26.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 276/32


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1946

tal-11 ta' Lulju 2017

li jissupplimenta d-Direttivi 2004/39/KE u 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għal lista eżawrjenti ta' informazzjoni li għandha tkun inkluża mill-akkwirenti proposti fin-notifika ta' akkwiżizzjoni proposta ta' parteċipazzjoni kwalifikanti f'ditta tal-investiment

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(8) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(8) tagħha,

Billi:

(1)

Lista eżawrjenti ta' informazzjoni jenħtieġ li tkun mitluba minn akkwirent propost ta' parteċipazzjoni kwalifikanti f'ditta ta' investiment fil-waqt tan-notifika inizjali sabiex tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-valutazzjoni tal-akkwiżizzjoni proposta. L-informazzjoni dwar l-identità tal-akkwirent propost u tal-persuni li se jmexxu n-negozju jenħtieġ li tiġi pprovduta mill-akkwirent propost irrispettivament minn jekk ikunx persuna fiżika jew ġuridika, sabiex l-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira tkun tista' tivvaluta r-reputazzjoni ta' dan l-akkwirent propost.

(2)

Informazzjoni dwar l-identità tas-sidien benefiċjarji u dwar ir-reputazzjoni u l-esperjenza tal-persuni li effettivament imexxu n-negozju tal-akkwirent propost hija wkoll neċessarja meta l-akkwirent propost ikun persuna ġuridika. Bl-istess mod, meta l-akkwirent propost ikollu, jew ikun maħsub li jkollu, struttura fiduċjarja, huwa neċessarju għall-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira li tikseb informazzjoni dwar l-identità tal-fiduċjarji li jkunu se jamministraw l-assi tat-trust, u l-identità tas-sidien benefiċjarji ta' dawn l-assi, biex tkun tista' tiġi vvalutata r-reputazzjoni u l-esperjenza ta' dawn il-persuni.

(3)

Meta l-akkwirent propost ikun persuna fiżika, huwa meħtieġ li tinkiseb informazzjoni kemm fir-rigward tal-akkwirent propost kif ukoll b'rabta ma' kull impriża formalment diretta jew ikkontrollata mill-akkwirent propost sabiex l-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira tiġi pprovduta bit-tagħrif kollu rilevanti biex tivvaluta r-reputazzjoni. Meta l-akkwirent propost ikun persuna ġuridika huwa neċessarju li tinkiseb din l-informazzjoni fir-rigward ta' kull persuna li effettivament tmexxi n-negozju tal-akkwirent propost, kull intrapriża taħt il-kontroll tal-akkwirent propost, u kull azzjonist li jeżerċita influwenza sinifikanti fuq l-akkwirent propost sabiex l-awtorità kompetenti tkun ipprovduta bl-informazzjoni kollha rilevanti biex tivvaluta r-reputazzjoni.

(4)

L-informazzjoni rilevanti għall-valutazzjoni tar-reputazzjoni jenħtieġ tinkludi dettalji ta' proċeduri kriminali, storiċi jew li għadhom għaddejjin, kif ukoll kawżi ċivili jew amministrattivi. Bl-istess mod, jenħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni fir-rigward tal-investigazzjonijiet u l-proċedimenti miftuħa, is-sanzjonijiet jew deċiżjonijiet ta' infurzar oħra kollha kontra l-akkwirent propost, kif ukoll informazzjoni oħra bħal ċaħda ta' reġistrazzjoni jew it-tkeċċija mill-impjieg jew pożizzjoni ta' fiduċja li hija meqjusa rilevanti sabiex tivvaluta r-reputazzjoni tal-akkwirent propost.

(5)

Informazzjoni dwar jekk valutazzjoni ta' reputazzjoni bħala akkwirent, jew bħala persuna li tmexxi n-negozju ta' istituzzjoni ta' kreditu, ta' impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, ditta tal-investiment jew kull entitàoħra twettqitx diġà minn awtorità kompetenti oħra jew awtorità oħra u, jekk ikun il-każ, l-eżitu ta' din il-valutazzjoni, jenħtieġ li jiġi pprovdut mill-akkwirent propost sabiex jiġi żgurat li l-eżitu ta' investigazzjonijiet imwettqa minn awtoritajiet oħra jiġi kkunsidrat kif xieraq mill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira meta tivvaluta l-akkwirent propost.

(6)

Jenħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni finanzjarja dwar l-akkwirent propost sabiex tiġi vvalutata s-sikurezza finanzjarja ta' dan l-akkwirent propost.

(7)

Informazzjoni dwar l-interessi jew relazzjonijiet finanzjarji u mhux finanzjarji tal-akkwirent propost ma' xi azzjonisti jew diretturi jew membri tal-maniġment superjuri tal-entità fil-mira jew persuna intitolata li teżerċita d-drittijiet tal-vot fl-entità fil-mira, jew mal-entità fil-mira nnifisha jew il-grupp tagħha, jenħtieġ li tiġi pprovduta sabiex l-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira tkun tista' tivvaluta jekk l-eżistenza ta' xi kunflitt ta' interess potenzjali tkunx se taffettwa s-solidità finanzjarja tal-akkwirent propost.

(8)

Ċerta informazzjoni addizzjonali, fosthom informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni azzjonarja li tkun proprjetà jew li tkun maħsuba li ssir proprjetà qabel u wara l-akkwiżizzjoni proposta, hija meħtieġa meta l-akkwirent propost ikun persuna ġuridika biex l-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira tkun tista' tlesti l-valutazzjoni tal-akkwiżizzjoni proposta peress li f'dawn il-każijiet l-istrutturi ġuridiċi u tal-grupp involuti jistgħu jkunu kumplessi u jistgħu jkunu jeħtieġu rieżami dettaljat fir-rigward tar-reputazzjoni, ir-rabtiet mill-qrib, l-azzjoni potenzjali flimkien ma' partijiet oħra, u l-abbiltà tal-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira biex tkompli s-superviżjoni effettiva tal-entità fil-mira.

(9)

Meta l-akkwirent propost ikun entità stabbilita f'pajjiż terz jew ikun parti minn grupp stabbilit barra mill-Unjoni, jenħtieġ li tingħata informazzjoni addizzjonali sabiex l-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira tkun tista' teżamina jekk hemmx ostakoli għas-superviżjoni effettiva tal-entità fil-mira maħluqa mir-reġim ġuridiku tal-pajjiż terz, u tkun tista' wkoll taċċerta r-reputazzjoni tal-akkwirent propost f'dak il-pajjiż terz.

(10)

Meta l-akkwirent propost ikun fond ta' investimenti sovran, jenħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni mill-akkwirent propost biex jiġu aċċertati l-kontrolluri tal-fond u l-politika ta' investiment tiegħu. Dan huwa rilevanti għall-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira kemm għall-valutazzjoni tar-reputazzjoni kif ukoll għall-valutazzjoni ta' jekk ikunx hemm xi impatt fuq is-superviżjoni effettiva tal-entità fil-mira.

