42000A0922(04)



Official Journal L 239 , 22/09/2000 P. 0069 - 0075


Ftehim dwar l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja

għall-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali ta' kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990, li fiha ssieħbet ir-Repubblika Taljana bi Ftehim iffirmat f'Pariġi fis-27 ta' Novembru 1990

Ir-RENJU TAL-BELĠJU, IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA, ir-REPUBBLIKA FRANĊIŻA, IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU u R-RENJU TA' l-OLANDA, Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali ta' kontrolli bejn il-fruntieri komuni tagħhom iffirmata f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990, minn hawn ‘l quddiem imsejħa "il-Konvenzjoni ta' l-1990", kif ukoll ir-Repubblika Taljana, li ssieħbet fil-Konvenzjoni ta' l-1990 bi Ftehim iffirmat f'Pariġi fis-27 ta' Novembru 1990, min-naħa l-waħda,

u r-RENJU TA' SPANJA, min-naħa l-oħra,

Wara li kkunsidraw l-iffirmar li sar f'Bonn f'dan il-ħamsa u għoxrin jum ta' Ġunju tas-sena elf disa' mija wieħed u disgħin tal-Protokoll ta' l-Adeżjoni tal-Gvern tar-Renju ta' Spanja fil-Ftehim Schengen fl-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali ta' kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom, kif emendat bil-Protokoll ta' l-Adeżjoni tal-Gvern tar-Repubblika Taljana ffirmat f'Pariġi fis-27 ta' Novembru 1990,

Fuq il-bażi ta' l-Artikolu 140 tal-Konvenzjoni ta' l -1990,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Ir-Renju ta' Spanja qiegħed jaderixxi mal-Konvenzjoni ta' l-1990.

Artikolu 2

1. L-uffiċjali msemmija fl-Artikolu 40(4) tal-Konvenzjoni ta' l-1990 fir-rigward tar-Renju ta' Spanja għandhom ikunu: uffiċjali tal-Cuerpo Nacional de Policía (pulizija nazzjonali) u tal-Cuerpo de la Guardia Civil fil-qadi tad-doveri tagħhom ta' pulizija kriminali, kif ukoll l-uffiċjali ta' l-Amministrazzjoni tad-Dwana, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fid-diversi ftehim xierqa bilaterali msemmija fl-Artikolu 40(6) tal-Konvenzjoni ta' l-1990, fir-rigward tal-poteri tagħhom li jirrigwardaw it-traffikar illeċitu ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, traffikar f'armi u splussivi, u t-trasport illeċitu ta' skart tossiku u perikoluż.

2. L-awtorità msemmija fl-Artikolu 40(5) tal-Konvenzjoni ta' l-1990 fir-rigward tar-Renju ta' Spanja għandha tkun id-Dirección General de la Policía (Direttorat-Ġenerali tal-Pulizija).

Artikolu 3

1. L-uffiċjali msemmija fl-Artikolu 41(7) tal-Konvenzjoni ta' l-1990 fir-rigward tar-Renju ta' Spanja għandhom ikunu: l-uffiċjali tal-Cuerpo Nacional de Policía (pulizija nazzjonali) u tal-Cuerpo de la Guardia Civil fil-qadi tad-doveri tagħhom ta' pulizija kriminali, kif ukoll l-uffiċjali ta' l-Amministrazzjoni tad-Dwana, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fid-diversi ftehim xierqa bilaterali msemmija fl-Artikolu 41(10) tal-Konvenzjoni ta' l-1990, fir-rigward tal-poteri tagħhom li jirrigwardaw it-traffikar illeċitu ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, traffikar f'armi u splussivi, u t-trasport illeċitu ta' skart tossiku u perikoluż.

2. Fil-ħin ta' l-iffirmar ta' dan il-ftehim, il-Gvern tar-Repubblika Franċiża u l-Gvern tar-Renju ta' Spanja għandhom jagħmlu dikjarazzjoni li tiddefinixxi, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 41(2), (3) u (4) tal-Konvenzjoni ta' l-1990, il-proċeduri ta' kif għandu jsir ġiri wara xi ħadd fit-territorji tagħhom.

3. Fil-ħin ta' l-iffirmar ta' dan il-ftehim, il-Gvern tar-Renju ta' Spanja għandu jagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tal-Gvern tar-Repubblika Portugiża li tiddefinixxi, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 41(2), (3) u (4) tal-Konvenzjoni ta' l-1990, il-proċeduri ta' kif għandu jsir ġiri wara xi ħadd fit-territorju Spanjol.

Artikolu 4

Il-Ministeru kompetenti msemmi fl-Artikolu 65(2) tal-Konvenzjoni ta' l-1990 fir-rigward tar-Renju ta' Spanja għandu jkun il-Ministeru tal-Ġustizzja.

