12.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 7/13


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/46

tal-20 ta' Ottubru 2017

li jistabbilixxi pjan għall-iskartar għal ċertu sajd demersali u fil-baħar fond fl-ilmijiet tal-Majjistral għas-sena 2018

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 15(6) u 18(1) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu l-għan li jelimina progressivament il-qbid skartat fis-sajd kollu tal-Unjoni bl-introduzzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art għall-qabdiet ta' speċijiet li huma soġġetti għal-limiti ta' qbid.

(2)

Sabiex jiġi implimentat l-obbligu ta' ħatt l-art, l-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-pjanijiet għall-iskartar permezz ta' att delegat għal perjodu ta' mhux iżjed minn tliet snin abbażi tar-rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri b'konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2375 (2), stabbilixxa pjan għall-iskartar għal ċertu sajd demersali fl-ilmijiet tal-Majjistral għall-perjodu 2016-2018, wara rakkomandazzjoni konġunta ppreżentata mill-Belġju, l-Irlanda, Spanja, Franza, in-Netherlands u r-Renju Unit fl-2016.

(4)

Il-Belġju, l-Irlanda, Spanja, Franza, in-Netherlands u r-Renju Unit għandhom interess ta' ġestjoni dirett tas-sajd fl-ilmijiet tal-Majjistral. Wara li kkonsultaw lill-Kunsill Konsultattiv għall-Ilmijiet tal-Majjistral, fil-31 ta' Mejju 2017 dawk l-Istati Membri ressqu rakkomandazzjoni konġunta ġdida lill-Kummissjoni dwar pjan għall-iskartar għal ċertu sajd demersali u fil-baħar fond fl-Ilmijiet tal-Majjistral għas-sena 2018. Inkiseb kontribut xjentifiku mill-korpi xjentifiċi rilevanti u rivedut mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) (3). Il-miżuri ssuġġeriti fir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida huma konformi mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u għalhekk jistgħu jiġu inklużi f'dan ir-Regolament.

(5)

Skont l-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu ta' ħatt l-art japplika fl-Ilmijiet tal-Majjistral, sal-aktar tard mill-1 ta' Jannar 2016, għall-ispeċijiet li jiddefinixxu s-sajd li huma soġġetti għal-limiti ta' qbid. Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tispeċifika l-flotot li jridu jikkonformaw mal-obbligu ta' ħatt l-art fis-sajd imħallat għall-merluzz, il-merluzz tal-linja sewda, il-merlangu u l-pollakkju iswed; fis-sajd għall-iskampu, fis-sajd imħallat għal-lingwata komuni u għall-barbun tat-tbajja' u fis-sajd għall-merluzz, il-megrim u l-pollakkju.

(6)

F'konformità mar-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida, minbarra s-sajd speċifikat fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2375, (jiġifieri s-sajd imħallat ħafna għall-merluzz, il-merluzz tal-linja sewda, il-merlangu u l-pollakkju iswed, is-sajd għall-iskampu, is-sajd imħallat għal-lingwata komuni u għall-barbun tat-tbajja' u s-sajd għall-merluzz, il-megrim u l-pollakkju), jenħtieġ li l-pjan għall-iskartar għas-sena 2018 ikopri s-sajd għall-pollakkju iswed fid-diviżjonijiet VI u Vb, u VII tal-ICES. L-ispeċijiet tal-qabdiet aċċessorji wkoll jenħtieġ li jkunu koperti f'ċertu sajd.

(7)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi wkoll li l-obbligu ta' ħatt l-art jiġi applikat mill-2018 għas-sajd fil-baħar fond bl-użu tax-xbieki tat-tkarkir u t-tartaruni għall-qbid taċ-ċinturin iswed, il-linarda u l-grenadieri fis-subżoni VI tal-ICES u fid-diviżjoni Vb tal-ICES.

(8)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi, ghas-sena 2018, eżenzjoni ta' sopravivenza, kif imsemmi fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għall-iskampu maqbud f'nases, fi xbieki tat-tidwir u f'nases tal-gambli fid-diviżjoni VI u s-subżona VII tal-ICES, filwaqt li tqis il-karatteristiki tal-apparat, tal-prattiki tas-sajd u tal-ekosistema. L-STECF ikkonkluda li l-eżenzjoni hija ġġustifikata. Għalhekk, jenħtieġ li dik l-eżenzjoni tiġi inkluża fil-pjan għall-iskartar għall-2018.

