ta’ fondi ta’ fiduċja (ġeneralment mill-Bank Dinji) u ta’ proġetti diretti jassiguraw tmexxija finanzjarja akkurata u effettiva ta’ fondi għar-rikostruzzjoni.

34. IS-SħUBIJIET

35. Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE adottat mill-GAERC fil-31 ta’ Jannar ta attenzjoni partikolari lill-inizjattivi ta’ l-Istati Membri biex jinkoraġġixxu t-twaqqif ta’ sħubijiet bejn reġjuni, bliet u intrapriżi pubbliċi u privati. Il-Kummissjoni tappoġġja inizjattivi bħal dawn kull meta jkun possibbli, b’mod partikolari fejn għandu x’jaqsam ġemellaġġ ta’ sptarijiet biex jassistu l-Gvernijiet biex jerġgħu jġibu lura s-servizzi essenzjali fi kliniċi ġenerali, sptarijiet, laboratorji u entitajiet minuri tal-kirurġija. Dan, f’koordinazzjoni mal-Presidenza ta’ l-UE, jiffaċilita l-użu ta’ assistenza wara l-valutazzjoni li saret mill-WHO. Fl-istess ambitu, il-programm ta’ l-Ażja tat-Tsunami Pro-Eco, approvat mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Marzu 2005, se jappoġġja proġetti mwaqqfa fi sħubija bejn atturi mhux ta’ l-istat, awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali mill-Istati Membri u mill-pajjiżi milquta f’oqsma bħal maniġment ta’ żoni mal-kosta, ippjanar ambjentali urbanistiku, trasport, maniġment ta’ l-ilma u iġjene.

36. Fit-18 ta’ Marzu 2005, l-ECHO kienet iffirmat ftehim ta’ għotjiet ma’ iżjed minn 30 NGOs u organizzazzjonijiet internazzjonali biex jimplimentaw għajnuna umanitarja lill-popolazzjonijiet milquta mit-tsunami. L-ECHO ħadet vantaġġ sħiħ mir-relazzjoni tagħha tul perjodu twil ta’ żmien ma’ l-imsieħba tan-NGOs tagħha biex tagħżel dawk bl-iktar esperjenza u li huma l-iktar effettivi biex timplimenta immedjatament ir-rispons għall-emerġenza tal-Kummissjoni.

37. IL-MIżURI ADDIZZJONALI

38. Wara l-qerda li għamlu t-tsunamis, il-Kummissjoni u l-EIB malajr bdew jesploraw il-possibbiltà biex l-EIB iwaqqaf faċilità ta’ self tul perjodu ta’ żmien twil biex jgħin fl-iffinanzjar ta’ l-isforzi tar-rikostruzzjoni, u ħa r-responsabbiltà ta’ missjonijiet konġunti lejn ir-reġjun milqut. Meta wieħed iqis l-ammonti kbar ħafna u mhux mistennija ta’ fondi pprovduti minn donaturi internazzjonali pubbliċi u privati, il-biċċa l-kbira mill-bżonnijiet ta’ rikostruzzjoni ta’ l-infrastruttura tal-pajjiżi konċernati se jintlaħqu permezz ta’ l-għotjiet disponibbli u permezz ta’ ffinanzjar ta’ self konċessjonarju qawwi. Dan kien ikkonfermat waqt il-missjonijiet konġunti. Għalhekk il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li l-EIB għandu jiġi inkoraġġut li jsellef għal proġetti fil-pajjiżi milquta mit-tsunami mir-riżorsi li baqa’ fil-mandat eżistenti tiegħu għall-Ażja u l-Amerika Latina (ALA). Il-mandat ta’ l-ALA jkopri l-pajjiżi milquta kollha minbarra l-Maldive. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni biħsiebha tagħmel proposta biex temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill korrenti bil-ħsieb li żżid lill-Maldive mal-lista tal-pajjiżi eliġibbli. Il-Kummissjoni tkun qed tipprovdi appoġġ permezz ta’ għotja flimkien mas-self ta’ l-EIB lill-proġetti konġunti identifikati, kif u meta jkun hemm bżonn.