(11)

Jenħtieġ li tkun meħtieġa informazzjoni speċifika li tippermetti li ssir valutazzjoni dwar jekk l-akkwiżizzjoni proposta jkunx se jkollha impatt fuq il-kapaċità tal-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira biex twettaq superviżjoni effettiva tal-entità fil-mira. Dan jenħtieġ li jinkludi valutazzjoni ta' jekk ir-rabtiet mill-qrib tal-akkwirent propost humiex se jkollhom impatt fuq il-kapaċità tal-entità fil-mira biex tkompli tipprovdi informazzjoni f'waqtha u preċiża lis-superviżur tagħha. Għal persuni ġuridiċi, huwa wkoll meħtieġ li jiġi vvalutat l-impatt tal-akkwiżizzjoni proposta fuq is-superviżjoni kkonsolidata tal-entità fil-mira u l-grupp li tkun tappartjeni għalih wara l-akkwiżizzjoni.

(12)

Informazzjoni dwar il-finanzjament tal-akkwiżizzjoni proposta, inkluża informazzjoni dwar il-mezzi u s-sorsi kollha ta' finanzjament, jenħtieġ li tiġi pprovduta mill-akkwirent propost li għandu jkun kapaċi jippreżenta evidenza dwar is-sors oriġinali tal-fondi u tal-assi kollha sabiex l-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira tkun tista' tivvaluta jekk hemmx riskju ta' attivitajiet ta' ħasil tal-flus.

(13)

L-akkwirenti proposti li jkollhom parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti ta' bejn 20 % u 50 % fl-entità fil-mira jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni dwar l-istrateġija lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira sabiex tiġi żgurata valutazzjoni komprensiva tal-akkwiżizzjoni proposta. Bl-istess mod, l-akkwirenti proposti li għandhom parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti ta' inqas minn 20 % fl-entità fil-mira iżda li jeżerċitaw influwenza ekwivalenti fuqha permezz ta' mezzi oħrajn bħar-relazzjonijiet bejn l-akkwirent propost u l-azzjonisti eżistenti, l-eżistenza ta' ftehimiet tal-azzjonisti, it-tqassim tal-ishma, l-interessi parteċipattivi u d-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew il-pożizzjoni tal-akkwirent propost fl-istruttura tal-grupp tal-entità fil-mira wkoll jenħtieġ li jipprovdu dik l-informazzjoni biex jiżguraw livell għoli ta' omoġeneità fil-valutazzjoni tal-akkwiżizzjonijiet proposti.

(14)

Meta jkun hemm proposta ta' tibdil fil-kontroll tal-entità fil-mira, l-akkwirent propost jenħtieġ li, bħala regola ġenerali, jippreżenta pjan tan-negozju sħiħ. Madankollu, fejn ma hemm l-ebda tibdil fil-kontroll propost għall-entità fil-mira, huwa biżżejjed il-pussess ta' ċerta informazzjoni dwar l-istrateġija futura tal-entità u l-intenzjonijiet tal-akkwirent propost għall-entità fil-mira sabiex jiġi vvalutat jekk dan ikunx se jaffettwa s-solidità finanzjarja tal-akkwirent propost.

(15)

Huwa proporzjonat li, f'ċerti każijiet, l-akkwirent propost għandu jipproduċi biss informazzjoni limitata. B'mod partikolari, meta l-akkwirent propost ikun ġie vvalutat mill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira fis-sentejn ta' qabel, jew fejn l-entità fil-mira tkun ditta tal-investiment żgħira u l-akkwirent propost ikun entità awtorizzata u sorveljata fl-Unjoni, jenħtieġ li jkun meħtieġ biss li tiġi pprovduta ċerta informazzjoni mnaqqsa lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira.

(16)

Kull skambju jew trażmissjoni ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, u awtoritajiet, korpi jew persuni oħra jenħtieġ li jseħħ skont ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali kif stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3)

(17)

Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) japplika għall-ipproċessar tad-dejta personali mwettaq mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(18)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess mill-ESMA lill-Kummissjoni Ewropea.

(19)

L-ESMA wettqet konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Konċernati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(20)

Id-Direttiva 2014/65/UE daħlet fis-seħħ fit-2 ta' Lulju 2014. L-Artikolu 12(8) ta' din id-Direttiva jieħu post l-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2004/39/KE u jagħti setgħat lill-ESMA għall-iżvilupp ta' standards tekniċi regolatorji li huma identiċi għal dawk previsti skont l-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2004/39/KE. Barra minn hekk, il-kontenut tal-Artikoli 10b(4) u l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2004/39/KE huwa wkoll identiku rispettivament għall-kontenut tal-Artikolu 13(4) u l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2014/65/UE. F'konformità mal-Artikolu 94(1) tad-Direttiva 2014/65/UE, id-Direttiva 2004/39/KE se titħassar b'effett mit-3 ta' Jannar 2018. L-adozzjoni tal-istandards tekniċi mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2004/39/KE jenħtieġ wkoll li titqies f'konformità mal-Artikolu 12(8) tad-Direttiva 2014/65/UE, bil-konsegwenza li l-istandard tekniku se jkompli japplika wara t-3 ta' Jannar 2018 mingħajr il-bżonn ta' aktar emendi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża minn akkwirent propost fin-notifika ta' akkwiżizzjoni proposta lill-awtoritajiet kompetenti tad-ditta tal-investiment li fiha l-akkwirent ikun qed jipprova jakkwista jew iżid parteċipazzjoni kwalifikanti (“entità fil-mira”) għall-valutazzjoni tal-akkwiżizzjoni proposta.

Artikolu 2

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-akkwirent propost

L-akkwirent propost għandu jagħti lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira l-informazzjoni stabbilita fl-Artikoli 3 sa 12, fejn applikabbli, skont jekk l-informazzjoni tkunx relatata ma' persuna fiżika jew persuna ġuridika jew trust.

Artikolu 3

Informazzjoni ġenerali dwar l-identità tal-akkwirent propost

1.   Meta l-akkwirent propost ikun persuna fiżika, l-akkwirent propost għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira bl-informazzjoni li ġejja dwar l-identifikazzjoni:

(a)

dettalji personali inklużi l-isem tal-persuna, id-data u l-post tat-twelid, l-indirizz u d-dettalji ta' kuntatt u, fejn disponibbli, in-numru tal-identifikazzjoni nazzjonali personali;

(b)

curriculum vitae dettaljat jew dokument ekwivalenti, li jiddikjara l-edukazzjoni u t-taħriġ rilevanti, l-esperjenza professjonali preċedenti, u kull attività professjonali jew karigi oħrajn rilevanti mwettqin fil-preżent.

