42000A0922(01)



Official Journal L 239 , 22/09/2000 P. 0013 - 0018


Ftehim

bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija ftit ftit tal-kontroll fuq il-fruntieri komuni

Il-Gvernijiet tar-RENJU TAL-BELĠJU, ir-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA, ir-REPUBBLIKA FRANĊIŻA, il-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU u r-RENJU TA' L-OLANDA,

minn issa "il quddiem imsemmmija bħala" l-Partijiet,

KONXJI li l-unjoni dejjem eqreb bejn il-popli ta' l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej għandha tiġi riflessa fil-libertà tal-qsim ta' fruntieri interni għaċ-ċittadini kollha ta' l-Istati Membri u fiċ-ċaqlieq ħieles ta' merċa u servizzi,

ANZJUŻI biex isaħħu s-solidarjetà bejn il-popli tagħhom billi jneħħu l-ostakli għaċ-ċaqliq ħieles fil-fruntieri komuni bejn l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża,

FILWAQT LI QED JIKKUNSIDRAW il-progress li diġà inkiseb ġewwa l-Komunitajiet Ewropej bil-għan li jassiguraw iċ-ċaqliq ħieles ta' persuni, merċa w servizzi,

IMQANQLA mid-determinazzjoni li jġibu t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom fuq iċ-ċaqliq ħieles ta' ċittadini ta' l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej u li jħaffu ċ-ċaqliq ta' merċa w servizzi f'dawn il-fruntieri,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim tista' tirrekjedi miżuri leġislattivi li jkunu jridu jiġu sottomessi quddiem il-parlamenti ta' l-Istati Firmatarji skond il-kostituzzjonijiet tagħhom,

FILWAQT LI JQISU d-dikjarazzjoni mill-Kunsill Ewropew ta' Fontainebleau tal-25 u 26 ta' Ġunju 1984 dwar l-abolizzjoni tal-formalitajiet polizjeski u doganali għal persuni u merċa li jaqsmu fruntieri intra-Komunitarji,

FILWAQT LI JQISU l-Ftehim konkluż f'Saarbrücken fit-13 ta' Lulju 1984 bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża,

FILWAQT LI JQISU l-Konklużjonijiet adottati fil-31 ta' Mejju 1984 wara l-laqgħa tal-Ministri tat-Trasport ta' l-Istati tal-Benelux u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja fi Nieustadt an der Aisch,

FILWAQT LI JQISU l-Memorandum tal-Gvernijiet ta' l-Unjoni Ekonomika Benelux tat-12 ta' Diċembru 1984 mgħoddi lill-Gvernijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża,

IDDEĊIEDEW DAN LI ĠEJ:

IT-TITOLU I

MIŻURI APPLIKABBLI F'MEDDA TA' ŻMIEN QASIRA

Artikolu 1

Hekk kif dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ u sakemm il-kontrolli kollha jiġu mneħħija kompletament, il-formalitajiet għal ċittadini ta' l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej fil-fruntieri komuni bejn l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża għandhom jitwettqu skond il-kondizzjonijiet imniżżla hawn taħt.

Artikolu 2

Fir-rigward taċ-ċaqliq ta' persuni, mill-15 ta' Ġunju 1985 l-awtoritajiet polizjeski u doganali għandhom bħala regola ġenerali iwettqu sorveljanza viżiva sempliċi fuq vetturi privati li jaqsmu l-fruntiera komuni b'ħeffa ridotta, mingħajr ma jitolbu lil dawn vetturi biex jieqfu.

Iżda huma jistgħu jwettqu kontrolli aktar dettaljati permezz ta' spot checks. Dawn għandhom isiru fejn ikun possibbli ‘l hinn mit-triq prinċipali, sabiex ma jinterrompux l-iskular ta' vetturi oħrajn li jaqsmu l-fruntiera.

Artikolu 3

Sabiex jiffaċilitaw is-sorveljanza viżiva, ċittadini ta' l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej li jixtiequ jaqsmu l-fruntiera komuni jistgħu iwaħħlu mal-windscreen ċirku tond aħdar li jkun fih mill-inqas tmien ċentimetri fid-dijametru. Dan iċ-ċirku għandu jindika li huma jkunu osservaw ir-regoli tal-pulizija tal-fruntiera, ikunu qed iġorru biss merċa permessa taħt l-arranġamenti duty-free u osservaw ir-regolamenti tal-kambju.

Artikolu 4

Il-Partijiet għandhom jippruvaw jillimitaw il-ħin li jitqatta' fuq il-fruntieri komuni b'konnessjoni ma' kontrolli fuq il-ġarr ta' passiġġieri fuq l-art għall-kiri jew għall-ħlas.

