4.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 114/22


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/680

tat-2 ta' Mejju 2018

li tistabbilixxi l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għas-servizzi tat-tindif ta' ġewwa

(notifikata bid-dokument C(2018) 2503)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Wara konsultazzjoni mal-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 jistabbilixxi regoli għall-istabbiliment u l-applikazzjoni tal-iskema volontarja tal-Ekotikketta tal-UE, li hi maħsuba biex tippromwovi l-oġġetti u s-servizzi li jkollhom livell għoli ta' prestazzjoni ambjentali.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 jipprevedi li jeħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji speċifiċi tal-Ekotikketta tal-UE għal kull grupp ta' prodotti.

(3)

Il-proposta biex jiġu żviluppati kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għas-servizzi tat-tindif ta' ġewwa tressqet mir-rappreżentanti tal-industrija tas-settur tat-tindif professjonali. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni nediet u mexxiet l-iżvilupp ta' dawn il-kriterji.

(4)

Huwa xieraq li jiġu stabbiliti kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għas-servizzi tat-tindif ta' ġewwa, bil-ħsieb li jiġu promossi l-użu ta' prodotti u ta' aċċessorji tat-tindif b'impatt ambjentali baxx, it-taħriġ tal-istaff fi kwistjonijiet ambjentali, il-bażijiet ta' sistema ta' ġestjoni ambjentali u s-separazzjoni korretta tal-iskart.

(5)

Jenħtieġ li l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE stabbiliti għas-servizzi tat-tindif ta' ġewwa, kif ukoll ir-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati, ikunu validi għal ħames snin mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni, filwaqt li jitqies iċ-ċiklu ta' innovazzjoni għal dan il-grupp ta' prodotti.

(6)

Il-kodiċi li jikkorrispondi għall-grupp ta' prodotti huwa parti integrali tan-numri ta' reġistrazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE. Sabiex il-korpi kompetenti jkunu jistgħu jassenjaw numru ta' reġistrazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE għas-servizzi tat-tindif ta' ġewwa li jkunu konformi mal-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE, jeħtieġ li jiġi assenjat kodiċi għal dan il-grupp ta' prodotti.

(7)

Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-grupp ta' prodotti “servizzi tat-tindif ta' ġewwa” għandu jinkludi l-forniment ta' servizzi ta' rutina tat-tindif professjonali, imwettqa ġewwa f'binjiet kummerċjali, istituzzjonali u f'binjiet oħrajn aċċessibbli għall-pubbliku kif ukoll f'residenzi privati. Iż-żoni li fihom isiru s-servizzi tat-tindif jistgħu jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, uffiċċji, faċilitajiet sanitarji u żoni tal-isptar aċċessibbli għall-pubbliku, bħal kurituri, kmamar ta' stennija u kmamar fejn wieħed jieqaf għal pawża.

2.   Għandu jinkludi wkoll it-tindif ta' superfiċi tal-ħġieġ li jistgħu jintlaħqu mingħajr l-użu ta' xi tagħmir jew makkinarju speċjalizzat.

3.   Dan il-grupp ta' prodotti ma għandux jinkludi l-attivitajiet ta' diżinfettar jew attivitajiet ta' tindif li jseħħu fuq siti ta' produzzjoni jew attivitajiet li għalihom il-prodotti tat-tindif jiġu pprovduti mill-klijent.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“servizzi ta' rutina tat-tindif professjonali” tfisser servizzi tat-tindif professjonali li jiġu pprovduti minn tal-inqas darba fix-xahar, bl-eċċezzjoni tat-tindif tal-ħġieġ li għandu jitqies bħala ta' rutina meta jitwettaq minn tal-inqas darba kull tliet xhur;

2.

“prodotti tat-tindif mhux dilwiti” tfisser prodotti li jridu jiġu dilwiti qabel l-użu u li għandhom rata ta' dilwizzjoni ta' mill-inqas 1:100;

3.

“aċċessorji tat-tindif” tfisser oġġetti tat-tindif li jistgħu jerġgħu jintużaw bħal biċċiet, moppijiet u bramel tal-ilma;

4.

“mikrofibra” tfisser fibra sintetika li tkun ifjen minn ħajt ta' denier jew deċiteks wieħed;

5.

“bini tal-applikant” tfisser il-post fejn l-applikant iwettaq il-kompiti amministrattivi u organizzattivi marbuta mal-attività tiegħu;

6.

“kompitit ta' tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE” tfisser kompiti mwettqa mill-istaff bħala parti minn kuntratt ta' servizz tat-tindif ta' ġewwa.

Artikolu 3

1.   Sabiex jingħata l-Ekotikketta tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, servizz għandu jagħamel parti mill-grupp ta' prodotti “servizzi tat-tindif ta' ġewwa” kif speċifikat fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni, u għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni, kif ukoll il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikun konformi mal-kriterji obbligatorji stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni;

(b)

ikun konformi ma' għadd suffiċjenti ta' kriterji fakultattivi stabbilit fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni sabiex jikseb mill-inqas 14-il punt;

(c)

ikun soġġett għal rekords tal-kontabilità separati fir-rigward ta' servizzi oħra pprovduti mill-istess operatur li ma jidħlux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, inklużi servizzi tat-tindif ta' ġewwa oħra li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.

2.   Operatur li jkun ingħata l-Ekotikketta tal-UE għas-servizzi tat-tindif ta' ġewwa ma għandux jipprovdi servizzi oħra li mhumiex koperti bl-Ekotikketta tal-UE, sakemm is-servizzi tat-tindif ta' ġewwa koperti bl-Ekotikketta tal-UE ma jkunux ipprovduti minn subdiviżjoni, sussidjarja, fergħa jew dipartiment tal-operatur li jkun/tkun distint/a b'mod ċar minn dan u fejn jinżammu rekords tal-kontabilità separati.

Kull servizz ieħor ipprovdut minn dak l-operatur li ma jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, inklużi servizzi tat-tindif ta' ġewwa oħra li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti f'din id-Deċiżjoni, ma għandhomx ikunu koperti bil-liċenzja tal-Ekotikketta tal-UE għas-servizzi tat-tindif ta' ġewwa u ma għandhomx jiġu kkummerċjalizzati bħala tali.

3.   Meta operatur li jkun ingħata l-Ekotikketta tal-UE għas-servizzi tat-tindif ta' ġewwa juża subkuntratturi għall-forniment ta' tali servizzi, dawn jeħtieġ li jkollhom liċenzja tal-Ekotiketta tal-UE għas-servizzi tat-tindif ta' ġewwa.

Artikolu 4

Il-kriterji għall-grupp ta' prodotti “servizzi tat-tindif ta' ġewwa” u r-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati għandhom ikunu validi għal ħames snin mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Għal finijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi assenjat għall-grupp ta' prodotti “servizzi tat-tindif ta' ġewwa” għandu jkun “052”

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Mejju 2018.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.


ANNESS

IL-KRITERJI TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE U R-REKWIŻITI TAL-VALUTAZZJONI U TAL-VERIFIKA GĦALL-GRUPP TA' PRODOTTI “SERVIZZI TAT-TINDIF TA' ĠEWWA”

QAFAS

KRITERJI

Il-kriterji għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-grupp ta' prodotti tas-servizzi tat-tindif ta' ġewwa:

Kriterji obbligatorji

Kriterju M1:

Użu ta' prodotti tat-tindif b'impatt ambjentali baxx

Kriterju M2:

Dożaġġ tal-prodott tat-tindif

Kriterju M3:

Użu ta' prodotti tal-mikrofibra

Kriterju M4:

Taħriġ tal-istaff

Kriterju M5:

Elementi bażiċi tas-sistema tal-ġestjoni ambjentali

Kriterju M6:

Separazzjoni tat-tipi differenti ta' skart solidu fil-bini tal-applikant

Kriterju M7:

Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

Kriterji fakultattivi

Kriterju O1:

Użu kbir ta' prodotti tat-tindif b'impatt ambjentali baxx (sa 3 punti)

Kriterju O2:

Użu ta' prodotti tat-tindif konċentrati u mhux dilwiti (sa 3 punti)

