13.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 10/17


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/59

tal-11 ta' Jannar 2018

li temenda d-Deċiżjoni 2009/300/KE rigward il-kontenut, u l-perjodu ta' validità, tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għat-televiżjonijiet

(notifikata bid-dokument C(2018) 6)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 8(2) u (3) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/300/KE (2) tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi u r-rekwiżiti speċifiċi ta' valutazzjoni u ta' verifika għall-grupp ta' prodotti “televiżjonijiet”.

(2)

Il-validità tal-kriterji ekoloġiċi attwali u tar-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati stabbiliti fid-Deċiżjoni 2009/300/KE tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2017.

(3)

L-ewwel kriterju stabbilit fid-Deċiżjoni 2009/300/KE, li jikkonċerna t-tfaddil tal-enerġija, huwa bbażat fuq ir-rekwiżiti eżistenti tat-tikkettar enerġetiku u tal-ekodisinn għat-televiżjonijiet stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2009 (3). B'konsegwenza, bħalissa l-Ekotikketta tal-UE qed tingħata għat-televiżjonijiet li jkollhom it-tikketta tal-Klassi tal-Effiċjenza Enerġetika B skont l-iskema tat-tikkettar enerġetiku għat-televiżjonijiet stabbilita fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2010 (4) (“l-Iskema tat-Tikkettar Enerġetiku”). Madankollu, il-Klassi tal-Effiċjenza Enerġetika B mhix l-aktar klassi effiċjenti mibjugħa fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, l-ewwel kriterju fid-Deċiżjoni 2009/300/KE jeħtieġ li jiġi aġġornat biex ikun żgurat li l-Ekotikketta tal-UE tingħata lill-prodotti li huma effiċjenti fl-enerġija.

(4)

Saret proposta biex ir-rekwiżiti eżistenti tat-tikkettar enerġetiku u tal-ekodisinn għat-televiżjonijiet jiġu sostitwiti b'sett ġdid ta' rekwiżiti sa mhux aktar tard mill-2019 (5), iżda s'issa l-proposta għadha ma ġietx adottata. Sakemm issir l-adozzjoni ta' dik il-proposta, jenħtieġ li l-kriterju “tfaddil tal-enerġija” fid-Deċiżjoni 2009/300/KE jiġi emendat biex jirreferi għall-klassijiet tal-enerġija ogħla fil-verżjoni attwali tal-Iskema tat-Tikkettar tal-Enerġija.

(5)

Saret valutazzjoni li tikkonferma r-rilevanza u l-adegwatezza tal-emenda proposta għall-kriterju “tfaddil tal-enerġija”, u li tikkonferma wkoll ir-rilevanza u l-adegwatezza tal-kriterji ekoloġiċi l-oħra kollha eżistenti għat-televiżjonijiet u tar-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati stabbiliti permezz tad-Deċiżjoni 2009/300/KE. Ladarba r-rekwiżiti l-ġodda tat-tikkettar enerġetiku u tal-ekodisinn għat-televiżjonijiet proposti jiġu adottati huwa previst li ssir reviżjoni tal-kriterji tal-Ekotikketta.

(6)

Minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-premessi 4 u 5, u sabiex jitħalla biżżejjed żmien għar-reviżjoni tal-kriterji ekoloġiċi attwali, ladarba jiġu adottati r-rekwiżiti l-ġodda tat-tikkettar enerġetiku u tal-ekodisinn, jenħtieġ li l-perjodu ta' validità tal-kriterji eżistenti u tar-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati, kif emendati b'din id-Deċiżjoni, jiġi estiż sal-31 ta' Diċembru 2019.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2009/300/KE tiġi emendata skont dan.

(8)

Jenħtieġ li jingħata perjodu tranżitorju għal applikazzjonijiet u liċenzji li jaqgħu taħt il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2009/300/KE biex id-detenturi ta' liċenzji u l-applikanti jingħataw żmien biżżejjed biex jadattaw għall-bidliet magħmula fil-kriterju “tfaddil tal-enerġija”.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2009/300/KE jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 3

Il-kriterji ekoloġiċi għall-grupp ta' prodotti “televiżjonijiet”, u r-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati, jibqgħu validi sal-31 ta' Diċembru 2019.”.

