31.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 87/152


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/575

tat-8 ta' Ġunju 2016

li jissupplementa d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji f'dak li għandu x'jaqsam mal-istandards tekniċi regolatorji dwar id-dejta li għandha tiġi ppubblikata miċ-ċentri tal-eżekuzzjoni dwar il-kwalità tal-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1), u b'mod partikolari l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(10) tagħha,

Billi:

(1)

Bil-ħsieb li l-pubbliku u d-ditti tal-investiment jingħataw dejta relevanti dwar il-kwalità tal-eżekuzzjoni biex tgħinhom jiddeterminaw liema hu l-aħjar mod li bih iwettqu l-ordnijiet tal-klijenti, huwa importanti li jiġu stipulati l-kontenut, il-format, u l-perjodiċità speċifiċi tad-dejta marbuta mal-kwalità tal-eżekuzzjoni tal-istrumenti finanzjarji soġġetti għall-obbligu ta' negozjar fl-Artikolu 23 u 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) li għandhom jiġu ppubblikati miċ-ċentri tan-negozjar u l-internalizzaturi sistematiċi. Huwa importanti wkoll li jiġu stipulati l-kontenut, il-format, u l-perjodiċità speċifiċi tad-dejta marbuta mal-kwalità tal-eżekuzzjoni ta' strumenti finanzjarji oħrajn li mhumiex soġġetti għall-obbligu ta' negozjar u li ċ-ċentri tal-eżekuzzjoni huma meħtieġa jippubblikaw. F'dan ir-rigward, it-tip ta' ċentru tal-eżekuzzjoni u t-tip ta' strument finanzjarju kkonċernat jinħtieġ li jiġu kkunsidrati kif xieraq.

(2)

Sabiex il-kwalità tal-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet li jseħħu fl-Unjoni tiġi vvalutata għalkollox, huwa xieraq li ċ-ċentri tal-eżekuzzjoni li jistgħu jintgħażlu mid-ditti tal-investiment biex iwettqu l-ordnijiet tal-klijenti jkunu konformi mar-rekwiżiti dwar id-dejta li għandha tiġi pprovduta miċ-ċentri tal-eżekuzzjoni skont dan ir-Regolament. Għaldaqstant, dawn iċ-ċentri tal-eżekuzzjoni jinħtieġ li jinkludu swieq regolati, faċilitajiet multilaterali tan-negozjar, faċilitajiet organizzati tan-negozjar, internalizzaturi sistematiċi, ġeneraturi tas-suq u fornituri tal-likwidità oħrajn.

(3)

Id-differenzi fit-tip ta' ċentru tal-eżekuzzjoni u strumenti finanzjarji jirrikjedu li l-kontenut tar-rapportar jinħtieġ li jvarja skont bosta fatturi. Huwa xieraq li l-ammont u x-xorta tad-dejta rapportata jkunu differenzjati skont is-sistemi ta' negozjar, il-modi ta' negozjar u l-pjattaformi ta' negozjar biex jagħtu l-kuntest xieraq għall-kwalità tal-eżekuzzjoni miksuba.

(4)

Biex ikun evitat tqabbil mhux xieraq bejn iċ-ċentri tal-eżekuzzjoni u r-rilevanza tad-dejta miġbura tkun żgurata, iċ-ċentri tal-eżekuzzjoni jinħtieġ li jippreżentaw rapporti separati li jikkorrespondu għas-segmenti li joperaw reġistri tal-ordnijiet differenti jew li huma regolati b'mod differenti jew jużaw identifikaturi tas-segment tas-suq differenti.

(5)

Biex tkun żgurata stampa preċiża tal-kwalità tal-eżekuzzjoni li tkun saret effettivament, iċ-ċentri tan-negozjar ma jinħtiġx li jippubblikaw fost l-ordnijiet imwettqa dawk li ġew negozjati barra l-Borża u rrapportati fuq iċ-ċentru tan-negozjar.

(6)

Meta l-ġeneraturi tas-suq u fornituri tal-likwidità oħrajn jirrapportaw bħala ċentri tal-eżekuzzjoni għal strumenti finanzjarji li mhumiex soġġetti għall-obbligu ta' negozjar, jinħtieġ li jippubblikaw biss informazzjoni dwar l-ordnijiet imwettqa jew il-prezz ikkwotat għall-klijenti tagħhom meta l-ordnijiet ikunu kkwotati jew imwettqa barra l-Borża, jew eżegwiti skont l-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, minbarra ordnijiet li jkunu miżmuma f'faċilità tal-immaniġġar tal-ordnijiet ta' ċentru tan-negozjar sakemm ikun hemm divulgazzjoni.