Il-Partijiet għandhom ifittxu soluzzjonijiet li jippermettulhom sa l-1 ta' Jannar 1986 li jirrinunzjaw għall-kontrolli sistematiċi fuq il-fruntieri komuni tsgħhom fuq waybills tal-passiġġieri u liċenzi għall-ġarr ta' passiġġieri fuq l-art għall-kiri jew għall-ħlas.

Artikolu 5

Sa l-1 ta' Jannar 1986 kontrolli komuni għandhom jitwaqqfu f'postijiet ta' kontrolli nazzjonali sa fejn dan ma jkunx diġà il-każ u sa fejn il-kondizzjonijiet fiżiċi jkunu jippermettu. Sussegwentement għandha tingħata konsiderazzjoni lill-possibiltà li jiġu introdotti kontrolli komuni f'postijiet oħrajn ta' qsim fuq il-fruntiera, filwaqt li jitqiesu l-kondizzjonijiet lokali.

Artikolu 6

Bla preġudizzju għall-applikazzjoni ta' arranġamenti aktar favorevoli bejn il-Partijiet, dawn ta' l-aħħar għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex iħaffu ċ-ċaqliq ta' ċittadini ta' l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej residenti fir-reġjuni lokali amministrattivi tul il-fruntieri komuni bil-għan li jħalluhom jaqsmu dawk il-fruntieri f'postijiet oħrajn li ma jkunux dawk il-postijiet ta' qsim awtorizzati u barra l-hinijiet tal-ftuħ taċ-checkpoints.

Il-persuni konċernati jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-vantaġġi basta jittrasportaw biss merċa permessa taħt l-arranġamenti tad-duty-free u jikkonformaw mar-regolamenti tal-kambju.

Artikolu 7

Il-Partijiet għandhom jippruvaw iqarrbu l-politika tagħhom dwar il-viża malajr kemm jista' jkun sabiex jevitaw il-konsegwenzi negattivi fil-qasam ta' l-immigrazzjoni u s-sigurtà li jistgħu jirriżultaw mit-tnaqqis ta' kontrolli fil-fruntieri komuni. Huma għandhom jieħdu, possibilment sa l-1 ta' Jannar 1986, il-passi neċessarji sabiex japplikaw il-proċeduri tagħhom għall-ħruġ ta' viżi u dħul fit-territorju tagħhom, filwaqt li jqisu l-bżonn li jassikuraw il-protezzjoni tat-territorju kollu tal-ħames Stati kontra l-immigrazzjoni illegali u attivitajiet li jistgħu jheddu s-sigurtà.

Artikolu 8

Bil-għan li jitnaqqsu l-kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom u jaħsbu għad-differenzi sinjifikanti fil-liġijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża, il-Partijiet jaċċettaw li jikkumbattu b'mod vigoruż kontra t-traffikar illeċtu tad-droga fit-territorji tagħhom u biex jikkordinaw l-azzjoni tagħhom b'mod effettiv f'dan il-qasam.

Artikolu 9

Il-Partijiet għandhom isaħħu l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u pulizjeski tagħhom, partikolarment fil-ġlieda kontra l-kriminalità, partikolarment it-traffikar illeċtu ta' drogi narkotiċi u ta'armi, id-dħul mhux awtorizzat u residenza ta' persuni, il-frodi doganali u tat-taxxa u kutrabandu. Għal dan il-għan, skond il-liġijiet nazzjonali tagħhom, il-Partijiet għandhom jippruvaw itejbu l-bdil ta' informazzjoni u jsaħħu dak il-bdil fejn tidħol informazzjoni li tista' tiswa lill-Partijiet l-oħrajn fil-ġlieda kontra l-kriminalità.

Fil-qafas tal-liġijiet nazzjonali tagħhom, il-Partijiet għandhom isaħħu l-assistenza reċiproka fir-rigward ta' ċaqliq mhux awtorizzat ta' kapital.

Artikolu 10

Bil-għan li jassikuraw il-koperazzjoni li għaliha jipprovdu l-Artikoli 6 sa 9, laqgħat bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-partijiet għandhom jinżammu regolarment.

