9.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 28/29


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/173

tas-7 ta’ Frar 2022

dwar l-armonizzazzjoni tal-baned ta’ frekwenzi 900 MHz u 1 800 MHz għal sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni u li tħassar id-Deċiżjoni 2009/766/KE

(notifikata bid-dokument C(2022) 605)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (1),

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (id-Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-radju) (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha

Billi:

(1)

Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa tad-19 ta’ Frar 2020, is-soluzzjonijiet diġitali huma kruċjali biex jgħinu lill-Ewropa ssegwi t-triq tagħha stess lejn trasformazzjoni diġitali li taħdem għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tal-impriżi f’konformità mal-valuri tal-Unjoni. Għal dak il-għan, huwa essenzjali li: in-nies jibbenefikaw mit-teknoloġija; jiġi żgurat suq uniku mingħajr fruntieri li fih l-impriżi ta’ kull daqs ikunu jistgħu jikkompetu b’kundizzjonijiet ekwi; u jiġu segwiti il-valuri demokratiċi, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-ekonomija sostenibbli, newtrali għall-klima u effiċjenti fir-riżorsi. F’dak il-kuntest, l-ispettru tar-radju huwa riżorsa pubblika ewlenija li tintuża dejjem aktar għal firxa estensiva ta’ servizzi kummerċjali u pubbliċi.

(2)

Il-mod li bih tiġi segwita u implimentata l-politika dwar l-ispettru tar-radju fl-Unjoni huwa li jkun hemm konformità mal-libertà tal-espressjoni u jsir kontribut għaliha, inkluż il-libertà tal-opinjoni u l-libertà li tirċievi u xxerred l-informazzjoni u l-ideat, irrispettivament mill-fruntieri, kif ukoll il-libertà u l-pluralità tal-midja, f’konformità mal-valuri tal-Unjoni skont l-Artikolu 2 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. Tabilħaqq, l-aċċess għas-suq għal diversi operaturi huwa meħtieġ biex jiġu żgurati l-pluraliżmu u l-libertà tal-informazzjoni.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/766/KE (3) tarmonizza l-kundizzjonijiet tekniċi għall-użu tal-ispettru tar-radju fil-baned ta’ frekwenzi 880-915 MHz u 925-960 MHz (“banda ta’ frekwenzi 900 MHz”) u fil-baned ta’ frekwenzi 1 710-1 785MHz u 1 805-1 880 MHz (“banda ta’ frekwenzi 1 800 MHz”) għal sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni fl-Unjoni, inklużi servizzi tal-broadband bla fili. Tiżgura l-konformità mal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 87/372/KEE (4) fir-rigward tal-koeżistenza ta’ sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni ma’ sistemi globali għall-komunikazzjoni mobbli (GSM) fil-banda 900 MHz.

(4)

L-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jirrikjedi li l-Istati Membri jgħinu lill-fornituri tas-servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni biex jaġġornaw regolarment in-networks tagħhom għat-teknoloġija l-iktar reċenti u l-iktar effiċjenti, bl-għan li joħolqu d-dividendi tal-ispettru tagħhom stess f’konformità mal-prinċipji tan-newtralità tas-servizz u tat-teknoloġija. Għalhekk, l-użu tal-baned ta’ frekwenzi 900 MHz u 1 800 MHz b’daqsijiet ta’ blokok kbar ta’ mill-inqas 5 MHz b’appoġġ għas-sistemi terrestri bla fili tal-ġenerazzjoni li jmiss (5G) jenħtieġ jiġi ffaċilitat skont l-objettivi tal-qafas regolatorju tal-UE u f’konformità mal-liġi tal-UE.

(5)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv – Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits” (6) tistabbilixxi objettivi ġodda ta’ konnettività għall-Unjoni aġġornati bil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “2030 Digital Compass: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali” (7). Dawk l-objettivi għandhom jinkisbu permezz tal-varar u l-adozzjoni mifruxa ta’ networks ta’ kapaċità għolja ħafna. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “5G for Europe: an Action Plan” (8) (5G għall-Ewropa: Pjan ta’ Azzjoni) tidentifika l-ħtieġa li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni, inkluż l-identifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-ispettru għall-5G abbażi tal-opinjoni tal-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (RSPG), sabiex tiġi żgurata l-kopertura tal-5G mingħajr interruzzjoni fiż-żoni urbani kollha u fir-rotot ewlenin kollha tat-trasport terrestri sal-2025.

(6)

Fiż-żewġ opinjonijiet tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2016 (9) u tat-30 ta’ Jannar 2019 (10) dwar pjan direzzjonali strateġiku għall-ispettru lejn il-5G għall-Ewropa, l-RSPG identifika l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet tekniċi u regolatorji għall-baned kollha li diġà huma armonizzati għan-networks mobbli jkunu adattati għall-użu tal-5G, inklużi l-baned ta’ frekwenzi 900 MHz u 1 800 MHz, li bħalissa qed jintużaw fl-Unjoni fil-biċċa l-kbira għat-tieni (GSM), it-tielet (UMTS) u r-raba’ (LTE) ġenerazzjoni ta’ sistemi mobbli.

(7)

Fl-14 ta’ Lulju 2017, f’konformità mal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju, il-Kummissjoni ħarġet mandat lis-CEPT (Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet) biex tirrieżamina l-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għall-użu tal-baned ta’ frekwenzi 900 MHz u 1 800 MHz għas-servizzi elettroniċi tal-komunikazzjoni terrestri tal-broadband mingħajr fili biex ikunu jistgħu jintużaw ukoll mill-Internet tal-Oġġetti (IoT).