39. Il-Kummissjoni bdiet tadotta numru ta’ miżuri relatati mal-kummerċ li l-għan tagħhom hu li jtejbu l-aċċess għas-suq ta’ l-UE għall-pajjiżi konċernati. Azzjonijiet bħal dawn jistgħu jġagħluhom jespandu l-esportazzjoni tagħhom fuq bażi mhux diskriminatorji, b’mod li jkun kompatibbli ma’ l-obligazzjonijiet tal-WTO. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib ma’ l-Istati Membri u mal-Parlament Ewropew biex taċċelera d-dħul fis-seħħ tas-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (GSP) l-ġdida ta’ l-UE ħalli l-benefiċċji tagħha jaslu fi stadju iktar kmieni. Permezz tal-konċessjonijiet tat-tariffi, l-iskema l-ġdida tiftaħ b’kemm jiswew madwar €3 biljun fi flussi ġodda ta’ kummerċ għall-pajjiżi milquta mit-tsunami. Il-Kummissjoni wriet ukoll li lesta tirrivedi l-każi ta’ kumpaniji soġġetti għall-miżuri għad-difiża tal-kummerċ ta’ l-UE fejn kienu milquta direttament minħabba t-tsunami.

40. Kif imħabbar fil-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni fis-16 ta’ Marzu 2005 li tipproponi li tissemplifika regoli ta’ l-oriġini preferenzjali u tagħmilhom iktar faċli biex ikun hemm aktar żvilupp. Taħt ir-regoli l-ġodda li għandhom jiġu adottati, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inklużi dawk milquta mit-tsunami, ikunu jistgħu jibbenefikaw aħjar mill-preferenzi tat-tariffi li toffrilhom l-UE. Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll fuq miżuri li jistgħu jgħinu tul perjodu ta’ żmien qasir lill-pajjiżi milquta mit-tsunami ħalli jitjieb l-aċċess tal-prodotti tagħhom għas-suq ta’ l-UE.

41. Il-Kummissjoni pproponiet żewġ inizjattivi biex tassisti s-settur ta’ l-industrija tas-sajd fil-pajjiżi milquta. Permezz ta’ l-ewwel inizjattiva, tim ta’ esperti fis-settur ta’ l-industrija tas-sajd kien disponibbli għad-donaturi biex jassistu lill-awtoritajiet rilevanti fil-pajjiżi milquta. It-tieni proposta, adottata mill-Kunsill fis-16 ta’ Marzu 2005, tinvolvi li r-regolamenti li jikkontrollaw it-trasferiment lejn il-pajjiżi milquta ta’ dgħajjes tas-sajd ta’ l-UE li m’għadhomx jintużaw, jiġu llaxkati. Il-Kummissjoni issa impenjat ruħha f’xogħol ta’ servej mal-FAO u mal-pajjiżi konċernati biex tivvaluta jekk id-dgħajjes li jistgħu jiġu pprovduti jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa tal-lokal. L-għan hu li l-industrija tas-sajd terġa’ tissaħħaħ għal livell sostenibbli u responsabbli.

42. Dwar kwistjonijiet ta’ ġustizzja, libertà u sigurtà, tnieda xogħol marbut ma’ miżuri biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni li għandha x’taqsam ma’ l-identifikazzjoni tal-vittmi tad-diżastru u mal-kooperazzjoni konsulari u diplomatika bejn l-Istati Membri ta’ l-UE. Qed jiġu vvalutati proposti mressqa fil-qafas tal-programm AENEAS u jista’ jingħata appoġġ għal proġetti piloti fil-qasam tat-traffikar ta’ persuni.

43. Il-Kummissjoni ħadmet fil-qrib mal-WHO, u qiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ l-organizzazzjoni firxa wiesa’ ta’ kompetenzi dwar is-saħħa minn-naħa ta’ l-UE. Speċjalisti dwar epidemjoloġija ta’ l-intervent (intervention epidemiology) intbagħtu fir-reġjuni milquta u l-Kummissjoni kienet involuta b’mod attiv fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ rispons taħt in-Netwerk Globali dwar Tifqigħat u Rispons tal-WHO. Bħala rispons għall-effetti tat-tsunami fuq il-popolazzjoni ċivili, il-Kummissjoni attivat malajr is-Sistema ta’ Twissija Minn Kmieni u ta’ Rispons tan-Netwerk għas-Sorveljanza Epidemjoloġika u għall-Kontroll ta’ Mard li Jittieħed tal-Komunità. Din is-sistema hija maħsuba biex taqsam informazzjoni fost l-awtoritajiet u tobba ta’ l-Istati Membri dwar kull riskju intensifikat fl-importazzjoni ta’ mard li jittieħed.