(7)

Huwa xieraq li jiġi kkunsidrat li fornituri tal-likwidità oħrajn jinħtieġ li jinkludu ditti li jiddikjaraw li huma disposti li jinnegozjaw f'isimhom, u li jipprovdu l-likwidità bħala parti mill-attività ta' negozju normali tagħhom, kemm jekk għandhom ftehimiet formali jew jimpenjaw ruħhom li jipprovdu l-likwidità fuq bażi kontinwa kif ukoll jekk le.

(8)

Sabiex ikun hemm trasparenza sħiħa dwar il-kwalità tal-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet fil-konfront tal-prezz, huwa xieraq li l-informazzjoni mogħtija b'relazzjoni mal-prezz jinħtieġ li teskludi kull kummissjoni jew imgħax akkumulat, fejn rilevanti.

(9)

Biex tiġi determinata l-informazzjoni xierqa għall valutazzjoni tal-kwalità tal-prezz, jinħtieġ li jkunu meħtieġa kemm il-livelli medji ta' kuljum kif ukoll l-informazzjoni marbuta ma' punt fiż-żmien. Din għandha tagħti lill-parteċipanti l-kuntest xieraq, u stampa iktar kompluta meta jkunu qegħdin janalizzaw il-kwalità tal-eżekuzzjoni miksuba. Sabiex ikun jista' jkun hemm tqabbil tal-prezzijiet bejn strumenti finanzjarji, huwa meħtieġ ukoll li jkun irrapportat il-kodiċi tal-munita ta' kull tranżazzjoni rrapportata.

(10)

Biex tkun żgurata l-konsistenza regolatorja, mhuwiex xieraq li ċ-ċentri tan-negozjar ikunu meħtieġa jipprovdu d-dettalji ta' tranżazzjonijiet li, fil-waqt tal-pubblikazzjoni, ikunu għadhom soġġetti għal differiment tal-pubblikazzjoni f'konformità mar-rekwiżiti tat-trasparenza ta' wara n-negozju. Huwa xieraq li l-internalizzaturi sistematiċi, il-ġeneraturi tas-suq, u fornituri oħra tal-likwidità jkunu eżentati milli jippubblikaw dejta dwar it-tranżazzjonijiet dwar punt fiż-żmien għal kull tranżazzjoni 'il fuq mid-daqs standard tas-suq, jew ikbar mid-daqs speċifiku għall-istrument finanzjarju sabiex jiġi evitat li dawk iċ-ċentri jiġu soġġetti għal riskju mhux meħtieġ li jiddivulgaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva li tista' xxekklilhom il-kapaċità tagħhom li jiħħeġġjaw l-iskoperturi u jipprovdu l-likwidità. Għal ishma, fondi negozjati fil-borża, u ċertifikati meqjusa li huma illikwidi skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014, il-livell limitu tad-daqs tas-suq standard li għandu jintuża huwa d-daqs tas-suq standard minimu għal dak it-tip ta' strument finanzjarju. Biex tkun evitata l-inċertezza, huwa xieraq li jkun iċċarat li r-referenza għal kbir fl-iskala u d-daqs speċifiċi għall-istrument finanzjarju għandhom l-istess tifsira stabbilita fir-rekwiżiti ta' trasparenza wara n-negozju.

(11)

Huwa essenzjali li jkun hemm trasparenza sħiħa fuq kull spiża miżmuma meta titwettaq ordni permezz ta' ċentru speċifiku. Huwa neċessarju li l-ispejjeż kollha involuti fl-eżekuzzjoni ta' ordni ta' klijent relevanti għall-użu ta' ċentru speċifiku u li l-klijent iħallas għalihom direttament jew indirettament jiġu speċifikati. Dawn l-ispejjeż jinħtieġ li jinkludu t-tariffi għall-eżekuzzjoni, inklużi t-tariffi għat-tressiq, il-modifika jew it-tħassir ta' ordnijiet jew irtirar ta' kwotazzjonijiet, kif ukoll kull tariffa relatata mal-aċċess għad-dejta tas-suq jew l-użu tat-terminals. L-ispejjeż relevanti jistgħu jinkludu wkoll tariffi ta' kklerjar jew ta' saldu, jew kwalunkwe tariffi oħrajn imħallsa lil terzi persuni involuti fl-eżekuzzjoni tal-ordni meta jkunu parti mis-servizzi pprovduti miċ-ċentru tal-eżekuzzjoni. L-informazzjoni dwar l-ispejjeż jinħtieġ li tinkludi wkoll taxxi jew imposti li jkunu ġew fatturati direttament jew li ġarrabhom iċ-ċentru f'isem il-membri jew l-utenti taċ-ċentru tal-eżekuzzjoni jew il-klijent li l-ordni tirreferi għalih.

