19.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 130/1


REGOLAMENT (UE) 2017/821 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' Mejju 2017

li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Għalkemm għandhom potenzjal għoli għall-iżvilupp, ir-riżorsi minerali naturali f'żoni affettwati minn kunflitti jew f'żoni ta' riskju għoli jistgħu jkunu kawża ta' tilwim fejn id-dħul tagħhom jalimenta t-tifqigħa jew il-kontinwazzjoni ta' kunflitti vjolenti, u jdgħajjfu l-isforzi lejn l-iżvilupp, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt. F'dawk iż-żoni, il-ksur tar-rabta ta' bejn il-kunflitt u l-isfruttament illegali tal-minerali huwa element kruċjali sabiex jiġu garantiti l-paċi, l-iżvilupp u l-istabbiltà.

(2)

L-isfida ppreżentata mix-xewqa li jiġi evitat il-finanzjament ta' gruppi armati u l-forzi tas-sigurtà f'żoni fejn hemm ħafna riżorsi ġiet indirizzata minn gvernijiet u organizzazzjonijiet internazzjonali flimkien ma' operaturi ekonomiċi u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet tan-nisa li huma fuq quddiem nett sabiex jiġbdu l-attenzjoni lejn il-kondizzjonijiet ta' sfruttament imposti minn dawn il-gruppi u l-forzi, kif ukoll lejn l-istupri u l-vjolenza użati biex jiġu kkontrollati l-popolazzjonijiet lokali.

(3)

L-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem huma komuni f'żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli fejn hemm ħafna riżorsi, u jistgħu jinkludu t-tħaddim tat-tfal, il-vjolenza sesswali, l-għajbien ta' persuni, ir-risistemazzjoni furzata u l-qerda ta' siti sinifikanti fuq livell ritwali jew kulturali.

(4)

L-Unjoni hija impenjata b'mod attiv f'inizjattiva tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) biex tavvanza l-provenjenza responsabbli tal-minerali minn żoni affettwati minn kunflitti, u dan irriżulta fi proċess b'ħafna partijiet interessati appoġġati mill-gvern li wassal għall-adozzjoni tal-Gwida tal-OECD dwar id-diliġenza dovuta għal katini ta' provvista responsabbli ta' minerali minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli (“il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta”) inklużi l-Annessi u s-Supplimenti tagħha. F'Mejju 2011, il-Kunsill Ministerjali tal-OECD irrakkomanda li tiġi promossa b'mod attiv l-osservanza ta' dik il-Gwida.

(5)

Il-kunċett ta' provenjenza responsabbli huwa msemmi fil-Linji Gwida aġġornati tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali (2) u huwa skont il-Prinċipji ta' Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (3). Dawk id-dokumenti jimmiraw biex javvanzaw il-prattiki ta' diliġenza dovuta fil-katina tal-provvista meta n-negozji jkollhom il-provenjenza tas-sors tagħhom minn żoni affettwati minn kunflitti u instabbiltà. Fl-ogħla livell internazzjonali, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1952 (2010) mmirat b'mod partikolari r-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ir-RDK) u l-ġirien tagħha fl-Afrika Ċentrali, billi sejħet għal diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista li għandha tiġi osservata. B'segwitu għal dik ir-Riżoluzzjoni, il-Grupp ta' Esperti tan-NU għar-RDK, irrakkomanda wkoll konformità mal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta.

(6)

Flimkien ma' inizjattivi multilaterali, fil-15 ta' Diċembru 2010, il-Kapijiet ta' Stat u tal-Gvern tar-Reġjun Afrikan tal-Lagi l-Kbar ħadu impenn politiku f'Lusaka fil-ġlieda kontra l-isfruttament illegali tar-riżorsi naturali fir-reġjun u approvaw inter alia mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni reġjonali bbażat fuq il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta.

(7)

Dan ir-Regolament, permezz tal-kontroll fuq il-kummerċ fil-minerali minn żoni ta' kunflitt, huwa wieħed mill-mezzi biex jiġi eliminat il-finanzjament lill-gruppi armati. L-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-politika għall-affarijiet barranin u l-iżvilupp tikkontribwixxi wkoll għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni lokali, it-tisħiħ tal-fruntieri u biex jingħata taħriġ lill-popolazzjonijiet lokali u lir-rappreżentati tagħhom sabiex dawn ikunu megħjuna jixħtu dawl fuq l-abbużi.

(8)

Fil-komunikazzjoni tagħha tal-4 ta' Novembru 2008 intitolata “L-inizjattiva tas-swieq tal-materja prima: nilħqu l-ħtiġijiet kritiċi tagħna għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa”, il-Kummissjoni għarfet li l-iżgurar ta' aċċess ta' min jorbot fuqu u mhux imfixkel għall-materja prima huwa fattur importanti għall-kompetittività tal-Unjoni. L-inizjattiva dwar il-materja prima f'dik il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija strateġija integrata mmirata biex tindirizza sfidi differenti relatati mal-aċċess għal materja prima mhux tal-enerġija u mhux tal-agrikoltura. Dik l-inizjattiva tirrikonoxxi u tippromwovi t-trasparenza finanzjarja kif ukoll it-trasparenza tal-katina tal-provvista, u l-applikazzjoni ta' standards ta' responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji.

(9)

Fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2010, tat-8 ta' Marzu 2011, tal-5 ta' Lulju 2011 u tas-26 ta' Frar 2014, il-Parlament Ewropew talab lill-Unjoni sabiex tilleġisla fuq il-mudell tal-liġi dwar il-minerali ta' kunflitt tal-Istati Uniti, l-Artikolu 1502 tad-Dodd-Frank Wall Street Reform and Consumer Protection Act (Il-liġi Dodd-Frank dwar ir-riforma tas-swieq finanzjarji u dwar il-protezzjoni tal-konsumatur). Fil-komunikazzjonijiet tagħha tat-2 ta' Frar 2011, intitolat “Naffrontaw l-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbuta mal-materja prima” u tas-27 ta' Jannar 2012 intitolat “Il-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp — It-tfassil tal-politika tal-kummerċ u tal-investiment għal dawk il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn”, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tesplora modi kif tista' tittejjeb it-trasparenza fil-katina tal-provvista kollha, inklużi aspetti ta' diliġenza dovuta. F'din il-komunikazzjoni tal-aħħar u b'konformità mal-impenn li għamlet fil-Kunsill Ministerjali tal-OECD ta' Mejju 2011, il-Kummissjoni ppromwoviet aktar appoġġ għal u l-użu tal-Linji Gwida tal-OECD għal Intrapriżi Multinazzjonali, u tal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta -— anki barra s-sħubija tal-OECD.

(10)

Iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-atturi tas-soċjetà ċivili qajmu kuxjenza fir-rigward tal-fatt li loperaturi ekonomiċi tal-Unjoni ma jitqisux responsabbli għall-konnessjoni potenzjali tagħhom mal-estrazzjoni illeċita ta' minerali minn żoni milquta minn kunflitti u l-kummerċ tagħhom. Tali minerali, potenzjalment preżenti fi prodotti tal-konsumatur, jgħaqqdu l-konsumaturi ma' kunflitti barra mill-Unjoni. Bħala tali, il-konsumaturi huma marbuta indirettament ma' kunflitti li għandhom impatti severi fuq id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-drittijiet tan-nisa, peress li l-gruppi armati ħafna drabi jużaw l-istupru tal-massa bħala strateġija maħsuba sabiex jintimidaw u jikkontrollaw lill-popolazzjonijiet lokali sabiex jippreservaw l-interessi tagħhom. Għal din ir-raġuni, iċ-ċittadini tal-Unjoni talbu, b'mod partikolari permezz ta' petizzjonijiet, li l-Kummissjoni tagħmel proposta leġislattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex l-operaturi ekonomiċi jinżammu responsabbli skont il-Linji Gwida rilevanti kif stabbilit min-NU u l-OECD.