(8)

B’reazzjoni għal dak il-mandat, fit-13 ta’ Marzu 2018, is-CEPT adottat ir-Rapport 66 tagħha tas-CEPT, li jidentifika t-teknoloġiji tal-IoT bla fili fir-rigward tas-sistemi ta’ komunikazzjoni tal-broadband mobbli (jiġifieri ċellulari) u l-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għall-użu tagħhom fil-baned ta’ frekwenzi 900 MHz u 1 800 MHz. Dawk it-teknoloġiji tal-IoT huma GSM IoT b’Kopertura Estiża (EC-GSM-IoT), Komunikazzjonijiet bejn il-Magni LTE (LTE-MTC), Komunikazzjonijiet bejn il-Magni evoluti LTE (LTE-eMTC), u Narrowband IoT (NB-IoT). Ir-Rapport 66 tas-CEPT jikkonkludi wkoll li l-EC-GSM-IoT huwa parti integrali mis-sistema globali għall-komunikazzjoni mobbli (GSM) skont id-Direttiva 87/372/KEE. Għalhekk, l-EC-GSM-IoT jikkonforma mal-kundizzjonijiet tekniċi applikabbli għal sistema globali għall-komunikazzjoni mobbli (GSM) mingħajr il-ħtieġa li dawn il-kundizzjonijiet jiġu emendati.

(9)

Fit-12 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni ħarġet, skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju, mandat lis-CEPT biex tirrieżamina l-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għal ċerti baned ta’ frekwenzi armonizzati mill-UE, inklużi l-baned ta’ frekwenzi 900 MHz u 1 800 MHz, u biex jiġu żviluppati kundizzjonijiet tekniċi armonizzati l-inqas restrittivi xierqa għas-sistemi terrestri bla fili tal-ġenerazzjoni li jmiss (5G).

(10)

B’reazzjoni għal dak il-mandat, fil-5 ta’ Lulju 2019, is-CEPT adottat ir-Rapport 72 tagħha tas-CEPT (ir-Rapport A) li jikkonkludi li fi ħdan il-banda ta’ frekwenzi 900 MHz, is-sistemi terrestri globali għall-komunikazzjoni mobbli (GSM) u narrowband, inklużi s-sistemi ċellulari tal-IoT, se jkomplu jkunu fl-operazzjoni kummerċjali fil-futur prevedibbli. Dan ir-Rapport jistipula l-ħtieġa għal separazzjoni tal-frekwenzi ta’ 200 kHz, meta s-sistemi terrestri globali għall-komunikazzjoni mobbli (GSM) u narrowband, inklużi s-sistemi tal-IoT ċellulari, ikunu qed joperaw fil-baned ta’ frekwenzi 900 MHz u 1 800 MHz. Barra minn hekk, dan ir-Rapport jipprovdi wkoll informazzjoni dwar il-fattibbiltà tal-użu tal-baned ta’ frekwenzi 900 MHz u 1 800 MHz għall-5G, inkluż kwalunkwe limitazzjoni tad-Direttiva tas-sistema globali għall-komunikazzjoni mobbli (GSM) għall-banda 900 MHz.

(11)

Bi tweġiba għal dak il-mandat, fit-2 ta’ Lulju 2021, is-CEPT adottat ir-Rapport 80 tagħha tas-CEPT (ir-Rapport B), li jipproponi pjan ta’ baned armonizzati u l-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati l-inqas restrittivi għall-koeżistenza ta’ sistemi terrestri narrowband u broadband li kapaċi jipprovdu servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni bl-użu tal-baned ta’ frekwenzi 900 MHz u 1 800 MHz, abbażi tal-kunċett ta’ block edge mask. Dawk il-kundizzjonijiet huma essenzjali biex tiġi żgurata n-newtralità teknoloġika fil-baned ta’ frekwenzi 900 MHz u 1 800 MHz.

(12)

Ir-Rapport 80 tas-CEPT jiddefinixxi block edge mask waħda għal sistemi terrestri narrowband u broadband li jużaw sistemi ta’ antenna mhux attivi, u block edge mask oħra għal sistemi terrestri tal-broadband li jużaw sistemi ta’ antenna attivi. Il-GSM u l-EC-GSM-IoT ma humiex koperti minn dawk il-block edge masks u huma teknikament ikkaratterizzati minn referenzi għall-istandards tal-ETSI. Fuq dik il-bażi, ir-Rapport tas-CEPT 80 jipprovdi l-kundizzjonijiet tekniċi l-inqas restrittivi għall-koeżistenza ta’ sistemi terrestri differenti ta’ narrowband u broadband (11) li kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-baned ta’ frekwenzi 900 MHz u 1 800 MHz. Dan jipprovdi wkoll il-kundizzjonijiet għall-koeżistenza ta’ dawk is-sistemi mas-sistema globali għall-komunikazzjoni mobbli (GSM) fil-banda ta’ frekwenzi 900 MHz, skont id-Direttiva tal-Kunsill 87/372/KEE.

(13)

Il-block edge masks ikopru sistemi terrestri ta’ firxa narrowband b’wisa’ tal-banda tal-kanal ta’ 200 kHz, iżda jeskludu s-sistema globali għall-komunikazzjoni mobbli (GSM) u l-EC-GSM-IoT. Dawn ikopru wkoll sistemi terrestri broadband b’wisa’ tal-banda tal-kanal akbar minn 200 kHz. Id-differenzjazzjoni bejn is-sistemi terrestri ta’ narrowband u broadband hija meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ separazzjoni tal-frekwenzi f’ċerti xenarji fil-livell nazzjonali. F’dan ir-rigward, ir-Rapport 80 tas-CEPT jistabbilixxi separazzjoni tal-frekwenzi bejn it-truf nominali tal-kanali ta’ sistemi terrestri narrowband u broadband maġenb xulxin li kapaċi jipprovdu servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni kif ukoll bejn it-truf nominali tal-kanali ta’ sistemi terrestri narrowband maġenb xulxin li kapaċi jipprovdu servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni kif ukoll sistemi globali għall-komunikazzjoni mobbli (GSM) u EC-GSM-IoT. L-implimentazzjoni tas-separazzjoni tal-frekwenzi jenħtieġ li tiġi ġestita fil-livell nazzjonali. Jistgħu jiġu implimentati approċċi differenti, skont it-truf tal-ispettru ta’ sistemi terrestri maġenb xulxin kif ukoll il-politiki nazzjonali rilevanti. Ir-Rapport 80 tas-CEPT jinkludi sett ta’ għodod għall-implimentazzjoni tas-separazzjoni tal-frekwenzi.