Kriterju O3:

Użu kbir ta' prodotti tal-mikrofibra (sa 3 punti)

Kriterju O4:

Użu ta' aċċessorji għat-tindif b'impatt ambjentali baxx (sa 4 punti)

Kriterju O5:

L-effiċjenza enerġetika għall-vacuum cleaners (3 punti)

Kriterju O6:

Ir-reġistrazzjoni EMAS jew iċ-ċertifikazzjoni ISO 14001 tal-fornitur tas-servizz (sa 5 punti)

Kriterju O7:

Ġestjoni tal-iskart solidu fis-siti tat-tindif (2 punti)

Kriterju O8:

Kwalità tas-servizz (sa 3 punti)

Kriterju O9:

Flotta ta' vetturi proprjetà tal-applikant jew mikrija minnu (sa 5 punti)

Kriterju O10:

L-effiċjenza tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ li huma proprjetà tal-applikant jew mikrija minnu (sa 4 punti)

Kriterju O11:

Servizzi bl-ekotikketta u prodotti oħrajn bl-ekotikketta (sa 5 punti)

Kriterju O12:

Prodotti konsumabbli u magni tal-elettriku għat-tnixxif tal-idejn fornuti lill-klijent (sa 3 punti)

VALUTAZZJONI U VERIFIKA

Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-valutazzjoni u tal-verifika huma indikati f'kull kriterju.

Meta l-applikant jintalab jagħti dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, analiżijiet, rapporti tat-testijiet, jew evidenza oħra sabiex juri l-konformità mal-kriterji, dawn jistgħu jiġu mingħand l-applikant u/jew il-fornitur(i) tiegħu u/jew mis-subkuntrattur(i) tiegħu.

Il-korpi kompetenti għandhom jagħtu preferenza lill-attestazzjonijiet li jinħarġu mill-korpi akkreditati skont l-istandard armonizzat rilevanti għal-laboratorji tal-ittestjar u tal-ikkalibrar, u vverifikati minn korpi akkreditati skont l-istandard armonizzat rilevanti għall-korpi li jiċċertifikaw il-prodotti, il-proċessi u s-servizzi. L-akkreditament għandu jsir skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

L-informazzjoni meħuda mid-dikjarazzjonijiet ambjentali ppreżentati skont ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tista' tintuża bħala mezz ta' prova minflok l-attestazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu preċedenti.

Jistgħu jintużaw metodi oħra tal-ittestjar apparti dawk imniżżla għal kull kriterju, dment li l-korp kompetenti li jkun qed jivvaluta l-applikazzjoni jaċċetta l-ekwivalenza tagħhom.

Il-korpi kompetenti jistgħu jitolbu dokumentazzjoni ta' sostenn u jagħmlu verifiki indipendenti.

Qabel l-għoti tal-konċessjoni l-korpi kompetenti għandhom jagħmlu żjara fuq il-post fil-bini tal-applikant u mill-inqas żjara waħda fuq il-post tas-servizz tat-tindif li qed jingħata f'sit tat-tindif.

Wara l-għoti tal-liċenzja tal-Ekotikketta tal-UE, l-applikant għandu jipprovdi perjodikament lill-korp kompetenti lista tas-siti tat-tindif fejn dawn jipprovdu servizzi tat-tindif bl-Ekotikketta tal-UE, li tindika l-ewwel u l-aħħar jum ta' attività għal kull sit. Il-perjodu bejn in-notifiki ta' siti ġodda tat-tindif ma għandux jaqbeż l-erba' xhur, dment li l-applikant ma jkunx ħa kuntratti ġodda. Matul il-perjodu tal-għotja, il-korp kompetenti jista' jagħmel perjodikament żjarat ta' segwitu fuq il-post fil-bini tal-applikant jew f'sit tat-tindif.

Bħala prerekwiżit, is-servizzi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti legali kollha tal-pajjiż (pajjiżi) li fihom ingħataw is-“servizzi tat-tindif ta' ġewwa”. B'mod partikolari, il-kumpanija trid tkun operazzjonali u rreġistrata, kif meħtieġ mil-liġijiet nazzjonali jew lokali u l-istaff tagħha jkun impjegat u assigurat b'mod legali. Għal dan il-għan, il-istaff għandu jkollu kuntratt nazzjonali legali bil-miktub validu, għandu tal-anqas jitħallas il-paga minima nazzjonali jew reġjonali ffissata skont ftehimiet kollettivi jew, fin-nuqqas ta' ftehimiet kollettivi, jitħallas il-paga minima reġjonali jew nazzjonali legali, u għandu jkollu sigħat tax-xogħol li jkunu konformi mal-liġi nazzjonali.

L-applikant għandu jiddikjara u juri li s-servizzi huma konformi ma' dawk ir-rekwiżiti billi juża verifika indipendenti jew evidenza dokumentarja li ma tippreġudikax il-liġi nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta (eż. kopja ta' politika soċjali miktuba, kopji ta' kuntratti, dikjarazzjonijiet tar-reġistrazzjoni tal-impjegat fis-sistema tal-assigurazzjoni nazzjonali, dokumentazzjoni jew reġistru uffiċjali bl-ismijiet u bl-għadd tal-impjegati mill-ispettorat jew mill-aġent tal-impjiegi tal-gvern lokali).

Matul iż-żjarat fuq il-post il-korpi kompetenti jistgħu jintervistaw għal għarrieda lill-istaff.

KRITERJI MANDATORJI

Kriterju M1 —   Użu ta' prodotti tat-tindif b'impatt ambjentali baxx

Dan il-kriterju jkopri biss il-prodotti li jintużaw direttament għat-twettiq tal-kompiti tas-servizz tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE. Iż-żewġ kriterji M1(a) u M1(b) għandhom jiġu ssodisfati mill-applikant.

Ekotikketta tal-UE M1(a) u prodotti oħrajn b'tikketta tat-tip I tal-ISO

Mill-inqas 50 % tal-volum tax-xiri tal-prodotti kollha tat-tindif użati kull sena, għajr il-wet wipes, prodotti mxarrba minn qabel oħrajn u prodotti li jintużaw għat-tixpip u l-konservazzjoni ta' moppijiet (matul il-proċess tal-ħasil), għandhom ikunu ngħataw l-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tat-tindif għal uċuħ ebsin skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1217 (3) jew tikketta oħra tat-tip I tal-EN ISO 14024 li hija uffiċjalment rikonoxxuta fil-livell nazzjonali jew reġjonali fl-Istati Membri.

Valutazzjoni u verifika

L-applikant għandu jipprovdi d-dejta annwali (it-tip u l-kwantitajiet ta' prodotti) u d-dokumentazzjoni (inklużi l-fatturi rilevanti jew l-inventarji tas-sit) li jindikaw il-prodotti tat-tindifi użati għall-kuntratti ta' servizz tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE. Meta jintużaw prodotti bl-Ekotikketta tal-UE, l-applikant għandu jipprovdi kopja taċ-ċertifikat tal-Ekotikketta tal-UE u/jew it-tikketta tal-imballaġġ biex juri li ngħataw skont id-Deċiżjoni (UE) 2017/1217.

Meta jintużaw prodotti bit-tikketta tat-tip I tal-ISO, l-applikant għandu jipprovdi kopja taċ-ċertifikat tat-tikketta tat-tip I u/jew kopja tat-tikketta tal-imballaġġ.

M1(b)   Sustanzi Perikolużi

(i)

Il-prodotti kollha li ma jkunux ingħataw l-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tat-tindif għal uċuħ ebsin jew tikketta oħra tat-tip I tal-EN ISO 14024 li hija uffiċjalment rikonoxxuta fil-livell nazzjonali jew reġjonali fl-Istati Membri ma għandux ikun fihom is-sustanzi elenkati fil-Kriterju 4(a)(i) tal-Ekotikketta tal-UE għal prodotti tat-tindif għal uċuħ ebsin, irrispettivament mill-konċentrazzjoni.