(9)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi, għas-sena 2018, eżenzjoni ta' sopravivenza, kif imsemmi fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għal-lingwata komuni taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni maqbudin minn xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti ta' 80-99 mm fid-diviżjoni VIId tal-ICES sa sitt mili nawtiċi mill-kosta u barra ż-żoni tat-tkabbir identifikati. L-STECF innota li jenħtieġ li jiġu definiti ż-żoni ta' tkabbir imsemmijin fir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li dik l-eżenzjoni tiġi inkluża fil-pjan għall-iskartar għall-2018 bil-kundizzjoni li l-Istati Membri kkonċernati jwettqu provi addizzjonali u jipprovdu l-informazzjoni dwar il-post taż-żoni tat-tkabbir.

(10)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta l-ġdida tissuġġerixxi, għas-sena 2018, seba' eżenzjonijiet de minimis mill-obbligu ta' ħatt l-art għal ċertu sajd u sa ċerti livelli. L-evidenza mogħtija mill-Istati Membri ġiet riveduta mill-STECF, li kkonkluda li r-rakkomandazzjoni konġunta kienet tinkludi argumenti raġunati li huwa diffiċli li jinkiseb aktar titjib fis-selettività u/jew argumenti relatati ma' spejjeż sproporzjonati fl-immaniġġar ta' qabdiet mhux mixtieqa, appoġġati f'xi każijiet minn valutazzjoni kwalitattiva tal-ispejjeż. Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq u fin-nuqqas ta' informazzjoni xjentifika differenti, huwa xieraq li dawn l-eżenzjonijiet de minimis jiġu inklużi fil-pjan għall-iskartar għall-2018 skont il-perċentwali proposti fir-rakkomandazzjoni konġunta u f'livelli li ma jaqbżux dawk permessi skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(11)

L-eżenzjoni de minimis issuġġerita għall-merlangu, sa massimu ta' 6 % tat-total tal-qabdiet annwali ta' din l-ispeċi bil-bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir u tartaruni tal-qiegħ ta' inqas minn 100 mm u xbieki tat-tkarkir pelaġiku biex jaqbdu l-merlangu fid-diviżjonijiet VIId u VIIe tal-ICES, hija bbażata fuq il-fatt li huwa diffiċli ħafna li tiżdied is-selettività.

(12)

L-eżenzjoni de minimis issuġġerita għall-merlangu, sa massimu ta' 6 % tat-total tal-qabdiet annwali ta' din l-ispeċi bil-bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir u tartaruni tal-qiegħ ta' mhux inqas minn 100 mm biex jaqbdu l-merlangu fid-diviżjonijiet VIIb – VIIj tal-ICES, hija bbażata fuq il-fatt li huwa diffiċli ħafna li tiżdied is-selettività.

(13)

L-eżenzjoni de minimis issuġġerita għall-merlangu, sa massimu ta' 6 % fl-2018 tat-total tal-qabdiet annwali ta' din l-ispeċi bil-bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir u tartaruni tal-qiegħ ta' inqas minn 100 mm biex jaqbdu l-merlangu fis-subżona VII tal-ICES (esklużi VIIa, VIId u VIIe), hija bbażata fuq il-fatt li huwa diffiċli ħafna li tiżdied is-selettività.

(14)

Rigward dawk it-tliet eżenzjonijiet de minimis issuġġeriti għall-merlangu, ir-Regolament Delegat (UE) 2016/2375 kien jeħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati jippreżentaw lill-Kummissjoni aktar informazzjoni xjentifika li tappoġġa l-eżenzjonijiet. L-STECF ikkummenta li, għalkemm għadha meħtieġa evidenza kompluta, l-informazzjoni addizzjonali mressqa tindirizza ċertu tħassib tal-STECF. L-STECF enfasizza l-ħtieġa għal approċċ aktar koerenti rigward dan l-istokk. Abbażi tal-evidenza xjentifika eżaminata mill-STEFC u minħabba li kien hemm titjib fl-evidenza li tappoġġa l-eżenzjoni, jenħtieġ li dik l-eżenzjoni tiġi inkluża fil-pjan għall-iskartar għall-2018.