(14)

Ir-Rapport 80 tas-CEPT jipprovdi l-kundizzjonijiet tekniċi l-inqas restrittivi għall-koeżistenza ta’ sistemi terrestri narrowband u broadband li kapaċi jipprovdu servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni b’sistemi f’baned ta’ frekwenzi maġenb xulxin, b’mod partikolari sistemi tar-Radju Mobbli tal-Ferroviji (RMR). F’dan ir-rigward, f’ċerti xenarji, tista’ tiġi applikata separazzjoni tal-frekwenzi ta’ 200 kHz bejn it-truf nominali tal-kanal ta’ sistema terrestri li kapaċi tipprovdi servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni u sistema tal-RMR, li tkun maġenb il-frekwenza. Il-koeżistenza bejn is-sistemi globali għall-komunikazzjoni mobbli (GSM) u l-RMR jenħtieġ li jiġu ġestiti fil-livell nazzjonali f’konformità mal-qafas regolatorju eżistenti.

(15)

Il-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati stabbiliti fir-Rapport 80 tas-CEPT jikkostitwixxu l-bażi teknika għal din id-Deċiżjoni. Dawn jenħtieġ li jissostitwixxu l-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati tad-Deċiżjoni 2009/766/KE, li huma bbażati fuq referenzi għall-istandards tal-ETSI, filwaqt li jiżguraw il-kompatibbiltà ma’ dawk il-kundizzjonijiet u l-emendar tagħhom. Dan mistenni li jippromwovi ċ-ċertezza legali u l-konverġenza teknika madwar l-Unjoni b’appoġġ għall-ekonomiji ta’ skala ta’ tagħmir u servizzi interoperabbli fis-suq uniku.

(16)

Id-drittijiet eżistenti tal-użu tal-ispettru fil-baned ta’ frekwenzi 900 MHz u 1 800 MHz, li huma soġġetti għad-Deċiżjoni 2009/766/KE, ivarjaw fost l-Istati Membri f’termini ta’ daqsijiet ta’ blokok assenjati, arranġamenti ta’ frekwenza jew it-tul ta’ żmien ta’ dawk id-drittijiet. Għalhekk, minħabba sitwazzjonijiet nazzjonali u objettivi ta’ politika differenti, hemm bżonn li tinżamm flessibbiltà għall-implimentazzjoni nazzjonali tal-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati skont din id-Deċiżjoni. Jenħtieġ li l-flessibbiltà nazzjonali tkun limitata fiż-żmien f’konformità mal-Artikolu 53 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), biex tippermetti t-tranżizzjoni koordinata tad-drittijiet individwali eżistenti tal-użu tal-ispettru għal dawk il-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati. Kwalunkwe dritt ġdid jew fit-tul għall-użu tal-ispettru mogħti wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jenħtieġ li jkun konformi ma’ dawk il-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati. Dan irawwem ekosistema madwar l-Unjoni kollha ta’ tagħmir u servizzi u jistimula l-użu tal-5G fiż-żewġ baned ta’ frekwenzi, kif ukoll jiżgura l-forniment kontinwu ta’ servizzi tas-sistema globali għall-komunikazzjoni mobbli (GSM) f’konformità mad-Direttiva dwar il-GSM.

(17)

Din id-Deċiżjoni jeħtieġ għalhekk tieħu post id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/766/KE. Għal raġunijiet ta’ ċarezza legali, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/766/KE jenħtieġ li titħassar. L-Anness tagħha u d-dispożizzjoni rilevanti tiegħu li jippermettu l-użu tal-ispettru fil-baned ta’ frekwenzi 900 MHz u 1 800 MHz għal sistemi oħra mhux elenkati fl-Anness jenħtieġ li jibqgħu applikabbli għal perjodu tranżizzjonali.

(18)

Ftehimiet ta’ koordinazzjoni transfruntiera fost l-Istati Membri kif ukoll bejn l-Istati Membri u pajjiżi mhux tal-UE jistgħu jkunu meħtieġa biex tiġi evitata interferenza dannuża u biex jittejbu l-effiċjenza tal-ispettru u n-nuqqas ta’ frammentazzjoni fl-użu tal-ispettru, f’konformità mal-Artikolu 28 tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

(19)

Il-kunċett tad-“deżinjazzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni” tal-banda ta’ frekwenzi 900 MHz u 1 800 MHz fil-kuntest ta’ din id-Deċiżjoni jirreferi għall-passi li ġejjin: (i) l-adattament tal-qafas legali nazzjonali dwar l-allokazzjoni tal-frekwenzi biex jinkludi l-użu maħsub ta’ dawn il-baned skont il-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, (ii) l-inizjazzjoni tal-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiġi żgurata koeżistenza mal-użu eżistenti f’dawn il-baned, sa fejn ikun meħtieġ, (iii) l-inizjazzjoni tal-miżuri xierqa, appoġġata mill-varar ta’ proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, fejn ikun xieraq, sabiex ikun permess l-użu ta’ dawn il-baned f’konformità mal-qafas ġuridiku applikabbli fil-livell tal-Unjoni, inkluż il-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati ta’ din id-Deċiżjoni.

(20)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ispettru tar-Radju,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-banda 900 MHz, f’konformità mad-Direttiva 87/372/KEE, u tal-banda 1 800 MHz, għal sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“sistema globali għall-komunikazzjoni mobbli (GSM)” tfisser network elettroniku ta’ komunikazzjonijiet kif speċifikat mill-istandards tal-ETSI, b’mod partikolari EN 301 502, EN 301 511 u EN 301 908-18, li jinkludi wkoll GSM IoT b’Kopertura Estiża (EC-GSM-IoT);

(b)

“banda 900 MHz” tfisser il-baned 880-915 MHz u 925-960 MHz;

(c)

“banda 1 800 MHz” tfisser il-baned 1 710-1 785 MHz u 1 805-1 880 MHz.

