12.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 7/23


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/48

tal-11 ta' Jannar 2018

li jdaħħal isem fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti [Suikerstroop (STG)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 52(3)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

B'konformità mal-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni tan-Netherlands għar-reġistrazzjoni tal-isem “Suikerstroop” bħala Speċjalità Tradizzjonali Garantita (STG) ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2).

(2)

“Suikerstroop” huwa l-likwidu xropp li jirriżulta mill-massekit tal-pjanta li minnha jsir il-prodott wara l-estrazzjoni tal-kristalli taz-zokkor. L-isem ifisser “xropp taz-zokkor”.

(3)

Il-Kummissjoni rċeviet avviż ta' oppożizzjoni mill-Finlandja, it-tieni wieħed mid-Danimarka u t-tielet wieħed minn Nordic Sugar AB (kumpanija stabbilita fid-Danimarka), ilkoll fis-16 ta' Settembru 2014.

(4)

L-avviżi ta' oppożizzjoni mid-Danimarka u l-Finlandja ntbagħtu lin-Netherlands.

(5)

Il-proċedura ta' oppożizzjoni abbażi ta' avviż mibgħut direttament lill-Kummissjoni minn Nordic Sugar AB ma nbdietx. Skont l-Artikolu 51(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkollhom interess leġittimu, stabbiliti jew residenti fi Stat Membru ieħor għajr dak minn fejn tkun ġiet sottomessa l-applikazzjoni, jistgħu jippreżentaw avviż ta' oppożizzjoni lill-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti. Għalhekk, Nordic Sugar AB ma kinitx permessa tippreżenta avviż jew dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni direttament lill-Kummissjoni.

(6)

Fit-13 ta' Novembru 2014 il-Kummissjoni rċeviet id-dikjarazzjonijiet raġunati ta' oppożizzjoni mill-Finlandja. Id-dikjarazzjoni raġunata ta' oppożizzjoni mid-Danimarka kienet diġà tinsab fl-avviż ta' oppożizzjoni. Kemm id-dikjarazzjoni raġunata ta' oppożizzjoni mid-Danimarka kif ukoll dik mill-Finlandja ġew ikkunsidrati ammissibbli fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(7)

Skont l-Artikolu 51(3) tar-Regolament hawn fuq, permezz tal-ittri tad-19 ta' Diċembru 2014 il-Kummissjoni stiednet lin-Netherlands u lill-Finlandja min-naħa waħda, u lin-Netherlands u lid-Danimarka min-naħa l-oħra, biex jidħlu f'konsultazzjonijiet xierqa għal perjodu ta' tliet xhur mid-data ta' dawk l-ittri bil-ħsieb li jaslu għal qbil.

(8)

Fuq talba tan-Netherlands, skont l-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, permezz tal-ittra tat-8 ta' April 2015 il-Kummissjoni tat estensjoni tal-iskadenza għall-konsultazzjonijiet fost il-partijiet interessati fiż-żewġ proċeduri ta' oppożizzjoni li jikkonċernaw l-applikazzjoni msemmija hawn fuq. L-aħħar skadenza għall-proċedura amikevoli ġiet għalhekk estiża sad-19 ta' Ġunju 2015.

(9)

Ma ntlaħaq l-ebda qbil fiż-żmien stipulat. Permezz tal-ittra tat-22 ta' Frar 2017 in-Netherlands bagħtet lill-Kummissjoni r-riżultati tal-konsultazzjonijiet mal-Finlandja u d-Danimarka. Għalhekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiddeċiedi dwar ir-reġistrazzjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 52(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, filwaqt li tqis ir-riżultati ta' dawn il-konsultazzjonijiet.

