20.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/32


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2383

tad-19 ta' Diċembru 2017

li jestendi d-deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għall-bastimenti tat-tkarkir “volantina” fl-ibħra territorjali tas-Slovenja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 jipprojbixxi l-użu ta' tagħmir irmunkat sa tliet mili nawtiċi mill-kosta jew sa livell ta' fond ta' 50 metru meta dak il-fond jintlaħaq 'il ġewwa minn dik id-distanza mill-kosta.

(2)

Meta xi Stat Membru jitlobha, il-Kummissjoni tista' tippermetti deroga mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, diment li jintlaħqu għadd ta' kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9).

(3)

Fit-8 ta' Frar 2013, il-Kummissjoni waslitilha talba mingħand is-Slovenja għal deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, għall-użu ta' bastimenti tat-tkarkir “volantina” fl-ilmijiet territorjali tas-Slovenja, f'anqas minn 50 metru fond, fiż-żona bejn 1,5 u 3 mili nawtiċi mill-kosta.

(4)

Id-deroga mitluba mis-Slovenja kkonformat mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 u ngħatat sat-23 ta' Marzu 2017 bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 277/2014 (2).

(5)

Fl-20 ta' Ġunju 2016, il-Kummissjoni waslitilha talba mingħand is-Slovenja biex testendi d-deroga għal wara t-23 ta' Marzu 2017. Is-Slovenja pprovdiet informazzjoni aġġornata li tiġġustifika l-estensjoni tad-deroga, fid-dawl tar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. It-talba tkopri l-bastimenti b'esperjenza fis-sajd ta' aktar minn ħames snin u li joperaw skont pjan ta' ġestjoni adottat mis-Slovenja fit-13 ta' Frar 2014 (3) skont l- Artikolu 19(2) tar- Regolament (KE) Nru 1967/2006. Dawk il-bastimenti jinsabu f'lista li ntbagħtet lill-Kummissjoni skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(6)

Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ivvaluta d-deroga mitluba mis-Slovenja u l-abbozz relatat mal-abbozz tal-pjan ta' ġestjoni fil-52 sessjoni plenarja tiegħu li saret mill-4 sat-8 ta' Lulju 2016.

(7)

Fid-dawl ta' evalwazzjoni tal-STECF, is-Slovenja ppreżentat lill-Kummissjoni dejta xjentifika u rapporti addizzjonali fis-7 ta' Settembru 2016 u, fis-27 ta' Diċembru 2016, ippreżentat pjan ta' ġestjoni aġġornat.

(8)

L-STECF ivvaluta d-deroga mitluba mis-Slovenja u d-dokumenti addizzjonali matul l-54 sessjoni plenarja tiegħu li saret mis-27 sal-31 ta' Marzu 2017. L-STECF enfasizza l-ħtieġa għal kjarifiki dwar ir-rekord ta' bastimenti awtorizzati, l-irkaptu tas-sajd użat u l-qabdiet inċidentali. Is-Slovenja pprovdiet kjarifiki xierqa lill-Kummissjoni u żgurat l-iżvilupp ta' studju xjentifiku addizzjonali dwar il-qabdiet u l-isforzi biex tiżdied is-selettività tal-irkapti.

(9)

Id-deroga mitluba mis-Slovenja tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(10)

B'mod partikolari, hemm limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi, peress li l-ibħra territorjali tas-Slovenja fl-ebda punt ma jilħqu l-fond ta' 50 metru. Fl-assenza ta' deroga, il-bastimenti tat-tkarkir “volantina” jistgħu għalhekk joperaw biss lil hinn minn 3 mili nawtiċi mill-kosta, fejn iż-żoni tas-sajd huma limitati b'mod sinifikanti minn żona dedikata għal rotot ta' navigazzjoni kummerċjali.

(11)

Il-pjan ta' ġestjoni jistabbilixxi d-definizzjonijiet rilevanti kollha dwar is-sajd ikkonċernat u jiggarantixxi li fil-ġejjieni mhux se jiżdied l-isforz tas-sajd, peress li l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd se jinħarġu biss lit-12-il bastiment speċifikati li huma diġà awtorizzati li jistadu mis-Slovenja.