Artikolu 3

(1)   Is-sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni li jistgħu jeżistu flimkien mas-sistemi globali għall-komunikazzjoni mobbli (GSM) fil-banda 900 MHz skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 87/372/KEE għandhom ikunu konformi mal-parametri stabbiliti fl-Anness fi żmien 30 xahar mill-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(2)   L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw u jagħmlu disponibbli, fi żmien 30 xahar mill-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, fuq bażi mhux esklużiva, il-banda ta’ frekwenzi 1 800 MHz għal:

(a)

sistemi tal-GSM; u

(b)

sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni, f’konformità mal-parametri stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-ftehimiet ta’ koordinazzjoni transfruntiera biex jippermettu t-tħaddim tas-sistema globali għall-komunikazzjoni mobbli (GSM) u tas-sistemi terrestri msemmija fl-Artikolu 3(1) u 3(2)(b), filwaqt li jqisu l-proċeduri u d-drittijiet regolatorji eżistenti kif ukoll il-ftehimiet internazzjonali rilevanti, f’konformità mal-liġi tal-UE.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi terrestri msemmija fl-Artikolu 3(1) u 3(2)(b) jagħtu l-protezzjoni xierqa lil sistemi fuq baned maġenb xulxin.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom iżommu l-użu tal-baned ta’ frekwenzi 900 MHz u 1 800 MHz taħt rieżami permanenti biex jiżguraw l-użu effiċjenti tagħhom, u b’mod partikolari jirrapportaw mill-aktar fis meħtieġ lill-Kummissjoni kwalunkwe ħtieġa għal reviżjoni ta’ din id-Deċiżjoni, b’mod konformi mal-liġi tal-UE.

Artikolu 7

Id-Deċiżjoni 2009/766/KE hija b’dan imħassra. L-Artikolu 5 u l-Anness tagħha għandhom jibqgħu applikabbli għal 30 xahar mill-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Frar 2022.

Għall-Kummissjoni

Thierry BRETON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36.

(2)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/766/KE tas-16 ta’ Ottubru 2009 dwar l-armonizzazzjoni tal-meded ta’ frekwenza 900 MHz u 1 800 MHz għal sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi elettroniċi pan-Ewropej ta’ komunikazzjoni fil-Komunità (ĠU L 274, 20.10.2009, p. 32). Din id-Deċiżjoni ġiet emendata bid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2011/251/UE u (UE) 2018/637. Din l-aħħar emenda tindirizza kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għall-Internet tal-Oġġetti.

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 87/372/KEE tal-25 ta' Ġunju 1987 dwar il-firxiet ta' frekwenza li għandhom jiġu rriżervati għall-introduzzjoni kordinata ta' komunikazzjonijiet mobbli terrestri pubbliċi ċellulari diġitali pan-Ewropej fil-Komunità (87/372/KEE) (ĠU L 196, 17.7.1987, p. 85). Din id-Direttiva emendatha d-Direttiva 2009/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(5)  Id-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (ĠU L 81, 21.3.2012, p. 7).

(6)  COM(2016)587.

(7)  COM(2021) 118 final.

(8)  COM(2016)588.

(9)  Id-Dokument RSPG16-032 final tad-9 ta’ Novembru 2016, Strategic roadmap towards 5G for Europe: opinion on spectrum related aspects for next-generation wireless systems (5G) (RSPG 1st opinion on 5G).

(10)  Id-dokument RSPG19-007 final tat-30 ta’ Jannar 2019, Strategic Spectrum Roadmap Towards 5G for Europe: opinion on 5G implementation challenges (RSPG 3rd opinion on 5G).

(11)  Inkluż l-UMTS, f’konformità mal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 87/372/KEE.

(12)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).


ANNESS

“ANNESS

PARAMETRI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3

1.   Definizzjonijiet

Sistemi ta’ antenni attivi (AAS attivi) tfisser stazzjon bażi u sistema ta’ antenna fejn l-amplitudni u/jew il-fażi bejn l-elementi tal-antenna jiġu aġġustati kontinwament, fejn jirriżultaw f’mudell tal-antenna li jvarja skont il-bidliet fi żmien qasir fl-ambjent tar-radju. Dan jeskludi t-tiswir ta’ raġġi fit-tul bħall-inklinazzjoni elettrika fissa dixxendenti. Fl-istazzjonijiet bażi AAS attivi, is-sistema ta’ antenna tiġi integrata bħala parti mis-sistema jew mill-prodott tal-istazzjon bażi.

Sistemi ta’ antenni mhux attivi (AAS mhux attivi) tfisser stazzjon bażi u sistema ta’ antenna li jipprovdu konnettur wieħed tal-antenna jew iktar, li jkunu konnessi ma’ element passiv tal-antenna wieħed jew iktar iddisinjat(i) b’mod separat biex il-mewġ tar-radju jiġi rradjat. L-amplitudni u l-fażi tas-sinjali lill-elementi tal-antenna ma jiġux aġġustati kontinwament skont il-bidliet fi żmien qasir fl-ambjent tar-radju.

Potenza rradjata iżotropikament ekwivalenti (EIRP) hija l-multiplikazzjoni tal-potenza fornuta lill-antenna bil-gwadann tal-antenna f’direzzjoni partikolari relattiva għal antenna iżotropika (gwadann assolut jew iżotropiku).

Potenza rradjata totali (TRP) hija unità ta’ kejl tal-ammont ta’ potenza rradjata minn antenna kompożita. Din hija daqs l-input tal-potenza kondotta totali fis-sistema tal-array tal-antenna wara t-tnaqqis ta’ kwalunkwe telf fis-sistema tal-array tal-antenna. TRP tfisser il-parti integrali tal-potenza trażmessa f’direzzjonijiet differenti tul l-isfera sħiħa tar-radjazzjoni kif muri fil-formula:

Image 1

fejn P(θ,φ) hija l-potenza rradjata minn sistema tal-array ta’ antenna fid-direzzjoni (θ,φ) mogħtija bil-formula:

Image 2

fejn PTx tirrappreżenta l-potenza kondotta (imkejla f’Watts), li tiddaħħal fis-sistema tal-array, u g(θ,φ) tirrappreżenta l-gwadann direzzjonali tas-sistema tal-array tul id-direzzjoni (θ, φ).