(12)

Il-probabbiltà tal-eżekuzzjoni tindika l-probabbiltà ta' eżekuzzjoni ta' tip partikolari ta' ordni u hija sostnuta b'dettalji dwar il-volumi ta' negozju fi strument partikolari jew karatteristiċi oħrajn tal-ordnijiet u t-tranżazzjonijiet. L-informazzjoni dwar il-probabbiltà tal-eżekuzzjoni jinħtieġ li tippermetti li jsir il-kalkolu ta' metriċi bħalma huwa d-daqs tas-suq relattiv ta' ċentru fi strument finanzjarju partikolari jew klassi ta' strumenti finanzjarji. Il-probabbiltà tal-eżekuzzjoni jinħtieġ li tiġi vvalutata wkoll b'dejta dwar tranżazzjonijiet li fallew jew ordnijiet li ġew imħassra jew modifikati.

(13)

Il-ħeffa tal-eżekuzzjoni jista' jkollha tifsiriet differenti għat-tipi differenti ta' ċentri tal-eżekuzzjoni, għax il-kejl tal-ħeffa jvarja kemm bis-sistema ta' negozjar kif ukoll skont il-pjattaforma ta' negozjar. Għall-irkanti kontinwi permezz ta' reġistru tal-ordnijiet, il-ħeffa tal-eżekuzzjoni jinħtieġ li tiġi espressa f'millisekondi, filwaqt li għal sistemi ta' negozjar oħra jkun xieraq li jintużaw unitajiet ta' żmien ikbar. Huwa xieraq ukoll li tkun eskluża l-latenza tal-konnessjoni ta' parteċipant partikolari maċ-ċentru tal-eżekuzzjoni, minħabba li din mhijiex fil-kontroll taċ-ċentru tal-eżekuzzjoni nnifsu.

(14)

Sabiex ikun hemm tqabbil tal-kwalità tal-eżekuzzjoni għal ordnijiet ta' daqsijiet differenti, iċ-ċentri tal-eżekuzzjoni jinħtieġ li jkunu meħtieġa jirrapportaw dwar tranżazzjonijiet f'għadd ta' meded tad-daqs. Il-livelli limiti għal dawn il-firxiet jinħtieġ li jiddependu fuq it-tip ta' strument finanzjarju u l-likwidità tiegħu biex ikun żgurat li jagħtu kampjun adegwat tal-eżekuzzjonijiet f'daqs li jkun tipiku f'dak l-istrument.

(15)

Huwa importanti li ċ-ċentri tal-eżekuzzjoni jiġbru d-dejta tul il-ħinijiet normali tal-operat tagħhom. Ir-rapportar għaldaqstant jinħtieġ li jsir mingħajr ma jinżamm ħlas f'format elettroniku li jinqara minn magna permezz ta' sit web fuq l-Internet biex il-pubbliku jkun jista' jniżżel, ifittex, jgħarbel u janalizza d-dejta kollha mogħtija.

(16)

Ir-rapporti miċ-ċentri tal-eżekuzzjoni jinħtieġ li jkunu kkumplementati mill-output ta' fornitur ta' tejp konsolidat stabbilit mid-Direttiva 2014/65/UE u b'hekk jippermettu li jkun hemm żvilupp ta' miżuri mtejba ta' kwalità tal-eżekuzzjoni.

(17)

Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat it-tħaddim mingħajr intoppi tas-swieq finanzjarji, huwa neċessarju li l-provvedimenti stabbiliti f'dan ir-Regolament u l-provvedimenti stabbiliti fid-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 600/2014 japplikaw mill-istess ġurnata.

(18)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomessi mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni.

(19)

L-ESMA għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kontenut speċifiku, il-format u l-perjodiċità tad-dejta li trid tiġi ppubblikata miċ-ċentri tal-eżekuzzjoni relatata mal-kwalità tal-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet. Dan għandu japplika għaċ-ċentri tan-negozjar, għall-internalizzaturi sistematiċi, għall-ġeneraturi tas-suq, jew għal fornituri tal-likwidità oħrajn.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“sistema ta' negozjar” tfisser il-mod li bih ċentru tal-eżekuzzjoni jeżegwixxi l-ordnijiet: bħala sistema ta' negozjar b'irkanti kontinwi permezz ta' reġistru tal-ordnijiet, abbażi ta' kwotazzjonijiet kontinwi, abbażi ta' talba għal kwotazzjoni, irkant perjodiku jew kwalunkwe sistema ibrida li taqa' fi tnejn jew iktar minn dawn il-kategoriji jew f'sistema li fiha l-proċess li bih jiġu ddeterminati l-prezzijiet ikun ta' natura differenti minn dak li huwa applikabbli għat-tipi ta' sistemi msemmija fuq;

