24.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 218/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1495

tat-23 ta' Awwissu 2017

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2073/2005 fir-rigward tal-Campylobacter fil-karkassi tat-tiġieġ tas-simna

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 (2) jistipula l-kriterji mikrobijoloġiċi għal ċerti mikroorganiżmi u r-regoli ta' implimentazzjoni li jridu jikkonformaw magħhom l-operaturi fis-settur tal-ikel fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi ta' iġjene msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 852/2004.

(2)

B'mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 2073/2005 jistipula kriterji dwar il-proċess ta' iġjene li jistabbilixxu valuri indikattivi ta' kontaminazzjoni u li jekk jinqabżu jkun hemm bżonn li jittieħdu miżuri korrettivi sabiex tinżamm l-iġjene tal-proċess skont il-leġiżlazzjoni dwar l-oġġetti tal-ikel.

(3)

Il-“European Union summary report on trends and sources of zoonoses, zoonotic agents and food-borne outbreaks in 2015” (3) (Rapport sommarju tal-Unjoni Ewropea dwar it-tendenzi u s-sorsi taż-żoonożi, aġenti żoonotiċi u t-tifqigħat ta' oriġini alimentari fl-elfejn u ħmistax), ippubblikat mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) jiddikjara li l-kampilobatterjożi tal-bniedem hija l-aktar tifqigħa ta' oriġini alimentari tal-bniedem irrappurtata fl-Unjoni b'madwar 230 000 każ irrappurtat kull sena.

(4)

Fl-2010, l-EFSA ppubblikat l-analiżi tal-istħarriġ ta' referenza fuq il-prevalenza tal-Campylobacter f'lottijiet tat-tiġieġ tas-simna u f'karkassi (4). L-istħarriġ bażiku twettaq fil-livell tal-biċċeriji fl-2008 biex jinkisbu ċifri komparabbli dwar il-prevalenza u l-livell ta' kontaminazzjoni fit-tiġieġ tas-simna fl-Unjoni. L-EFSA kkonkludiet li l-karkassi tat-tiġieġ tas-simna kienu kkontaminati f'medja ta' 75,8 % b'varjazzjonijiet sinifikanti bejn l-Istati Membri u l-biċċeriji.

(5)

Skont l-Opinjoni Xjentifika tal-EFSA dwar ir-riskju tal-kampilobatterjożi tal-bniedem marbuta mal-laħam tat-tiġieġ tas-simna (5), ippubblikata fl-2010, huwa probabbli li t-trattament, il-preparazzjoni u l-konsum tal-laħam tat-tiġieġ tas-simna jammontaw għal bejn 20 % sa 30 % ta' każijiet ta' kampilobatterjożi, filwaqt li 50 % sa 80 % jistgħu jiġu attribwiti għar-riżerva tat-tiġieġ fl-intier tagħha.

(6)

L-opinjoni Xjentifika tal-EFSA dwar għażliet ta' kontroll għall-Campylobacter tul il-katina tal-produzzjoni tal-laħam tat-tjur, ippubblikata fl-2011 (6), tissuġġerixxi għadd ta' għażliet ta' kontroll kemm fil-livell tal-azjenda agrikola kif ukoll fil-livell tal-biċċeriji u tistma l-impatti tagħhom fuq it-tnaqqis fin-numru ta' każijiet umani, inkluża l-introduzzjoni ta' kriterju dwar il-proċess ta' iġjene għall-Campylobacter. L-EFSA tqis li t-tnaqqis tar-riskju għas-saħħa pubblika mill-konsum tal-laħam tat-tiġieġ tas-simna ta' aktar minn 50 % jista' jinkiseb jekk il-karkassi jibdew jikkonformaw mal-limitu ta' 1 000 cfu/g u tenfasizza li jeżistu livelli ta' kontaminazzjoni differenti sinifikanti bejn il-kampjuni tal-ġilda tal-għonq u l-ġilda tas-sider.

(7)

L-EFSA ppubblikat ukoll fl-2012 l-Opinjoni Xjentifika dwar il-perikli tas-saħħa pubblika li għandhom ikunu koperti minn spezzjoni tal-laħam tat-tjur, li tidentifika l-Campylobacter bħala rilevanti mmens għas-saħħa pubblika (7), u tirrakkomanda l-adattament tal-metodi ta' spezzjoni attwali tal-karkassi tat-tjur biex tiġi indirizzata l-Campylobacter. B'mod partikolari l-EFSA tissuġġerixxi l-introduzzjoni ta' kriterju dwar il-proċess ta' iġjene għall-Campylobacter fuq il-karkassi tat-tiġieġ tas-simna.

