18.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 57/1


REGOLAMENT (UE) 2021/240 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-10 ta’ Frar 2021

li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 u l-Artikolu 197(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Skont l-Artikoli 120 u 121 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Istati Membri huma meħtieġa jwettqu l-politiki ekonomiċi tagħhom bil-ħsieb li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni u fil-kuntest tal-linji gwida ġenerali li l-Kunsill jifformula. L-Artikolu 148 TFUE jirrikjedi lill-Istati Membri jimplimentaw politiki dwar l-impjiegi li jqisu linji gwida għall-impjieg imfasslin mill-Kunsill. Il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri hija għalhekk kwistjoni ta’ tħassib komuni.

(2)

L-Artikolu 175 tat-TFUE jirrikjedi, fost l-oħrajn, lill-Istati Membri jikkoordinaw il-politiki ekonomiċi tagħhom b’tali mod li jiksbu l-għanijiet dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali stabbiliti fl-Artikolu 174 tiegħu.

(3)

It-tifqigħa tal-COVID-19 fil-bidu tal-2020 bidlet il-perspettiva ekonomika u soċjali għas-snin li ġejjin fl-Unjoni u fid-dinja. Fl-Unjoni, tfaċċaw prijoritajiet ġodda, marbuta mal-kriżi, li jiffokaw speċifikament fuq l-irkupru u r-reżiljenza. Dawk il-prijoritajiet jeħtieġu reazzjoni urġenti u kkoordinata mill-Unjoni sabiex tlaħħaq mal-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u tas-saħħa għall-Istati Membri kif ukoll biex jittaffew l-effetti negattivi soċjali u ekonomiċi. In-nisa, b’mod partikolari, intlaqtu pjuttost ħażin mill-konsegwenzi ekonomiċi tal-kriżi tal-COVID-19. Il-kriżi tal-COVID-19, kif ukoll il-kriżi ekonomika u finanzjarja preċedenti, uriet li l-iżvilupp ta’ ekonomiji u sistemi finanzjarji sodi u reżiljenti mibnija fuq strutturi ekonomiċi u soċjali b’saħħithom u sostenibbli jgħin lill-Istati Membri jirreaġixxu b’mod aktar effiċjenti għax-xokkijiet u jirkupraw minnhom aktar malajr. Intwera wkoll b’mod ċar il-bżonn ta’ tħejjija tas-sistemi tas-saħħa, tas-servizzi pubbliċi essenzjali u tal-mekkaniżmi effettivi ta’ protezzjoni soċjali. Għalhekk, ir-riformi u l-investimenti li jsaħħu t-tkabbir, sostenibbli, intelliġenti u soċjalment responsabbli, politiki fiskali sodi u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja biex jirrispondu għall-isfidi l-ġodda, jindirizzaw id-dgħufijiet strutturali ekonomiċi u jsaħħu r-reżiljenza se jkunu essenzjali biex l-ekonomija u s-soċjetà jerġgħu jaqbdu t-triq lejn irkupru sostenibbli u biex jegħlbu d-diverġenzi ekonomiċi fl-Unjoni. Dan għandu jsir fl-interess tal-benessri taċ-ċittadini tal-Unjoni u f’konformità mal-prinċipji tad-drittijiet fundamentali.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2017/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) stabbilixxa l-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perjodu mill-2017 sal-2020, b’baġit ta’ EUR 142 800 000 fil-ħin tal-adozzjoni. Il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali ġie stabbilit biex isaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri li jħejju u jimplimentaw riformi amministrattivi u strutturali li jsostnu t-tkabbir, fosthom permezz ta’ għajnuna għall-użu effiċjenti u effettiv tal-fondi tal-Unjoni. L-appoġġ tekniku taħt il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali huwa pprovdut mill-Kummissjoni, b’talba minn Stat Membru, u jista’ jkopri firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika. Dan ir-Regolament huwa mfassal bħala kontinwazzjoni ta’ dak il-programm, li l-Istati Membri rċevew b’mod pożittiv, filwaqt li jinkorpora l-aġġustamenti rilevanti.

(5)

L-Istati Membri użaw dejjem aktar l-appoġġ tekniku fl-ambitu tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi strument ta’ appoġġ tekniku bil-għan li jkompli u jsaħħaħ l-appoġġ għall-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-riformi (l-“Istrument”.

(6)

Fil-livell tal-Unjoni, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika huwa l-qafas li jidentifika l-isfidi u l-prijoritajiet nazzjonali ta’ riforma u jimmonitorja l-implimentazzjoni ta’ dawk il-prijoritajiet. L-Istati Membri jiżviluppaw ukoll strateġiji ta’ investiment pluriennali nazzjonali tagħhom stess b’appoġġ għal dawk il-prijoritajiet, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Dawk l-istrateġiji huma ppreżentati flimkien mal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma annwali bħala mod biex jippreżentaw u jikkoordinaw prijoritajiet biex jiġu appoġġati minn finanzjament nazzjonali jew tal-Unjoni. Jenħtieġ li jservu wkoll bħala mezz biex il-finanzjament tal-Unjoni jintuża b’mod koerenti u biex jiġi massimizzat il-valur miżjud tal-appoġġ finanzjarju li għandu jasal, b’mod partikolari mill-programmi appoġġati mill-Unjoni permezz tal-fondi strutturali u ta’ koeżjoni u minn programmi oħra. Fir-rigward tal-isfidi identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, l-Istrument ikollu valur miżjud ċar biex jassisti lill-Istati Membri biex isaħħaħ il-kapaċità tagħhom biex jindirizzaw b’mod effettiv ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

(7)

B’riflessjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala l-istrateġija tat-tkabbir tal-Unjoni u t-traduzzjoni tal-impenji tal-Unjoni biex timplimenta il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, l-istrument se jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, biex jintegra l-azzjonijiet klimatiċi u biex tinkiseb il-mira ġenerali li 30 % tan-nefqa tal-baġit tal-Unjoni tkun tappoġġa objettivi klimatiċi u l-ambizzjoni li mill-2024 jiġi allokat 7,5 % u fl-2026 u fl-2027 jiġi allokat 10 % tal-infiq annwali tal-QFP għall-objettivi tal-bijodiversità, filwaqt li jitqiesu d-duplikazzjonijiet eżistenti bejn l-għanijiet dwar il-klima u dawk dwar il-bijodiversità. Jenħtieġ li jiġu identifikati l-azzjonijiet rilevanti matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-istrument, u vvalutati mill-ġdid fil-kuntest tal-proċessi tal-evalwazzjonijiet u ta’ rieżami rilevanti. L-istrument jenħtieġ li jindirizza wkoll sfidi ambjentali u soċjali usa’ fi ħdan l-Unjoni, inkluża l-protezzjoni tal-kapital naturali, il-preservazzjoni tal-bijodiversità u l-appoġġ għall-ekonomija ċirkolari u t-tranżizzjoni enerġetika, f’konformità mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. L-Istrument jenħtieġ li jappoġġa wkoll it-tranżizzjoni diġitali u jikkontribwixxi għall-ħolqien tas-Suq Uniku Diġitali.