Artikolu 5

1. Dan il-Ftehim għandu jkun soġġett għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni. L-istrumenti ta' ratifikazzjoni, aċċettazzjoni jew approvazzjoni għandhom jiġu depożitati mal-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li għandu jinnotifika lill-Partijiet Kontraenti kollha dwar dan.

2. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-depożitu ta' l-istrumenti ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni mill-Ħames Stati Firmatarji tal-Konvenzjoni ta' l-1990 u mir-Renju ta' Spanja, u l-aktar kmieni fil-jum ta' meta l-Konvenzjoni ta' l-1990 tidħol fis-seħħ. Fir-rigward tar-Repubblika Taljana, dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-depożitu ta' l-istrumenti ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni, u l-iktar kmieni fil-jum ta' meta dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ bejn il-Partijiet Kontraenti l-oħrajn.

3. Il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jinnotifika lil kull waħda mill-Partijiet Kontraenti dwar id-data tad-dħul fis-seħħ.

Artikolu 6

1. Il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jgħaddi lill-Gvern tar-Renju ta' Spanja kopja ċċertifikata tal-Konvenzjoni ta' l-1990 fil-lingwa Olandiża, Franċiża u Ġermaniża.

2. It-test tal-Konvenzjoni ta' l-1990 abbozzat fil-lingwa Spanjola huwa anness ma' dan il-Ftehim u għandu jkun awtentiku taħt l-istess kondizzjonijiet bħat-testi tal-Konvenzjoni ta' l-1990 miktuba bil-lingwa Olandiża, Franċiża, Ġermaniża u Taljana.

Bħala xhieda ta' dan, is-sottoskritti li huma awtorizzati għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul f'Bonn f'dan il-ħamsa u għoxrin jum ta' Ġunju tas-sena elf disa' mija wieħed u disgħin f'oriġinal wieħed bil-lingwa Olandiża, Franċiża, Ġermaniża, Taljana u Spanjola, bil-ħames testi jkunu awtentiċi indaqs, u dan l-oriġinal għandu jibqa' depożitat fl-arkivji tal-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li għandu jgħaddi kopja ċertifikata lil kull wieħed mill-Partijiet Kontraenti.

Għall-Gvern tar-Renju tal-Belġju

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja

+++++ TIFF +++++

Għar-Renju ta' Spanja

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Franċiża

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Taljana

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Renju ta' l-Olanda

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

ATT FINALI

I. Fil-ħin ta' l-iffirmar tal-Ftehim dwar is-Sħubija tar-Renju ta' Spanja għall-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali ta' kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990, li għaliha ssieħbet ir-Repubblka Taljana bi Ftehim iffirmat f'Pariġi fis-27 ta' Novembru 1990, ir-Renju ta' Spanja huwa sottoskritt għall-Att Finali, għall-Minuti u għad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Ministri u tas-Segretarji ta' l-Istat li ġew iffirmati fl-istess ħin mal-Konvenzjoni ta' l-1990.

Ir-Renju ta' Spanja huwa sottoskritt għad-Dikjarazzjonijiet konġunti u ħa nota tad-Dikjarazzjonijiet Unilaterali li jinsabu fih.

Il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jgħaddi lill-Gvern tar-Renju ta' Spanja kopja ċertifikata ta' l-Att Finali, il-Minuti u d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Ministri u tas-Segretarji ta' l-Istat, li ġew iffirmati fl-istess waqt li ġiet iffirmata l-Konvenzjoni ta' l-1990, bil-lingwa Olandiża, Franċiża, Ġermaniża u Taljana.

It-testi ta' l-Att Finali, il-Minuti u d- Dikjarazzjoni konġunta tal-Ministri u tas-Segretarji ta' l-Istat li ġew iffirmati fl-istess waqt li ġiet iffirmata l-Konvenzjoni ta' l-1990, magħmula bil-lingwa Spanjola, huma annessi ma' dan l-Att Finali u għandhom ikunu awtentiċi taħt l-istess kondizjonijiet bħat-testi miktuba bil-lingwa Olandiża, Franċiża, Ġermaniża u Taljana.

II. Fil-ħin ta' l-iffirmar tal-Ftehim dwar is-Sħubija tar-Renju ta' Spanja fil-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali ta' kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990, li għaliha ssieħbet ir-Repubblika Taljana bi Ftehim iffirmat f'Pariġi fis-27 ta' Novembru 1990, il-Partijiet Kontraenti adottaw id-Dikjarazzjonijiet li ġejjin:

1. Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Artikolu 5 tal-Ftehim ta' Sħubija

L-Istati Firmatarji għandhom, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Sħubija, jinfurmaw lil xulxin dwar iċ-ċirkostanzi kollha li jista' jkollhom effett sinifikattiv fuq l-oqsma li jaqgħu taħt il-Konvenzjoni ta' l-1990 u fuq id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Sħubija.