Sistema narrowband hija sistema terrestri li kapaċi tipprovdi servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika li joperaw f’kanal ta’ 200 kHz (1), minbarra kwalunkwe sistema globali għall-komunikazzjoni mobbli (GSM).

Sistema broadband hija sistema terrestri li kapaċi tipprovdi servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika li joperaw f’kanal ta’ aktar minn 200 kHz (2).

2.   Arranġament tal-frekwenzi

Fil-banda ta’ 900 MHz, l-arranġament tal-frekwenzi għandu jkun kif ġej:

(1)

Il-modalità duplex tal-operat għandha tkun Duplex tad-Diviżjoni tal-Frekwenzi (FDD). L-ispazjar tad-duplex għandu jkun 45 MHz bit-trażmissjoni tal-istazzjon terminali (“l-uplink tal-FDD ta’ 900 MHz”) li tkun tinsab fin-naħa ta’ isfel tal-banda li tibda b’880 MHz u li tispiċċa b’915 MHz (“il-banda ta’ isfel ta’ 900 MHz”) u bit-trażmissjoni tal-istazzjon bażi (“id-downlink tal-FDD ta’ 900 MHz”) tkun tinsab fin-naħa ta’ fuq tal-banda li tibda b’925 MHz u li tispiċċa fuq 960 MHz (“il-banda ta’ fuq ta’ 900 MHz”).

(2)

Id-daqs tal-blokka assenjata għandu ġeneralment jipprovdi l-opportunità ta’ aċċess ta’ mill-inqas 5 MHz ta’ spettru kontigwu. Jekk jiġu assenjati daqsijiet ta’ blokok iżgħar, dawn għandhom ikunu f’multipli ta’ 200 kHz.

(3)

Il-banda ta’ isfel ta’ 900 MHz jew porzjonijiet tagħha, tista’ tintuża għal tħaddim uplink biss (3) mingħajr spettru akkoppjat fil-banda ta’ fuq ta’ 900 MHz.

(4)

Il-banda ta’ fuq ta’ 900 MHz, jew porzjonijiet tagħha, tista’ tintuża għal tħaddim downlink biss (4) mingħajr spettru akkoppjat fil-banda ta’ isfel ta’ 900 MHz.

(5)

It-trażmissjoni tal-istazzjon bażi u tal-istazzjon terminali għandha tkun konformi mal-kundizzjonijiet tekniċi speċifikati fit-Taqsimiet 4, 5 u 6, rispettivament.

Fil-banda ta’ 1 800 MHz, l-arranġament tal-frekwenzi għandu jkun kif ġej:

(6)

Il-modalità tal-operat duplex għandha tkun Duplex bid-Diviżjoni tal-Frekwenzi (FDD). L-ispazjar tad-duplex għandu jkun 95 MHz bit-trażmissjoni tal-istazzjon terminali (“l-uplink tal-FDD ta’ 1 800 MHz”) li tkun tinsab fin-naħa ta’ isfel tal-banda li tibda b’1 710 MHz u li tispiċċa b’1 785 MHz (“il-banda ta’ isfel ta’ 1 800 MHz”) u bit-trażmissjoni tal-istazzjon bażi (“id-downlink tal-FDD ta’ 1 800 MHz”) tkun tinsab fin-naħa ta’ fuq tal-banda li tibda b’1 805 MHz u li tispiċċa fuq 1 880 MHz (“il-banda ta’ fuq ta’ 1 800 MHz”).

(7)

Id-daqs tal-blokka assenjata għandu ġeneralment jipprovdi l-opportunità ta’ aċċess ta’ mill-inqas 5 MHz ta’ spettru kontigwu. Jekk jiġu assenjati daqsijiet ta’ blokok iżgħar, dawn għandhom ikunu f’multipli ta’ 200 kHz.

(8)

Il-banda ta’ isfel ta’ 1 800 MHz jew porzjonijiet tagħha, tista’ tintuża għal tħaddim uplink biss4 mingħajr spettru akkoppjat fil-banda ta’ fuq ta’ 1 800 MHz.

(9)

Il-banda ta’ fuq ta’ 1 800 MHz, jew porzjonijiet tagħha, tista’ tintuża għal tħaddim downlink biss5 mingħajr spettru akkoppjat fil-banda ta’ isfel ta’ 1 800 MHz.

(10)

It-trażmissjoni tal-istazzjon bażi u tal-istazzjon terminali għandha tkun konformi mal-kundizzjonijiet tekniċi speċifikati fit-Taqsimiet 4, 5 u 6, rispettivament.

3.   Separazzjoni tal-frekwenzi

Is-separazzjonijiet tal-frekwenzi huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-koeżistenza fin-nuqqas ta’ ftehimiet bilaterali jew multilaterali ta’ koordinazzjoni tal-frekwenza bejn sistemi maġenb xulxin, mingħajr ma jiġu evitati parametri tekniċi inqas stretti jekk ikun hemm qbil bejn l-operaturi ta’ tali sistemi.

Fin-nuqqas ta’ koordinazzjoni tal-frekwenzi, għandha tiġi applikata separazzjoni tal-frekwenza ta’ 200 kHz bejn it-truf nominali tal-kanal ta’ sistemi kontigwi kif ġej:

(1)

sistema narrowband u sistema broadband, li t-tnejn huma konformi mal-block edge mask (5);

(2)

żewġ tipi differenti ta’ sistemi narrowband, it-tnejn li huma konformi mal-block edge mask;

(3)

sistema tal-GSM, u jew sistema narrowband jew sistema broadband, li t-tnejn huma konformi mal-block edge mask.