Artikolu 2

L-Anness tad-Deċiżjoni 2009/300/KE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

1.   L-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti li jagħmlu parti mill-grupp ta' prodotti “televiżjonijiet” ippreżentati qabel id-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu evalwati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-verżjoni tad-Deċiżjoni 2009/300/KE fis-seħħ fil-jum immedjatament qabel id-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni (“il-verżjoni l-qadima tad-Deċiżjoni 2009/300/KE”).

2.   L-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti li jagħmlu parti mill-grupp ta' prodotti “televiżjonijiet” ippreżentati fi żmien xahar mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni jistgħu jkunu bbażati fuq il-kriterji stabbiliti fil-verżjoni l-qadima tad-Deċiżjoni 2009/300/KE jew fuq il-kriterji stabbiliti fil-verżjoni ta' dik id-Deċiżjoni kif emendata b'din id-Deċiżjoni.

3.   Il-liċenzji tal-Ekotikketta tal-UE mogħtija skont il-kriterji stabbiliti fil-verżjoni l-qadima tad-Deċiżjoni 2009/300/KE jistgħu jintużaw għal 6 xhur mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Jannar 2018.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/300/KE tat-12 ta' Marzu 2009 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi riveduti għall-għotja tal-Ekotikketta Komunitarja lit-televiżjonijiet (ĠU L 82, 28.3.2009, p. 3).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2009 tat-22 ta' Lulju 2009 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għat-televixins (ĠU L 191, 23.7.2009, p. 42).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1061/2010 tat-28 ta' Settembru 2010 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku għat-televixins (ĠU L 314, 30.11.2010, p. 64).

(5)  COM(2016) 773 final. http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1490877945963&uri=CELEX:52016DC0773


ANNESS

Fl-Anness tad-Deċiżjoni 2009/300/KE, il-kriterju 1 (Tfaddil tal-enerġija) huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-punt (b) (Il-konsum massimu tal-enerġija), “≤ 200 W” huwa sostitwit b'“≤ 100 W”;

(2)

l-erba' paragrafi fil-punt (c) (L-Effiċjenza fl-Enerġija) huma emendat kif ġej:

“It-televiżjonijiet għandhom jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tal-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2010 (*1) għall-klassi tal-effiċjenza enerġetika speċifikata kif ġej jew, inkella, għal klassi tal-effiċjenza enerġetika aktar effiċjenti:

i.

il-klassi tal-effiċjenza enerġetika A għal apparati bi skrin viżibbli dijagonali ≤ 90cm (jew 35,4 pulzier);

ii.

il-klassi tal-effiċjenza enerġetika A+ (A għal UHD) għal apparati bi skrin viżibbli dijagonali > 90cm (jew 35,4 pulzier) u < 120cm (jew 47,2 pulzier);

iii.

il-klassi tal-effiċjenza enerġetika A++ (A+ għal UHD) għal apparati bi skrin viżibbli dijagonali ≥ 120cm (47,2 pulzier).

F'dan il-punt, ‘UHD’ tfisser Definizzjoni Għolja Ħafna (‘Ultra High Definition’), li hija standardizzata (*2) b'żewġ riżoluzzjonijiet ta' 3 840 × 2 160 (UHD-4K) pixels jew 7 680 × 4 320 (UHD-8K) pixels.

(*1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2010 tat-28 ta' Settembru 2010 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku għat-televixins (ĠU L 314, 30.11.2010, p. 64)."

(*2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU-R) BT.2020.”;"

(3)

fit-taqsima bit-titolu “Il-valutazzjoni u l-verifika (il-punti a) sa c))”:

(a)

l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“L-applikant għandu jippreżenta rapport tat-test għall-mudell(i) tat-televiżjoni li jkopri t-test imwettaq skont l-istandards EN 50564 biex jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt a) u t-testijiet imwettqa bl-użu tal-proċeduri u tal-metodi ta' kejl imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-Anness VII tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1062/2010 biex jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti b) u c). Barra minn hekk, il-klassi tal-effiċjenza enerġetika u l-iskrin viżibbli dijagonali għandhom jiġu indikati fir-rapport.”;

(b)

it-tielet paragrafu huwa mħassar.