19.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 103/17


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/699

tat-18 ta' April 2017

li jistabbilixxi metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-piż tat-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) introdott fis-suq ta' kull Stat Membru u metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-kwantità ta' skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) ġenerat skont il-piż f'kull Stat Membru

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(5) tagħha,

Billi:

(1)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-kalkolu tar-rati minimi ta' ġbir ta' WEEE mill-Istati Membri f'konformità mad-Direttiva 2012/19/UE, jeħtieġ li tiġi stabbilita metodoloġija komuni li għandha tintuża mill-Istati Membri biex jikkalkulaw dik ir-rata ta' ġbir abbażi tal-piż tat-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) introdott fis-swieq rispettivi tagħhom, kif ukoll metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-kwantità totali ta' WEEE ġenerat skont il-piż f'kull Stat Membru, li għandhom jiġu applikati meta dik l-għażla ssir disponibbli għall-Istati Membri f'konformità mad-Direttiva 2012/19/UE.

(2)

Huwa xieraq li f'dan ir-Regolament jiġu definiti parametri speċifiċi, inklużi l-parametri “piż ta' EEE” u “WEEE ġenerat” sabiex ikun jista' jsir użu armonizzat tal-metodoloġiji komuni għall-kalkolu tal-piż ta' EEE introdott fis-suq u għall-kalkolu tal-kwantità totali ta' WEEE ġenerat.

(3)

Sabiex tiġi megħjuna l-applikazzjoni tal-metodoloġiji komuni għall-kalkolu tal-piż ta' EEE introdott fis-suq u għall-kalkolu tal-kwantità totali ta' WEEE ġenerat fi Stat Membru, jeħtieġ li l-metodoloġiji jinkludu għodda għall-kalkolu li tkun ġiet adattata apposta għal kull Stat Membru.

(4)

F'każijiet fejn id-dejta li għandha tiġi rrappurtata mill-produtturi jew mir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom skont l-Artikolu 16 u l-Anness X, il-Parti B tad-Direttiva 2012/19/UE ma tkunx disponibbli jew ma tkunx kompluta, l-Istati Membri jistgħu jagħtu stimi sostanzjati dwar il-kwantità ta' EEE introdotta fis-swieq rispettivi tagħhom. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għar-rappurtar, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tad-dejta, għandha tintuża metodoloġija komuni f'każijiet fejn għandhom isiru stimi ta' dan it-tip.

(5)

Il-metodoloġija komuni għall-kalkolu ta' stimi sostanzjati tal-kwantità ta' EEE introdott fis-suq għandha tikkunsidra li l-kwantità ta' EEE introdotta fis-suq fit-territorju ta' Stat Membru għandha titqies bħala l-piż ta' EEE magħmul disponibbli fis-suq tal-istess Stat Membru, bl-esklużjoni ta' kwalunkwe EEE li nħareġ mit-territorju wara l-introduzzjoni fis-suq tiegħu. Għalhekk, u fid-dawl tal-informazzjoni statistika disponibbli, il-kalkolu tal-piż ta' EEE introdott fis-suq għandu jkun ibbażat fuq dejta dwar il-produzzjoni domestika ta' EEE fl-Istat Membru kkonċernat kif ukoll fuq dejta dwar l-importazzjonijiet ta' EEE lejn dak l-Istat Membru li jkunu ġejjin jew minn Stati Membri oħrajn jew minn pajjiżi terzi, u fuq esportazzjonijiet ta' EEE minn dak l-Istat Membru lejn Stat Membru ieħor jew lejn pajjiż terz. Id-dejta għandha tinkiseb bl-użu tal-bażi ta' dejta tal-Eurostat (Eurobase) f'każijiet meta, b'mod partikolari, il-produzzjoni domestika ta' EEE tkun irreġistrata skont is-sistema ta' Produzzjoni Komunitarja (bil-kodiċijiet PRODCOM). Dawn il-kodiċijiet huma marbuta wkoll mal-kodiċijiet fl-istatistika tal-kummerċ (il-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda). L-istatistika dwar il-kummerċ ta' oġġetti tkejjel il-kwantità ta' oġġetti li fihom sar kummerċ bejn l-Istati Membri (kummerċ intra-UE) u oġġetti li fihom sar kummerċ bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (kummerċ barra l-Unjoni).