(8)

Abbażi tal-opinjonijiet tal-EFSA tal-2010 u l-2011, il-Kummissjoni kkummissjonat analiżi kost-benefiċċji tal-istabbiliment ta' ċerti miżuri ta' kontroll għat-tnaqqis tal-Campylobacter fil-laħam tat-tiġieġ tas-simna fi stadji differenti tal-katina alimentari (8). Il-konklużjoni prinċipali ta' din l-analiżi kost-benefiċċji hija li l-istabbiliment ta' kriterju dwar il-proċess tal-iġjene għall-Campylobacter fil-karkassi tat-tiġieġ tas-simna jirriżulta f'wieħed mill-aqwa bilanċi bejn it-tnaqqis tal-kampilobatterjożi umana attribwita għall-konsum ta' laħam tat-tjur u l-konsegwenzi ekonomiċi tal-applikazzjoni ta' dan il-kriterju.

(9)

Il-kriterju dwar il-proċess tal-iġjene għall-Campylobacter fil-karkassi tat-tiġieġ tas-simna jimmira li jżomm taħt kontroll il-kontaminazzjoni tal-karkassi waqt il-proċess tal-qatla. Barra minn hekk sabiex ikun żgurat approċċ li japplika għall-katina kollha kif irrakkomandat fl-opinjoni tal-EFSA dwar għażliet ta' kontroll għall-Campylobacter, il-miżuri ta' kontroll għandhom jiġu kkunsidrati wkoll fil-livell tal-azjenda agrikola.

(10)

Il-kontroll tal-Campylobacter għadu sfida, minħabba li ma jidhirx li t-trażmissjoni vertikali hija fattur ta' riskju kbir u kollox jiddependi minn kemm huma effettivi l-miżuri ta' bijosigurtà biex il-Campylobacter tiġi eskluża mit-tiġieġ tas-simna. Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat approċċ pass pass billi l-kriterju tal-proċess tal-iġjene gradwalment isir aktar strett maż-żmien. Madankollu, biex jinżamm l-istess livell ta' protezzjoni fl-Istati Membri fejn dan il-livell ta' protezzjoni diġà nkiseb, l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005 jipprevedi biżżejjed flessibbiltà sabiex jiġi applikat kriterju tal-proċess tal-iġjene aktar strett minħabba li dan il-kriterju alternattiv għallinqas jipprevedi garanziji li huma ekwivalenti għal dawk tal-kriterju ta' referenza stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 2073/2005.

(11)

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-operaturi tan-negozji tal-ikel, il-pjan għat-teħid tal-kampjuni għall-kriterju għall-Campylobacter għandu jsegwi l-istess approċċ ta' ttestjar bħal dak tal-kriterju tal-proċess tal-iġjene stabbilit għas-Salmonella fil-karkassi tat-tjur. L-istess kampjuni tal-ġilda tal-għonq użati għall-ittestjar tal-konformità mal-kriterju tal-proċess tal-iġjene stabbilit għas-Salmonella fil-karkassi tat-tjur jistgħu għalhekk jintużaw għall-analiżi tal-Campylobacter.

(12)

L-istandard internazzjonali EN ISO 10272-2 huwa l-metodu orizzontali għall-enumerazzjoni tal-Campylobacter fl-oġġetti tal-ikel u tal-għalf. Għalhekk għandu jkun stabbilit bħala metodu ta' referenza għall-verifika tal-konformità mal-kriterju tal-Campylobacter fuq il-karkassi tat-tjur.

(13)

Huwa xieraq li tiġi posposta d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sabiex jingħata żmien biżżejjed lill-operaturi tan-negozju tal-ikel biex jadattaw il-prattiċi attwali tagħhom għar-rekwiżiti l-ġodda u biex il-laboratorji li jwettqu analiżijiet tal-Campylobacter jkunu jistgħu jimplimentaw il-metodi ġodda ta' ttestjar stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(14)

Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 2073/2005 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq.

(15)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005 huwa emendat f'konformità mal-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Awwissu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta' Novembru 2005 dwar kriterji mikrobijoloġiċi għall-oġġetti tal-ikel (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1).