(10)

Fid-dikjarazzjoni raġunata ta' oppożizzjoni tagħhom, il-Finlandja u d-Danimarka stqarrew li: 1) l-isem mhuwiex speċifiku (ifisser sempliċiment xropp taz-zokkor); 2) isem identiku jintuża għal diversi prodotti simili li jeżistu diġà fis-swieq Daniżi, Żvediżi, Finlandiżi, Ġermaniżi u Baltiċi; 3) il-karatteristiċi tal-prodott u l-metodu tal-produzzjoni tiegħu mhumiex uniċi għall-prodott għaliex prodotti simili, li jinbiegħu fid-Danimarka, fil-Finlandja u fl-Iżvezja, għandhom l-istess karatteristiċi u metodi speċifiċi. B'mod partikolari, il-Finlandja tikkunsidra li l-prodott kif deskritt fl-applikazzjoni ma jistax jiġi kkunsidrat “speċjali” bħala tip ta' xropp għaliex prodotti oħrajn minbarra s-“Suikerstroop” huma wkoll magħmula minn 100 % pitrava zokkrija jew zokkor tal-kannamiela.

(11)

Addizzjonalment, id-Danimarka stqarret li l-punt 3.1 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, fih previst li “il-kliem ‘prodott Olandiż tradizzjonali’ se jidhru fuq it-tikketta fil-lingwa tal-pajjiż li fih jinbiegħ il-prodott”, jenħtieġ li jiġi riformulat biex ikun konformi mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Min-naħa l-oħra, il-Finlandja sfidat id-definizzjoni “prodott Olandiż tradizzjonali” bħala mhux speċifika għall-prodott deskritt fl-applikazzjoni għaliex prodotti simili li jinbiegħu fl-Ewropa tat-Tramuntana wkoll jistgħu jikkwalifikaw bħala tradizzjonali.

(12)

Il-Finlandja sussegwentement talbet, matul il-konsultazzjonijiet man-Netherlands, li titħassar l-aħħar sentenza tat-Taqsima 3.2 “Ma hemmx prodotti oħra bl-istess isem jew prodotti simili b'isem li għandu ħoss simili”, għaliex mhix korretta.

(13)

Il-Kummissjoni vvalutat l-argumenti mogħtija fid-dikjarazzjonijiet raġunati ta' oppożizzjoni u fl-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni fir-rigward tan-negozjati bejn il-partijiet interessati, u kkonkludiet li jenħtieġ li l-isem “Suikerstroop” jiġi rreġistrat bħala STG.

(14)

L-oppożizzjonijiet huma bbażati fuq il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(15)

Fir-rigward tal-inkompatibbiltà mat-termini tar-Regolament, issemmew tliet punti: 1) l-isem mhuwiex speċifiku; 2) il-karatteristiċi tal-prodott u l-metodu tal-produzzjoni tiegħu mhumiex uniċi; 3) il-punt 3.1 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott mhux konformi mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 sa fejn jikkonċerna “prodott Olandiż tradizzjonali”.

(16)

Fir-rigward taċ-ċirkostanza li l-isem huwa legali, magħruf u ekonomikament sinifikanti għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel simili, issemma punt wieħed: isem identiku jintuża għal diversi prodotti simili li jeżistu diġà fis-swieq Daniżi, Żvediżi, Finlandiżi, Ġermaniżi u Baltiċi.

(17)

Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 ma jirrikjedix li l-isem ta' STG ikun speċifiku. Dan kien rikjest skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 (3). Minkejja l-fatt li l-applikazzjoni ġiet sottomessa lill-Kummissjoni meta kien fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 509/2006, ġiet ippubblikata skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u, għalhekk, fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet tranżitorji speċifiċi, japplika r-Regolament tal-aħħar. Skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, isem huwa eliġibbli għal STF jekk intuża tradizzjonalment biex jirreferi għal prodott speċifiku jew jekk jidentifika l-karattru tradizzjonali jew speċifiku tal-prodott. F'dan il-każ, l-isem “Suikerstroop” kien ilu jintuża għal sekli biex jiddefinixxi dan il-prodott speċifiku. Jidentifika l-karattru speċifiku tal-prodott, minħabba l-fatt li huwa xropp magħmul mil-likwidu li jibqa' matul il-produzzjoni taz-zokkor mill-pitrava zokkrija jew miz-zokkor tal-kannamiela. Għalhekk, l-isem huwa konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(18)

Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 ma jirrikjedix li l-isem ta' STG ikun uniku jew speċifiku. Irid ikun identifikabbli u distingwibbli. Skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 huma esklużi biss ismijiet li jirreferu għal talbiet ta' natura ġenerali li jintużaw għal sett ta' prodotti jew talbiet previsti minn leġiżlazzjoni partikolari tal-Unjoni. “Suikerstroop” huwa identifikat b'mod ċar fir-rigward tal-karatteristiċi u l-metodu tal-produzzjoni tiegħu. Addizzjonalment, il-prodott kopert mill-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-isem “Suikerstroop” jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 18(1), il-punti (a) u (b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, għaliex il-metodu tal-produzzjoni jikkorrispondi għal prattika tradizzjonali għal dan il-prodott u l-ingredjenti huma dawk użati tradizzjonalment.

(19)

Is-sentenza fil-punt 3.1 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott “Wara li tkun tlestiet il-proċedura skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, hemm l-intenzjoni li l-kliem ‘prodott Olandiż tradizzjonali’ jidhru fuq it-tikketta fil-lingwa tal-pajjiż li fih se jinbiegħ il-prodott” ma tikkonformax mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Jenħtieġ li tiġi sostitwita bis-sentenza li ġejja: “Mal-isem għandu jiżdied il-kliem ‘magħmul skont it-tradizzjoni tan-Netherlands’”. L-awtoritajiet Olandiżi qablu li din l-emenda tiġi inkluża fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, li jrid jerġa' jiġi ppubblikat għall-informazzjoni.

(20)

Għalkemm prodotti simili għal “Suikerstroop” jinbiegħu fi Stati Membri oħrajn taħt l-isem li huwa meqjus it-traduzzjoni, fil-lingwi uffiċjali ta' dawk l-Istati Membri, tat-terminu “Suikerstroop”, ma jistax jiġi konkluż li “isem identiku” qed jintuża fis-suq ta' dawk l-Istati Membri għal prodotti simili. L-isem użat f'dawk l-Istati Membri fil-fatt għandu l-istess tifsira bħal “Suikerstroop” fil-lingwa Olandiża, iżda mhux identiku għal “Suikerstroop” għaliex huwa espress f'lingwa differenti. Addizzjonalment, l-isem “Suikerstroop” mhux protett kif inhu iżda biss flimkien mad-dikjarazzjoni “magħmul skont it-tradizzjoni tan-Netherlands”.

(21)

Għalhekk, dawk l-ismijiet ta' prodotti simili għall-prodott imsemmi fl-applikazzjoni ta' “Suikerstroop”, li jinbiegħu fis-swieq Daniżi, Żvediżi, Finlandiżi, Ġermaniżi u Baltiċi, li t-tifsira tagħhom hija “xropp taz-zokkor” u li jirrappreżentaw it-traduzzjoni tal-isem “Suikerstroop” fil-lingwi rispettivi tagħhom, jistgħu jkomplu jintużaw. Mhumiex identiċi għal “Suikerstroop” u jenħtieġ li ma jiġux ikkunsidrati bħala imitazzjonijiet jew evokazzjonijiet tal-isem “Suikerstroop”, għaliex l-isem “Suikerstroop”, ladarba reġistrat, se jkun jeħtieġ li jkun akkumpanjat mid-dikjarazzjoni “magħmul skont it-tradizzjoni tan-Netherlands”. Għalhekk il-protezzjoni ta' dan l-isem hija limitata għall-isem b'referenza għat-tradizzjoni Olandiża.

(22)

Addizzjonalment, huwa ovvju li r-reġistrazzjoni tal-isem “Suikerstroop” ma tistax twaqqaf l-użu tat-termini individwali “zokkor” u “xropp”, li huma ismijiet komuni.