2.   Meta l-akkwirent propost ikun persuna ġuridika, din tipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira bl-informazzjoni li ġejja:

(a)

dokumenti li jiċċertifikaw l-isem tan-negozju u l-indirizz tal-uffiċċju prinċipali tiegħu, u l-indirizz postali jekk differenti, id-dettalji ta' kuntatt u, fejn disponibbli, in-numru ta' identifikazzjoni nazzjonali tagħha;

(b)

reġistrazzjoni tal-forma ġuridika skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti;

(c)

ħarsa ġenerali aġġornata tan-negozju intraprenditorjali tal-persuna ġuridika;

(d)

lista sħiħa ta' persuni li effettivament imexxu n-negozju, isimhom, id-data u l-post tat-twelid, l-indirizz, id-dettalji ta' kuntatt, in-numru nazzjonali ta' identifikazzjoni tagħhom fejn disponibbli, curriculum vitae dettaljat li jiddikjara l-edukazzjoni u t-taħriġ rilevanti, l-esperjenza professjonali preċedenti tagħhom, u l-attivitajiet professjonali tagħhom jew funzjonijiet rilevanti oħra mwettqin fil-preżent;

(e)

l-identità tal-persuni kollha li jistgħu jitqiesu bħala sidien benefiċjarji tal-persuna ġuridika, l-isem, id-data u l-post tat-twelid, l-indirizz, id-dettalji ta' kuntatt, u, fejn disponibbli, in-numru tal-identifikazzjoni nazzjonali tagħhom.

3.   Meta l-akkwirent propost ikun jew ikun maħsub li jkun, trust, l-akkwirent propost jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira bl-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identità tal-fiduċjarji kollha li jimmaniġġjaw l-assi skont it-termini tad-dokument tat-trust;

(b)

l-identità tal-persuni kollha li huma sidien benefiċjarji tal-assi tat-trust u l-ishma rispettivi tagħhom fid-distribuzzjoni tad-dħul;

(c)

l-identità tal-persuni kollha li huma settlors tat-trust.

Artikolu 4

Informazzjoni addizzjonali relatata mal-akkwirent propost li jkun persuna fiżika

L-akkwirent propost li jkun persuna fiżika, għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira bl-informazzjoni li ġejja:

(a)

fir-rigward tal-akkwirent propost u ta' kull impriża diretta jew ikkontrollata mill-akkwirent propost, matul l-aħħar għaxar snin:

(1)

informazzjoni dwar rekords kriminali, jew investigazzjonijiet jew proċedimenti kriminali, kawżi ċivili u amministrattivi rilevanti, u azzjonijiet dixxiplinarji, inkluż l-iskwalifika bħala direttur ta' kumpanija jew falliment, insolvenza jew proċeduri simili, b'mod partikolari permezz ta' ċertifikat uffiċjali jew permezz ta' dokument ekwivalenti ieħor;

(2)

informazzjoni dwar investigazzjonijiet miftuħa, proċeduri ta' infurzar, sanzjonijiet, jew deċiżjonijiet ta' infurzar oħra kontra l-akkwirent propost, li jistgħu jiġu pprovduti permezz ta' dikjarazzjoni tal-unur;

(3)

ir-rifjut ta' reġistrazzjoni, awtorizzazzjoni, sħubija jew liċenzja biex twettaq kummerċ, negozju jew professjoni; jew l-irtirar, ir-revoka jew it-tmiem ta' tali reġistrazzjoni, awtorizzazzjoni, sħubija jew liċenzja; jew l-espulsjoni minn korp regolatorju jew tal-gvern jew korp jew assoċjazzjoni professjonali;

(4)

it-tkeċċija mill-impjieg jew pożizzjoni ta' fiduċja, relazzjoni fiduċjarja jew sitwazzjoni simili;

(b)

informazzjoni dwar jekk valutazzjoni tar-reputazzjoni tal-akkwirent twettqitx diġà minn awtorità ta' sorveljanza oħra, l-identità ta' dik l-awtorità, u evidenza tal-eżitu tal-valutazzjoni;

(c)

informazzjoni dwar il-pożizzjoni finanzjarja attwali tal-akkwirent propost, inkluż id-dettalji rigward is-sorsi tad-dħul, l-assi u l-obbligazzjonijiet, ir-rahan u l-garanziji, mogħtija jew riċevuti;

(d)

deskrizzjoni tal-attivitajiet ta' negozju tal-akkwirent propost;

(e)

informazzjoni finanzjarja inkluż il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u rapporti disponibbli pubblikament dwar l-impriżi kkontrollati jew immexxija mill-akkwirent propost u, jekk applikabbli, dwar l-akkwirent propost;

(f)

deskrizzjoni tal-interessi jew ir-relazzjonijiet finanzjarji u mhux finanzjarji tal-akkwirent propost ma' dawn li ġejjin:

(1)

kull azzjonist ieħor attwali tal-entità fil-mira;

(2)

kull persuna intitolata li teżerċita d-drittijiet tal-vot fl-entità fil-mira f'wieħed jew aktar mill-każijiet li ġejjin:

drittijiet tal-vot miżmuma minn terza persuna li magħha l-persuna jew l-entità msemmija hawn fuq tkun ikkonkludiet ftehim, li jorbothom biex jadottaw, permezz tal-eżerċizzju kkonċertat tad-drittijiet tal-vot li jkollhom, pożizzjoni komuni dejjiema dwar il-ġestjoni tal-entità fil-mira kkonċernata;

drittijiet tal-vot miżmuma minn parti terza skont ftehim konkluż ma' dik il-persuna jew entità dwar it-trasferiment temporanju għall-kunsiderazzjoni tad-drittijiet tal-vot inkwistjoni;

id-drittijiet tal-vot marbuta mal-ishma li jkunu depożitati bħala kollateral għand dik il-persuna jew entità, kemm-il darba l-persuna jew entità tikkontrolla d-drittijiet tal-vot u tiddikjara l-intenzjoni tagħha li teżerċitahom;

drittijiet tal-vot marbuta ma' ishma li fihom dik il-persuna jew l-entità jkollha l-użufrutt;

drittijiet tal-vot li huma miżmuma, jew li jistgħu jiġu eżerċitati skont it-tifsira tal-ewwel erba' punti tal-punt (f)(ii), minn impriża kkontrollata minn dik il-persuna jew entità;

drittijiet tal-vot marbuta ma' ishma depożitati ma' dik il-persuna jew entità li tista' teżerċitahom fid-diskrezzjoni tagħha fin-nuqqas ta' struzzjonijiet speċifiċi mill-azzjonisti;

drittijiet tal-vot miżmuma minn terza persuna f'isimha stess fl-interess ta' dik il-persuna jew entità;

drittijiet tal-vot li dik il-persuna jew entità tista' teżerċita bi prokura meta l-persuna jew entità tista' teżerċita d-drittijiet tal-vot fid-diskrezzjoni tagħha fin-nuqqas ta' struzzjonijiet speċifiċi mill-azzjonisti;

(3)

kull membru tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew ta' superviżjoni, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, jew tal-maniġment superjuri fl-entità fil-mira;

(4)

l-entità fil-mira nnifisha u l-grupp tagħha.