(11)

Fil-kuntest ta' dan ir-Regolament, u kif stabbilit fil-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta, id-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista hija proċess li għadu għaddej, proattiv u reattiv li permezz tiegħu l-operaturi ekonomiċi jimmonitorjaw u jamministraw ix-xiri u l-bejgħ tagħhom, bil-għan li jiġi żgurat li ma jikkontribwixxux għal kunflitt jew għall-impatti negattivi tiegħu.

(12)

Il-verifika ta' partijiet terzi tal-prattiki ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista ta' operatur ekonomiku tiżgura l-kredibbiltà għall-benefiċċju ta' operaturi ekonomiċi downstream u tikkontribwixxi għat-titjib tal-prattiki ta' diliġenza dovuta tal-kumpaniji upstream.

(13)

Ir-rappurtar pubbliku minn operatur ekonomiku fuq il-politiki u l-prattiki tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista, jipprovdi t-trasparenza meħtieġa biex jiġġenera l-fiduċja pubblika fil-miżuri li jieħdu l-operaturi ekonomiċi.

(14)

L-importaturi tal-Unjoni għandhom responsabbiltà individwali li jikkonformaw mal-obbligi ta' diliġenza dovuta stipulati f'dan ir-Regolament. Madankollu, ħafna mis-sistemi eżistenti u futuri tal-iskemi ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista (“skemi ta' diliġenza dovuta”) jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet ta' dan ir-Regolament. Jeżistu diġà skemi ta' diliġenza dovuta immirati lejn il-ksur tar-rabta bejn il-kunflitt u l-provenjenza ta' landa, tantalu, tungstenu u deheb. Tali skemi jużaw verifiki ta' partijiet terzi indipendenti biex jiċċertifikaw li l-funderiji u r-raffineriji jkollhom stabbiliti sistemi li jiżguraw li l-minerali li jakkwistaw ikunu ta' provenjenza responsabbli. Jenħtieġ li jkun possibbli li dawk l-iskemi jiġu rikonoxxuti fis-sistema tal-Unjoni għal diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista (“sistema tal-Unjoni”). Jenħtieġ li l-metodoloġija u l-kriterji biex tali skemi jiġu rikonoxxuti bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament jiġu stabbiliti f'att delegat biex tiġi permessa l-konformità ma' dan ir-Regolament tal-operaturi ekonomiċi individwali li huma membri ta' dawn l-iskemi ju jiġu evitati verifiki doppji. Jenħtieġ li tali skemi jinkorporaw il-prinċipji ta' diliġenza dovuta ġenerali, jiżguraw li r-rekwiżiti jkunu allinjati mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta u jissodisfaw ir-rekwiżiti proċedurali bħall-involviment tal-partijiet interessati, il-mekkaniżmi ta' lmentar u l-kapaċità ta' rispons.

(15)

L-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni esprimew, permezz ta' konsultazzjoni pubblika, l-interess tagħhom fil-provenjenza responsabbli ta' minerali u rrappurtaw dwar skemi attwali ta' diliġenza dovuta mfassla biex ikomplu l-għanijiet tar-responsabbiltà soċjali korporattiva tagħhom, it-talbiet tal-klijenti, jew is-sigurtà tal-provvisti tagħhom. Madankollu, l-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni rrappurtaw ukoll ħafna diffikultajiet u sfidi prattiċi fl-eżerċizzju tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista minħabba katini tal-provvista globali twal u kumplessi li jinvolvu għadd kbir ta' operaturi ekonomiċi li spiss mhumiex konxji biżżejjed jew mhumiex ikkonċernati etikament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tanalizza l-ispiża tal-provenjenza responsabbli, u tal-verifiki minn partijiet terzi, il-konsegwenzi amministrattivi ta' tali provenjenza u verifika u l-impatt potenzjali tagħhom fuq il-kompetittività, b'mod partikolari fuq dik ta' intrapriżi zgħar u ta'daqs medju (l-SMEs), u li hija tirrapporta s-sejbiet tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-intrapriżi mikro, żgħar u medji jibbenefikaw minn assistenza teknika adegwata u tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni sabiex timplimenta dan ir-Regolament. Jeħtieġ għalhekk li l-intrapriżi mikro, zgħar u ta' daqs medju stabbiliti fl-Unjoni li jimpurtaw minerali u metalli jibbenefikaw mill-programm COSME stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(16)

Il-funderiji u r-raffineriji huma stadju importanti fil-katini tal-provvista globali tal-minerali peress li jinsabu tipikament fl-aħħar stadju li fih tista' tiġi assigurata b'mod effettiv id-diliġenza dovuta bil-ġbir, id-divulgar u l-verifika tal-informazzjoni dwar l-oriġini tal-minerali u tal-katina ta' kustodja. Wara dan l-istadju ta' trasformazzjoni, huwa ta' spiss ikkunsidrat li mhux fattibbli biex jiġu traċċati l-oriġini tal-minerali. Dan japplika wkoll għall-metalli riċiklati, li jkunu għaddew minn fażijiet saħansitra aktar avvanzati fil-proċess tat-trasformazzjoni. Lista tal-Unjoni ta' funderiji u raffineriji responsabbli globali tista' għalhekk tipprovdi trasparenza u ċertezza għall-operaturi ekonomiċi downstream fir-rigward tal-prattiki ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista. Skont il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi upstream bħal funderiji u raffineriji jgħaddu minn verifiki ta' partijiet terzi indipendenti dwar il-prattiki ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista tagħhom, bil-għan li jiddaħħlu fil-lista ta' funderiji u raffineriji responsabbli globali.

(17)

Huwa essenzjali li l-importaturi tal-Unjoni ta' minerali u metalli li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tiegħu, inklużi l-funderiji u r-raffineriji tal-Unjoni li jimpurtaw u jipproċessaw minerali u konċentrati tagħhom.

(18)

Biex jiġi żgurat it-tħaddim siewi tas-sistema tal-Unjoni filwaqt li jiġi garantit li l-akbar maġġoranza possibbli ta' minerali u metalli li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u li jiġu impurtati fl-Unjoni jkunu suġġetti għar-rekwiżiti tiegħu, dan ir-Regolament m'għandux japplika f'sitwazzjonijiet fejn il-volumi annwali tal-importazzjoni tal-importaturi tal-Unjoni ta' kull mineral u metall ikkonċernat ikunu inqas mil-livell limitu tal-volumi elenkati fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

(19)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-sistema tal-Unjoni u tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni ta' skemi ta' diliġenza dovuta li jistgħu jkunu rikonoxxuti skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendar tal-Anness I għal dan ir-Regolament billi jiġu stabbiliti u emendati l-livelli limitu tal-volumi tal-minerali u l-metalli u li jistabbilixxu metodoloġija u l-kriterji li għandhom jiġu segwiti għall-valutazzjoni, filwaqt li tiġi rikonoxxuta, f'dan ir-rigward, il-ħidma tal-OECD. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti,u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (5). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(20)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkunu responsabbli biex jiżguraw il-konformità uniformi tal-importaturi tal-Unjoni ta' minerali jew metalli li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament billi jwettqu kontrolli ex post xierqa. Jenħtieġ li jinżammu rekords ta' kontrolli bħal dawn għal mill-inqas ħames snin. Jenħtieġ li l-Istati Membri jintalbu jistabbilixxu r-regoli applikabbli għal ksur ta' dan ir-Regolament.

(21)

Sabiex tiżgura kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li s-setgħat ta' implimentazzjoni marbuta mar-rikonoxximent ta' skemi ta' diliġenza dovuta bħala ekwivalenti, l-irtirar tal-ekwivalenza f'każ ta' nuqqasijiet, kif ukoll l-istabbiliment tal-lista ta' funderiji u raffineriji responsabbli globali jkunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Fid-dawl tan-natura ta' dawk l-atti ta' implimentazzjoni, minħabba s-setgħat diskrezzjonali limitati tal-Kummissjoni, li permezz tagħhom dawk l-atti iridu jkunu bbażati fuq il-metodoloġija u l-kriterji li jridu jiġu adottati permezz ta' att delegat għar-rikonoxximent ta' skemi ta' diliġenza dovuta mill-Kummissjoni, il-proċedura konsultattiva hija kkunsidrata bħala l-proċedura adatta għall-adozzjoni ta' dawk l-atti ta' implimentazzjoni.

