52004DC0700

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-parlament ewropew fuq il-Prevenzjoni ta’ u l-Ġlieda kontra l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu permezz ta’ miżuri biex jittejjeb it-tpartit ta’ informazzjoni, biex tissaħħaħ it-trasparenza u titkabbar it-traċċabilità ta’ transazzjonijiet finanzjarji /* KUMM/2004/0700 finali */


Brussel 20.10.2004

KUMM(2004) 700 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U L-PARLAMENT EWROPEW

fuq il-Prevenzjoni ta’ u l-Ġlieda kontra l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu

permezz ta’ miżuri biex jittejjeb it-tpartit ta’ informazzjoni, biex tissaħħaħ it-trasparenza u titkabbar it-traċċabilità ta’ transazzjonijiet finanzjarji

WERREJ

1. DAĦLA 3

2. DESKRIZZJONI FIL-QOSOR TAL-ĠLIEDA KONTRA L-IFFINANZJAR TAT-TERRORIŻMU 3

3. L-IFFINANZJAR TAT-TERRORIŻMU U T-TPARTIT U L-ANALIŻI TA’ L-INFORMAZZJONI 4

3.1. Tpartit ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti 4

3.2. Tpartit ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u s-settur privat 5

3.3. Involviment tas-Settur Privat 6

4. L-IFFINANZJAR TAT-TERRORIŻMU U T-TRAċċABILITÀ TA’ TRANSAZZJONIJIET FINANZJARJI 6

4.1. Investigazzjoni Finanzjarja 6

4.2. Trasferimenti ta’ Fondi 7

4.3. Transazzjonijiet barra mis-sistema finanzjarja formali 7

4.4. Identifikazzjoni tal-Klijent 7

5. FINANZJAR TAT-TERRORIŻMU U T-TRASPARENZA 8

5.1. Entitajiet Legali 8

5.2. Is-settur mhux għal skop ta’ profitt/karitatevoli 8

6. L-IFFINANZJAR TAT-TERRORIŻMU U MIŻURI ORIZZONTALI 9

6.1. Iffriżar ta’ l-Assi 9

6.2. Taħriġ Effettiv u Immirat 10

6.3. Riċerka dwar is-Sigurtà 10

6.4. Azzjoni Esterna 10

7. KONKLUŻJONIJIET 11

ANNESS 1 12

ANNESS 2 14

ANNESS 3 19

1. DAĦLA

Fil-laqgħa straordinarja tiegħu tal-21 ta’ Settembru 2001, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kunsill biex jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiġġieled kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu. Bi tweġiba għall-attakki terroristi tal-11 ta’ Marzu 2004 f’Madrid, il-Kunsill Ewropew adotta id-Dikjarazzjoni fuq il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu[1]. Id-Dikjarazzjoni kkommettiet l-Unjoni u l-membri tagħha “…li jagħmlu dak kollu fil-poter tagħhom biex jiġġieldu kull forma ta’ terroriżmu…” u identifikat numru ta’ Għanjiet Strateġiċi biex jgħinu sabiex jiġi milħuq dan l-għan. Dawn jinkludu kundizzjoni fuq l-Unjoni u l-membri tagħha li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji “biex inaqqsu l-aċċess tat-terroristi għal riżorsi finanzjarji u ekonomiċi oħra” . Il-‘Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE fuq il-ġlieda kontra t-Terroriżmu’ rivedut[2], jissuġġerixxi proposti ddettaljati biex tiġi żviluppata l-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-Terroriżmu.

Din il-Komunikazzjoni tikkonsidra liema miżuri oħra jistgħu jkunu meħtieġa biex jiġi trattat l-iffinanzjar tat-Terroriżmu bl-iżjed mod effettiv. Ibbażat fuq fatturi ddikjarati f’din il-Komunikazzjoni, Anness 1 jikkostitwixxi indikazzjoni ta’ miżuri potenzjali oħra fil-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu li jridu jiġu eżaminati iżjed f’dak li għandu x’jaqsam mal-possibilità li dawn il-miżuri jiġu attwati u l-ispiża/benefiċċju. Anness 2 hija sommarju ta’ miżuri ta’ l-UE rilevanti għall-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-Terroriżmu adottati minn Ottubru 2001. Anness 3 jsemmi miżuri rilevanti li huma bħalissa taħt diskussjoni.

2. DESKRIZZJONI FIL-QOSOR TAL-ĠLIEDA KONTRA L-IFFINANZJAR TAT-TERRORIŻMU

L-iffinanzjar tat-Terroriżmu jikkomprendi żewġ aspetti distinti – l-iffinanzjar ta’ attakki terroristi u dak ta’ netwerks terroristi. L-isplużjonijiet ta’ Madrid huma stmati li swew biss €8000. L-indikazzjonijiet huma li transazzjonijiet sabiex jiġu ffinanzjati netwerks terroristi, għall-kuntrarju ta’ attakk speċifiku, ġeneralment jkollhom ukoll valur monetarju baxx. Minħabba li somom ta’ din il-kwalità jistgħu jkunu żgħar u mhux probabbli li fihom infushom jiġġeneraw suspett huma u mexjin fis-sistema finanzjarja, huwa diffiċli biex jinstabu t-transazzjonijiet finanzjarji għal-għan ta’ l-iffinanzjar tat-Terroriżmu .

Dan ma jfissirx li istituzzjonijiet finanzjarji m’għandhomx jippruvaw japplikaw it-teknika kontra l-ħasil tal-flus għall-iskoperta ta’ l-iffinanzjar terroristiku. Madankollu dan jimplika li metodi addizzjonali, iċċentrati fuq l-akbar riskji identifikati mis-servizzi ta’ sigurtà, għandhom jiġu żviluppati u wżati biex idgħajfu l-loġistika u l-operazzjonijiet ta’ netwerks terroristi, li jiġi adottat trattament iżjed wiesa’ milli purament it-tnixxif tal-flussi finanzjarji. Fuq kollox, għandna bżonn niżguraw li l-finanzjaturi tat-terroristi jkollhom joperaw f’ambjent ostili fejn l-għażliet kollha huma b’riskju għoli .

Sar progress importanti fuq il-livell ta’ l-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-iffinanzjar tiegħu[3]. Biex dawn ikunu effettivi fil-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu, għandhom ikunu implimentati kif xieraq u applikati mill-Istati Membri – għad fadal numru ta’ nuqqasijiet importanti[4].

Tliet oqsma prinċipali jistgħu jiġu identifikati bħala rilevanti għall-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-Terroriżmu: kooperazzjoni mtejba fit-tpartit ta’ informazzjoni, traċċabilità akbar ta’ transazzjonijiet finanzjarji u trasparenza akbar ta’ entitajiet legali . Billi dawn jiġu indirizzati b’mod effettiv, benefiċċji oħra sinnifikanti jistgħu jiġu akkwistati fl-isfaxxar preventiv ta’ attività terroristika, fit-tnaqqis ta’ flussi finanzjarji lill-gruppi terroristi u ftehim akbar ta’ netwerks terroristi.

Għandu jinstab il-bilanċ ġust bejn miżuri preventivi u dawk repressivi fuq naħa, u libertajiet ċivili fuq in-naħa l-oħra. Per eżempju, għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li n-nazzjonalità jew l-affiljazzjoni reliġjuża ma jsirux raġuni biex persuna titpoġġa taħt suspett . Informazzjoni speċifika jew raġunijiet oġġettivi oħra biex jiġi suspettat li persuna jista’ jkollha involviment f’attivitajiet terroristi għandhom ikunu l-forza li tmexxi kull azzjoni preventiva u repressiva.

Kwistjonijiet ta’ ħarsien tad- data huma ċentrali għal ħafna mid-dibattitu dwar kif jista’ tiġi imtejba l-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-Terroriżmu. Kull eżenzjoni mid-Direttivi tal-ħarsien tad-data tal-Komunità[5], bħall-prevenzjoni u l-iskoperta ta’ delitti, għandha tkun neċessarja, rilevanti u prevista mil-liġi. Biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat ħarsien robust tad-data, huwa previst qafas legali koerenti fuq il-livell ta’ l-Unjoni bbażat fuq kriterji komuni dwar l-ipproċessar ta’ data personali . Politika ta’ din ix-xorta għandha tinkludi protezzjoni xierqa biex l-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet ta’ informazzjoni, tal-pulizija, tad-dwana u ġudizzjali josserva l- prinċipji ta’ ħarsien tad-data personali miġbura f’Artikolu 8 ta’ l-Istatut tad-Drittijiet Fundamentali.

