2.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 112/19


REGOLAMENT (UE) 2018/644 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta' April 2018

dwar servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

It-tariffi applikabbli għal pakketti u oġġetti postali oħra transkonfini għall-mittenti b'volumi baxxi, partikolarment intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u individwi, għadhom relattivament għoljin. Dan iħalli impatt dirett u negattiv fuq l-utenti li jfittxu servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini, speċjalment fil-kuntest tal-kummerċ elettroniku.

(2)

L-Artikolu 14 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jenfasizza l-post okkupat mis-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, bħalma huma s-servizzi postali, fost il-valuri komuni tal-Unjoni, kif ukoll ir-rwol tagħhom fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u territorjali. Jiddikjara li għandha tingħata attenzjoni li dawn is-servizzi joperaw fuq il-bażi ta' prinċipji u kundizzjonijiet li jippermettulhom iwettqu l-missjonijiet tagħhom.

(3)

Il-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta' interess ġenerali, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-TFUE, jenfasizza ulterjorment li l-valuri komuni tal-Unjoni fir-rigward tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali fis-sens tal-Artikolu 14 tat-TFUE jinkludu d-differenzi fil-ħtiġijiet u l-preferenzi tal-utenti li jistgħu jirriżultaw minn sitwazzjonijiet ġeografiċi, soċjali jew kulturali differenti kif ukoll minn livell għoli ta' kwalità, sikurezza u affordabilità, trattament indaqs u l-promozzjoni ta' aċċess universali u tad-drittijiet tal-utenti.

(4)

L-Artikolu 169(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 169(2) tat-TFUE jiddisponu li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-kisba ta' livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur permezz ta' miżuri adottati skont l-Artikolu 114 tiegħu.

(5)

Hemm differenzi fundamentali bejn l-Istati Membri f'dak li jirrigwarda l-kompetenzi konferiti lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fir-rigward tal-monitoraġġ tas-suq u s-superviżjoni regolatorja tal-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti. Pereżempju, xi awtoritajiet jistgħu b'suċċess jobbligaw lill-fornituri jagħtu informazzjoni rilevanti dwar il-prezzijiet. L-eżistenza ta' dawn id-differenzi ġiet ikkonfermata minn opinjoni konġunta tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej għal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi u tal-Grupp Ewropew tar-Regolaturi tas-Servizzi Postali, li kkonkludiet li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jeħtieġu setgħat regolatorji xierqa biex jintervjenu u li dawn is-setgħat ma jidhirx li huma preżenti fl-Istati Membri kollha. Dawk id-differenzi jwasslu għal piżijiet amministrattivi u spejjeż ta' konformità addizzjonali għall-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti li joperaw min-naħa għall-oħra tal-fruntieri. Dawn id-differenzi għalhekk jikkostitwixxu ostakolu għall-provvista transkonfini ta' servizzi tal-konsenja tal-pakketti u għalhekk iħallu effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern.

(6)

Minħabba n-natura internazzjonali tas-settur postali tal-pakketti, l-iżvilupp ulterjuri ta' standards tekniċi Ewropej u internazzjonali huwa importanti għall-benefiċċju tal-utenti u tal-ambjent, u għat-twessigħ tal-opportunitajiet tas-suq għan-negozji. Barra minn hekk, l-utenti ta' spiss jirrapportaw kwistjonijiet relatati mal-kwalità tas-servizz meta jibagħtu, jirċievu jew jirritornaw pakketti transkonfini. Għalhekk, huwa daqstant meħtieġ li jsir aktar titjib fl-istandards tal-kwalità tas-servizz u fl-interoperabbiltà tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini. Jenħtieġ li t-tnejn li huma jingħataw aktar prijorità skont id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), permezz tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u b'modi oħra. Huwa meħtieġ ukoll aktar progress sabiex is-servizzi jsiru aktar effiċjenti, li, li b'mod partikolari, jenħtieġ li jqis l-interessi tal-utenti.

(7)

L-istandardizzazzjoni tas-servizzi postali u t-titjib fil-kwalità tas-servizz b'appoġġ għad-Direttiva 97/67/KE hija prijorità strateġika tal-Unjoni, li jenħtieġ li tiġi segwita ulterjorment. L-istandardizzazzjoni teknika hija indispensabbli għall-promozzjoni tal-interoperabilità bejn in-networks nazzjonali u għall-eżistenza ta' servizz universali effiċjenti. F'Awwissu 2016, il-Kummissjoni ssottomettiet ir-raba' talba ta' standardizzazzjoni lis-CEN bl-għan li tistabbilixxi programm ta' ħidma u li tipprovdi rapport finali f'Awwissu 2020 (4). Dak il-programm ta' ħidma jenħtieġ li, b'mod partikolari, iqis l-interessi tal-utenti u l-kunsiderazzjonijiet ambjentali, kif ukoll l-effiċjenza, u jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-ħolqien ta' Suq Uniku Diġitali għall-Unjoni.