(ii)

Il-prodotti kollha li ma jkunux ingħataw l-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tat-tindif għal uċuħ ebsin jew tikketta oħra tat-tip I tal-EN ISO 14024 li hija uffiċjalment rikonoxxuta fil-livell nazzjonali jew reġjonali fl-Istati Membri ma għandux ikun fihom is-sustanzi elenkati fil-Kriterju 4(a)(ii) tal-Ekotikketta tal-UE għal prodotti tat-tindif għal uċuħ ebsin, f'ammonti ogħla minn dawk awtorizzati fil-kriterju.

(iii)

Il-prodotti kollha li ma jkunux ingħataw l-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tat-tindif għal uċuħ ebsin jew tikketta oħra tat-tip I tal-EN ISO 14024 li hija uffiċjalment rikonoxxuta fil-livell nazzjonali jew reġjonali fl-Istati Membri ma għandhomx jiġu kklassifikati u ttikkettati bħala li huma tossiċi akuti, sustanzi tossiċi speċifiċi għal organi ta' mira, sensitizzaturi respiratorji jew tal-ġilda, karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni, jew bħala prodotti perikolużi għall-ambjent skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u kif interpretat skont id-dikjarazzjonijiet ta' periklu elenkati fit-tabella hawn taħt.

Wet wipes u prodotti oħra mxarrba minn qabel għandhom ikunu konformi ma' dan ir-rekwiżit.

Klassifikazzjonijiet ristretti tal-periklu u t-tqassim tagħhom f'kategoriji

Tossiċità akuta

Kategoriji 1 u 2

Kategorija 3

H300 Fatali jekk jinbela'

H301 Tossiku jekk jinbela'

H310 Fatali jekk imiss mal-ġilda

H311 Tossiku jekk imiss mal-ġilda

H330 Fatali jekk jinġibed man-nifs

H331 Tossiku jekk jinġibed man-nifs

H304 Jaf ikun fatali jekk jinbela' u jmur fil-pajp tan-nifs

EUH070 Tossiku jekk imiss mal-għajnejn

Tossiċità speċifika għall-organi fil-mira

Kategorija 1

Kategorija 2

H370 Jagħmel ħsara lill-organi

H371 Jista' jagħmel ħsara lill-organi

H372 Jagħmel ħsara lill-organi jekk jiġu esposti għalih fit-tul jew b'mod ripetut

H373 Jista' jagħmel ħsara lill-organi jekk jiġu esposti għalih fit-tul jew b'mod ripetut

Sensitizzazzjoni respiratorja u tal-ġilda

Kategorija 1 A

Kategorija 1B

H317 Jista' jikkawża reazzjoni allerġika tal-ġilda

H317 Jista' jikkawża reazzjoni allerġika tal-ġilda

H334 Jista' jikkawża sintomi ta' allerġija jew ta' ażma jew diffikultajiet biex jittieħed in-nifs jekk jinxtamm

H334 Jista' jikkawża sintomi ta' allerġija jew ta' ażma jew diffikultajiet biex jittieħed in-nifs jekk jinxtamm

Karċinoġenu, mutaġeniku jew tossiku għar-riproduzzjoni

Kategoriji 1 A u 1B

Kategorija 2

H340 Jista' jikkawża difetti ġenetiċi

H341 Suspettat li jikkawża difetti ġenetiċi

H350 Jista' jikkawża l-kanċer

H351 Suspettat li jikkawża l-kanċer

H350i Jista' jikkawża l-kanċer jekk jinġibed man-nifs

 

H360F Jista' jagħmel ħsara lill-fertilità

H361f Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

H360D Jista' jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf.

H361d Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

H360FD Jista' jagħmel ħsara lill-fertilità. Jista' jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

H361fd Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

H360Fd Jista' jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf

H362 Jista' jagħmel ħsara lit-tfal imreddgħa

H360Df Jista' jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf. Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

 

Perikoluż għall-ambjent akkwatiku

Kategoriji 1 u 2

Kategoriji 3 u 4

H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

H412 Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

H410 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

H413 Jista' jħalli effetti fit-tul lill-organiżmi akkwatiċi

H411 Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

 

Perikoluż għas-saff tal-ożonu

H420 Perikoluż għas-saff tal-ożonu

 

Valutazzjoni u verifika:

Il-punti (i) u (ii): l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ffirmata appoġġata minn dikjarazzjonijiet tal-fornituri li jikkonfermaw li s-sustanzi elenkati ma ġewx inklużi fil-formulazzjoni tal-prodott irrispettivament mill-konċentrazzjoni jew li ma jaqbżux il-limiti speċifikati.

Il-punt (iii): l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità appoġġata mill-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza għall-prodotti kollha li ma jkunux ingħataw l-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tat-tindif għal uċuħ ebsin jew tikketta oħra tat-tip I tal-ISO.

Kriterju M2 —   Dożaġġ tal-prodott tat-tindif

L-istaff li jwettaq kompiti ta' tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE għandu jkollu aċċess għal apparat ta' dożaġġ u ta' dilwizzjoni xieraq għall-prodotti tat-tindif użati (eż, dispensers awtomatiċi, bekkijiet/tappijiet għall-kejl, pompi tal-idejn, sprejs), fis-sit tat-tindif jew fil-bini tal-applikant. Għandu jkollu wkoll aċċess għall-istruzzjonijiet korrispondenti għad-dożaġġ u d-dilwizzjoni korretti.

Valutazzjoni u verifika

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ma' dan il-kriterju appoġġata minn lista tal-apparat ipprovdut u d-dokumentazzjoni xierqa li turi l-istruzzjonijiet dwar id-dożaġġ u d-dilwizzjoni korretti li tiġi pprovduta lill-istaff tat-tindif.

Kriterju M3 —   Użu ta' prodotti tal-mikrofibra

Dan il-kriterju jkopri biss l-aċċessorji tessili għat-tindif li ma jintremewx u li jintużaw direttament għat-twettiq tal-kompiti tas-servizz tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE.

Mill-inqas 50 % tal-aċċessorji tessili għat-tindif (eż. il-biċċiet, il-mopp mingħajr il-lasta) użati kull sena għandhom ikunu tal-mikrofibra.

Valutazzjoni u verifika

L-applikant għandu jipprovdi d-dejta annwali (it-tip u l-kwantitajiet ta' prodotti) u d-dokumentazzjoni (inklużi l-fatturi rilevanti jew l-inventarji tas-sit) li jindikaw l-aċċessorji tessili għat-tindif użati u li jispeċifikaw liema aċċessorji tessili għat-tindif huma magħmula mill-mikrofibra.

Kriterju M4 —   Taħriġ tal-istaff

L-applikant għandu jagħmel disponibbli l-informazzjoni, inklużi l-proċeduri bil-miktub jew il-manwali, u jipprovdi taħriġ lill-istaff li jwettaq kompiti ta' tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE u lill-maniġers li jissorveljaw dawn il-kompiti ta' tindif. It-taħriġ għandu jkopri dawn l-oqsma li ġejjin, meta jkunu rilevanti għall-kompiti mwettqa mill-membri tal-istaff:

L-istaff għandu jiġi mgħarraf dwar x'inhi l-Ekotikketta tal-UE u dwar x'inhuma l-implikazzjonijiet għas-servizzi tat-tindif.

 

Prodotti tat-tindif:

L-istaff għandu jiġi mħarreġ biex juża d-dożaġġ korrett tal-prodott għal kull kompitu ta' tindif.

L-istaff għandu jiġi mħarreġ biex juża r-rata ta' dilwizzjoni korretta għall-prodotti tat-tindif mhux dilwiti u biex juża l-apparat ta' dożaġġ xieraq.

L-istaff għandu jiġi mħarreġ dwar kif għandu jaħżen b'mod xieraq il-prodotti tat-tindif.

It-taħriġ għandu jkopri t-tnaqqis tal-firxa ta' prodotti tat-tindif użati bħala mezz biex jitnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju li l-prodotti tat-tindif jintużaw b'mod eċċessiv u ħażin.

 

Iffrankar enerġetiku:

L-istaff għandu jiġi mħarreġ biex juża ilma mhux imsaħħan għad-dilwizzjoni tal-prodotti, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor mill-manifattur tal-prodott.