(g)

informazzjoni dwar kull interess jew attività oħra tal-akkwirent propost li jistgħu jkunu f'kunflitt ma' dawk tal-entità fil-mira u soluzzjonijiet possibbli għall-ġestjoni ta' dawk il-kunflitti ta' interess.

Fir-rigward tal-punt (f), operazzjonijiet ta' kreditu, garanziji u rahan għandhom jitqiesu li jkunu parti mill-interessi finanzjarji, filwaqt li relazzjonijiet familjari jew oħrajn mill-qrib jitqiesu bħala parti mill-interessi mhux finanzjarji.

Artikolu 5

Informazzjoni addizzjonali relatata mal-akkwirent propost li jkun persuna ġuridika

1.   L-akkwirent propost li jkun persuna ġuridika, ukoll għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira bl-informazzjoni li ġejja:

(a)

informazzjoni rigward l-akkwirent propost, kull persuna li effettivament tmexxi n-negozju tal-akkwirent propost, kull impriża taħt il-kontroll tal-akkwirent propost, u kull azzjonist li jeżerċita influwenza sinifikanti fuq l-akkwirent propost kif identifikat fil-punt (e). Din l-informazzjoni għandha tinkludi dan li ġej:

(1)

rekords kriminali, investigazzjonijiet jew proċeduri kriminali, każijiet ċivili u amministrattivi rilevanti, jew miżuri ta' dixxiplina, inkluża l-esklużjoni bħala direttur ta' kumpanija jew falliment, insolvenza jew proċeduri simili, permezz ta' ċertifikat uffiċjali jew permezz ta' dokument ekwivalenti ieħor;

(2)

informazzjoni dwar investigazzjonijiet miftuħa, proċeduri ta' infurzar, sanzjonijiet, jew deċiżjonijiet ta' infurzar oħra kontra l-akkwirent propost, li jistgħu jiġu pprovduti permezz ta' dikjarazzjoni tal-unur;

(3)

rifjut ta' reġistrazzjoni, awtorizzazzjoni, sħubija jew liċenzja biex jitwettaq kummerċ, negozju jew professjoni; jew l-irtirar, ir-revoka jew it-tmiem ta' tali reġistrazzjoni, awtorizzazzjoni, sħubija jew liċenzja; jew espulsjoni minn korp regolatorju jew tal-gvern jew korp jew assoċjazzjoni professjonali;

(4)

it-tkeċċija mill-impjieg jew pożizzjoni ta' fiduċja, relazzjoni fiduċjarja jew sitwazzjoni simili ta' kull persuna li tmexxi effettivament in-negozju tal-akkwirent u ta' kull azzjonist li għandu influwenza sinifikanti fuq l-akkwirent propost;

(b)

informazzjoni dwar jekk valutazzjoni tar-reputazzjoni tal-akkwirent jew tal-persuna li tmexxi n-negozju tal-akkwirent diġà twettqitx minn awtorità superviżorja oħra, l-identità ta' dik l-awtorità, u evidenza dwar l-eżitu tal-valutazzjoni;

(c)

deskrizzjoni tal-interessi finanzjarji, u l-interessi jew relazzjonijiet mhux finanzjarji tal-akkwirent propost, jew, fejn applikabbli, il-grupp li l-akkwirent propost jappartjeni għalih, kif ukoll il-persuni li jmexxu effettivament in-negozju tiegħu ma':

(1)

kull azzjonist ieħor attwali fl-entità fil-mira;

(2)

kull persuna intitolata li teżerċita d-drittijiet tal-vot tal-entità fil-mira fil-każijiet li ġejjin jew f'kombinazzjoni tagħhom:

drittijiet tal-vot miżmuma minn terza persuna li magħha l-persuna jew l-entità msemmija hawn fuq tkun ikkonkludiet ftehim, li jorbothom biex jadottaw, permezz tal-eżerċizzju kkonċertat tad-drittijiet tal-vot li jkollhom, pożizzjoni komuni dejjiema dwar il-ġestjoni tal-entità fil-mira kkonċernata;

drittijiet tal-vot miżmuma minn parti terza skont ftehim konkluż ma' dik il-persuna jew entità dwar it-trasferiment temporanju għall-kunsiderazzjoni tad-drittijiet tal-vot inkwistjoni;

id-drittijiet tal-vot marbuta mal-ishma li jkunu depożitati bħala kollateral għand dik il-persuna jew entità, kemm-il darba l-persuna jew entità tikkontrolla d-drittijiet tal-vot u tiddikjara l-intenzjoni tagħha li teżerċitahom;

drittijiet tal-vot marbuta ma' ishma li fihom dik il-persuna jew l-entità jkollha l-użufrutt;

drittijiet tal-vot li jkunu miżmuma, jew li jkunu jistgħu jiġu eżerċitati skont it-tifsira tal-ewwel erba' punti tal-punt (c)(ii), minn impriża kkontrollata minn dik il-persuna jew entità;

drittijiet tal-vot marbuta ma' ishma depożitati ma' dik il-persuna jew entità li tista' teżerċitahom fid-diskrezzjoni tagħha fin-nuqqas ta' struzzjonijiet speċifiċi mill-azzjonisti;

drittijiet tal-vot miżmuma minn terza persuna f'isimha stess fl-interess ta' dik il-persuna jew entità;

drittijiet tal-vot li dik il-persuna jew entità tista' teżerċita bi prokura meta l-persuna jew entità tista' teżerċita d-drittijiet tal-vot fid-diskrezzjoni tagħha fin-nuqqas ta' struzzjonijiet speċifiċi mill-azzjonisti;

(3)

kull membru tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew ta' superviżjoni, jew tal-maniġment superjuri fl-entità fil-mira;

(4)

l-entità fil-mira nnifisha u l-grupp li tappartjeni għalih;

(d)

informazzjoni dwar kull interess jew attività oħra tal-akkwirent propost li jistgħu jkunu f'kunflitt ma' dawk tal-entità fil-mira u soluzzjonijiet possibbli għall-ġestjoni ta' dawk il-kunflitti ta' interess;

(e)

l-istruttura tal-parteċipazzjoni azzjonarja tal-akkwirent propost, bl-identità tal-azzjonisti kollha li jeżerċitaw influwenza sinifikanti u s-sehem rispettiv tagħhom tal-kapital u d-drittijiet tal-vot inkluża l-informazzjoni dwar kull ftehim tal-azzjonisti;

(f)

jekk l-akkwirent propost huwa parti minn grupp bħala kumpanija sussidjarja jew bħala l-impriża prinċipali, organogramma dettaljata tal-istruttura korporattiva sħiħa u informazzjoni dwar is-sehem tal-kapital u d-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti li għandhom influwenza sinifikanti tal-entitajiet tal-grupp u dwar l-attivitajiet attwalment imwettqa mill-entitajiet tal-grupp;