(22)

Sabiex tiġi garantita l-implimentazzjoni effiċjenti ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jsir provvediment għal perjodu tranżitorju li jippermetti, inter alia, l-istabbiliment ta' awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, li l-Kummissjoni tirrikonoxxi skemi ta' diliġenza dovuta u li l-operaturi ekonomiċi jsiru familjari mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament.

(23)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jevalwaw b'mod regolari l-assistenza finanzjarja u l-impenji politiċi fir-rigward ta' żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli fejn huma estratti l-landa, it-tantalu, it-tungstenu u d-deheb, speċjalment fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani, sabiex jiżguraw il-koerenza fil-politika, u sabiex jinċentivaw u jsaħħu r-rispett għal governanza tajba, għall-istat tad-dritt, u għall-estrazzjoni etika.

(24)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-effetti tas-sistema tal-Unjoni stabbilita minn dan ir-Regolament. Jenħtieġ li sal-1 ta' Jannar 2023 u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni tirrevedi t-tħaddim u l-effettività tas-sistema tal-Unjoni, u l-impatt tagħha fuq il-post fir-rigward tal-promozzjoni ta' provenjenza responsabbli ta' minerali li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament f'żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli u fuq l-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni, inklużi l-SMEs, u jenħtieġ li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dawk ir-rapporti jistgħu jkunu akkumpanjati, jekk meħtieġ, minn proposti leġislattivi adegwati, li jistgħu jinkludu aktar miżuri obbligatorji,

(25)

Fil-Komunikazzjoni Konġunta tagħhom tal-5 ta' Marzu 2014 intitolata “Il-provenjenza responsabbli ta' minerali li joriġinaw f'żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli: Lejn approċċ integrat tal-UE” (il-“Komunikazzjoni Konġunta tal-5 ta' Marzu 2014”), il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà impenjaw ruħhom għall-implimentazzjoni ta' miżuri ta' akkumpanjament li jwasslu għal approċċ integrat tal-UE dwar il-provenjenza responsabbli b'mod parallel ma' dan ir-Regolament, bil-għan li mhux biss jintlaħaq livell għoli ta' parteċipazzjoni minn operaturi ekonomiċi fis-sistema tal-Unjoni prevista f'dan ir-Regolament, iżda biex ikun żgurat ukoll li jkun hemm approċċ globali, koerenti u komprensiv għall-promozzjoni ta' provenjenza responsabbli minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli.

(26)

Il-prevenzjoni tal-profitti mill-kummerċ ta' minerali u metalli li qed jintużaw biex jiffinanzjaw kunflitti armati permezz ta' diliġenza dovuta u trasparenza, ser tippromwovi governanza tajba u żvilupp ekonomiku sostenibbli. Għalhekk, dan ir-Regolament inċidentalment ikopri oqsma li jaqgħu fi ħdan il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp barra l-qasam predominanti kopert li jaqa' taħt il-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema tal-Unjoni għal diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista (“sistema tal-Unjoni”) sabiex irażżan l-opportunitajiet għall-gruppi armati u l-forzi tas-sigurtà għal kummerċ fil-landa, tantalu u tungstenu, minerali tagħhom, u deheb. Dan ir-Regolament huwa mfassal biex jipprovdi trasparenza u ċertezza fejn jidħlu l-prattiki tal-provvista ta' importaturi tal-Unjoni, u ta' funderiji u raffineriji bi provenjenza f'żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli.

2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista ta' importaturi tal-Unjoni ta' minerali jew metalli li fihom jew li jikkonsistu minn landa, tantalu, tungstenu jew deheb, kif stipulat fl-Anness I.

3.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal importaturi tal-Unjoni ta' minerali jew metalli, fejn li l-volum annwali tagħhom tal-minerali jew metalli kkonċernati jkun inqas mil-livell limitu tal-volumi stipulat fl-Anness I.

Il-livelli limitu kollha tal-volum huma stabbiliti f'livell li jiżgura li l-maġġorparti, iżda mhux inqas minn 95 %, tat-total tal-volumi impurtati fl-Unjoni ta' kull mineral u metall skont il-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda tkun suġġetta għall-obbligi tal-importaturi tal-Unjoni stabbiliti f'dan ir-Regolament.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat, skont l-Artikoli 18 u 19, jekk fattibbli sal-1 ta' April 2020 iżda sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2020, biex temenda l-Anness I billi tistabbilixxi l-livell limitu tal-volumi ta' tantalu jew minerali u konċentrati tan-nijobju, minerali u konċentrati tad-deheb, ossidi u idrossidi tal-landa, tantaliti u karburi tat-tantalu.

5.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikoli 18 u 19 biex temenda l-livelli limitu eżistenti elenkati fl-Anness I kull tliet snin wara l-1 ta' Jannar 2021.

6.   Bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 7(4), dan ir-Regolament ma japplikax għal metalli riċiklati.

7.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal ħażniet fejn l-importatur tal-Unjoni juri li dawk il-ħażniet inħolqu fil-forma attwali f'data li tista' tiġi verifikata qabel l-1 ta' Frar 2013.

8.   Dan ir-Regolament japplika għal minerali u metalli msemmija fl-Anness I li jinkisbu bħala prodotti sekondarji kif definit fl-Artikolu 2(t).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“minerali” tfisser dan li ġej kif inhu elenkat fil-Parti A tal-Anness I:

minerali u konċentrati li fihom il-landa, it-tantalu jew it-tungstenu, u

deheb;

(b)

“metalli” tfisser metalli li fihom jew li jikkonsistu minn landa, tantalu, tungstenu jew deheb kif elenkat fil-Parti B tal-Anness I;

(c)

“il-katina tal-provvista minerali” tfisser is-sistema ta' attivitajiet, organizzazzjonijiet, atturi, teknoloġija, informazzjoni, riżorsi u servizzi involuti fil-bdil u l-ipproċessar ta' minerali mis-sit tal-estrazzjoni sal-inkorporazzjoni tagħhom fil-prodott finali;

(d)

“diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista” tfisser l-obbligi ta' importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb fir-rigward tas-sistema ta' ġestjoni tagħhom, il-ġestjoni tar-riskju, il-verifiki indipendenti ta' partijiet terzi u d-divulgar ta' informazzjoni bl-għan li jiġu identifikati u indirizzati riskji attwali u potenzjali marbuta ma' żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli biex jiġu evitati jew imnaqqsa l-impatti negattivi assoċjati mal-attivitajiet ta' provenjenza tagħhom;

(e)

“is-sistema ta' traċċabbiltà tal-katina ta' kustodja jew tal-katina tal-provvista” tfisser rekord tas-sekwenza ta' operaturi ekonomiċi li għandhom il-kustodja ta' minerali u metalli meta jiċċaqilqu permezz ta' katina ta' provvista;

(f)

“żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli” tfisser żoni fi stat ta' kunflitt armat jew żoni fraġli wara l-kunflitt kif ukoll żoni b'governanza u sigurtà dgħajfa jew ineżistenti, bħalma huma stati falluti, u l-ksur mifrux u sistematiku tal-liġi internazzjonali, inkluż abbużi mid-drittijiet tal-bniedem;

(g)

“gruppi armati u forzi tas-sigurtà” tfisser il-gruppi msemmija fl-Anness II tal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta;

(h)

“funderija u raffinerija” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel forom ta' metallurġija estrattiva li jinvolvu passi tal-ipproċessar bil-għan li jipproduċu metall minn mineral;

(i)

“funderiji u raffineriji responsabbli globali” tfisser funderiji u raffineriji li jinsabu ġewwa jew barra mill-Unjoni li huma meqjusa li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament;

(j)