(8)

L-objettiv ġenerali tal-istrument jenħtieġ li jkun li jippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni billi jappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex jimplimentaw riformi. Dan huwa meħtieġ biex jitħeġġu l-investimenti pubbliċi u privati, jiġi appoġġat l-irkupru ekonomiku u soċjali sostenibbli u ġust u l-konverġenza, tinkiseb ir-reżiljenza, jitnaqqsu l-faqar u l-inugwaljanzi, tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, tiżdied il-kompetittività, jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi adottati u jiġi implimentat id-dritt tal-Unjoni. Dan huwa meħtieġ ukoll biex jiġu appoġġati l-isforzi tal-Istati Membri biex isaħħu l-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva u l-qafas ġudizzjarju tagħhom, inkluż fil-livell reġjonali u lokali, u l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw objettivi ta’ politika li jiffaċilitaw tranżizzjonijiet soċjalment inklużivi, ekoloġiċi u diġitali, f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, il-miri tal-klima u tal-enerġija tal-Unjoni għall-2030 u l-mira tan-newtralità klimatika sal-2050, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(9)

L-objettivi speċifiċi tal-istrument jenħtieġ li jikkonsistu fl-assistenza lill-awtoritajiet nazzjonali fl-isforzi tagħhom biex ifasslu, jiżviluppaw u jimplimentaw riformi u jħejju, jemendaw, jimplimentaw u jirrevedu pjanijiet ta’ rkupru u reżiljenza skont ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), inkluż permezz ta’ skambju ta’ prattiki tajbin, proċessi u metodoloġiji xierqa, involviment tal-partijiet ikkonċernati, fejn xieraq, u ġestjoni tar-riżorsi umani aktar effettiva u effiċjenti.

(10)

Sabiex l-Istati Membri jiġu megħjuna jfasslu, jiżviluppaw u jimplimentaw riformi fl-oqsma kollha ekonomiċi u soċjetali essenzjali, il-Kummissjoni jenħtieġ li tissokta l-appoġġ tekniku, fuq talba minn Stat Membru, f’firxa wiesgħa ta’ oqsma politiċi, li jinkludu oqsma relatati mal-ġestjoni tal-finanzi u tal-assi pubbliċi, ir-riforma istituzzjonali u amministrattiva, ir-riforma ġudizzjarja, l-ambjent tan-negozju, is-settur finanzjarju u t-titjib tal-litteriżmu finanzjarju, is-swieq tal-prodotti, tas-servizzi u tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-iżvilupp sostenibbli, is-saħħa pubblika, il-benessri soċjali u l-kura, kif ukoll l-identifikazzjoni bikrija u r-rispons ikkoordinat tal-kapaċitajiet. Jenħtieġ li titqiegħed enfasi speċifika fuq l-azzjonijiet li jrawmu t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. L-istrument jenħtieġ li jappoġġa wkoll it-tħejjija għas-sħubija fiż-żona tal-euro.

(11)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-istrument, li se jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarja, fis-sens tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, u kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (6), għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali. L-approprjazzjonijiet annwali jenħtieġ li jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali, fil-limiti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u b’kunsiderazzjoni tad-domanda għall-istrument.

(12)

Sabiex jilqgħu għal ħtiġijiet addizzjonali permezz tal-Istrument, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà jittrasferixxu għall-baġit tal-istrument ir-riżorsi programmati f’ġestjoni kondiviża taħt il-fondi tal-Unjoni u ttrasferiti lura għar-riżorsi mhux impenjati, skont Regolament li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom, u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi. Ir-riżorsi trasferiti jenħtieġ li jiġu implimentati skont ir-regoli tal-istrument u jenħtieġ li jintużaw esklużivament għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprovdi feedback lil dak l-Istat Membru dwar l-użu tal-kontribuzzjonijiet volontarji addizzjonali.

(13)

Sabiex jipprovdi għal ħtiġijiet addizzjonali taħt l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, Stat Membru jenħtieġ li jkun jista’ jitlob appoġġ tekniku addizzjonali u għandu jħallas għall-ispejjeż ta’ tali appoġġ addizzjonali. Tali pagamenti jenħtieġ li jikkostitwixxu dħul assenjat estern f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) (ir-‘Regolament Finanzjarju’) u jenħtieġ li jintużaw esklużivament għall-benefiċċju ta’ dak l-Istat Membru.

(14)

L-appoġġ tekniku jenħtieġ li jiġi pprovdut wara talba għal dan, sabiex jappoġġa l-implimentazzjoni tar-riformi mwettqa bl-inizjattiva tal-Istati Membri, riformi fil-kuntest ta’ proċessi ta’ governanza ekonomika, b’mod partikolari dawk li effettivament jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi jew azzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u riformi fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ aġġustament ekonomiku. Jenħtieġ li l-istrument jipprovdi wkoll appoġġ tekniku għat-tħejjija, l-emendar, l-implimentazzjoni u r-reviżjoni tal-pjanijiet ta’ rkupru u reżiljenza skont ir-Regolament (UE) 2021/241.

(15)

F’konformità mar-regoli u l-prattika diġà eżistenti fil-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali, jenħtieġ li jiġi stabbilit proċess ħafif għall-preżentazzjoni ta’ talbiet għal appoġġ tekniku. Għal dik ir-raġuni, it-talbiet mill-Istati Membri jenħtieġ li jiġu ppreżentati sal-31 ta’ Ottubru sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fis-sejħiet għal talbiet iddedikati addizzjonali. B’rispett għall-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali, ġestjoni finanzjarja soda u trasparenza, jenħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji xierqa għall-analiżi tat-talbiet tal-Istati Membri. Dawk il-kriterji jenħtieġ li jkunu bbażati fuq l-urġenza, is-severità u l-firxa tal-problemi, kif ukoll fuq il-ħtiġijiet ta’ appoġġ identifikati fir-rigward tal-oqsma ta’ politika fejn huwa previst l-appoġġ tekniku. Il-Kummissjoni jenħtieġ li torganizza sejħiet dedikati addizzjonali b’rispons għall-ħtiġijiet speċifiċi emerġenti tal-Istati Membri, inkluż, bħala kwistjoni ta’ prijorità, għat-tħejjija, l-emendar, l-implimentazzjoni u r-reviżjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza skont ir-Regolament (UE) 2021/241

(16)

Jenħtieġ li, qabel jitolbu appoġġ tekniku, l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkonsultaw, fejn xieraq, lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħall-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili f’konformità mal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali.

