16.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 43/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/219

tat-23 ta' Jannar 2018

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2240 (2), il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħhom (il-“Ftehim”) ġie ffirmat fit-23 ta' Novembru 2017, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(2)

Is-sistemi ta' limitu u skambju huma għodda ta' politika li jnaqqsu b'mod kosteffikaċi l-emissjonijiet ta' gassijiet serra. Il-kollegament ta' sistemi ta' limitu u skambju huwa mistenni li jwassal għal ipprezzar usa' tal-karbonju, żieda tad-disponibbiltà ta' opportunitajiet ta' tnaqqis u titjib tal-kosteffiċjenza tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet. L-iżvilupp ta' suq internazzjonali tal-karbonju li jiffunzjona sew permezz ta' kollegament minn isfel għal fuq ta' skemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (“ETS”, emissions trading systems) huwa għan tal-politika fit-tul tal-Unjoni u tal-komunità internazzjonali, b'mod partikolari bħala mezz biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi, inkluż taħt il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima.

(3)

Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi approvat.

(4)

Huwa essenzjali li l-avjazzjoni tkun koperta mill-ETS Żvizzera biex l-ETS Żvizzera tiġi kollegata mal-ETS tal-Unjoni. Minkejja li l-ETS Żvizzera bħalissa għadha ma tkoprix l-avjazzjoni, il-Konfederazzjoni Żvizzera qed taħdem fuq regoli li jestendu l-ETS tagħha mal-avjazzjoni. Jenħtieġ li l-Ftehim ma jidħolx fis-seħħ qabel ma jiġu stabbiliti dawk ir-regoli u qabel ma l-Anness I, Parti B tal-Ftehim jiġi emendat biex jirreferi għal dawk ir-regoli,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħhom huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni (3).

Artikolu 2

1.   Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina lill-persuna jew persuni mogħtija s-setgħa li jipproċedu, f'isem l-Unjoni, biex jiskambjaw l-istrumenti ta' ratifika jew approvazzjoni previsti fl-Artikolu 21 tal-Ftehim, biex jesprimu l-kunsens tal-Unjoni biex tkun marbuta bil-Ftehim. (4)

2.   L-istrument ta' approvazzjoni tal-Unjoni għandu jiġi notifikat biss ladarba l-Konfederazzjoni Żvizzera tkun daħħlet fis-seħħ ir-regoli meħtieġa li jestendu l-ETS tagħha għall-avjazzjoni u l-Anness I, Parti B tal-Ftehim ikun emendat skont dan.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Jannar 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

V. GORANOV


(1)  Kunsens tat-12 ta' Diċembru 2017 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2240 tal-10 ta' Novembru 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħhom (ĠU L 322, 7.12.2017, p. 1).

(3)  Il-Ftehim ġie ppubblikat fil-ĠU L 322, 7.12.2017, p. 3, flimkien mad-deċiżjoni dwar l-iffirmar.

(4)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.