44. L-ISTAT TA’ PREPARAZZJONI F’KAż TA’ DIżASTRI FL-AżJA

45. Il-Kummissjoni Ewropea permezz ta’ l-ECHO qed tappoġġja l-assessjar, il-valutazzjoni u t-tisħiħ tas-Sistemi ta’ Twissija Minn Kmieni u ta’ l-istat ta’ preparazzjoni f’każ ta’ diżastru fil-pajjiżi milquta mit-Tsunami. Kif kien imwiegħed waqt il-Konferenza Dinjija dwar it-Tnaqqis tad-Diżastri li saret f’Kobe, qed tiġi kkunsidrata kontribuzzjoni ta’ €2 miljun għall-OCHA/UNISDR (Strateġija Internazzjonali għat-Tnaqqis tad-Diżastri) bil-ħsieb li tingħata funzjoni ewlenija ċara ta’ koordinazzjoni għall-inizjattivi tan-NU f’dan il-qasam. Bl-istess mod, fil-jiem immedjati ta’ wara t-tsunami, il-Kummissjoni ħadmet fil-qrib ma’ l-OCHA u ma’ msieħba oħra (bħalma hi l-Aġenzija Spazjali Ewropea) biex twaqqaf sistema ta’ informazzjoni dwar l-impatt tat-tsunami. Iċ-Ċentru tar-Riċerka Konġunta tal-Kummissjoni kkoordinat it-twaqqif ta’ sistema bħal din li pprovdiet data minn satelliti, mapep u valutazzjonijiet taż-żona kollha milquta lill-atturi prinċipali fl-operazzjonijiet ta’ għajnuna.

46. Permezz tal-“Programm dwar l-Istat ta’ Preparazzjoni f’każi ta’ Diżastri” tagħha, l-ECHO se tkompli wkoll tappoġġja proġetti ta’ l-istat ta’ preparazzjoni f’każ ta’ diżastru bbażati fil-komunità, inklużi appoġġ għas-Sistemi ta’ Twissija Minn Kmieni “kkonċentrati fuq in-nies” u bbażati fil-komunità, attivitajiet li jrawmu għarfien, ta’ taħriġ u ta’ mitigazzjoni, fuq skala żgħira, fl-Ażja. Is-Sistema ta’ Allarm f’każ ta’ Diżastru Globali , li hija parti minn dan l-isforz, se tkun żviluppata iktar biex tieħu ħsieb sitwazzjonijiet tat-tsunami.

47. L-istat ta’ preparazzjoni f’każ ta’ diżastru se jingħata attenzjoni partikolari fid-djalogu dwar il-politika bejn l-UE u l-pajjiżi fl-Ażja li għandhom tendenza li jintlaqtu mid-diżastri. Fejn għandu x’jaqsam it-twaqqif ta’ sistema ta’ twissija minn kmieni għall-Oċean Indjan, flimkien ma’ l-appoġġ provdut mill-ECHO, hemm il-possibbiltà li jinħarġu fondi ta’ riżerva mill-Programm Indikattiv tat-Tsunami 2005-2006 biex jiġu appoġġjati metodi reġjonali fil-kuntest globali tan-NU. Il-miżuri għandu jkollhom ukoll l-għan ta’ bini bil-kwantità ta’ komunitajiet lokali fejn għandu x’jaqsam l-ippjanar għal infrastruttura tal-komunikazzjoni u għal komunikazzjoni f’każ ta’ emerġenza. Għandhom ukoll jiġu integrati b’mod sistematiku l-metodi biex jitnaqqsu r-riskji fil-pjanijiet u fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ rikostruzzjoni.