(3)  EFSA Journal 2016;14(12):4634.

(4)  EFSA Journal 2010; 8(03):1503).

(5)  EFSA Journal 2010: 8(1): 1437.

(6)  EFSA Journal 2011;9(4): 2105.

(7)  EFSA Journal 2012;10(6):2741.

(8)  https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/safety/docs/biosafety_food-borne-disease_campy_cost-bene-analy.pdf


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005, huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-Kapitolu 2, it-Taqsima 2.1 hija emendata kif ġej:

(a)

It-tabella għandha tiġi emendata kif ġej:

(i)

tiżdied ir-ringiela 2.1.9 li ġejja:

Kategorija tal-ikel

Mikro-organiżmi

Pjan tat-teħid ta' kampjuni

Limiti

Metodu analitiku ta' referenza

Stadju fejn japplika l-kriterju

Azzjoni fil-każ ta' riżultati mhux sodisfaċenti

n

c

m

M

“2.1.9

Karkassi tat-tiġieġ tas-simna

Campylobacter spp.

50 (5)

c = 20

Minn 1.1.2020 c = 15;

Minn 1.1.2025 c = 10

1 000 cfu/g

EN ISO 10272-2

Il-karkassi wara t-tkessiħ

Titjib fl-iġjene waqt il-qatla, analiżi tal-kontrolli tal-proċess, tal-oriġini tal-annimali u tal-miżuri ta' bijosigurtà fl-azjendi agrikoli ta' oriġini”

(ii)

in-nota ta' qiegħ il-paġna 2 tinbidel b'dan li ġej:

“(2)

Għall-punti 2.1.3-2.1.5 u 2.1.9 m = M.”

(b)

taħt l-intestatura “Interpretazzjoni tar-riżultati tal-ittestjar”, jiżdied it-test li ġej:

Campylobacter spp. fil-karkassi tat-tjur tat-tiġieġ tas-simna:

sodisfaċenti, jekk massimu ta' c/n valuri jkunu > m,

mhux sodisfaċenti, jekk iktar minn c/n valuri jkunu > m.”

(2)

Fil-Kapitolu 3, it-Taqsima 3.2 tinbidel b'dan li ġej:

“3.2.   Kampjunar batterjoloġiku fil-biċċeriji u fi stabbilimenti li jipproduċu l-ikkapuljat, il-preparazzjonijiet tal-laħam, il-laħam separat b'mod mekkaniku u l-laħam frisk

Ir-regoli għall-kampjunar tal-karkassi tal-bovini, tal-ħnieżer, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u taż-żwiemel

Il-metodi distruttivi u mhux distruttivi tal-kampjunar, tal-għażla tas-siti għall-kampjunar u r-regoli għall-ħażna u t-trasport tal-kampjuni li se jintużaw huma stabbiliti fl-istandard ISO 17604.

Jeħtieġ li jiġu kampjunati ħames karkassi magħżula b'mod aleatorju matul kull sessjoni tal-kampjunar. Is-siti tal-kampjuni għandhom jintgħażlu billi titqies it-teknoloġija tal-qatla użata f'kull impjant.

Waqt il-kampjunar għall-analiżijiet tal-għadd tal-kolonji Enterobacteriaceae u aerobiċi, għandhom jittieħdu kampjuni minn erba' siti għal kull karkassa. Erba' kampjuni ta' tessuti li jirrappreżentaw total ta' 20 cm2 għandhom jinkisbu bil-metodu distruttiv. Meta jintuża l-metodu mhux distruttiv għal dan l-għan, iż-żona ta' kampjunar għandha tkopri minimu ta' 100 cm2 (50 cm2 għal karkassi ta' bhejjem li jixtarru żgħar) għal kull sit ta' kampjunar.

Waqt il-kampjunar għal analiżijiet tas-Salmonella, għandu jintuża metodu ta' kampjunar bi sponża li tobrox. Għandhom jintgħażlu ż-żoni li l-aktar għandhom ċans li jiġu kkontaminati. Iż-żona totali għat-teħid tal-kampjuni għandha tkopri minimu ta' 400 cm2.

Meta l-kampjuni jittieħdu mis-siti differenti tal-kampjunar fuq il-karkassa, dawn għandhom jingħaqdu f'kampjun kompost qabel l-eżaminazzjoni.