(8)

Is-suq għas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini huwa divers, kumpless u kompetittiv, b'fornituri differenti li joffru servizzi u prezzijiet differenti skont il-piż, id-daqs u l-format ta' pakketti mibgħuta, kif ukoll id-destinazzjoni tagħhom, kwalunkwe element ta' valur miżjud, bħalma huma sistemi ta' traċċabilità, u l-għadd tal-pakketti mibgħuta. F'diversi Stati Membri, il-fornituri ta' servizzi universali m'għandhomx sehem maġġoritarju mis-suq tal-konsenja tal-pakketti. Din id-diversità tagħmilha diffiċli għall-konsumaturi u għall-utenti li jqabblu s-servizzi tal-konsenja tal-pakketti offruti minn fornituri differenti, kemm f'termini ta' kwalità kif ukoll ta' prezz, peress li sikwit ma jkunux konxji tal-eżistenza ta' diversi għażliet ta' konsenja tal-pakketti għal servizzi simili fil-kummerċ onlajn transkonfini. B'mod partikulari, jenħtieġ li jsir aktar faċli li l-SMEs u l-individwi jaċċessaw l-informazzjoni rilevanti. Barra minn hekk, in-negozjanti żgħar u ta' daqs medju identifikaw id-diffikultajiet tal-konsenja bħala ostaklu meta jbigħu b'mod transkonfini.

(9)

Sabiex itejbu servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini, speċjalment għall-individwi u għall-mikroimpriżi u impriżi żgħar, inklużi dawk f'żoni remoti jew b'popolazzjoni baxxa u għal individwi b'diżabilitajiet jew b'mobilità mnaqqsa, huwa meħtieġ li jittejbu l-aċċess u t-trasparenza ta' listi pubbliċi ta' tariffi għal sett limitat ta' servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini. Jenħtieġ li l-fatt li l-prezzijiet stranskonfini jsiru aktar trasparenti u faċilment komparabbli fl-Unjoni kollha jinkoraġġixxi t-tnaqqis ta' differenzi irraġonevoli bejn it-tariffi, inkluż meta applikabbli, id-differenzi mhux ġustifikati bejn it-tariffi domestiċi u dawk transkonfini.

(10)

Servizzi tal-konsenja ta' pakkett individwali huma parti mis-servizzi universali f'kull Stat Membru u jirrappreżentaw ukoll is-servizzi li l-aktar jintużaw ta' spiss minn individwi u negozji żgħar. It-titjib tat-trasparenza u tal-affordabbiltà tat-tariffi għal pakkett individwali huwa neċessarju għall-iżvilupp ulterjuri tal-kummerċ elettroniku.

(11)

Ħafna mill-kumpaniji li jbigħu, li kienu jbigħu jew li kienu ppruvaw ibiegħu onlajn, jikkunsidraw l-ispejjeż għoljin tal-konsenja flimkien ma' proċessi tal-ilmenti u garanziji għaljin bħala problema. Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri b'mod partikolari biex tiżgura li l-SMEs u l-individwi f'żoni remoti, jibbenefikaw bis-sħiħ minn servizzi tal-konsenja bla interruzzjoni tal-pakketti transkonfini li għalihom ikollhom aċċess u biex jiġi żgurat li dawk is-servizzi jkollhom prezz raġonevoli.

(12)

It-terminu “fornituri tas-servizz universali” jfisser operaturi postali li jipprovdu servizz postali universali jew partijiet minnu fi Stat Membru speċifiku. Il-fornituri tas-servizz universali li joperaw f'aktar minn Stat Membru wieħed jenħtieġ li jiġu kklassifikati bħala fornituri tas-servizz universali biss fl-Istat Membru jew Stati Membri li fihom jipprovdu servizz postali universali.

(13)

Bħalissa, is-servizzi postali huma regolati mid-Direttiva 97/67/KE. Dik id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni li jirregolaw il-forniment ta' servizzi postali u s-servizz postali universali fl-Unjoni. Id-Direttiva tiffoka primarjament, iżda mhux esklussivament, fuq servizzi universali nazzjonali u ma tindirizzax is-superviżjoni regolatorja tal-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti. Il-konformità mar-rekwiżiti minimi tas-servizz universali stabbiliti f'dik id-Direttiva hija żgurata mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali maħtura mill-Istati Membri. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jikkumplimenta, sa fejn huma konċernati s-servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini, ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 97/67/KE. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u għall-garanziji stabbiliti fid-Direttiva 97/67/KE, inkluża b'mod partikolari l-provvista kontinwa ta' servizz postali universali għall-utenti.

(14)

Dan ir-Regolament ma jbiddilx id-definizzjoni ta' oġġett postali fil-punt 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 97/67/KE jew id-definizzjonijiet tal-liġi nazzjonali bbażati fuqha.

(15)

Stima ta' 80 % tal-pakketti postali indirizzati ġġenerati mill-kummerċ elettroniku llum il-ġurnata jiżnu anqas minn żewġ kilogrammi, u ħafna drabi huma jiġu proċessati mal-posta tal-ittri. Hemm nuqqas ta' informazzjoni dwar il-piż tal-pakketti kkonsenjati b'mezzi oħra. Huwa importanti li dawk l-oġġetti li huma eħfef ikunu soġġetti għal dan ir-Regolament.

