19.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 75/23


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/416

tal-5 ta' Marzu 2018

li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal Ftehim ta' Lisbona rivedut dwar id-Denominazzjonijiet tal-Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta' Lisbona tal-1958 għall-Protezzjoni tad-Denominazzjonijiet tal-Oriġini u r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tagħhom huwa trattat amministrat mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO). Huwa miftuħ għall-partijiet tal-Konvenzjoni ta' Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali. Għandu 28 parti kontraenti bħala membri, inkluż seba' Stati Membri tal-Unjoni (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Franza, l-Italja, l-Ungerija, il-Portugall u s-Slovakkja).

(2)

Is-sistema internazzjonali tal-Ftehim ta' Lisbona fil-preżent qiegħda tiġi rieżaminata, bl-għan li tittejjeb sabiex tħajjar li jissieħbu aktar membri, filwaqt li jinżammu l-prinċipji u l-objettivi tiegħu. Abbażi tal-progress li sar mill-Grupp ta' Ħidma li stabbilixxa proposta bażika għar-reviżjoni f'Ottubru 2014, saret Konferenza Diplomatika għall-Adozzjoni ta' Ftehim ta' Lisbona rivedut dwar id-Denominazzjonijiet tal-Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, (“Ftehim ta' Lisbona rivedut”) f'Ġinevra mill-11 sal-21 ta' Mejju 2015.

(3)

B'kont meħud tar-rwol ewlieni li l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, b'mod partikolari l-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, taqdi fil-kummerċ internazzjonali, il-Ftehim ta' Lisbona rivedut jaqa' taħt il-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni. Il-Ftehim ta' Lisbona rivedut jikkonċerna b'mod speċifiku l-kummerċ internazzjonali, fis-sens li huwa essenzjalment maħsub biex jippromwovi u jiffaċilita tali kummerċ u għandu effetti diretti u immedjati fuqu (1). Il-politika kummerċjali komuni taqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni bis-saħħa tal-punt (e) tal-Artikolu 3(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Bħala konsegwenza, in-negozjar tal-Ftehim ta' Lisbona rivedut jaqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

(4)

F'konformità mal-Artikoli 207(3) u 218(3) TFUE, il-Kummissjoni għandha tkun in-negozjatur tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni (2).

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hija b'dan awtorizzata tiftaħ negozjati għal Ftehim ta' Lisbona rivedut dwar id-Denominazzjonijiet tal-Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

In-negozjati għandhom jitmexxew f'konsultazzjoni mal-kumitat speċjali msemmi fl-Artikolu 207(3) TFUE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Marzu 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

N. DIMOV


(1)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Ottubru 2017 fil-kawża C-389/15, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, ECLI:EU:C:2017:798.

(2)  Idem, il-paragrafu 76.