(g)

jekk l-akkwirent propost huwa parti minn grupp bħala kumpanija sussidjarju jew bħala l-kumpanija prinċipali, informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn l-entitajiet finanzjarji u mhux finanzjarji tal-grupp;

(h)

l-identifikazzjoni ta' kull istituzzjoni ta' kreditu; impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni; impriżi għal investiment kollettiv u l-maniġers tagħhom jew ditta tal-investiment fil-grupp, u l-ismijiet tal-awtoritajiet superviżorji rilevanti;

(i)

rapporti finanzjarji statutorji, fil-livell individwali u, fejn disponibbli, dak ta' grupp konsolidat u sottokonsolidat, għall-aħħar tliet perijodi finanzjarji. Fejn dawk ir-rapporti finanzjarji jiġu awditjati esternalment, l-akkwirent propost għandu jipprovdihom diġà approvati mill-awditur estern. Ir-rapporti finanzjarji statutorji għandhom jinkludu:

(1)

il-karta tal-bilanċ;

(2)

il-kontijiet ta' qligħ u telf jew ir-rapport tal-introjtu;

(3)

ir-rapporti annwali u l-annessi finanzjarji u d-dokumenti l-oħrajn irreġistrati mar-reġistru jew l-awtorità rilevanti fit-territorju partikolari għall-akkwirent propost.

(j)

fejn disponibbli, l-informazzjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-akkwirent propost u l-klassifikazzjoni ġenerali tal-grupp tiegħu.

Għall-finijiet tal-punt (c), l-operazzjonijiet ta' kreditu, garanziji u rahan għandhom jitqiesu li jkunu parti mill-interessi finanzjarji, filwaqt li relazzjonijiet familjari jew oħrajn mill-qrib għandhom jitqiesu bħala parti mill-interessi mhux finanzjarji.

Għall-finijiet tal-punt (i), meta l-akkwirent propost ikun entità li tkun għadha kif ġiet stabbilita, minflok ir-rapporti finanzjarji statutorji, l-akkwirent propost għandu jagħti lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira l-karti tal-bilanċ u l-kontijiet ta' qligħ u telf jew rapporti tal-introjtu mbassra għall-ewwel tliet snin tan-negozju, fosthom is-suppożizzjonijiet tal-ippjanar użati;

2.   Meta l-akkwirent propost ikun persuna ġuridika li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha rreġistrat f'pajjiż terz, l-akkwirent propost għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira bl-informazzjoni addizzjonali li ġejja:

(a)

ċertifikat ta' pożizzjoni tajba (kollox konformi) jew ekwivalenti mill-awtoritajiet kompetenti barranin rilevanti rigward l-akkwirent propost;

(b)

dikjarazzjoni minn awtoritajiet kompetenti barranin rilevanti li ma jeżisti l-ebda ostakolu jew limitazzjoni għall-għoti ta' informazzjoni neċessarja għas-superviżjoni tal-entità fil-mira;

(c)

informazzjoni ġenerali dwar ir-reġim regolatorju ta' dak il-pajjiż terz kif applikabbli għall-akkwirent propost.

3.   Meta l-akkwirent propost ikun fond ta' investimenti sovran, l-akkwirent propost għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira bl-informazzjoni addizzjonali li ġejja:

(a)

l-isem tal-ministeru jew tad-dipartiment tal-gvern responsabbli għad-definizzjoni tal-politika ta' investiment tal-fond;

(b)

dettalji dwar il-politika ta' investiment u kull restrizzjoni fuq l-investiment;

(c)

l-isem u l-pożizzjoni tal-individwi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-investiment tal-fond, kif ukoll id-dettalji tal-parteċipazzjoni kwalifikanti jew l-influwenza kif imsemmi fl-Artikolu 11(2) eżerċitata mill-ministeru jew mid-dipartiment tal-gvern identifikat fuq l-operazzjonijiet ta' kuljum tal-fond u l-entità fil-mira

Artikolu 6

Informazzjoni dwar il-persuni li effettivament se jmexxu n-negozju tal-entità fil-mira

L-akkwirent propost għandu jagħti lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira l-informazzjoni li ġejja li għandha x'taqsam mar-reputazzjoni u l-esperjenza ta' kull persuna li se tmexxi effettivament in-negozju tal-entità fil-mira bħala riżultat tal-akkwiżizzjoni proposta:

(a)

dettalji personali inklużi l-isem tal-persuna, id-data u l-post tat-twelid, l-indirizz u d-dettalji ta' kuntatt u, fejn disponibbli, in-numru tal-identifikazzjoni nazzjonali personali;

(b)

il-pożizzjoni li għaliha l-persuna qed tiġi jew se tiġi maħtura;

(c)

curriculum vitae dettaljat li jiddikjara l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali rilevanti, l-esperjenza professjonali, fosthom l-ismijiet tal-organizzazzjonijiet kollha li għalihom il-persuna tkun ħadmet u n-natura u t-tul ta' żmien tal-funzjonijiet imwettqa, b'mod partikolari għal kull attività fil-kamp ta' applikazzjoni tal-pożizzjoni mixtieqa, u d-dokumentazzjoni relatata mal-esperjenza tal-persuna, bħal lista ta' persuni ta' referenza fosthom l-informazzjoni ta' kuntatt u ittri ta' rakkomandazzjoni. Għal pożizzjonijiet miżmuma f'dawn l-aħħar 10 snin, fid-deskrizzjoni ta' dawn l-attivitajiet, il-persuna għandha tispeċifika s-setgħat iddelegati tagħha, is-setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet interni u l-oqsma tal-operazzjonijiet taħt il-kontroll tagħha. Jekk il-curriculum vitae jinkludi esperjenzi rilevanti oħra, fosthom ir-rappreżentanza tal-korp ta' ġestjoni, dan għandu jiġi ddikjarat;

(d)

informazzjoni dwar dawn li ġejjin:

(1)

rekords kriminali, jew investigazzjonijiet jew proċeduri kriminali, każijiet ċivili u amministrattivi rilevanti, jew azzjonijiet dixxiplinarji, inkluż l-esklużjoni bħala direttur ta' kumpanija, il-falliment, l-insolvenza jew proċeduri simili, permezz ta' ċertifikat uffiċjali jekk disponibbli, jew permezz ta' dokument ekwivalenti ieħor;

(2)

investigazzjonijiet miftuħa, proċeduri ta' infurzar, sanzjonijiet, jew deċiżjonijiet ta' infurzar oħra kontra l-persuna li jistgħu jiġu pprovduti permezz ta' dikjarazzjoni tal-unur;

(3)

rifjut ta' reġistrazzjoni, awtorizzazzjoni, sħubija jew liċenzja biex tmexxi kummerċ, negozju jew professjoni; jew l-irtirar, ir-revoka jew it-tmiem ta' tali reġistrazzjoni, awtorizzazzjoni, sħubija jew liċenzja; jew espulsjoni minn korp regolatorju jew tal-gvern jew korp jew assoċjazzjoni professjonali;