(16)

Għall-fini tal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, huwa importanti li jingħataw definizzjonijiet ċari ta' pakketti, servizzi tal-konsenja tal-pakketti u ta' fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti u li jiġi speċifikat liema oġġetti postali huma koperti b'dawk id-definizzjonijiet. Wieħed jassumi li l-oġġetti postali li huma eħxen minn 20 mm ikun fihom oġġetti għajr korrispondenza, immaniġġati jew le minn fornitur tas-servizz universali. L-oġġetti postali li jikkonsistu biss minn korrispondenza jenħtieġ li ma jaqgħux fl-ambitu ta' servizzi tal-konsenja tal-pakketti. Jenħtieġ li dan ir-Regolament għaldaqstant, skont prattika konsistenti, ikopri pakketti li jkun fihom oġġetti ta' valur kummerċjali jew mingħajr valur kummerċjali li jiżnu sa 31,5 kg, peress li oġġetti itqal ma jistgħux jiġu mmaniġġati minn individwu medju waħdu mingħajr għajnuniet mekkaniċi u din l-attività hija parti mis-settur tat-trasport tal-merkanzija u loġistiku.

(17)

Fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti li jużaw mudelli kummerċjali alternattivi, pereżempju dawk li jibbażaw ruħhom fuq l-ekonomija kollaborattiva u l-pjattaformi tal-kummerċ elettroniku, jenħtieġ li jiġu soġġetti għal dan ir-Regolament jekk jipprovdu mill-inqas wieħed mill-istadji fil-katina tal-konsenja postali. Is-servizzi li fihom jinġabru, jiġu ssortjati, u jitqassmu l-pakketti, inklużi servizzi tal-ġbir tal-pakketti, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati bħala servizzi tal-konsenja tal-pakketti, inkluż meta huma jkunu pprovduti minn fornituri ta' servizzi express u tal-kurrier, kif ukoll il-konsolidaturi, f'konformità mal-prattika attwali. It-trasport waħdu li ma jsirx flimkien ma' wieħed minn dawk l-istadji jenħtieġ li jaqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti, inkluż meta huwa jitwettaq minn sottokuntratturi, kemm fil-kuntest ta' mudelli kummerċjali alternattivi, kif ukoll jekk le, peress li f'dak il-każ jenħtieġ li jiġi preżunt li din l-attività hija parti mis-settur tat-trasport, sakemm l-impriża kkonċernata, jew waħda mis-sussidjarji tagħha jew impriżi marbuta, ma taqax mod ieħor fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(18)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma japplikax għal impriżi li jkunu stabbiliti fi Stat Membru wieħed biss u li jkollhom netwerks ta' konsenja interni nazzjonali biss sabiex jonoraw l-ordnijiet ta' oġġetti li jkunu biegħu huma stess taħt kuntratt ta' bejgħ skont it-tifsira tal-punt 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). L-impriżi li jużaw anke netwerks ta' konsenja interni nazzjonali għall-konsenja ta' oġġetti mibjugħa minn terzi persuni jenħtieġ li jkunu soġġetti għal dan ir-Regolament.

(19)

L-informazzjoni kunfidenzjali minima li jenħtieġ li tintbagħat lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-proċeduri segwiti minn dawk l-awtoritajiet sabiex jiżguraw il-konformità man-natura kummerċjali tal-operaturi nazzjonali jenħtieġ li jkunu definiti, u jenħtieġ li jkunu stabbiliti mezzi siguri għall-komunikazzjoni tagħhom.

(20)

Huwa meħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkollhom għarfien, u informazzjoni għal skopijiet ta' statistika, dwar il-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti li huma attivi fis-suq fuq il-bażi ta' proċeduri ta' awtorizzazzjoni xierqa jew ta' rekwiżiti legali oħra. Minħabba n-natura tas-settur bħala wieħed li jirrikjedi ħafna ħaddiema u sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv fuq fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti żgħar li huma attivi biss fis-suq nazzjonali jew reġjonali, jenħtieġ li jiġi applikat limitu ta' inqas minn 50 persuna, ibbażat fuq l-għadd ta' persuni li kienu jaħdmu għall-fornitur tas-servizz matul is-sena kalendarja preċedenti u li kienu involuti fl-għoti ta' servizzi tal-konsenja tal-pakketti fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit il-fornitur, dment li dak il-fornitur mhuwiex stabbilit f'aktar minn Stat Membru wieħed. Dak il-livell minimu huwa konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (6), jirrifletti n-natura tas-settur bħala wieħed li jirrikjedi ħafna ħaddiema u jirrifletti l-biċċa l-kbira tas-suq tal-konsenja tal-pakketti, speċjalment f'pajjiżi b'volumi baxxi tal-fluss tal-pakketti. Dak il-limitu jenħtieġ li, b'mod partikolari, jinkludi l-persuni involuti fil-forniment tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti bħal impjegati full-time, part-time u temporanji u persuni li jaħdmu għal rashom li jaħdmu għall-fornitur tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti. L-analiżi li turi n-numru ta' persuni skont l-istatus tal-impjieg jenħtieġ li tkun skont il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri kkonċernati. F'ċerti każijiet, filwaqt li jittieħed kont tal-ispeċifiċitajiet tal-Istat Membru ikkonċernat, l-awtorità regolatorja nazzjonali jenħtieġ li tkun tista' tbaxxi il-limitu minimu għal 25 persuna, jew li titlob lill-fornitur tas-servizz tal-konsenja tal-pakketti transkonfini jinkludi fil-limitu minimu, l-impjegati full-time, part-time u temporanji u l-persuni li jaħdmu għal rashom għas-sottokuntratturi tiegħu, sabiex tiżdied it-trasparenza tat-tariffi transkonfini u tas-suq kollu kemm hu.