“upstream” tfisser il-katina tal-provvista tal-minerali mis-siti tal-estrazzjoni sal-funderiji u r-raffineriji, inklużi;

(k)

“downstream” tfisser il-katina tal-provvista tal-metall mill-funderiji u r-raffineriji sal-prodott aħħari;

(l)

“importatur tal-Unjoni” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tiddikjara l-minerali jew il-metalli għal rilaxx għal ċirkolazzjoni libera skont it-tifsira tal-Artikolu 201 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li f'isimha ssir dikjarazzjoni bħal din, kif tindika fl-elementi tad-data 3/15 u 3/16 skont l-Anness B tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (8);

(m)

“skema ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista” jew “skema ta' diliġenza dovuta” tfisser taħlita ta' proċeduri volontarji ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista, għodod u mekkaniżmi, inklużi verifiki indipendenti ta' partijiet terzi, żviluppati u sorveljati minn gvernijiet, assoċjazzjonijiet tal-industrija jew gruppi ta' organizzazzjonijiet interessati;

(n)

“l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru” tfisser l-awtoritajiet maħtura mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10 b'għarfien espert fir-rigward tal-materja prima, il-proċessi industrijali u l-verifika;

(o)

“Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta” tfisser il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Katini ta' Provvista Responsabbli ta' Minerali minn Żoni Affettwati minn Kunflitti u ta' Riskju Għoli (It-tieni edizzjoni, pubblikazzjoni tal-OECD 2013), inklużi l-Annessi u s-Supplimenti kollha tagħha;

(p)

“mekkaniżmu ta' ilmenti” tfisser mekkaniżmu ta' sensibilizzazzjoni għar-riskji bi twissija bikrija li jippermetti lil kwalunkwe parti interessata, inklużi informaturi, li jesprimu t-tħassib tagħhom rigward iċ-ċirkustanzi tal-estrazzjoni, il-kummerċ u l-immaniġġar tal-minerali fi u l-esportazzjoni minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli;

(q)

“mudell tal-politika tal-katina tal-provvista” tfisser politika tal-katina tal-provvista li tikkonforma mal-Anness II tal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta li tiddeskrivi r-riskji ta' impatt ħżiena sinifikanti li jistgħu jkunu assoċjati mal-estrazzjoni, il-kummerċ, u l-immaniġġar u l-esportazzjoni ta' minerali minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli;

(r)

“pjan ta' ġestjoni tar-riskji” tfisser it-tweġiba bil-miktub ta' importatur tal-Unjoni għar-riskji fil-katina ta' provvista identifikati bbażati fuq l-Anness III tal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta;

(s)

“metalli riċiklati” tfisser prodotti riġenerati, li kienu intenzjonati għall-utent finali jew li ġa għaddew minn konsumatur, jew fdal ta' metalli pproċessati maħluq waqt il-fabbrikazzjoni ta' prodott, inklużi materjali żejda, skaduti, difettużi, u ruttam tal-metall li jkun fihom metalli raffinati jew ipproċessati li huma adattati għar-riċiklar fil-produzzjoni ta' landa, tantalu, tungstenu, jew deheb. Għall-finijiet ta' din id-definizzjoni, minerali ipproċessati parzjalment, mhux ipproċessati jew prodotti sekondarji minn mineral ieħor mhumiex ikkunsidrati bħala metalli riċiklati;

(t)

“prodott sekondarju” tfisser minerali u metalli li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament li nkisbu mill-ipproċessar ta' minerali jew metalli li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament li oriġinarjament kien fih minerali jew metalli li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, u li ma setgħux jinkisbu mingħajr l-ipproċessar ta' minerali jew metalli primarji li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament;

(u)

“data verifikabbli” tfisser data li tista' tiġi vverifikata permezz tal-ispezzjoni ta' timbri fiżiċi tad-data fuq prodotti jew listi ta' inventarji.

Artikolu 3

Konformità tal-importaturi tal-Unjoni mal-obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista

1.   L-importaturi tal-Unjoni ta' minerali jew metalli għandhom jikkonformaw mal-obbligi ta' diliġenza dovuta stabbiliti f'dan ir-Regolament u għandhom ijżommu dokumentazzjoni li turi l-konformità tagħhom ma' dawk l-obbligi, inklużi r-riżultati tal-verifiki tal-partijiet terzi indipendenti.

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli mit-twettiq ta' kontrolli ex post xierqa skont l-Artikolu 11.

3.   Skont l-Artikolu 8(1), il-partijiet interessati jistgħu jissottomettu skemi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għal rikonoxximent mill-Kummissjoni bil-ħsieb li jiffaċilitaw il-konformità ta' importaturi tal-Unjoni mar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 7.

Artikolu 4

L-obbligi tas-sistema ta' ġestjoni

L-importaturi tal-Unjoni tal-minerali jew metalli għandhom:

(a)

jadottaw, u jikkomunikaw b'mod ċar lill-fornituri u lill-pubbliku informazzjoni aġġornata dwar, il-politika tal-katina tal-provvista tagħhom għall-minerali u metalli li potenzjalment joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli;

(b)

jinkorporaw fil-katina tal-provvista tagħhom l-istandards li magħhom għandha titmexxa d-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista, b'mod konsistenti mal-istandards stabbiliti fil-mudell tal-politika tal-katina tal-provvista fl-Anness II tal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta;

(c)

jistrutturaw is-sistemi interni ta' ġestjoni tal-katina tal-provvista rispettivi tagħhom biex jappoġġaw id-diliġenza dovuta fil-katina tal-provvista billi jassenjaw ir-responsabbiltà lill-maniġment superjuri, f'każijiet fejn l-importatur tal-Unjoni mhuwiex persuna fiżika, biex jissorvelja l-proċess ta' diliġenza dovuta fil-katina tal-provvista kif ukoll iżomm ir-rekords ta' dawk is-sistemi għal minimu ta' ħames snin;

(d)

isaħħu l-impenn tagħhom mal-fornituri billi jinkorporaw l-politika tal-katina tal-provvista tagħhom f'kuntratti u ftehimiet mal-fornituri konsistenti mal-Anness II tal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta;

(e)

jistabbilixxu mekkaniżmu ta' ilmenti bħala sistema ta' sensibilizzazzjoni għar-riskji bi twissija bikrija jew jipprovdu mekkaniżmu bħal dan permezz ta' arranġamenti kollaborattivi ma' operaturi ekonomiċi jew organizzazzjonijiet oħra, jew billi jiffaċilitaw rikors għal espert jew korp estern bħall-ombudsman;

(f)

fir-rigward ta' minerali, joperaw sistema ta' traċċabbiltà tal-katina ta' kustodja jew tal-katina tal-provvista li tipprovdi, appoġġata bid-dokumentazzjoni, l-informazzjoni li ġejja:

(i)

deskrizzjoni tal-mineral, inkluż l-isem u t-tip kummerċjali tiegħu;

(ii)

l-isem u l-indirizz tal-fornitur tal-importatur tal-Unjoni;

(iii)

il-pajjiż ta' oriġini tal-minerali;

(iv)

il-kwantitajiet u dati ta' estrazzjoni, jekk disponibbli, espressi f'volum jew piż;

(v)

meta minerali joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli jew, meta riskji oħra fil-katina tal-provvista kif elenkati fil-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta ġew aċċertati mill-importatur tal-Unjoni, informazzjoni addizzjonali f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-operaturi ekonomiċi upstream kif stipulati fil-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta, bħall-minjiera ta' oriġini tal-mineral, il-postijiet fejn il-minerali jiġu konsolidati, ikkummerċjalizzati u pproċessati, u taxxi, tariffi u drittijiet imħallsa;

(g)

fir-rigward tal-metalli, joperaw sistema ta' traċċabbiltà tal-katina ta' kustodja jew tal-katina tal-provvista li tipprovdi, appoġġata bid-dokumentazzjoni, l-informazzjoni li ġejja:

(i)

deskrizzjoni tal-metall, inkluż l-isem u t-tip kummerċjali tiegħu;