(4)

it-tkeċċija mill-impjieg jew pożizzjoni ta' fiduċja, relazzjoni fiduċjarja jew sitwazzjoni simili;

(e)

informazzjoni dwar jekk valutazzjoni tar-reputazzjoni bħala persuna li tmexxi n-negozju diġà twettqitx minn awtorità superviżorja oħra, l-identità ta' din l-awtorità, u evidenza dwar l-eżitu tal-evalwazzjoni;

(f)

deskrizzjoni dwar l-interessi finanzjarji u mhux finanzjarji jew relazzjonijiet tal-persuna jew tal-qraba tagħha mal-membri tal-korp maniġerjali u ma' persuni f'karigi b'funzjonijiet ewlenin fl-istess istituzzjoni, l-istituzzjoni prinċipali u s-sussidjarji u l-azzjonisti;

(g)

iż-żmien minimu, b'indikazzjonijiet annwali u ta' kull xahar, li se jkun iddedikat għat-twettiq tal-funzjonijiet tal-persuna fl-entità fil-mira;

(h)

il-lista ta' karigi ta' direttur eżekuttiv u mhux eżekuttiv miżmuma mill-persuna fil-preżent.

Għall-finijiet tal-punt (f), operazzjonijiet ta' kreditu, parteċipazzjonijiet azzjonarji, garanziji u rahan għandhom jitqiesu li jkunu parti mill-interessi finanzjarji, filwaqt li relazzjonijiet familjari jew oħrajn mill-qrib jitqiesu bħala parti mill-interessi mhux finanzjarji.

Artikolu 7

Informazzjoni dwar l-akkwiżizzjoni proposta

L-informazzjoni li ġejja dwar l-akkwiżizzjoni proposta għandha tiġi pprovduta mill-akkwirent propost lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira:

(a)

l-identifikazzjoni tal-entità fil-mira;

(b)

dettalji tal-intenzjonijiet tal-akkwirent propost fir-rigward tal-akkwiżizzjoni proposta, inkluż l-investiment strateġiku jew investiment ta' portafoll;

(c)

informazzjoni dwar l-ishma tal-entità fil-mira li hi proprjetà, jew maħsuba li tkun proprjetà, tal-akkwirent propost qabel u wara l-akkwiżizzjoni proposta, fosthom:

(1)

l-għadd u t-tip ta' ishma u l-valur nominali ta' dawn l-ishma;

(2)

il-perċentwal tal-kapital kumplessiv tal-entità fil-mira li l-ishma li huma proprjetà, jew maħsuba li jkunu proprjetà, tal-akkwirent propost jirrappreżentaw qabel u wara l-akkwiżizzjoni proposta:

(3)

is-sehem tad-drittijiet tal-vot kumplessiv tal-entità fil-mira li l-ishma li huma proprjetà tal-akkwirent propost, jew li huma maħsuba li jkunu proprjetà tiegħu, jirrappreżentaw qabel u wara l-akkwiżizzjoni proposta, jekk dan ikun differenti mis-sehem tal-kapital tal-entità fil-mira;

(4)

il-valur tas-suq, f'euro u fil-munita lokali, tal-ishma tal-entità fil-mira li huma proprjetà, jew li huma maħsuba li jkunu proprjetà, tal-akkwirent propost qabel u wara l-akkwiżizzjoni proposta.

(d)

deskrizzjoni ta' kull azzjoni flimkien ma' partijiet oħra, inkluż il-kontribut ta' dawk il-partijiet l-oħrajn għall-finanzjament, il-mezzi ta' parteċipazzjoni fl-arranġamenti finanzjarji relatati mal-akkwiżizzjoni proposta u l-arranġamenti organizzattivi futuri tal-akkwiżizzjoni proposta;

(e)

il-kontenut tal-ftehimiet tal-azzjonisti ppjanati ma' azzjonisti oħrajn fir-rigward tal-entità fil-mira;

(f)

il-prezz propost tal-akkwiżizzjoni u l-kriterji użati meta jkun qed jiġi ddeterminat dan il-prezz u, jekk ikun hemm differenza bejn il-valur tas-suq u l-prezz propost tal-akkwiżizzjoni, spjegazzjoni għaliex dan huwa l-każ.

Artikolu 8

Informazzjoni dwar l-istruttura tal-grupp il-ġdid propost u l-impatt tagħha fuq is-superviżjoni

1.   Meta l-akkwirent propost ikun persuna ġuridika, huwa għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entita fil-mira b'analiżi tal-kamp ta' applikazzjoni tas-superviżjoni konsolidata tal-grupp li jkun jappartjeni għalih wara l-akkwiżizzjoni proposta. Din l-analiżi għandha tinkludi informazzjoni dwar liema entitajiet tal-grupp ikunu se jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tar-rekwiżiti tas-superviżjoni konsolidata wara l-akkwiżizzjoni proposta u f'liema livelli fil-grupp dawn ir-rekwiżiti jkunu japplikaw fuq bażi subkonsolidata jew sħiħa.

2.   L-akkwirent propost għandu jagħti wkoll lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira analiżi tal-impatt tal-akkwiżizzjoni proposta fuq il-kapaċità tal-entità fil-mira biex tkompli tipprovdi informazzjoni f'waqtha u preċiża lis-superviżur tagħha, inkluż bħala riżultat ta' rabtiet mill-qrib tal-akkwirent propost mal-entità fil-mira.

Artikolu 9

Informazzjoni dwar l-iffinanzjar tal-akkwiżizzjoni proposta

L-akkwirent propost għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira bi spjegazzjoni dettaljata dwar is-sorsi speċifiċi ta' finanzjament għall-akkwiżizzjoni proposta, fosthom:

(a)

dettalji dwar l-użu ta' riżorsi finanzjarji privati u l-oriġini u d-disponibbiltà tal-fondi, inkluż kull appoġġ dokumentarju rilevanti li jipprovdi evidenza dokumentarja lill-awtorità kompetenti li ma jkunx hemm tentattiv ta' ħasil tal-flus permezz tal-akkwiżizzjoni proposta;

(b)

dettalji dwar il-mezzi ta' pagament tal-akkwiżizzjoni proposta u n-netwerk użat għat-trasferiment ta' fondi;

(c)

dettalji dwar l-aċċess għal sorsi ta' kapital u s-swieq finanzjarji fosthom id-dettalji ta' strumenti finanzjarji li għandhom jinħarġu;

(d)

informazzjoni dwar l-użu ta' fondi missellfa fosthom l-isem ta' min isellef rilevanti u dettalji tal-faċilitajiet mogħtija, inkluż maturitajiet, termini, rahan u garanziji, kif ukoll informazzjoni dwar is-sors tad-dħul li għandu jintuża biex jitħallas lura dan is-self u l-oriġini tal-fondi missellfa fejn min jislef ma jkunx istituzzjoni finanzjarja taħt superviżjoni;

(e)

informazzjoni dwar kull arranġament finanzjarju ma' azzjonisti oħra tal-entità fil-mira;

(f)

informazzjoni dwar l-assi tal-akkwirent propost jew tal-entità fil-mira li jkunu se jinbiegħu sabiex jgħinu fl-iffinanzjar tal-akkwiżizzjoni proposta, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-bejgħ, inkluż il-prezz, il-valutazzjoni, u dettalji dwar il-karatteristiċi tal-assi u informazzjoni dwar meta u kif l-assi nkisbu.

