52005DC0084

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Li tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija Forestali ta’ l-UE {SEC(2005) 333} /* KUMM/2005/0084 finali */


Brussel 10.3.2005

KUMM(2005) 84 finali

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Li tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija Forestali ta’ l-UE{SEC(2005) 333}

1. DAĦLA

Din il-Komunikazzjoni twieġeb għat-talba tal-Kunsill Ewropew lill-Kummissjoni biex tressaq rapport ta’ implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija Forestali ta’ l-UE. Fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet estensivi ma’ l-Istati Membri u l-partijiet interessati permezz tal-Kumitat Forestali Permanenti, il-Grupp Konsultattiv dwar il-Foresti u s-Sufra, fosthom konsultazzjoni fuq l-internet mal-partijiet interessati.

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-konklużjonijiet ewlenin ta' l-analiżi kif ukoll kwistjonijiet li qed jitfaċċaw fir-rigward tal-foresti u l-koltivazzjoni tal-foresti, u tiddeskrivi azzjonijiet li jistgħu jittieħdu fil-ġejjieni. Id-Dokument ta’ Ħidma ta’ l-Istaff tal-Kummissjoni, li huwa mehmuż mal-Komunikazzjoni, jagħti deskrizzjoni ddettaljata ta’ l-azzjonijiet u l-attivitajiet li twettqu fil-kuntest ta’ l-Istrateġija Forestali ta’ l-EU fil-perjodu 1999–2004.

2. IS-SETTUR FORESTALI TA’ L-UE

Is-settur forestali ta’ l-UE huwa kkaratterizzat mid-diversità kbira ta’ tipi ta’ foresti, l-ammont ta’ art miksija bil-foresti, l-istruttura tas-sidien u l-kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi. B’kollox, foresti u art oħra bil-boskijiet jokkupaw xi 160 miljun ettaru jew 35% tażona ta’ l-art ta’ l-UE. Minbarra hekk, b’riżultat ta’ programmi ta’ afforestazzjoni u minħabba s-suċċessjoni naturali tal-veġetazzjoni, l-art miksija bil-foresti fl-UE qed tiżdied.

Il-foresti ta’ l-UE jinsabu f’ambjenti ekoloġiċi differenti ħafna, li jvarjaw minn dawk boreali għal dawk Mediterranji, u minn dawk alpini għal dawk ta’ artijiet baxxi. Mill-bijotopi kollha fl-Ewropa, fil-foresti jgħixu l-ikbar numru ta’ speċi fuq il-kontinent u jwettqu funzjonijiet ambjentali importanti, bħalma huma l-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-ħarsien ta’ l-ilma u l-ħamrija. Madwar, 12% ta’ taż-żona tal-foresti hija ddeżinjata bħala foresti mħarsa. Il-foresti jagħtu kontribut lill-valuri xeniċi kulturali, u jagħtu lok għal attivitajiet oħra, bħalma huma l-kaċċa, it-turiżmu u l-attivitajiet ta’ rikreazzjoni.

Madwar 60% tal-foresti fl-UE huma proprjetà privata, b’madwar 15-il miljun sid privat tal-foresti. Artijiet forestali privati għandhom daqs medju ta’ 13-il ettaru, iżda l-biċċa l-kbira tal-foresti bi proprjetarju privat għandhom daqs ta’ inqas minn 3 ettari.

L-UE hija wieħed mill-ikbar produtturi, negozjanti u konsumaturi tal-prodotti forestali fid-dinja. Il-koltivazzjoni tal-foresti u industriji bbażati fuq u marbuta mal-foresti jimpjegaw madwar 3.4 miljun ruħ, b'valur annwali ta' produzzjoni ta' madwar EUR 356 biljun (2001). Il-produzzjoni medja ta' l-injam kull sena fl-UE tammonta għal madwar 400 miljun m3, bi ħsad ta' ftit aktar mis-60% mill-prodott tal-foresti. L-importanza ekonomika u soċjali tal-koltivazzjoni tal-foresti f'żoni rurali għandha tendenza li ma titqiesx biżżejjed, peress li dawk li jaħdmu fil-koltivazzjoni tal-foresti ħafna drabi huma individwi li jaħdmu għal rashom jew intrapriżii żgħar u l-attivitajiet tagħhom x'aktarx jiġu assoċjati ma' dawk ta' setturi ekonomiċi oħra. Minbarra l-injam u s-sufra, il-foresti jipproduċu prodotti oħra, bħalma huma r-rażi, il-pjanti mediċinali, il-faqqiegħ u l-frott.