(15)

L-eżenzjoni de minimis issuġġerita għall-iskampu, sa massimu ta' 6 % tat-total tal-qabdiet annwali ta' dik l-ispeċi bil-bastimenti li qed jistadu għall-iskampu fis-subżona VII tal-ICES, hija bbażata fuq il-fatt li huwa diffiċli ħafna li tiżdied is-selettività. L-STECF ikkonkluda li l-eżenzjoni hija ġġustifikata. Għaldaqstant, jenħtieġ li dik l-eżenzjoni tiġi inkluża fil-pjan għall-iskartar għall-2018.

(16)

L-eżenzjoni de minimis issuġġerita għall-iskampu, sa massimu ta' 2 % tat-total tal-qabdiet annwali ta' dik l-ispeċi bil-bastimenti li qed jistadu għall-iskampu fis-subżona VI tal-ICES, hija bbażata fuq il-fatt li huwa diffiċli ħafna li tiżdied is-selettività u hemm informazzjoni kwantitattiva ta' sostenn dwar l-ispejjeż sproporzjonati għall-immaniġġar tal-qabdiet mhux mixtieqa. L-STECF ikkonkluda li l-eżenzjoni hija ġġustifikata. Għalhekk, jenħtieġ li dik l-eżenzjoni tiġi inkluża fil-pjan għall-iskartar għall-2018.

(17)

L-eżenzjoni de minimis issuġġerita għal-lingwata komuni, sa massimu ta' 3 % tat-total tal-qabdiet annwali ta' din l-ispeċi bil-bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir bi travu b'daqs tal-malja ta' bejn 80 u 199 mm b'selettività miżjuda fid-diviżjonijiet VIId, VIIe, VIIf u VIIg u VIIh tal-ICES, hija bbażata fuq il-fatt li huwa diffiċli ħafna li tiżdied is-selettività. L-STECF innota li l-eżenzjoni hija maħsuba biex tikkumpensa għall-użu ta' rkaptu aktar selettiv u biex tkopri l-qbid skartat residwu. Għalhekk, jenħtieġ li dik l-eżenzjoni tiġi inkluża fil-pjan għall-iskartar għall-2018.

(18)

L-eżenzjoni de minimis issuġġerita għal-lingwata komuni, sa massimu ta' 3 % tat-total tal-qabdiet annwali ta' dik l-ispeċi bil-bastimenti li jużaw pariti u xkitti biex jaqbdu l-lingwata komuni fid-diviżjonijiet VIId, VIIe, VIIf u VIIg tal-ICES, hija bbażata fuq il-fatt li huwa diffiċli ħafna li tiżdied is-selettività. L-STECF ikkonkluda li l-eżenzjoni hija definita b'mod tajjeb. Għalhekk, jenħtieġ li dik l-eżenzjoni tiġi inkluża fil-pjan għall-iskartar għall-2018.

(19)

Il-kamp ta' applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2375 huwa limitat għas-sena 2017. Għalhekk jenħtieġ li dak ir-Regolament jitħassar u jiġi sostitwit b'Regolament ġdid b'effett mill-1 ta' Jannar 2018.

(20)

Billi l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament iħallu impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Jenħtieġ li japplika mill-1 ta' Jannar 2018,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art

Fiż-żoni V (esklużi Va u l-ilmijiet tal-Unjoni biss ta' Vb), VI u VII tal-ICES, l-obbligu ta' ħatt l-art previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu japplika għal sajd demersali u fil-baħar fond skont dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Il-“Pannell Fjamming” tfisser l-aħħar parti li ġejja għad-djieq ta' xibka tat-tkarkir bi travu, li l-parti ta' quddiem tagħha hija direttament imwaħħla mal-manka. Il-partijiet ta' fuq u ta' taħt tax-xibka tal-pannell iridu jkunu magħmula minn malja ta' mill-inqas 120 mm imkejla bejn l-għoqiedi u l-pannell irid ikollu tul imġebbed ta' mill-inqas 3 m.