(b)

“Daqs speċifiku għall-istrument finanzjarju” tfisser daqs speċifiku għal bond, prodott finanzjarju strutturat, kwota tal-emissjonijiet jew derivattiv negozjat f'ċentru tan-negozjar, li għalih ma hemmx suq likwidu u fejn it-tranżazzjoni f'dawk l-istrumenti tkun soġġetta għal pubblikazzjoni differita skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014;

(c)

“kbir fl-iskala” tfisser ordni li tkun kbira fl-iskala skont l-Artikoli 7 u 11 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014;

(d)

“tranżazzjoni li falliet” tfisser tranżazzjoni li tkun ġiet annullata miċ-ċentru tal-eżekuzzjoni;

(e)

“multiplikatur tal-prezz” tfisser l-għadd ta' unitajiet tal-istrument sottostanti rrappreżentati minn kuntratt tad-derivattivi wieħed;

(f)

“notazzjoni tal-prezz” tfisser indikazzjoni ta' jekk il-prezz tat-tranżazzjoni huwiex espress f'valur monetarju, f'perċentwali jew f'rendiment;

(g)

“notazzjoni tal-kwantità” tfisser indikazzjoni ta' jekk il-kwantità tat-tranżazzjoni hijiex espressa f'għadd ta' unitajiet jew f'valur nominali jew f'valur fi flus;

(h)

“tip ta' konsenja” tfisser indikazzjoni ta' jekk l-istrument finanzjarju jiġix saldat fiżikament jew bi flus, inklużi istanzi li fihom il-kontroparti tista' tagħżel jew meta jkun determinat minn parti terza;

(i)

“modalità ta' negozjar” tfisser irkant skedat fil-ftuħ, l-għeluq, jew fl-istess ġurnata, irkant mhux skedat, negozju fl-għeluq, negozju 'l barra mis-sessjoni ewlenija, jew rapportar tan-negozju;

(j)

“pjattaforma ta' negozjar” tfisser it-tip ta' pjattaforma ta' negozjar li ċ-ċentru tal-eżekuzzjoni jopera: elettronika, bil-vuċi, jew bl-għajjat;

(k)

“profondità tar-reġistru tal-ordnijiet” tfisser il-likwidità totali disponibbli espressa bħala l-prodott tal-prezz u l-volum tat-talbiet u l-offerti kollha għal għadd speċifikat ta' inkrementi fil-prezz mill-punt nofsani tal-aħjar talba u offerta;

(l)

“firxa effettiva medja” tfisser il-medja tad-doppju tad-differenza bejn il-prezz attwali tal-eżekuzzjoni mqabbel mal-punt nofsani tal-aqwa offerta u l-aqwa offerta fil-ħin li tkun ġiet riċevuta, għal ordnijiet tas-suq jew ordnijiet ta' limitu kummerċjabbli;

(m)

“ħeffa medja tal-eżekuzzjoni għal ordnijiet passivi mhux modifikati fl-aħjar talba u offerta” tfisser il-ħin medju li jkun skorra bejn ordni tal-limitu li jkun jaqbel l-aħjar talba u offerta li ċ-ċentru tal-eżekuzzjoni jkun irċieva, u l-eżekuzzjoni sussegwenti ta' din l-ordni;

(n)

“ordni aggressiva” tfisser ordni li ddaħħlet fir-reġistru tal-ordnijiet li ħadet il-likwidità;

(o)

“ordni passiva” tfisser ordni li ddaħħlet fir-reġistru tal-ordnijiet li pprovdiet il-likwidità;

(p)

“ordni immedjata inkella ħassar” tfisser ordni li tiġi eżegwita malli tiddaħħal fir-reġistru tal-ordnijiet u li ma tibqax fir-reġistru tal-ordnijiet għal kwalunkwe kwantità li ma tkunx ġiet eżegwita;

(q)

“ordni fill or kill” (eżegwixxi jew ikkanċella) tfisser ordni li tiġi eżegwita malli tiddaħħal fir-reġistru tal-ordnijiet basta tkun tista' tiġi eżegwita għalkollox. Fil-każ li l-ordni tkun tista' biss tiġi eżegwita parzjalment, allura tiġi awtomatikament irrifjutata u ma tiġix eżegwita.

Artikolu 3

Pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar iċ-ċentru tal-eżekuzzjoni u l-istrument finanzjarju

1.   Iċ-ċentri tan-negozjar u l-internalizzaturi sistematiċi għandhom jippubblikaw, għal kull segment tas-suq li joperaw fih u kull strument finanzjarju soġġett għall-obbligu ta' negozjar fl-Artikoli 23 u 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, informazzjoni dwar it-tip ta' ċentru ta' eżekuzzjoni b'konformità mat-tielet subparagrafu.