(23)

In-Netherlands u l-Finlandja qablu wkoll li jħassru l-aħħar sentenza tat-Taqsima 3.2 li tgħid: “Ma hemmx prodotti oħra bl-istess isem jew prodotti simili b'isem li għandu ħoss simili.” Tali sentenza jenħtieġ li għalhekk titħassar mill-ispeċifikazzjoni tal-prodott, li jrid jerġa' jiġi ppubblikat għal finijiet ta' informazzjoni.

(24)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, l-isem “Suikerstroop” jenħtieġ li jiddaħħal fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti. Il-verżjoni konsolidata tad-dokument uniku jenħtieġ li tiġi ppubblikata għall-informazzjoni.

(25)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta' Politika dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-isem “Suikerstroop” (STG) huwa b'dan reġistrat.

L-isem fl-ewwel paragrafu jidentifika prodott tal-Klassi 2.3. ħobż, għaġina, kejkijiet, ħelu, gallettini u prodotti oħra tal-furnara tal-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (4).

Artikolu 2

L-isem imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun akkumpanjat mid-dikjarazzjoni “magħmul skont it-tradizzjoni tan-Netherlands”. L-ispeċifikazzjoni konsolidata tal-prodott hija stipulata fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Jannar 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU C 187, 19.6.2014, p. 9.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 tal-20 ta' Marzu 2006 dwar prodotti agrikoli u oġġetti ta' l-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti (ĠU L 93, 31.3.2006, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


ANNESS

APPLIKAZZJONI GĦAL REĠISTRAZZJONI TA' STG

Ir-Regolament (KE) Nru 509/2006 dwar prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti (*1)

“SUIKERSTROOP”

Nru tal-KE: NL-TSG-0007-01203 – 27.1.2014

1.   ISEM U INDIRIZZ TAL-GRUPP APPLIKANT

Isem:

Kenniscentrum suiker & voeding

Indirizz:

Amsterdamsestraatweg 39a, 3744 MA BAARN

Telefon:

+31 (0)35 - 5433455

Fax

+31 (0)35 - 5426626

Posta elettronika:

info@kenniscentrumsuiker.nl

2.   STAT MEMBRU JEW PAJJIŻ TERZ

In-Netherlands

3.   SPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT

3.1.   Isem/ismijiet li għandu/għandhom jiġi/u reġistrat(i) (l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007  (1) )

“Suikerstroop”

L-isem għandu jkun akkumpanjat mid-dikjarazzjoni “magħmul skont it-tradizzjoni tan-Netherlands”.

3.2.   Indika jekk l-isem

hux speċifiku minnu nnifsu

jesprimix il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

Il-prodott ilu b'dan l-isem għal sekli sħaħ. “Suikerstroop” jiġi mill-proċess tal-produzzjoni taz-zokkor. L-Artikolu 12 tad-Digriet taz-Zokkor u x-Xropp tal-1977 (Att tal-Komoditajiet) jistipula li: “L-isem ‘Suikerstroop’, li fejn jixraq jiġi preċedut mill-isem tal-pjanta li l-prodott ikun magħmul minnha, irid u jista' jintuża biss biex jiddeskrivi l-likwidu xropp miksub mill-massekit tal-pjanta li minnha jsir il-prodott wara l-estrazzjoni tal-kristalli taz-zokkor…”.

3.3.   Indika jekk it-talba għar-riżerva tal-isem hux qed issir skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006

Reġistrazzjoni bir-riżerva tal-isem

Reġistrazzjoni mingħajr ir-riżerva tal-isem

3.4.   Tip ta' prodott

Klassi 2.3: Ħobż, għaġina, kejkijiet, ħelu, gallettini u prodotti oħra tal-furnara

3.5.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew oġġett tal-ikel li għalih japplika l-isem fil-punt 3.1. (l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007)

“Suikerstroop” huwa l-likwidu xropp li jirriżulta mill-massekit tal-pitrava zokkrija jew iz-zokkor tal-kannamiela li minnu jsir il-prodott wara l-estrazzjoni tal-kristalli taz-zokkor. Dan il-likwidu għandu kontenut tal-estratt ta' mill-inqas 80 %, kontenut minerali ta' mhux iktar minn 4,0 %, u purezza apparenti ta' mill-inqas 73 %. Il-kontenut għoli ta' materja niexfa tal-prodott flimkien mal-konċentrazzjoni għolja tiegħu taz-zokkor (iktar minn 60 g għal kull 100 g) ifisser li jibqa' tajjeb għal żmien twil. Iz-zokkor jiżgura li hemm disponibbiltà baxxa ta' “ilma liberu”, li jfisser li ma jistgħux jiżviluppaw mikroorganiżmi.