Artikolu 3

Speċijiet soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art

L-obbligu ta' ħatt l-art għandu japplika għal kull attività tas-sajd kif stabbilit fl-Anness, soġġett għall-eżenzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5.

Artikolu 4

Eżenzjoni ta' sopravivenza

1.   L-eżenzjoni ta' sopravivenza prevista fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandha tapplika:

(a)

għall-iskampu (Nephrops norvegicus) maqbud f'nases, fi xbieki tat-tidwir jew f'nases tal-gambli (Kodiċijiet tal-irkaptu (4) FPO u FIX) fis-subżoni VI u VII tal-ICES;

(b)

għall-qabdiet tal-lingwata komuni (Solea solea) taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni maqbudin bi xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti (Kodiċijiet tal-irkaptu OTT, OTB, TBS, TBN, TB, PTB, OT, PT, TX) bid-daqs tal-malja tal-manka ta' bejn 80 u 99 mm fid-diviżjoni VIId tal-ICES sa sitt mili nawtiċi mill-kosta u barra ż-żoni tat-tkabbir identifikati fl-operazzjonijiet tas-sajd li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin: bastimenti tat-tul massimu ta' 10 metri, b'qawwa massima tal-magna ta' 221 kW, meta jkunu qed jistadu f'ilmijiet b'fond ta' 30 metru jew inqas u b'ħinijiet ta' rmunkar limitati għal mhux aktar minn siegħa u nofs. Qabdiet bħal dawn tal-lingwata komuni għandhom jiġu rilaxxati minnufih.

2.   Qabel l-1 ta' Mejju 2018, l-Istati Membri li għandhom interess ta' ġestjoni dirett fl-ilmijiet tal-Majjistral għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni kull informazzjoni xjentifika addizzjonali favur l-eżenzjoni stipulata fil-paragrafu 1(b). Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) għandu jivvaluta dik l-informazzjoni qabel l-1 ta' Settembru 2018.

Artikolu 5

Eżenzjonijiet de minimis

B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jistgħu jiġu skartati l-kwanitatijiet li ġejjin

(a)

għall-merlangu (Merlangius merlangus), sa massimu ta' 6 % tat-total tal-qabdiet annwali ta' dik l-ispeċi bil-bastimenti obbligati li jħottu l-merlangu u li jużaw xbieki tat-tkarkir u tartaruni ta' inqas minn 100 mm (OTB, SSC, OTT, PTB, SDN, SPR, TBN, TBS, TB, SX, SV, OT, PT u TX) u xbieki tat-tkarkir pelaġiku (OTM, PTM) biex jinqabad il-merlangu fid-diviżjonijiet VIId u VIIe tal-ICES.

(b)

għall-merlangu (Merlangius merlangus), sa massimu ta' 6 % tat-total tal-qabdiet annwali ta' dik l-ispeċi bil-bastimenti obbligati li jħottu l-merlangu u li jużaw xbieki tat-tkarkir u tartaruni ta' mhux inqas minn 100 mm (OTB, SSC, OTT, PTB, SDN, SPR, TBN, TBS, TB, SX, SV, OT, PT u TX) u xbieki tat-tkarkir pelaġiku (OTM, PTM) biex jinqabad il-merlangu fid-diviżjonijiet VIIb – VIIj tal-ICES.

(c)

għall-merlangu (Merlangius merlangus), sa massimu ta' 6 % tat-total tal-qabdiet annwali ta' dik l-ispeċi bil-bastimenti obbligati li jħottu l-merlangu u li jużaw xbieki tat-tkarkir u tartaruni ta' inqas minn 100 mm (OTB, SSC, OTT, PTB, SDN, SPR, TBN, TBS, TB, SX, SV, OT, PT u TX) u xbieki tat-tkarkir pelaġiku (OTM, PTM) biex jinqabad il-merlangu fis-subżona VII tal-ICES, għajr id-diviżjonijiet VIIa, VIId u VIIe.

