16.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 265/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2017/1858

tas-16 ta' Ottubru 2017

li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1509 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/849 tas-27 ta' Mejju 2016 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/183/PESK (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/1509 (2) iġib fis-seħħ il-miżuri previsti fid-Deċiżjoni (PESK) 2016/849.

(2)

Fil-5 ta' Awwissu 2017 u fil-11 ta' Settembru 2017 rispettivament, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjonijiet 2371 (2017) u 2375 (2017), li fihom esprima t-tħassib serju tiegħu għat-testijiet tal-missili ballistiċi li twettqu fit-3 ta' Lulju 2017 u t-28 ta' Lulju 2017 u t-test nukleari li twettaq fit-2 ta' Settembru 2017 mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK), u impona miżuri ġodda kontra r-RDPK. Dawn il-miżuri jkomplu jsaħħu l-miżuri restrittivi imposti bir-Riżoluzzjonijiet tal-KSNU 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016) u 2356 (2017) tal-KSNU.

(3)

Fl-14 ta' Settembru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1562 (3) u fl-10 ta' Ottubru 2017 huwa adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1838 (4) li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 sabiex iġibu fis-seħħ il-miżuri l-ġodda imposti mir-Riżoluzzjonijiet tal-KSNU 2371 (2017) u 2375 (2017).

(4)

Fl-14 ta' Settembru 2017, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2017/1548 (5) u fl-10 ta' Ottubru 2017 adotta r-Regolament (UE) 2017/1836 (6), li t-tnejn li huma emendaw ir-Regolament (UE) 2017/1509 biex iġibu fis-seħħ il-miżuri previsti fid-Deċiżjoni (PESK) 2016/849.

(5)

Fis-16 ta' Ottubru 2017, il-Kunsill iddeċieda li jkompli jespandi l-projbizzjoni fuq l-investiment tal-UE fi u mar-RDPK lejn is-setturi kollha, inaqqas l-ammont ta' rimessi personali li jistgħu jintbagħtu lir-RDPK minn EUR 15 000 għal EUR 5 000, u jimponi projbizzjoni fuq l-esportazzjoni taż-żejt lir-RDPK.

(6)

Dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat u, għalhekk, l-iktar bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni.

(7)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/1509 jiġi emendat skont dan.

(8)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma effettivi, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2017/1509 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 16e huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 16e

1.   B'deroga mill-Artikolu 16d, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw tranżazzjonijiet ta' prodotti petrolifiċi raffinati li jkun determinat li huma esklussivament għal skopijiet umanitarji, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

it-tranżazzjonijiet ma jkunux jinvolvu individwi jew entitajiet li huma assoċjati mal-programmi nukleari jew ta' missili ballistiċi tar-RDPK jew ma' attivitajiet oħrajn ipprojbiti mill-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2356 (2017), 2371 (2017) jew 2375 (2017), inklużi l-persuni, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Anness XIII, XV, XVI u XVII;

(b)

it-tranżazzjoni ma tkunx relatata mal-ġenerazzjoni ta' introjtu għall-programmi nukleari jew tal-missili ballistiċi tar-RDPK jew ma' attivitajiet oħrajn ipprojbiti mill-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2356 (2017), 2371 (2017) jew 2375 (2017);

(c)

il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jkunx innotifika lill-Istati Membri li jkun intlaħaq 90 % tal-limitu aggregat annwali; u

(d)

l-Istat Membru kkonċernat jinnotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bl-ammont tal-esportazzjoni u bl-informazzjoni dwar il-partijiet kollha fit-tranżazzjoni kull 30 jum.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni b'kull awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.”.

(2)

L-Artikolu 16g huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 16g

1.   B'deroga mill-Artikolu 16f, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw tranżazzjonijiet ta' żejt mhux maħdum, dmenti li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tkun iddeterminat li t-tranżazzjoni tkun esklussivament għal finijiet umanitarji; u

(b)

l-Istat Membru jkun kiseb l-approvazzjoni bil-quddiem mingħand il-Kumitat tas-Sanzjonijiet skont il-każ individwali, skont il-paragrafu 15 tal-UNSCR 2375 (2017).

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni b'kull awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.”.

(3)

Il-punt (a) tal-Artikolu 17(2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

l-istabbiliment, iż-żamma jew l-operazzjoni ta' impriża konġunta jew ta' entità kooperattiva ma' kwalunkwe persuni fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fil-paragrafu 1 jew li huma ddomiċiljati fir-RDPK, jew it-teħid, iż-żamma jew l-għoti ta' interessi titolari, inkluż l-akkwist b'mod sħiħ jew l-akkwist ta' ishma u ta' titoli oħrajn ta' natura parteċipattiva fi kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li huma imsemmija fil-paragrafu 1 jew li huma ddomiċiljati fir-RDPK, jew f'attivitajiet jew assi fir-RDPK;”.