(21)

Jenħtieġ li kwalunkwe preżentazzjoni lill-awtorità regolatorja nazzjonali ta' informazzjoni dwar l-għadd ta' persuni li jaħdmu għall-fornitur tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti, tkun skont il-prattiki ta' rappurtar tal-kumpanija stabbilita li jikkonċernaw informazzjoni statistika. Dan huwa importanti sabiex tkun żgurata l-komparabilità tad-dejta, waqt li l-piż amministrattiv fuq il-fornituri jinżamm għall-minimu.

(22)

Il-post li fih il-fornitur tas-servizz huwa stabbilit għandu jkun iddeterminat f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fejn fornitur ikollu diversi postijiet ta' stabbiliment, huwa importanti li jkun determinat il-post ta' stabbiliment li minnu s-servizz effettiv ikkonċernat huwa pprovdut.

(23)

Meta tiġi ppreżentata informazzjoni lill-awtorità regolatorja nazzjonali, il-karatteristiċi tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti jenħtieġ li jinkludu l-istadji fil-katina tal-konsenja postali (il-ġbir, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim) imwettqa minn dak il-fornitur, jekk is-servizz jaqax jew le fl-ambitu tal-obbligu tas-servizz universali; x'inhu l-ambitu territorjali tas-servizz (reġjonali, domestiku, transkonfini), u jekk huwiex offrut valur miżjud.

(24)

Il-lista ta' oġġetti postali li huma soġġetti għal miżuri ta' trasparenza fil-prezzijiet jenħtieġ li tiġi limitata sabiex tiġi ffaċilitata l-komparabilità u sabiex jiġu mminimizzati l-piżijiet amministrattivi fuq il-fornituri tas-servizz tal-konsenja tal-pakketti transkonfini u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Is-servizzi standard u reġistrati jenħtieġ li jiġu inklużi, peress li dawn jiffurmaw il-bażi tal-obbligu tas-servizz universali, u minħabba l-importanza tal-funzjonalità ta' lokazzjoni u traċċar għall-kummerċ elettroniku, il-prezzijiet tas-servizz ta' lokazzjoni u traċċar u tal-pakketti rreġistrati jenħtieġ li jiġu inklużi wkoll, irrispettivament minn jekk jiffurmawx parti mill-obbligu tas-servizz universali, sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà fl-Unjoni kollha. Jenħtieġ li l-enfasi tkun fuq piżijiet eħfef, li jammontaw għall-maġġoranza tal-oġġetti postali kkonsenjati mill-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti, kif ukoll il-prezzijiet għal oġġetti postali eħxen minn 20 mm, li jiġu pproċessati bħala ittri. Jenħtieġ li jiġu inklużi biss tariffi għal kull pakkett peress li dawn huma l-prezzijiet imħallsa mill-iċken mittenti. Jenħtieġ li l-oġġetti postali kkonċernati jiġu stabbiliti b'mod ċar f'Anness għal dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament ma jobbligax lill-fornituri tas-servizz tal-konsenja tal-pakketti transkonfini li joffru l-oġġetti postali kollha elenkati f'dak l-Anness. Sabiex tiġi żgurata l-preċiżjonital-informazzjoni dwar it-tariffi, jenħtieġ li di tingħata mill-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini nnifishom. Jenħtieġ li dawk it-tariffi jkunu ppubblikati mill-Kummissjoni fuq sit tal-Internet dedikat, li jkun ta' natura newtrali u mhux kummerċjali.

(25)

Meta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jivvalutaw b'mod oġġettiv it-tariffi transkonfini li huma jikkunsidraw meħtieġa li jivvalutaw, jenħtieġ li jibbażaw irwieħhom fuq elementi, bħat-tariffi domestiċi u kwalunkwe tariffa oħra rilevanti tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti komparabbli fl-Istat Membru ta' oriġini u fl-Istat Membru tad-destinazzjoni; kwalunkwe applikazzjoni ta' tariffa uniformi lil żewġ Stati Membri jew aktar; il-volumi bilaterali, l-ispejjeż speċifiċi ta' trasport jew immaniġġar; spejjeż rilevanti oħrajn u standards ta' kwalità tas-servizz; u, meta jkun possibbli mingħajr piż sproporzjonat, l-impatt probabbli tat-tariffi transkonfini applikabbli fuq l-individwi u fuq l-utenti f'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, inklużi dawk li jinsabu f'żoni remoti jew b'popolazzjoni baxxa, u fuq l-utenti individwali li jkunu persuni b'diżabilità jew b'mobilità mnaqqsa. Dawk l-elementi komuni jistgħu jiġu kkumplimentati b'elementi oħra ta' rilevanza partikolari biex jispjegaw it-tariffi inkwistjoni, bħal jekk it-tariffi humiex soġġetti għal regolamentazzjoni speċifika tal-prezzijiet skont il-liġi nazzjonali jew jekk abbużi tal-pożizzjoni dominanti fis-suq ikunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli rilevanti. Barra minn hekk, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u fuq il-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti soġġetti għall-obbligu tas-servizz universali, u f'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu, meta jkun qed jidentifikaw liema tariffi transkonfini huma meħtieġa li jivvalutaw, jibbażaw l-identifikazzjoni tagħhom fuq mekkaniżmu ta' filtru qabel il-valutazzjoni oġġettiv.