Il-ħarsien tal-foresti huwa punt ta' tħassib kontinwu fl-UE. Fatturi bijotiċi u bhejjem jirgħu huma l-kawżi ewlenin tal-ħsara lill-foresti. Fatturi oħra ewlenin li jaffetwaw il-foresti huma t-tniġġis ta' l-arja, it-tempesti u n-nirien forestali. Il-leġiżlazzjoni ta' l-UE wasslet għal titjib konsiderevoli tal-kwalità ta' l-arja, iżda r-rimi fl-arja ta' sustanzi li jniggsu għadu punt ta' tħassib. Maltempati ħorox ikkawżaw ħsarat kbar f'żoni kbar forestali fi snin reċenti. Madwar nofs miljun ettaru ta' foresti u art imsaġġra oħra jinħarqu kull sena, l-aktar f'pajjiżi Mediterranji

It-tkabbir reċenti ta' l-UE għal 25 Stat Membru wassal għal espansjoni sostanzjali tas-settur forestali ta' l-UE, kemm f'termini ta' żona forestali (20%) kif ukoll f'termini ta' potenzjal produttiv u ekoloġiku. Ħafna mill-Istati Membri l-ġodda reġgħu taw lura d-drittijiet għall-art forestali u/jew ipprivatizzawha, flimkien ma' assi forestali oħra , fosthom attivitajiet ta' ġestjoni forestali li qabel kienu f'idejn l-Istat. Madankollu, il-proporzjon ta' foresti f'idejn il-gvernijiet jibqa' ogħla fl-10 Stati Membri l-ġodda milli f'dawk li qabel kienu UE-15.

3. L-ISTRATEĠIJA TA' L-UE GĦALL-KOLTIVAZZJONI TAL-FORESTI

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1998 dwar Strateġija għall-Koltivazzjoni tal-Foresti għall-Unjoni Ewropea[1] stabbilit qafas għall-azzjonijiet forestali b'appoġġ għal ġestjoni sostenibbli tal-foresti (SFM), imsejjes fuq il-koordinazzjoni tal-politika forestali ta' l-Istati Membri u tal-Komunità kif ukoll ta' l-inizjattivi marbuta mal-foresti u l-koltivazzjoni tagħhom. Dan iqis l-impenji meħuda mill-UE u l-Istati Membri tagħha fil-proċessi internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari l-Konferenza ta' l-UE dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp fl-1992 (UNCED) u l-konferenzi relatati li ġew wara, u l-Konferenzi Ministerjali dwar il-Ħarsien tal-Foresti fl-Ewropa (MCPFE)[2].

L-Istrateġija tenfasizza l-importanza tar-rwol multiplu tal-foresti u l-SFM għall-iżvilupp tas-soċjetà u tidentifika sensiela ta' elementi ewlenin, li jiffurmaw il-bażi għall-implimentazzjoni tagħha. Tistqarr li l-politika forestali taqa' taħt il-kompetenza ta' l-Istati Membri, iżda li l-UE tista' tagħti kontribut lill-implimentazzjoni ta' l-SFM permezz ta' politika komuni, fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-kunċett ta' responsabbiltà konġunta. Tenfasizza wkoll l-implimentazzjoni ta' impenji internazzjonali, prinċipji u rakkomandazzjonijiet permezz ta' programmi forestali nazzjonali jew sub-nazzjonali jew strumenti ekwivalenti, u parteċipazzjoni attiva fi proċessi forestali internazzjonali oħra, u l-ħtieġa li jittejbu l-koordinazzjoni, l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni fl-oqsma ta' politika kollha li huma rilevanti għas-settur forestali.

4. RENDIKONT TA' L-IMPLIMENTAZZJONI

Il-kuntest għall-politika forestali fl-UE evolva b'mod sinifikanti mill-1998, kemm permezz ta' deċiżjonijiet li affetwaw direttament lis-settur forestali, kif ukoll permezz ta' bidliet fl-ambitu politiku usa'.

Is-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (WSSD), li seħħ f'Johannesburg fl-2002, qiegħed lill-foresti bis-sod fil-kuntest ta' l-iżvilupp sostenibbli. Fuq livell Pan-Ewropew, id-Dikjarazzjoni u r-Riżoluzzjonijiet tar-4 Konferenza Ministerjali dwar il-Ħarsien tal-Foresti fl-Ewropa (Vjenna, 2003), fasslu kunċetti u definizzjonijiet komuni, u sensiela ta' azzjonijiet koerenti għall-ħarsien u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti.

Fuq livell ta' UE, l-adozzjoni tas-6 Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-Komunità fl-2002, u r-riforma tal-PAK fl-2003, li saħħet il-politika ta' l-iżvilupp rurali, huma żviluppi importanti b'implikazzjonijiet għall-politika forestali ta' l-Istati Membri.