(17)

Jenħtieġ li jiġi speċifikat ukoll il-kontenut tal-pjanijiet ta’ kooperazzjoni u appoġġ li jagħti dettalji dwar il-miżuri għall-għoti ta’ appoġġ tekniku lill-Istati Membri. Għal dan il-għan, il-miżuri ta’ appoġġ tekniku previsti u l-kontribuzzjoni finanzjarja globali stmata relatata jenħtieġ li jqisu l-azzjonijiet u l-attivitajiet iffinanzjati mill-fondi tal-Unjoni jew mill-programmi tal-Unjoni.

(18)

Għall-finijiet ta’ responsabbiltà u trasparenza u biex tkun żgurata l-viżibilità tal-azzjoni tal-Unjoni, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet li jipproteġu informazzjoni sensittiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tittrażmetti l-pjanijiet ta’ kooperazzjoni u appoġġsimultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tinvolvi ruħha f’attivitajiet ta’ komunikazzjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika fuq is-sit web tagħha lista ta’ talbiet approvati għal appoġġ tekniku.

(19)

Sabiex tiġi żgurata trasparenza akbar fir-rigward tal-input tekniku għall-proċess nazzjonali tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi repożitorju pubbliku online uniku li permezz tiegħu jenħtieġ li tkun tista’, soġġett għar-regoli applikabbli u abbażi ta’ konsultazzjoni mal-Istati Membri kkonċernati, tqiegħed għad-dispożizzjoni studji jew rapporti finali prodotti bħala parti mill-azzjonijiet eliġibbli. Sabiex tiġi protetta informazzjoni sensittiva u kunfidenzjali relatata mal-interessi pubbliċi tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jitolbu, fejn ġustifikat, li l-Kummissjoni ma tiżvelax tali dokumenti mingħajr il-kunsens tagħhom minn qabel.

(20)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Istrument, b’mod partikolari l-modi ta’ ġestjoni, il-forom ta’ finanzjament għall-miżuri ta’ appoġġ tekniku u l-kontenut tal-programmi ta’ ħidma, li jenħtieġ li jiġu adottati permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Fid-dawl tal-importanza li jiġu appoġġati l-isforzi tal-awtoritajiet nazzjonali f’li jsegwu u jimplimentaw r-riformi u l-investimenti, huwa meħtieġ li tiġi permessa rata ta’ kofinanzjament għal għotjiet sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli. Sabiex ikun hemm il-mobilizzazzjoni rapida ta’ appoġġ tekniku f’każ ta’ urġenza, jenħtieġ li ssir dispożizzjoni għall-adozzjoni ta’ miżuri speċjali għal perjodu limitat. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jitwarrab ammont limitat tal-baġit fil-programm ta’ ħidma tal-istrument, li ma jeċċedix 30 % tal-allokazzjoni annwali, għal miżuri speċjali.

(21)

Sabiex tiġi żgurata l-allokazzjoni effiċjenti u koerenti ta’ fondi mill-baġit tal-Unjoni u biex jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja soda, l-azzjonijiet b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu konsistenti u komplementari mal-programmi attwali tal-Unjoni. Il-finanzjament doppju għall-istess nefqa jenħtieġ madankollu jiġi evitat. B’mod partikolari u sabiex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet jew it-trikkib, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali jenħtieġ li jiżguraw li f’kull stadju tal-proċess issir koordinazzjoni effettiva ħalli jkunu żgurati konsistenza, koerenza, komplementarjetà u sinerġija bejn is-sorsi tal-finanzjament, inkluż il-finanzjament tal-assistenza teknika.

(22)

Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (8), l-istrument jenħtieġ li jiġi evalwat fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura f’konformità mar-rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ, filwaqt li jiġi evitat piż amministrattiv, b’mod partikolari għall-Istati Membri, u r-regolamentazzjoni żejda. Dawk ir-rekwiżiti, jekk xieraq, jenħtieġ li jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu, bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-istrument fil-post.

(23)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprovdi rapport annwali simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, jenħtieġ li titwettaq evalwazzjoni indipendenti ta’ nofs it-terminu li tħares lejn il-kisba tal-objettivi tal-istrument stabbilit permezz ta’ dan ir-Regolament, l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi tiegħu u l-valur miżjud tiegħu. F’dak il-kuntest, il-Parlament Ewropew jenħtieġ li jkun jista’ jistieden lill-Kummissjoni tipparteċipa fi skambju ta’ fehmiet mal-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew biex jiddiskutu r-rapport annwali u l-implimentazzjoni tal-istrument. Barra minn hekk, evalwazzjoni indipendenti ex post jenħtieġ li tittratta l-impatt fit-tul tal-istrument.

(24)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-programmi ta’ ħidma għall-implimentazzjoni tal-appoġġ tekniku. Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 322 TFUE japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju. Huma jiddeterminaw b’mod partikolari l-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta’ għotjiet, akkwist, premjijiet u implimentazzjoni indiretta u jipprevedu verifiki dwar ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE jinkludu wkoll reġim ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit.

(25)

Skont ir-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (10),(Euratom, KE) Nru 2185/96 (11) u (UE) 2017/1939 (12), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż frodi, mal-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett, u, fejn xieraq, mal-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi. B’mod partikolari, skont ir-Regolamenti (Euratom/KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fil-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu s-setgħa, f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). Skont ir-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni hija obbligata tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE, u tiżgura li kwalunkwe terza persuna involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.

(26)

Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(27)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li la jaffettwa l-kontinwazzjoni jew lanqas il-modifika tal-miżuri ta’ appoġġ approvati mill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2020 fuq il-bażi tar-Regolament (UE) 2017/825 jew kwalunkwe att ieħor tal-Unjoni li japplika għal dik l-assistenza. Il-miżuri approvati skont ir-Regolament (UE) 2017/825 għalhekk jenħtieġ li jibqgħu validi. Għal dak il-għan, jenħtieġ li tiġi stabbilita wkoll dispożizzjoni tranżizzjonali.

(28)

Sabiex tiġi permessa l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (“l-istrument”).

