8.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 393/13


DIRETTIVA TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1927

tal-5 ta’ Novembru 2021

li temenda l-Annessi I u II tad-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE fir-rigward tar-rekwiżiti għaż-żrieragħ tal-qamħ ibridu prodotti permezz tal-isterilità maskili ċitoplażmika

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 21b tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 66/402/KEE tistabbilixxi regoli dwar il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ taċ-ċereali fl-Unjoni. Fil-każ taż-żrieragħ tal-qamħ ibridu, l-unika tekniki li jipproduċu ż-żerriegħa ibrida li tipprevedi dik id-Direttiva huma l-inkroċjar dirett u l-ibridizzazzjoni kimika.

(2)

Madanakollu, f’dawn l-aħħar snin, l-isterilità maskili ċitoplażmika (“CMS”) ġiet aċċettata globalment bħala teknika għat-tnissil tal-pjanti għall-produzzjoni tal-ibridi ta’ varjetajiet taż-żrieragħ taċ-ċereali. Ir-regoli relevanti rigward it-teknika ta’ produzzjoni CMS diġà huma fis-seħħ għax-xgħir, peress li l-produzzjoni taż-żrieragħ ibridi bis-CMS ilha tiġi pprattikata għal diversi snin.

(3)

Ix-xgħir u l-qamħ min-natura tagħhom idakkru lilhom infushom u jiġu prodotti f’kultivazzjoni mħallta. Jekk jiġi kkunsidrat ix-xebh tekniku bejn il-produzzjoni ta’ żrieragħ tal-ibridi tax-xgħir u tal-qamħ, u l-ħtiġijiet tal-utenti taż-żrieragħ tal-ibridi, huwa xieraq li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet għal żrieragħ tal-ibridi tal-qamħ simili għal dawk li japplikaw għal żrieragħ tal-ibridi tax-xgħir. L-esperjenza wriet li s-sistema speċifika ta’ produzzjoni b’taħlita tal-qamħ ibridu bħal Triticum aestivum subsp. aestivum, Triticum turgidum subsp. durum, Triticum aestivum subsp. spelta applikata fl-għalqa, ikkombinata mar-riskji marbutin mat-temp matul il-perjodu tal-fjoritura, jeħtieġu tnaqqis fl-istandard tal-purità varjetali għal 85 %, fil-każ li tiġi applikata s-CMS, biex tkun tista’ ssir produzzjoni stabbli taż-żerriegħa f’kundizzjonijiet anqas favorevoli tat-temp. Għalhekk jixraq li jiġi aċċettat livell ta’ purità varjetali għaż-żrieragħ tal-qamħ ibridu prodotti bis-CMS aktar baxx mil-livell meħtieġ għal ibridi oħrajn taż-żrieragħ.

(4)

L-esperjenza bi żrieragħ oħrajn ta’ ibridi prodotti bis-CMS turi li fil-bidu ta’ skema ġdida tal-produzzjoni, huwa importanti li jiġu ttestjati r-rekwiżiti tekniċi fis-seħħ. Għalhekk, ir-rekwiżiti għall-varjetajiet jenħtieġ li jkunu applikabbli fuq bażi temporanja sal-31 ta’ Awwissu 2029, biex in-nissiela tal-pjanti ikunu jistgħu jadattaw il-produzzjoni tal-qamħ ibridu f’sistema mħallta. Tali approċċ huwa neċessarju biex jitnaqqas kwalunkwe riskju ta’ din l-iskema ta’ produzzjoni u biex jipprovdi lill-bdiewa b’tip ġdid ta’ varjetajiet tal-qamħ ġdid. Jenħtieġ li dak il-limitu ta’ żmien ikun suffiċjenti biex jippermetti lin-nissiela tal-pjanti u lill-awtoritajiet taċ-ċertifikazzjoni jiksbu l-għarfien meħtieġ għall-applikazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi għall-produzzjoni taż-żrieragħ ibridi tal-qamħ, u biex jirrevedu dawn ir-rekwiżiti.

(5)

Sabiex il-Kummissjoni u l-Stati Membri jiksbu għarfien adegwat dwar l-applikazzjoni tas-CMS, u sabiex ikun jista’ jsir eżami mill-ġdid tar-regoli rispettivi, l-awtorità responsabbli taċ-ċertifikazzjoni jenħtieġ li tirrapporta kull sena lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, ir-riżultati tas-sena preċedenti fir-rigward tal-kwantità ta’ żrieragħ ibridi prodotti u l-perċentwal tal-lottijiet ta’ żrieragħ li jkunu ġew irrifjutati minħabba parametri ta’ kwalità insuffiċjenti, sat-28 ta’ Frar 2030.

(6)

Għalhekk, l-Annessi I u II tad-Direttiva 66/402/KEE jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADDOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 66/402/KEE

L-Annessi I u II tad-Direttiva 66/402/KEE huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2022. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Settembru 2022 sal-31 ta’ Awwissu 2029.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU 125, 11.7.1966, p. 2309.


ANNESS

L-Annessi I u II tad-Direttiva 66/402/KEE huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel sentenza tal-punt 5 hija sostitwita b’dan li ġej:

“Uċuħ tar-rabà biex jipproduċu ż-żerriegħa ċċertifikata tal-ibridi ta’ Avena nuda, Avena sativa, Avena strigosa, Oryza sativa u xTriticosecale li ddakkar lilha nfisha u uċuħ tar-rabà biex jipproduċu ż-żerriegħa ċċertifikata tal-ibridi ta’ Hordeum vulgare, Triticum aestivum subsp. aestivum, Triticum aestivum subsp.spelta, Triticum turgidum subsp. durum, permezz ta’ teknika li mhix l-Isterilità Maskili Ċitoplażmika (“CMS”);”

(b)

il-punt li ġej għandu jiddaħħal bejn il-punti 5a u 6:

“5b.