3. L-IFFINANZJAR TAT-TERRORIŻMU U T-TPARTIT U L-ANALIŻI TA’ L-INFORMAZZJONI

3.1. Tpartit ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti

Tpartit ta’ informazzjoni bejn organi rilevanti fuq livell nazzjonali hija importanti daqs kemm hu dan ix-xorta ta’ tpartit fuq il-livell ta’ l-UE u dak internazzjonali. Fiż-żewġ każi hemm bżonn li jiġu implimentati strutturi ta’ kooperazzjoni u tpartit li jinkludu l-awtoritajiet fiskali, l-organi ta’ superviżjoni finanzjarja, id-Dipartiment tal-Ġustizzja, il-komunità ta’ informazzjoni, l-awtoritajiet li jinfurzaw il-liġi u l-awtoritajiet inkarigati bl-iffriżar amministrattiv[6] . Network ta’ din ix-xorta jista’ jkun il-forum għal tpartit strutturat ta’ informazzjoni fuq persuni taħt investigazzjoni mill-organi parteċipattivi.

Il-Komunikazzjoni fuq it-titjib ta’ l-aċċess għall-informazzjoni mill-awtoritajiet li jinfurzaw il-liġi ta’ Ġunju 2004 ipproponiet azzjoni biex jittejjeb it-tpartit ta’ informazzjoni bejn l-atturi rilevanti[7]. L-għan tagħha hu li tistabilixxi kapaċità Ewropea ta’ infurzar tal-liġi ‘mmexxija mill-informazzjoni’ li biha informazzjoni disponibbli tista’ tiġi wżata mill-awtoritajiet kompetenti fil-ġlieda tagħhom kontra kriminalità organizzata u terroriżmu .

Il-Komunikazzjoni[8] fuq il-ġlieda kontra t-terroriżmu tinkludi f’Anness Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tippermetti s-servizzi involuti kif ukoll lil Europol u Eurojust li jkollhom aċċess għall-informazzjoni l-aktar sħiħa u aġġornata . L-obbligazzjoni li titpartat l-informazzjoni tapplika għall-offiżi terroristi kollha, inkluża l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terrorista permezz ta’ kull forma ta’ finanzjar.

L-FIU.NET, iffinanzjata mill-Istati Membri u l-Kummissjoni, timmira li tistabilixxi netwerk ta’ computers għat-tpartit ta’ informazzjoni fost l-FIU. Skond id-definizzjoni riveduta ta’ FIU adottata fil-laqgħa ta’ Egmont ta’ Ġunju 2004, l-FIU.NET se ssir element importanti fl-iffaċilitar tat-tqassim ta’ informazzjoni relatata ma’ l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li finanzjar adegwat u riżorsi oħra xierqa jibqgħu jiġu pprovduti lill-FIU.NET .

Il-proġett “SUSTRANS” tal-Europol jfittex li jistabilixxi konnessjonijiet bejn transazzjonijiet u attività terrorista assoċjata. Hemm bżonn aktar eżaminazzjoni dwar jekk rapporti ta’ transazzjonijiet suspettużi għal SUSTRANS għandhomx isiru parti mis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Europol jew jekk għandux jiġi mwaqqaf database separat ta’ din ix-xorta ta’ rapporti għal dan il-għan. Ħafna Stati Membri mhux qegħdin jipprovdu data adegwata biex jippermettu l-proġett SUSTRANS li jakkwista l-potenzjal tiegħu[9]. Barra minn hekk, il-Protokoll għall-Konvenzjoni tal-Europol[10], li jestendi l-kompetenza tal-Europol għall-offiżi kollha ta’ ħasil ta’ flus, jippromwovi b’mod sinifikanti l-effettività tas-SUSTRANS, iżda għadu ma daħalx fis-seħħ minħabba ratifikazzjoni bil-mod tal-Protokoll minn ċerti Stati Membri[11]. Dawk l-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Protokoll għandhom jagħmlu hekk b’urġenza.

Għandu jiġi promoss aktar l-użu ta’ Skwadri Imħallta ta’ Investigazzjoni f’investigazzjonijiet bejn fruntiera u oħra ta’ l-iffinanzjar tat-Terroriżmu u huma adattati tajjeb biex joperaw ma’ skwadri ta’ l-infurzar tal-liġi, prosekuturi u mħallfin. It-tqassim ta’ informazzjoni ma’ prosekuturi kriminali jkabbar il-prospetti ta’ prosekuzzjonijiet b’suċċess.

3.2. Tpartit ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u s-settur privat

Tpartit ta’ data fi żmien reali bejn servizzi ta’ infurzar tal-liġi/informazzjoni u s-settur privat b’mod ġenerali (transazzjonijiet finanzjarji imma wkoll xiri ta’ biljetti ta’ l-ajru, kera ta’ karozzi) jista’ jilgħab rwol importanti f’attività ta’ infurzar tal-liġi kemm preventiva kif ukoll repressiva fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-iffinanzjar tiegħu. Dan jista’ jippermetti s-sejba fi żmien reali ta’ transazzjonijiet finanzjarji.

Is-settur finanzjarju m’għandux l-informazzjoni li l-FIU (u oħrajn) jistgħu jaħdmu biha meta janalizzaw transazzjonijiet suspettużi u sekwenzi finanzjarji ta’ persuni suspettati. Nuqqas ta’ aċċess dirett għall-informazzjoni jrażżan il-kapaċità ta’ l-FIU li jikkonfigura data minn ħafna sorsi differenti. Diskussjonijiet mal-komunità finanzjarja, mas-servizzi tas-sigurtà u l-FIU għandha tidentifika fejn hemm il-problemi u l-iżjed modi li jagħtu benefiċċji biex dawn jiġu indirizzati . Mezz possibbli jista’ jkun li tingħata lill-FIU aċċess sħiħ għal databases apposta li jinsabu fil- u taħt il-kontroll tal-komunità finanzjarja . Dan jaf jippermetti l-kollegament ta’ suġġetti, l-identifikazzjoni ta’ flussi ta’ flus u s-sejba ta’ sorsi. Biex jiġu indirizzati tħassib dwar il-privatezza, istituzzjonijiet finanzjarji jistgħu jagħtu aċċess fuq il-bażi ta’ data “maqluba f’ code ”.

3.3. Involviment tas-Settur Privat

Biex jiġi żgurat li l-komunità finanzjarja u fergħat oħra tas-settur privat jagħtu l-ogħla priorità lill-ġlieda kontra t-terroriżmu, kuntatti fuq livell għoli għandhom jiġu mwaqqfa u miżmuma bejn aġenziji ta’ infurzar tal-liġi speċjalizzati fit-terroriżmu u rappresentanti tas-settur privat. Mekkaniżmi adattati għal kooperazzjoni, tpartit ta’ informazzjoni u feedback bejn servizzi ta’ informazzjoni u istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jiġu żviluppati aktar.

4. L-IFFINANZJAR TAT-TERRORIŻMU U T-TRAċċABILITÀ TA’ TRANSAZZJONIJIET FINANZJARJI

4.1. Investigazzjoni Finanzjarja

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li servizzi ta’ infurzar tal-liġi għandhom riżors biex jiżviluppaw abbiltajiet investigattivi finanzjarji li jippermettulhom li jsegwu traċċi ta’ flus lura għall-persuna li tipprovdi l-finanzi u ‘l quddiem għall-ċelluli terroristi. Investigazzjoni finanzjarja għandha tingħata priorità fl-Istati Membri u għandha ssir parti mir-rutina ta’ l-investigazzjonijiet ta’ infurar tal-liġi ta’ persuni suspettati b’terroriżmu.

Nomina jew twaqqif ta’ organi nazzjonali dedikati għall-identifikazzjoni, sejba, iffriżar u konfiska ta’ assi terroristi (u oħrajn kriminali) li jistgħu jgħaqqdu abbiltajiet investigattivi, fiskali u legali, għandhom jiġu ppromovuti. Organi ta’ din ix-xorta jistgħu wkoll jirrapreżentaw l-punt ta’ kuntatt kemm għat-tmexxija tal-komunità finanzjarja fuq l-iffriżar u kwistjonijiet relatati u kemm għall-awtoritajiet kompetenti ta’ terzi pajjiżi dwar tismija ta’ individwi jew gruppi. L-implimentazzjoni ta’ netwerk ta’ kooperazzjoni fost din ix-xorta ta’ organi għandha tkun inkorraġġuta aktar[12].