Bidliet fil-kuntest ta' politika usa' jinkludu l-istrateġiji ta' Liżbona u Gothenburg, u t-tkabbir ta' l-UE. Fl-aħħar, it-Trattat Kostituzzjonali l-ġdid, li bħalissa għaddej mill-proċess ta' ratifika, ma jipprovdi l-ebda bidla fl-istrateġija għall-politika forestali fl-UE.

4.1. Id-dibattitu internazzjonali dwar il-politika forestali

Il-WSSD indirizza numru ta' kwistjonijiet rilevanti għall-koltivazzjoni tal-foresti u kkonferma li l-SFM jista' jkollu rwol ewlieni fil-kisba ta' l-għanijiet usa', il-miri u l-prinċipji li dwarhom intlaħaq qbil f'Johannesburg. Peress li l-foresti għandhom rwol importanti fis-sostenibbiltà ambjentali u numru ta' foqra jiddependu fuqhom għall-għajxien, il-foresti għandhom rwol importanti fil-kisba tal-Miri ta' l-Iżvilupp tal-Millennju.

Il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha kellhom rwol attiv fil-Forum tan-NU dwar il-Foresti (UNFF), li kien stabbilit fl-2000, u kkomettew rwieħhom li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta' ftehimiet, konvenzjonijiet u protokolli internazzjonali oħra bħalma huma: l-UNFCCC[3] u l-Protokoll ta' Kyoto tagħha, is-CBD[4], l-UNCCD[5], l-ITTO[6] u s-CITES[7]. Madankollu, minkejja l-progress li sar fuq livell internazzjonali fid-diskussjoni ta' kwistjonijiet bħalma huma ċ-ċertifikazzjoni u l-infurzar tal-liġi forestali, rati għolja ta' deforestazzjoni u degradazzjoni forestali jibqgħu f'ħafna partijiet tad-dinja.

B'reazzjoni għal tħassib soċjali dejjem jikber, il-Kummissjoni Ewropa laqgħet l-isfida li tindirizza l-problema tal-qtugħ illegali tas-siġar permezz ta' l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Infurzar tal-Liġi, l-Iggvernar u l-Kummerċ Forestali (FLEGT)[8], aktar reċenti permezz ta' proposta leġiżlattiva dwar il-FLEGT[9].

Fuq livell Pan-Ewropew, l-MCPFE sar proċess stabbilit sew, li permezz tiegħu, pajjiżi Ewropej u l-Komunità Ewropea żviluppaw linji ta' gwida komprensivi għall-politika forestali, u saħħu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni.

Minbarra dan, riċerka kollaborattiva kemm fl-Ewropa kif ukoll internazjonalment immobilitat il-kompetenzi Ewropej u tal-Pajjiżi Msieħba sabiex jipproduċu għarfien ivvalidat xjentifikament b'appoġġ ta' l-implimentazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet ta' politika relatati.

4.2. Ġestjoni forestali sostenibbli fl-UE

Matul il-perjodu ta' implimentazzjoni ta' l-Istrateġija, l-UE għamlet progress fit-twaqqif ta' strumenti ġodda u mtejba sabiex il-ħarsien u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti jinġiebu 'l quddiem. Din it-taqsima tagħti sinteżi ta’ l-iżviluppi fil-politika forestali fuq livell nazzjonali u l-azzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-foresti fuq il-livell Komunitarju.

4.2.1. Programm forestali nazzjonali

Progress sostanzjali nkiseb fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' programmi forestali nazzjonali (NFPs) fl-UE. Strateġija komuni għall-NFPs ġiet żviluppata fil-kuntest tal-MCPFE, bl-għan li jiġi stabbilit qafas soċjali u politiku għall-SFM, fuq il-bażi ta' ggvernar b' parteċipazzjoni komuni u b'mod trasparenti, u fi qbil ma' impenji forestali internazzjonali.

L-NFPs jindirizzaw kwistjonijiet bħalma huma l-funzjoni produttiva tal-foresti u l-fattibilità ekonomika tal-ġestjoni forestali sostenibbli, il-kontribut tal-koltivazzjoni forestali għall-iżvilupp rurali, il-ħarsien u t-titjib tal-bijodiversità fil-foresti, it-taffija ta' l-effetti tal-bidla fil-klima, il-funzjoni protettiva tal-foresti, kif ukoll aspetti soċjali, ta' rikreazzjoni u kulturali. Minkejja li l-programmi għandhom għanijiet simili, ivarjaw f'termini tal-punti fokali tagħhom, biex b'hekk jirrifletti d-diversità soċjo-ekonomika u ekoloġika tal-foresti Ewropej.