Jistabbilixxi l-objettiv ġenerali u l-objettivi speċifiċi tal-istrument, il-baġit tal-istrument għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni u r-regoli għall-għoti ta’ dan it-tip ta’ finanzjament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“appoġġ tekniku” tfisser miżuri li jgħinu lill-awtoritajiet nazzjonali jimplimentaw riformi istituzzjonali, amministrattivi u strutturali li jkunu sostenibbli u li jsaħħu r-reżiljenza, isaħħu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u jappoġġaw l-amministrazzjoni pubblika fit-tħejjija ta’ investimenti sostenibbli u li jsaħħu r-reżiljenza;

(2)

“awtorità nazzjonali” tfisser awtorità pubblika waħda jew aktar fil-livell tal-gvern, inkluż awtoritajiet pubbliċi f’livell reġjonali u lokali, kif ukoll organizzazzjonijiet ta’ Stati Membri fis-sens tal-punt (42) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Finanzjarju, li tikkoopera fi spirtu ta’ sħubija skont il-qafas istituzzjonali u ġuridiku tal-Istati Membri;

(3)

“fondi tal-Unjoni” tfisser il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, il-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi;

(4)

“organizzazzjoni internazzjonali” tfisser organizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 156 tar-Regolament Finanzjarju, u organizzazzjonijiet assimilati għal organizzazzjoni bħal din skont dak l-Artikolu;

(5)

“Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika” jew “Semestru Ewropew” tfisser il-proċess stabbilit fl-Artikolu 2a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (14);

(6)

“rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż” tfisser ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill indirizzati lil kull Stat Membru f’konformità mal-Artikoli 121(2) u 148(4) tat-TFUE fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Artikolu 3

Objettiv ġenerali

L-objettiv ġenerali tal-istrument għandu jkun li jippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni billi jappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex jimplimentaw ir-riformi. Dan huwa meħtieġ biex jitħeġġu l-investimenti, biex tiżdied il-kompetittività u biex jinkisbu konverġenza ekonomika u soċjali sostenibbli, reżiljenza u rkupru. Dan huwa meħtieġ ukoll biex jiġu appoġġati l-isforzi tal-Istati Membri biex isaħħu l-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva tagħhom, inkluż fil-livell reġjonali u lokali, biex jiffaċilitaw tranżizzjonijiet soċjalment inklużivi, ekoloġiċi u diġitali, biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u biex jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

Artikolu 4

Objettivi speċifiċi

Sabiex jintlaħaq l-objettiv ġenerali stipulat fl-Artikolu 3, l-istrument għandu jkollu l-objettivi speċifiċi li jassisti lill-awtoritajiet nazzjonali biex itejbu l-kapaċità tagħhom li:

(a)

ifasslu, jiżviluppaw u jimplimentaw riformi;

(b)

iħejju, jemendaw, jimplimentaw u jirrevedu l-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza skont ir-Regolament (UE) 2021/241

Dawk l-objettivi speċifiċi għandhom jiġu segwiti f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati, inkluż bl-iskambju ta’ prattiki, proċessi u metodoloġiji tajbin, bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati, fejn xieraq, u b’ġestjoni aktar effettiva u effiċjenti tar-riżorsi umani.

Artikolu 5

Kamp ta’ applikazzjoni

L-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 4 għandhom jirreferu għall-oqsma ta’ politika relatati mal-koeżjoni, il-kompetittività, l-edukazzjoni, il-produttività, ir-riċerka u l-innovazzjoni, it-tkabbir intelliġenti, ġust, sostenibbli u inklużiv, l-impjiegi u l-investiment, b’enfasi speċifika fuq azzjonijiet li jiffavorixxu t-tranżizzjoni diġitali u tranżizzjoni ekoloġika ġusta, u jiffukaw b’mod partikolari fuq wieħed minn dawn li ġejjin jew aktar:

(a)

il-ġestjoni tal-finanzi u tal-assi pubbliċi, il-proċess baġitarju, inkluż l-ibbaġitjar ekoloġiku u skont il-ġeneru, il-qafas makrofiskali, il-ġestjoni tad-dejn u tal-flus, il-politika tal-infiq u tat-tassazzjoni, il-konformità mar-regoli tat-taxxa, l-amministrazzjoni tad-dħul u l-unjoni doganali, kif ukoll il-ġlieda kontra l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, il-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa;

(b)

ir-riforma istituzzjonali u l-funzjonament effiċjenti u orjentat lejn is-servizzi tal-amministrazzjoni pubblika u tal-gvern elettroniku, is-simplifikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri, l-awditjar, it-tisħiħ tal-kapaċità ta’ assorbiment tal-fondi tal-Unjoni, il-promozzjoni tal-kooperazzjoni amministrattiva, stat tad-dritt effettiv, ir-riforma tas-sistemi ġudizzjarji, il-bini tal-kapaċità tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-antitrust, it-tisħiħ tas-superviżjoni finanzjarja, u t-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus;

(c)

l-ambjent tan-negozju, inkluż għall-impriżi żgħar u medji, il-persuni li jaħdmu għal rashom, l-imprendituri u l-impriżi soċjali, l-industrijalizzazzjoni mill-ġdid u r-rilokazzjoni tal-produzzjoni fl-Unjoni, l-iżvilupp tas-settur privat, is-swieq tal-prodotti u tas-servizzi, l-investiment pubbliku u privat, inkluż fl-infrastruttura fiżika u virtwali, il-promoturi u l-mixtliet tal-proġetti, il-parteċipazzjoni pubblika fl-impriżi, il-proċessi ta’ privatizzazzjoni, il-kummerċ u l-investiment dirett barrani, il-kompetizzjoni, akkwist pubbliku effiċjenti u trasparenti, l-iżvilupp settorjali sostenibbli u s-sostenn għar-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni;

(d)

l-edukazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja u t-taħriġ, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-politiki taż-żgħażagħ, il-politiki tas-suq tax-xogħol, fosthom id-djalogu soċjali, għall-ħolqien tal-impjiegi, iż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi sottorappreżentati, it-taħriġ ta’ aġġornament u t-taħriġ mill-ġdid, b’mod partikolari fil-kompetenzi diġitali, il-litteriżmu medjatiku, iċ-ċittadinanza attiva, it-tixjiħ attiv, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-politiki dwar il-protezzjoni ċivili, il-fruntieri u l-migrazzjoni, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, l-inugwaljanza fl-introjtu u kull forma ta’ diskriminazzjoni;

(e)

kura tas-saħħa pubblika aċċessibbli, affordabbli u reżiljenti, sistemi għas-sigurtà soċjali, il-kura u l-benessri, u l-kura tat-tfal;

(f)

il-politiki għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, it-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika ġusta, is-soluzzjonijiet tal-gvern elettroniku, l-akkwist elettroniku, il-konnettività, l-aċċess għad-data u l-governanza, is-soluzzjonijiet għall-protezzjoni tad-data, it-tagħlim online, l-użu ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq l-Intelliġenza Artifiċjali, il-pilastru ambjentali tal-iżvilupp sostenibbli u l-protezzjoni ambjentali, l-azzjoni klimatika, it-trasport u l-mobbiltà, il-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari, l-effiċjenza fl-enerġija u fir-riżorsi, u s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, il-ksib tad-diversifikazzjoni tal-enerġija, l-indirizzar tal-faqar enerġetiku u l-iżgurar tas-sigurtà tal-enerġija, u għas-settur agrikolu, il-protezzjoni tal-ħamrija u tal-bijodiversità, is-sajd u l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali, remoti u insulari;

(g)

il-politiki u r-regolamentazzjoni tas-settur finanzjarju, inklużi l-litteriżmu finanzjarju, l-istabbiltà finanzjarja, l-aċċess għall-finanzi u s-self lill-ekonomija reali, partikolarment għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, il-persuni li jaħdmu għal rashom u l-imprendituri;

(h)

il-produzzjoni, il-provvista u l-monitoraġġ tal-kwalità tad-data u tal-istatistika;

(i)

it-tħejjija għas-sħubija fiż-żona tal-euro; u

(j)

l-identifikazzjoni bikrija u r-rispons koordinat f’każ ta’ riskji sostanzjali għas-saħħa pubblika jew għas-sigurtà, kif ukoll l-iżgurar ta’ kontinwità tan-negozju u tas-servizz għall-istituzzjonijiet u s-setturi pubbliċi u privati essenzjali.