Artikolu 10

Informazzjoni addizzjonali għal parteċipazzjoni kwalifikanti ta' mhux aktar minn 20 %

Meta l-akkwiżizzjoni proposta tirriżulta f'li l-akkwirent propost ikollu parteċipazzjoni kwalifikanti fl-entità fil-mira ta' mhux aktar minn 20 %, l-akkwirent propost għandu jipprovdi dokument dwar l-istrateġija lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira li jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-perjodu li matulu l-akkwirent propost għandu l-intenzjoni li jżomm il-parteċipazzjoni azzjonarja tiegħu wara l-akkwiżizzjoni proposta u kull intenzjoni tal-akkwirent propost li jżid, inaqqas jew iżomm il-livell tal-parteċipazzjoni azzjonarja tiegħu fil-futur prevedibbli;

(b)

indikazzjoni tal-intenzjonijiet tal-akkwirent propost relatati mal-entità fil-mira, inkluż jekk dan għandux l-intenzjoni jew le, li jeżerċita kwalunkwe forma ta' kontroll fuq l-entità fil-mira u r-raġunijiet għal dik l-azzjoni.

(c)

informazzjoni dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-akkwirent propost u r-rieda tiegħu li jappoġġa lill-entità fil-mira b'fondi proprji addizzjonali jekk meħtieġa għall-iżvilupp tal-attivitajiet tagħha jew f'każ ta' diffikultajiet finanzjarji.

Artikolu 11

Rekwiżiti addizzjonali għal parteċipazzjonijiet kwalifikanti ta' bejn 20 % u 50 %

1.   Meta l-akkwiżizzjoni proposta tirriżulta f'li l-akkwirent propost ikollu sehem kwalifikanti fl-entità fil-mira ta' bejn 20 % u 50 %, l-akkwirent propost għandu jipprovdi dokument dwar l-istrateġija lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira li jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-informazzjoni kollha stabbilita fl-Artikolu 10;

(b)

dettalji dwar l-influwenza li l-akkwirent propost għandu l-intenzjoni li jeżerċita fuq il-pożizzjoni finanzjarja fir-rigward tal-entità fil-mira fosthom il-politika tad-dividendi, l-iżvilupp strateġiku, u l-allokazzjoni tar-riżorsi tal-entità fil-mira;

(c)

deskrizzjoni tal-intenzjonijiet u l-aspettattivi tal-akkwirent propost lejn l-entità fil-mira fuq perjodu medju ta' żmien, li jkopru l-elementi kollha msemmija fl-Artikolu 12(2) u (3).

2.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, l-informazzjoni msemmija f'dak il-paragrafu għandha tingħata wkoll lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira minn kwalunkwe akkwirent propost imsemmi fl-Artikolu 10 fejn l-influwenza eżerċitata mill-parteċipazzjoni azzjonarja ta' dak l-akkwirent propost, fuq il-bażi ta' valutazzjoni komprensiva tal-istruttura tal-parteċipazzjoni azzjonarja tal-entità fil-mira, tkun ekwivalenti għall-influwenza eżerċitata mill-parteċipazzjonijiet azzjonarji ta' bejn 20 % u 50 %.

Artikolu 12

Rekwiżiti addizzjonali għal parteċipazzjonijiet kwalifikanti ta' 50 % u iktar

1.   Fejn l-akkwiżizzjoni proposta tirriżulta f'li l-akkwirent propost ikollu parteċipazzjoni kwalifikanti fl-entità fil-mira ta' 50 % jew aktar, jew f'li l-entità fil-mira ssir sussidjarja tiegħu, l-akkwirent propost jipprovdi pjan tan-negozju lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira li għandu jinkludi pjan ta' żvilupp strateġiku, rapporti finanzjarji stmati tal-entità fil-mira, u l-impatt tal-akkwiżizzjoni fuq il-governanza korporattiva u l-istruttura organizzattiva ġenerali tal-entità fil-mira.

2.   Il-pjan ta' żvilupp strateġiku msemmi fil-paragrafu 1 għandu jindika, f'termini ġenerali, l-objettivi ewlenin tal-akkwiżizzjoni proposta u l-modi ewlenin ta' kif se jintlaħqu, fosthom:

(a)

l-objettiv ġenerali tal-akkwiżizzjoni proposta;

(b)

l-objettivi finanzjarji fuq terminu medju li jistgħu jiġu ddikjarati f'termini ta' redditu fuq l-ekwità, proporzjon kostijiet-benefiċċji, qligħ għal kull sehem, jew f'termini oħrajn kif xieraq;

(c)

ir-ridirezzjoni possibbli tal-attivitajiet, il-prodotti, il-klijenti fil-mira u r-riallokazzjoni possibbli tal-fondi jew tar-riżorsi mistennija li jkollhom impatt fuq l-entità fil-mira;

(d)

proċessi ġenerali għall-inklużjoni u l-integrazzjoni tal-entità fil-mira fl-istruttura tal-grupp tal-akkwirent propost, fosthom deskrizzjoni tal-interazzjonijiet prinċipali li għandhom jiġu segwiti ma' kumpaniji oħrajn fil-grupp, kif ukoll deskrizzjoni tal-politiki li jirregolaw ir-relazzjonijiet intragrupp.

3.   Meta l-akkwirent propost ikun entità awtorizzata u suġġetta għal superviżjoni fl-Unjoni, l-informazzjoni dwar id-dipartimenti partikolari fl-istruttura tal-grupp li huma affettwati mill-akkwiżizzjoni proposta għandha tkun biżżejjed għall-finijiet tal-informazzjoni msemmija fil-punt (d).

4.   Ir-rapporti finanzjarji stmati tal-entità fil-mira msemmija fil-paragrafu 1 għandhom, kemm fuq bażi individwali kif ukoll fuq bażi kkonsolidata, għal perjodu ta' referenza ta' tliet snin, jinkludu dan li ġej:

(a)

stima tal-karta tal-bilanċ u r-rapport tal-introjtu;

(b)

tbassir tar-rekwiżiti kapitali prudenzjali u l-proporzjon tas-solvenza;

(c)

informazzjoni dwar il-livell ta' skoperturi ta' riskju inklużi r-riskji tal-kreditu, tas-swieq u operattivi kif ukoll riskji rilevanti oħrajn;

(d)

previżjoni ta' tranżazzjonijiet intragrupp.