Ir-regoli għall-kampjunar tal karkassi tat-tjur u tal-laħam frisk tat-tjur

Il-biċċeriji għandhom jieħdu kampjuni ta' karkassi sħaħ tat-tjur bil-ġilda tal-għonq għall-analiżijiet tas-Salmonella u tal-Campylobacter. Stabbilimenti tal-qtugħ u tal-ipproċessar ħlief dawk li jinsabu maġenb biċċerija li tqatta' u tipproċessa l-laħam li jkun ġej biss minn din il-biċċerija, ukoll għandhom jieħdu kampjuni għall-analiżi tas-Salmonella. Meta jagħmlu dan, għandhom jagħtu prijorità lill-karkassi sħaħ tat-tjur bil-ġilda tal-għonq, jekk disponibbli, iżda għandhom jiżguraw ukoll li anke porzjonijiet tat-tjur bil-ġilda u/jew porzjonijiet tat-tjur mingħajr ġilda jew b'ammont żgħir ta' ġilda jkunu koperti, u dik l-għażla għandha tkun ibbażata fuq ir-riskju.

Fil-pjanijiet tal-kampjunar tagħhom il-biċċeriji għandhom jinkludu karkassi tat-tjur minn qatgħat bi status għas-Salmonella mhux magħruf jew bi status għas-Salmonella Enteritidis jew għas-Salmonella Typhimurium li hu magħruf li huwa pożittiv.

Meta jkun qed isir l-ittestjar kontra l-kriterju tal-iġjene tal-proċess stabbilit fir-Ringiela 2.1.5 u fir-Ringiela 2.1.9 tal-Kapitolu 2 għas-Salmonella u għall-Campylobacter fil-karkassi tat-tjur fil-biċċeriji u t-testijiet għas-Salmonella u għall-Campylobacter, jitwettqu fl-istess laboratorju, għandhom jittieħdu kampjuni aleatorji tal-ġilda tal-għonq ta' mill-inqas 15-il karkassa tat-tjur wara t-tkessiħ matul kull sessjoni tal-kampjunar. Qabel l-eżaminazzjoni, il-kampjuni tal-ġilda tal-għonq ta' mill-inqas tliet karkassi tat-tjur mill-istess qatgħa ta' oriġini għandhom jingħaqdu f'kampjun wieħed kompost ta' 26 g. Għalhekk, il-kampjuni tal-ġilda tal-għonq jiffurmaw kampjuni finali ta' 5 × 26 g (jinħtieġu 26 g sabiex jitwettqu l-analiżijiet għas-Salmonella u għall-Campylobacter minn kampjun wieħed b'mod parallel). Il-kampjuni għandhom jinżammu wara li jittieħdu l-kampjuni u jiġu ttrasportati sal-laboratorju f'temperatura ta' mhux inqas minn 1 °C u mhux ogħla minn 8 °C u l-ħin bejn il-kampjunar u l-ittestjar għal Campylobacter għandu jkun ta' anqas minn 48 siegħa sabiex tkun żgurata ż-żamma tal-integrità tal-kampjuni. Kampjuni li jkunu laħqu temperatura ta' 0 °C m'għandhomx jintużaw biex tiġi vverifikata l-konformità mal-kriterju tal-Campylobacter. Il-kampjuni ta' 5 × 26 g għandhom jintużaw biex tiġi vverifikata l-konformità mal-kriterji dwar l-iġjene tal-proċess stabbiliti fir-Ringiela 2.1.5 u fir-Ringiela 2.1.9 tal-Kapitolu 2 u mal-kriterju tas-sikurezza tal-ikel stabbilit fir-Ringiela 1.28 tal-Kapitolu 1. Sabiex titħejja s-sospensjoni inizjali fil-laboratorju l-porzjon tat-test ta' 26 g għandu jiġi ttrasferit għal disa' volumi (234 ml) ta' ilma tal-peptun li jkun newtralizzat (Buffered Peptone Water). Il-BPW għandu jilħaq temperatura ambjentali qabel ma jiżdied. It-taħlita għanda tiġi ttrattata fi stomacher jew pulsifier għal madwar minuta. Ir-ragħwa għandha tiġi evitata billi l-arja titneħħa kemm jista' jkun mill-borża stomacher. 10 ml (~ 1 g) ta' din is-sospensjoni inizjali għandhom jiġu ttrasferiti f'tubu sterili vojt u 1 ml tal-10 ml għandu jintuża għall-enumerazzjoni tal-Campylobacter f'dixxijiet selettivi. Il-bqija tas-sospensjoni inizjali (250 ml ~ 25 g) għandha tintuża għad-detezzjoni tas-Salmonella.