Fejn xieraq, l-istaff għandu jiġi mħarreġ biex juża ċ-ċiklu u t-temperatura xierqa kemm għall-magni tal-ħasil industrijali kif ukoll dawk domestiċi.

Fejn xieraq, l-istaff għandu jiġi mħarreġ biex jitfi d-dwal meta jlesti mill-kompiti tiegħu.

 

Iffrankar tal-ilma:

L-istaff għandu jiġi mħarreġ biex juża prodotti tal-mikrofibra, fejn xieraq, sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun l-użu tal-ilma u tal-prodotti tat-tindif.

 

Skart:

L-istaff għandu jiġi mħarreġ biex juża aċċessorji għat-tindif durabbli u li jistgħu jintużaw mill-ġdid u jnaqqas l-użu ta' oġġetti tat-tindif li jintużaw darba biss (eż. ingwanti), fejn dan ma jikkompromettix is-sikurezza tal-istaff u r-rekwiżiti tal-iġjene.

L-istaff għandu jiġi mħarreġ biex jarmi b'mod korrett l-ilma mormi.

L-istaff għandu jirċievi taħriġ speċifiku għall-ġestjoni tal-iskart sabiex jgħinu jkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-kriterju M6 u fil-kriterju O7, fejn applikabbli. It-taħriġ għandu jinkludi l-ġestjoni tal-iskart solidu kemm fil-bini tal-kumpanija kif ukoll fis-siti tat-tindif.

 

Saħħa u sikurezza:

L-istaff għandu jiġi infurmat dwar kwistjonijiet dwar is-saħħa, is-sikurezza u l-ambjent marbuta ma' kompiti ta' tindif u għandu jiġi mħeġġeġ sabiex jadotta l-aqwa prattiki. Din l-informazzjoni għandha tinkludi:

l-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza u l-immaniġġjar ta' sustanzi kimiċi;

l-ergonomija u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol;

it-tneħħija, it-tindif u l-ħażna ta' ingwanti li jistgħu jintużaw mill-ġdid (jekk applikabbli); kif ukoll

is-sikurezza fit-toroq u s-sewqan ekoloġiku (applikabbli għal applikanti li l-istaff tagħhom ikun responsabbli għas-sewqan fil-forniment ta' servizz tat-tindif).

L-istaff il-ġdid, permanenti kif ukoll dak temporanju, għandu jingħata taħriġ xieraq fi żmien sitt ġimgħat mill-bidu tal-impjieg. L-istaff għandu jiġi aġġornat dwar l-aspetti kollha deskritti f'dan il-kriterju mill-inqas darba fis-sena. Għalkemm dan l-aġġornament ma hemmx għalfejn ikun ripetizzjoni tas-sessjoni ta' taħriġ inizjali mogħtija lill-istaff kollu, dan għandu jkopri l-kwistjonijiet ambjentali kollha elenkati u għandu jiżgura li l-istaff rilevanti huwa kompletament konxju mir-responsabbiltajiet tiegħu.

Valutazzjoni u verifika

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ma' dan il-kriterju appoġġata minn dettalji annwali dwar il-programm ta' taħriġ (id-data u t-tip — it-taħriġ inizjali jew l-aġġornament), il-kontenut tiegħu u l-informazzjoni li fuqha l-istaff segwa t-taħriġ. L-applikant għandu jipprovdi wkoll kopji tal-proċeduri u tal-komunikazzjoni għall-istaff dwar il-kwistjonijiet relatati mat-taħriġ. Id-data u t-tip ta' taħriġ tal-istaff għandhom jiġu rreġistrat bħala evidenza li jkunu saru aġġornamenti fit-taħriġ.

Fejn jingħataw korsijiet ta' taħriġ bħala parti minn skema ta' taħriġ estern, id-dokumentazzjoni li turi l-parteċipazzjoni (eż. iċ-ċertifikat tat-taħriġ) u l-kontenut tat-taħriġ jistgħu jingħataw bħala prova tal-konformità, dment li jiġu koperti s-suġġetti elenkati f'dan il-kriterju.

Jekk kumpanija tieħu f'idejha l-istaff, fuq bażi permanenti jew temporanja, mingħand fornitur ieħor ta' servizzi tat-tindif u jekk l-istaff ikun segwa taħriġ matul is-sena preċedenti, mhux meħtieġ li jsir taħriġ mill-ġdid, dment li tista' tiġi pprovduta d-dokumentazzjoni li turi l-parteċipazzjoni f'programm ta' taħriġ (eż. iċ-ċertifikat tat-taħriġ) u s-suġġetti tat-taħriġ li ġew koperti.

Kriterju M5 —   Elementi bażiċi ta' sistema tal-ġestjoni ambjentali

L-applikant għandu jkollu fis-seħħ ir-rekwiżiti minimi bażiċi ta' sistema tal-ġestjoni ambjentali billi jimplimenta dawn li ġejjin:

Politika ambjentali li tidentifika l-aktar impatti ambjentali diretti u indiretti rilevanti u l-politika tal-organizzazzjoni rigward dawn l-impatti;

Programm ta' azzjoni preċiż li jiżgura li l-politika ambjentali tal-kumpanija hija applikata għas-servizzi pprovduti. Il-programm ta' azzjoni għandu wkoll jistabbilixxi miri għall-prestazzjoni ambjentali dwar l-użu tar-riżorsi (eż. it-tnaqqis fl-użu tal-prodotti tat-tindif) u l-azzjonijiet biex jitnaqqas l-impatt ambjentali. L-istabbiliment ta' miri u ta' azzjonijiet għandu jiġi appoġġat permezz tal-ġbir ta' dejta dwar l-użu ta' riżorsi u aspetti ambjentali oħra (eż. il-ġenerazzjoni tal-iskart);

Proċess ta' evalwazzjoni interna, li għandu jsir kull sena biex jivverifika l-prestazzjoni tal-organizzazzjoni meta mqabbla mal-miri stabbiliti fil-programm ta' azzjoni. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni għandhom jintużaw mill-bord maniġerjali tal-organizzazzjoni biex titjieb kontinwament il-prestazzjoni bis-saħħa tal-aġġornament tal-politika ambjentali u tal-programm ta' azzjoni.

Il-politika ambjentali u l-prestazzjoni tal-organizzazzjoni fir-rigward tal-miri stabbiliti għandhom ikunu disponibbli għall-konsultazzjoni mill-pubbliku fil-bini tal-applikant.

Għandhom jitqiesu l-kummenti u l-feedback mill-klijenti miġbura permezz ta' kwestjonarju jew lista ta' kontroll.

Valutazzjoni u verifika

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ma' dan il-kriterju appoġġata b'kopja tal-politika ambjentali, il-programm ta' azzjoni, ir-rapport tal-evalwazzjoni u l-proċeduri li ġew implimentati b'riżultat tal-kummenti u tal-feedback tal-klijenti. Ir-rapport tal-evalwazzjoni għandu jinkludi lista ta' kwalunkwe azzjoni korrettiva li għandha tittieħed, u għandu jkun disponibbli għall-korp kompetenti mill-aktar fis possibbli wara d-data tal-applikazzjoni għall-Ekotikketta tal-UE. Id-dokumentazzjoni aġġornata għandha tiġi pprovduta fuq talba tal-korp kompetenti sabiex tintwera l-konformità matul il-perjodu tal-għotja.

L-applikanti rreġistrati mal-EMAS u/jew iċċertifikati skont l-ISO 14001, u l-applikanti li huma parti minn organizzazzjoni rreġistrata mal-EMAS u/jew iċċertifikati skont l-ISO 14001, huma meqjusa li jissodisfaw dan il-kriterju jekk jipprovdu r-reġistrazzjoni EMAS u/jew iċ-ċertifikat ISO 14001 bħala prova tal-konformità.

Kriterju M6 —   Separazzjoni tal-iskart solidu fil-bini tal-applikant

Dan il-kriterju jkopri biss l-iskart iġġenerat fil-bini tal-applikant.

L-applikant għandu jipprovdi l-mezzi biex l-istaff jissepara l-iskart solidu ġġenerat fil-bini tiegħu fil-kategoriji ta' flussi ta' skart xierqa, biex jintbagħtu għat-trattament (eż. ir-riċiklaġġ, l-inċinerazzjoni) jew sabiex jintremew skont il-prassi u l-faċilitajiet lokali jew nazzjonali tal-ġestjoni tal-iskart.