Li jiġu stabbiliti konnessjonijiet adegwati bejn attivitajiet ta’ l-iffinanzjar u attività terrrorista/attakki terroristi, jippermetti li data finanzjarja tiġi maqluba f’informazzjoni li tista’ tiġi maqluba f’evidenza. Billi istituzzjonijiet finanzjarji jużaw mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi, ħidma mwettqa fil-ġbir ta’ evidenza elettronika hija ta’ importanza vitali. Proġett iffinanzjat fuq l-livell Ewropew bl-isem “CTOSE”[13], jimmira li jipprovdi fehim komuni tal-miżuri meħtieġa biex tiġi ppreżentata evidenza elettronika fil-Qorti. Il-ġbir ta’ evidenza elettronika għandha tiġi rikonoxxuta bħala priorità importanti.

4.2. Trasferimenti ta’ Fondi

Il-Kummissjoni Ewropea se tadotta abbozz ta’ Regolament fuq informazzjoni dwar il-pagatur li takkompanja trasferimenti ta’ fondi fil-ħarifa ta’ l-2004. Din tistabbilixxi regoli fuq informazzjoni dwar il-pagatur li takkompanja it-trasferimenti ta’ fondi, biex jiġi żgurat li informazzjoni bażika hija disponibbli immedjatament għall-awtoritajiet responsabbli għall-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-proposta se tkabbar it-traċċabilità ta’ trasferimenti ta’ fondi u għandha tiġi implimentata mis-settur finanzjarju malajr kemm jista’ jkun, li titlob għal adozzjoni mgħaġġla fil-Kunsill u l-Parlament .

4.3. Transazzjonijiet barra mis-sistema finanzjarja formali

Sistemi informali ta’ kif flus jiġu mibgħuta, eż. Hawala, huma mezzi importanti biex jitrasferixxu l-flus illeċiti. Il-Kummissjoni qegħda tipprepara abbozz ta’ Direttiva fuq Qafas Legali Ġdid għal Pagamenti fis-Suq Intern biex tiġi żgurata implimentazzjoni armonizzata ta’ SR VI fil-liġi tal-Komunità. Ir-reġim regolatorju ppjanat għal min jibgħat il-flus se tipprevedi reġistrazzjoni tal-persuna li qiegħda tittrasmetti billi tintroduċi liċenzja speċjali u se tikkunsidra l-profil ta’ riskju tal-provdituri billi jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ta’ superviżjoni magħmula apposta għalihom.

Metodu preferut ta’ moviment ta’ fondi għal Finanzjar tat-Terroriżmu huwa permezz ta’ individwi li jġorru l-flus kontanti u strumenti oħra ekwivalenti bejn fruntiera u oħra. It-teknoloġija biex jinkixef dan il-fenomenu għandha tiġi żviluppata u wżata tajjeb. Hemm ukoll bżonn urġenti li jiġi żgurat li strument ta’ l-UE adattat jiġi adottat biex jiġi indirizzat l-użu ta’ kurrieri tal-flus. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament fuq movimenti ta’ flus kontanti[14], li n-negozjati dwarha diġà ġew mdewma iżjed min kemm hemm bżonn, għandha tingħata priorità biex tiġi żgurata l-adozzjoni ta’ Pożizzjoni Komuni matul il-Presidenza ta’ l-Olanda .

L-użu ta’ pagamenti ta’ flus kontanti fuq skala kbira biex isir negozju jikkostitwixxi vulnerabbiltà għal-iffinanzjar tat-Terroriżmu li hija l-biċċa l-kbira mhux indirizzata. Il-proposta għat-tielet Direttiva dwar il-Ħasil ta’ Flus testendi il-mekkaniżmu preventiv tas-sistema kontra l-ħasil tal-flus għal pagamenti fi flus kontanti għal oġġetti b’valur ta’ aktar minn € 15.000.

4.4. Identifikazzjoni tal-Klijent

Istituzzjonijiet finanzjarji diġà għandhom l-obbligu li jidentifikaw u jkunu jafu l-klijenti tagħhom . Dan hu essenzjali biex jassisti l-isforz ta’ l-infurzar tal-liġi kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu. Jista’ jkun hemm valur fi kriterji minimi komuni għall-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE f’dak li jirrigwarda verifikazzjoni ta’ l-identità tal-klijenti u reġistrazzjoni ta’ data li permezz tagħha ssir l-identifikazzjoni .

Tista’ tingħata kunsiderazzjoni li jiġi stabbilit database elettroniku ta’ kampjuni ta’ dokumenti ta’ l-identità tal-UE (u oħrajn) għall-infurzar tal-liġi u s-settur privat, inklużi eżempji ta’ dokumenti falsifikati. Kontroll bir-reqqa ta’ dokumenti preżentati jista’ jgħin lill-awtoritajiet u n-negozji biex jidentifikaw falsifikazzjonijiet possibbli.

5. FINANZJAR TAT-TERRORIŻMU U T-TRASPARENZA

5.1. Entitajiet Legali

In-nuqqas ta’ kriterji internazzjonali f’mekkaniżmi importanti wżati fi transazzjonijiet finanzjarji globali, inklużi kumpaniji internazzjonali ta’ negozju, fondi fiduċjarji u mezzi ta’ l-iffinanzjar barra mill-pajjiż joħloq ammont ta’ opaċità finanzjarja ta’ vantaġġ reali għal dawk li jiffinazjaw it-terroriżmu. Il-Kummissjoni Ewropea għandha l-intenzjoni li tibda analiżi ta’ spiża u benefiċċju fuq firxa wiesgħa ta’ miżuri ta’ trasparenza biex tikkontribwixxi għal dan id-dibattitu li għadu sejjer.

Li tiġi mtejba t-trasparenza ta’ persuni legali hija element importanti fl-oppożizzjoni ta’ l-infiltrazzjoni minn organizzazzjonijiet terroristi u s-simpatizzanti tagħhom. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Marzu 2004 fuq il-ġlieda kontra t-terroriżmu tefgħet dawl fuq il-benefiċċji potenzjali f’li jiġu inklużi f’leġislazzjoni dwar il-formazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ persuni legali, mekkaniżmi għall-iskwalifika ta’ individwi jew kumpaniji ikundannati b’offiżi relatati ma’ terroriżmu jew kriminalità organizzata . Bl-istess mod mekkaniżmu effettiv għat-tpartit ta’ informazzjoni fuq kundanni fl-UE, jista’ jgħin fil-prevenzjoni milli gruppi terroristi u/jew il-finanzjaturi tagħhom jinfiltraw f’attivitajiet leġittimi.

5.2. Is-settur mhux għal skop ta’ profitt/karitatevoli

It-trasparenza hija kwistjoni mill-aktar importanti f’dak li jirrigwarda s-settur karitatevoli/mhux bi skop ta’ profitt. In-numru ta’ organizzazzjonijiet karitatevoli/mhux bi skop ta’ profitt u l-ammont ta’ għajnuna li jqassmu żdiedu b’mod konsiderevoli f’dawn l-aħħar snin. Ħafna minn dawn l-organizzazzjonijiet jiġbru flus destinati għal żoni ta’ kunflitt. Meta l-flus jaslu f’dawn iż-żoni, il-possibilità li wieħed iserraħ fuq il-kooperazzjoni internazzjonali biex tinstab id-destinazzjoni tagħhom, tonqos ħafna, partikolarment fejn il-fondi huma mmexxija madwar dawn it-territorji f’forma ta’ flus kontanti.

Kriterju minimu ta’ regolazzjoni mifrux ma’ l-UE maħluq biex iżid it-trasparenza tas-settur għandu jkun esplorat aktar[15] . Dan jista’ jieħu l-forma ta’ regolament li jorbot jew ta’ Kodiċi ta’ Kondotta għas-settur volontarju. Kriterji adattati ta’ trasparenza jistgħu jinkludu pubblikazzjoni annwali ta’ kontijiet verifikati b’mod indipendenti, regoli ta’ kontroll korporattiv, u kundizzjoni li tiġi pproduċuta traċċa ta’ verifikazzjoni għall-ħruġ. Jekk wieħed iżomm f’moħħu n-numri kbar ta’ organizzazzjonijiet mhux bi skop ta’ profitt/karitatevoli bbażati barra mill-UE imma b’uffiċċji f’wieħed jew aktar mill-Istati Membri, miżuri ta’ trasparenza jeħtieġu wkoll li jkollhom impatt barra l-UE.

F’bosta Stati Membri s-settur karitatevoli jgawdi status fiskali speċjali biex b’hekk awtoritajiet fiskali jkollhom informazzjoni ddettaljata fuq dħul u ħruġ ta’ ħafna mill-organi tas-settur karitatevoli. Ir-rwol ta’ l- awtoritajiet fiskali fil-kuntest tar-Rakkomandazzjoni Speċjali VIII għandu jkun kunsidrat aktar .