Fil-każ ta’ sistema narrowband li topera fil-modalità tal-banda ta’ protezzjoni (6) ta’ sistema broadband rilevanti, għandha tiġi applikata separazzjoni tal-frekwenza ta’ 200 kHz jew aktar bejn it-tarf tal-kanal ta’ dik is-sistema narrowband u t-tarf tal-blokka tal-operatur, filwaqt li jitqiesu l-baned ta’ protezzjoni eżistenti bejn it-truf tal-blokok tal-operaturi jew it-tarf tal-banda operattiva (maġenb il-frekwenza ta’ servizzi oħra). Dik is-sistema narrowband għandha topera biss f’meded ta’ baned tal-kanali tas-sistema broadband rilevanti ta’ 10 MHz jew ogħla.

Skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali fir-rigward tal-varar ta’ sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u sistemi ferrovjarji mobbli tar-radju (7), tista’ tiġi applikata separazzjoni tal-frekwenzi ta’ 200 kHz bejn it-truf nominali tal-kanal ta’ dawk is-sistemi fil-fruntiera tal-frekwenza ta’ 925 MHz fil-każijiet li ġejjin:

(a)

sistema tar-radju mobbli ferrovjarja li topera f’kanal ta’ 200 kHz, li tkun maġenb il-frekwenza ta’ sistema broadband;

(b)

sistema tar-radju mobbli ferrovjarja li topera f’kanal ta’ aktar minn 200 kHz, li tkun maġenb il-frekwenza ta’ sistema narrowband;

(c)

sistema tar-radju mobbli ferrovjarja li topera f’kanal ta’ 200 kHz, li tkun maġenb il-frekwenza ta’ sistema narrowband ta’ tip differenti.

L-implimentazzjoni tas-separazzjoni tal-frekwenza ta’ 200 kHz għandha tiġi mmaniġġjata fil-livell nazzjonali (8), bil-għan li jiġi żgurat użu effiċjenti tal-ispettru.

4.   Il-kundizzjonijiet tekniċi għall-istazzjonijiet bażi — block edge mask

Il-parametri tekniċi għal stazzjonijiet bażi, imsejħin block edge mask (BEM) stabbiliti f’din it-taqsima, huma essenzjali biex tiġi żgurata l-koeżistenza bejn networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi maġenb xulxin fin-nuqqas ta’ ftehimiet bilaterali jew multilaterali bejn operaturi ta’ tali networks maġenb xulxin. Il-BEMs huma relatati mal-kundizzjonijiet tekniċi marbuta mad-drittijiet tal-użu tal-ispettru tar-radju u mal-evitar ta’ interferenza bejn l-utenti tal-ispettru tar-radju li jibbenefikaw minn tali drittijiet.

L-operaturi ta’ networks elettroniċi ta’ komunikazzjoni fil-baned ta’ frekwenzi 900 MHz jew 1 800 MHz jistgħu jaqblu, fuq bażi bilaterali jew multilaterali, fuq parametri tekniċi inqas stretti dment li jkomplu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tekniċi applikabbli għall-protezzjoni ta’ servizzi oħra, applikazzjonijiet jew networks u mal-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn koordinazzjoni transfruntiera.

BEM hija maskra tal-emissjonijiet li tiddefinixxi l-livelli tal-potenza bħala funzjoni tal-frekwenza relattiva għat-tarf ta’ blokka ta’ spettru assenjat (jew liċenzjat) lil operatur. Din tikkonsisti f’diversi elementi kif muri fit-Tabella 1.

Il-limitu tal-potenza tal-linja bażi jiżgura li l-ispettru ta’ operaturi oħrajn jew fi ħdan il-banda ta’ frekwenzi ta’ 900 MHz jew ta’ 1 800 MHz ikun protett. Il-limitu tal-potenza tal-linja bażi addizzjonali huwa limitu barra mill-banda, li jiżgura li l-ispettru għas-servizzi u l-applikazzjonijiet barra mill-banda ta’ frekwenzi ta’ 900 MHz jew 1 800MHz jkun protett. Il-limitu tal-potenza tar-reġjun tranżizzjonali jippermetti li jsir roll-off tal-livelli tal-potenza minn ġewwa l-blokka għal-limitu tal-potenza tal-linja bażi u jiżgura koeżistenza ma’ operaturi oħrajn fi blokok maġenb xulxin.

Il-BEMs stabbiliti f’dan l-Anness ma japplikawx għas-sistemi globali għall-komunikazzjoni mobbli (GSM).

Tabella 1

Definizzjoni tal-elementi tal-BEM

Element tal-BEM

Definizzjoni

Ġewwa l-blokka

Blokka tal-ispettru assenjat li għaliha tiġi derivata l-BEM.

Linja bażi

L-ispettru fi ħdan il-banda ta’ frekwenzi ta’ 900 MHz jew ta’ 1 800 MHz użat għal sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, li ma jinkludix il-blokka tal-operatur li qed jiġi kkunsidrat u r-reġjuni tranżizzjonali korrispondenti.

Reġjun tranżizzjonali

Spettru maġenb blokka tal-operatur.

Linja bażi addizzjonali

L-ispettru fil-baned maġenb il-banda ta’ frekwenzi ta’ 900 MHz jew ta’ 1 800 MHz, fejn japplikaw limiti ta’ potenza speċifiċi għall-protezzjoni ta’ servizzi oħrajn.

L-Illustrazzjoni 1 turi BEM ġenerali applikabbli jew għall-banda ta’ frekwenzi ta’ 900 MHz jew għall-banda ta’ frekwenzi ta’ 1 800 MHz.

Image 3

Il-limiti tal-potenza huma pprovduti b’mod separat għall-AAS mhux attivi u għall-AAS attivi. Għall-AAS mhux attivi, il-limiti tal-potenza japplikaw għall-EIRP medja; għall-AAS attivi, japplikaw għat-TRP medja. L-EIRP medja jew it-TRP medja jitkejlu skont il-medja f’intervall ta’ ħin u tul-wisa’ tal-banda tal-frekwenza. Fid-dominju tal-ħin, l-EIRP medja jew it-TRP medja jitkejlu skont il-medja tal-porzjonijiet attivi tal-emissjonijiet tas-sinjal u jikkorrispondu għal funzjonalità unika tal-kontroll tal-potenza. Fid-dominju tal-frekwenzi, l-EIRP medja jew it-TRP medja jitkejlu fuq wisa’ tal-banda tal-frekwenzi kif mogħtija fit-Tabelli 3, 4 u 5 ta’ hawn taħt. B’mod ġenerali, u sakemm ma jiġix iddikjarat mod ieħor, il-livelli tal-potenza tal-BEM jikkorrispondu għall-potenza aggregata rradjata mill-apparat rilevanti, inkluż l-antenni tat-trażmissjoni kollha, għajr fil-każ ta’ limiti tal-potenza tal-linja bażi, ta’ tranżizzjoni u ta’ bażi addizzjonali għall-istazzjonijiet bażi AAS mhux attivi, li huma speċifikati għal kull antenna.