Artikolu 11

Fir-rigward ta' qsim tal-fruntiera bil-ġarr ta' merċa fuq l-art, il-Partijiet għandhom, mill-1 ta' Lulju 1985, jirrinunzjaw għal dawn it-tali kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom:

- kontroll ta' sewqan u perjodi ta' serħan (Regolament tal-Kunsill (EEC) Nru 543/69 tal-25 ta' Marzu 1969 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti liġijiet soċjali li jirrigwardaw it-trasport fuq l-art u AETR),

- kotrolli tal-piż u tal-qisien ta' vetturi kummerċjali; dan il-provvediment m'għandux iżomm l-introduzzjoni ta' sistemi awtomatiċi ta' użin għal spotchecks fuq il-piż,

- kontroll ta' l-istat tekniku tal-vetturi.

Għandhom jittieħdu miżuri sabiex jiġi evitat kontrollar doppju fit-territorji tal-Partijiet.

Artikolu 12

Mill-1 ta' Lulju 1985 il-kontrolli fuq dokumenti li jispjegaw operazzjonijiet ta' trasport li mhumiex qed jiġu mwettqa taħt liċenza jew kwota skond regoli Komunitarji jew bilaterali għandhom jinbidlu fil-fruntieri komuni bi spotchecks. Vetturi li jwettqu operazzjonijiet ta' trasport taħt tali arranġamenti għandhom juru simbolu viżiv f'dan is-sens meta jaqsmu l-fruntiera.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet għandhom jistabbilixxu l-karatteristiċi ta' dan is-simbolu bi ftehim komuni.

Artikolu 13

Il-Partijiet għandhom jippruvaw jarmonizzaw sa l-1 ta' Jannar 1986 is-sistemi applikabbli bejniethom għal-liċenzar ta' trasport kummerċjali fuq l-art fir-rigward tat-traffikku ta' qsim tal-fruntiera, bil-għan li jissimplifika, jiffaċilita u possibilment jibdlu l-liċenzi għall-vjaġġi ma' liċenzi għal perjodu ta' żmien, b'kontroll viżiv meta l-vetturi jaqsmu fruntieri komuni.

Il-proċeduri sabiex liċenzi għal vjaġġi jiġu konvertiti f'liċenzi għal perjodi ta' żmien għandhom jiġu miftehma fuq bażi bilaterali, billi jitqiesu r-rekwiżiti tal-ġarr fuq l-art fil-pajjiżi differenti konċernati.

Artikolu 14

Il-Partijiet għandhom ifittxu soluzzjonijiet sabiex inaqqsu l-ħinijiet ta' stennija fit-trasport ferrovjarju fuq il-fruntieri komuni ikkawżat mit-tlestija tal-formalitajiet tal-fruntiera.

Artikolu 15

Il-Partijiet għandhom jirrakkomandaw lill-kumpanniji tal-ferrovija rispettivi tagħhom:

- biex jaddattaw il-proċeduri tekniċi sabiex inaqqsu l-ħinijiet ta' waqfien fil-fruntieri komuni,

- li jagħmlu dak kollu li jistgħu sabiex japplikaw għal ċertu tipi ta' ġarr ta' merċa bil-ferrovija, li jridu jiġu definiti mill-kumpaniji ferrovjarji, sistema ta' rotot speċjali li permezz tagħha l-fruntieri komuni jkunu jistgħu jinqasmu malajr bla ebda waqfien notevoli (ferroviji tal-merkanzija b'ħinijiet ta' waqfien ridotti fuq il-fruntieri).

Artikolu 16

Il-Partijiet għandhom jarmonizzaw id-dati w l-ħinijiet tal-ftuħ ta' l-uffiċji tad-dwana għal traffiku fuq kanali navigabbli fil-fruntieri komuni.

IT-TITOLU II

MIŻURI APPLIKABBLI FUQ MEDDA TWILA TA' ŻMIEN

Artikolu 17

Rigward iċ-ċaqliq ta' persuni, il-Partijiet għandhom jippruvaw ineħħu kontrolli fi fruntieri komuni u jittrasferuhom għall-fruntieri esterni tagħhom. Għal dan il-għan, għandhom jippruvaw l-ewwel nett li jarmonizzaw, fejn ikun neċessarju, il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-projbizzjonijiet u restrizzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontrolli u jieħdu miżuri kumplimentari sabiex iħarsu s-sigurtà interna u ma jħallux l-immigrazzjoni illegali minn ċittadini ta' Stati li mhumiex membri tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 18

Il-Partijiet għandhom jibdew diskussjonijiet, partikolarment dwar il-materji li ġejjin, filwaqt li jqisu r-riżultati tal-miżuri applikabbli għal żmien qasir:

(a) tfassil ta' arranġamenti għall-koperazzjoni bejn il-pulizija fil-prevenzjoni u l-investigazzjoni tal-kriminalità;