Il-Kummissjoni Ewropea se tkabbar il-ġbir awtomatiku ta’ informazzjoni, l-għodda ta’ akkwist u analiżi ta’ informazzjoni tagħha, biex japplikaw għas-settur karitatevoli . Il-Kummissjoni se tmexxi studju tal-possibilita’ ta’ attwazzjoni, b’ input mill-Europol, biex jimmarka s-settur karitatevoli fil-25 ta’ l-UE flimkien ma’ numru ta’ dimensjonijiet li jistgħu jgħinu biex jinstab riskju għoli ta’ l-iffinanzjar tat-Terroriżmu u attività kriminali oħra. L-istudju huwa wkoll mistenni li jinkludi reviżjoni ta’ sforzi nazzjonali ta’ analiżi tar-riskju, jekk hemm, u se jipprova jistabilixxi metodoloġija li twassal għal indikaturi ta’ vulnerabbiltajiet u riskju.

6. L-IFFINANZJAR TAT-TERRORIŻMU U MIŻURI ORIZZONTALI

6.1. Iffriżar ta’ l-Assi

Il-mekkaniżmu ta’ l-UE għat-tismija ta’ terroristi u organizzazzjonijiet terroristi barra minn Al-Qaeda[16], mwaqqaf b’mod partikolari biex jippermetti l-iffriżar ta’ assi, ma pproduċiex lista li tista’ titqies sħiħa u interament effettiva. Interpretazzjonijiet diverġenti tal-kundizzjonijiet għat-tismija u d-dewmien li jirriżulta kkawżat mill-kundizzjoni ta’ unanimità jidhru li huma l-kawża prinċipali ta’ dan, waqt li nuqqas ta’ tmexxija għal terzi pajjiżi li għandhom l-intenzjoni li jagħmlu talba għal tismija seta’ wkoll kellu l-impatt tiegħu. Interpretazzjoni u trattament stàndard fuq oqsma ta’ diverġenza huwa rekwiżit importanti biex tittejjeb l-effettività, inklużi:

- tismija ta’ gruppi jew entitajiet li semmew lilhom infushom mill-ġdid wara tismija;

- tismija ta’ ‘organizzazzjonijiet ewlenija’;

- tismija ta’ mexxejja ta’ gruppi jew entitajiet li ġew imsemmija diġà.

Il-Lista elettronika Konsolidata ta’ Sanzjonijiet Finanzjarji Immirati hija inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea u l-banek Ewropej[17] flimkien. Hija database konsolidat ta’ persuni u entitajiet suġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji ta’ l-UE. Minħabba li sanzjonijiet finanzjarji huwa applikabbli fid-data tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali, il-Kummissjoni se tistinka biex tiżgura li d-database jkun aġġornat fl-istess ġurnata bħall-pubblikazzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali . Istituzzjonijiet finanzjarji talbu tmexxija dwar kriterji mqabbla dwar jekk persuna partikolari hijiex persuna msemmija. Din ix-xorta ta’ tmexxija żżid l-effettività ta’ sanzjonijiet u, minħabba li għandha x’taqsam ma’ sanzjonijiet finanzjarji ta’ l-UE, għandha preferibbilment tiġi pprovduta mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni (eż. f’rakkomandazzjoni).

6.2. Taħriġ Effettiv u Immirat

Il-preżenza ta’ numri adattati ta’ persuni mħarrġa kif jixraq fi ħdan awtoritajiet kompetenti u s-settur privat hija essenzjali.

Għandu jitmexxa ‘l quddiem il-bżonn għal numru adegwat ta’ investigaturi finanzjarji mħarrġa. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Europol bdew proġett flimkien biex jistabilixxu kriterji minimi komuni fil-qasam ta’ taħriġ investigattiv finanzjarju fl-UE. Dan se jfittex li jippromwovi l-aħjar prattika u trattament minimu komuni għat-taħriġ investigattiv finanzjarju.

CEPOL għandha rwol importanti x’tilgħab fl-iżvilupp ta’ kultura Ewropea ta’ investigazzjoni finanzjarja u taħriġ ieħor fost uffiċjali mlaħħqa tal-pulizija u fil-firxa ta’ l-aħjar prattika f’dan il-qasam vitali.

6.3. Riċerka dwar is-Sigurtà

Il-Kummissjoni Ewropea tamministra attivitajiet ta’ riċerka kontra t-terroriżmu li jistgħu jagħtu sostenn, fost affarijiet oħra, lill-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-Terroriżmu. L- “Azzjoni Preparattiva fuq it-Tkabbir tal-potenzjal industrijali Ewropew fil-qasam tar-Riċerka dwar is-Sigurtà” għandha bàġit ta’ € 15-il miljun għall-2004 u bàġit ippjanat ta’ € 24 u € 26-il miljun għal 2005 u 2006 rispettivament. “ Grupp ta’ Personalitajiet ” (GoP) ġie mwaqqaf fl-2003 u mogħti x-xogħol li jipproponi orjentazzjonijiet, prinċipji u prioritajiet importanti għal Programm ta’ Riċerka dwar is-Sigurtà Ewropew għal futur (“ESRP”) skond objettivi tal-politika ta’ l-UE. Ir-rapport tal-GoP[18] jirrakkomanda t-twaqqif ta’ ESRP mill-2007 ‘l quddiem b’finanzjament ta’ mill-inqas €1 billjun kull sena li jiżdiedu mar-riżorsi eżistenti bħalissa. Bħala tkomplija ta’ dak li nbeda diġà, il-Kummissjoni adottat fis-7.9.2004 Komunikazzjoni intitolata “Riċerka dwar is-Sigurtà: il-Passi li Jmiss”[19] Hija nnutat ir-rakkomandazzjoni tar-rapport, li tesprimi l-bżonn għat-twaqqif ta’ Bord Konsultattiv dwar Riċerka dwar is-Sigurtà Ewropew biex jagħti parir fuq il-kontenut u l-implimentazzjoni ta’ l-ESRP u għas-sottomissjoni ta’ proposta għal ESRP fil-bidu ta’ l-2005, biex isir parti mis-seba’ Programm ta’ Qafas ta’ Riċerka tal-Komunità mill-2007 ‘l quddiem. Oqsma fejn aktar riċerka għandha tiġi inkoraġġuta jinkludu soluzzjoni ta’ problemi mqassma fost l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-UE u konfigurazzjonijiet soċjali-informattivi speċifiċi għal ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-Terroriżmu effettiva u koordinata.

6.4. Azzjoni Esterna

Il-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu għandu jilgħab parti integrali tad-djalogu politiku u ta’ programmi ta’ assistenza teknika tal-UE ma’ terzi pajjiżi, inkluż l-iżvilupp ta’ djalogu ad hoc fuq il-livell ta’ l-esperti. Sforzi flimkien biex jiġi miġġieled l-iffinanzjar tat-Terroriżmu se jkompli jkun ukoll parti importanti u regolari ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-SU.

Irkejjen finanzjarji moħbija li jippermettu bankjar u strutturi korporattivi opaki jipprovdu kenn għal flus tat-terroriżmu. L-Unjoni Ewropea għandha tippromwovi trasparenza u tpartit ta’ informazzjoni akbar ma’ terzi pajjiżi u territorji dipendenti jew assoċjati. Azzjoni pożittiva tista’ tgħin l-imsieħba kooperattiva jegħlbu d-diffikultajiet ta’ natura regulattiva, teknika jew ekonomika meta jintroduċu iżjed trasparenza, f’forma ta’ assistenza teknika irrinforzata, fejn l-UE bħala ħaġa waħda għandha esperjenza konsiderevoli, jew permezz ta’ xi forma ta’ sostenn ekonomiku. Ir-reviżjonijiet annwali jew fin-nofs tat-term ta’ Dokumenti ta’ Strateġija tal-Pajjiż jista’ wkoll jipprovdi għal azzjonijiet adattati. Il-Kummissjoni se tissorvelja l-effiċjenza u l-progress magħmul minn paradisi finanzjarji barranin lejn aktar trasparenza.