Dan il-Ftehim ta' Sħubija m'għandux jiddaħħal fis-seħħ bejn il-Ħames Stati Firmatarji tal-Konvenzjoni ta' l-1990 u r-Renju ta' Spanja sakemm il-prekondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' l-1990 ikunu ġew sodisfatti f'dawn is-Sitt Stati u l-kontrolli fuq il-fruntieri esterni jkunu effettivi hemmhekk. Fir-rigward tar-Repubblika Taljana, dan il-Ftehim ta' Sħubija m' għandux jiddaħħal fis-seħħ sakemm il-prekondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' l-1990 ikunu ġew sodisfatti fl-Istati Firmatarji u l-kontrolli fuq il-fruntieri esterni jkunu effettivi hemmhekk.

2. Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' l-1990

Il-Partijiet Kontraenti jispeċifikaw li fil-ħin ta' l-iffirmar tal-Ftehim dwar is-Sħubija tar-Renju ta' Spanja fil-Konvenzjoni ta' l-1990, l-arranġamenti komuni tal-viża msemmija fl-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' l-1990 għandhom jittieħdu li jfissru l-arranġamenti komuni applikati mill-Partijiet Firmatarji tal-Konvenzjoni msemmija mid- 19 ta' Ġunju 1990.

Il-Partijiet Kontraenti jinnutaw li l-Gvern tar-Renju ta' Spanja jimpenja ruħu li japplika, ta' l-anqas sal-ħin tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, l-arranġamenti komuni dwar viża fil-każijiet eżaminati l-aħħar waqt negozjati dwar sħubija għall-Konvenzjoni ta' l-1990.

3. Dikjarazzjoni konġunta dwar protezzjoni ta' informazzjoni

Il-Partijiet Kontraenti jinnotaw li l-Gvern tar-Renju ta' Spanja jimpenja ruħu li jieħu l-passi kollha meħtieġa qabel ir-ratifikazzjoni tal-Ftehim dwar Sħubija għall-Konvenzjoni ta' l-1990, sabiex ikun ċert li l leġislazzjoni Spanjola tiġi supplimentata b' mod konformi mal-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa għall-Protezzjoni ta' Individwi fir-rigward ta' l-Ipproċessar Awtomatiku ta' Informazzjoni Personali tat-28 ta' Jannar 1981 u b'mod konformi mar-Rakkomandazzjoni Nru R (87) 15 ta' l-17 ta' Settembru 1987 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta' l-Ewropa li tirregola l-użu ta' informazzjoni personali fis-settur tal-pulizija, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni bis-sħiħ tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 117 u 126 tal-Konvenzjoni ta' l-1990 u d-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta' l-imsemmija Konvenzjoni li għandhom x' jaqsmu mal-protezzjoni ta' informazzjoni personali, bil-għan li jinkiseb livell ta' protezzjoni li huwa kompatibbli mad- dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta' l-1990.

III. Il-Partijiet Kontraenti ħadu nota tad-dikjarazzjonijiet li saru mir-Renju ta' Spanja:

1. Dikjarazzjoni dwar il-bliet ta' Ceuta u Melilla

(a) Il-Kontrolli preżenti fuq oġġetti u vjaġġaturi li jkunu deħlin fit-territorju tad- dwana tal-Komunità Ekonomika Ewropea mill-bliet ta' Ceuta u ta' Melilla għandhom ikomplu jsiru b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 2 ta' l-Att ta' Sħubija ta' Spanja fil-Komunitajiet Ewropej.

(b) L-arranġamenti speċifiċi għal eżenzjonijiet ta' viża għal traffiku lokali fuq il-fruntiera bejn Ceuta u Melilla u l-provinċji Marokkini ta' Tetuan u Nador għandhom ikomplu japplikaw.

(ċ) Ċittadini Marokkini li m' humiex residenti fil-provinċji ta' Tetuan jew Nador u li jixtiequ jidħlu esklussivament fit-territorju tal-bliet ta' Ceuta u ta' Melilla għandhom jibqgħu soġġetti għar-rekwiżit ta' viża. Il-validità ta' dawn il-viżi għandha tkun limitata għal dawn iż-żewġt ibliet u tista' tippermetti dħul u eżitu multiplu ("visado limitado múltiple") skond id- dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 11(1)(a) tal-Konvenzjoni ta' l-1990.

(d) L-interessi tal-Partijiet Kontraenti oħrajn għandhom jiġu meqjusa meta jiġu applikati dawn l-arranġamenti.