7.4 Kwalunkwe stat ta’ preparazzjoni f’każ ta’ diżastru fiż-żona ma jistax jinjora r-riskju enormi mit-tifqigħat ta’ l-influwenza ta’ l-għasafar li qatt ma kien hemm bħalhom. Minbarra l-isforzi fir-rikostruzzjoni ta’ wara t-tsunami, għandha tingħata attenzjoni xierqa lill-kontroll ta’ l-influwenza ta’ l-għasafar. Il-Kummissjoni ħadet ir-responsabbiltà li twettaq numru ta’ azzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tifqigħa kbira ta’ l-influwenza ta’ l-għasafar li għaddejja bħalissa fix-Xlokk ta’ l-Ażja li diġà kkawżat ħsara ekonomika kbira, stmata għal bejn €8-12 biljun, u l-mewt ta’ 50 persuna. Bħalissa, l-influwenza ta’ l-għasafar jidher li saret endemika f’uħud mill-pajjiżi tax-Xlokk ta’ l-Ażja (fosthom it-Tajlandja u l-Indoneżja). Il-Kummissjoni diġà assigurat xi appoġġ ta’ emerġenza tekniku u finanzjarju lill-pajjiżi konċernati. Wara l-konferenza internazzjonali fil-Vjetnam fi Frar 2005 u appell lid-donaturi mill-FAO u l-WHO, qed tiġi studjata l-possibbiltà li tingħata aktar għajnuna.

48. IT-TRASPARENZA U TMEXXIJA FINANZJARJA SODA

49. Il-Kummissjoni hija ddeterminata b’mod sħiħ li tagħti rendikont ta’ l-impenji tagħha b’mod effettiv u trasparenti ħafna.

50. L-UE hija l-ikbar grupp donatur fir-rikostruzzjoni tat-tsunami u għandha tipprova tassigura li l-għajnuna mobilizzata tintuża kollha għall-għan li għalih kienet intenzjonata. L-ewwelnett, il-Kummissjoni Ewropea waqqfet netwerk virtwali li jippermetti lill-pubbliku jimmonitorja l-wegħdiet u d-deċiżjonijiet finanzjarji tal-Kummissjoni u ta’ l-Istati Membri għat-tsunami li qegħdin fuq il-websajt tal-Kummissjoni http://europa.eu.int/comm/world/tsunami/index.htm (ara wkoll it-taqsima 4 t’hawn fuq). Għalkemm il-punti importanti kienu identifikati sa mill-bidu ta’ Marzu, jeħtieġ li l-komunikazzjoni tad-data mill-Istati Membri dwar wegħdiet u deċiżjonijiet dwar finanzi tiġi aċċelerata. Fejn għandha x’taqsam l-għajnuna umanitarja, qed jintuża n-netwerk virtwali eżistenti (sistema ta’ 14-il punt).

51. It-tieni, se titwaqqaf “Dar Ewropea” f’Aceh biex tikkoordina u tippromwovi azzjonijiet konġunti bejn l-Istati Membri ta’ l-UE u l-Kummissjoni u l-Kummissjoni qed torbot fuq il-kooperazzjoni sħiħa ta’ l-Istati Membri biex id-“Dar Ewropea” tkun suċċess, kif ukoll ta’ benefiċċju għall-popolazzjonijiet lokali.

52. It-tielet, kontroll u sorveljanza xierqa ta’ l-użu tal-fondi għandhom ikunu assigurati wkoll permezz ta’ rappreżentazzjoni adegwata tal-Kummissjoni Ewropea/UE fil-korpi li qed jirregolaw il-Fondi ta’ Fiduċja li qed jitwaqqfu kemm fl-Indoneżja kif ukoll fis-Sri Lanka. Il-mekkaniżmi ta’ kontroll u verifika pprovduti fil-ftehim ta’ qafas dwar il-fondi ta’ fiduċja u l-ko-finanzjament konklużi bejn il-Kummissjoni u l-Bank Dinji joffru garanzija qawwija ta’ tmexxija soda, effiċjenti u trasparenti tal-fondi tal-Komunità.

53. Il-Kummissjoni għandha lest sistemi rigorużi sabiex tassigura tmexxija finanzjarja soda ta’ l-għajnuna li tat il-Komunità. Dawn jinkludu għażla rigoruża ta’ l-imsieħba għall-implimentazzjoni, sorveljanza sistematika tal-proġetti li jkunu għaddejjin minn esperti fuq il-post, verifiki u valutazzjoni esterna ex-post. Dawn se jkunu applikati b’mod sħiħ għall-assistenza minħabba t-tsunami.