Valutazzjoni u verifika

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità appoġġata minn deskrizzjoni tal-kategoriji differenti ta' skart solidu miġbur u sseparat fil-bini tal-applikant. Għandha tingħata wkoll indikazzjoni tal-flussi differenti ta' skart solidu aċċettat għal trattament ulterjuri jew biex jintrema mill-awtoritajiet lokali u/jew mill-aġenziji privati (taħt kuntratti rilevanti).

Kriterju M7 —   Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

Il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-użu tat-tikketta fakultattiva b'kaxxa għall-kitba jinsabu fuq: http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/documents/logo_guidelines.pdf.

It-tikketta fakultattiva b'kaxxa għall-kitba għandha tinkludi dan it-test:

“[l-operatur skont it-tifsira tal-Artikolu 3.2] qed jieħu miżuri b'mod attiv biex jipprovdi servizzi tat-tindif ta' ġewwa b'impatti ambjentali mnaqqsa permezz ta':

l-użu ta' prodotti tat-tindif bl-ekotikketta;

taħriġ speċifiku għall-istaff;

sistemi ta' ġestjoni ambjentali.”

Valutazzjoni u verifika

Sabiex jikkonforma ma' dan il-kriterju, l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità li tispjega fuq liema sapport beħsiebu juri l-logo.

KRITERJI FAKULTATTIVI

Kriterju O1 —   Użu kbir ta' prodotti tat-tindif b'impatt ambjentali baxx (sa 3 punti)

Dan il-kriterju jkopri biss il-prodotti li jintużaw direttament għat-twettiq tal-kompiti tas-servizz tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE.

L-applikant għandu jirċievi punti abbażi tal-perċentwal skont il-volum tax-xiri tal-prodotti kollha tat-tindif użati kull sena, għajr il-wet wipes u l-prodotti mxarrba minn qabel, li jkunu ngħataw l-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tat-tindif għal uċuħ ebsin jew tikketta oħra tat-tip I tal-EN ISO 14024 li hija uffiċjalment rikonoxxuta fil-livell nazzjonali jew reġjonali tal-Istati Membri, kif ġej:

Mill-anqas 65 %: punt wieħed

Mill-anqas 75 %: 2 punti

Mill-anqas 95 %: 3 punti

Valutazzjoni u verifika

L-applikant għandu jipprovdi d-dejta annwali (l-isem kummerċjali u l-volum tal-prodotti) u d-dokumentazzjoni (inklużi l-fatturi rilevanti jew l-inventarji tas-sit) li jindikaw il-prodotti tat-tindif użati fil-kuntratti ta' servizzi tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE. Meta jintużaw prodotti bl-Ekotikketta tal-UE, l-applikant għandu jipprovdi kopja taċ-ċertifikat tal-Ekotikketta tal-UE u/jew it-tikketta tal-imballaġġ biex juri li ngħataw skont id-Deċiżjoni (UE) 2017/1217. Meta jintużaw prodotti bit-tikketta tat-tip I tal-ISO, l-applikant għandu jipprovdi kopja taċ-ċertifikat tat-tikketta tat-tip I u/jew kopja tat-tikketta tal-imballaġġ.

Kriterju O2 —   Użu ta' prodotti tat-tindif konċentrati u mhux dilwiti (sa 3 punti)

Dan il-kriterju jkopri biss il-prodotti li jintużaw direttament għat-twettiq tal-kompiti tas-servizz tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE.

L-applikant għandu jirċievi punti abbażi tal-perċentwal skont il-volum tax-xiri tal-prodotti kollha tat-tindif użati kull sena, għajr il-wet wipes, il-prodotti mxarrba minn qabel u l-prodotti li jintużaw għat-tixpip u l-konservazzjoni tal-moppijiet (matul il-proċess tal-ħasil), li jkollu rata minima ta' dilwizzjoni ta' 1:100, kif ġej:

Mill-anqas 15 %: punt wieħed

Mill-anqas 30 %: 2 punti

Mill-anqas 50 %: 3 punti

Valutazzjoni u verifika

L-applikant għandu jipprovdi d-dejta annwali (l-isem kummerċjali u l-volum tal-prodotti) u d-dokumentazzjoni (inklużi l-fatturi rilevanti jew l-inventarji tas-sit) li jindikaw il-prodotti tat-tindif użati. Għal kull prodott, għandha tiġi pprovduta d-dokumentazzjoni dwar ir-rata ta' dilwizzjoni użata (l-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza, l-istruzzjonijiet għall-utent jew mezzi oħra rilevanti). Jekk prodott jista' jintuża f'diversi rati ta' dilwizzjoni, għandha tiġi pprovduta l-aktar rata ta' dilwizzjoni użata, kif iġġustifikat mill-istruzzjonijiet għall-istaff intern. Għal prodotti lesti għall-użu, ir-rata ta' dilwizzjoni għandha tkun immarkata bħala wieħed.

Kriterju O3 —   Użu ta' prodotti tal-mikrofibra (sa 3 punti)

Dan il-kriterju jkopri biss l-aċċessorji tessili għat-tindif li ma jintremewx li jintużaw direttament għat-twettiq tal-kompiti tas-servizz tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE.

L-applikant għandu jirċievi punti abbażi tal-perċentwal tal-aċċessorji tessili għat-tindif (eż. il-biċċiet, il-mopp mingħajr il-lasta) magħmula mill-mikrofibra u użati kull sena, kif ġej:

Mill-anqas 65 %: punt wieħed

Mill-anqas 75 %: 2 punti

Mill-anqas 95 %: 3 punti

Valutazzjoni u verifika

L-applikant għandu jipprovdi d-dejta annwali (it-tip u l-kwantitajiet ta' prodotti) u d-dokumentazzjoni (inklużi l-fatturi rilevanti jew l-inventarji tas-sit) li jindikaw l-aċċessorji tessili għat-tindif użati u li jispeċifikaw liema aċċessorji tessili għat-tindif huma magħmula mill-mikrofibra.

Kriterju O4 —   Użu ta' aċċessorji għat-tindif b'impatt ambjentali baxx (sa 4 punti)

Dan il-kriterju jkopri biss l-aċċessorji għat-tindif li jintużaw direttament għat-twettiq tal-kompiti tas-servizz tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE.

O4 (a)   Moppijiet (sa 2 punti)

L-applikant għandu jirċievi punti abbażi tal-perċentwal ta' moppijiet użati kull sena li jkunu ngħataw l-Ekotikketta tal-UE għat-Tessuti jew tikketta oħra tat-tip I tal-EN ISO 14024 li hija uffiċjalment rikonoxxuta fil-livell nazzjonali jew reġjonali tal-Istati Membri, kif ġej:

Mill-anqas 20 %: punt wieħed

Mill-anqas 50 %: 2 punti

O4 (b)   Biċċiet (sa 2 punti)

L-applikant għandu jirċievi punti abbażi tal-perċentwal ta' biċċiet użati kull sena li jkunu ngħataw l-Ekotikketta tal-UE għat-Tessuti jew tikketta oħra tat-tip I tal-EN ISO 14024 li hija uffiċjalment rikonoxxuta fil-livell nazzjonali jew reġjonali tal-Istati Membri, kif ġej:

Mill-anqas 20 %: punt wieħed

Mill-anqas 50 %: 2 punti

Valutazzjoni u verifika

L-applikant għandu jipprovdi d-dejta annwali (it-tip u l-kwantitajiet ta' prodotti) u d-dokumentazzjoni (inklużi l-fatturi rilevanti jew l-inventarji tas-sit) li jindikaw il-provvisti u l-aċċessorji użati fil-kuntratti ta' servizzi tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE. Meta jintużaw prodotti bl-Ekotikketta tal-UE, l-applikant għandu jipprovdi kopja taċ-ċertifikat tal-Ekotikketta tal-UE u/jew it-tikketta tal-imballaġġ biex juri li ngħataw skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/350/UE (5). Meta jintużaw prodotti oħrajn bit-tikketta tat-tip I tal-ISO, l-applikant għandu jipprovdi kopja taċ-ċertifikat tat-tikketta tat-tip I u/jew kopja tat-tikketta tal-imballaġġ.