(26)

Tariffi uniformi għall-konsenji transkonfini għal żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu jkunu importanti għall-ħarsien tal-koeżjoni reġjonali u soċjali. F'dak il-kuntest, jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni lill-ħtieġa tal-promozzjoni tal-kummerċ elettroniku u jingħataw opportunitajiet ġodda biex iż-żoni remoti jew b'popolazzjoni baxxa jipparteċipaw fil-kummerċ onlajn u biex jissaħħu l-ekonomiji reġjonali tagħhom.

(27)

Differenzi sinifikanti bejn it-tariffi domestiċi u dawk transkonfini għal servizzi tal-konsenja tal-pakketti jenħtieġ li jkunu ġustifikati abbażi ta' kriterji oġġettivi, bħal spejjeż speċifiċi ta' trasport jew immaniġġar jew spejjeż rilevanti oħra. Jista' jkun meħtieġ li l-awtorità regolatorja nazzjonali tiġbor evidenza għall-finijiet tal-valutazzjoni. Jenħtieġ li dik l-evidenza, flimkien ma' kwalunkwe ġustifikazzjoni tat-tariffi li jkunu qed jiġu vvalutati, jiġu pprovduti lill-awtorità regolatorja nazzjonali fuq talba.

(28)

Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza madwar l-Unjoni, verżjoni mhux kunfidenzjali tal-valutazzjoni ppreżentata minn kull awtorità regolatorja nazzjonali jenħtieġ li tiġi ppubblikata mill-Kummissjoni.

(29)

Sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv, fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti, awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-Kummissjoni jenħtieġ li jittrasferixxu dejta b'mezzi elettroniċi, u b'mod partikolari jenħtieġ li jippermettu l-użu ta' firem elettroniċi, kif previst fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(30)

Peress li s-swieq għas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti qed jinbidlu b'ħeffa, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta mill-ġdid l-effiċjenza u l-effikaċja ta' dan ir-Regolament, filwaqt li tqis l-iżviluppi fil-kummerċ elettroniku, u jenħtieġ li tissottometti rapport ta' evalwazzjoni regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dan ir-rapport jenħtieġ li jkun akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposta leġislattiva għal reviżjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport jenħtieġ li jiġi prodott bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluż il-Kumitat Ewropew għad-Djalogu Soċjali għas-settur postali.

(31)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tibni fuq kontribut siewi mill-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għas-Servizzi Postali li huwa magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

(32)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi formula għat-tressiq ta' informazzjoni mill-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti lil awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(33)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u jenħtieġ li jiġi implimentat f'konformità ma' dawn id-drittijiet u l-prinċipji.

(34)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) japplikaw għall-ipproċessar ta' data personali fil-qafas ta' dan ir-Regolament.

(35)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta' dan ir-Regolament u jenħtieġ li jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawn il-penali jenħtieġ li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(36)

Minħabba li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi l-prinċipji regolatorji u r-regoli meħtieġa biex tittejjeb is-sorveljanza regolatorja, biex tittejjeb it-trasparenza tat-tariffi u li jistabbilixxi ċerti prinċipji, li jenħtieġ li jappoġġjaw il-kompetizzjoni, fir-rigward tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini, bil-għan aħħari li jitrawmu servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini aħjar għall-utenti, u b'hekk, titkattar ukoll il-fiduċja tal-konsumatur fil-kummerċ elettroniku transkonfini, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dan l-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u għanijiet

Dan ir-Regolament jistipula dispożizzjonijiet speċifiċi biex irawmu servizzi aħjar tal-konsenja tal-pakketti transkonfini, flimkien ma' dawk stipulati fid-Direttiva 97/67/KE, fir-rigward ta':

(a)

is-sorveljanza regolatorja relatata mas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti;

(b)

it-trasparenza tat-tariffi, u l-valutazzjoni tat-tariffi għal ċerti servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini, bl-iskop li jiġu identifikati dawk li huma għoljin b'mod mhux raġonevoli;

(c)

informazzjoni li n-negozjanti jagħmlu disponibbli għall-konsumaturi dwar servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 97/67/KE u fil-punti 1, 2 u 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE. Barra minn hekk, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“pakkett” tfisser oġġett postali li fih oġġetti, ta' valur kummerċjali jew mingħajr valur kummerċjali, għajr oġġett ta' korrispondenza, ta' piż li ma jaqbiżx il-31,5 kg;

(2)

“servizzi tal-konsenja tal-pakketti” tfisser servizzi li jinvolvu l-ġbir, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim tal-pakketti;

(3)

“fornitur tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti” tfisser impriża li tipprovdi servizz wieħed jew aktar tal-konsenja tal-pakketti bl-eċċezzjoni tal-impriżi stabbiliti fi Stat Membru wieħed biss, li jipprovdu biss servizzi domestiċi tal-konsenja tal-pakketti bħala parti minn kuntratt ta' bejgħ u li bħala parti mill-kuntratt jikkonsenjaw personalment oġġetti li huma s-suġġett ta' dak il-kuntratt lill-utent;

(4)

“sottokuntrattur” tfisser impriża li tipprovdi l-ġbir, l-issortjar, it-trasport jew it-tqassim tal-pakketti għall-fornitur tas-servizz tal-konsenja tal-pakketti.