Iċ-ċentri tal-eżekuzzjoni għandhom jippubblikaw, għal kull segment tas-suq li joperaw fih u kull strument finanzjarju mhux soġġett għall-obbligu ta' negozjar fl-Artikoli 23 u 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, informazzjoni dwar it-tip ta' ċentru ta' eżekuzzjoni b'konformità mat-tielet subparagrafu.

L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi ppubblikata fil-format stabbilit fit-Tabella 1 tal-Anness:

(i)

l-identifikatur tal-isem u taċ-ċentru ta' eżekuzzjoni;

(ii)

il-pajjiż ta' fejn tinsab l-awtorità kompetenti;

(iii)

l-isem tas-segment tas-suq u l-identifikatur tas-segment tas-suq;

(iv)

id-data tal-jum ta' negozjar;

(v)

in-natura, l-għadd, u d-durata medja ta' kull qtugħ f'xi servizz, fil-perjodu ta' negozjar normali taċ-ċentru, li interrompa n-negozju ta' kull strument disponibbli għan-negozju fiċ-ċentru fid-data tal-jum ta' negozjar;

(vi)

in-natura, l-għadd, u d-durata medja ta' kull irkant skedat fil-perjodu ta' negozjar normali taċ-ċentru dakinhar tal-jum ta' negozjar;

vii)

l-għadd ta' tranżazzjonijiet li fallew dakinhar tal-jum ta' negozjar;

(viii)

il-valur tat-tranżazzjonijiet li fallew espress bħala persentaġġ tal-valur totali tat-tranżazzjonijiet li ġew eżegwiti fid-data tal-jum ta' negozjar.

2.   Iċ-ċentri tan-negozjar u l-internalizzaturi sistematiċi għandhom jippubblikaw, għal kull segment tas-suq li joperaw fih u kull strument finanzjarju soġġett għall-obbligu ta' negozjar fl-Artikoli 23 u 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, informazzjoni dwar it-tip ta' strument finanzjarju b'konformità mat-tielet subparagrafu.

Iċ-ċentri tal-eżekuzzjoni għandhom jippubblikaw, għal kull segment tas-suq li joperaw fih u kull strument finanzjarju mhux soġġett għall-obbligu ta' negozjar fl-Artikoli 23 u 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, informazzjoni dwar it-tip ta' strument finanzjarju b'konformità mat-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi ppubblikata fil-format stabbilit fit-Tabella 2 tal-Anness:

(a)

għal strumenti finanzjarji li għandhom identifikaturi kif stabbilit fit-Tabella 2 tal-Anness:

(i)

l-isem u l-identifikatur tal-istrument finanzjarju;

(ii)

il-klassifikazzjoni tal-istrument;

(iii)

il-munita;

(b)

għal strumenti finanzjarji li ma għandhomx identifikaturi kif stabbilit fit-Tabella 2 tal-Anness:

(i)

l-isem, flimkien ma' deskrizzjoni bil-miktub, tal-istrument, flimkien mal-munita tal-istrument sottostanti, il-multiplikatur tal-prezz, in-notazzjoni tal-prezz, in-notazzjoni tal-kwantità u t-tip ta' konsenja;

(ii)

il-klassifikazzjoni tal-istrument;

(iii)

il-munita.

Artikolu 4

Prezz

Iċ-ċentri tan-negozjar u l-internalizzaturi sistematiċi għandhom jippubblikaw, għal kull segment tas-suq li joperaw fih u kull strument finanzjarju soġġett għall-obbligu ta' negozjar fl-Artikoli 23 u 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, informazzjoni dwar il-prezz għal kull jum ta' negozjar li fih ġew eżegwiti ordnijiet fuq l-istrument finanzjarju b'konformità mat-tielet u r-raba' paragrafu ta' dan l-Artikolu.

Iċ-ċentri tal-eżekuzzjoni għandhom jippubblikaw, għal kull segment tas-suq li joperaw fih u kull strument finanzjarju li mhux soġġett għall-obbligu ta' negozjar fl-Artikoli 23 u 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, informazzjoni dwar il-prezz għal kull jum ta' negozjar li fih ġew eżegwiti ordnijiet fuq l-istrument finanzjarju b'konformità mat-tielet u r-raba' paragrafu ta' dan l-Artikolu.