Kriterju O5 —   L-effiċjenza enerġetika għall-vacuum cleaners (3 punti)

Dan il-kriterju jkopri biss il-vacuum cleaners koperti mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2013 (6). Eżentati mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-Regolament huma l-vacuum cleaners li jnaddfu l-likwidi, li jnaddfu l-likwidi u fix-xott, ir-robots, dawk industrijali, ċentrali u li jaħdmu bil-batteriji u l-magni li jillustraw l-art u l-vacuum cleaners għal barra.

Mill-inqas 40 % tal-vacuum cleaners (imqarreb għall-eqreb valur sħiħ) proprjetà tal-applikant jew mikrija minnu u użati fil-forniment ta' servizzi tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE għandhom jissodisfaw, fil-mument tax-xiri, mill-anqas dawn il-klassijiet tal-effiċjenza enerġetijka li ġejjin kif stabbilit fir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 665/2013:

Il-klassi A għal vacuum cleaners li nxtraw qabel l-1 ta' Settembru 2017;

Il-klassi A+ għal vacuum cleaners li nxtraw wara l-1 ta' Settembru 2017.

Valutazzjoni u verifika

L-applikant għandu jipprovdi d-dokumentazzjoni li turi l-konformità mar-rekwiżiti tal-klassi tal-effiċjenza enerġetika (bħal fattura tax-xiri tal-vacuum u skeda tal-prodott kif stipulat fl-Anness III tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 665/2013, flimkien ma' lista sħiħa ta' vacuum cleaners użati fil-forniment ta' servizzi bl-Ekotikketta tal-UE.

Kriterju O6 —   Reġistrazzjoni EMAS jew ċertifikazzjoni ISO 14001 tal-fornitur tas-servizz (sa 5 punti)

L-applikant għandu jkun irreġistrat fl-Iskema tal-Unjoni ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) (5 punti) jew iċċertifikat skont l-istandard ISO 14001 (3 punti).

Valutazzjoni u verifika

L-applikant għandu jipprovdi r-reġistrazzjoni EMAS jew ċertifikat ISO 14001 bħala evidenza tal-konformità ma' dan il-kriterju.

Kriterju O7 —   Ġestjoni tal-iskart solidu fis-siti tat-tindif (2 punti)

Dan il-kriterju huwa applikabbli biss meta l-klijenti tal-applikant jipprovdu l-mezzi għall-istaff tat-tindif biex jisseparaw l-iskart fi flussi rilevanti ta' skart solidu u biss għall-iskart solidu ġġenerat matul il-forniment ta' servizz tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE (eż. imballaġġi ta' prodotti tat-tindif li jintużaw darba, imballaġġi ta' oġġetti konsumabbli) u għall-iskart solidu sseparat minn qabel (eż. mill-istaff tal-klijent) fis-siti tat-tindif.

L-istaff tat-tindif għandu jissepara l-iskart solidu ġġenerat matul il-forniment ta' servizz u jarmi l-iskart isseparat u l-iskart li jkun isseparat minn qabel f'kontenituri xierqa fi ħdan jew qrib is-siti tat-tindif. Dan għandu jsir kull meta l-klijenti jipprovdu l-mezzi (eż. kontenituri tal-iskart għall-flussi distinti ta' skart solidu) għall-flussi ta' skart isseparat li jintbagħtu għat-trattament (eż. riċiklaġġ, inċinerazzjoni) jew li jintbagħtu sabiex jintremew f'konformità mal-prattiki u l-faċilitajiet lokali jew nazzjonali tal-ġestjoni tal-iskart u/jew il-kuntratti rilevanti b'servizzi ta' riċiklaġġ.

Valutazzjoni u verifika

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità flimkien ma' deskrizzjoni tal-flussi differenti ta' skart solidu aċċettati mill-awtoritajiet lokali u/jew il-kuntratti rilevanti ma' servizzi ta' riċiklaġġ għal kull sit ta' tindif ikkonċernat.

Kriterju O8 —   Kwalità tas-servizz (sa 3 punti)

L-applikanti għandhom jirċievu 2 punti jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti hawn taħt jew 3 punti jekk ikollhom ċertifikazzjonijiet ISO 9001 jew Nordic INSTA 800.

L-applikant għandu jaħtar maniġer ta' servizz u jimplimenta proċeduri għall-monitoraġġ, il-valutazzjoni u t-titjib tal-kwalità tat-tindif, kif deskritt hawn taħt. Il-maniġer jista' jkun il-maniġer tal-faċilità, il-kap tat-tim, jew il-koordinatur maħtur biex jorganizza u jissorvelja t-tindif.

L-applikant għandu jimplimenta:

proċeduri għall-monitoraġġ, il-valutazzjoni u t-titjib tal-kompiti ta' tindif imwettqa mill-applikant (deskrizzjoni dettaljata hawn taħt);

miżuri għat-titjib tal-kwalità tat-tindif ibbażati fuq, pereżempju, it-tweġibiet mogħtija fi stħarriġiet dwar is-sodisfazzjon tal-konsumatur.

Barra minn hekk, l-applikant għandu jabbozza struzzjonijiet bil-miktub, iffirmati mit-tim ta' ġestjoni tal-applikant, li jkopru l-kompiti tax-xogħol li għandhom jitwettqu mis-servizz. Dawk l-istruzzjonijiet bil-miktub għandhom jiġu pprovduti lill-istaff tat-tindif u jkunu disponibbli għal konsultazzjoni fil-bini tal-applikant u/jew fis-siti tat-tindif.

Dawn l-istruzzjonijiet dwar ix-xogħol bil-miktub għandhom jinkludu bħala minimu dawn li ġejjin:

id-deskrizzjoni tal-kompitu (eż., tindif f'uffiċċju, sanitarju jew ta' twieqi);

il-kwalità (eż. l-indafa mistennija, il-lista ta' kontroll standardizzata);

il-frekwenza (eż. darba fil-ġimgħa);

l-oġġetti li għandhom jiġu mnaddfa (eż. mejda, siġġu, sink);

il-metodi applikabbli (eż. it-tagħmir u l-metodu użati għat-tindif ta' żoni jew ta' oġġetti differenti).

Valutazzjoni u verifika

L-applikant għandu jipprovdi ċ-ċertifikat ISO 9001 jew INSTA 800 jew dikjarazzjoni ta' konformità appoġġata minn:

dokument li jidentifika lill-maniġer responsabbli għall-konformità ma' dan il-kriterju (tista' tintuża ċart organizzazzjonali biex tiġi deskritta l-istruttura organizzazzjonali tal-applikant u jiġi identifikat il-maniġer);

dokumenti tal-kumpanija li juru l-proċeduri marbuta mal-kwalità tat-tindif. Nota: F'każ li dawn il-proċeduri huma konformi mar-rekwiżiti ta' EN 13549 (servizzi tat-tindif, ir-rekwiżiti bażiċi u r-rakkomandazzjonijiet għas-sistemi tal-kejl tal-kwalità) u/jew ma' standard reġjonali għall-ġestjoni tal-kwalità (eż. INSTA800: Kwalità tat-tindif — sistema ta' kejl għall-valutazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-kwalità tat-tindif), l-applikant jista' jipprovdi ċ-ċertifikat ta' konformità;

l-istruzzjonijiet bil-miktub dwar l-ix-xogħol, iffirmati mit-tim ta' ġestjoni tal-applikant li jkopru l-kompiti tax-xogħol li jagħmlu parti mill-forniment tas-servizz.

Kriterju O9 —   Flotta ta' vetturi proprjetà tal-applikant jew mikrija minnu (sa 5 punti)

Dan il-kriterju jkopri biss il-flotta ta' vetturi proprjetà tal-applikant jew mikrija minnu u użata fil-forniment ta' kompiti tas-servizz tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE. Il-vetturi jistgħu jinkludu vetturi mħaddma mill-bniedem (roti tal-merkanzija), vetturi mħaddma mill-bniedem b'assist tal-elettriku (roti tal-merkanzija elettriċi), vetturi ħfief tal-passiġġieri jew vetturi kummerċjali użati mill-maniġers, is-superviżuri, l-istaff tat-tindif, l-ispetturi u kull persuna oħra li tieħu sehem f'xi aspett tal-forniment tas-servizz tat-tindif.