Artikolu 6

Baġit

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-istrument għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027 għandu jkun ta’ EUR 864 000 000 fi prezzijiet kurrenti.

2.   Il-pakkett finanzjarju tal-istrument jista’ jkopri wkoll spejjeż li jirrigwardaw attivitajiet ta’ tħejjija, monitoraġġ, kontroll, awditu u evalwazzjoni, li huma meħtieġa għall-ġestjoni tal-istrument u l-ksib tal-objettivi tiegħu, b’mod partikolari studji, laqgħat tal-esperti, azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, inkluża l-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, kemm-il darba jkunu marbuta mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament, l-ispejjeż marbuta man-networks tal-IT li jikkonċentraw fuq l-ipproċessar u l-iskambju ta’ informazzjoni, inklużi l-għodod korporattivi tat-teknoloġija tal-informazzjoni, u l-ispejjeż l-oħra kollha tal-assistenza teknika u amministrattiva li tagħmel il-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-istrument. L-ispejjeż jistgħu jkopru wkoll il-kostijiet ta’ attivitajiet oħra ta’ sostenn bħall-kontroll tal-kwalità u l-monitoraġġ ta’ proġetti ta’ appoġġ tekniku fil-post u l-kostijiet tal-konsulenza bejn il-pari u l-esperti għall-valutazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali.

3.   Minbarra l-pakkett finanzjarju stabbilit fil-paragrafu 1, ir-riżorsi allokati lill-Istati Membri b’ġestjoni kondiviża jistgħu, fuq talba tagħhom, u f’konformità mal-kundizzjonijiet u l-proċedura stabbiliti f’Regolament li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom, u l-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi, jiġu ttrasferiti lill-istrument għall-fini ta’ finanzjament ta’ talbiet ta’ appoġġ tekniku identifikati b’mod ċar, u jiġu ttrasferiti lura jekk ma jiġux impenjati. Dawk ir-riżorsi għandhom jintużaw esklużivament għall-benefiċċju tal-Istat Membru li talab it-trasferiment, inkluż fil-livell reġjonali u lokali.

Artikolu 7

Pagamenti għal appoġġ tekniku addizzjonali

1.   Minbarra l-appoġġ tekniku kopert mill-baġit stabbilit fl-Artikolu 6, l-Istati Membri jistgħu jitolbu appoġġ tekniku addizzjonali fl-ambitu tal-istrument u għandhom jħallsu għall-ispejjeż marbuta ma’ tali appoġġ addizzjonali.

2.   Il-pagamenti magħmula minn Stat Membru abbażi tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern previst mill-att bażiku f’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju u għandhom jintużaw esklużivament għall-benefiċċju ta’ dak l-Istat Membru.

KAPITOLU II

APPOĠĠ TEKNIKU

Artikolu 8

Azzjonijiet eliġibbli għal appoġġ tekniku

Bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti - fl-Artikoli 3 u 4, l-istrument għandu jiffinanzja b’mod partikolari dawn it-tipi ta’ azzjonijiet:

(a)

il-forniment ta’ għarfien espert relatat mal-konsulenza dwar il-politika, mat-tibdil fil-politika, mal-formulazzjoni ta’ strateġiji u pjanijiet direzzjonali ta’ riforma, kif ukoll mar-riformi leġiżlattivi, istituzzjonali, strutturali u amministrattivi;

(b)

il-forniment ta’ esperti, għal perijodu qasir jew twil, inkluż esperti residenti, biex iwettqu kompiti f’oqsma speċifiċi jew biex iwettqu attivitajiet operazzjonali, fejn meħtieġ b’interpretazzjoni, traduzzjoni u appoġġ ta’ kooperazzjoni, assistenza amministrattiva u kif ukoll faċilitajiet ta’ infrastruttura u tagħmir;

(c)

il-bini ta’ kapaċità istituzzjonali, amministrattiva jew settorjali u l-azzjonijiet ta’ appoġġ relatati fil-livelli kollha ta’ governanza, anki billi jikkontribwixxu, b’mod partikolari, għall-awtonomizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, inklużi s-sħab soċjali, kif xieraq:

(i)

seminars, konferenzi u workshops, bl-involviment, fejn xieraq, tal-partijiet ikkonċernati;

(ii)

skambji tal-aħjar prattiki, inkluż, fejn xieraq, żjarat ta’ ħidma fi Stati Membri jew pajjiżi terzi rilevanti biex l-uffiċjali jkunu jistgħu jiksbu jew iżidu l-għarfien espert jew l-għarfien tagħhom fi kwistjonijiet rilevanti;

(iii)

azzjonijiet ta’ taħriġ u l-iżvilupp ta’ moduli ta’ taħriġ online jew oħrajn b’appoġġ għall-kompetenzi u l-għarfien professjonali neċessarji relatati mar-riformi rilevanti;

(d)

il-ġbir ta’ data u statistika, l-iżvilupp ta’ metodoloġiji komuni, inklużi dwar l-integrazzjoni u t-traċċar tal-perspettiva tal-ġeneri u tal-klima, u, fejn xieraq, indikaturi jew punti ta’ riferiment;

(e)

l-organizzazzjoni ta’ sostenn operazzjonali lokali f’oqsma bħall-ażil, il-migrazzjoni u l-kontroll tal-fruntieri;

(f)

il-bini tal-kapaċità tal-IT, inkluż għarfien espert relatat mal-iżvilupp, il-manutenzjoni, it-tħaddim u l-kontroll tal-kwalità tal-infrastruttura tal-IT u l-applikazzjonijiet meħtieġa biex jimplimentaw ir-riformi rilevanti, iċ-ċibersigurtà, soluzzjonijiet ta’ software u hardware b’sors miftuħ, soluzzjonijiet ta’ protezzjoni tad-data, kif ukoll l-għarfien espert relatat ma’ programmi mmirati lejn id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, b’mod partikolari f’servizzi bħall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni jew il-ġudikatura;