L-NFPs jipprovdu wkoll qafas ta' referenza sabiex jiġi ssorveljat il-progress fl-implimentazzjoni ta' miżuri u inizjattivi Komunitarji li għandhom x'jaqsmu mal-foresti, u wkoll fil-kejl u evalwazzjoni tal-valur miżjud ta' azzjonijiet Komunitarji speċifiċi f'dan il-qasam.

Fl-NFPs tagħhom, il-pajjiżi jenfasizzaw il-ħtieġa li tittejjeb il-kooperazzjoni bejn settur u ieħor. Għad iridu jsiru sforzi sabiex jiġi żgurat li programmi forestali nazzjonali huma mnaqqxa bis-sħiħ fl-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli u li jindirizzaw il-kwistjonijiet rilevanti kollha u jgawdu mill-appoġġ tal-partijiet interessati kollha.

4.2.2. Azzjonijiet Komunitarji b'appoġġ għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti

Azzjonijiet komunitarji eżegwiti b'appoġġ għall-SFM jkopru diversti oqsma ewlenija ta' attività: l-iżvilupp rurali, il-ħarsien u s-sorveljanza forestali, l-bijodiversità, il-bidla fil-klima, prodotti forestali, ċertifikazzjoni forestali, riċerka, tagħrif u komunikazzjoni forestali, materjal forestali riproduttiv u s-saħħa tal-pjanti.

Il-politika għall-iżvilupp rurali kienet l-istrument ewlieni għall-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija Forestali ta' l-UE fuq livell Komunitarju. Appoġġ finanzjarju mill-Komunità għal miżuri marbuta mal-koltivazzjoni forestali fil-kuntest ta' l-iżvilupp rurali jammonta għal EUR 4.8 biljun għall-perjodu 2000–2006 (kważi 10% tal-baġit għall-iżvilupp rurali). Il-politika ta' l-UE għall-iżvilupp rurali hija msejsa fuq strateġija territorjali integrata, li tagħraf l-interdipendenza ta' politika settorjali u orizzontali, tagħraf il-karatteristiċi u prijoritajiet li jiddistingwu r-reġjuni u l-lokalitajiet varji u tenfasizza l-involviment u s-sehem attiv tal-komunitajiet lokali.

Il-proposta tal-Kummissjoni sabiex issaħħaħ il-politika ta' l-UE għall-iżvilupp rurali għall-perjodu 2007–2013[10] tipprovdi l-bażi għal integrazzjoni aktar komprensiva tal-koltivazzjoni tal-foresti fl-iżvilupp rurali. Mod wieħed sabiex jinkiseb dan jista' jkun it-titjib tal-konsistenza bejn l-iżvilupp rurali u programmi nazzjonali forestali, l-iskambju tat-tagħrif u l-aħjar prassi dwar l-użu ta' miżuri forestali u t-titjib tas-sorveljanza u l-evalwazzjoni ta' miżuri forestali fir-rigward ta' l-għanijiet usa' tal-politika għall-iżvilupp rurali.

Il-miżuri Komunitarji meħuda b'appoġġ għall-ħarsien tal-foresti kontra n-nirien[11] u t-tniġġis atmosferiku[12] irriżultaw f'ammont konsiderevoli ta' tagħrif u żviluppi operazzjonali. Dawn l-azzjonijiet rawmu l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi ta' l-UE f'dawn l-oqsma. Madankollu, t-tniġġis atmosferiku u n-nirien forestali jibgħu punti ewlenin ta' tħassib. Il-Kummissjoni dan l-aħħar waqqfet grupp ta' esperti biex janalizzaw il-prevenzjoni tan-nirien forestali fuq livell Komunitarju u biex jagħmlu rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet fil-ġejjieni. Minbarra dan, ir-Regolament "Forest Focus"[13] adottat fl-2003, jipprovdi opportunità għall-UE sabiex tiżviluppa sistema ta' sorveljanza forestali komprensiva u integrata, li tinkludi parametri ġodda dwar il-ħamrija, l-bijodiversità u l-bidla fil-klima. Sistema bħal din tista' eventwalment tindirizza wkoll aspetti soċjo-ekonomiċi tal-foresti u l-koltivazzjoni tagħhom u twassal għall-integrazzjoni aqwa tad-databases nazzjonali forestali f'sistema ta' sorveljanza u ta' rappurtar mifruxa ma' l-UE kollha kemm hi. Il-kriterji u l-indikaturi ta' l-SFM żviluppati fil-kuntest ta' l-MCPFE għandhom jitqiesu f'dan ir-rigward.