Is-subkriterju O9(a) ikopri wkoll vetturi ibridi iżda mhux vetturi elettriċi.

Is-subkriterju O9(b) ikopri vetturi b'emissjonijiet żero.

Il-vetturi li huma proprjetà privata li jintużaw fil-forniment tas-servizz mhumiex koperti minn dan il-kriterju.

O9 (a)   Vetturi li jissodisfaw l-istandard Ewropew għall-emissjonijiet Euro 6 (punt wieħed)

Mill-inqas 50 % tal-vetturi (imqarreb għall-eqreb valur sħiħ) proprjetà tal-applikant jew mikrija minnu u użati fil-forniment ta' kompiti tas-servizz tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE għandhom jissodisfaw l-istandard Ewropew għall-emissjonijiet Euro 6 għal vetturi ħfief għall-passiġġieri u għal vetturi kummerċjali.

Valutazzjoni u verifika

L-applikant għandu jipprovdi d-dokumentazzjoni rilevanti li turi liema vetturi qed jintużaw fil-forniment tas-servizzi tat-tindif, li huma proprjetà tal-applikant jew mikrija minnu, u għandu jindika liema vetturi jissodisfaw l-istandard Euro 6. Ir-reġistrazzjoni pubblika tal-vetturi tista' tintuża bħala prova tal-konformità, flimkien maċ-ċertifikat tal-konformità.

O9 (b)   Vetturi b'emissjonijiet żero (2 punti)

Mill-inqas 10 % tal-vetturi (imqarreb għall-eqreb valur sħiħ) proprjetà tal-applikant jew mikrija minnu u użati fil-forniment ta' kompiti tas-servizz tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE għandhom ikunu vetturi b'emissjonijiet żero kif stabbilit skont it-testijiet taċ-ċiklu ta' sewqan ewropew ġdid (NEDC) kif deskritt fir-Regolament (KE) Nru 715/2007 (7), vetturi mħaddma mill-bniedem (roti tal-merkanzija), vetturi mħaddma mill-bniedem b'assist tal-elettriku (roti tal-merkanzija elettriċi).

Valutazzjoni u verifika

L-applikant għandu jipprovdi d-dokumentazzjoni rilevanti li turi liema vetturi qed jintużaw fil-forniment ta' servizzi tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE, li huma proprjetà tal-applikant jew mikrja minnu, u għandu jindika liema huma l-vetturi b'emissjonijiet żero. Ir-reġistrazzjoni pubblika tal-vetturi tista' tintuża bħala prova tal-konformità, flimkien mad-dokumentazzjoni tal-manifattur li turi r-riżultati tat-test tal-NEDC.

O9 (c)   Pjan dwar it-trasport tal-kumpaniji (2 punti)

Il-fornitur għandu jfassal pjan dwar it-trasport tal-kumpanija biex inaqqas il-konsum tal-fjuwil, jipprovdi mira għat-tnaqqis fil-konsum tal-fjuwil (għal kull sit tat-tindif) u jkollu r-reġistri relatati mal-manutenzjoni annwali tal-flotta tal-vetturi.

Valutazzjoni u verifika

L-applikant għandu jipprovdi kopja tal-pjan dwar it-trasport tal-kumpanija, l-aħħar mira għat-tnaqqis tal-konsum tal-fjuwil u l-evoluzzjoni tal-konsum tal-fjuwil annwali bbażata fuq l-għadd ta' siti tat-tindif. L-applikant għandu jipprovdi kopja tal-pjan tal-manutenzjoni għall-flotta tal-vetturi. Ir-reġistri tas-servizz tal-vetturi jistgħu jintużaw bħala prova tal-konformità.

Kriterju O10 —   Effiċjenza tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ li huma proprjetà tal-applikant jew mikrija minnu (sa 4 punti)

Dan il-kriterju japplika biss għall-magni tal-ħasil li huma proprjetà tal-applikant jew mikrija minnu, li jinsabu fil-bini tal-applikant jew fis-siti tat-tindif, għall-ħasil ta' biċċiet, moppijiet u uniformijiet tal-istaff użati bħala parti mill-forniment ta' servizzi tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE.

Is-subkriterju O10(a) huwa applikabbli biss jekk il-magni tal-ħasil domestiċi li jintużaw huma koperti mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1061/2010 (8), kif ukoll mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1015/2010 (9).

O10 (a):   Tikketta tal-enerġija (sa 2 punti)

L-applikant għandu jirċievi punti abbażi tal-perċentwal ta' magni tal-ħasil domestiċi (imqarreb għall-eqreb valur sħiħ) li jikkonformaw mal-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija A++ jew A+++ tat-Tikketta tal-Enerġija tal-UE skont ir-Regolament Delegat (UE) Nru 1061/2010, kif ġej:

Mill-inqas 50 % tal-makkinarju A++: punt wieħed

Mill-inqas 90 % tal-makkinarju A++: 2 punti

Mill-inqas 50 % tal-makkinarju A+++: 2 punti

O10 (b):   Effiċjenza fl-użu tal-ilma (2 punti)

Magni domestiċi: il-konsum tal-ilma għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi li jkunu proprjetà tal-applikant jew mikrija minnu, għandu jkun aktar baxx jew daqs il-punti ta' riferiment għall-konsum tal-ilma stipulati fl-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1015/2010. Il-punti ta' riferiment huma mkejla skont l-istandard EN 60456, bl-użu taċ-ċiklu standard tal-ħasil (il-programm għall-qoton f'temperatura ta' 60°C).

Is-subgrupp tal-prodott

Konsum tal-ilma: [litri/ċiklu]

Magni tal-ħasil domestiċi b'kapaċità nominali ta' 3 kg

39

Magni tal-ħasil domestiċi b'kapaċità nominali ta' 3,5 kg

39

Magni tal-ħasil domestiċi b'kapaċità nominali ta' 4,5 kg

40

Magni tal-ħasil domestiċi b'kapaċità nominali ta' 5 kg

39

Magni tal-ħasil domestiċi b'kapaċità nominali ta' 6 kg

37

Magni tal-ħasil domestiċi b'kapaċità nominali ta' 7 kg

43

Magni tal-ħasil domestiċi b'kapaċità nominali ta' 8 kg

56

KIF UKOLL

Magni tal-ħasil kummerċjali: il-konsum tal-ilma tal-magni tal-ħasil kummerċjali li huma propjetà tal-applikant jew mikrija minnu għandu jkun aktar baxx minn jew daqs 7 L għal kull kg ta' materjal maħsul.

Valutazzjoni u verifika

L-applikant għandu jipprovdi d-dejta annwali (lista tal-magni tal-ħasil domestiċi kollha miżmuma u użati għall-ħasil ta' biċċiet, moppijiet u uniformijiet tal-istaff użati bħala parti mill-forniment ta' servizzi tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE) u d-dokumentazzjoni li tindika l-klassijiet tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi eżistenti.

L-iskeda tal-prodott tista' tintuża bħala prova tal-konformità ma' dan ir-rekwiżit, skont l-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1061/2010.

F'każ li d-dokumentazzjoni msemmija hawn fuq ma tkunx disponibbli, il-konformità mal-kriterju O10(b) tista' tintwera billi tiġi pprovduta d-dokumentazzjoni dwar il-konsum totali annwali tal-ilma. F'dan il-każ, għandu jkun preżunt total ta' ċikli standard ta' ħasil kull sena ta' 220.