(g)

it-twettiq ta’ studji, inklużi studji tal-fattibbiltà, riċerka, analiżi u stħarriġ, evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet tal-impatt, inklużi valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-ġeneri u l-iżvilupp u l-pubblikazzjoni ta’ gwidi, rapporti u materjal edukattiv;

(h)

l-istabbiliment u l-eżekuzzjoni ta’ proġetti u strateġiji ta’ komunikazzjoni għal tagħlim, inkluż it-tagħlim online, kooperazzjoni, sensibilizzazzjoni, attivitajiet ta’ disseminazzjoni u skambju ta’ prattiki tajba, l-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ informazzjoni, kampanji u avvenimenti medjatiċi, inklużi l-komunikazzjoni korporattiva u, fejn xieraq, komunikazzjoni permezz ta’ networks jew pjattaformi soċjali;

(i)

il-kumpilazzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ materjali għat-tixrid ta’ informazzjoni u tar-riżultati tal-appoġġ tekniku li jingħata permezz tal-istrument, inkluż permezz tal-iżvilupp, it-tħaddim u l-manutenzjoni ta’ sistemi u għodod li jużaw teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni; kif ukoll

(j)

kull attività rilevanti oħra ta’ sostenn għall-objettiv ġenerali u l-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 rispettivament.

Artikolu 9

Talba għal appoġġ tekniku

1.   Stati Membri li jkunu jixtiequ jirċievu appoġġ tekniku skont dan l-istrument għandhom jippreżentaw talba għal appoġġ tekniku lill-Kummissjoni, u jidentifikaw l-oqsma ta’ politika u l-prijoritajiet għall-appoġġ fil-kamp ta’ applikazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 5. Tali talbiet għandhom jiġu ppreżentati sal-31 ta’ Ottubru sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fis-sejħiet dedikati addizzjonali għal talbiet msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi gwida dwar l-elementi ewlenin li għandhom jiġu inklużi fit-talba għal appoġġ tekniku.

2.   Sabiex ir-riformi mwettqa mill-Istati Membri jgawdu minn appoġġ u sens ta’ appartenenza wiesgħa, l-Istati Membri li jkunu jixtiequ jirċievu appoġġ tekniku taħt l-istrument jistgħu jikkonsultaw, fejn xieraq, il-partijiet ikkonċernati rilevanti qabel ma jitolbu appoġġ tekniku, f’konformità mal-liġi u l-prattiki nazzjonali.

3.   L-Istati Membri jistgħu jippreżentaw talba għal appoġġ tekniku f’ċirkostanzi marbuta ma’:

(a)

l-implimentazzjoni tar-riformi mill-Istati Membri, imwettqa fuq inizjattiva proprja u f’konformità mal-objettiv ġenerali u l-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 rispettivament;

(b)

l-implimentazzjoni ta’ riformi li jsostnu t-tkabbir u jsaħħu r-reżiljenza fil-kuntest ta’ proċessi ta’ governanza ekonomika, b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi maħruġa fil-kuntest tas-Semestru Ewropew jew azzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni;

(c)

l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ aġġustament ekonomiku għall-Istati Membri li jirċievu assistenza finanzjarja mill-Unjoni skont strumenti eżistenti, b’mod partikolari f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) fir-rigward tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 (16) fir-rigward ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro;

(d)

it-tħejjija, l-emendar u r-reviżjoni tal-pjanijiet ta’ rkupru u ta’ reżiljenza skont ir-Regolament (UE) 2021/241 u l-implimentazzjoni tagħhom min-naħa tal-Istati Membri.

4.   Il-Kummissjoni għandha torganizza sejħiet dedikati addizzjonali għal talbiet b’risposta għall-ħtiġijiet emerġenti speċifiċi tal-Istati Membri, pereżempju għas-sottomissjoni ta’ talbiet marbuta maċ-ċirkostanzi msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 3.

5.   Filwaqt li tqis il-prinċipji ta’ trasparenza, trattament ugwali u ġestjoni finanzjarja soda u wara djalogu mal-Istat Membri, inkluż fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni għandha tanalizza t-talba għal appoġġ imsemmija fil-paragrafu 1 fuq il-bażi tal-urġenza, id-dimensjoni tal-isfidi identifikati, il-ħtiġijiet ta’ appoġġ fir-rigward tal-oqsma ta’ politika kkonċernati, analiżi tal-indikaturi soċjoekonomiċi u l-kapaċità amministrattiva istituzzjonali u ġenerali tal-Istati Membri kkonċernati.

Abbażi ta’ din l-analiżi u filwaqt li tqis l-azzjonijiet u l-miżuri eżistenti ffinanzjati mill-fondi tal-Unjoni jew programmi oħra tal-Unjoni, il-Kummissjoni u l-Istati Membri kkonċernati għandhom jaqblu dwar l-oqsma ta’ prijorità għall-appoġġ, l-objettivi, skeda ta’ żmien indikattiva, l-ambitu tal-miżuri ta’ appoġġ li għandhom jiġu pprovduti u l-kontribuzzjoni finanzjarja kumplessiva stmata għal appoġġ tekniku bħal dan, li għandha tiġi stabbilita fi pjan ta’ kooperazzjoni u appoġġ (pjan ta’ kooperazzjoni u ta’ appoġġ).

6.   Il-pjan ta’ kooperazzjoni u appoġġ għandu jidentifika, b’mod separat minn appoġġ tekniku ieħor, il-miżuri marbuta mal-pjanijiet ta’ rkupru u ta’ reżiljenza għall-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) 2021/241

Artikolu 10

Informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u komunikazzjoni dwar il-pjanijiet ta’ kooperazzjoni u sostenn

1.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat, bil-kunsens tal-Istat Membru kkonċernat, il-pjan ta’ kooperazzjoni u sostenn lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill simultanjament mingħajr dewmien bla bżonn. L-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrifjuta li jagħti tali kunsens f’każ ta’ informazzjoni sensittiva jew kunfidenzjali li d-divulgazzjoni tagħha tista’ tipperikola l-interessi pubbliċi tal-Istat Membru.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tibgħat il-pjan ta’ kooperazzjoni u sostenn lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill:

(a)

malli l-Istat Membru kkonċernat ikun neħħa l-informazzjoni sensittiva jew kunfidenzjali kollha, li d-divulgazzjoni tagħha tipperikola l-interessi pubbliċi tal-Istat Membru;

(b)

wara żmien raġonevoli, meta d-divulgazzjoni tal-informazzjoni rilevanti ma tkunx affettwat ħażin l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sostenn, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn xahrejn wara l-implimentazzjoni ta’ tali miżuri skont il-pjan ta’ kooperazzjoni u sostenn.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tipparteċipa f’attivitajiet ta’ komunikazzjoni biex tiżgura l-viżibilità tal-finanzjament tal-Unjoni għall-miżuri ta’ appoġġ previsti fil-pjanijiet ta’ kooperazzjoni u appoġġ, inkluż permezz ta’ attivitajiet ta’ komunikazzjoni konġunti mal-awtoritajiet nazzjonali u mal-uffiċċji ta’ rappreżentanza tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni fl-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha lista ta’ talbiet approvati għal appoġġ tekniku u għandha taġġorna regolarment dik il-lista. Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-uffiċċji ta’ rappreżentanza tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni dwar il-proġetti fl-Istati Membri kkonċernati.