(b) eżaminar ta' kwalunkwe diffikultajiet li jistgħu ifeġġu fl-applikazzjoni ta' ftehim dwar assistenza ġudizzjarja internazzjonali u estradizzjoni, sabiex jinstab liema huma l-aktar soluzzjonijiet addatti sabiex titjieb il-koperazzjoni bejn il-Partijiet f'dawk l-oqsma;

(ċ) tiftix ta' mezzi sabiex jiġġieldu l-kriminalità flimkien, inter alia, billi jistudjaw il-possibiltà li jintroduċu dritt ta' hot pursuit għall-uffiċjali tal-pulizija, filwaqt li jitqiesu miżuri eżistenti ta' komunikazzjoni u assistenza ġudizzjarja internazzjonali.

Artikolu 19

Il-Partijiet għandhom ifittxu li jarmonizzaw il-liġijiet u regolamenti, partikolarment dawk dwar:

- drogi narkotiċi,

- armi w esplussivi,

- ir-reġistrazzjoni tal-vjaġġaturi fil-lukandi.

Artikolu 20

Il-Partijiet għandhom jippruvaw jarmonizzaw il-politika tagħhom dwar viżi u l-kondizzjonijiet għad-dħul fit-territorji tagħhom. Sa fejn ikun neċessarju, huma għandhom ukoll iħejju l-armonizzazzjoni tar-regoli tagħhom li jirregolaw ċerti aspetti tal-liġi dwar aljeni fir-rigward ta' ċittadini ta' Stati li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea.

Artikolu 21

Il-Partijiet għandhom jieħdu inizjattivi komuni ġewwa l-Komunitajiet Ewropej:

(a) sabiex jiksbu żjieda fil-konċessjonijiet fl-iffrankar ta' dazju mogħtija lill-vjaġġaturi;

(b) fil-kuntest tal-konċessjonijiet Komunitarji sabiex ineħħu kwalunkwe restrizzjonijiet li jkun fadal fuq id-dħul fl-Istati Membri ta' merċa li l-pussess tagħha ma tkunx projbita liċ-ċittadini tagħhom.

Il-Partijiet għandhom jieħdu inizjattivi fi ħdan il-Komunitajiet Ewropej sabiex il-VAT fuq servizzi ta' trasport ta' turisti ġewwa l-Komunitajiet Ewropej tinġabar fil-pajjiż tat-tluq fuq bażi armonizzata.

Artikolu 22

Il-Partijiet għandhom jippruvaw kemm fosthom stess kif ukoll fi ħdan il-Komunitajiet Ewropej:

- iżidu l-konċessjonijiet ta' frankar ta' dazju fuq il-karburant sabiex iġibuh konformi mal-kontenut nornali ta' tankijiet tal-karburant tal-karozzi tal-linja u kowċis (600 litru),

- iqarrbu r-rati tat-taxxa fuq il-karburant u jżidu l-konċissjonijiet ta' l-iffrankar tad-dazju fuq il-kontenut normali tat-tankijiet tal-karburant tat-trakkijiet.

Artikolu 23

Fil-qasam tat-trasport tal-merċa l-Partijiet għandhom ukoll jippruvaw inaqqsu ż-żminijiet ta' waqfien u l-ammont ta' postijiet ta' waqfien f'postijiet ta' kontroll nazzjonali viċini.

Artikolu 24

Rigward iċ-ċaqliq ta' merċa, il-Partijiet għandhom ifittxu mezzi sabiex jittrasferixxi l-kontrolli li preżentement qed jitwettqu fuq il-fruntieri komuni lejn il-fruntieri esterni jew ġewwa t-territorju tagħhom.

Għal dan il-għan għandhom jieħdu, fejn jinħtieġ, inizjattivi komuni bejniethom u ġewwa l-Komunitajiet Ewropej sabiex jarmonizzaw id-dispożizzjonijiet li fuqhom huma ibbażati l-kontrolli fuq il-merċa fil-fruntieri komuni. Huma għandhom jiżguraw li dawn il-miżuri ma jaffettwawx b'mod negattiv il-protezzjoni meħtieġa għas-saħħa tal-bnedmin, l-annimali u l-pjanti.

Artikolu 25

Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw il-koperazzjoni bejniethom bil-għan li jħaffu l-ħruġ mid-dwana meta hemm qsim ta' fruntiera komuni, permezz ta' bdil sistematiku w awtomatiku tad-data neċessarja miġbura permezz tad-dokument uniku.