Meta jkun qed isir l-ittestjar kontra l-kriterju tal-proċess tal-iġjene stabbilit fir-Ringiela 2.1.5 u fir-Ringiela 2.1.9 tal-Kapitolu 2 għas-Salmonella u għall-Campylobacter fil-karkassi tat-tjur fil-biċċeriji u t-testijiet għas-Salmonella u għall-Campylobacter jitwettqu f'żewġ laboratorji differenti, għandhom jittieħdu kampjuni aleatorji tal-ġilda tal-għonq ta' mill-inqas 20 karkassa tat-tjur wara t-tkessiħ matul kull sessjoni ta' kampjunar. Qabel l-eżaminazzjoni, il-kampjuni tal-ġilda tal-għonq ta' mill-inqas erba' karkassi tat-tjur mill-istess qatgħa ta' oriġini għandhom jingħaqdu f'kampjun wieħed kompost ta' 35 g. Għalhekk, il-kampjuni tal-ġilda tal-għonq jiffurmaw kampjuni ta' 5 × 35 g, li wara għandhom jinqasmu sabiex jinkisbu kampjuni finali ta' 5 × 25 g (li jridu jiġu ttestjati għas-Salmonella) u kampjuni finali ta' 5 × 10 g (li jridu jiġu ttestjati għall-Campylobacter). Il-kampjuni għandhom jinżammu wara li jittieħdu l-kampjuni u jiġu ttrasportati sal-laboratorju f'temperatura ta' mhux inqas minn 1 °C u mhux ogħla minn 8 °C u l-ħin bejn il-kampjunar u l-ittestjar għal Campylobacter għandu jkun ta' anqas minn 48 siegħa sabiex tkun żgurata ż-żamma tal-integrità tal-kampjuni. Kampjuni li jkunu laħqu temperatura ta' 0 °C m'għandhomx jintużaw biex tiġi vverifikata l-konformità mal-kriterju tal-Campylobacter. Il-kampjuni 5 × 25 g għandhom jintużaw biex tiġi vverifikata l-konformità mal-kriterji dwar l-iġjene tal-proċess stabbiliti fir-Ringiela 2.1.5 tal-Kapitolu 2 u mal-kriterju tas-sikurezza tal-ikel stabbilit fir-Ringiela 1.28 tal-Kapitolu 1. Il-kampjuni finali 5 × 10 g għandhom jintużaw biex tiġi vverifikata l-konformità mal-kriterju tal-proċess tal-iġjene stabbilit fir-Ringiela 2.1.9 tal-Kapitolu 2.

Għall-analiżi għas-Salmonella fil-laħam frisk tat-tjur apparti mill-karkassi tat-tjur, għandhom jinġabru ħames kampjuni ta' mill-inqas 25 g mill-istess lott. Il-kampjun meħud mill-porzjonijiet tat-tiġieġ bil-ġilda għandu jinkludi l-ġilda u porzjon irqiq ta' muskolu tas-superfiċe f'każ li l-ammont ta' ġilda mhuwiex biżżejjed biex jifforma unità ta' kampjun. Il-kampjun meħud mill-porzjonijiet tat-tjur mingħajr ġilda jew b'ammont żgħir ta' ġilda għandu jinkludi porzjon jew porzjonijiet irqaq ta' muskolu tas-superfiċe miżjuda ma' kwalunkwe ġilda preżenti biex jifforma unità suffiċjenti ta' kampjun. Il-porzjonijiet tal-laħam għandhom jittieħdu b'tali mod li jinkludu kemm jista' jkun is-superfiċi tal-laħam.

Il-linji gwida għall-kampjunar

Linji gwida aktar dettaljati dwar il-kampjunar tal-karkassi, b'mod partikolari dwar is-siti tal-kampjunar, jistgħu jiġu inklużi fil-gwidi għal prattika tajba msemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 852/2004.