Għandha tiġi ppubblikata l-informazzjoni li ġejja:

(a)

informazzjoni tal-istess ġurnata

(i)

għaċ-ċentri tan-negozjar: il-prezz medju sempliċi ta' kull tranżazzjoni li tkun ġiet eżegwita fiż-żewġ minuti li jitilqu mill-ħinijiet ta' referenza 9.30.00, 11.30.00, 13.30.00 u 15.30.00 UTC f'dik id-data u għal kull medda tad-daqs kif stipulat fl-Artikolu 9;

(ii)

għall-internalizzaturi sistematiċi, il-ġeneraturi tas-suq u fornituri tal-likwidità oħrajn: il-prezz medju sempliċi tat-tranżazzjonijiet kollha li ġew eżegwiti fiż-żewġ minuti li jitilqu f'kull wieħed mill-ħinijiet ta' referenza 9.30.00, 11.30.00, 13.30.00 u 15.30.00 UTC f'dik id-data fil-medda tad-daqs 1 kif stipulat fl-Artikolu 9;

(iii)

il-valur totali tan-negozju li ġie eżegwit fil-perjodu ta' żewġ minuti msemmi fil-punti (i) u (ii);

(iv)

għaċ-ċentri tan-negozjar: jekk ma tkun seħħet l-ebda tranżazzjoni fl-ewwel żewġ minuti tal-perjodi ta' żmien relevanti msemmija fil-punt (i), il-prezz tal-ewwel tranżazzjoni eżegwita f'kull medda ta' daqs kif stipulat fl-Artikolu 9, jekk ikun hemm, wara kull ħin ta' referenza stipulat fil-punt (i) f'dik id-data;

(v)

għall-internalizzaturi sistematiċi, għall-ġeneraturi tas-suq u għal fornituri tal-likwidità oħrajn: jekk ma tkun seħħet l-ebda tranżazzjoni fl-ewwel żewġ minuti tal-perjodi ta' żmien relevanti msemmija fil-punt (ii), il-prezz tal-ewwel tranżazzjoni eżegwita fl-ewwel (1) medda ta' daqs kif stipulat fl-Artikolu 9, jekk ikun hemm, wara kull ħin ta' referenza stipulat fil-punt (ii) f'dik id-data;

(vi)

il-ħin tal-eżekuzzjoni għal kull tranżazzjoni msemmija fil-punti (iv) u (v);

(vii)

id-daqs tat-tranżazzjoni fit-termini tal-valur għal kull tranżazzjoni eżegwita msemmija fil-punti (iv) u (v);

(viii)

is-sistema tan-negozjar u l-modalità tan-negozjar li bihom it-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punti (iv) u (v) ikunu ġew eżegwiti;

(ix)

il-pjattaforma ta' negozjar li fuqha jkunu ġew eżegwiti t-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punti (iv) u (v);

(x)

l-aħjar talba u offerta jew il-prezz ta' referenza xieraq fil-ħin tal-eżekuzzjoni għal kull tranżazzjoni eżegwita li ssir referenza għaliha fil-punti (iv) u (v);

L-informazzjoni ta' dakinhar li ġejja għandha tiġi ppubblikata fil-format stabbilit fit-Tabella 3 tal-Anness.

(b)

informazzjoni tal-istess ġurnata:

(i)

il-prezz medju sempliċi u l-prezz medju ponderat skont il-volum, jekk tkun seħħet iktar minn tranżazzjoni waħda;

(ii)

l-ogħla prezz eżegwit, jekk ikunu seħħew iktar minn żewġ tranżazzjonijiet;

(iii)

l-inqas prezz eżegwit, jekk ikunu seħħew iktar minn żewġ tranżazzjonijiet.

L-informazzjoni tal-istess ġurnata għandha tiġi ppubblikata fil-format stabbilit fit-Tabella 4 tal-Anness.

Artikolu 5

Spejjeż

Iċ-ċentri tan-negozjar u l-internalizzaturi sistematiċi għandhom jippubblikaw, għal kull segment tas-suq li joperaw fih u kull strument finanzjarju soġġett għall-obbligu ta' negozjar fl-Artikoli 23 u 28 tar-Regolament Nru (UE) 600/2014, informazzjoni dwar l-ispejjeż applikati miċ-ċentri tal-eżekuzzjoni lil kwalunkwe membri jew utenti taċ-ċentru tan-negozjar f'konformità mat-tielet paragrafu ta' dan l-Artikolu.

Iċ-ċentri tal-eżekuzzjoni għandhom jippubblikaw, għal kull segment tas-suq li joperaw fih u kull strument finanzjarju mhux soġġett għall-obbligu ta' negozjar fl-Artikoli 23 u 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, informazzjoni dwar l-ispejjeż applikati miċ-ċentri tal-eżekuzzjoni lil kwalunkwe membri jew utenti taċ-ċentru f'konformità mat-tielet paragrafu ta' dan l-Artikolu.