(12)

Is-sajd bit-tkarkir “volantina” ma jistax isir b'irkaptu ieħor, m'għandu l-ebda impatt sinifikanti fuq l-ambjent tal-baħar, inklużi ħabitats protetti, u ma jinterferixxix ma' rkaptu ieħor li mhux tat-tkarkir, mtielaq jew xbieki simili rmunkati.

(13)

Id-deroga mitluba mis-Slovenja taffettwa għadd limitat ta' 12 il-bastiment. In-numri ta' reġistrazzjoni ta' dawn il-bastimenti huma speċifikati fil-pjan ta' ġestjoni.

(14)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 li, permezz ta' deroga, jippermetti s-sajd 'il fuq mill-ħabitati protetti jekk is-sajd isir mingħajr ma jintmess il-qiegħ tal-algi skont ċerti kundizzjonijiet.

(15)

Id-deroga mitluba hija konformi mal-Artikolu 8(1)(h) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 peress li tirrigwarda lill-bastimenti tat-tkarkir li joperaw b'malji b'daqs mhux iżgħar minn 40 mm.

(16)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. Il-bastimenti tat-tkarkir “volantina” ma timmirax iċ-ċefalopodi.

(17)

Il-pjan ta' ġestjoni Sloven jinkludi miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, kif stipulat fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 u fl-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (4)

(18)

Għaldaqstant, id-derogi mitlubin għandhom jingħataw.

(19)

Is-Slovenja għandha tirrapporta lill-Kummissjoni fi żmien xieraq u skont il-pjan ta' monitoraġġ stipulat fil-pjan ta' ġestjoni Sloven.

(20)

It-tul taż-żmien tad-deroga għandu jibda jiġi limitat biex ikunu jistgħu jittieħdu fil-pront il-miżuri ta' ġestjoni korrettivi jekk ir-rapport lill-Kummissjoni juri qagħda ħażina ta' konservazzjoni tal-istokk sfruttat filwaqt li jkun hemm skop biex titjieb il-bażi xjentifika għal pjan aħjar ta' ġestjoni.

(21)

Minħabba li d-deroga mogħtija mir-Regolament (UE) Nru 277/2014 skada fit-23 ta' Marzu 2017, dan ir-Regolament għandu japplika mill-24 ta' Marzu 2017.

(22)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Deroga

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma għandux japplika fl-ilmijiet territorjali tas-Slovenja, irrispettivament mill-fond, bejn 1,5 u 3 mili nawtiċi mill-kosta, għal bastimenti tat-tkarkir “volantina” li jintużaw minn bastimenti:

(a)

li għandhom numru ta' reġistrazzjoni msemmi fil-pjan ta' ġestjoni Sloven adottat mis-Slovenja skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(b)

għandhom esperjenza fis-sajd ta' aktar minn ħames snin u fil-ġejjieni mhux se jiżdied l-isforz tas-sajd eżerċitat; kif ukoll

(c)

li jkollhom awtorizzazzjoni għas-sajd u li joperaw skont pjan ta' ġestjoni.

Artikolu 2

Il-pjan ta' monitoraġġ u r-rappurtar

Is-Slovenja għandha tikkomunika lill-Kummissjoni, fi żmien tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, rapport imfassal skont il-pjan ta' monitoraġġ stabbilit fil-pjan ta' ġestjoni msemmi fl-Artikolu 1.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ u l-perjodu ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-24 ta' Marzu 2017 sas-27 ta' Marzu 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 36, 8.2.2007, p. 6.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 277/2014 tad-19 ta' Marzu 2014 li jidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għall-bastimenti tat-tkarkir “volantina” fl-ibħra territorjali tas-Slovenja (ĠU L 82, 20.3.2014, p. 1)

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 34200-2/2014/4 tat-13.2.2014.

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).