(d)

għall-iskampu (Nephrops norvegicus), sa massimu ta' 6 % tat-total tal-qabdiet annwali ta' dik l-ispeċi bil-bastimenti obbligati li jħottu l-iskampu u li qed jistadu għall-iskampu fis-subżona VII tal-ICES;

(e)

għall-iskampu (Nephrops norvegicus), sa massimu ta' 2 % tat-total tal-qabdiet annwali ta' dik l-ispeċi bil-bastimenti obbligati li jħottu l-iskampu u li qed jistadu għall-iskampu fis-subżona VI tal-ICES;

(f)

għal-lingwata komuni (Solea solea), sa massimu ta' 3 % tat-total tal-qabdiet annwali ta' dik l-ispeċi bil-bastimenti obbligati li jħottu l-lingwata komuni u li jużaw pariti u xkitti biex jaqbdu l-lingwata komuni fid-diviżjonijiet VIId, VIIe, VIIf u VIIg tal-ICES;

(g)

għal-lingwata komuni (Solea solea), sa massimu ta' 3 % tat-total tal-qabdiet annwali ta' dik l-ispeċi bil-bastimenti obbligati li jħottu l-lingwata komuni u li jużaw xbieki tat-tkarkir bi travu b'daqs tat-toqob ta' bejn 80 u 199 mm b'selettività miżjuda, bħal estensjoni ta' malja wiesgħa, fid-diviżjonijiet VIId, VIIe, VIIf, VIIg u VIIh tal-ICES.

Artikolu 6

Bastimenti soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art

1.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw, skont il-kriterji stipulati fl-Anness, il-bastimenti soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art f'kull attività tas-sajd partikolari.

Il-bastimenti li kienu soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art f'ċerti attivitajiet ta' sajd fl-2017 għandhom jibqgħu soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art f'dik l-attività tas-sajd.

2.   Qabel il-31 ta' Diċembru 2017, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn, permezz tas-sit web sigur ta' kontroll tal-Unjoni, il-listi ta' bastimenti stabbiliti skont il-paragrafu 1 għal kull attività tas-sajd partikolari stipulata fl-Anness. Dawn il-listi għandhom jinżammu aġġornati.

Artikolu 7

Tħassir

Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/2375 huwa imħassar.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2018 sal-31 ta' Diċembru 2018.

Madanakollu, l-Artikolu 6 għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 352, 12.10.2016, p. 39.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2438 tat-12 ta' Ottubru 2015 stabbilixxa pjan tar-rimi għal ċertu sajd demersali fl-ilmijiet tal-Majjistral għall-perjodu (2016-2018) (ĠU L 336, 23.12.2015, p. 29), u tħassar u ġie sostitwit bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2375 tat-12 ta' Ottubru 2016 li jistabbilixxi pjan għall-iskartar għal ċertu sajd demersali fl-ilmijiet tal-Majjistral għall-perjodu 2016-2018 (ĠU L 352, 23.12.2016, p. 39)

(3)  2017-07_STECF PLEN 17-02_JRCxxx.pdf

(4)  Il-kodiċijiet tal-irkaptu użati f'dan ir-Regolament huma definiti mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti.


ANNESS

Sajd soġġett għall-obbligu ta' ħatt l-art

a)

Is-sajd fl-Unjoni u fl-ilmijiet internazzjonali tas-subżona VI u tad-diviżjoni Vb tal-ICES

Sajd

Kodiċi tal-Irkaptu

Deskrizzjoni tal-irkaptu tas-sajd

Daqs tal-Malja

Speċijiet li jridu jinħattu

Bakkaljaw (Gadus morhua), Merluzz tal-linja sewda (Melanogrammus aeglefinus), Merlangu (Merlangius merlangus) u Pollakkju iswed (Pollachius virens)

OTB, SSC, OTT, PTB, SDN, SPR, TBN, TBS, OTM, PTM, TB, SX, SV, OT, PT, TX

Xbieki tat-Tkarkir u Tartaruni

Kollha

Il-qabdiet kollha tal-merluzz tal-linja sewda u l-qabdiet aċċessorji tal-lingwata, il-barbun tat-tbajja' u l-megrims fejn il-ħatt l-art totali għal kull bastiment tal-ispeċijiet kollha fl-2015 u fl-2016 (*1) kien jikkonsisti f'aktar minn 5 % tal-gadojdi li ġejjin: bakkaljaw, merluzz tal-linja sewda, merlangu u pollakkju iswed flimkien