Kriterju O11 —   Servizzi bl-ekotikketta u prodotti oħrajn bl-ekotikketta (sa 5 punti)

Dan il-kriterju japplika għall-użu ta' servizzi u/jew ta' prodotti bl-ekotikketta, definiti bħala servizzi u/jew prodotti li ma jintużawx direttament għall-forniment ta' servizzi tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE iżda, jintużaw bħala appoġġ għall-operazzjonijiet tan-negozju ta' kuljum tal-applikant li jirreferu għas-servizzi tat-tindif ta' ġewwa bl-Ekotikketta tal-UE fornuti. Dawn jistgħu jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, servizzi (eż. ħasil ta' ħwejjeġ u ħasil ta' karozzi) li jiġu esternalizzati mill-applikant lil parti terza. Dawn jistgħu jkopru prodotti bħal deterġenti għall-ħasil tal-ħwejjeġ, deterġenti għall-magni tal-ħasil tal-platti jew karta għall-ikkuppjar.

O11 (a)   Servizzi bl-ekotikketta (sa 2 punti)

100 % ta' tip ta' servizz jiġi esternalizzat lil fornitur li jkun ingħata l-Ekotikketta tal-UE jew tikketta oħra tat-tip I tal-EN ISO 14024 li hija uffiċjalment rikonoxxuta fil-livell nazzjonali jew reġjonali tal-Istati Membri għal dak is-servizz (punt wieħed għal kull servizz, sa massimu ta' 2 punti b'kollox)

O11 (b)   Servizzi bl-ekotikketta (sa 3 punti)

100 % ta' unitajiet ta' prodott ta' grupp ta' prodotti li ngħataw l-Ekotikketta tal-UE jew tikketta oħra tat-tip I tal-EN ISO 14024 li hija uffiċjalment rikonoxxuta fil-livell nazzjonali jew reġjonali tal-Istati Membri (0,5 punti għal kull grupp ta' prodotti, sa massimu ta' 3 punti b'kollox)

Nota: Prodotti bl-ekotikketta bħal biċċiet u moppijiet u oġġetti konsumabbli forniti bħala parti minn kuntratt lill-klijenti ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-kriterju. Għal dan is-subkriterju, huwa meqjus li “grupp ta' prodotti” huwa ddefinit mill-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE jew mill-kriterji ta' tikketta oħra tat-tip I tal-ISO (eż. “prodotti tal-karti”, “deterġenti għall-ħasil tal-ħwejjeġ”, “tessuti”).

Valutazzjoni u verifika

O11(a)

L-applikant għandu jipprovdi evidenza xierqa li s-servizz(i) esternalizzat(i) għandhom iċ-ċertifikazzjoni ta' tikketta tat-tip I tal-ISO, flimkien mal-fatturi rilevanti.

O11(b)

L-applikant għandu jipprovdi d-dejta u d-dokumentazzjoni (inklużi l-fatturi rilevanti) li jindikaw il-kwantitajiet ta' tali prodotti użati u kopja taċ-ċertifikati tal-Ekotikketta tal-UE jew tat-tikketta tat-tip I tal-ISO rilevanti u/jew it-tikketti tal-imballaġġ.

Kriterju O12 —   Prodotti konsumabbli u magni tal-elettriku għat-tnixxif tal-idejn fornuti lill-klijent (sa 3 punti)

Dan il-kriterju japplika biss jekk l-applikant huwa responsabbli għall-provvista ta' oġġetti konsumabbli biex jintużaw fis-siti tat-tindif f'mill-inqas kuntratt wieħed għal servizzi tat-tindif bl-Ekotikketta tal-UE. L-oġġetti konsumabbli u l-magni tal-elettriku għat-tnixxif tal-idejn fornuti bħala parti minn dawn il-kuntratti biss huma koperti minn dan il-kriterju:

O12(a)   Sapun għall-idejn (punt wieħed)

Mill-inqas 70 % tas-sapun għall-idejn, skont il-volum ta' sapun għall-idejn fornut kull sena, għandhom ikunu ngħataw l-Ekotikketta tal-UE għal kożmetiċi li jitlaħalħu skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/893/UE (10), jew tikketta oħra tat-tip I tal-EN ISO 14024 li hija uffiċjalment rikonoxxuta fil-livell nazzjonali jew reġjonali tal-Istati Membri.

O12(b)   Prodotti tal-karti (punt wieħed)

Mill-inqas 90 % tal-prodotti tal-oġġetti tal-karti konsumabbli (iġjene personali u karti assorbenti), skont il-piż jew il-volum fornuti kull sena, kif ikun xieraq, għandhom ikunu ngħataw l-Ekotikketta tal-UE għall-karta assorbenti skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/568/KE (11), jew tikketta oħra tat-tip I tal-EN ISO 14024 li hija uffiċjalment rikonoxxuta fil-livell nazzjonali jew reġjonali tal-Istati Membri.

O12(c)   Rombli ta' xugamani tat-tessut (punt wieħed)

Mill-inqas 50 % tar-rombli ta' xugamani tat-tessut, skont l-għadd ta' rombli fornuti kull sena, għandhom ikunu ngħataw l-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tessili skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/350/UE jew tikketta oħra tat-tip I tal-EN ISO 14024 li hija uffiċjalment rikonoxxuta fil-livell nazzjonali jew reġjonali tal-Istati Membri għal prodotti tessili jew għal xugamani tad-drapp fornuti f'dispensers tax-xugamani.

O12(d)   Magni tal-elettriku għat-tnixxif tal-idejn (punt wieħed)

Il-magni tal-elettriku kollha għat-tnixxif tal-idejn fornuti u miżmuma mill-applikant għandu jkollhom sensuri tal-prossimità jew ikunu ngħataw tikketta tat-tip I tal-EN ISO 14024 li hija uffiċjalment rikonoxxuta fil-livell nazzjonali jew reġjonali tal-Istati Membri.

Valutazzjoni u verifika

L-applikant għandu jindika għal kull kuntratt ta' servizz bl-Ekotikketta tal-UE, kemm jekk jinkludi l-provvista ta' oġġetti konsumabbli jew le, id-dejta annwali (l-isem kummerċjali u l-piż, il-volum jew in-numru tal-biċċiet) u d-dokumentazzjoni (inklużi l-fatturi rilevanti jew l-inventarji tas-sit) li jindikaw l-oġġetti konsumabbli forniti. Meta jintużaw prodotti bl-Ekotikketta tal-UE, l-applikant għandu jipprovdi kopja taċ-ċertifikat tal-Ekotikketta tal-UE u/jew it-tikketta tal-imballaġġ biex juri li ngħataw, skont kif ikun il-każ, f'konformità ma':

Id-Deċiżjoni 2014/893/UE;

Id-Deċiżjoni 2009/568/KE;

Id-Deċiżjoni 2014/350/UE.

Meta jintużaw prodotti oħrajn bit-tikketta tat-tip I tal-ISO, l-applikant għandu jipprovdi kopja taċ-ċertifikat tat-tikketta tat-tip I u/jew kopja tat-tikketta tal-imballaġġ.

Għall-magni tal-elettriku għat-tnixxif tal-idejn, l-applikant għandu jipprovdi d-dokumentazzjoni li turi kif jiġu ssodisfati r-rekwiżiti (eż. it-tikketta tal-imballaġġ jew l-informazzjoni teknika li turi l-preżenza taċ-ċertifikat tat-tip I tal-ISO jew ta' sensuri tal-prossimità).


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/681/KE u 2006/193/KE (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1217 tat-23 ta' Ġunju 2017 li tistabbilixxi l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tat-tindif għal uċuħ ebsin (ĠU L 180, 12.7.2017, p. 45).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/350/UE tal-5 ta' Ġunju 2014 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti tessili (ĠU L 174, 13.6.2014, p. 45).

(6)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku tal-vacuum cleaners (ĠU L 192, 13.7.2013, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1).

(8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1061/2010 tat-28 ta' Settembru 2010 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għal magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi (ĠU L 314, 30.11.2010, p. 47).

(9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1015/2010 tal-10 ta' Novembru 2010 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għal magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi (ĠU L 293, 11.11.2010, p. 21).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/893/UE tad-9 ta' Diċembru 2014 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għal prodotti kożmetiċi li jitlaħalħu (ĠU L 354, 11.12.2014, p. 47).

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/568/KE tad-9 ta' Lulju 2009 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għotja tal-Ekotikketta Komunitarja għall-karta assorbenti (ĠU L 197, 29.7.2009, p. 87).