Artikolu 3

Il-livell ta' armonizzazzjoni

Ir-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament huma rekwiżiti minimi u ma għandhom jipprevjenu lill-ebda Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri addizzjonali u proporzjonati bil-għan li jinkisbu servizzi aħjar tal-konsenja tal-pakketti transkonfini, bil-kundizzjoni li tali miżuri jkunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

KAPITOLU II

IS-SORVELJANZA REGOLATORJA

Artikolu 4

L-għoti tal-informazzjoni

1.   Il-fornituri kollha tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti għandhom jissottomettu lill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru fejn huma stabbiliti, l-informazzjoni li ġejja, sakemm l-awtorità regolatorja nazzjonali ma tkunx diġà talbitha u rċevietha:

(a)

isimhom, l-istatus u l-forma ġuridika tagħhom, in-numru tar-reġistrazzjoni tagħhom f'reġistru kummerċjali jew f'reġistru simili, in-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT tagħhom, l-indirizz tal-istabbiliment tagħhom u d-dettalji ta' kuntatt ta'persuna ta' kuntatt;

(b)

il-karatteristiċi, u, fejn possibbli, deskrizzjoni dettaljata, tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti offruti minnhom;

(c)

it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali ta' bejgħ tagħhom għas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti, inklużi dettalji tal-proċeduri ta' lment għall-utenti u kwalunkwe limitazzjoni potenzjali ta' responsabbiltà.

2.   Il-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti għandhom jinformaw lill-awtorità regolatorja nazzjonali bi kwalunkwe bidla fl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fi żmien 30 jum.

3.   Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena kalendarja, il-fornituri kollha tas-servizz tal-konsenja tal-pakketti għandhom jissottomettu lill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru fejn huma stabbiliti, l-informazzjoni li ġejja, sakemm l-awtorità regolatorja nazzjonali ma tkunx diġà talbitha u rċevietha din l-informazzjoni:

(a)

il-fatturat annwali f'servizzi tal-konsenja tal-pakketti għas-sena kalendarja preċedenti fl-Istat Membru fejn huma stabbiliti, maqsum f'servizzi tal-konsenja tal-pakketti domestiċi, dawk transkonfini li jkunu daħlu fil-pajjiż u dawk li jkunu ħarġu minnu;

(b)

l-għadd ta' persuni li jaħdmu għalihom matul is-sena kalendarja preċedenti involuti fl-għoti ta' servizzi tal-konsenja tal-pakketti fl-Istat Membru li fihom huma stabbiliti, inkluża analiżi maqsuma li turi l-għadd ta' persuni skont l-istatus ta' impjieg, u b'mod partikolari,dawk li jaħdmu fuq bażi full-time u part-time, dawk li huma impjegati temporanji u dawk li jaħdmu għal rashom;

(c)

l-għadd tal-pakketti mmaniġġati matul is-sena kalendarja preċedenti fl-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti, maqsuma f'pakketti domestiċi, dawk transkonfini li jkunu daħlu fil-pajjiż u dawk li jkunu ħarġu minnu.

(d)

l-ismijiet tas-sottokuntratturi tagħhom, flimkien ma' kwalunkwe informazzjoni fil-pussess tagħhom li tikkonċerna l-karatteristiċi tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti pprovduti minn dawk is-sottokuntratturi.

(e)

fejn disponibbli, kwalunkwe lista ta' prezzijiet aċċessibbli għall-pubbliku applikabbli fl-1 ta' Jannar ta' kull sena kalendarja għal servizzi tal-konsenja tal-pakketti.

4.   Sat-23 ta' Settembru 2018, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta' implimentazzjoni, li jistabbilixxi formula għas-sottomissjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 3. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 12.

5.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jimponu rekwiżiti ta' informazzjoni addizzjonali ma' dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 3 dment li jkunu meħtieġa u proporzjonati.

6.   Il-paragrafi 1 sa 5 m'għandhom japplikaw għall-ebda fornitur ta' servizzi tal-konsenja tal-pakketti li matul is-sena kalendarja preċedenti kellu medja ta' anqas minn 50 persuna li jaħdmu għalih u li huma involuti fl-għoti tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti fl-Istat Membru li fih ikun stabbilit dak il-fornitur, sakemm dak il-fornitur ma jkunx stabbilit f'aktar minn Stat Membru wieħed. Awtorità regolatorja nazzjonali tista' tinkludi fil-limitu minimu ta' 50 persuna, il-persuni li jaħdmu għas-sottokuntratturi tal-fornitur tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti.

7.   Minkejja l-paragrafu 6, awtorità regolatorja nazzjonali tista' titlob l-informazzjoni li għandha tingħata skont il-paragrafi 1 sa 5 mingħand kwalunkwe fornitur tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti li, matul is-sena kalendarja preċedenti, ikun impjega medja ta' bejn 25 u 49 persuna fejn l-ispeċifiċitajiet tal-Istat Membru kkonċernat ikunu jeħtieġu hekk u dment li jkun meħtieġ u proporzjonat sabiex tiġi żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 5

It-trasparenza tat-tariffi transkonfini

1.   Il-fornituri kollha tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini għajr dawk esklużi mill-Artikolu 4(6) u (7) għandhom jipprovdu lill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru fejn huma stabbiliti b'lista pubblika ta' tariffi applikabbli fl-1 ta' Jannar ta' kull sena kalendarja għall-konsenja ta' oġġetti postali individwali, għajr għal oġġetti ta' korrispondenza, li jaqgħu fil-kategoriji elenkati fl-Anness. Dik l-informazzjoni għandha tingħata sal-31 ta' Jannar ta' kull sena.