Il-frekwenzi ta' kampjunar għall-karkassi, l-ikkapuljat, il-preparazzjonijiet tal-laħam u l-laħam isseparat b'mod mekkaniku u l-laħam tat-tjur frisk

L-operaturi tas-settur tal-ikel tal-biċċeriji jew tal-istabbilimenti li jipproduċu l-ikkapuljat, il-preparazzjonijiet tal-laħam, il-laħam isseparat b'mod mekkaniku jew il-laħam tat-tjur frisk għandhom jieħdu kampjuni għall-analiżi mikrobijoloġika minn tal-inqas darba fil-ġimgħa. Il-jum tal-kampjunar għandu jinbidel kull ġimgħa sabiex jiġi żgurat li jkun kopert kull jum tal-ġimgħa.

Fir-rigward tal-kampjunar tal-ikkapuljat u tal-preparazzjonijiet tal-laħam għall-analiżijiet tal-E. coli u tal-għadd tal-kolonji aerobiċi u l-kampjunar tal-karkassi għall-analiżijiet tal-għadd tal-kolonji Enterobacteriaceae u aerobiċi, il-frekwenza tista' titnaqqas għal ittestjar kull ħmistax jekk jinkisbu riżultati sodisfaċenti għal sitt ġimgħat konsekuttivi.

Fil-każ tal-kampjunar għall-analiżijiet għas-Salmonella tal-ikkapuljat, tal-preparazzjonijiet tal-laħam, tal-karkassi u tal-laħam frisk tat-tjur, il-frekwenza tista' titnaqqas għal kull ġimgħatejn jekk jinkisbu riżultati sodisfaċenti għal 30 ġimgħa konsekuttiva. Il-frekwenza tat-teħid ta' kampjuni għas-Salmonella tista' titnaqqas ukoll jekk ikun hemm programm nazzjonali jew reġjonali fis-seħħ għall-kontroll tas-Salmonella u jekk dan il-programm ikun jinkludi ttestjar li jissostitwixxi l-kampjunar stabbilit f'dan il-paragrafu. Il-frekwenza ta' kampjunar tista' titnaqqas ulterjorment jekk il-programm nazzjonali jew reġjonali għall-kontroll tas-Salmonella juri li l-prevalenza tas-Salmonella hija baxxa f'annimali mixtrija mill-biċċerija.

Fil-każ tat-teħid ta' kampjuni għall-analiżi għall-Campylobacter tal-karkassi tat-tjur, il-frekwenza tista' titnaqqas għal kull ħmistax jekk jinkisbu riżultati sodisfaċenti għal 52 ġimgħa konsekuttiva. Il-frekwenza tal-kampjunar għall-Campylobacter tista' titnaqqas, wara l-awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti, jekk ikun hemm programm nazzjonali jew reġjonali fis-seħħ għall-kontroll tal-Campylobacter u jekk dan il-programm ikun jinkludi kampjunar u ttestjar ekwivalenti għall-kampjunar u l-ittestjar meħtieġ għall-verifika tal-konformità mal-kriterju tal-proċess tal-iġjene stabbilit fir-Ringiela 2.1.9 tal-Kapitolu 2. Jekk jiġi stabbilit livell baxx ta' kontaminazzjoni tal-qatgħat għall-Campylobacter fil-programm ta' kontroll, il-frekwenza tat-teħid tal-kampjuni tista' titnaqqas ulterjorment jekk dan il-livell baxx ta' kontaminazzjoni ta' Campylobacter jintlaħaq fuq perjodu ta' 52 ġimgħat fl-azjendi agrikoli ta' oriġini tat-tiġieġ tas-simna mixtrija mill-biċċerija. F'każ li l-programm ta' kontroll juri riżultati sodisfaċenti matul perjodu speċifiku tas-sena, il-frekwenza tal-analiżi għall-Campylobacter tista' wkoll tiġi aġġustata skont il-varjazzjonijiet staġjonali, wara l-awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti.

Madankollu, meta jkun ġustifikat abbażi ta' analiżi tar-riskju u konsegwentement awtorizzat mill-awtorità kompetenti, il-biċċeriji u l-istabbilimenti żgħar li jipproduċu l-ikkapuljat, il-preparazzjonijiet tal-laħam u l-laħam frisk tat-tjur fi kwantitajiet żgħar, jistgħu jiġu eżentati minn dan in-numru frekwenti ta' kampjunar.”