27.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 55/27


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/290

tas-26 ta' Frar 2018

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi ta' esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi fiż-żjut veġetali u x-xaħmijiet, fil-formula tat-trabi, fil-formula tat-trabi li għandhom iktar minn sitt xhur u f'ikel għal raġunijiet mediċi speċjali maħsub għat-trabi u għat-tfal żgħar

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta' Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel, (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (2) jiffissa l-livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel.

(2)

F'Mejju tal-2016, il-Bord Xjentifiku dwar Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel (CONTAM) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni xjentifika dwar ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem relatati mal-preżenza ta' 3-u 2-monokloropropandiol (MCPD), u tal-esteri tal-aċidi grassi tagħhom, u ta' esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi fl-ikel (3).

(3)

Fid-dawl tan-noti ta' gwida aġġornati tal-Kumitat Xjentifiku tagħha dwar l-użu tal-approċċ tad-doża limitu ta' riferiment (benchmark dose limit) fil-valutazzjoni tar-riskju (4), l-Awtorità ddeċidiet li tiftaħ mill-ġdid il-valutazzjoni tasl-kontaminant 3-MCPD u l-esteri tal-aċidi grassi tiegħu, wara analiżi dettaljata tad-diverġenzi fl-opinjonijiet, b'rabta ma dak il-kontaminant, bejn il-Kumitat Espert Konġunt tal-FAO/WHO dwar l-Addittivi tal-Ikel (5) u l-Awtorità. Għalhekk huwa xieraq li wieħed jistenna l-eżitu tal-valutazzjoni tat-3-MCPD u l-esteri tal-aċidi grassi tiegħu qabel ma jittieħdu miżuri regolatorji xierqa.

(4)

L-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi huma kontaminanti tal-ikel li jinsabu fl-ogħla livelli fiż-żjut u x-xaħmijiet veġetali raffinati. L-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi huma idrolizzati f'gliċidol fil-kanal gastrointestinali.

(5)

L-awtorità kkonkludiet li gliċidol huwa kompost ġenotossiku u karċinoġeniku. Fid-dawl tal-potenzjal ġenotossiku u karċinoġeniku tal-gliċidol, l-Awtorità applikat l-approċċ ta' marġni ta' esponiment (“MoE”). Ix-xenarji ta' esponiment għat-trabi, għat-trabi li telqu jimxu u għal tfal oħra rriżultaw f'MoE li jvarja minn 12 800 sa 4 900 u għat-trabi li jirċievu dieta tal-formula biss f'MoE ta' minn bejn wieħed u ieħor 5 500 sa 2 100. L-Awtorità qieset li MoE ta' inqas minn 25 000 hija ta' tħassib għas-saħħa. Huwa għalhekk xieraq li jiġi stabbilit livell massimu għall-preżenza ta' esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi fiż-żjut veġetali u x-xaħmijiet imqiegħda fis-suq għall-konsumatur finali jew għall-użu bħala ingredjent fl-ikel. Minħabba t-tħassib għas-saħħa tat-trabi, tat-trabi li telqu jimxu u tat-tfal żgħar, huwa xieraq li jiġi stabbilit livell massimu aktar strett għaż-żjut u x-xaħmijiet veġetali maħsuba għall-produzzjoni ta' ikel għat-trabi u ta' ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali għat-trabi u għat-tfal żgħar.

(6)

Sabiex jiġi eskluż kwalunkwe tħassib potenzjali għas-saħħa b'rabta mat-trabi, mat-trabi li telqu jimxu u mat-tfal żgħar, b'mod partikolari, u filwaqt li jitqies l-esponiment possibbli għal esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi tat-trabi mitmugħa biss bil-formula tat-trabi, huwa xieraq li jiġi stabbilit livell massimu strett speċifiku għall-formula tat-trabi, għall-formula tat-trabi li għandhom iktar minn sitt xhur u għall-ikel għal raġunijiet mediċi speċjali maħsub għat-trabi u għat-tfal żgħar. Madankollu, hemm ħtieġa li tkompli titnaqqas il-preżenza tal-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi fil-formula tat-trabi, fil-formula tat-trabi li għandhom iktar minn sitt xhur u fl-ikel għal raġunijiet mediċi speċjali maħsub għat-trabi u għat-tfal żgħar u għalhekk jeħtieġ li jiġu riveduti l-livelli massimi ladarba metodu affidabbli ta' analiżi jkun disponibbli biex jiġu analizzati livelli aktar stretti sabiex jiġi żgurat infurzar effettiv ta' dawn il-livelli.

(7)

Jenħtieġ li l-operaturi fin-negozju tal-ikel jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw il-proċessi ta' produzzjoni tagħhom.

(8)

Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-oġġetti tal-ikel elenkati fl-Anness ta' dan ir-Regolament li tqiegħdu fis-suq legalment qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament jistgħu jibqgħu fis-suq sad-19 ta' Settembru 2018.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Frar 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta' Diċembru 2006 li jiffissa l-livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).

(3)  L-opinjoni xjentifika dwar ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem b'rabta mal-preżenza ta' 3- u 2-monokloropropandiol (MCPD), u tal-esteri tal-aċidi grassi tagħhom, u ta' esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi fl-ikel. EFSA Journal 2016;14(5): 4426, 159 pp. doi:10.2903/j.efsa.2016.4426.

(4)  Il-minuti tat-82 laqgħa plenarja tal-Kumitat Xjentifiku li saret fit-13-14 ta' Frar 2017. Disponibbli fuq https://www.efsa.europa.eu/sites/default/files/event/170213-m.pdf

(5)  Il-Kumitat Espert Konġunt tal-FAO/WHO dwar l-Addittivi tal-Ikel, It-Tlieta w Tmenin laqgħa, Ruma, 8–17 ta' Novembru 2016, Ġabra fil-qosor u Konklużjonijiet. Disponibbli fuq http://www.fao.org/3/a-bq821e.pdf


ANNESS

Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006, it-Taqsima 4: 3-monochloropropane-1,2-diol (3-MCDP) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Taqsima 4: It-3-monokloropropandiol (3-MCPD) u l-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi

Oġġetti tal-Ikel (1)

Livell massimu

(μg/kg)

4.1

It-3-monokloropropandiol (3-MCPD)

 

4.1.1

Proteina veġetali idrolizzata (30)

20

4.1.2

Zalza tas-sojja (30)

20

4.2

L-esteri gliċidiliċi tal-aċidi grassi espressi bħala gliċidol

 

4.2.1.

Żjut veġetali u xaħmijiet imqiegħda fis-suq għall-konsumatur finali jew għall-użu bħala ingredjent fl-ikel bl-eċċezzjoni tal-ikel imsemmi fil-punt 4.2.2

1 000

4.2.2.

Żjut veġetali u xaħmijiet iddestinati għall-produzzjoni ta' ikel tat-trabi u ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali għat-trabi u għat-tfal żgħar (3)

500

4.2.3

Il-formula tat-trabi, il-formula tat-trabi li għandhom iktar minn sitt xhur u l-ikel għal raġunijiet mediċi speċjali maħsub għat-trabi u għat-tfal żgħar (trab) (3) (29)

75 sat-30.6.2019

50 mill-1.7.2019

4.2.4

Il-formula tat-trabi, il-formula tat-trabi li għandhom iktar minn sitt xhur u l-ikel għal raġunijiet mediċi speċjali maħsub għat-trabi u għat-tfal żgħar (likwidu) (3) (29)

10,0 sat-30.6.2019

6,0 mill-1.7.2019”