Il-prodott għandu l-karatteristiċi speċifiċi li ġejjin:

 

Kulur

Brix (2)

Zokkor totali

“Suikerstroop”

2 000 - 30 000 IU (3)

min. 79°

min. 70 %

Karatteristiċi fiżiċi

“Suikerstroop” huwa likwidu xropp li jwaħħal, magħqud, viskuż, kannella skur. Fih kwantità kbira ta' zokkor (mill-inqas 70 %).

Karatteristiċi kimiċi

“Suikerstroop” għandu purezza apparenti ta' mill-inqas 73 %. Il-kontenut tal-estratt għandu jkun mill-inqas 80 % u l-kontenut minerali ta' “suikerstroop” ma għandux ikun ogħla minn 4 %.

Karatteristiċi organolettiċi

“Suikerstroop” għandu togħma ħelwa/mielħa u daqsxejn morra. Il-ħlewwa tiġi mill-kontenut għoli ta' zokkor u t-togħma mielħa mill-minerali u komponenti oħrajn (li jdubu) tal-pitrava zokkrija jew iz-zokkor tal-kannamiela li jinsabu fix-xropp b'riżultat tal-proċess tal-produzzjoni.

3.6.   Deskrizzjoni tal-metodu tal-produzzjoni li japplika għall-isem skont il-punt 3.1

Il-materja prima ta' “Suikerstroop” hija l-likwidu xropp li jibqa' wara l-produzzjoni taz-zokkor mill-pitrava zokkrija jew iz-zokkor tal-kannamiela wara l-estrazzjoni tal-kristalli taz-zokkor.

Matul il-produzzjoni taz-zokkor granulat, il-proċess ta' estrazzjoni jinvolvi t-tidwib taz-zokkor mill-pitrava zokkrija jew iz-zokkor tal-kannamiela fl-ilma. Komponenti - li jdubu fl-ilma - oħrajn (mhux zokkor) mill-pitrava zokkrija jew iz-zokkor tal-kannamiela jdubu wkoll.

Dan l-estratt jiġi ppurifikat, ridott u kristallizzat. Wara li s-soluzzjoni taz-zokkor miksuba b'dan il-mod tikkristallizza, il-kristalli taz-zokkor jiġu estratti. Dak li mhux zokkor ma jinġabarx mas-soluzzjoni taz-zokkor li jifdal, li hija magħrufa wkoll bħala l-likur tal-mamma (jew ix-xropp, xropp oriġinali). Il-likur tal-mamma jkun għad fih ħafna zokkor imdewweb (madwar 85 %). Sabiex iz-zokkor li jkun għadu mdewweb jikkristallizza, il-likur tal-mamma jiġi ridott għal darb'oħra sakemm il-kristalli taz-zokkor jerġgħu jibdew jiffurmaw. Għal darb'oħra dawn il-kristalli jiġu estratti. Ix-xropp li jifdal huwa magħruf bħala xropp B u fih madwar 75 % zokkor (abbażi tal-materja niexfa) u livelli relattivament ogħla ta' materjali li mhumiex zokkor. Ix-xropp B huwa l-materja prima użata għall-produzzjoni ta' “Suikerstroop”.