(ii)

l-isem u l-indirizz tal-fornitur tal-importatur tal-Unjoni;

(iii)

l-isem u l-indirizz tal-funderiji u tar-raffineriji fil-katina tal-provvista tal-importatur tal-Unjoni;

(iv)

jekk disponibbli, rekords tar-rapporti ta' verifika ta' partijiet terzi tal-funderiji u raffineriji, jew evidenza ta' konformità ma' skemi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista rikonoxxuti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8;

(v)

jekk ir-rekords imsemmija fil-punt (iv) ma jkunux disponibbli:

il-pajjiżi ta' oriġini tal-minerali fil-katina tal-provvista tal-funderiji u r-raffineriji;

fejn il-metalli jkunu bbażati fuq minerali li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli, jew ikunu ġew aċċertati riskji oħra fil-katina tal-provvista kif elenkati fil-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta mill-importatur tal-Unjoni, informazzjoni addizzjonali skont ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal operaturi ekonomiċi downstream stipulati f'dik il-Gwida;

(h)

fir-rigward ta' prodotti sekondarji, jipprovdu informazzjoni sostnuta minn dokumentazzjoni mill-punt ta' oriġini ta' dawk il-prodotti sekondarji, jiġifieri l-punt fejn il-prodott sekondarju jiġi l-ewwel separat mill-minerali jew metall primarju tiegħu li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 5

L-obbligi ta' ġestjoni tar-riskji

1.   L-importaturi tal-Unjoni ta' minerali għandhom:

(a)

jidentifikaw u jivvalutaw ir-riskji ta' impatti negattivi fil-katina tal-provvista tal-minerali tagħhom fuq il-bażi tal-informazzjoni provduta skont l-Artikolu 4 mal-istandards tal-politika tal-katina ta' provvista tiegħu, konsistenti mal-Anness II u mar-rakkomandazzjonijiet tad-diliġenza dovuta stabbiliti fil-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta;

(b)

jimplimentaw strateġija biex iwieġbu għar-riskji identifikati mfassla sabiex tipprevjeni jew ittaffi l-impatti negattivi billi:

(i)

jirrapportaw sejbiet tal-valutazzjoni tar-riskju tal-katina tal-provvista lill-maniġment superjuri maħtur għal dak l-għan, f'każijiet fejn l-importatur tal-Unjoni mhuwiex persuna fiżika;

(ii)

jadottaw miżuri ta' ġestjoni tar-riskju konsistenti mal-Anness II u mar-rakkomandazzjonijiet tad-diliġenza dovuta stabbiliti fil-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta, minħabba l-ħila tagħhom biex jinfluwenzaw, u fejn meħtieġ jieħdu passi biex jagħmlu pressjoni fuq fornituri li jistgħu b'mod effettiv jevitaw jew inaqqsu r-riskju identifikat, billi jagħmluha possibbli jew li:

jitkompla l-kummerċ filwaqt li fl-istess ħin jiġu implimentati sforzi ta' mitigazzjoni tar-riskju li jistgħu jitkejlu;

jiġi sospiż il-kummerċ b'mod temporanju filwaqt li jitwettqu sforzi kontinwi ta' mitigazzjoni tar-riskju li jistgħu jitkejlu; jew

tintemm ir-rabta ma' fornitur wara tentattivi falluti għall-mitigazzjoni tar-riskju;

(iii)

jimplimentaw il-pjan ta' ġestjoni tar-riskju; jissorveljaw u jittraċċaw l-prestazzjoni tal-isforzi tal-mitigazzjoni tar-riskju; jirrapportaw lura lill-maniġment superjuri maħtur għal dan l-għan, f'każijiet fejn l-importatur tal-Unjoni mhuwiex persuna fiżika; u jqisu s-sospensjoni jew it-twaqqif tal-impenn ma' fornitur wara l-falliment ta' tentattivi għall-mitigazzjoni;

(iv)

iwettqu aktar valutazzjonijiet tal-fatti u tar-riskju għal riskji li jeħtieġu l-mitigazzjoni, jew wara bidla ta' ċirkostanzi.

2.   Jekk importatur tal-Unjoni ta' minerali jsegwi l-isforzi ta' mitigazzjoni tar-riskju filwaqt li jkompli l-kummerċ jew jissospendi l-kummerċ b'mod temporanju, dan għandu jikkonsulta mal-fornituri u mal-l-partijiet interessati kkonċernati, inklużi l-awtoritajiet tal-gvern lokali u ċentrali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà internazzjonali jew ċivili u l-partijiet terzi affettwati, u jaqbel dwar strateġija li tista' titkejjel ta' mitigazzjoni tar-riskju fil-pjan tal-immaniġġar tar-riskji.

3.   L-importaturi tal-Unjoni ta' minerali għandhom, sabiex ifasslu strateġiji sensittivi ta' kunflitt u ta' riskju għoli għall-mitigazzjoni fil-pjan tal-immaniġġar tar-riskji, jiddependu fuq il-miżuri u l-indikaturi msemmija fl-Anness III tal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta u jkejlu t-titjib progressiv.

4.   L-importaturi tal-Unjoni ta' metalli għandhom jidentifikaw u jivvalutaw, f'konformità mal-Anness II tal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi stipulati f'dik il-Gwida, r-riskji fil-katina tal-provvista tagħhom abbażi ta' rapporti ta' verifika ta' partijiet terzi disponibbli li jikkonċernaw il-funderiji u r-raffineriji f'dik il-katina, u permezz ta' valutazzjoni, kif xieraq, tal-prattiki tad-diliġenza dovuta ta' dawk il-funderiji u r-raffineriji. Dawk ir-rapporti ta' verifika għandhom ikunu f'konformità mal-Artikolu 6(1) ta' dan ir-Regolament. Fin-nuqqas ta' tali rapporti ta' verifika ta' partijiet terzi tal-funderiji u r-raffineriji fil-katina tal-provvista tagħhom, l-importaturi tal-Unjoni ta' metalli għandhom jidentifikaw u jivvalutaw ir-riskji fil-katina tal-provvista tagħhom bħala parti mis-sistema tal-immaniġġar tar-riskju tagħhom stess. F'tali każijiet, l-importaturi tal-Unjoni ta' metalli għandhom iwettqu l-verifiki tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista tagħhom stess permezz ta' parti terza indipendenti, f'konformità mal-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament.

5.   Fil-każijiet huma ma jkunux persuni fiżiċi, l-importaturi tal-Unjoni ta' metalli għandhom jirrapportaw is-sejbiet tal-valutazzjoni tar-riskju msemmija fil-pararafu 4 lill-maniġment superjuri tagħhom maħtur għal dan l-għan u huma għandhom jimplimentaw strateġija ta' reazzjoni mfassla sabiex tipprevjeni jew ittaffi l-impatti negattivi, konsistenti mal-Anness II tal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta u mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi stipulati f'dik il-Gwida.

Artikolu 6

L-obbligi ta' verifiki ta' partijiet terzi

1.   L-importaturi tal-Unjoni ta' minerali jew metalli għandhom iwettqu verifiki permezz ta' parti terza indipendenti (“verifika tal-parti terza”).

Dik il-verifika ta' parti terzi indipendenti għandha:

(a)

tinkludi fl-ambitu tagħha l-attivitajiet, il-proċessi u s-sistemi kollha użati mill-importatur tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tad-diliġenza dovuta fil-katina tal-provvista dwar minerali jew metalli, inklużi s-sistema ta' ġestjoni, il-ġestjoni tar-riskju, u l-iżvelar ta' informazzjoni tal-importatur tal-Unjoni, f'konformità mal-Artikoli 4, 5 u 7 rispettivament;

(b)

jkollha bħala l-objettiv id-determinazzjoni ta' konformità tal-prattiki ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista tal-importatur tal-Unjoni mal-Artikoli 4, 5 u 7;

(c)

tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-importatur tal-Unjoni dwar kif jistgħu jitjiebu l-prattiki ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista; u

(d)

tirrispetta l-prinċipji tal-verifika ta' indipendenza, kompetenza u kontabbiltà kif stipulati fil-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta.