Artikolu 11

Finanzjament komplementari

L-azzjonijiet finanzjati skont l-istrument jistgħu jirċievu sostenn minn programmi, strumenti jew fondi oħra tal-Unjoni fil-kuntest tal-baġit tal-Unjoni sakemm dan is-sostenn ma jkoprix l-istess spejjeż.

Artikolu 12

Implimentazzjoni tal-istrument

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-istrument f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.

2.   Il-miżuri tal-istrument jistgħu jiġu implimentati direttament mill-Kummissjoni jew, indirettament, minn persuni jew entitajiet f’konformità mal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju. B’mod partikolari, is-sostenn tal-Unjoni għal azzjonijiet skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament għandu jieħu l-forma ta’:

(a)

għotjiet;

(b)

kuntratti ta’ akkwist pubbliku;

(c)

rimborż tal-ispejjeż li jġarrbu l-esperti esterni, inklużi l-esperti minn awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali fl-Istati Membri li jipprovdu jew jirċievu sostenn;

(d)

kontribuzzjonijiet għal fondi fiduċjarji stabbiliti minn organizzazzjonijiet internazzjonali; kif ukoll

(e)

azzjonijiet imwettqa permezz ta’ ġestjoni indiretta.

3.   Jistgħu jingħataw għotjiet lill-awtoritajiet nazzjonali, lill-grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, lil organizzazzjonijiet internazzjonali, lil korpi pubbliċi jew privati u lil entitajiet legalment stabbiliti fi:

(a)

Stati Membri;

(b)

il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fih.

Ir-rata ta’ kofinanzjament għal għotjiet għandha tkun sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

4.   Appoġġ tekniku jista’ jingħata bil-kooperazzjoni ta’ entitajiet ta’ Stati Membri oħra u organizzazzjonijiet internazzjonali.

5.   L-appoġġ tekniku jista’ jingħata wkoll minn esperti individwali, li jistgħu jiġu mistiedna jikkontribwixxu għal attivitajiet organizzati kull meta dan ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi speċifiċi stipulati fl-Artikolu 4.

6.   Sabiex timplimenta l-appoġġ tekniku, il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta’ ħidma permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni u tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar dan.

Il-programmi ta’ ħidma għandhom jistabbilixxu:

(a)

l-allokazzjoni għall-istrument;

(b)

il-miżuri msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, f’konformità mal-objettiv ġenerali u l-objettivi speċifiċi msemmija fl-Artikoli 3 u 4 ta’ dan ir-Regolament, rispettivament, u fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni msemmi fl-Artikolu 5 u l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament; u

(c)

il-kriterji għas-selezzjoni u għall-aġġudikazzjoni tal-għotjiet u l-elementi kollha meħtieġa mir-Regolament Finanzjarju.

7.   Sabiex tkun żgurata d-disponibbiltà f’waqtha tar-riżorsi, parti limitata tal-programm ta’ ħidma, li ma taqbiżx it-30 % tal-allokazzjoni annwali, għandha tkun riservata għal miżuri speċjali fil-każ ta’ raġunijiet ta’ urġenza mhux previsti u debitament ġustifikati li jeħtieġu rispons immedjat, inkluż tfixkil serju fl-ekonomija jew ċirkostanzi sinifikanti li jaffettwaw b’mod serju l-kundizzjonijiet ekonomiċi, soċjali jew ta’ saħħa fi Stat Membru u li jmorru lil hinn mill-kontroll tiegħu.

Il-Kummissjoni tista’, fuq talba minn Stat Membru li jixtieq jirċievi appoġġ tekniku, tadotta miżuri speċjali skont l-objettivi u l-azzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament biex tipprovdi appoġġ tekniku lill-awtoritajiet nazzjonali meta jindirizzaw ħtiġijiet urġenti. Dawn il-miżuri speċjali għandhom ikunu interim fin-natura tagħhom u għandhom ikunu marbuta maċ-ċirkostanzi stabbiliti fl-Artikolu 9(3). Dawn il-miżuri speċjali għandhom jintemmu fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni tagħhom u jistgħu jiġu sostitwiti b’appoġġ tekniku skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9.

KAPITOLU III

KOMPLEMENTARJETÀ, MONITORAĠĠ U EVALWAZZJONI

Artikolu 13

Koordinazzjoni u komplementarjetà

1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri kkonċernati għandhom, fl-ambitu tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, irawmu sinerġiji u jiżguraw koordinazzjoni effettiva bejn l-istrument u programmi u strumenti oħra tal-Unjoni, u b’mod partikolari ma’ miżuri ffinanzjati mill-fondi tal-Unjoni. Għal dan il-għan, dawn għandhom:

(a)

jiżguraw il-komplementarjetà, is-sinerġija, il-koerenza u l-konsistenza bejn strumenti differenti fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali u, fejn xieraq, dak reġjonali u lokali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ miżuri ffinanzjati minn fondi tal-Unjoni, kemm fil-fażi tal-ippjanar kif ukoll waqt l-implimentazzjoni;

(b)

jottimizzaw il-mekkaniżmi tal-koordinazzjoni sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u jiġi evitat kwalunkwe trikkib;

(c)

jiżguraw li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn dawk responsabbli għall-implimentazzjoni fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali u, fejn xieraq, dak reġjonali u lokali sabiex iwettqu azzjonijiet ta’ sostenn koerenti u simplifikati skont l-istrument.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura l-komplementarjetà u s-sinerġiji bl-appoġġ provdut minn organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra.

Artikolu 14

Monitoraġġ tal-implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-istrument u tkejjel il-ksib tal-objettiv ġenerali u l-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4, inkluż billi tagħmel użu mill-pjanijiet ta’ kooperazzjoni u appoġġ. L-indikaturi li għandhom jintużaw għar-rappurtar dwar il-progress u għall-fini tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament lejn il-ksib tal-objettivi ġenerali u l-objettivi speċifiċi huma stipulati fl-Anness. Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni għandu jkun immirat u proporzjonat għall-attivitajiet imwettqa skont l-istrument.

2.   Is-sistema tar-rappurtar tal-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-istrument u r-riżultati jinġabru b’mod effiċjenti, effikaċi, fil-ħin u, kull meta jkun rilevanti u fattibbli, f’forma diżaggregata skont il-ġeneri. Għal dak il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti ta’ rapportar proporzjonati fuq il-benefiċjarji tal-finanzjament tal-Unjoni.