Kisba importanti ta' l-UE fil-qasam tal-konservazzjoni tal-bijodiversità hija l-implimentazzjoni tan-netwerk Natura 2000. Ħafna Stati Membri adattaw linji ta' gwida għall-ġestjoni tal-foresti biex jiffavorixxu l-konservazzjoni tal-bijodiversità u sabiex jippromwovu l-provvista ta' servizzi ambjentali permezz tal-ġestjoni forestali. Netwerk ta' konservazzjoni forestali li huwa ekoloġikalment rappreżentattiv fi ħdan Natura 2000 u l-promozzjoni fl-istess waqt ta' titjib tal-bijodiversità fi stands ta' foresti kummerċjali x'aktarx ikunu mod effettiv sabiex jinkisbu l-miri għall-konservazzjoni tal-bijodiversità. Madankollu, tibqa' l-ħtieġa li jitfasslu pjanti ta', tiġi studjata u sorveljata l-bijodiversità tal-foresti kemm ġewwa u barra żoni protetti.

Minkejja li r-rwol tas-settur forestali fit-tibdil fil-klima ġie kkonfermat bir-regoli tal-Protokoll ta' Kyoto li sar qbil dwarhom mill-adozzjoni ta' l-Istrateġija, l-iżvilupp ta' miżuri ddedikati għat-tnaqqis tal-karbonju mill-arja, inklużi l-afforestazzjoni u r-riafforestazzjoni, mexa aktar bil-mod milli mistenni. L-injam jista' jkollu rwol importanti bħala materjal li jipprovdi enerġija mill-bijomassa sabiex ipatti għall-emissjonijiet tal-fjuwils fossili, bi qbil mad-direttivi ta' l-UE dwar sorsi rinnovabbli ta' l-enerġija, u bħala materjal li ma' jagħmilx ħsara żejda lill-ambjent. L-użu tal-bijomassa għal skopijiet ta' enerġija għadu ma ġiex żviluppat sal-potenzjal massimu tiegħu fl-UE u għandu jkun żgurat li meta dan isir, ma jinħoloq l-ebda tgħawwiġ mhux meħtieġ tal-kompetizzjoni. Fil-ġejjieni, l-injam jista' wkoll ikollu rwol importanti bħala reservoir tal-karbonju.

Teżisti wkoll ħtieġa, li kull ma jmur qed tiżdied, li jiġu evalwati l-impatti tal-bidla fil-klima fuq l-ekosistemi tal-foresti u li jiġu żviluppati miżuri sabiex iseħħu l-adattamenti meħtieġa għal dawn l-impatti. Fil-ġejjieni, mhux biss miżuri ta' mitigazzjoni (tnaqqis tal-gassijiet serra) iżda wkoll miżuri ta' adattament (adattament tal-foresti għal klima mibdula ser jeħtieġ li jitqiesu.

Medda wiesa' ta' azzjonijiet marbuta ma' l-użu ogħla ta' l-injam u l-kompetittività ta' l-industriji forestali u dawk marbuta magħhom twettqu fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar il-Qagħda tal-Kompetittività ta' l-Industri Forestali ta' l-UE u dawk Marbuta Magħhom adottata fl-1999. Il-Kummissjoni dan l-aħħar lestiet evalwazzjoni ta' din il-Komunikazzjoni. Wieħed mir-riżultati huwa li l-konsumatur Ewropew għandu jkun infurmat aħjar dwar il-vantaġġi ta' l-injam minn foresti ġestiti b'mod sostenibbli bħala riżorsa li tiġġedded u li mhix ta' ħsara żejda għall-ambjent, u li hemm ħtieġa għall-ħolqien ta' ambjent li jippermetti, li fi ħdanu l-industriji forestali jistgħu itejbu l-kompetittività tagħhom u jrawmu l-użu ta' l-injam.

Iċ-ċertifikazzjoni kienet waħda mill-għodod sabiex tinġieb 'il quddiem is-sostenibbiltà tal-ġestjoni forestali u sabiex il-konsumaturi jitħallew jiddiskriminaw b'mod pożittiv favur prodotti ta' l-injam li joriġinaw minn foresti ġestiti b'mod sostenibbli. S'issa, ċ-ċertifikazzjoni żviluppat bħala għodda tas-settur privat, ibbażata fuq is-suq b'interventi regolatorji limitati mill-awtoritajiet pubbliċi.

Sforzi ta' riċerka sostanzjali saru taħt il-Programmi ta' Qafas Komunitarji tar-Riċerka u l-COST[14] sabiex jappoġġjaw u jiżviluppaw aktar l-SFM, u sabiex il-kompetittività tas-settur forestali jittejjeb. Is-settur forestali għandu jkun proattiv fil-kontribut tiegħu lejn l-għanijiet ta' Liżbona. Sabiex isir dan, ħsieb strateġiku mas-settur kollu huwa meħtieġ, imsejjes fuq viżjoni wiesgħa u fuq perjodu twil li tiddetermina l-ambitu ta' u l-prijoritajiet għar-riċerka forestali.