Ix-xropp B jitferra' f'tank tat-taħlit biex jitneħħew l-impuritajiet. Il-materja prima tiġi trattata bil-karbonju attiv, li jassorbi l-impuritajiet, li jitneħħew permezz tal-filtrazzjoni flimkien mal-karbonju. Ix-xropp B purifikat miksub huwa l-ingredjent prinċipali ta' “Suikerstroop”. Ma' din is-soluzzjoni purifikata tax-xropp B (soluzzjoni ta' zokkor fl-ilma) jiżdied iz-zokkor u/jew iz-zokkor invers (xropp) sabiex ikun konformi mal-karatteristiċi msemmija fil-punt 3.5. Iz-zokkor invers (xropp) huwa xropp miksub permezz tas-separazzjoni taz-zokkor (sukrożju) fi glukożju u fruttożju. Ix-xropp B purifikat, is-soluzzjoni taz-zokkor u/jew iz-zokkor invers (xropp) jitħalltu biex jiffurmaw massa omoġenja.

Sabiex jinkiseb “Suikerstroop” skont il-kompożizzjoni deskritta fil-punt 3.5, din il-massa ta' xropp omoġenja tiġi evaporata f'vakwu sakemm jinkiseb il-valur tal-grad Brix mixtieq (mill-inqas 79° Brix).

Ix-xropp jinħażen f'tankijiet tal-ħażna, li minnhom jitferra' f'diversi tipi ta' pakketti.

3.7.   Karattru speċifiku tal-prodott agrikolu jew oġġett tal-ikel

Il-karattru speċifiku ta' “Suikerstroop” jirriżulta mill-fatt li l-kwalitajiet tiegħu huma differenti ferm minn tipi oħra ta' xropp bħax-xropp tat-tuffieħ jew tal-lanġas, iżda wkoll mill-melassa minħabba l-karatteristiċi li ġejjin:

Materja prima

“Suikerstroop” jingħaraf mill-fatt li x-xropp huwa derivat 100 % mill-pitrava zokkrija/zokkor tal-kannamiela.

Kompożizzjoni taz-zokkor

Ix-xropp ftit li xejn fih karboidrati apparti mis-sukrożju u z-zokkor invers minħabba l-fatt li ġej 100 % mill-pitrava zokkrija/zokkor tal-kannamiela. Il-kontenut taz-zokkor huwa mill-inqas 70 % (ara l-karatteristiċi wkoll imsemmija taħt il-punt 3.5). Dan jiddistingwi wkoll ix-xropp mill-melassa, fejn il-kontenut taz-zokkor huwa inqas minn 68 %.

Togħma

Il-materjali li “mhumiex zokkor” fil-materja prima jagħtu lil “Suikerstroop” togħma mielħa u daqsxejn morra. Din tikkombina mal-kontenut għoli ta' zokkor biex tipproduċi togħma ħelwa/mielħa u aroma li huma uniċi meta mqabbla ma' tipi oħrajn ta' xropp.

3.8.   Karattru tradizzjonali tal-prodott agrikolu jew oġġett tal-ikel

L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija bbażata fuq il-fatt li l-prodott huwa karatterizzat minn metodu tradizzjonali tal-produzzjoni u kompożizzjoni tradizzjonali.

Metodu tradizzjonali tal-produzzjoni

Sa mill-bidu tas-seklu 17 “Suikerstroop” kien isir bl-idejn, iżda fl-1908 beda jsir b'metodu industrijali fil-fabbrika. Il-metodu tal-produzzjoni tal-fabbrika ma nbidilx minn dak iż-żmien, għalkemm il-proċess tal-produzzjoni tjieb, ġie ssimplifikat u iktar mekkanizzat. Il-fabbriki (li nbnew fil-bidu tal-20 seklu, madwar l-1910) għadhom joperaw. Hekk kif it-teknoloġija avvanzat dawn ġew modernizzati internament.