2.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, bla dewmien u sa mhux aktar tard mit-28 ta' Frar ta' kull sena kalendarja, jissottomettu lill-Kummissjoni l-listi pubbliċi tat-tariffi miksuba skont il-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tippubblikahom f'sit web dedikat sa mhux aktar tard mil-31 ta' Marzu ta' kull sena kalendarja, u għandha tiżgura li s-sit web dedikat ikun ta' karattru newtrali u mhux kummerċjali.

Artikolu 6

Il-valutazzjoni tat-tariffi transkonfini għal-pakketti individwali

1.   Abbażi tal-listi pubbliċi ta' tariffi miksuba skont l-Artikolu 5, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tidentifika, għal kull oġġetti postali individwali elenkat fl-Anness, it-tariffi transkonfini tal-fornitur tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti li joriġina fl-Istat Membru tagħha u li huma soġġetti għal obbligu ta' servizz universali li l-awtorità regolatorja nazzjonali oġġettivament tqis li għandha tivvaluta.

2.   L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha b'mod oġġettiv tevalwa, f'konformità mal-prinċipji fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 97/67/KE, it-tariffi transkonfini identifikati taħt il-paragrafu 1 sabiex tidentifika dawk it-tariffi transkonfini li hija tqis li huma għoljin b'mod mhux raġonevoli. F'dik il-valutazzjoni, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha b'mod partikolari tqis l-elementi li ġejjin:

(a)

it-tariffi domestiċi u kwalunkwe tariffa rilevanti oħra tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti komparabbli fl-Istat Membru tal-oriġini u fl-Istat Membru tad-destinazzjoni;

(b)

kwalunkwe applikazzjoni ta' tariffa uniformi lil żewġ Stati Membri jew aktar;

(c)

il-volumi bilaterali, l-ispejjeż speċifiċi ta' trasport jew immaniġġar, spejjeż rilevanti oħrajn u standards ta' kwalità tas-servizz;

(d)

l-impatt probabbli tat-tariffi transkonfini applikabbli fuq l-utenti individwi u l-'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, inklużi dawk li jinsabu f'żoni remoti jew b'popolazzjoni baxxa, u fuq l-utenti individwali b'diżabilità jew b'mobilità mnaqqsa, meta jkun possibbli u mingħajr ma jiġi impost piż sproporzjonat.

3.   Minbarra l-elementi fil-paragrafu 2, l-awtorità regolatorja nazzjonali tista', meta tqis li dan ikun meħtieġ, b'mod partikolari tieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-elementi li ġejjin:

(a)

jekk it-tariffi jkunu soġġetti għal regolamentazzjoni tal-prezzijiet skont il-liġi nazzjonali;

(b)

abbużi ta' pożizzjoni dominanti fis-suq stabbiliti skont il-liġi applikabbli rilevanti.

4.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi linji gwida dwar il-metodoloġija li għandha tintuża fir-rigward tal-elementi elenkati fil-paragrafi 2 u 3.

5.   Għall-finijiet tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha, meta tqis li jkun meħtieġ, titlob kwalunkwe evidenza rilevanti ulterjuri f'dak li għandu x'jaqsam ma' dawk it-tariffi li tkun meħtieġa sabiex issir il-valutazzjoni.

6.   L-evidenza msemmija fil-paragrafu 5 għandha tingħata lill-awtorità regolatorja nazzjonali fi żmien xahar minn meta tirċievi t-talba, flimkien ma' kwalunkwe ġustifikazzjoni tat-tariffi li jkunu qed jiġu vvalutati.

7.   L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tippreżenta l-valutazzjoni tagħha lill-Kummissjoni sat-30 ta' Ġunju tas-sena kalendarja rilevanti. Barra minn hekk, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali ta' dik il-valutazzjoni lill-Kummissjoni.

8.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-valutazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali mingħajr dewmien u fi kwalunkwe każ fi żmien xahar minn meta tirċeviha.

Artikolu 7

Informazzjoni lill-konsumaturi

Għal kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2011/83/UE, in-negozjanti kollha li jikkonkludu kuntratti ta' bejgħ mal-konsumaturi li jinkludu l-bgħit tal-pakketti transkonfini għandhom, fejn ikun possibbli u applikabbli, jagħmlu disponibbli, fl-istadju prekuntrattwali, informazzjoni dwar l-għażliet ta' konsenja transkonfini b'rabta mal-kuntratt ta' bejgħ speċifiku u l-imposti pagabbli mill-konsumaturi għall-konsenja tal-pakketti transkonfini, kif ukoll, fejn applikabbli, il-politiki tagħhom stess għat-trattament tal-ilmenti.

KAPITOLU III

ID-DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 8

Penali

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom, sat-23 ta' Novembru 2019, jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet tagħhom li jadottaw skont il-paragrafu 1, u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 9

Il-kunfidenzjalità

Kwalunkwe informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali pprovduta f'konformità ma' dan ir-Regolament lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew lill-Kummissjoni għandha tkun soġġetta għal rekwiżiti ta' kunfidenzjalità stretti skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali.