L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi ppubblikata fil-format stabbilit fit-Tabella 5 tal-Anness:

(a)

deskrizzjoni tan-natura u l-livell tal-komponenti kollha tal-ispejjeż applikati miċ-ċentru tal-eżekuzzjoni, qabel ma jiġu applikati roħs jew skontijiet, u informazzjoni dwar kif l-ispejjeż ivarjaw skont l-utent jew l-istrument finanzjarju involut, u l-ammonti relevanti li jkun hemm differenza bihom. Il-komponenti tal-ispejjeż għandhom jinkludu:

(i)

tariffi tal-eżekuzzjoni;

(ii)

tariffi għas-sottomissjoni, il-modifikazzjoni jew it-tħassir ta' ordnijiet jew irtirar ta' kwotazzjonijiet;

(iii)

tariffi relatati mal-aċċess għad-dejta tas-suq u l-użu tat-terminals;

(iv)

kwalunkwe tariffi tal-ikklerjar u tas-saldu, u kwalunkwe tariffi oħrajn imħallsin lil partijiet terzi involuti fl-eżekuzzjoni tal-ordni;

(b)

deskrizzjoni tan-natura u l-livell ta' kull roħs, skont jew ħlasijiet oħrajn offruti lill-utenti taċ-ċentru tal-eżekuzzjoni, inkluża informazzjoni dwar kif dak ir-roħs, skontijiet jew ħlasijiet oħra jvarjaw skont l-utent jew strument finanzjarju involut u l-ammonti li bihom ivarjaw;

(c)

deskrizzjoni tan-natura u l-ammont ta' kwalunkwe benefiċċji nonmonetarji offruti lill-utenti taċ-ċentru tal-eżekuzzjoni, inkluża informazzjoni dwar kif dawn il-benefiċċji nonmonetarji jvarjaw skont l-utent jew l-istrument finanzjarju involut u l-valur li bih ivarjaw;

(d)

deskrizzjoni tan-natura u l-livell ta' kwalunkwe taxxi jew imposti fatturati lil, jew imġarrba minn, iċ-ċentru tal-eżekuzzjoni f'isem il-membri jew l-utenti taċ-ċentru;

(e)

link għas-sit web taċ-ċentru jew sors ieħor fejn ikun hemm disponibbli iktar informazzjoni dwar l-ispejjeż;

(f)

il-valur totali tar-roħsijiet, skontijiet, benefiċċji nonmonetarji jew pagamenti oħra kif stipulat fil-punti (b) u (c), espressi bħala perċentwal tal-valur negozjat totali waqt il-perjodu ta' rapportar;

(g)

il-valur totali tal-ispejjeż kollha kif stabbilit fil-punt (a), bl-esklużjoni tal-valur totali tar-roħsijiet u l-iskontijiet, benefiċċji nonmonetarji jew pagamenti oħra kif stabbiliti fil-punti (b) u (c), espress bħala perċentwal tal-valur negozjat totali waqt il-perjodu tar-rapportar.

Artikolu 6

Probabbiltà tal-eżekuzzjoni

Iċ-ċentri tan-negozjar u l-internalizzaturi sistematiċi għandhom jippubblikaw, għal kull segment tas-suq li joperaw fih u kull strument finanzjarju soġġett għall-obbligu ta' negozjar fl-Artikoli 23 u 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, informazzjoni dwar il-probabbiltà tal-eżekuzzjoni għal kull jum ta' negozjar b'konformità mat-tielet paragrafu ta' dan l-Artikolu.

Iċ-ċentri tal-eżekuzzjoni għandhom jippubblikaw, għal kull segment tas-suq li joperaw fih u kull strument finanzjarju mhux soġġett għall-obbligu ta' negozjar fl-Artikoli 23 u 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, informazzjoni dwar il-probabbiltà tal-eżekuzzjoni għal kull jum ta' negozjar b'konformità mat-tielet paragrafu ta' dan l-Artikolu.

L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi ppubblikata fil-format stabbilit fit-Tabella 6 tal-Anness:

(a)

l-għadd ta' ordnijiet jew talbiet għall-kwotazzjonijiet li kienu rċevuti;

(b)

l-għadd u l-valur tat-tranżazzjonijiet li ġew eżegwiti, jekk ikun hemm iktar minn waħda;

(c)

l-għadd ta' ordnijiet jew talbiet għall-kwotazzjonijiet irċevuti li ġew imħassra jew irtirati, ħlief l-ordnijiet passivi bl-istruzzjonijiet biex jiskadu jew biex jiġu kkanċellati fi tmiem il-jum;

(d)

l-għadd ta' ordnijiet jew talbiet għall-kwotazzjonijiet irċevuti, li kienu modifikati f'dik id-data;

(e)

id-daqs medjan tat-tranżazzjonijiet f'dik id-data jekk seħħew iktar minn tranżazzjoni waħda;

(f)

id-daqs medjan tal-ordnijiet jew talbiet għall-kwotazzjonijiet kollha f'dik id-data jekk ġew irċevuti iktar minn ordni jew talba għall-kwotazzjonijiet waħda;

(g)

l-għadd ta' ġeneraturi tas-suq deżinjati.