Skampu (Nephrops norvegicus)

OTB, SSC, OTT, PTB, SDN, SPR, FPO, TBN, TB, TBS, OTM, PTM, SX, SV, FIX, OT, PT, TX

Xbieki tat-tkarkir, Tartaruni, Nases, Xbieki tat-tidwir u Nases tal-gambli

Kollha

Il-qabdiet kollha tal-iskampu u l-qabdiet aċċessorji tal-merluzz tal-linja sewda, il-lingwata, il-barbun tat-tbajja' u l-megrim fejn il-ħatt l-art totali għal kull bastiment tal-ispeċijiet kollha fl-2015 u fl-2016 (*1) kien jikkonsisti f'aktar minn 5 % skampu.

Pollakkju iswed (Pollachius virens)

OTB, SSC, OTT, PTB, SDN, SPR, TBN, TBS, OTM, PTM, TB, SX, SV, OT, PT, TX

Xbieki tat-tkarkir

≥ 100 mm

Il-qabdiet kollha tal-pollakkju iswed fejn il-ħatt l-art totali għal kull bastiment tal-ispeċijiet kollha fl-2015 u fl-2016 (*1) kien jikkonsisti f'aktar minn 50 % pollakkju iswed.

Ċinturin iswed (Aphanopus carbo)

OTB, SSC, OTT, PTB, SDN, SPR, TBN, TBS, OTM, PTM, TB, SX, SV, OT, PT, TX

Xbieki tat-Tkarkir u Tartaruni

≥ 100 mm

Il-qabdiet kollha taċ-ċinturin iswed fejn il-ħatt l-art totali għal kull bastiment tal-ispeċijiet kollha fl-2015 u fl-2016 (*1) kien jikkonsisti f'aktar minn 20 % ċinturin iswed.

Linarda (Molva dypterygia)

OTB, SSC, OTT, PTB, SDN, SPR, TBN, TBS, OTM, PTM, TB, SX, SV, OT, PT, TX

Xbieki tat-Tkarkir u Tartaruni

≥ 100 mm

Il-qabdiet kollha tal-linarda fejn il-ħatt l-art totali għal kull bastiment tal-ispeċijiet kollha fl-2015 u fl-2016 (*1) kien jikkonsisti f'aktar minn 20 % linarda.

Grenadieri (Coryphaeides rupestris, Macrourus berglax)

OTB, SSC, OTT, PTB, SDN, SPR, TBN, TBS, OTM, PTM, TB, SX, SV, OT, PT, TX

Xbieki tat-Tkarkir u Tartaruni

≥ 100 mm

Il-qabdiet kollha tal-grenadieri fejn il-ħatt l-art totali għal kull bastiment tal-ispeċijiet kollha fl-2015 u fl-2016 (*1) kien jikkonsisti f'aktar minn 20 % grenadieri.

b)

Is-sajd fis-subżoni VI u VII tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni u dawk internazzjonali tad-diviżjoni Vb tal-ICES

Sajd

Kodiċi tal-Irkaptu

Deskrizzjoni tal-irkaptu tas-sajd

Daqs tal-Malja

Speċijiet li jridu jinħattu

Merluzz

(Merluccius merluccius)

OTB, SSC, OTT, PTB, SDN, SPR, TBN, TBS, OTM, PTM TB, SX, SV, OT, PT, TX

Xbieki tat-Tkarkir u Tartaruni

Kollha

Il-qabdiet kollha tal-merluzz fejn il-ħatt l-art totali għal kull bastiment tal-ispeċijiet kollha fl-2015 u fl-2016 (*2) kien jikkonsisti f'aktar minn 10 % merluzz.