Artikolu 26

Il-Partijiet għandhom jeżaminaw kif it-taxxi indiretti (VAT u taxxa tas-SISA) jistgħu jkunu armonizzati fil-qafas tal-Komunitajiet Ewropej. Għal dan il-għan għandhom isostnu l-inizzjattivi meħuda mill-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 27

Il-Partijiet għandhom jiflu jekk, fuq bażi reċiproka, il-limiti fuq il-konċessjonijiet ta' frankar tad-dazju mogħtija fil-fruntieri komuni lil residenti fiz-zona tal-fruntiera, kif awtorizzati taħt il-liġi tal-Komunità, għandhomx jitneħħew.

Artikolu 28

Qabel ma jiġi konkluż xi arranġament bilaterali jew multilaterali simili għal dan il-Ftehim ma' Stati li mhumiex partijiet fih, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw bejniethom.

Artikolu 29

Dan il-Ftehim japplika wkoll għal Berlin, sakemm ma ssirx dikjarazzjoni kuntrarja mill-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Gvernijiet ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux u l-Gvern tar-Repubblika Franċiża fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 30

Il-miżuri li għalihom jipprovdi dan il-Ftehim illi m'humiex applikabbli hekk kif jidħol fis-seħħ għandhom ikunu applikati sa' l-1 ta' Jannar 1986 fir-rigward tal-miżuri li jipprovdi għalihom it-Titolu 1 u jekk ikun possibbli sa l-1 ta' Jannar 1990 fir-rigward tal-miżuri li għalihom jipprovdi t-Titolu II, sakemm ma jkunux ġewx stipulati żmenijiet oħrajn f'dan il-Ftehim.

Artikolu 31

Dan il-Ftehim għandu japplika soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 5, 6 u 8 sa 16 tal-Ftehim konkluż f'Saarbrucken fit-13 ta' Ġunju 1984 bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża.

Artikolu 32

Dan il-Ftehim għandu jiġi iffirmat mingħajr ma jkun suġġett għar-ratifikazzjoni jew approvazzjoni, jew suġġett għar-ratifikazzjoni jew approvazzjoni, segwiti mir-ratifikazzjoni u l-approvazzjoni.

Dan il-Ftehim għandu japplika proviżorjament mill-ġurnata ta' wara dik meta ġie iffirmat.

Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ 30 ġurnata wara d-depożitu ta' l-aħħar strument ta' ratifikazzjoni jew approvazzjoni.

Artikolu 33

Dan il-Ftehim għandu jiġi depożitat mill-Gvern ta' l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li għandu jgħaddi kopja iċċertifikata lil kull wieħed mill-Gvernijiet ta' l-Istati Firmatarji l-oħrajn.

Zu Urkund dessen haben die unterzeichneten Bevollmächtigten ihre Unterschriften unter dieses Übereinkommen gesetzt.

En foi de quoi, les représentants des Gouvernements dûment habilités à cet effet ont signé le présent accord.

Ten blijke waarvan de daartoe naar behoren gemachtigde vertegenwoordigers van de Regeringen dit Akkoord hebben ondertekend.

Geschehen zu Schengen (Großherzogtum Luxemburg) am vierzehnten Juni neunzehnhundertfünfundachtzig, in deutscher, französischer und niederländischer Sprache abgefaßt, wobei jeder Wortlaut gleichermaßen verbindlich ist.

Fait à Schengen (Grand-Duché de Luxembourg), le quatorze juin mil neuf cent quatre-vingt-cinq, les textes du présent accord en langues allemande, française et néerlandaise, faisant également foi.

Gedaan te Schengen (Groothertogdom Luxemburg), de veertiende juni negentienhonderdvijfentachtig, zijnde te teksten van dit Akkoord in de Duitse, de Franse en de Nederlandse taal gelijkelijk authentiek.

Pour le Gouvernement du Royaume de BelgiqueVoor de Regering van het Koninkrijk België

+++++ TIFF +++++

P. De Keersmaeker

Secrétaire d'État aux Affaires européennesStaatssecretaris voor Europese Zaken

Für die Regierung der Bundesrepublik Deutschland

+++++ TIFF +++++

Prof. Dr. W. Schreckenberger

Staatssekretär im Bundeskanzleramt

Pour le Gouvernement de la République française

+++++ TIFF +++++

C. Lalumière

Secrétaire d'État aux Affaires européennes

Pour le Gouvernement du Grand-Duché de Luxembourg

+++++ TIFF +++++

R. Goebbels

Secrétaire d'État aux Affaires étrangères

Voor de Regering van het Koninkrijk der Nederlanden

+++++ TIFF +++++

W. F. Van Eekelen

Staatssecretaris van Buitenlandse Zaken

--------------------------------------------------