Artikolu 15

Rapport annwali

1.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill simultanjament dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament (ir-“rapport annwali”).

2.   Ir-rapport annwali għandu jinkludi informazzjoni dwar:

(a)

it-talbiet għal sostenn ippreżentati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 9(1);

(b)

l-analiżi tal-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 9(3), użata biex jiġu analizzati t-talbiet għas-sostenn ippreżentati mill-Istati Membri;

(c)

il-pjanijiet ta’ kooperazzjoni u sostenn kif imsemmija fl-Artikolu 9(5);

(d)

il-miżuri speċjali adottati skont l-Artikolu 12(7);

(e)

l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ sostenn, fejn xieraq anke fil-livell nazzjonali u reġjonali; u

(f)

l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni.

3.   Il-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-Kummissjoni tipparteċipa fi skambju ta’ fehmiet mal-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew biex jiddiskutu r-rapport annwali u l-implimentazzjoni tal-istrument.

Artikolu 16

Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu u evalwazzjoni ex post

1.   Sal-20 ta’ Frar 2025, il-Kummissjoni għandha tipprovdi simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, kif ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, rapport ta’ evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu indipendenti dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dak ir-rapport għandu, b’mod partikolari, jivvaluta sa fejn intlaħqu l-objettiv ġenerali u l-objettivi speċifiċi tal-istrument imsemmija fl-Artikoli 3 u 4 rispettivament, l-adegwatezza u l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud Ewropew. Huwa għandu jindirizza wkoll ir-rilevanza kontinwa tal-objettivi u l-azzjonijiet kollha. Fejn xieraq, ir-riżultati tar-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu jistgħu jintużaw għal kwalunkwe proposta leġiżlattiva rilevanti.

2.   Sal-31 ta’ Diċembru 2030, il-Kummissjoni għandha tipprovdi simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, kif ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, rapport ta’ evalwazzjoni ex post indipendenti. Dak ir-rapport għandu jikkonsisti f’valutazzjoni kumplessiva tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandu jinkludi informazzjoni dwar l-impatt ta’ dan ir-Regolament fit-terminu fit-tul.

Artikolu 17

Trasparenza

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi repożitorju pubbliku online uniku li permezz tiegħu tkun tista’, soġġett għar-regoli applikabbli u abbażi ta’ konsultazzjoni mal-Istati Membri kkonċernati, tqiegħed għad-dispożizzjoni studji jew rapporti finali prodotti bħala parti mill-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 8. Jekk ikun ġustifikat, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jitolbu li l-Kummissjoni ma tiżvelax tali dokumenti mingħajr il-kunsens tagħhom minn qabel.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 18

Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

1.   Il-benefiċjarji tal-finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini ta’ dawk il-fondi u jiżguraw il-viżibilità tal-finanzjament tal-Unjoni b’mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi inklużi lill-midja u lill-pubbliku.

2.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni relatati mal-istrument, mal-azzjonijiet meħuda skont l-istrument u mar-riżultati miksuba, inkluż, jekk ikun xieraq u bi qbil mal-awtoritajiet nazzjonali, permezz ta’ attivitajiet ta’ komunikazzjoni konġunti mal-awtoritajiet nazzjonali u mal-uffiċċji ta’ rappreżentanza tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni fl-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 19

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Azzjonijiet u attivitajiet ta’ appoġġ tekniku mibdija fil-31 ta’ Diċembru 2020, jew qabel, skont ir-Regolament (UE) 2017/825 għandhom ikomplu jiġu rregolati minn dak ir-Regolament sakemm jitlestew.

2.   Il-pakkett finanzjarju stipulat fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament jista’ wkoll ikopri l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva, inklużi l-monitoraġġ, il-komunikazzjoni u l-evalwazzjoni meħtieġa skont ir-Regolament (UE) 2017/825 u li ma jkunux tlestew sal-31 ta’ Diċembru 2020.

3.   Jekk ikun meħtieġ, jistgħu jiddaħħlu approprjazzjonijiet fil-baġit lil hinn mill-2020 biex ikopru l-ispejjeż previsti fl-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-Regolament relatati mal-ġestjoni ta’ azzjonijiet u attivitajiet mibdija taħt ir-Regolament (UE) 2017/825 u mhux imwettqa sal-31 ta’ Diċembru 2020.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Frar 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  ĠU C 364, 28.10.2020, p. 132.

(2)  ĠU C 440, 18.12.2020, p. 160.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Jannar 2021 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Frar 2021.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2017/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta’ Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perjodu mill-2017 sal-2020 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 (UE) Nru 1305/2013 (ĠU L 129, 19.5.2017, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Faċilità ta’ Rkupru u Reżiljenza (Ara l-paġna 17 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.

(7)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(8)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(9)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(13)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).

(14)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1).

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b’diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1).

(16)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta’ Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri (ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1).


ANNESS

INDIKATURI

Il-kisba tal-objettiv ġenerali u l-objettivi speċifiċi msemmija fl-Artikoli 3 u 4 rispettivament għandha titkejjel abbażi tal-indikaturi li ġejjin, li għandhom jinqasmu skont l-Istat Membru u skont il-qasam ta’ intervent.

L-indikaturi għandhom jintużaw skont id-data u l-informazzjoni disponibbli, inkluża data kwantitattiva u/jew kwalitattiva.

Indikaturi tal-output

(a)

l-għadd ta’ pjanijiet ta’ kooperazzjoni u appoġġ konklużi

(b)

l-għadd ta’ attivitajiet ta’ appoġġ tekniku mwettqa

(c)

ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ appoġġ tekniku bħal pjanijiet ta’ azzjoni, pjanijiet direzzjonali, linji gwida, manwali u rakkomandazzjonijiet

Indikaturi tar-riżultati

(d)

l-eżiti tal-attivitajiet ta’ appoġġ tekniku pprovdut, bħall-adozzjoni ta’ strateġija, l-adozzjoni ta’ att/liġi ġdid/a jew il-modifika ta’ wieħed/waħda eżistenti u l-adozzjoni ta’ proċeduri u azzjonijiet ġodda biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tar-riformi

Indikaturi tal-impatt

(e)

l-objettivi stabbiliti fil-pjanijiet ta’ kooperazzjoni u appoġġ, li nkisbu, fost l-oħrajn, bis-saħħa tal-appoġġ tekniku riċevut

Il-Kummissjoni għandha twettaq ukoll l-evalwazzjoni ex post imsemmija fl-Artikolu 16 bil-għan li jiġu stabbiliti r-rabtiet bejn l-appoġġ tekniku u l-implimentazzjoni tal-miżuri rilevanti fl-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li jissaħħu r-reżiljenza, it-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi u l-koeżjoni.