Hi u tibni fuq ir-riżultati ta' proġett pilota, l-Kummissjoni nediet azzjoni preparatorja għall-iżvilupp ta' pjattaforma ta' tagħrif u komunikazzjoni dwar il-foresti bbażata fuq l-internet fl-2004. Din l-azzjoni teħtieġ li tkun akkumpanjata minn eżaminazzjoni tal-ħtiġijiet speċifiċi ta' l-utenti u evalwazzjoni tal-limitazzjonijiet marbuta mas-sorsi eżistenti tad-data nazzjonali.

Is-saħħa tal-pjanti u l-kwalità tal-materjal forestali riproduttiv huma ta' importanza vitali għall-kapaċità produttiva tal-foresti fl-UE. Matul l-aħħar ftit snin, ġiet adottata leġiżlazzjoni sabiex tiżgura implimentazzjoni aktar armonizzata ta' numru ta' aspetti ewlenin tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal forestali riproduttiv.

Mhux biss pjanti ħajjin, iżda wkoll injam importat minn pajjiżi terzi fil-Komunità jikkostitwixxu riskju serju ta' l-introduzzjoni ta' organiżmi ta' ħsara u ta' mard. Fl-2004, dispożizzjonijiet ġodda u aktar iebsa sabiex ġew introdotti fl-acquis eżistenti sabiex jiġu indirizzati dawn ir-riskji.

4.3. Koordinazzjoni, komunikazzjoni u kooperazzjoni

Matul l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija, il-koordinazzjoni ma' l-Istati Membri u l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati għaddew mill-istrutturi amministrattivi eżistenti, b'mod partikolari l-kumitati ta' ġestjoni u ta' konsultazzjoni, li jagħtu pariri lill-Kummissjoni, jipprovdu opinjonijiet u jippromwovu l-iskambju ta' l-informazzjoni.

Il-Kumitat Permanenti għall-Koltivazzjoni tal-Foresti (SFC) wettaq il-funzjoni ta' ġestjoni tiegħu għar-regolamenti speċifiċi dwar il-ħarsien u s-sorveljanza tal-foresti. L-SFC kellha wkoll rwol importanti bħala forum ta' konsultazzjoni ad hoc dwar kwistjonijiet marbuta mal-koltivazzjoni tal-foresti. Skambji regolari tat-tagħrif, il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni ma' partijiet interessati li huma involuti fil-koltivazzjoni tal-foresti seħħew permezz tal-Grupp Konstulattiv dwar il-Koltivazzjoni Forestali u s-Sufra, u l-Kumitat Konsultattiv dwar il-Politika Komunitarja fir-Rigward tal-Koltivazzjoni Forestali u Industriji Forestali.

Pass importanti ttieħed fl-aħħar ta' l-2001, meta l-Kummissjoni stabbiliet Grupp Inter-Servizzi dwar il-Koltivazzjoni Forestali sabiex isaħħaħ il-koordinazzjoni dwar kwistjonijiet forestali bejn id-diversi servizzi responsabbli għall-politika Komunitarja rilevanti.

Fir-rigward ta' l-isfera internazzjonali, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jikkoordinaw il-qagħdiet tagħhom qabel laqgħat forestali internazzjonali fil-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar il-Foresti. Il-Grupp ta' Ħidma jittratta wkoll il-politika u l-inizjattivi Komunitarji li huma wkoll ta' dimensjoni globali u rilevanti għall-foresti, inkluża l-inizjattiva FLEGT.

Minkejja dawn l-attivitajiet, kien hemm talbiet persistenti minn Stati Membri u partijiet interessati sabiex issir reviżjoni tal-qafas bażiku għall-koordinazzjoni, l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni, minħabba l-isfidi li qed jirriżultaw u l-kuntest ta' politika li qed jinbidel.

5. IT-TRIQ LI SE TITTIEĦED – PJAN TA' AZZJONI TA' L-UE GĦAL ĠESTJONI SOSTENIBBLI TAL-FORESTI

Jekk jitqies kollox, il-prinċipji bażiċi u l-elementi identifikati fl-1998 fl-Istrateġija ta' l-UE għall-Koltivazzjoni Forestali, għadhom jgħoddu. L-SFM u r-rwol multifunzjonali tal-foresti jibqgħu l-prinċipji komuni ewlenin; programmi forestali nazzjonali jipprovdu qafas xieraq għall-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji; u hemm għarfien wiesa' tal-ħtieġa dejjem tikber li jitqiesu kwistjonijiet globali u multi-settorjali fil-politika forestali.