54. It-tmexxija tal-programm propost se jinvolvi talbiet sinifikanti fuq id-Delegazzjonijiet lokali tal-Kummissjoni Ewropea fis-Sri Lanka u fl-Indoneżja. Għal din ir-raġuni, id-Delegazzjoni tas-Sri Lanka qed tingħata pożizzjoni ogħla bħala Delegazzjoni li kisbet l-istatus sħiħ tagħha. Id-Delegazzjoni ta’ l-Indoneżja se twaqqaf antenna f’Aceh fid-“Dar Ewropea” proposta.

ANNESS II

Il-programmi tal-Komunità għal twissija minn kmieni u għal stat ta’ preparazzjoni f’każi ta’ diżastri

L-OċEAN INDJAN

L-ECHO ikkontribwit €2 miljun għax-xogħol tas-segretarjat ta’ l-Istrateġija Internazzjonali għat-Tnaqqis tad-Diżastri fil-valutazzjoni u fit-tisħiħ tas-sistemi ta’ twissija minn kmieni fl-Oċean Indjan. Il-Kummissjoni ssegwi b’interess ix-xogħol ta’ l-IOC fil-bini ta’ sistema ta’ twissija minn kmieni għal tsunami fl-Oċean Indjan, skond il-mandat li ngħatalha fil-konferenza ta’ Kobe. Hija tista’ tikkunsidra kontribuzzjoni għall-fondi ta’ din is-sistema, fil-każ li joħorġu proposti li jistgħu jitwettqu u li jkollhom il-kunsens ġenerali tar-reġjun.

L-ECHO se tikkontribwixxi madwar €9.7 miljuni matul is-sentejn li ġejjin għal proġetti bbażati fil-komunità dwar l-istat ta’ preparazzjoni fin-Nofsinhar u fix-Xlokk ta’ l-Ażja.

L-AFRIKA, IL-KARIBEW, IL-PAċIFIKU

L-Istati tal-Karibew huma vulnerabbli, b’mod partikolari, għall-maltempati tropikali, u huma wkoll kienu milquta minn tsunamis. Il-Komunità qed tikkontribwixxi €13.2 miljun għal sistema reġjonali ta’ twissija minn kmieni bbażata fuq radar bil-fondi tagħha għal żvilupp u kooperazzjoni, u qed taħdem fuq proġett ta’ €3 miljun biex tissaħħaħ il-kapaċità tar-reġjun fit-tmexxija tad-diżastri. Għandha programm ta’ €39 miljun biex jissaħħu d-difiżi tal-baħar fil-Gujana. L-ECHO se tkompli u se tiżviluppa x-xogħol li ilha għaddejja bih biex tappoġġja stat ta’ preparazzjoni f’każ ta’ diżastru fuq livell ta’ komunità fir-reġjun.

Fil-Paċifiku, il-Kummissjoni assenjat il-fondi ta’ riżerva kollha disponibbli (l-inviloppijiet ‘B’) għall-prevenzjoni u għall-istat ta’ preparazzjoni f’każi ta’ diżastri. Qed tfittex biex taħdem b’mod partikolari ma’ organizzazzjoni reġjonali u donaturi oħra biex tindirizza riskji minn ċikluni.

B’mod iktar ġenerali, il-Kummissjoni bħalissa qiegħda tiddiskuti l-inizjattiva tas-segretarjat ta’ l-ACP biex titwaqqaf faċilità f’każ ta’ diżastri naturali taħt il-Ftehim ta’ Cotonou. Dan se jiffoka fuq it-tisħiħ ta’ kapaċitajiet nazzjonali għat-tmexxija ta’ sistemi ta’ twissija minn kmieni u biex tkun assigurata komunikazzjoni tajba ta’ allarm għall-popolazzjoni.