(6)

Id-dejta nazzjonali dwar il-produzzjoni domestika, l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta' EEE hija rrappurtata bħala parti mis-sistema ta' Produzzjoni Komunitarja, bl-użu ta' kodiċijiet PRODCOM u mhux bħala parti mill-kategoriji ta' EEE stabbiliti fl-Annessi I u III tad-Direttiva 2012/19/UE. Madankollu, meta l-Istati Membri jagħmlu stimi dwar il-kwantità ta' EEE introdott fis-suq, huwa importanti li jużaw metodu ta' klassifikazzjoni komuni għall-konverżjoni tal-istatistika dwar il-produzzjoni domestika, l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet f'dejta li tikkorrispondi għall-piż ta' EEE introdott fis-swieq rispettivi tagħhom skont il-kategoriji ta' EEE stabbiliti fid-Direttiva 2012/19/UE.

(7)

Għall-kalkolu tal-kwantità totali ta' WEEE ġenerat f'sena partikolari fit-territorju ta' Stat Membru, huwa importanti li l-Istati Membri jużaw metodoloġija komuni, li għandha tqis dejta dwar il-kwantità ta' EEE introdott fis-suq ta' kull Stat Membru fil-passat, dejta dwar it-tul tal-ħajja ta' EEE differenti, skont it-tip tiegħu, il-livell ta' saturazzjoni tas-suq nazzjonali u ċ-ċikli tal-ħajja differenti ta' EEE fl-Istati Membri. Għodda għall-kalkolu ta' WEEE ibbażata fuq din il-metodoloġija għandha ssir disponibbli għall-użu mill-Istati Membri, filwaqt li d-dejta meħtieġa għall-applikazzjoni tagħha għandha tiddaħħal fl-għodda minn qabel. L-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jaġġornaw id-dejta użata fl-għodda dwar l-EEE introdott fis-suq għas-snin ta' qabel u/jew id-dejta dwar it-tul tal-ħajja, abbażi ta' dejta u ta' evidenza rilevanti li jsostnu dawn l-aġġornamenti.

(8)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-piż tat-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) introdott fi Stat Membru u metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-kwantità totali ta' skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) ġenerat skont il-piż fi Stat Membru li għandha tintuża mill-Istati Membri, kif rilevanti, għall-kalkolu tar-rati ta' ġbir ta' WEEE. Għal dan l-għan, hija tipprevedi wkoll id-disponibbiltà ta' għodda għall-kalkolu ta' WEEE, adattata apposta għal kull Stat Membru, li għandha tiġi stabbilita u magħmula disponibbli mill-Kummissjoni bħala parti integrali minn dawn il-metodoloġiji.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“piż ta' EEE” tfisser il-piż gross (tat-trasport) ta' kwalunkwe EEE fi ħdan l-ambitu tad-Direttiva 2012/19/UE, inklużi l-aċċessorji elettriċi u elettroniċi kollha, iżda bl-esklużjoni tal-imballaġġ, ta' batteriji u ta' akkumulaturi, ta' struzzjonijiet, ta' manwali, u ta' aċċessorji u oġġetti konsumabbli mhux tal-elettriku/elettroniċi

(b)

“WEEE ġenerat” fi Stat Membru tfisser il-piż totali tal-WEEE li jirriżulta minn tagħmir elettriku u elettroniku fi ħdan l-ambitu tad-Direttiva 2012/19/UE li tqiegħed fis-suq ta' dak l-Istat Membru, qabel kull attività bħall-ġbir, il-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, it-trattament, l-irkupru, inkluż ir-riċiklaġġ, jew l-esportazzjoni.

