1.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 316/15


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2017/2212

tat-30 ta' Novembru 2017

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2214 tat-30 ta' Novembru 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-31 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 833/2014 (2).

(2)

Fit-30 ta' Novembru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2214 sabiex ikunu permessi ċerti operazzjonijiet rigward l-idrażina (CAS 302-01-2) f'konċentrazzjonijiet ta' 70 fil-mija jew aktar, li hija inkluża fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea, meħtieġa għat-titjir tal-ExoMars Carrier Module u għat-testijiet u t-titjir tal-ExoMars Descent Module fil-qafas tal-missjoni ExoMars 2020.

(3)

L-emendi jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat u, għaldaqstant, b'mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 833/2014 jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

Għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2aa.   Il-projbizzjonijiet fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għall-forniment, direttament jew indirettament, ta' assistenza teknika, ta' finanzjament jew ta' assistenza finanzjarja relatati mal-bejgħ, mal-forniment, mat-trasferiment jew mal-esportazzjoni u mal-importazzjoni, mal-akkwist u mat-trasport tal-idrażina (CAS 302-01-2) f'konċentrazzjonijiet ta' 70 fil-mija jew aktar, sakemm dik l-assistenza teknika, dak il-finanzjament jew dik l-assistenza finanzjarja jirreferu għal idrażina maħsuba għal:

(a)

it-testijiet u t-titjir tal-ExoMars Descent Module fil-qafas tal-missjoni ExoMars 2020, f'ammont ikkalkulat skont il-ħtiġijiet ta' kull fażi ta' dik il-missjoni, li ma jaqbiżx total ta' 5 000 kg għad-durata sħiħa tal-missjoni; jew

(b)

it-titjir tal-ExoMars Carrier Module fil-qafas tal-missjoni ExoMars 2020, f'ammont ikkalkulat skont il-ħtiġijiet tat-titjir, li ma jaqbiżx total ta' 300 kg.”.

(2)

Il-paragrafu 2b huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2b.   Il-forniment, direttament jew indirettament, ta' assistenza teknika, ta' finanzjament jew ta' assistenza finanzjarja, relatati mal-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2a u 2aa għandhom ikunu suġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti.

L-applikanti għall-awtorizzazzjoni għandhom jipprovdu l-informazzjoni rilevanti meħtieġa kollha lill-awtoritajiet kompetenti.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-awtorizzazzjonijiet kollha li jingħataw.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Novembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

K. SIMSON


(1)  Ara paġna 20 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1).