(e) Taħt il-liġi nazzjonali tagħha u sabiex tivverifika jekk il-passiġġieri għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta' l-1990, li fuq il-bażi tagħhom ikunu ġew awtorizzati biex jidħlu f'territorju nazzjonali, malli jsir kontroll tal-passaporti fuq il-fruntiera esterna, Spanja għandha żżomm kontrolli (fuq identità u dokumenti) fuq il-konnessjonijiet tal-baħar u ta' l-ajru li jitilqu minn Ceuta u minn Melilla u li l-unika destinazzjoni tagħhom hija xi post ieħor fit-territorju Spanjol.

Għal dan il-għan, Spanja għandha żżomm kontrolli fuq titjiriet interni u fuq konnessjonijiet regolari tal-laneċ li jitilqu mill-ibliet ta' Ceuta u ta' Melilla għal destinazzjoni fi Stat ieħor parti mill-Konvenzjoni.

2. Dikjarazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea dwar Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali u l-Konvenzjoni Ewropea dwar Estradizzjoni

Ir-Renju ta' Spanja jimpenja ruħu li jżomm milli jinvoka r-riservi u d- dikjarazzjonijiet magħmula meta irratifika l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni fit-13 ta' Diċembru 1957 u l-Konvenzjoni Ewropea dwar Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali ta' l-20 ta' April 1950, sa fejn dawn ma jkunux kompatibbli mal-Konvenzjoni ta' l-1990.

3. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 121(2) tal-Konvenzjoni ta' l-1990

Il-Gvern tar-Renju ta' Spanja jiddikjara li, ħlief fil-każ ta' frott frisk taċ-ċitru u palm, huwa għandu japplika s-simplifikazzjoni ta' kontrolli u rekwiżiti tas-saħħa għall-pjanti msemmija fl-Artikolu 121 tal-Konvenzjoni ta' l-1990, mid-data ta' l-iffirmar tal-Ftehim dwar Sħubija għall-Konvenzjoni ta' l-1990.

Il-Gvern tar-Renju ta' Spanja jiddikjara li huwa għandu jagħmel evalwazzjoni tar-riskju ta' annimali ta' ħsara fuq frott frisk taċ-ċitru u palm qabel l-1 ta' Jannar 1992, li, jekk turi li jkun hemm riskju li jiġu mdaħħla jew imkattra organiżmi perikolużi, tista', fejn xieraq, tiġġustifika d-deroga msemmija fl-Artikolu 121(2) tal-Konvenzjoni ta' l-1990 wara d-dħul fis-seħħ ta' l-imsemmi Ftehim dwar is-Sħubija tar-Renju ta' Spanja.

4. Dikjarazzjoni dwar il-Ftehim dwar is-Sħubija tar-Repubblika Portugiża għall-Konvenzjoni ta' l-1990

Fil-ħin ta' l-iffirmar ta' dan il-Ftehim, ir-Renju ta' Spanja jieħu nota tal-kontenut tal-Ftehim dwar is-Sħubija tar-Repubblika Portugiża għall-Konvenzjoni ta' l-1990 u l-Att Finali u d-Dikjarazzjoni relatati.

Magħmul f'Bonn f'dan il-ħamsa u għoxrin jum ta' Ġunju fis-sena elf disa' mija wieħed u disgħin f'oriġinal wieħed bil-lingwa Olandiża, Franċiża, Ġermaniża, Taljana u Spanjola, li minnhom il-ħames testi huma awtentiċi indaqs, u dan l-oriġinal għandu jibqa' depożitat fl-arkivji tal-Gvern ta Gran Dukat tal-Lussemburgu, li għandu jgħaddi kopja ċertifikata lil kull waħda mill-Partijiet Kontraenti.

Għall-Gvern tar-Renju tal-Belġju

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Renju ta' Spanja

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Franċiża

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Taljana

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Renju ta' l-Olanda

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

DIKJARAZZJONI TAL-MINISTRI U TAS-SEGRETARJI TA' L-ISTAT

Fil-ħamsa u għoxrin jum ta' Ġunju fis-sena elf disa mija u wieħed u disgħin, ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju ta' l-Olanda ffirmaw f'Bonn il-ftehim dwar l-isħubija tar-Renju ta' Spanja fil-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali ta' kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f'Schengen fid- 19 ta' Ġunju 1990, li għaliha ssieħbet ir-Repubblika Taljana bi Ftehim iffirmat f'Pariġi fis-27 ta' Novembru 1990.

Huma nnotaw li r-rappreżentant tal-Gvern ta' Spanja iddikjara l-appoġġ tiegħu għad-Dikjarazzjoni magħmula f'Schengen fis-19 ta' Ġunju 1990 mill-Ministri u mis-Segretarji ta' l-Istat li jirrappreżentaw il-Gvernijiet tar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju ta' l-Olanda u għad-deċiżjoni kkonfermata fl-istess data ma' l-iffirmar tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, għal liema Dikjarazzjoni u deċiżjoni ta l-appoġġ tiegħu l-Gvern tar-Repubblika Taljana.

--------------------------------------------------