7. KONKLUŻJONIJIET

Li tkun magħmula iżjed diffiċli għal terroristi li jiġbru l-flus hija element wieħed mill-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-Terroriżmu. Barra minn hekk, is-sejba ta’ transazzjonijiet finanzjarji u oħrajn hija mezz effettiv biex jinstabu t-terroristi u dawk li jtuhom sostenn u biex tiġi sfrattata attività terrorista. Dan jiġi ffaċilitat permezz ta’ aktar trasparenza ta’ transazzjonijiet finanzjarji u entitajiet legali, inklużi dawk li joperaw fis-settur li mhux għal skop ta’ profitt. Biex inkunu verament effettivi u biex nakkwistaw tpartit ta’ data fi żmien reali f’attività preventiva u repressiva fil-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-Terroriżmu, għandna bżonn nindirizzaw kooperazzjoni iżjed mill-qrib u mekkaniżmi mkabbra għat-tpartit ta’ informazzjoni fuq il-livelli nazzjonali, ta’ l-UE u internazzjonali kemm fost l-awtoritajiet kompetenti u kemm bejn dawn ta’ l-aħħar u s-settur privat.

ANNESS 1

Miżuri Possibbli fil-Futur rilevanti għall-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-Terroriżmu

Tpartit ta’ Informazzjoni:

- Li jiġu stabbiliti mekkaniżmi adattati biex tiġi akkwistata koordinazzjoni multilaterali ma’ l-awtoritajiet u l-organi kollha involuti fis-superviżjoni u s-sejba ta’ irregolaritajiet fis-settur finanzjarju (li jinkludu awtoritajiet fiskali, organi ta’ superviżjoni finanzjarja, Dipartiment tal-Ġustizzja, komunità ta’ l-informazzjoni, awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi, awtoritajiet inkarigati mill-miżuri ta’ iffriżar amministrattiv).

- Li jiġu promossi mekkaniżmi adattati ta’ tqassim ta’ informazzjoni bejn is-servizzi ta’ informazzjoni u l-prosekuturi.

- Li jiġi promoss l-infurzar tal-liġi mmexxi mill-informazzjoni billi jiġi żgurat aċċess għall-informazzjoni tas-settur privat biex jiffaċilita l-ġbir ta’ informazzjoni fuq, l-iskoperta u s-sejba ta’ persuni suspettati.

- Li jiġi promoss l-involviment u mekkaniżmi oħra biex jiffaċilitaw is-sejba fi żmien reali u t-tpartit ta’ data permezz tas-sistema finanzjarja u oħrajn.

- Li jiġu kkunsidrati modi kif tittejjeb il-komunikazzjoni bejn l-FIU u l-komunità finanzjarja permezz ta’ aċċess akbar għad- databases rilevanti.

Traċċabbiltà ta’ Transazzjonijiet Finanzjarji:

- Li tiġi promossa l-investigazzjoni finanzjarja bħala teknika ta’ infurzar tal-liġi fl-Istati Membri. Li jiġi inkorraġġut l-iffissar ta’ kriterji minimi komuni fi kriterji ta’ taħriġ fl-investigazzjoni finanzjarja fl-UE permezz ta’ Kummissjoni Mħallta/proġett tal-Europol).

- Li jiġi promoss it-twaqqif ta’ organi nazzjonali dedikati għall-identifikazzjoni, sejba, iffriżar u konfiska ta’ assi terroristi (u oħrajn kriminali) u għall-implimentazzjoni ta’ netwerk ta’ kooperazzjoni fost dawn l-organi biex jiffaċilita kooperazzjoni fis-sejba ta’ fondi terroristi jew oħrajn kriminali li jiċċaqalqu malajr.

- Li jiġu promossi miżuri organizzattivi u tekniċi meħtieġa biex tiġi ppreżentata evidenza elettronika fil-Qorti.

- Li jiġi kkunsidrat il-bżonn ta’ kriterji minimi ta’ l-UE komuni għall-verifikazzjoni ta’ l-identità tal-klijent.

- Li jiġi kkunsidrat il-każ għall- database b’kampjuni tad-dokumenti ta’ l-identità kollha maħruġa fl-UE u barra mill-UE biex jiffaċilita s-sejba ta’ karti ta’ l-identità foloz mill-istituzzjonijiet finanzjarji meta jivverifikaw l-identità tal-klijent.

- Li tingħata direzzjoni fuq it-tqabbil ta’ kriterji li għandhom jiġu applikati meta jiġi kkontrollat jekk persuna partikolari hija persuna msemmija biex tittejjeb l-effettività ta’ sanzjonijiet finanzjarji (ara Taqsima 6.1).

Trasparenza:

- Li jiġi kkunsidrat liema miżuri oħra jistgħu jkunu meħtieġa biex tiżdied it-trasparenza ta’ entitajiet legali waqt li jiġu kkunsidrati b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet kollha li għandhom isiru fl-Istudju ppjanat tal-Kummissjoni fuq valutazzjoni ta’ l-ispiża u l-benefiċċju mill-miżuri ta’ trasparenza.

- Li jiġu kkunsidrati mekkaniżmi oħra mifruxa ma’ l-UE għall-iskwalifika ta’ individwi ta’ kumpaniji kkundannati b’offiżi relatati ma’ terroriżmu jew kriminalità organizzata.

- Fis-settur mhux għal skop ta’ profitt/karitatevoli li jiġu valutati miżuri u mekkaniżmi ta’ trasparenza adattati mifruxa ma’ l-UE biex jiżguraw konformità ma’ dawn flimkien ma’ metodi biex jiġi identifikat riskju għoli ta’ l-iffinanzjar tat-Terroriżmu jew attività kriminali oħra.

Iffriżar ta’ Assi:

- Li tiġi promossa interpretazzjoni stàndard fuq it-tismija ta’ gruppi jew entitajiet li semmew lilhom infushom mill-ġdid wara t-tismija, tismija ta’ ‘organizzazzjonijiet ewlenija’, tismija ta’ mexxejja ta’ gruppi jew entitajiet li ġew msemmija diġà.

ANNESS 2

1. Miżuri Adottati fil-livell ta’ l-UE rilevanti għall-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-Terroriżmu.

Minn Ottubru 2001 numru importanti ta’ azzjonijiet ittieħdu fil-livell ta’ l-UE immirati li jiġġieldu t-terroriżmu kif ukoll li jipprevjenu l-akkwist, iż-żamma u l-użu ta’ fondi jew assi minn organizzazzjonijiet ta’ din ix-xorta. Meħuda flimkien ma’ azzjonijiet preċedenti, dawn jikkostitwixxu miżuri b’saħħithom fl-arsenal ta’ l-Unjoni biex tiġġieled it-terroriżmu u l-iffinanzjar tiegħu.

Azzjonijiet Leġislattivi

1.1. L-Att tal-Kunsill tas-16 ta’ Ottubru 2001 li jistabilixxi, skond l-Artikolu 34 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea, il-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU C 326 tal-21 ta’ Novembru 2001 p.1)

Dan l-Att jipprovdi għat-tpartit ta’ l-informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar kontijiet bankarji miżmuma minn xi persuna li hi suġġetta għal investigazzjonijiet kriminali. Għada ma ġietx ratifikata u l-Istati Membri huma mħeġġa li jgħaġġlu dan il-proċess.

1.2. Id-Direttiva 2001/97/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Diċembru 2001 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/308/KEE fuq il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-għan ta’ ħasil tal-flus (ĠU L 344 tat-28 ta’ Diċembru 2001, p. 76)

It-tieni Direttiva dwar ħasil ta’ flus, li temenda d-Direttiva ta’ l-1991, ġiet adottata f’Diċembru 2001. Id-definizzjoni ta’ attività kriminali li tirriżulta f’ħasil ta’ flus hija mwessa’ biex tinkludi kull delitt organizzat u firxa wiesgħa ta’ delitti serji, inklużi offiżi relatati ma’ terroriżmu. Il-professjonijiet li huma mitluba li jirraportaw suspetti ta’ ħasil ta’ flus, barra minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji u relatati, issa jinkludu accountants , avukati, nutara, aġenti ta’ proprjetà immobiljari, każinos u negozjanti ta’ oġġetti ta’ valur għoli.

1.3. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Diċembru 2001 li testendi l-mandat tal-Europol biex jittratta forom serji ta’ kriminalità internazzjonali msemmija fl-Anness għall-Konvenzjoni tal-Europol (ĠU C 362 tat-18 ta’ Diċembru 2001, p.1)

L-effett ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill kien li jawtorizza l-Europol li jittratta forom serji ta’ kriminalità internazzjonali msemmija fl-Anness għall-Konvenzjoni tal-Europol, bħall-qtil, feriti gravi, ħtif ta’ tfal, it-tehid ta’ ostaġġi, serq organizzat u traffikar illeċitu ta’ armi. Il-mandat tal-Europol issa jinkludi sostenn għall-infurzar tal-liġi kontra kriminalità internazzjonali organizzata serja, inkluż it-terroriżmu.