2.   L-importaturi tal-Unjoni ta' metalli għandhom ikunu eżentati mill-obbligu li jwettqu verifiki ta' partijiet terzi skont il-paragrafu 1, sakemm dawn jagħmlu disponibbli evidenza sostantiva, inklużi rapporti ta' verifika ta' partijiet terzi, li turi li l-funderiji u r-raffineriji kollha fil-katina tal-provvista tagħhom huma konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

Ir-rekwiżit ta' evidenza sostantiva għandu jitqies li ġie sodisfatt meta l-importaturi tal-Unjoni ta' metalli juru li qed jakkwistaw esklużivament mingħand il-funderiji u r-raffineriji elenkati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9.

Artikolu 7

Obbligi dwar x'għandu jiġi żvelat

1.   L-importaturi tal-Unjoni ta' minerali jew metalli għandhom jagħmlu disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru r-rapporti ta' kwalunkwe verifika ta' parti terza mwettqa skont l-Artikolu 6 jew evidenza ta' konformità ma' skemi ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista rikonoxxuti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8.

2.   L-importaturi tal-Unjoni ta' minerali jew metalli għandhom jagħmlu disponibbli għax-xerrejja downstream diretti tagħhom l-informazzjoni kollha miksuba u miżmuma skont id-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista tagħhom b'kont meħud kif xieraq għall-kunfidenzjalità tan-negozju u tħassib ieħor mil-lat kompetittiv.

3.   L-importaturi tal-Unjoni ta' minerali jew metalli għandhom fuq bażi annwali jirrapportaw pubblikament bl-aktar mod wiesa' possibbli, inkluż fuq l-internet dwar il-politiki tad-diliġenza dovuta u l-prattiċi ta' provenjenza responsabbli tal-katina tal-provvista tagħhom. Dak ir-rapport għandu jkollu fih il-miżuri li ttieħdu minnhom biex jimplimentaw l-obbligi rigward is-sistema ta' ġestjoni tagħhom skont l-Artikolu 4, u l-ġestjoni tar-riskju tagħhom skont l-Artikolu 5, kif ukoll rapport ta' sinteżi tal-verifiki ta' partijiet terzi, inklużi l-isem tal-awditur, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-kunfidenzjalità tan-negozju u tħassib ieħor mil-lat kompetittiv.

4.   Fejn importatur tal-Unjoni jista' jikkonkludi b'mod raġonevoli li l-metalli ġejjin biss minn sorsi riċiklati jew ta' skart, huwa għandu, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-kunfidenzjalità tan-negozju u tħassib ieħor mil-lat kompetittiv:

(a)

jiżvela pubblikament dak li jkun ikkonkluda; u

(b)

jiddeskrivi b'dettalji raġonevoli l-miżuri ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista li ħaddem biex ikun wasal għal dik il-konklużjoni.

Artikolu 8

Rikonoxximent ta' skemi ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista

1.   Gvernijiet, assoċjazzjonijiet tal-industrija u gruppi ta' organizzazzjonijiet interessati li jkollhom fis-seħħ skemi ta' diliġenza dovuta (“sidien ta' skema”) jistgħu japplikaw mal-Kummissjoni biex l-iskemi ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista żviluppati u sorveljati minnhom, jiġu rikonoxxuti mill-Kummissjoni. Tali applikazzjonijiet għandhom jiġu ssostanzjati b'evidenza u informazzjoni adegwati.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 19, li jissupplimentaw dan ir-Regolament biex tistabbilixxi l-metodoloġija u l-kriterji li jippermettu lill-Kummissjoni tevalwa jekk skemi ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista jiffaċilitawx l-issodisfar tar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament mill-operaturi ekonomiċi, u b'hekk il-Kummissjoni tkun tista' tirrikonoxxi l-iskemi.

3.   Fejn, abbażi tal-evidenza u l-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 1 u skont il-metodoloġija u l-kriterji ta' rikonoxximent stabbiliti skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni tiddetermina li l-iskema ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista, meta tiġi implimentata b'mod effettiv minn importatur tal-Unjoni ta' minerali jew metalli, tippermetti lil dak l-importatur jikkonforma ma' dan ir-Regolament, hija għandha tadotta att ta' implimentazzjoni li jagħti lil dik l-iskema rikonoxximent ta' ekwivalenza mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Is-Segretarjat tal-OECD għandu, kif xieraq, jiġi ikkonsultat qabel l-adozzjoni ta' dawn l-atti ta' implimentazzjoni.

Meta tittieħed deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent ta' skema ta' diliġenza dovuta, il-Kummissjoni għandha tqis il-prattiki diversi tal-industrija koperti minn dik l-iskema u għandha tqis ukoll l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju u l-metodu użat minn dik l-iskema biex jiġu identifikati żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli, u r-riżultati elenkati tagħhom. Dawk ir-riżultati msemmija jiġu żvelati mis-sid ta' skema.

L-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-pararafu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2).

4.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika wkoll, kif xieraq, fuq bażi perjodika li skemi rikonoxxuti ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista jibqgħu jissodisfaw il-kriterji li jkunu wasslu għad-deċiżjoni ta' rikonoxximent tal-ekwivalenza adottata skont il-paragrafu 3.

5.   Is-sid ta' skema ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista li għaliha ingħata rikonoxximent tal-ekwivalenza f'konformità mal-paragrafu 3 għandu jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe bidla jew aġġornament li jsir lil dik l-iskema.

6.   Jekk ikun hemm evidenza ta' każijiet ripetuti jew sinifikanti fejn operaturi ekonomiċi li qed jimplimentaw skema rikonoxxuta skont il-paragrafu 3 naqsu milli jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha teżamina, f'konsultazzjoni ma' sid l-iskema rikonoxxuta, jekk dawk il-każijiet jindikawx defiċjenzi fl-iskema.

7.   Fejn il-Kummissjoni tidentifika nuqqas ta' konformità ma' dan ir-Regolament jew defiċjenzi fi skema rikonoxxuta ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista, din tista' tagħti lil sid l-iskema perijodu xieraq ta' żmien biex jieħu azzjoni ta' rimedju.

Fejn sid l-iskema jonqos jew jirrifjuta li jieħu l-azzjoni ta' rimedju neċessarja, u fejn il-Kummissjoni tkun iddeterminat li l-falliment jew id-defiċjenzi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-pararafu jikkompromettu l-kapaċità li importatur tal-Unjoni li jkun qed jimplimenta skema li jikkonforma ma' dan ir-Regolament, jew meta każijiet ripetuti jew sinifikanti ta' nuqqas ta' konformità minn operaturi ekonomiċi li jimplimentaw skema ikunu dovuti għad-defiċjenzi fl-iskema, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta' implimentazzjoni skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2), li jirtira r-rikonoxximent tal-iskema.

8.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm aġġornat reġistru ta' skemi rikonoxxuti ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista. Dak ir-reġistru għandu jkun disponibbli pubblikament fuq l-internet.

Artikolu 9

Lista ta' funderiji u raffineriji responsabbli globali

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu jew jemendaw il-lista tal-ismijiet u l-indirizzi ta' funderiji u raffineriji responsabbli globali.

Dik il-lista għandha titfassal billi jittieħdu f'kunsiderazzjoni il-funderiji u raffineriji responsabbli globali koperti minn skemi ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista rikonoxxuti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8 u l-informazzjoni mibgħuta mill-Istati Membri skont l-Artikolu 17(1).

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tidentifika dawk il-funderiji u raffineriji inklużi fuq il-lista msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu li jkollhom il-provenjenza tas-sors tagħhom, għall-anqas b'mod parzjali, minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli, b'mod partikolari billi tirreferi għall-informazzjoni pprovduta mis-sidien ta' skemi ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista rikonoxxuti skont l-Artikolu 8.