IL-MEDITERRAN U L-ATLANTIKU

Filwaqt li sistemi ta’ allarm f’każi ta’ għargħar u terremoti huma stabbiliti b’mod relattivament tajjeb, ftit li xejn huma l-mezzi ta’ twissijiet minn kmieni, ta’ stat ta’ preparazzjoni f’każ ta’ diżastru, u ta’ pjanijiet ta’ emerġenza għat-tsunamis fil-pajjiżi li jdawru l-Mediterran. Il-Kummissjoni se testendi l-programm tagħha ta’ taħriġ fil-protezzjoni ċivili biex jinkludi eżerċizzji li jindirizzaw ir-riskju ta’ tsunami.

Il-Proġett tal-Pont Ewro-Med ta’ €2 miljun għandu l-għan li joħloq sistema ta’ mitigazzjoni, prevenzjoni u tmexxija f’każi ta’ diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran.

IR-RIċERKA U L-IżVILUPP U L-KOOPERAZZJONI XJENTIFIKA

Se jibqgħu jiġu ffinanzjati il-laqgħat konsultattivi ta’ esperti taħt is-sitt u s-seba’ programmi ta’ qafas ta’ riċerka (priorità fir-riċerka dwar il-Bidla Globali u l-Ekosistema). Ġrajjiet riċenti tefgħu l-attenzjoni fuq l-identifikazzjoni tal-mod, tan-nuqqasijiet u tal-bżonnijiet tar-riċerka relatata ma’ sistemi ta’ twissija minn kmieni. Riċerki ffinanzjati mill-Komunità se jikkontribwixxu wkoll biex tittejjeb ix-xjenza li tistudja t-tsunami, inklużi s-sorveljanza ta’ oċeani fondi, l-impatt soċjo-ekonomiku tat-tsunamis u l-konsegwenzi tagħhom f’termini ta’ saħħa u użu ta’ l-art.

Il-programmi dwar it-Teknoloġiji tas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni tal-Komunità warrbu €40 miljun għal proġetti relatati ma’ l-integrazzjoni ta’ apparat li jagħti sinjal ( sensors ) in-situ biex jimmonitorjaw riskji, u komunikazzjoni għas-sigurtà tal-pubbliku inklużi mekkaniżmi ta’ allarm għall-awtoritajiet u għaċ-ċittadini li qegħdin f‘riskju, bl-użu ta’ mezzi adattati. Qed tkun ifformulata sejħa speċifika bil-għan li jiġu żviluppati u murija kapaċitajiet għal twissijiet minn kmieni għat-tsunami u għal allarm rilevanti għall-Ewropa u għall-Oċean Indjan. Din l-attività ta’ riċerka se tkun bħala appoġġ għall-iżviluppi futuri fl-infrastruttura msemmija hawn fuq.

Il-programm ta’ Infrastruttura tar-Riċerka tal-Komunità waqqaf netwerk globali ta’ telekomunikazzjoni b’veloċità qawwija biex ikun hemm rabta bejn organizzazzjonijiet internazzjonali ta’ riċerka u entitajiet pubbliċi oħra. L-Aġenzija Ewropea ta’ l-Ispazju u l-uffiċċju satellita tan-NU (UNOSAT) diġà qed jużaw b’mod sħiħ dawn ir-riżorsi, fosthom bħala rispons għat-tsunami li seħħ fl-Oċean Indjan (valur ekwivalenti ta’ madwar €60 miljun fis-sena). Il-Kummissjoni hija lesta li testendi din ir-riżorsa lil organizzazzjonijiet oħra, bħala appoġġ, per eżempju ta’ ċentru ta’ twissija minn kmieni fl-Oċean Indjan.

Is-Sorveljanza Globali għall-Ambjent u għas-Sigurtà (GMES) hija inizjattiva tal-KE u ta’ l-Aġenzija Ewropea għall-Ispazju li tipprovdi servizzi ta’ informazzjoni permezz tas-satelliti jew ta’ mezzi bbażati fuq l-art. Se tkompli tikkontribwixxi b’mod qawwi għall-programmi umanitarji u ta’ għajnuna f’każ ta’ diżastru.