1.4. Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-27 ta’ Diċembru 2001 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (2001/930/CFSP) (ĠU L 344 tat-28 ta’ Diċembru 2001, p. 90)

Il-Pożizzjoni Komuni tissuġġerixxi numru ta’ azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-miżuri prinċipali inklużi fil-Pożizzjoni Komuni huma: li jiġi kriminalizzat l-iffinanzjar tat-terroriżmu fi ħdan l-UE, l-iffriżar ta’ assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi ta’ persuni jew entitajiet involuti fit-terroriżmu, li tiġi ppojbita l-għotja ta’ assistenza finanzjarja jew assistenza oħra lil dawn il-persuni jew entitajiet, li jintalbu miżuri li għandhom jittieħdu biex titwaqqaf kull forma ta’ sostenn lil dawk involuti f’atti terroristi, li jittieħdu passi biex jipprevjenu atti terroristi u li jiġi miċħud kenn mhux perikoluż lil dawk involuti f’atti ta’ din ix-xorta.

1.5. Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-27 ta’ Diċembru 2001 fuq l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi biex jiġi miġġieled it-terroriżmu (2001/931/CFSP) (ĠU L 344 tat-28 ta’ Diċembru 2001, p. 93)

Il-Pożizzjoni Komuni tistabilixxi l-lista primarja ta’ persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristi[20]. Hija tiddikjara l-kriterji li għandhom jiġu wżati biex jiġi deċiż min għandu jiġi kkunsidrat bħala terroristi għall-inklużjoni fuq il-lista u l-atti li jikkostitwixxu atti terroristi. L-ismijiet fuq il-lista għandhom jiġu riveduti mill-inqas darba kull sitt xhur. Taħt il-Pożizzjoni Komuni l-Komunità Ewropea hija mitluba li tordna l-iffriżar tal-fondi u assi finanzjarji oħra jew riżorsi ekonomiċi ta’, u l-projbizzjoni ta’ proviżjoni ta’ servizzi finanzjarji lill-, persuni, gruppi jew entitajiet msemmija. L-Istati Membri huma mitluba li jagħtu ‘l xulxin assistenza fil-prevenzjoni ta’ u l-ġlieda kontra atti terroristi.

1.6. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2580/2001 tas-27 ta’ Diċembru 2001 fuq miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU L 344 tat-28 ta’ Diċembru 2001, p. 70)

Ir-Regolament jipprovdi għall-iffriżar ta’ fondi, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi ta’ ċerti persuni, gruppi u entitajiet involuti fit-terroriżmu, għal projbizzjoni li fondi, riżorsi finanzjarji u ekonomiċi jkunu disponibbli għal dawn il-persuni, gruppi jew entitajiet u għal projbizzjoni tal-proviżjoni ta’ servizzi finanzjarji lilhom. Huwa jawtorizza lill-Kunsill li jistabilixxi u jżomm lista ta’ persuni, gruppi jew entitajiet involuti fit-terroriżmu[21]. Huwa wkoll pprovdut sabiex tingħata awtorità għall-użu ta’ fondi ffriżati skond ir-Regolament biex jintlaħqu bżonnijiet umani essenzjali u għall-ċerti pagamenti oħra (eż. taxxi, kontijiet ta’ utilità eċċ.).

1.7. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Diċembru 2001 li tistabilixxi l-lista msemmija f’Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2580/2001 fuq miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (2001/927/KE) (ĠU L 344 tat-28 ta’ Diċembru 2001, p. 83)

Din id-deċiżjoni fiha lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li għandhom jiġu applikati kontrihom miżuri restrittivi speċifiċi skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2580/2001. Lista aġġornata ta’ persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri imposti mir-Regolament ġiet ippubblikata seba’ darbiet, l-aħħar pubblikazzjoni tkun tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/306/KE.

1.8. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2002 li twaqqaf il-Eurojust bil-għan li tiġi rrinfurzata l-ġlieda kontra kriminalità serja (2002/187/JHA) (ĠU L 63 tas-6 ta’ Marzu 2002 p.1)

Din id-Deċiżjoni tistabilixxi l-Eurojust, li għandu jkun iffurmat minn prosekuturi, mħallfin u uffiċċjali tal-pulizija appoġġjati, minn kull Stat Membru. L-objettivi ta’ Eurojust huma li jistimola u jtejjeb il-koordinazzjoni, bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet, li jtejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri u li jagħti sostenn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri sabiex jirrendu l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tagħhom iżjed effettivi.

1.9. Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-27 ta’ Mejju 2002 dwar miżuri restrittivi kontra Usama bin Laden, membri ta’ l-organizzazzjoni Al-Qaida u t-Taliban u individwi, gruppi, intrapriżi u entitajiet oħra assoċjati magħhom u li tirrevoka Pożizzjonijiet Komuni 96/746/CFSP, 1999/727/CFSP, 2001/154/CFSP u 2001/771/CFSP (2002/402/CFSP) (ĠU L 139 tad-29 ta’ Mejju 2002, p.4)

Hija tipprojbixxi l-provvista ta’ armi eċċ. lil Usama bin Laden, membri ta’ l-organizzazzjoni ta’ Al-Qaida u t-Taliban u persuni jew gruppi assoċjati skond UNSCR 1267(1999) u 1333(2000). Hija tipprovdi wkoll għall-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom u tipprojbixxi li jkunu disponibbli għalihom fondi u riżorsi ekonomiċi. Il-Pożizzjoni Komuni għandha tinżamm taħt reviżjoni kostanti.

1.10. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 881/2002 tas-27 ta’ Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u tirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti oġġetti u servizzi lejn l-Afghanistan, li ssaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjir u li testendi l-friża tal-fondi u riżorsi finanzjarji oħra fir-rigward tat-Taliban ta’ l-Afghanistan (ĠU L 139 tad-29 ta’ Mejju 2002, p. 9)

Ir-Regolament jiffriża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’, u jipprojbixxi li jkunu disponibbli fondi u riżorsi ekonomiċi għal, numru kbir ta’ persuni, gruppi u entitajiet li huma mniżżlin f’Anness. Il-Kummissjoni emendat ir-Regolament fi 36 okkażżjoni sabiex tiġi aġġornata l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li huma suġġetti għar-restrizzjonijiet ddikjarati fir-Regolament, l-aħħar pubblikazzjoni tkun dik tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 1728/2004. Modifikazzjoni tal-lista huwa proċess kontinwu.

1.11. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Qafas tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq teams ta’ investigazzjoni flimkien (2002/465/JHA) (ĠU L 162 ta’ l-20 ta’ Ġunju 2002, p. 1)

Id-Deċiżjoni ta’ Qafas hija intenzjonata li tagħmel il-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali effettiva kemm jista’ jkun. Hija kkunsidrat li hu adattat li strument speċifiku li jorbot legalment fuq teams ta’ investigazzjoni flimkien għandu jiġi adottat biex japplika għal investigazzjonijiet flimkien fi traffikar ta’ drogi/umani u terroriżmu u li għandhom jitwaqqfu, bħala kwistjoni ta’ priorità, biex jiġu miġġielda offiżi mwettqa minn terroristi. Id-Deċiżjoni ta’ Qafas tipprovdi li tnejn jew aktar mill-Istati Membri jistgħu jistabilixxu teams ta’ investigazzjoni flimkien għal għan speċifiku u għal perjodu limitat biex iwettqu investigazzjonijiet kriminali f’wieħed jew aktar mill-Istati li jistabilixxu t- team . L-Istati Membri huma meħtieġa li jikkonformaw mad-Deċiżjoni ta’ Qafas sa l-1 ta’ Jannar 2003.

1.12. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Qafas tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-ġlieda kontra t-terroriżmu (2002/475/JHA) (ĠU L 164 tat-22 ta’ Ġunju 2002, p.3)

Id-Deċiżjoni ta’ Qafas titlob li l-Istati Membri jadottaw definizzjoni komuni ta’ offiża terrorista kif iddikjarata f’Artikolu 1. Hija tobbliga wkoll l-Istati Membri biex jikkriminalizzaw ċerti azzjonijiet relatati ma’ gruppi terroristi jew terroriżmu, bħat-tmexxija jew il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terrorista inkluż billi tiffinazja l-attivitajiet tiegħu b’xi mod, kif ukoll billi xxewwex, tgħin jew tħajjar u tipprova twettaq offiża terrorista. L-Istati Membri kellhom jikkonformaw mad-Deċiżjoni ta’ Qafas sal-31 ta’ Diċembru 2002. F’Ġunju 2004 il-Kummissjoni pproduċiet rapport li janalizza l-miżuri nazzjonali li ttieħdu biex jikkonformaw mad-Deċiżjoni ta’ Qafas (KUMM(2004) 409 tat-8.6.2004).