Artikolu 10

Applikazzjoni

Ħlief fejn dan ir-Regolament speċifikament jipprevedi mod ieħor, dan ir-Regolament għandu jkun bla ħsara għad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali, u għall-proċeduri ta' awtorizzazzjoni adatti applikabbli għall-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti, għar-regoli soċjali u tal-impjieg u għar-rekwiżiti dwar is-sottomissjoni ta' informazzjoni lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

Artikolu 11

Reviżjoni

Sat-23 ta' Mejju 2020, u minn hemm 'il quddiem kull tliet snin, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport ta' evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, akkumpanjat, fejn meħtieġ, bi proposta leġiżlattiva għar-reviżjoni tagħha. Il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha għandhom jiġu involuti u mgħarrfa qabel il-produzzjoni ta' dak ir-rapport.

Il-Kummissjoni għandha tal-anqas tevalwa dan li ġej:

(a)

il-kontribut ta' dan ir-Regolament għat-titjib tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini, inkluża l-affordabbiltà għall-SMEs u għall-individwi, speċjalment dawk li jinsabu f'żoni remoti jew b'popolazzjoni baxxa u jekk it-trasparenza tat-tariffi transkonfini tkunx tjiebet;

(b)

l-impatt ta' dan ir-Regolament fuq il-livelli tal-konsenja tal-pakketti transkonfini u fuq il-kummerċ elettroniku, inkluża dejta dwar it-tariffi ta' konsenja;

(c)

sa liema punt l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kellhom diffikultajiet biex japplikaw dan ir-Regolament, inkluż analiżi kwantitattiva tal-konsegwenzi amministrattivi;

(d)

progress li jkun sar u li jikkonċerna inizjattivi oħra għall-ikkompletar tas-suq uniku għas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti, u b'mod partikolari progress fl-oqsma tal-protezzjoni tal-konsumatur u dwar l-iżvilupp ta' standards.

Artikolu 12

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat tad-Direttiva Postali mwaqqaf bl-Artikolu 21 tad-Direttiva 97/67/KE. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mit-22 ta' Mejju 2018, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 8, li għandu japplika mit-23 ta' Novembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-18 ta' April 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

L. PAVLOVA


(1)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 106.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2018 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' April 2018.

(3)  Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14).

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Awwissu 2016 dwar talba għal standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni fir-rigward tas-servizzi postali u t-titjib fil-kwalità tas-servizz b'appoġġ għad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997.

(5)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(6)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u medji (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(10)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).


ANNESS

Oġġetti postali individwali li għalihom it-tariffi tal-fornitur tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti huma soġġetti għall-miżuri ta' trasparenza tat-tariffi u għall-valutazzjoni previsti fl-Artikoli 5 u 6:

(a)

ittra standard ta' 500 g (domestika u intra Unjoni);

(b)

ittra standard ta' 1 kg (domestika u intra Unjoni);

(c)

ittra standard ta' 2 kg (domestika u intra Unjoni);

(d)

ittra reġistrata ta' 500 g (domestika u intra Unjoni);

(e)

ittra reġistrata ta' 1 kg (domestika u intra Unjoni);

(f)

ittra reġistrata ta' 2 kg (domestika u intra Unjoni);

(g)

ittra b'lokazzjoni u traċċar ta' 500 g (domestika u intra Unjoni);

(h)

ittra b'lokazzjoni u traċċar ta' 1 kg (domestika u intra Unjoni);

(i)

ittra b'lokazzjoni u traċċar ta' 2 kg (domestika u intra Unjoni);

(j)

pakkett standard ta' 1 kg (domestika u intra Unjoni);

(k)

pakkett standard ta' 2 kg (domestika u intra Unjoni);

(l)

pakkett standard ta' 5 kg (domestika u intra Unjoni);

(m)

pakkett b'lokazzjoni u traċċar ta' 1 kg (domestika u intra Unjoni);

(n)

pakkett b'lokazzjoni u traċċar ta' 2 kg (domestika u intra Unjoni);

(o)

pakkett b'lokazzjoni u traċċar ta' 5 kg (domestika u intra Unjoni).

L-oġġetti postali elenkati fil-punti (a) sa (o) għandhom jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

(a)

Il-limiti tad-daqs tal-oġġetti postali elenkati fil-punti (a) sa (i) (prodotti tal-posta tal-ittri) għandhom isegwu din ir-regola:

It-tul, il-wisa' u l-ħxuna kkombinati: 900 mm, l-akbar dimensjoni ma għandhiex teċċedi s-600 mm, l-iżgħar dimensjoni għandha teċċedi l-20 mm;

(b)

Il-pakketti elenkati fil-punti (j) sa (o) ma għandhomx ikunu iżgħar mid-daqs preskritt għal dawk elenkati fil-punti (a) sa (i).

Elementi li għandhom jiġu kkunsidrati meta tingħata l-informazzjoni dwar tariffi għall-punti (a) sa (o):

(*)

It-tariffi li jikkorrispondu mal-oġġetti postali għandhom ikunu individwali u ma għandhomx jinkludu kwalunkwe skont speċjali abbażi tal-volumi jew kwalunkwe trattament speċjali ieħor.

(**)

Il-valur tat-tariffi għandu jingħata lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali mingħajr il-VAT.

(***)

Il-fornituri li joffru aktar minn oġġetti postali wieħed li jissodisfaw il-kriterji ta' hawn fuq għandhom jirrapportaw l-orħos tariffa.

(****)

It-tariffi ta' hawn fuq għandhom jikkorrispondu għal oġġetti postali kkonsenjati fid-dar jew post ieħor tad-destinatarju fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, jew f'post ieħor mitlub mid-destinatarju jekk tali tariffa tinkludi dik l-għażla mingħajr ħlas addizzjonali.