Il-miżuri ta’ appoġġ addizzjonali u l-attivitajiet ta’ R&D huma previsti biex jipprovdu appoġġ bl-ICT lill-politika u lir-riċerka Ewropea biex jitnaqqsu d-diżastri. Dawn jinkludu:

- It-trasferiment tat-teknoloġija bejn l-UE u l-pajjiżi u r-reġjuni madwar l-Oċean Indjan li għandhom tendenza jintlaqtu minn tsunamis, biex jaqsmu bejniethom l-aħjar prattika fl-użu tat-teknoloġija avvanzata tal-komunikazzjoni ta’ l-informazzjoni għal sistemi ta’ twissijiet minn kmieni u ta’ allarm, jagħtu spinta lill-istandards u jadattawhom għall-bżonnijiet u għall-kundizzjonijiet lokali;

- Kollaborazzjoni ma’ istitut speċjalizzat f’pajjiżi madwar il-Baħar Mediterran bil-għan li tinkoraġġixxi metodu armonizzat għal twissijiet minn kmieni dwar tsunamis u għall-allarm fil-baċir tal-Mediterran;

- Gruppi ta’ diskussjoni u forums industrijali oħra bl-għan li jindirizzaw nuqqasijiet fit-teknoloġiji eżistenti ta’ twissija minn kmieni u ta’ l-allarm, u jinkoraġġixxu ħidma flimkien.

[1] Il-kondizzjonjiet ta’ tħaddim meħtieġa sabiex l-għajnuna umanitarja titwassal b’mod newtrali, imparzjali u mingħajr diskriminazzjoni, u sabiex ikun assigurat l-aċċess ħieles u dirett għall-vittmi tad-diżastru.

[2] Il-Kunsill addotta l-‘impenji ta’ Barċellona’ fl-14 ta’ Marzu 2002. Dawn huma bbażati fuq l-aħjar prattika miftiehma internazzjonalment, fost l-oħrajn mill-Kumitat tal-Forza tax-Xogħol għall-Assistenza fl-Iżvilupp ta’ l-OECD għall-prattika tad-donaturi u jifformaw parti minn proċess ta’ armonizzazzjoni ta’ politika u proċeduri għall-assistenza esterna miftiehma bejn l-Istati Membri u l-Komunità.

[3] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 381/2001 tas-26 ta’ Frar 2001 li joħloq mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida.

[4] It-terminu ‘emerġenza kumplessa’ jirreferi għal kriżi umanitarja f’żona ta’ konflitt.

[5] Il-‘Linji ta’ Gwida ta’ Oslo” ta’ l-1994 dwar diżastri naturali, u l-‘Linji ta’ Gwida ta’ l-MCDA’ ta’ l-2003 dwar diżastri kkawżati mill-bniedem.

[6] Eż. l-UNHCR għar-refuġjati, l-UNICEF għat-tfal, l-ICRC għall-protezzjoni tan-nies ċivili u l-priġunieri u għall-applikazzjoni tal-liġi internazzjonali umanitarja, l-UNOCHA għall-koordinazzjoni ta’ l-għajnuna umanitarja, eċċ.

[7] Timijiet ta’ Valutazzjoni u Koordinazzjoni f’każ ta’ Diżastru tan-NU.

[8] Timijiet ta’ Valutazzjoni u Koordinazzjoni fuq il-post.

[9] L-Artikolu III-321§5 tal-Kostituzzjoni.

[10] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 tistabbilixxi Mekkaniżmu tal-Komunità biex tkun iffaċilitata l-kooperazzjoni fl-interventi ta’ assistenza tal-protezzjoni ċivili (2001/792/KE Euratom).

[11] COM(2005) xxx ta’ l-20.04.2005.

[12] Ara l-proposta tal-Kummissjoni COM(2005) 113 finali tas-6.4.2005 għal strument ta’ Reazzjoni Rapida u ta’ Stat ta’ Preparazzjoni għal meta jinqalgħu emerġenzi kbar u l-proposta tagħha COM(2004) 630 finali tad-29.9.2004 għal strument ta’ Stabbiltà.

[13] Ara wkoll paragrafu 3.3 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Jittejjeb il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili’ COM(2005)137 finali ta’ l-20.04.05. Dan se jkun konformi mas-sistema ppjanata mill-Kummissjoni ARGUS, li torbot is-sistemi speċjalizzati ta’ allarm rapidu kollha fi ħdan il-Kummissjoni.

[14] L-Artikolu 54 tar-Regolament Finanzjarju

[15] COM(2004) 630 finali tad-29.9.2004.