L-esperjenzji miksuba fil-perjodu ta' implimentazzjoni juru li l-foresti u l-koltivazzjoni forestali jistgħu jikkontribwixxu għall-għan ta' Liżbona ta' tkabbir ekonomiku u kompetittività sostenibbli, u għall-għanijiet ta' Gothenburg ta' ħarsien tal-kwalità u tal-kwalità tal-bażi tar-riżorsi naturali. Madankollu, sabiex jinżamm u jiżdied kemm jista' jkun dan il-kontribut fil-ġejjieni, l-Istrateġija u l-proċess ta' implimentazzjoni għandhom jitqiegħdu fi ħdan kuntest ta' politika li għadha qed tiġi żviluppata.

L-ewwelnett, ukoll jekk il-miżuri differenti implimentati matul l-aħħar snin wasslu għal progress fil-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, il-kompetittività u l-vijabbiltà ekonomika tal-ġestjoni forestali fl-UE - ibbażati fuq strateġija b'aktar minn skop wieħed, li taqdi għanijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali fl-istess waqt – kull ma jmur qed tħabbat wiċċha ma’ sfidi akbar fil-kuntest ta' suq miftuħ u globali. Ħafna mis-sidien tal-foresti għandhom ftit possibbiltajiet li jwettqu ekonomiji fil-kobor. Is-sidien tal-foresti jipprovdu medda wiesgħa ta' prodotti u servizzi lis-soċjetà, minkejja li jistrieħu l-aktar fuq il-bejgħ ta' l-injam għad-dħul tagħhom. Sabiex jiġi sodisfatt l-interess pubbliku dejjem jikber fil-ġestjoni tal-foresti għall-benefiċċji soċjali u ambjentali tagħhom jeħtieġ, f' ħafna każijiet, bidliet fil-prassi ta' ġestjoni li jistgħu jnaqqsu l-vijabbiltà ekonomika tal-koltivazzjoni tal-foresti. Jekk it-tradizzjoni ta' koltivazzjoni forestali b'aktar minn skop wieħed fl-UE għandha tinżamm, jeħtieġ li fil-ġejjieni jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet.

It-tieninett, filwaqt li l-Istrateġija ta' l-UE għall-Koltivazzjoni Forestali hija bbażata fuq is-sussidjarjetà u r-responsabbiltà konġunta, hemm numru ta' oqsma ta' politika u inizjattivi li jaffettwaw il-foresti u l-koltivazzjoni forestali. Hemm il-ħtieġa li tissaħħaħ il-koerenza bejn id-diversi oqsma ta' politika ta' l-UE, kif ukoll il-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, u li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' sorveljanza adegwati għall-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija, sabiex il-funzjonijiet varji tal-foresti u r-rabtiet li għandhom ma' oqsma oħra ta' politika huma indirizzati b'mod koerenti fil-proċess tal-formazzjoni tal-politika.

It-tieletnett, il-partijiet interessati kollha fil-qasam tal-foresti u l-koltivazzjoni forestali jisħqu fuq l-importanza ta' ggvernar tajjeb għall-ħarsien u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti. Strateġija parteċipatorja u kollaborattiva fir-rigward tal-formolazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika hija pre-rekwiżit għal-iggvernar tajjeb. Teżisti l-ħtieġa li jiġu riveduti u msaħħa l-istrutturi ta' konsultazzjoni fil-koltivazzjoni forestali fuq livell Komunitarju u nazzjonali, sabiex titħaffef it-trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet u djalogu strutturat mal-partijiet interessati kollha.

U l-aħħar iżda mhux l-inqas, l-importanza globali tal-foresti għall-iżvilupp sostenibbli, inklużi d-dimensjonijiet tagħhom tal-bidla fil-klima u tal-bijodiversità, qed tingħaraf aktar u aktar. L-UE għandha tkompli tappoġġja bis-sħiħ l-impenji internazzjoni għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti fuq livell globali. F' dan ir-rigward, id-deċiżjoni dwar il-ftehim internazzjonali ġejjieni dwar il-foresti, li ser tittieħed fil-5 sessjoni ta' l-UNFF f' Mejju 2005, se tkun sinifikanti.

Hi u tipprovdi qafas ta' referenza għall-politika, inizjattivi u azzjonijiet marbuta mal-foresti, l-Istrateġija ta' l-UE dwar il-Koltivazzjoni Forestali biddlet il-mod kif jiġu diskussi kwistjonijiet forestali llum. Madankollu, il-bidliet fil-kuntest ta' politika jissuġġerixxu li hija meħtieġa strateġija aktar koerenti u pro-attiva għall-ġestjoni tar-riżorsi forestali ta' l-Unjoni fil-ġejjieni.