5.   L-impatt tal-akkwiżizzjoni fuq il-governanza korporattiva u l-istruttura organizzattiva ġenerali tal-entità fil-mira msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludi l-impatt fuq:

(a)

il-kompożizzjoni u d-dmirijiet tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew ta' superviżjoni, u l-kumitati ewlenin maħluqa minn tali korp tat-teħid tad-deċiżjonijiet, fosthom il-kumitat ta' tmexxija, il-kumitat tar-riskju, il-kumitat tal-awditjar, il-kumitat tar-rimunerazzjoni, fosthom informazzjoni dwar persuni li jiġu maħtura biex imexxu n-negozju;

(b)

proċeduri amministrattivi u ta' kontabbiltà u l-kontrolli interni, fosthom bidliet fil-proċeduri u s-sistemi relatati mal-kontabilità, l-awditjar intern, il-konformità kontra l-ħasil tal-flus u l-ġestjoni tar-riskju, u l-ħatra tal-funzjonijiet ewlenin ta' awditur intern, uffiċjal għall-konformità u maniġer tar-riskji;

(c)

is-sistemi tal-IT ġenerali tal-organizzazzjoni fosthom kull bdil li jikkonċerna l-politika tal-esternalizzazzjoni tal-IT, il-flowchart tad-dejta, is-softwer intern u estern użat u l-proċeduri u għodod essenzjali tas-sigurtà tad-dejta u s-sistemi bħal back-up, pjanijiet ta' kontinwità u rendikonti tal-entrati;

(d)

il-politiki dwar l-esternalizzazzjoni, fosthom informazzjoni dwar l-oqsma kkonċernati, l-għażla tal-fornituri tas-servizzi, u d-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-partijiet fil-kuntratt ta' esternalizzazzjoni bħal arranġamenti tal-awditjar u l-kwalità tas-servizz mistenni mingħand il-fornitur;

(e)

kull informazzjoni rilevanti oħra li tikkonċerna l-impatt tal-akkwiżizzjoni fuq il-governanza korporattiva u l-istruttura organizzattiva ġenerali tal-entità, fosthom kull modifika rigward id-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti.

Artikolu 13

Rekwiżiti mnaqqsa ta' informazzjoni

1.   Permezz ta' deroga mill-Artikoli 2, meta l-akkwirent propost ikun entità awtorizzata u soġġetta għal superviżjoni fl-Unjoni u l-entità fil-mira tkun tissodisfa l-kriterji stipulati fil-paragrafu 2, l-akkwirent propost għandu jippreżenta l-informazzjoni li ġejja lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira:

(a)

meta l-akkwirent propost ikun persuna fiżika:

(1)

l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1);

(2)

l-informazzjoni stabbilita fil-punti minn (c) sa (g) tal-Artikolu 4;

(3)

l-informazzjoni stabbilita fl-Artikoli 6, 7 u 9;

(4)

l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(1);

(5)

meta l-akkwiżizzjoni proposta tirriżulta f'li l-akkwirent propost ikollu parteċipazzjoni kwalifikanti fl-entità fil-mira ta' mhux aktar minn 20 %, dokument dwar l-istrateġija kif stabbilit fl-Artikolu 10;

(6)

fejn l-akkwiżizzjoni proposta tirriżulta f'li l-akkwirent propost ikollu parteċipazzjoni kwalifikanti fl-entità fil-mira ta' bejn 20 % u 50 %, dokument dwar l-istrateġija kif stabbilit fl-Artikolu 11.

(b)

meta l-akkwirent propost ikun persuna ġuridika:

(1)

l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(2);

(2)

l-informazzjoni stabbilita fil-punti minn (c) sa (j) tal-Artikolu 5(1) u, fejn rilevanti, l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(3);

(3)

l-informazzjoni stabbilita fl-Artikoli 6, 7 u 9;

(4)

l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(1);

(5)

meta l-akkwiżizzjoni proposta tirriżulta f'li l-akkwirent propost ikollu parteċipazzjoni kwalifikanti fl-entità fil-mira ta' mhux aktar minn 20 %, dokument dwar l-istrateġija kif stabbilit fl-Artikolu 10;

(6)

fejn l-akkwiżizzjoni proposta tirriżulta f'li l-akkwirent propost ikollu parteċipazzjoni kwalifikanti fl-entità fil-mira ta' bejn 20 % u 50 %, dokument dwar l-istrateġija kif stabbilit fl-Artikolu 11.

(c)

meta l-akkwirent propost ikun trust:

(1)

l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(3);

(2)

fejn rilevanti, l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(3)

(3)

l-informazzjoni stabbilita fl-Artikoli 6, 7 u 9;

(4)

l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(1);

(5)

meta l-akkwiżizzjoni proposta tirriżulta f'li l-akkwirent propost ikollu parteċipazzjoni kwalifikanti fl-entità fil-mira ta' mhux aktar minn 20 %, dokument dwar l-istrateġija kif stabbilit fl-Artikolu 10;

(6)

fejn l-akkwiżizzjoni proposta tirriżulta f'li l-akkwirent propost ikollu parteċipazzjoni kwalifikanti fl-entità fil-mira ta' bejn 20 % u 50 %, dokument dwar l-istrateġija kif stabbilit fl-Artikolu 11.

2.   L-entità fil-mira msemmija fil-paragrafu 1 għandha tissodisfa l-kriterji li ġejjin:

(a)

ma jkollhiex assi miżmuma tal-klijenti tagħha;

(b)

ma tkunx awtorizzata għas-servizzi u l-attivitajiet ta' investiment “Il-kummerċ akkont tiegħu nnifsu” jew “Is-sottoskrizzjoni tal-istrumenti finanzjarji u/jew it-tqegħid tal-istrumenti finanzjarji fuq bażi soda ta' impenn” imsemmija fil-punti (3) u (6) tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE;

(c)

fil-każ li tkun awtorizzata għas-servizz ta' investiment ta' “Ġestjoni tal-portafoll” kif imsemmi fil-punt (4) tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE, l-assi mmaniġġati mill-impriża jkunu inqas minn EUR 500 miljun.

3.   Jekk l-akkwirent propost imsemmi fil-paragrafu 1 ikun ġie vvalutat mill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira fis-sentejn ta' qabel fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 4 u 5, dan l-akkwirent propost għandu jipprovdi biss dawk il-biċċiet ta' informazzjoni li nbidlu wara l-valutazzjoni preċedenti.

Jekk l-akkwirent propost jipprovdi biss dawk il-biċċiet tal-informazzjoni li jkunu nbidlu mill-valutazzjoni preċedenti skont l-ewwel subparagrafu, l-akkwirent propost għandu jiffirma dikjarazzjoni li tinforma l-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira li ma hemmx il-ħtieġa għal aġġornament tal-bqija tal-informazzjoni.

Artikolu 14

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

(3)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).