12.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 209/5


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1465

tad-9 ta' Awwissu 2017

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha, parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid xi subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Awwissu 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana. (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Apparat (l-hekk imsejħa “pjattaforma ta' ċċarġjar bla wajer”) li jikkonsisti f'adapter b'kejbil b'tul ta' madwar 180 cm u fi pjattaforma ta' ċċarġjar. Il-kejbil għandu konnettur biex tiġi konnessa miegħu l-pjattaforma ta' ċċarġjar. Il-pjattaforma għandha forma ċirkolari, hija għolja madwar 8 mm, b'dijametru ta' madwar 80 mm u tiżen 51 g.

L-adapter jeqleb (jirrettifika) il-kurrent alternat (AC — 240 V) f'kurrent dirett (DC — 12 V) u jittrasferih lill-pjattaforma. Fil-pjattaforma dan il-kurrent dirett jiġi kkonvertit (invertit) f'kurrent alternat u mbagħad dak il-kurrent alternat jiġi kkonvertit f'kamp elettromanjetiku.

L-apparat huwa mfassal biex jiċċarġja l-apparat bla wajer. Kemm il-pjattaforma kif ukoll l-apparat li qed jiġi ċċarġjat huma mgħammra b'teknoloġija “Qi” li hija standard għall-iċċarġjar bla wajer tal-apparat. L-iċċarġjar bla wajer isir permezz ta' kamp elettromanjetiku.

Ara l-istampa (*1)

8504 40 90

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata bir-regoli ġenerali (GIR) 1, 3(c) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u bil-kliem tal-kodiċijiet NM 8504 , 8504 40 u 8504 40 90 .

Il-funzjonijiet tal-apparat (ir-rettifikar, l-inverżjoni u l-konverżjoni f'kamp elettromanjetiku) huma koperti bis-subintestatura 8504 40 . Għalhekk, l-apparat ma jistax jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 8504 50 .

Il-klassifikazzjoni taħt il-kodiċi NM 8504 40 30 bħala konvertitur statiku tat-tip użat ma' apparat tat-telekomunikazzjoni, magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-dejta u l-unitajiet tagħhom hija eskluża minħabba li l-adapter AC/DC huwa maħsub biex jipprovdi kurrent għal varjetà ta' apparat elettriku.

Peress li la r-rettifkar, la l-inverżjoni u lanqas il-konverżjoni tal-kurrent f'kamp elettromanjetiku ma jagħtu lill-apparat il-karattru essenzjali tiegħu, irid jiġi kklassifkat billi jiġu applikati r-regoli ġenerali 3(c).

Għaldaqstant, l-apparat irid jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8504 40 90 , bħala converters statiċi oħrajn.

Image


(*1)  L-istampa qiegħda biss għal raġunijiet ta' informazzjoni.