24.1.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 19/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/105
tas-27 ta' Ottubru 2017
li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675, fir-rigward taż-żieda tal-Etjopja mal-lista ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir fit-tabella fil-punt I tal-Anness
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-preklużjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 9(2) tagħha,
Billi:
(1) |
L-Unjoni trid tiżgura protezzjoni effettiva tal-integrità u l-funzjonament xieraq tas-sistema finanzjarja u tas-suq intern mill-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk, id-Direttiva (UE) 2015/849 tipprevedi li l-Kummissjoni jenħtieġ li tidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir li jippreżentaw nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tagħhom dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li huma ta' theddid serju għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. |
(2) |
Meta jitqiesu pajjiżi terzi b'riskju għoli, huwa meħtieġ li titqies informazzjoni riċenti disponibbli, b'mod partikolari l-Istqarriji Pubbliċi reċenti tal-FATF u d-dokument tal-FATF “Titjib tal-Konformità Globali tal-AML/CFT: proċess li għadu għaddej”, u r-rapporti tal-FATF tal-Grupp ta' Reviżjoni tal-Kooperazzjoni Internazzjonali fir-rigward tar-riskji maħluqa minn pajjiżi terzi individwali. |
(3) |
Il-FATF identifika lill-Etjopja bħala pajjiż li għandu defiċjenzi strateġiċi tal-AML/CFT fir-reġim tiegħu tal-ħasil tal-flus u fil-ġlieda kontra l-finanzjament terroristiku (“AML/CFT”) li huma ta' riskju għas-sistema finanzjarja internazzjonali. |
(4) |
Meta jitqies il-livell għoli ta' integrazzjoni tas-sistema finanzjarja internazzjonali, ir-rabta stretta tal-operaturi tas-suq, il-volum għoli ta' tranżazzjonijiet transfruntiera lejn jew mill-Unjoni, kif ukoll il-grad ta' ftuħ tas-suq, il-Kummissjoni b'hekk tqis li kull theddida AML/CFT ippreżentata għas-sistema finanzjarja internazzjonali tirrappreżenta wkoll theddida għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. |
(5) |
Skont l-informazzjoni relevanti l-aktar reċenti, l-analiżi tal-Kummissjoni kkonkludiet li l-Etjopja jeħtieġ li titqies bħala ġuriżdizzjoni ta' pajjiż terz li għandha nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim AML/CFT tagħha li jippreżentaw theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni b'konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849. Madankollu, l-Etjopja ipprovdiet impenn politiku ta' livell għoli bil-miktub sabiex tindirizza n-nuqqasijiet identifikati u żviluppat pjan ta' azzjoni mal-FATF, li se jippermettilha tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva (UE) 2015/849. L-Etjopja għalhekk għandha tiżdied mat-tabella fil-punt I tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 (2). Il-Kummissjoni se terġa tivvaluta l-istatus ta' dan il-pajjiż fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-impenn ta' hawn fuq. |
(6) |
Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fit-tabella fil-punt I tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675, tiżdied il-linja li ġejja:
“10 |
L-Etjopja” |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Ottubru 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 tal-14 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi (ĠU L 254, 20.9.2016, p. 1).