Is-sekli 17, 18 u 19

Storikament “Suikerstroop” huwa prodott sekondarju tal-irfinar taz-zokkor. De Suikerraffinadeur minn J.H. Resig, li jmur lura għall-1783, jiddeskrivi kif ix-xropp kien jinġabar fil-laned tal-qtar matul il-produzzjoni tal-ħbejżiet taz-zokkor. Matul il-proċess tal-kristallizzazzjoni, il-massekit taz-zokkor purifikat (viskuż) kien jitferra' fil-forom tal-ħbejżiet taz-zokkor. Il-forom wara kienu jitħallew fuq il-laned tal-qtar għal jumejn. Ix-xropp li kien jinġabar kien jissejjaħ xropp “mikxuf”. Il-ħbejżiet wara kienu jiġu mgħottija bit-tafal imxarrab (li kien iqanqal il-proċess tal-kristallizzazzjoni u ma jħallix il-ħbejżiet idubu) u jerġgħu jitpoġġew fuq il-laned. L-ilma kien jitferra' bil-mod fuq il-wiċċ, u bil-mod kien joqtor ġewwa l-ħbejża. Ix-xropp prodott b'dan il-mod kien magħruf bħala x-xropp “mgħotti”. Wara kien jitneħħa l-għatu (tafal niexef), u l-ħbejżiet taz-zokkor kienu jitħallew joqogħdu għal ftit jiem, fejn wara kienu jiġu mgħottija b'saff ta' tafal irqiq u jitpoġġew lura fuq il-laned tal-qtar qabel ma jerġa' jitferra' l-ilma fuqhom. Ix-xropp li kien jirriżulta kien magħruf bħala xropp tal-aħħar filtrazzjoni (l-iktar pur).

Mis-seklu 20 sal-lum

Minħabba li l-progress fit-teknoloġija (industrijalizzazzjoni) irriżulta f'żieda fil-kwantità ta' zokkor granulat li jista' jinkiseb matul il-proċess tal-produzzjoni, il-melado/melassa (xropp) fihom iktar materjal li mhux zokkor u inqas zokkor (il-kontenut totali taz-zokkor huwa inqas minn 68 %, u għalhekk il-purezza apparenti hija inqas minn 73 %). L-akkumulazzjoni tal-impuritajiet (minħabba l-effiċjenza tal-proċess industrijali tal-produzzjoni) ukoll tagħti lix-xropp togħma differenti ħafna, ħafna iktar mielħa minn tax-xropp tal-aħħar filtrazzjoni tal-passat (ix-xropp tal-aħħar miksub fil-proċess tal-produzzjoni manwali). Madankollu, minħabba l-fatt li kien għad hemm domanda għal “Suikerstroop”, dan beda jiġi prodott apposta. Il-proċess tal-produzzjoni ġie żviluppat madwar is-sena 1900 (ara d-deskrizzjoni fil-punt 3.6) u fl-1908 il-prodott beda jsir bil-mod li jsir illum.

Ħarsa ġenerali tal-metodu tal-produzzjoni fl-1908 u llum:

Metodu tal-produzzjoni (kif deskritt fil-punt 3.6)

1908

Illum

Ix-xropp B miksub mill-produzzjoni taz-zokkor miz-zokkor tal-kannamiela jew mill-pitrava zokkrija jikkostitwixxi l-materja prima

X

X

Purifikazzjoni tax-xropp B permezz tal-karbonju attiv

X

X

Soluzzjoni taz-zokkor u/jew xropp taz-zokkor invers miżjud f'konformità mar-riċetta

X

X

Jitħallat biex isir massa omoġenja

X

X

Evaporazzjoni permezz ta' tisħin sakemm tinkiseb il-materja niexfa mixtieqa

X

X

Kompożizzjoni tradizzjonali

“Suikerstroop” huwa tradizzjonalment magħmul mill-karboidrati tas-sukrożju u z-zokkor invers, li jiġu miz-zokkor tal-kannamiela jew il-pitrava zokkrija.

Il-kompożizzjoni ta' “Suikerstroop” tal-lum, li r-rekwiżiti tiegħu huma deskritti fil-punt 3.9, hija l-istess bħal dik stipulata fid-Digriet taz-Zokkor u x-Xropp (l-Att tal-Komoditajiet) tal-1977.