(4)

L-Artikolu 17a huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 17a

1.   B'deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 17(2), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw tali attivatajiet, b'mod partikolari dawk rigward impriżi konġunti jew entitajiet kooperattivi li mhumiex kummerċjali, proġetti ta' infrastruttura ta' utilità pubblika li ma jiġġenerawx profitt, dment li l-Istat Membru ikun kiseb l-approvazzjoni bil-quddiem tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet skont il-każ.

2.   B'deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 17(2), u sakemm ma jirrigwardawx impriżi konġunti jew entitajiet kooperattivi, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw tali attivitajiet, dment li l-Istat Membru jkun iddetermina li dawk l-attivitajiet huma esklussivament għal finijiet umanitarji, u mhumiex fis-setturi tal-industrija tat-tħaffir tal-minjieri, tar-raffinar, kimika, tal-metallurġija jew tax-xogħol tal-metall, ajruspazjali jew fl-industriji relatati mal-armi konvenzjonali

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafi 1 jew 2.”.

(5)

L-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhom japplikaw għall-ebda waħda minn dawn it-tranżazzjonijiet, sakemm dawn ikunu jinvolvu trasferiment ta' fondi għal ammonti ugwali għal jew inqas minn EUR 15 000 jew ekwivalenti:

(a)

tranżazzjonijiet rigward oġġetti tal-ikel, il-kura tas-saħħa jew tagħmir mediku, jew għal finijiet agrikoli jew umanitarji;

(b)

tranżazzjonijiet rigward l-eżekuzzjoni tal-eżenzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament;

(c)

tranżazzjonijiet marbuta ma' kuntratt kummerċjali speċifiku mhux ipprojbit minn dan ir-Regolament;

(d)

tranżazzjonijiet meħtieġa esklussivament għall-implimentazzjoni ta' proġetti ffinanzjati mill-Unjoni jew mill-Istati Membri tagħha għal skopijiet ta' żvilupp li jindirizzaw direttament il-ħtiġijiet tal-popolazzjoni ċivili jew il-promozzjoni tad-denuklearizzazzjoni; u

(e)

tranżazzjonijiet rigward missjoni diplomatika jew konsulari jew organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi immunitajiet skont id-dritt internazzjonali, sa fejn tali tranżazzjonijiet ikunu maħsubin biex jintużaw għal skopijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari jew organizzazzjoni internazzjonali.”;

(b)

Jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal ranżazzjonijiet rigward rimessi personali, sakemm dawn ikunu jinvolvu trasferiment ta' fondi għal ammonti ugwali għal jew inqas minn EUR 5 000 jew ekwivalenti.”.

(6)

L-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   B'deroga mill-projbizzjonijiet tal-Artikolu 21(1) u (2), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw:

(a)

it-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 21(4) b'valur iktar minn EUR 15 000 jew ekwivalenti; u

(b)

it-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 21(5) b'valur iktar minn EUR 5 000 jew ekwivalenti.”;

(b)

Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Ir-rekwiżit għal awtorizzazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu japplika indipendentement minn jekk it-trasferiment tal-fondi jkunx eżegwit f'operazzjoni waħda jew f'diversi operazzjonijiet li jidhru li jkunu marbutin ma' xulxin. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, ‘operazzjonijiet li jidhru marbutin ma' xulxin’ jinkludu:

(a)

sensiela ta' trasferimenti konsekuttivi minn jew lejn l-istess istituzzjoni ta' kreditu jew finanzjarja fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 21(2) lejn jew mill-istess persuna, entità jew korp mir-RDPK, li jsiru b'konnessjoni ma' obbligu wieħed ta' trasferiment ta' fondi, fejn kull trasferiment individwali jaqa' taħt EUR 15 000 għal tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 21(4) jew EUR 5 000 għal tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 21(5), iżda li, fl-aggregat, jissodisfaw il-kriterji għall-awtorizzazzjoni; u

(b)

katina ta' trasferimenti li jinvolvu fornituri differenti ta' servizzi ta' pagament jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li hija marbuta ma' obbligu wieħed ta' trasferiment ta' fondi.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-16 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  ĠU L 141, 28.5.2016, p. 79.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1509 tat-30 ta' Awwissu 2017 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007 (ĠU L 224, 31.8.2017, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1562 tal-14 ta' Settembru 2017 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (ĠU L 237, 15.9.2017, p. 86).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1838 tal-10 ta' Ottubru 2017 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (ĠU L 261, 11.10.2017, p. 17).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1548 tal-14 ta' Settembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1509 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (ĠU L 237, 15.9.2017, p. 39).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1836 tal-10 ta' Ottubru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1509 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (ĠU L 261, 11.10.2017, p. 1).