1.13. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Qafas tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn Stati Membri (2002/584/JHA) (ĠU L 190 tat-18 ta’ Lulju 2002, p.1)

Id-Deċiżjoni ta’ Qafas tipprovdi għall-eżekuzzjoni f’kull Stat Membru ta’ deċiżjoni ġudizzjarja magħmula fi Stat Membru ieħor għall-arrest u ċediment ta’ persuna għal proċeduri kriminali jew għal eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja. L-offiżi inklużi fid-Deċiżjoni ta’ Qafas jinkludu t-terroriżmu. Wara l-1 ta’ Jannar 2004 estradizzjoni bejn Stati Membri se titmexxa minn regoli adottati skond id-Deċiżjoni ta’ Qafas. L-Istati Membri huma meħtieġa li jikkonformaw mad-Deċiżjoni ta’ Qafas sal-31 ta’ Diċembru 2003.

1.14. Id-Direttiva dwar Kummerċ Illegali minn min ikollu Tagħrif minn Ġewwa u Manipulazzjoni tas-Suq (Abbuż tas-Suq) (2003/6 tat-28 ta’ Jannar 2003) (ĠU L 96 tat-12 ta’ April 2003, p. 16-25)

Id-Direttiva dwar Negozju illegali minn min għandu tagħrif minn ġewwa u Manipulazzjoni tas-Suq (Abbuż tas-Suq) ġiet adottata mill-Kunsill u l-Parlament fit-3 ta’ Diċembru 2002. It-terroristi jistgħu jabbużaw mis-swieq finanzjarji permezz ta’ attivitajiet finanzjarji permezz ta’ negozju illegali minn min għandu tagħrif minn ġewwa jew manipulazzjoni tas-suq (jintużaq flus ndaf b’mod maħmuġ) jew billi jinħaslu flus “maħmuġa” fis-swieq finanzjarji permezz ta’ negozju illegali minn min għandu tagħrif minn ġewwa u manipulazzjoni tas-suq. Id-Direttiva dwar Abbuż tas-Suq tikkontribwixxi biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra attivitajiet kriminali fis-swieq finanzjarji.

1.15. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni ta’ miżuri speċifiċi għal kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja biex jiġi miġġieled it-terroriżmu skond l-Artikolu 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/CFSP (2003/48/JHA) (ĠU L 16 tat-22 ta’ Jannar 2003, p. 68)

Id-Deċiżjoni hija relatata ma’ l-aċċess u l-ġbir ta’ informazzjoni dwar u li jirriżulta minn investigazzjonijiet u proċeduri kriminali f’dak li jirrigwarda offiżi terroristi li jinvolvu xi wieħed mill-persuni, gruppi jew entitajiet mniżżlin fl-Anness għall-Pożizzjoni Komuni 2001/931/CFSP bil-għan li din tiġi komunikata lill-Europol u l-Eurojust. L-informazzjoni fil-kwistjoni għandha x’taqsam ma’ l-identità tal-persuna, grupp jew entità, l-atti taħt investigazzjoni jew prosekuzzjoni u konnessjonijiet ma’ każi relatati. F’każijiet li jinvolvu lil xi persuna, grupp jew entita' mniżżlin fil-lista d-Deċiżjoni titlob ukoll għal teams ta’ investigazzjoni flimkien f’każijiet adattati, trattament urġenti ta’ talbiet għal assistenza legali u rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi reċiproku b’konnessjoni ma’ offiżi terroristi u t-tqassim ta’ informazzjoni.

1.16. Ir-Ratifikazzjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali skond UN SC Riżoluzzjoni 1373 (2001)

Skond riżoluzzjoni 1373 (2001), Stati Membri aċċettaw impenn politiku, permezz ta’ Artikolu 14 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/930/CFSP li jsiru parti mill-Konvenzjoni tal-UN għat-Trażżin ta’ l-iffinanzjar tat-terroriżmu (New York, 9 ta’ Diċembru 1999) u 12-il konvenzjoni oħra fuq it-Terroriżmu.

1.17. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Qafas 2003/577/JHA tat-22 ta’ Lulju 2003 fuq l-eżekuzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ ordnijiet biex tiġi ffriżata proprjetà jew evidenza. (ĠU L 196 tat-2 ta’ Awissu 2003, p. 45)

Din id-Deċiżjoni ta’ Qafas tintroduċi l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ġudizzjarji li jiffriżaw proprjetà u evidenza. Hija tistabilixxi r-regoli skond liema l-Istati Membri jridu jirrikonoxxu u jesegwixxu dawn l-ordnijiet maħruġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti ta’ Stat Membru ieħor. Hija tapplika għal ordnijiet ta’ ffriżar maħruġa biex tiġi żgurata l-evidenza jew il-konfiska segwenti tal-proprjetà. Għal dan il-għan it-terroriżmu huwa inkluż fost l-offiżi li għalihom l-ebda verifikazzjoni ta’ kriminalità doppja ma hi meħtieġa.

ANNESS 3

1. MIżURI LI HUMA GħADDEJJIN FUQ LIVELL TA’ L-UE RILEVANTI GħALL-ġLIEDA KONTRA L-IFFINANZJAR TAT-TERRORIżMU

1.1. Abbozz ta’ Deċiżjoni ta’ Qafas fuq il-Konfiska ta’ Qliegħ relatati ma’ kriminalità, Strumentalitajiet u Proprjetà

L-abbozz ta’ Deċiżjoni ta’ Qafas jipprova jarmonizza ċerti kundizzjonijiet relatati ma’ konfiska fl-Istati Membri, notevolment b’konnessjoni ma’ “konfiska estiża”. Skond dan il-kunċett, il-Qorti għandu jkollha l-poter f’ċerti ċirkostanzi li tordna l-konfiska ta’ l-assi ta’ persuna kkundannata fejn il-Qorti hija kompletament konvinta, inter alia , li l-assi tal-persuna ġejjin minn attività kriminali oħra. Id-Deċiżjoni ta’ Qafas irċeviet qbil politiku f’Diċembru 2002 iżda għadha suġġetta għar-riservi ta’ skrutinju ta’ l-Istati Membri.

1.2. Abbozz ta’ Deċiżjoni ta’ Qafas fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ Ordnijiet ta’ Konfiska

L-għan ta’ dan l-abbozz ta’ Deċiżjoni ta’ Qafas hija li tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn Stati Membri fir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet biex proprjetà tiġi konfiskata. Hija tobbliga l-Istati Membri li jirrikonoxxu u jesegwixxu fit-territorju tagħhom ordnijiet ta’ konfiska maħruġa minn qorti kompetenti fi kwistjonijiet kriminali fi Stat Membru ieħor. L-abbozz ta’ Deċiżjoni ta’ Qafas irċeviet qbil politiku f’Ġunju 2004 iżda tibqa’ suġġetta għal numru ta’ riservi ta’ skrutinju.

1.3. Kontroll ta’ Movimenti ta’ Flus Kontanti fuq Skala Kbira – Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fuq il-prevenzjoni ta’ ħasil ta’ flus permezz ta’ kooperazzjoni doganali

Fil-25 ta’ Ġunju 2002 il-Kummissjoni adottat rapport flimkien ma’ proposta għal Regolament biex tintroduċi kontrolli fuq movimenti ta’ flus kontanti sinnifikanti minn persuni deħlin jew ħerġin mill-Komunità. Ir-Regolament propost jikkomplimenta d-Direttivi tal-Komunità dwar Ħasil ta’ Flus u jobbliga persuni deħlin jew ħerġin mit-territorju doganali tal-Komunità huma u jġorru flus kontanti jew strumenti ekwivalenti b’valur ta’ €15.000 jew aktar, li jagħmlu dikjarazzjoni xierqa.

1.4. Proposta għat-tielet Direttiva dwar Ħasil ta’ Flus

Il-proposta għat-tielet Direttiva dwar Ħasil ta’ Flus ġiet adottata mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Ġunju 2004. Il-proposta tfittex li tiżgura trattament komuni mifrux ma’ l-UE għall-40 Rakkomandazzjoni ta’ l-FATF kif riveduti f’Ġunju 2003. Hija tipproponi li testendi l-iskop tad-Direttiva għal min jipprovdi servizzi lill-fondi jew kumpaniji, tintroduċi kundizzjonijiet iżjed ddettaljati dwar diliġenza meħtieġa tal-klijent u identifikazzjoni tas-sid benefiċċjarju u testendi l-mekkaniżmu preventiv kontra l-ħasil ta’ flus għal transazzjonijiet suspettati li huma assoċjati ma’ Finanzjar tat-Terroriżmu.