3.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi jew temenda l-lista billi tuża l-mudell fl-Anness II u skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2). Is-Segretarjat tal-OECD għandu jiġi kkonsultat, kif xieraq, qabel l-adozzjoni ta' dik il-lista.

4.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, tneħħi mil-lista l-ismijiet u l-indirizzi tal-funderiji u r-raffineriji li ma għadhomx rikonoxxuti bħala responsabbli abbażi ta' informazzjoni riċevuta skont l-Artikolu 8, u l-Artikolu 17(1). Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2).

5.   Il-Kummissjoni għandha, fi żmien xieraq, taġġorna u tagħmel disponibbli għall-pubbliku, inkluż fuq l-internet, l-informazzjoni inkluża fil-lista ta' funderiji u raffineriji responsabbli globali.

Artikolu 10

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar responsabbli għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti sad-9 ta' Diċembru 2017. L-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kull bidla fl-ismijiet jew l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli pubblikament, inkluż fuq l-internet, lista tal-awtoritajiet kompetenti billi tuża l-mudell fl-Anness III. Il-Kummissjoni għandha żżomm il-lista aġġornata.

3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli li jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva u uniformi ta' dan ir-Regolament fl-Unjoni kollha.

Artikolu 11

Kontrolli ex post fuq l-importaturi tal-Unjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli li jwettqu kontrolli ex post xierqa sabiex jiżguraw li l-importaturi tal-Unjoni ta' minerali jew metalli jikkonformaw mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 4 sa 7.

2.   Il-kontrolli ex post imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu b'approċċ ibbażat fuq ir-riskju, kif ukoll f'każijiet meta awtorità kompetenti jkollha fil-pussess tagħha tagħrif rilevanti, inkluż fuq il-bażi ta' tħassib sostanzjali minn partijiet terzi, dwar il-konformità ta' importatur tal-Unjoni ma' dan ir-Regolament

3.   Il-kontrolli ex post imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu, inter alia:

(a)

eżami tal-obbligi ta' implimentazzjoni tal-importatur tal-Unjoni tal-katina tal-provvista skont dan ir-Regolament, inkluż rigward is-sistema tal-ġestjoni, il-ġestjoni tar-riskju u l-verifika u d-divulgar ta' partijiet terzi indipendenti;

(b)

eżami ta' dokumentazzjoni u rekords li juru konformità xierqa mal-obbligi msemmija fil-punt (a);

(c)

eżami ta' obbligi ta' verifika skont il-kamp ta' applikazzjoni, l-għanijiet u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6.

Il-verifiki ex post imsemmija fil-paragrafu 1 jenħtieġ li jinkludu spezzjonijiet fuq il-post, fosthom fil-proprjetà tal-importatur tal-Unjoni.

4.   L-importaturi tal-Unjoni għandhom joffru kull għajnuna meħtieġa biex jiffaċilitaw it-twettiq tal-kontrolli ex post imsemmija fil-paragrafu 1, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-proprjetà u l-preżentazzjoni ta' dokumenti u rekords.

5.   Sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza tal-kompiti u l-konsistenza tal-azzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tħejji linji gwida mhux vinkolanti f'forma ta' manwal li jispjega l-passi li jridu jiġu segwiti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jwettqu l-kontrolli ex post imsemmija fil-paragrafu 1. Dawk il-linji gwida għandhom jinkludu, kif xieraq, mudelli ta' dokumenti li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 12

Rekords ta' kontrolli ex post dwar importaturi tal-Unjoni

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom iżommu rekords tal-kontrolli ex post imsemmijin fl-Artikolu 11(1), li jindikaw b'mod partikolari n-natura u r-riżultati ta' tali kontrolli, kif ukoll ir-rekord ta' kwalunkwe notifika ta' azzjonijiet ta' rimedju maħruġa skont l-Artikolu 16(3).

Ir-rekords tal-kontrolli ex post imsemmija fl-Artikolu 11(1) għandhom jinżammu għal mill-inqas ħames snin.

Artikolu 13

Il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiskambjaw informazzjoni, inkluż mal-awtoritajiet doganali rispettivi tagħhom, dwar kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista u kontrolli ex post imwettqa.

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar nuqqasijiet serji li jinstabu permezz tal-kontrolli ex post imsemmija fl-Artikolu 11(1) u dwar ir-regoli applikabbli għall-ksur f'konformità mal-Artikolu 16 mal-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħra u mal-Kummissjoni.

3.   Il-kooperazzjoni skont il-paragrafi 1 u 2 għandha tirrispetta bis-sħiħ id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) rigward il-protezzjoni tad-data u r-Regolament (UE) Nru 952/2013 rigward l-iżvelar ta' informazzjoni kunfidenzjali.

Artikolu 14

Linji gwida

1.   Sabiex tinħoloq ċarezza u ċertezza u konsistenza fost il-prattiki tal-operaturi ekonomiċi, b'mod partikolari l-SMEs, il-Kummissjoni għandha, f'konsultazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-OECD, tipprepara linji gwida mhux vinkolanti f'forma ta' manwal għall-operaturi ekonomiċi, fejn tispjega l-aħjar mod kif jiġu applikati l-kriterji għall-identifikazzjoni ta' żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli. Dak il-manwal għandu jkun ibbażat fuq id-definizzjoni ta' żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli kif stipulat fl-Artikolu 2(f) ta' dan ir-Regolament u għandu jqis il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta f'dan il-qasam, inklużi riskji oħra tal-katina tal-provvista li jiskattaw allarmi kif definiti fis-supplimenti rilevanti għal dik il-Gwida.

2.   Il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha fuq esperti esterni li jipprovdu lista indikattiva, mhux eżawrjenti, aġġornata regolarment ta' żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli. Dik il-lista għandha tkun ibbażata fuq l-analiżi tal-esperti esterni tal-manwal imsemmi fil-paragrafu 1 u informazzjoni eżistenti minn, inter alia, akkademiċi u skemi ta' diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista. L-importaturi tal-Unjoni li jkollhom is-sors ta' provenjenza tagħhom minn żoni li mhumiex imsemmija fuq dik il-lista għandhom ukoll iżżommu r-responsabbiltà tagħhom li jikkonformaw mal-obbligi ta' diliġenza dovuta skont dan ir-Regolament.

Artikolu 15

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Meta l-opinjoni tal-kumitat tinkiseb permezz ta' proċedura bil-miktub, din il-proċedura għandha tiġi mitmuma mingħajr riżultat meta, fil-limitu taż-żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk jew meta titlob dan maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat.

Artikolu 16

Regoli applikabbli għal ksur

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni r-regoli msemmija fil-paragrafu 1 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom.

3.   F'każ ta' ksur ta' dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jippubblikaw notifika ta' azzjoni ta' rimedju li tittieħed mill-importatur tal-Unjoni.

Artikolu 17

Rappurtar u analiżi

1.   Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni rapport dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u, b'mod partikolari, l-avviżi ta' azzjonijiet ta' rimedju ppubblikati mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom skont l-Artikolu 16(3) u dwar ir-rapporti ta' verifika minn partijiet terzi disponibbli skont l-Artikolu 7(1).

2.   Sal-1 ta' Jannar 2023 u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-funzjonament u l-effikaċja ta' dan ir-Regolament. Dik ir-reviżjoni għandha tqis l-impatt ta' dan ir-Regolament fil-post, inkluż fuq il-promozzjoni u l-ispiża tal-provenjenza responsabbli tal-minerali fl-ambitu tagħha f'żoni affettwati minn kunflitti u f'żoni ta' riskju għoli u l-impatt ta' dan ir-Regolament fuq l-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni, inklużi l-SMEs, kif ukoll il-miżuri ta' akkumpanjament deskritti fil-Komunikazzjoni Konġunta tal-5 ta' Marzu 2014. Il-Kummissjoni għandha tiddiskuti r-rapport ta' reviżjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill. Ir-reviżjoni għandha tinkludi valutazzjoni indipendenti tal-proporzjon ta' operaturi ekonomiċi downstream totali tal-Unjoni li għandhom landa, tantalu, tungstenu jew deheb fil-katina tal-provvista tagħhom, li jkollhom fis-seħħ skemi ta' diliġenza dovuta. Ir-reviżjoni għandha tivvaluta l-adegwatezza u l-implimentazzjoni ta' dawn l-iskemi ta' diliġenza dovuta u l-impatt tas-sistema tal-Unjoni fuq il-post kif ukoll il-ħtieġa għal aktar miżuri mandatorji sabiex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed influwenza fuq is-suq kollu tal-Unjoni dwar katina tal-provvista globali responsabbli tal-minerali.

