12.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1250

tal-11 ta' Lulju 2017

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mat-tneħħija tas-sustanza aromatizzanti 4,5-epossidek-2(trans)-enal mil-lista tal-Unjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1601/91, ir-Regolamenti (KE) Nru 2232/96 u (KE) Nru 110/2008 u d-Direttiva 2000/13/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(6) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' aromatizzanti u ta' materjali ta' sors approvati għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel, u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 872/2012 (3) adotta lista ta' sustanzi aromatizzanti u introduċa dik il-lista fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008.

(3)

Il-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tista' tiġi aġġornata f'konformità mal-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, kemm fuq inizjattiva tal-Kummissjoni kif ukoll wara applikazzjoni sottomessa minn Stat Membru jew minn parti interessata.

(4)

Is-sustanza aromatizzanti 4,5-epossidek-2(trans)-enal (nru FI: 16.071) hija inkluża fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 bħala sustanza aromatizzanti taħt evalwazzjoni, u li għaliha ntalbet dejta xjentifika addizzjonali mill-Awtorità. Tali dejta ġiet sottomessa mill-applikant.

(5)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ivvalutat id-dejta sottomessa u kkonkludiet, fl-opinjoni xjentifika tagħha tal-4 ta' Mejju 2017 (4), li l-4,5-epossidek-2(trans)-enal (nru FI: 16.071) tqajjem kwistjoni marbuta mas-sikurezza fir-rigward tal-ġenotossiċità, peress li hemm effett ġenotossiku osservat fil-fwied tal-firien fl-assaġġ in vivo sottomess.

(6)

Għaldaqstant, l-użu ta' 4,5-epossidek-2(trans)-enal (nru FI: 16.071) ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta' aromatizzanti stabbiliti fl-Artikolu 4(a) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008. Konsegwentement, dik is-sustanza jenħtieġ li titneħħa mil-lista mingħajr dewmien sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem.

(7)

Għalhekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li tuża l-proċedura ta' urġenza għat-tneħħija ta' sustanza li tqajjem kwistjoni marbuta mas-sikurezza mil-lista tal-Unjoni.

(8)

Għaldaqstant, il-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 għandha tiġi emendata skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tiġi emendata f'konformità mal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 872/2012 tal-1 ta' Ottubru 2012 li jadotta l-lista ta' sustanzi aromatizzanti stipulati bir-Regolament (KE) Nru 2232/96 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jintroduċiha fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1565/2000 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/217/KE (ĠU L 267, 2.10.2012, p. 1).

(4)  Il-Bord dwar il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, l-enzimi u l-aromatizzanti (CEF) tal-EFSA. Opinjoni Xjentifika dwar l-Evalwazzjoni tal-Grupp ta' Aromatizzanti 226, Reviżjoni 1 (FGE.226Rev1): consideration of genotoxicity data on one alpha, beta-unsaturated aldehyde from chemical subgroup 1.1.1(b) of FGE.19. EFSA Journal 2017;15(5):4847, 24 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2017.4847


ANNESS

Fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008, titħassar l-entrata li ġejja:

“16.071

4,5-Epossidek-2(trans)-enal

188590-62-7

1570

 

Mill-anqas 87 %; komponent sekondarju 8-9 % 4,5-epossidek-2(ċis)-enal

 

1

EFSA”