Il-kundizzjonijiet tekniċi għall-istazzjonijiet bażi AAS mhux attivi japplikaw għas-sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika bl-użu tal-baned ta’ frekwenzi kemm ta’ 900 MHz kif ukoll ta’ 1 800 MHz. Il-kundizzjonijiet tekniċi għall-istazzjonijiet bażi ta’ AAS attivi japplikaw għal sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika li jużaw il-banda ta’ frekwenzi ta’ 1 800 MHz. L-istazzjonijiet bażi ta’ AAS attivi ma għandhomx jintużaw fil-banda ta’ frekwenzi ta’ 900 MHz.

It-tagħmir li jopera jew fil-banda ta’ frekwenzi 900 MHz jew ta’ 1 800 MHz jista’ wkoll juża parametri tekniċi għajr dawk stabbiliti hawn taħt, dment li jiġu applikati tekniki ta’ mitigazzjoni xierqa. Dawn it-tekniki ta’ mitigazzjoni jridu jikkonformaw mad-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u jridu joffru mill-inqas livell ekwivalenti ta’ protezzjoni għal dak previst mir-rekwiżiti essenzjali ta’ dik id-Direttiva.

Tabella 2

Il-limiti tal-potenza ġewwa l-blokka għall-istazzjonijiet bażi AAS mhux attivi u AAS attivi

Element tal-BEM

Limitu tal-EIRP għall-AAS mhux attivi

Limitu tat-TRP għall-AAS attivi (għall-banda ta’ frekwenzi 1 800 MHz biss)

Ġewwa l-blokka

Mhux obbligatorju.

Jekk Stat Membru jistabbilixxi limitu massimu, jista’ jiġi applikat valur ta’ bejn 63 dBm/(5 MHz) u 67 dBm/(5 MHz) għal kull antenna għal sistema broadband, u valur ta’ bejn 60 dBm/(200 kHz) u 69 dBm/(200 kHz) għal kull antenna għal sistema narrowband.

Mhux obbligatorju.

F’każ li jiġi stabbilit limitu superjuri minn Stat Membru, jista’ jiġi applikat valur ta’ 58 dBm/(5 MHz) għal kull ċellola (*1).

Nota ta’ spjegazzjoni għat-Tabella 2

Għal postijiet fejn tapplika proċedura ta’ koordinazzjoni ma’ servizzi maġenb xulxin, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limitu massimu għall-potenza rradjata.

Tabella 3

Il-limiti tal-potenza tal-linja bażi għall-istazzjonijiet bażi AAS mhux attivi u AAS attivi

Element tal-BEM

Medda tal-frekwenza

Limitu massimu tal-EIRP medja għan-non AAS attivi għal kull antenna

Limitu massimu tat-TRP medja tal-AAS attivi għal kull ċellola (għall-banda ta’ frekwenzi 1 800 MHz biss) (*2)

Linja bażi

Blokok tad-downlink tal-FDD

+ 3 dBm/MHz

- 6 dBm/MHz


Tabella 4

Limiti tal-potenza tar-reġjun tranżizzjonali għall-istazzjonijiet bażi AAS mhux attivi u AAS attivi

Element tal-BEM

Medda tal-frekwenza

Limitu massimu tal-EIRP medja għall-AAS mhux attivi għal kull antenna  (*3)

Limitu massimu tat-TRP medja tal-AAS attivi għal kull ċellola (għall-banda ta’ frekwenzi 1 800 MHz biss) (*4)

Reġjun tranżizzjonali

0 sa 0,2 MHz ikkumpensata (offset) mit-tarf tal-blokka

32,4 dBm/(0,2 MHz)

17,4 dBm/(0,2 MHz)

0,2 sa 1 MHz ikkumpensata (offset) mit-tarf tal-blokka

13,8 dBm/(0,8 MHz)

4,7 dBm/(0,8 MHz)

1 sa 5 MHz ikkumpensata (offset) mit-tarf tal-blokka

5 dBm/MHz

-4 dBm/MHz

5 sa 10 MHz ikkumpensata (offset) mit-tarf tal-blokka

12 dBm/(5 MHz)

3 dBm/(5 MHz)


Tabella 5

Il-limitu addizzjonali tal-potenza tal-linja bażi għall-istazzjonijiet bażi AAS attivi

Element tal-BEM

medda ta’ frekwenzi applikabbli

Limitu massimu tal-EIRP medja għan-AAS mhux attivi għal kull antenna  (*5)  (*6)

Linja bażi addizzjonali

0 sa 0,2 MHz ikkumpensata (offset) mit-tarf tal-blokka

32,4 dBm/(0,2 MHz)

0,2 sa 1 MHz ikkumpensata (offset) mit-tarf tal-blokka

13,8 dBm/(0,8 MHz)

1 sa 5 MHz ikkumpensata (offset) mit-tarf tal-blokka

5 dBm/MHz

5 sa 10 MHz ikkumpensata (offset) mit-tarf tal-blokka

12 dBm/(5 MHz)

> 10 MHz ikkumpensata (offset) mit-tarf tal-blokka (*7)

3 dBm/MHz

Nota ta’ spjegazzjoni għat-Tabella 5

It-tabella 5 tapplika biss għad-dominju ’l barra mill-banda skont il-Figura 1 u t-Tabella 1. Dan jimplika li l-medda ta’ frekwenzi applikabbli taqa’ kompletament fi ħdan id-dominju ’l barra mill-banda.