1.5. Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill fuq it-tpartit ta’ informazzjoni u kooperazzjoni dwar offiżi terroristi

Il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni fuq il-ġlieda kontra t-terroriżmu, fejn tinkludi l-iffinanzjar tat-terroriżmu fid-29 ta’ Marzu 2004[22]. Il-Komunikazzjoni tinkludi f’Anness Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tippermetti s-servizzi involuti li jkollhom aċċess għall-informazzjoni l-iżjed sħiħa u aġġornata. Il-proposta tal-Kummissjoni twessa’ l-iskop tat-tpartit ta’ l-informazzjoni għall-offiżi terroristi kollha jew offiżi relatati ma’ grupp terrorist magħruf fl-Istati Membri, inkluż il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terrorista permezz ta’ kull forma ta’ l-iffinanzjar. It-tpartit ta’ informazzjoni se japplika għall-istadji kollha tal-proċeduri. Għandha tintbagħat l-informazzjoni fuq offiżi terroristi fl-istadji kollha tal-proċeduri, inkluż kundanni, lill-Europol u l-Eurojust.

1.6. Proposta għal Regolament fuq informazzjoni dwar il-pagatur li takkumpanja trasferimenti ta’ fondi

Il-Kummissjoni Ewropea hija mistennija li tadotta proposta għal Regolament fuq informazzjoni dwar il-pagatur li takkumpanja trasferimenti ta’ fondi matul Ottubru jew Novembru ta’ l-2004. Il-proposta għal Regolament timmira li tittrasferixxi ir-Rakkomandazzjoni Speċjali VII fil-liġi tal-Komunità. Hija tissuġġerixxi regoli fuq informazzjoni dwar il-pagatur li takkompanja trasferimenti ta’ fondi, sabiex tiżgura li informazzjoni bażika hija disponibbli immedjatament għall-awtoritajiet responsabbli mill-ġlieda kontra t-terroriżmu, biex jiġu assistiti f’xogħolhom. Dawn ir-regoli jirriżultaw f’numru ta’ obbligazzjonijiet applikabbli għal kull min jipprovdi servizz ta’ pagamenti involut fil-katina ta’ pagamenti. Min jipprovdi s-servizz ta’ pagament lill-pagatur għandu jiżgura li trasferimenti ta’ fondi jinkludu informazzjoni sħiħa, eżatta u li għandha skop dwar il-pagatur. Kull intermedjarju li jipprovdi servizz ta’ pagament għandu jiżgura li l-informazzjoni kollha dwar il-pagaturi li takkompanja trasferiment hija miżmuma mat-trasferiment jew li jinżammu reġistri adattati. Min jipprovdi s-servizz ta’ pagament lil min jirċievi l-ħlas għandu jkollu proċeduri effettivi bbażati fuq ir-riskju sabiex jidentifika trasferimenti ta’ fondi b’nuqqas ta’ informazzjoni sħiħa dwar il-pagatur u, kif xieraq, jirrapporta transazzjonijiet suspettużi lill-awtoritajiet responsabbli li jiġġieldu t-terroriżmu.

1.7. Abbozz ta’ Direttiva ta’ Qafas Legali Ġdid għal-Pagamenti fis-Suq Intern

Il-Kummissjoni qiegħda taħdem fuq l-abbozz tal-proposta msemmija hawn fuq li għandha tiżgura l-implimentazzjoni armonizzata tar-Rakkomandazzjoni Speċjali VI tat- Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja fil-liġi tal-Komunità u b’hekk tiggarantixxi l-istess bażi għal kull min jipprovdi. Ir-reġim regolatorju ppjanat għal min jibgħat il-flus mhux talli se jipprevedi reġistrazzjoni ta’ min jibgħat bl-introduzzjoni ta’ liċenzja speċjali ta’ min jipprovdi servizz ta’ pagament imma se jikkonsidra wkoll il-profil ta’ riskju speċifiku tagħhom bit-twaqqif ta’ kundizzjonijiet ta’ superviżjoni magħmulin apposta.

[1] Brussell, id-29 ta’ Marzu 2004, 7906/04

[2] 10586/04 tal-15 ta’ Ġunju 2004

[3] Ara Anness 1

[4] Per eżempju, ir-Rapport tal-Kummissjoni ta’ Ġunju 2004 fuq il-konformità ta’ l-Istati Membri mad-Deċiżjoni ta’ Qafas dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu jindika numru ta’ nuqqasijiet fuq livell nazzjonali (KUMM(2004) 409).

[5] Notevolment id-Direttiva ġenerali dwar Ħarsien tad-Data 95/46/KE u id-Direttiva 2002/58/KE dwar il-privatezza u komunikazzjonijiet elettroniċi.

[6] L-FEC ta’ l-Olanda huwa eżempju ta’ din it-tip ta’ kollaborazzjoni u huwa netwerk li jinkludi s-Servizzi Ġenerali ta’ Informazzjoni u Sigurtà, is-servizzi tat-taxxa, aġenzija li tinforza l-liġi fiskali u ekonomika.

[7] KUMM(2004) 429 tas-16.6.2004.

[8] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fuq miżuri li għandhom jittieħdu biex jiġi miġġieled it-terroriżmu u forom oħra ta’ delitti serji, b’mod partikolari biex jittejjeb it-tpartit ta’ informazzjoni tad-29.3.2004 (KUMM(2004) 221).

[9] F’Lulju 2004 id-Direttorat Ġenerali tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni tal-Kummissjoni Ewropea kiteb lil dawk l-Istati Membri li rratifikaw il-Konvenzjoni tal-Europol u li mhux qegħdin jipprovdu data adegwata għall-għan ta’ SUSTRANS. L-ittra talbet li tiġi infurmata għaliex data rilevanti ma kienitx qiegħda tiġi pprovduta. Ġew mitluba risposti sal-20 ta’ Settembru 2004.

[10] Att tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2000 li jfassal Protokoll li jemenda Artikolu 2 u l-Anness għall-Konvenzjoni tal-Europol (ĠU C 358 tat-13 ta’ Diċembru 2000).

[11] Mill-ewwel 15 ta’ l-UE l-Istati Membri li ġejjin irratifikaw il-Protokoll: il-Ġermanja, Spanja, Franza, il-Greċja, il-Portugall, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit. Mill-Istati Membri l-ġodda kollha rratifikaw il-Protokoll barra l-Estonja.

[12] Permezz tal-programm ta’ l-iffinanzjar tagħha AGIS għall-2004 il-Kummissjoni Ewropea qiegħda bħalissa tiffinanzja żewġ proġetti f’dan il-qasam, jiġifieri in-netwerk CARIN u eżaminazzjoni ta’ strateġiji alternattivi ta’ ħafna aġenziji flimkien għall-immirar għall-qligħ ta’ attività kriminali – perspettiva ta’ l-Unjoni Ewropea.

[13] http://www.ctose.org

[14] Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-prevenzjoni ta’ ħasil ta’ flus permezz ta’ kooperazzjoni doganali (KUMM(2002)328-C5-0291/2002-2002/0132(COD)).

[15] Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda torganizza workshop fid-29 ta’ Ottubru fuq il-kwistjoni ta’ trattament ta’ l-UE biex jiġi prevedut abbuż tas-settur karitatevoli għall-għan ta’ l-iffinanzjar tat-Terroriżmu.

[16] Pożizzjoni Komuni 2001/931/CFSP u Regolament (KE) Nru. 2580/2001.

[17] Federazzjoni Bankarja Ewropea, Grupp Ewropew tal-Banek tat-Tifdil, Assoċjazzjoni Ewropea tal- Banek Kooperattivi, Assoċjazzjoni Ewropea tal-Banek Pubbliċi.

[18] « Riċerka għal Futur fiż-Żgur », Rapport tal-GoP fil-qasam ta’ Riċerka dwar is-Sigurtà, ISBN 92-894-6611-1, Uffiċċju tal-Lussemburgu għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej, 2004.

[19] KUMM(2004) 353

[20] L-aħħar verżjoni tal-lista hija mniżżla f’Pożizzjoni Komuni 2004/500/CFSP.

[21] L-aħħar verżjoni tal-lista hija mniżżla fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/306/KE.

[22] KUMM(2004) 221