3.   Abbażi tas-sejbiet tar-reviżjoni skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandux ikollhom il-kompetenza li jimponu penali fuq importaturi tal-Unjoni f'każ ta' nuqqas persistenti ta' konformità mal-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament. Hija tista', kif xieraq, tippreżenta proposta leġislattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f'dan ir-rigward.

Artikolu 18

Metodoloġija għall-kalkolu tal-livelli limitu

Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f'dan ir-Regolament, abbażi ta' informazzjoni doganali li għandha tiġi provduta fuq talba tal-Kummissjoni mill-Istati Membri dwar il-volumi ta' importazzjoni annwali minn importatur tal-Unjoni u mill-Kodiċi ta' Nomenklatura Magħquda kif elenkat fl-Anness I fit-territorji rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni għandha tagħżel l-ogħla volum ta' importazzjoni annwali għal kull importatur tal-Unjoni u skont il-kodiċi ta' Nomenklatura Magħquda li jikkorrispondi għal mhux anqas minn 95 % tat-total annwali tal-volum ta' importazzjonijiet fl-Unjoni għal dak il-kodiċi ta' Nomenklatura Magħquda bħala l-livell limitu l-ġdid li għandu jiddaħħal fl-Anness I. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha toqgħod fuq l-informazzjoni ta' importazzjoni għal kull importatur tal-Unjoni li tkun ingħatat mill-Istati Membri għas-sentejn preċedenti.

Artikolu 19

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 1(4) u (5) u l-Artikolu 8(2) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mit-8 ta' Ġunju 2017. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 1(5) u l-Artikolu 8(2) għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 1(4) u (5) u l-Artikolu 8(2) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Ghandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 1(4) u (5) u l-Artikolu 8(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f'perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 20

Id-dħul fis-seħħ u d-data ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, dan ir-Regolament għandu japplika mid-9 ta' Lulju 2017.

3.   L-Artikoli 1(5), 3(1), 3(2), l-Artikoli 4 sa 7, l-Artikoli 8(6), 8(7), 10(3), 11(1), 11(2), 11(3), 11(4), l-Artikoli 12 u 13, l-Artikolu 16(3) u l-Artikolu 17 għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta' Mejju 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

C. ABELA


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Marzu 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' tat-3 ta' April 2017.

(2)  OECD Guidelines for Multinational Enterprises, OECD 2011 edition (Il-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali, OECD, l-edizzjoni tal-2011).

(3)  Prinċipji ta' Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem: L-implimentazzjoni tal-Qafas “Protezzjoni, Rispett u Rimedju” tan-Nazzjonijiet Uniti, endorsjat mill-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fir-riżoluzzjoni 17/4 tiegħu tas-6 ta' Lulju 2011 (A/HRC/RES/17/4).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (COSME) (2014–2020) u jħassar id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 33).

(5)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).

(9)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


ANNESS I

Lista ta' minerali u metalli fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/821 ikklassifikati taħt in-Nomenklatura Magħquda

Parti A: Minerali

Deskrizzjoni

Kodiċi NM

Subdiviżjoni tat-TARIC

Livell limitu tal-Volum (Kg)

Minerali u konċentrati tal-landa

2609 00 00

 

5 000

Minerali u konċentrati tat-tungstenu

2611 00 00

 

250 000

Minerali u konċentrati tat-tantalu jew in-nijobju

ex 2615 90 00

10

japplikaw lArtikoli 1(4) u l-Artikolu 18

Minerali u konċentrati tad-deheb

ex 2616 90 00

10

japplikaw l-Artikolu 1(4) u l-Artikolu 18

Deheb, maħdum jew f'forom parzjalment maħdumin, jew f'forma ta' trab b'konċentrazzjoni tad-deheb anqas minn 99,5 % li ma jkunx għadda l-istadju ta' raffinar

ex 7108  (*1)

 

100

Parti B: Metalli

Deskrizzjoni

Kodiċi NM

Subdiviżjoni tat-TARIC

Livell limitu tal-Volum (Kg)

Ossidi u idrossidi tat-tungstenu

2825 90 40

 

100 000

Ossidi u idrossidi tal-landa

ex 2825 90 85

10

japplikaw l-Artikolu 1(4) u 18

Klorur tal-landa

2827 39 10

 

10 000

Tungstati

2841 80 00

 

100 000

Tantalati

ex 2841 90 85

30

japplikaw l-Artikolu 1(4) u l-Artikolu 18

Karbidi tat-tungstenu

2849 90 30

 

10 000

Karbidi tat-tantalu

ex 2849 90 50

10

japplikaw l-Artikolu 1(4) u -Artikolu 18

Deheb, maħdum jew f'forom parzjalment maħdumin, jew f'forma ta' trab b'konċentrazzjoni tad-deheb ta' 99,5 % jew aktar li ma jkunx għadda l-istadju ta' raffinar

ex 7108  (*2)

 

100

Ferrotungstenu u tungstenuferrosiliko

7202 80 00

 

25 000

Landa, mhux maħduma

8001

 

100 000

Vireg tal-landa, ħadid, profili u wajers

8003 00 00

 

1 400

Landa, oġġetti oħra

8007 00

 

2 100

Tungstenu, trab

8101 10 00

 

2 500

Tungstenu mhux maħdum, inklużi biċċiet u vireg magħmulin sempliċiment bis-sinterizzazzjoni

8101 94 00

 

500

Wajer tat-tungstenu

8101 96 00

 

250

Biċċiet u vireg tat-tungstenu, minbarra dawk miksuba sempliċement bis-sinterizzazzjoni, profili, pjanċi, folji, strixxi u fojl, u oħrajn

8101 99

 

350

Tantalu mhux maħdum, inklużi biċċiet u vireg magħmulin sempliċiment bis-sinterizzazzjoni; trabijiet

8103 20 00

 

2 500

Biċċiet u vireg tat-tantalu, ħlief dawk magħmulin sempliċiment bis-sinterizzazzjoni, profili, wajer, pjanċi, folji, strixxa u fojl u oħrajn

8103 90

 

150


(*1)  Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' dan il-limitu, il-volum importat miksub billi jiġu applikati l-metodoloġija u l-kriterji tal-Artikolu 18 jiġi stabbilit bħala l-livell limitu għaż-żewġ linji tariffarji ex 7108 inklużi fl-Anness I.

(*2)  Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' dan il-limitu, il-volum importat miksub billi jiġu applikati l-metodoloġija u l-kriterji tal-Artikolu 18 jiġi stabbilit bħala l-livell limitu għaż-żewġ linji tariffarji ex 7108 inklużi fl-Anness I.


ANNESS II

Lista ta' mudelli ta' funderiji u raffinaturi responsabbli globali msemmija fl-Artikolu 9

Kolonna A:

Isem il-funderiji u r-raffineriji f'ordni alfabetiku

Kolonna B:

L-indirizz tal-funderija jew ir-raffinatur

Kolonna C:

(*) indikatur, jekk il-funderija jew raffinatur jissorsja minerali li joriġinaw f'żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli


A

B

C


ANNESS III

Lista ta' mudelli tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 10

Kolonna A:

L-isem tal-Istati Membri f'ordni alfabetiku

Kolonna B:

L-isem tal-awtorità kompetenti

Kolonna C:

L-indirizz tal-awtoritajiet kompetenti


A

B

C