Artikolu 3

Il-kalkolu tal-piż ta' EEE introdott fis-suq ta' Stat Membru

1.   Meta Stat Membru jikkalkula r-rata tal-ġbir abbażi tal-piż medju ta' EEE introdott fis-suq, dak l-Istat Membru għandu jikkalkula l-piż ta' EEE introdott fis-suq tiegħu f'sena speċifika fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-produtturi ta' EEE, jew mir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom, fejn applikabbli, b'konformità mal-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2012/19/UE u l-Parti B tal-Anness X ta' dik id-Direttiva.

2.   Meta Stat Membru ma jkunx jista' jikkalkula l-piż ta' EEE introdott fis-suq tiegħu skont il-paragrafu 1, dan minflok għandu jagħmel stimi sostanzjati tal-piż ta' EEE introdott fis-suq tiegħu fis-sena kkonċernata fuq il-bażi tad-dejta dwar il-produzzjoni domestika, l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta' EEE fit-territorju tiegħu. Għal dan l-għan, l-Istat Membru għandu juża l-metodoloġija stabbilita fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Il-kalkolu tal-kwantità totali ta' WEEE ġenerat fi Stat Membru

Meta Stat Membru jikkalkula r-rata tal-ġbir abbażi tal-kwantità ta' WEEE ġenerat fit-territorju tiegħu, dak l-Istat Membru għandu jikkalkula l-kwantità totali ta' WEEE ġenerat fit-territorju tiegħu f'sena speċifika abbażi tal-metodoloġija stabbilita fl-Anness II.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' April 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38.

(2)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).


ANNESS I

Il-metodoloġija għall-kalkolu ta' stimi sostanzjati tal-piż ta' EEE introdott fis-suq ta' Stat Membru

1.

L-istimi sostanzjati tal-piż tal-EEE introdott fis-suq ta' Stat Membru f'sena ta' referenza għandhom jiġu kkalkulati permezz tal-metodu ta' konsum apparenti, li huwa bbażat fuq l-ekwazzjoni li ġejja:

EEE introdott fis-suq(t) = Produzzjoni domestika(t) + Importazzjonijiet(t) – Esportazzjonijiet(t)

Fejn:

Produzzjoni domestika(t)

=

il-piż (f'tunnellati) ta' EEE lest prodott f'sena ta' referenza t fi Stat Membru.

Importazzjonijiet(t)

=

il-piż (f'tunnellati) ta' EEE li jidħol fi Stat Membru f'sena ta' referenza t li joriġina minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz għad-distribuzzjoni, il-konsum jew l-użu.

Esportazzjonijiet(t)

=

il-piż (f'tunnellati) ta' EEE li joħroġ minn Stat Membru f'sena ta' referenza t biex jintbagħat lejn Stat Membru ieħor jew lejn pajjiż terz għad-distribuzzjoni, il-konsum jew l-użu.

2.

L-Istati Membri għandhom jużaw id-dejta dwar il-produzzjoni domestika ta' EEE skont il-piż irrappurtata fil-klassifikazzjoni komunitarja tas-sistemi ta' produzzjoni (il-kodiċijiet PRODCOM).

L-Istati Membri għandhom jużaw id-dejta dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta' EEE skont il-piż irrappurtata fil-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda (il-kodiċijiet NM).

3.

L-Istati Membri għandhom jużaw l-għodda għall-kalkolu tal-WEEE imsemmija fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament sabiex jaqilbu l-kwantitajiet ta' EEE prodotti domestikament, importati u esportati li jiġu rrappurtati skont il-kodiċijiet NM, fi kwantitajiet ta' EEE introdott fis-suq għall-kategoriji ta' EEE stabbiliti fl-Annessi I u III tad-Direttiva 2012/19/UE.


ANNESS II

Il-metodoloġija għall-kalkolu tal-kwantità totali ta' WEEE ġenerat fi Stat Membru

1.