Merluzz

(Merluccius merluccius)

GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR, GEN

Ix-Xkitt kollu

Kollha

Il-qabdiet kollha tal-merluzz

Merluzz

(Merluccius merluccius)

LL, LLS, LLD, LX, LTL, LHP, LHM

Il-konzijiet kollha

Kollha

Il-qabdiet kollha tal-merluzz

c)

Is-sajd fis-subżona VII tal-ICES

Sajd

Kodiċi tal-Irkaptu

Deskrizzjoni tal-irkaptu tas-sajd

Daqs tal-Malja

Speċijiet li jridu jinħattu

Skampu (Nephrops norvegicus)

OTB SSC, OTT, PTB, SDN, SPR, FPO, TBN, TB, TBS, OTM, PTM, SX, SV, FIX, OT, PT, TX

Xbieki tat-tkarkir, Tartaruni, Nases, Xbieki tat-tidwir u Nases tal-gambli

Kollha

Il-qabdiet kollha tal-iskampu fejn il-ħatt l-art totali għal kull bastiment tal-ispeċijiet kollha fl-2015 u fl-2016 (*3) kien jikkonsisti f'aktar minn 10 % skampu

Pollakkju iswed (Pollachius virens)

OTB, SSC, OTT, PTB, SDN, SPR, TBN, TBS, OTM, PTM, TB, SX, SV, OT, PT, TX

Xbieki tat-tkarkir

≥ 100 mm

Il-qabdiet kollha tal-pollakkju iswed fejn il-ħatt l-art totali għal kull bastiment tal-ispeċijiet kollha fl-2015 u fl-2016 (*3) kien jikkonsisti f'aktar minn 50 % pollakkju iswed.

d)

Is-sajd fid-diviżjoni VIIa tal-ICES

Sajd

Kodiċi tal-Irkaptu

Irkaptu tas-sajd

Daqs tal-Malja

Speċijiet li jridu jinħattu

Bakkaljaw (Gadus morhua), Merluzz tal-linja sewda (Melanogrammus aeglefinus), Merlangu (Merlangius merlangus) u Pollakkju iswed (Pollachius virens)

OTB, SSC, OTT, PTB, SDN, SPR, TBN, TBS, OTM, PTM, TB, SX, SV, OT, PT, TX

Xbieki tat-Tkarkir u Tartaruni

Kollha

Il-qabdiet kollha tal-merluzz tal-linja sewda fejn il-ħatt l-art totali għal kull bastiment tal-ispeċijiet kollha fl-2015 u fl-2016 (*4) kien jikkonsisti f'aktar minn 10 % tal-gadojdi li ġejjin: bakkaljaw, merluzz tal-linja sewda, merlangu u pollakkju iswed flimkien

e)

Is-sajd fid-diviżjoni VIId tal-ICES

Sajd

Kodiċi tal-Irkaptu

Irkaptu tas-sajd

Daqs tal-Malja

Speċijiet li jridu jinħattu

Lingwata komuni (Solea solea)

Xbieki tat-tkarkir bi travu

Ix-Xbieki Kollha tat-tkarkir bi travu

Kollha

Il-qabdiet kollha tal-lingwata komuni

Lingwata komuni (Solea solea)

OTT, OTB, TBS, TBN, TB, PTB, OT, PT, TX

Xbieki tat-tkarkir

< 100 mm

Il-qabdiet kollha tal-lingwata komuni

Lingwata komuni (Solea solea)

GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR, GEN

Ix-Xbieki Kollha tal-Pariti u x-Xkitti

Kollha

Il-qabdiet kollha tal-lingwata komuni

Bakkaljaw (Gadus morhua), Merluzz tal-linja sewda (Melanogrammus aeglefinus), Merlangu (Merlangius merlangus) u Pollakkju iswed (Pollachius virens)

OTB, SSC, OTT, PTB, SDN, SPR, TBN, TBS, OTM, PTM, TB, SX, SV, OT, PT, TX

Xbieki tat-tkarkir u Tartaruni

Kollha

Il-qabdiet kollha tal-merlangu fejn il-ħatt l-art totali għal kull bastiment tal-ispeċijiet kollha fl-2015 u fl-2016 (*5) kien jikkonsisti f'aktar minn 10 % tal-gadojdi li ġejjin: bakkaljaw, merluzz tal-linja sewda, merlangu u pollakkju iswed flimkien

f)

Is-sajd fid-diviżjoni VIIe tal-ICES

Sajd

Kodiċi tal-Irkaptu

Irkaptu tas-sajd

Daqs tal-Malja

Speċijiet li jridu jinħattu

Lingwata komuni (Solea solea)

Xbieki tat-tkarkir bi travu

Ix-xbieki kollha tat-tkarkir bi travu

Kollha

Il-qabdiet kollha tal-lingwata komuni

Lingwata komuni (Solea solea)

GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR, GEN

Ix-Xbieki Kollha tal-Pariti u x-Xkitti

Kollha

Il-qabdiet kollha tal-lingwata komuni

g)

Is-sajd fid-diviżjonijiet VIId u VIIe tal-ICES

Sajd

Kodiċi tal-Irkaptu

Irkaptu tas-sajd

Daqs tal-Malja

Speċijiet li jridu jinħattu

Pollakkju (Pollachius pollachius)

GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR, GEN

Ix-Xbieki Kollha tal-Pariti u x-Xkitti

Kollha

Il-qabdiet kollha tal-pollakkju

h)

Is-sajd fid-diviżjonijiet VIIb, VIIc u VIIf – VIIk tal-ICES

Sajd

Kodiċi tal-Irkaptu

Irkaptu tas-sajd

Daqs tal-Malja

Speċijiet li jridu jinħattu

Lingwata komuni (Solea solea)

Xbieki tat-tkarkir bi travu

Ix-Xbieki Kollha tat-tkarkir bi travu

Kollha

Il-qabdiet kollha tal-lingwata komuni

Lingwata komuni (Solea solea)

GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR, GEN

Ix-Xbieki Kollha tal-Pariti u x-Xkitti

Kollha

Il-qabdiet kollha tal-lingwata komuni

i)

Is-sajd fid-diviżjonijiet VIIb, VIIc, VIIe u VIIf – VIIk tal-ICES

Sajd

Kodiċi tal-Irkaptu

Irkaptu tas-sajd

Daqs tal-Malja

Speċijiet li jridu jinħattu

Bakkaljaw (Gadus morhua), Merluzz tal-linja sewda (Melanogrammus aeglefinus), Merlangu (Merlangius merlangus) u Pollakkju iswed (Pollachius virens)

OTB, SSC, OTT, PTB, SDN, SPR, TBN, TBS, OTM, PTM, TB, SX, SV, OT, PT, TX

Xbieki tat-Tkarkir u Tartaruni

Kollha

Il-qabdiet kollha tal-merlangu fejn il-ħatt l-art totali għal kull bastiment tal-ispeċijiet kollha fl-2015 u fl-2016 (*6) kien jikkonsisti f'aktar minn 10 % tal-gadojdi li ġejjin: bakkaljaw, merluzz tal-linja sewda, merlangu u pollakkju iswed flimkien.


(*1)  Il-bastimenti elenkati bħala soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art f'din l-attività tas-sajd skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2375 għandhom jibqgħu fil-lista indikata fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament minkejja l-bidla fil-perjodu ta' referenza u jibqgħu jkunu soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art f'din l-attività tas-sajd.

(*2)  Il-bastimenti elenkati bħala soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art f'din l-attività tas-sajd skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2375 għandhom jibqgħu fil-lista indikata fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament minkejja l-bidla fil-perjodu ta' referenza u jibqgħu jkunu soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art f'din l-attività tas-sajd.

(*3)  Il-bastimenti elenkati bħala soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art f'din l-attività tas-sajd skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2375 għandhom jibqgħu fil-lista indikata fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament minkejja l-bidla fil-perjodu ta' referenza u jibqgħu jkunu soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art f'din l-attività tas-sajd.

(*4)  Il-bastimenti elenkati bħala soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art f'din l-attività tas-sajd skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2375 għandhom jibqgħu fil-lista indikata fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament minkejja l-bidla fil-perjodu ta' referenza u jibqgħu jkunu soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art f'din l-attività tas-sajd.

(*5)  Il-bastimenti elenkati bħala soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art f'din l-attività tas-sajd skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2375 għandhom jibqgħu fil-lista indikata fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament minkejja l-bidla fil-perjodu ta' referenza u jibqgħu jkunu soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art f'din l-attività tas-sajd.

(*6)  Il-bastimenti elenkati bħala soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art f'din l-attività tas-sajd skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2375 għandhom jibqgħu fil-lista indikata fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament minkejja l-bidla fil-perjodu ta' referenza u jibqgħu jkunu soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art f'din l-attività tas-sajd.