Id-Digriet taz-Zokkor u x-Xropp (l-Att tal-Komoditajiet) tal-1977 jiddeskrivi l-kompożizzjoni bħala xropp likwidu miksub mill-massekit tal-pjanta li minnha jsir il-prodott wara l-estrazzjoni tal-kristalli taz-zokkor. Barra minn hekk, il-kontenut tal-estratt kellu jkun ta' mill-inqas 80 % u l-purezza apparenti 73 %. Il-kontenut minerali massimu kien 4,0 %. Il-karatteristiċi ewlenin tal-kompożizzjoni ma nbidlux u huma identiċi għar-rekwiżiti għall-kompożizzjoni ta' “Suikerstroop” tal-lum, kif deskritt fil-punt 3.5.

Użu tradizzjonali

“Suikerstroop” huwa ingredjent użat ħafna fil-platti tradizzjonali. Is-serje Streekgerechten en wetenswaardigheden ta' Jo van Lamoen, 1987-88, turi li “Suikerstroop” jintuża f'ħafna riċetti lokali, bħal Groningse kruidkoek, Limburgse zoervleisj, Drentse proemenkreuze, Zeeuwse boterbabbelaars u l-fażola kannella bit-tuffieħ. Hemm ukoll ħafna riċetti li jużaw “Suikerstroop” f'Het kookboek van de Amsterdamse huishoudschool ta' C.J. Wannée, is-6 edizzjoni, datat 1910. Eżempji ta' dawn huma boluskoek u stroopmoppen, u stroopsaus, li huwa zalza magħmula minn “Suikerstroop”, kien kontorn rakkomandat għal ħafna riċetti, għaliex ħafna mill-platti tradizzjonali Olandiżi spiss kienu jkunu bla togħma.

3.9.   Rekwiżiti minimi u proċeduri għall-verifika tal-karattru speċifiku

Il-karattru speċifiku ta' “Suikerstroop” jista' jiġi ttestjat abbażi tar-rekwiżiti minimi li jistgħu jitkejlu, fejn iridu jiġu ssodisfati l-karatteristiċi tax-xropp imsemmija fil-punt 3.5 (kulur, Brix u zokkor totali). Il-produttur jikkontrolla li r-rekwiżiti jiġu ssodisfati f'kull kunsinna prodotta (matul kull produzzjoni).

Nederlandse Voedsel en Waren Autoriteit (NVWA - l-Awtorità Olandiża tas-Sikurezza tal-Ikel u l-Prodotti tal-Konsum) tivverifika dan billi tagħmel monitoraġġ tal-kontrolli. NVWA twettaq verifika amministrattiva fuq il-post għand il-produtturi tal-inqas darba fis-sena billi tikkontrolla d-dejta maħżuna fir-rigward tal-kulur, il-valur Brix u l-kontenut totali taz-zokkor (imkejla mill-produttur għal kull kunsinna prodotta u maħżuna diġitalment).

4.   AWTORITAJIET JEW KORPI LI JIVVERIFIKAW IL-KONFORMITÀ MAL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT

4.1.   Isem u indirizz

Isem

:

Nederlandse Voedsel en Waren Autoriteit

Indirizz

:

Catharijnesingel 59, 3511 GG UTRECHT

Telefon

:

+31– 088- 223 33 33

Posta elettronika

:

info@vwa.nl

Pubbliku

Privat

4.2.   Kompiti speċifiċi tal-awtorità jew tal-entità

Nederlandse Voedsel en Waren Autoriteit hija responsabbli mill-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal “Suikerstroop”.


(*1)  Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel.

(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007 tat-18 ta' Ottubru 2007 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 dwar prodotti agrikoli u prodotti ta' l-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti (ĠU L 275, 19.10.2007, p. 3).

(2)  Kejl tal-konċentrazzjoni tas-solidi mdewba (f'dan il-każ zokkor) f'soluzzjoni tal-ilma determinata bl-użu ta' refrattometru.

(3)  Unitajiet ICUMSA (International Commission for Uniform Methods of Sugar Analysis). Iżjed ma jkun għoli l-IU, iżjed ikun skur il-kulur.

Dan huwa kejl indirett tal-purezza.