5.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2017/1419

tal-4 ta' Awwissu 2017

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/44 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1427 tal-4 ta' Awwissu 2017 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 (2) jagħti effett lill-miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 (3).

(2)

Fid-29 ta' Ġunju 2017, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni (UNSCR) 2362 (2017) li testendi l-applikazzjoni ta' miżuri għal bastimenti li jkunu qed jgħabbu, jittrasportaw jew iħottu żejt mhux maħdum, inkluż żejt mhux raffinat u prodotti petrolifiċi irfinati, esportati b'mod illeċitu jew li jkun sar tentattiv biex jiġu esportati mil-Libja u li tispeċifika ulterjorment il-kriterji għall-elenkar.

(3)

Fl-4 ta' Awwissu 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1427 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333.

(4)

Hemm bżonn ta' azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex dawn il-miżuri jiġu implimentati, partikolarment bl-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/44 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2016/44 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 6, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-Anness II għandu jinkludi l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet skont il-paragrafu 22 tal-UNSCR 1970 (2011), il-paragrafu 19, 22 jew 23 tal-UNSCR 1973 (2011), il-paragrafu 4 tal-UNSCR 2174 (2014), il-paragrafu 11 tal-UNSCR 2213 (2015) jew il-paragrafu 11 tal-UNSCR 2362 (2017).”.

(2)

l-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Għandu jiġi pprojbiti t-tagħbija, it-trasport jew ir-rimi ta' żejt mhux maħdum, inkluż żejt mhux raffinat u prodotti petrolifiċi raffinati mil-Libja fuq bastimenti indikati li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru sakemm mhux awtorizzat mill-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru wara konsultazzjoni mal-punt fokali tal-Gvern tal-Libja.”;

(b)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“6.   It-tranżazzjonijiet finanzjarji inkluż il-bejgħ, l-użu bħala kreditu u l-ħruġ ta' assigurazzjoni tat-trasport, fir-rigward taż-żejt mhux maħdum, inkluż iż-żejt mhux raffinat u l-prodotti petrolifiċi raffinati abbord ta' bastimenti indikati, għandhom ikunu pprojbiti, jekk hekk ikun speċifikat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Tali projbizzjoni ma għandhiex tapplika għall-aċċettazzjoni ta' taxxi portwali fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 3.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Awwissu 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  Ara paġna 99 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 tat-18 ta' Jannar 2016 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 (ĠU L 12, 19.1.2016, p. 1).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 tal-31 ta' Lulju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/137/PESK (ĠU L 206, 1.8.2015. p. 34).