Il-kwantità ta' WEEE ġenerat fi Stat Membru f'sena partikolari għandha tiġi kkalkulata abbażi tal-ammont ta' EEE introdott fis-suq ta' dak l-Istat Membru fis-snin preċedenti, u abbażi tat-tul tal-ħajja korrispondenti tal-prodott ikkalkulat abbażi tar-rata ta' rimi għal kull prodott kif muri fl-ekwazzjoni li ġejja:

Formula

Fejn:

W(n)

=

il-kwantità (f'tunnellati) ta' WEEE ġenerat fis-sena ta' valutazzjoni n;

POM(t)

=

il-kwantità (f'tunnellati) ta' EEE introdott fis-suq fi kwalunkwe sena t;

t 0

=

l-ewwel sena li fiha ġie introdott EEE fis-suq;

L (p) (t, n)

=

il-profil tat-tul tal-ħajja bbażat fuq ir-rimi għal-lott ta' EEE introdott fis-suq fis-sena t, li jirrifletti r-rata probabbli tiegħu ta' rimi fis-sena ta' valutazzjoni n (tagħmir mormi bħala persentaġġ tal-bejgħ totali fis-sena n) u li jiġi kkalkulat billi tiġi applikata funzjoni ta' distribuzzjoni Weibull definita minn parametru ta' forma li tvarja biż-żmien α(t) u minn paramentru ta' skala β(t) kif ġej:

Formula

Meta jiġu applikati l-istess parametri tat-tul tal-ħajja matul iż-żmien, id-distribuzzjoni tat-tul tal-ħajja tal-EEE tiġi simplifikata f'din il-formula li ġejja:

Formula

Fejn:

α (alpha)

=

il-“parametru ta' forma” tad-distribuzzjoni tal-probabilità

β (beta)

=

il-“parametru ta' skala” tad-distribuzzjoni tal-probabilità

2.

L-Istati Membri għandhom jużaw l-għodda għall-kalkolu tal-WEEE imsemmija fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament u li ġiet żviluppata abbażi tal-metodoloġija deskritta fil-punt 1 biex jikkalkulaw il-kwantità totali ta' WEEE ġenerat fit-territorju tagħhom f'sena partikolari.

3.

L-għodda għall-kalkolu tal-WEEE għandha tiġi popolata minn qabel b'dejta dwar il-kwantità ta' EEE introdott fis-suq għall-perjodu 1980-2014 għal kull Stat Membru, ikkalkulata abbażi tal-metodu ta' konsum apparenti deskritt fl-Anness I, u b'dejta dwar it-tul tal-ħajja tal-prodott għall-perjodu 1980-2030. Il-parametru tal-forma u l-parametru ta' skala tad-distribuzzjoni tal-probabilità li ġew imsemmija fil-punt 1 u li huma ddeterminati għal kull Stat Membru, għandhom jiġu inklużi fl-għodda bħala valuri prestabbiliti.

4.

Fl-għodda għall-kalkolu tal-WEEE l-Istati Membri għandhom idaħħlu d-dejta annwali dwar l-EEE introdott fis-suq mill-2015 sas-sena ta' qabel is-sena ta' referenza, sabiex ikun jista' jsir kalkolu tal-piż ta' WEEE ġenerat f'sena partikolari.

5.

L-Istati Membri jistgħu jaġġornaw id-dejta dwar l-EEE introdott fis-suq jew id-dejta dwar it-tul tal-ħajja tal-prodott użata fl-għodda għall-kalkolu tal-WEEE kif stabbilit fil-punt 3. Qabel ma jipproċedu b'aġġornamenti ta' dan it-tip, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar dawn u għandhom jipprovdu provi rilevanti għall-aġġornamenti, inklużi stħarriġiet uffiċjali tas-swieq, riżultati ta' awditi jew dejta analizzata u ssostanzjata li tirriżulta minn konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.