Uċuħ tar-rabà biex jipproduċu ż-żerriegħa bażika u ċċertifikata tal- ibridi ta’ Triticum aestivum subsp. aestivum, Triticum aestivum subsp. spelta, Triticum turgidum subsp. durum permezz tas-CMS:

(a)

Il-wiċċ tar-rabà għandu jikkonforma mal-istandards li ġejjin fir-rigward tad-distanzi minn sorsi mill-viċin ta’ trab tad-dakra li jista’ jirriżulta f’dakkir barrani mhux mixtieq:

Uċuħ tar-rabà

Distanza minima

Għall-komponent femminili CMS għall-produzzjoni taż-żerriegħa bażika

300  m

Għall-produzzjoni ta’ żerriegħa ċċertifikata

25  m;

(b)

Il-wiċċ tar-rabà għandu jkollu biżżejjed identità u purità varjetali fir-rigward tal-karatteristiċi tal-komponenti.

B’mod partikolari, il-wiċċ tar-rabà għandu jikkonforma mal-istandards li ġejjin:

(i)

Il-perċentwal f’għadd ta’ pjanti li mhumiex veraċi għat-tip b’mod ovvju ma għandux jaqbeż:

għall-uċuħ tar-rabà użati għall-produzzjoni ta’ żerriegħa bażika, 0,1 % għal-linja taż-żamma u għal-linja tar-radd lura, u 0,3 % għall-komponent femminili CMS;

għall-uċuħ tar-rabà użati għall-produzzjoni ta’ żerriegħa ċċertifikata, 0,3 % għal-linja tar-radd lura u 0,6 % għall-komponent femminili CMS u 1 % f’każ li l-komponent femminili CMS ikun ibridu waħdieni.

(ii)

Il-livell ta’ sterilità maskili tal-komponenti femminili għandu jkun mill-inqas:

99,7 % għal uċuħ tar-rabà użati għall-produzzjoni ta’ żerriegħa bażika;

99 % għal uċuħ tar-rabà użati għall-produzzjoni ta’ żerriegħa ċċertifikata.

(iii)

Il-konformità mar-rekwiżiti tal-punti (i) u (ii) għandhom jiġu eżaminati b’test uffiċjali ta’ wara l-kontroll.

(c)

Iż-żerriegħa ċċertifikata tista’ tiġi prodotta f’kultivazzjoni mħallta ta’ komponent femminili bi sterilità maskili ma’ komponent maskili li jreġġa’ lura l-fertilità.

L-awtorità responsabbli taċ-ċertifikazzjoni għandha tirrapporta lill-Kummissjoni u lill-Stati Membri l-oħrajn, ir-riżultati tas-sena preċedenti rigward il-kwantità ta’ żrieragħ ibridi prodotti, il-konformità mal-ispezzjonijiet fil-post bir-rekwiżiti rispettivi, il-perċentwal tal-lottijiet ta’ żrieragħ li ġew rifjutati minħabba parametri ta’ kwalità’ insuffiċjenti u kwalunkwe informazzjoni oħra li tiġġustifika din iċ-ċaħda sat-28 ta’ Frar ta’ kull sena. Dan l-obbligu ta’ rapportar għandu jkun applikabbli sat-28 ta’ Frar 2030.”

(2)

Il-punt 1 tal-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

It-Taqsima C hija sostitwita b’dan li ġej:

“C.

L-ibridi ta’ Avena nuda, Avena sativa, Avena strigosa, Hordeum vulgare, Oryza sativa, Triticum aestivum subsp. aestivum, Triticum aestivum subsp. spelta, Triticum turgidum subsp. durum u xTriticosecale li ddakkar lilha nnifisha

Il-purità minima varjetali taż-żerriegħa tal-kategorija taż-żerriegħa ċċertifikata għandha tkun 90 %.

Fil-każ ta’ Hordeum vulgare, Triticum aestivum subsp. aestivum, Triticum aestivum subsp. spelta, Triticum turgidum subsp. durum prodotti permezz tas-CMS, għandha tkun ta’ 85 %. Impuritajiet oħra li ma jroddux lura m’għandhomx jaqbżu t-2 %.

Il-purità varjetali minima għandha tiġi eżaminata waqt test uffiċjali ta’ wara l-kontroll fuq proporzjon xieraq ta’ kampjuni.

L-awtorità responsabbli taċ-ċertifikazzjoni għandha tirrapporta lill-Kummissjoni u lill-Stati Membri l-oħrajn ir-riżultati tas-sena preċedenti rigward il-kwantità ta’ żrieragħ ibridi prodotti ta’ Triticum aestivum subsp. aestivum, Triticum aestivum subsp. spelta u Triticum turgidum subsp. durum, u l-perċentwal tal-lottijiet ta’ żrieragħ li ġew rifjutati minħabba parametri ta’ kwalità insuffiċjenti, ir-riżultati tat-test uffiċjali ta’ wara l-kontroll u kwalunkwe informazzjoni oħra li tiġġustifika din iċ-ċaħda sat-28 ta’ Frar ta’ kull sena. Dan l-obbligu ta’ rapportar għandu jkun applikabbli sat-28 ta’ Frar 2030.”

(b)

It-titlu tat-Taqsima E huwa sostitwit b’dan li ġej:

“E.

L-ibridi ta’ Secale cereale u ibridi CMS ta’ Hordeum vulgare, Triticum aestivum subsp. aestivum, Triticum aestivum subsp. spelta, Triticum turgidum subsp. durum .