Strateġija bħal din għandha tkun imsejsa fuq viżjoni komuni tas-settur forestali ta' l-UE u l-isfidi li jiffaċċa fuq il-livell globali, dak Komunitarju u dak nazzjonali, u fuq għarfien komuni ta' dak li jistgħu jagħtu l-foresti u l-koltivazzjoni forestali għas-soċjetà moderna. Għandha tinkludi sett ta' għanijiet ċari li jistgħu jipprovdu bażi għal monitoraġġ regolari u evalwazzjoni u li jgħaqqad flimkien l-inizjattivi ta' politika tematiċi, orizzontali u multi-settorjali fuq il-livell Komunitarju u dak nazzjonali f'qafas strutturat sabiex jitħeġġu l-koordinazzjoni u konsultazzjoni aħjar u aktar effettivi, u sabiex jiġi promoss il-fluss ta' tagħrif fost l-atturi varji kkonċernati.

Il-Kummissjoni temmen li l-iżvilupp ta' Pjan ta' Azzjoni ta' l-UE għal Ġestjoni Sostenibbli tal-Foresti jista' jipprovdi qafas bħal dan. Pjan ta' Azzjoni jista' jipprovdi l-ixprun meħtieġ sabiex l-Istrateġija ta' l-UE għall-Koltivazzjoni Forestali tinbidel fi proċess dinamiku li huwa kapaċi jirrispondi għall-kuntest politiku li għadu qed jiżviluppa u li jwassal riżultati li huma konsistenti ma' l-Istrateġiji ta' Liżbona u ta' Gothenburg.

Għalhekk, wara li tirrevedi l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE għall-Koltivazzjoni Forestali, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill Ewropew li sejra:

1. Tiżviluppa Pjan ta' Azzjoni ta' l-UE għal Ġestjoni Sostenibbli tal-Foresti, li għandu jipprovdi qafas koerenti għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet forestali u jservi ta' strument ta' koordinazzjoni bejn azzjonijiet Komunitarji u l-politika forestali ta' l-Istati Membri. Il-lista ta' azzjonijiet li għandhom jittieħdu fuq il-livell Komunitarju u dak nazzjoni għandha tkopri, iżda mhux tkun limitata għal, l-elementi u oqsma li ġejjin: kwistjonijiet soċjo-ekonomiċi (il-kompetittività tal-koltivazzjoni forestali, valutazzjoni tal-prodotti u s-servizzi soċjali u ambjentali); kwistjonijiet ambjentali (il-bidla fil-klima, nirien forestali, l-ilma, l-konservazzjoni tal-bijodiversità); l-użu ta' l-injam bħala sors ta' enerġija; tagħrif dwar l-injam bħala riżorsa li tiġġedded u li mhix ta' ħsara żejda għall-ambjent; kwistjonijiet ta' ggvernar; attivitajiet orizzontali (riċerka, taħriġ, statistika forestali, sorveljanza); u koordinazzjoni, komunikazzjoni u kooperazzjoni Id-dimensjoni internazzjonali ta' dawn il-kwistjonijiet għandha wkoll tiġi indirizzata.

2. Tirrevedi l-mezzi u l-prassi Komunitarji eżistenti sabiex tiffaċilità l-koordinazzjoni, l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn is-setturi ta' politika varji, li jinfluwenzaw il-koltivazzjoni forestali, fid-dawl tal-kumplessità li qed tiżdied tal-politika forestali u tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Din ir-reviżjoni se tinkludi wkoll id-Deċiżjoni (89/367/KEE) tal-Kunsill ta' 29. Mejju 1989 li tistabbilixxi l-Kumitat Permanenti għall-Koltivazzjoni tal-Foresti[15], u r-rwol li għandu jkollu dan il-korp fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni.

Il-Kummissjoni tipproponi li tippreżenta l-Pjan ta' Azzjoni fl-2006.

[1] ĠU C56, tas-26.2.1999, p. 1.

[2] Strasbourg 1990, Helsinki 1993, Liżbona 1998 uVjenna 2003.

[3] Konvenzjoni ta' Qafas tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima.

[4] Il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika.

[5] Il-Konvenzjoni tan-NU għall-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni.

[6] Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Injam Tropikali.

[7] Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ fi Speċi Pperikolati.

[8] KUMM(2003) 251 finali.

[9] KUMM(2004) 515 finali.

[10] KUMM(2004) 490 finali.

[11] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2158/92.

[12] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3528/86.

[13] Regolament tal–Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KEE) Nru 2152/2003.

[14] Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tar-riċerka xjentifika u teknika.

[15] ĠU C 165, tal-15.6.1989, p. 14.