Għall-istazzjonijiet bażi AAS attivi, il-limiti ta’ barra mill-blokka mogħtija fit-Tabelli 3 u 4 japplikaw ukoll għad-dominju ta’ barra mill-banda, fil-medda ta’ 0 sa 10 MHz mit-tarf tal-banda, kif jixraq, b’qies tal-pożizzjoni tal-blokka tal-ispettru assenjata.

5.   Kundizzjonijiet oħrajn

Id-dominju tal-emissjonijiet foloz (spurious) għall-istazzjonijiet bażi fil-baned ta’ frekwenzi ta’ 900 MHz u ta’ 1 800 MHz jibda bi spazju ta’ frekwenza ta’ 10 MHz mit-tarf rispettiv tal-banda (10).

Is-sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika li jużaw AAS attivi ma għandhomx jingħataw aktar protezzjoni minn sistemi f’baned maġenb xulxin minn sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika b’AAS mhux attivi.

6.   Kundizzjonijiet tekniċi għal stazzjonijiet terminali

L-istazzjonijiet terminali tal-AAS attivi ma għandhomx jintużaw fil-baned ta’ frekwenzi 900 MHz jew 1 800 MHz.

Tabella 6

Limitu tal-potenza ġewwa l-blokka għall-istazzjonijiet terminali

Element tal-BEM

Limitu massimu tal-potenza medja  (*8)

Ġewwa l-blokka

25 dBm (*9)


(1)  Eżempju ta’ sistema bħal din huwa l-NB-IoT.

(2)  Eżempji ta’ sistemi bħal dawn huma: L-LTE, inklużi l-komunikazzjonijiet bejn magna u oħra LTE u l-komunikazzjonijiet bejn magna u oħra evoluti: UMTS; WiMAX; 5G New Radio.

(3)  Bħal uplink supplimentari.

(4)  Bħal downlink supplimentari.

(5)  Irreferi għat-Taqsima 4 ta’ dan l-Anness.

(6)  Jiġifieri fil-ġenb ta’ blokka ta’ frekwenzi użata għas-sistema broadband.

(7)  Ir-radju mobbli ferrovjarju jinkludi s-Sistema Globali għall-Komunikazzjoni Mobbli - Ferrovjarja (GSM-R) u s-suċċessuri tagħha, inkluża s-Sistema ta’ Komunikazzjoni Mobbli Ferrovjarja Futura (FRMCS). L-ispettru armonizzat għas-sistemi tar-radju mobbli ferrovjarji huwa soġġett għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1730.

(8)  Ir-Rapport 80 tas-CEPT fih sett ta’ għodod għall-implimentazzjoni ta’ separazzjoni tal-frekwenza bejn sistemi terrestri differenti li kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika.

(9)  Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).

(*1)  Fi stazzjon bażi multisettorjali, il-limitu tal-potenza rradjata japplika għal kull wieħed mis-setturi individwali.

(*2)  Fi stazzjon bażi multisettorjali, il-limitu tal-potenza rradjata japplika għal kull wieħed mis-setturi individwali.

(*3)  Il-limiti tal-EIRP AAS mhux attivi jistgħu jiġu llaxkati fil-livell nazzjonali, jew jekk ikun hemm qbil bejn l-operaturi affettwati kollha tas-sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jew f’konformità mal-implimentazzjoni nazzjonali diġà fis-seħħ.

(*4)  Fi stazzjon bażi multisettorjali, il-limitu tal-potenza rradjata japplika għal kull wieħed mis-setturi individwali.

(*5)  Dment li s-servizzi, l-applikazzjonijiet u n-networks maġenb xulxin jibqgħu protetti ’l fuq minn 960 MHz, taħt 1 805 MHz u ’l fuq minn 1 880 MHz, jistgħu jiġu applikati limiti ogħla ta’ EIRP għal stazzjonijiet bażi AAS mhux attivi fuq bażi ta’ każ b’każ fil-livell nazzjonali. Jiġifieri, (a) il-limiti tal-EIRP sa 6 dB ogħla huma permessi fil-banda ta’ 0 sa 0,2 MHz mit-tarf tal-banda sabiex jappoġġaw il-potenza kondotta ġewwa l-blokka ta’ sistema narrowband ogħla minn 49 dBm/(200 kHz) (jiġifieri sa 55 dBm/(200 kHz)), (b) il-limiti tal-EIRP sa 11 dB ogħla huma permessi fil-medda ta’ 0 sa 10 MHz mit-tarf tal-banda biex jappoġġjaw gwadann ogħla tal-antenna minn 18 dBi (jiġifieri sa 29 dBi).

(*6)  Dment li s-servizzi, l-applikazzjonijiet u n-networks maġenb xulxin jibqgħu protetti taħt 925 MHz, jistgħu jiġu applikati limiti ogħla tal-EIRP għal stazzjonijiet bażi AAS mhux attivi fuq bażi ta’ każ b’każ fil-livell nazzjonali.

(*7)  Il-valur falz (spurious) fit-Taqsima 5 japplika għal spazjar tal-frekwenza ta’ aktar minn 10 MHz mit-tarf tal-banda.

(10)  Il-limiti rilevanti huma pprovduti fir-Rakkomandazzjoni tal-ERC 74-01.

(*8)  Il-limitu tal-potenza rrakkomandat hawn fuq għall-istazzjonijiet terminali mobbli huwa speċifikat bħala TRP. Il-limitu tal-potenza rradjata ġewwa l-blokka għall-istazzjonijiet terminali fissi/nomadiċi jista’ jiġi miftiehem fuq bażi nazzjonali dment li l-protezzjoni ta’ servizzi, networks u applikazzjonijiet oħra ma tkunx kompromessa u jiġu ssodisfati l-obbligi transfruntiera.

(*9)  Huwa magħruf li dan il-valur jinkludi possibbilment tolleranza ta’ mhux aktar minn +2 dB, biex jitqies it-tħaddim f’kundizzjonijiet ambjentali estremi u l-firxa tal-produzzjoni. Dan il-valur ma jinkludix it-tolleranza tat-test.