Artikolu 7

Informazzjoni addizzjonali għal ċentri tal-eżekuzzjoni li joperaw b'sistema ta' rkant kontinwu permezz ta' reġistru tal-ordnijiet u sistema ta' kwotazzjoni kontinwa

1.   Ċentri tan-negozjar u internalizzaturi sistematiċi li joperaw b'sistema ta' rkanti kontinwi b'reġistru ta' ordnijiet, sistema ta' negozjar abbażi ta' kwotazzjonijiet kontinwi jew tip ta' sistema ta' negozjar oħra li għaliha hemm disponibbli dik l-informazzjoni għandhom jippubblikaw, għal kull segment tas-suq li joperaw fih u kull strument finanzjarju soġġett għall-obbligu ta' negozjar fl-Artikoli 23 u 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 informazzjoni addizzjonali fil-ħinijiet ta' referenza speċifikati fil-punti (i) u (ii) tal-Artikolu 4(a) għal kull jum ta' negozjar b'konformità mat-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Ċentri tal-eżekuzzjoni li joperaw b'sistema ta' rkanti kontinwi b'reġistru ta' ordnijiet, sistema ta' negozjar abbażi ta' kwotazzjonijiet kontinwi jew tip ta' sistema ta' negozjar oħra li għaliha hemm disponibbli dik l-informazzjoni għandhom jippubblikaw, għal kull segment tas-suq li joperaw fih u kull strument finanzjarju li mhux soġġett għall-obbligu ta' negozjar fl-Artikoli 23 u 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 informazzjoni addizzjonali fil-ħinijiet ta' referenza speċifikati fil-punti (i) u (ii) tal-Artikolu 4(a) għal kull jum ta' negozjar b'konformità mat-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi ppubblikata fil-format stabbilit fit-Tabella 7 tal-Anness:

(i)

prezz tal-aħjar talba u offerta u l-volumi korrispondenti;

(ii)

profondità tar-reġistru tal-ordnijiet għal tliet inkrementi tal-prezz.

2.   Ċentri tan-negozjar u internalizzaturi sistematiċi li joperaw b'sistema ta' rkanti kontinwi b'reġistru ta' ordnijiet, sistema ta' negozjar abbażi ta' kwotazzjonijiet kontinwi jew tip ta' sistema ta' negozjar oħra li għaliha hemm disponibbli dik l-informazzjoni għandhom jippubblikaw, għal kull segment tas-suq li joperaw fih u kull strument finanzjarju soġġett għall-obbligu ta' negozjar fl-Artikoli 23 u 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 informazzjoni addizzjonali għal kull jum ta' negozjar b'konformità mat-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Ċentri tal-eżekuzzjoni li joperaw b'sistema ta' rkanti kontinwi b'reġistru ta' ordnijiet, sistema ta' negozjar abbażi ta' kwotazzjonijiet kontinwi jew tip ta' sistema ta' negozjar oħra li hemm l-informazzjoni disponibbli għaliha għandhom jippubblikaw, għal kull segment tas-suq li joperaw fih u kull strument finanzjarju li mhux soġġett għall-obbligu ta' negozjar fl-Artikoli 23 u 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 informazzjoni addizzjonali għal kull jum ta' negozjar b'konformità mat-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi ppubblikata fil-format stabbilit fit-Tabella 8 tal-Anness:

(a)

il-firxa effettiva medja;

(b)

il-volum medju fl-aħjar talba u offerta;

(c)

il-firxa medja fl-aħjar talba u offerta;

(d)

l-għadd ta' kanċellazzjonijiet fl-aħjar talba u offerta;

(e)

l-għadd ta' modifikazzjonijiet fl-aħjar talba u offerta;

(f)

il-profondità medja tar-reġistru tal-ordnijiet għal tliet (3) inkrementi tal-prezz;

(g)

il-ħin medju u medjan li jkun għadda bejn ordni aggressiv jew aċċettazzjoni ta' kwotazzjoni li tiġi rċevuta miċ-ċentru tal-eżekuzzjoni u l-eżekuzzjoni totali jew parzjali sussegwenti;

(h)

il-ħeffa medja tal-eżekuzzjoni għal ordnijiet passivi mhux modifikati fl-aħjar talba u offerta;

(i)

l-għadd ta' ordnijiet fill or kill (eżegwixxi jew ikkanċella) li fallew;

(j)

l-għadd ta' ordnijiet eżegwixxi issa inkella ħassar (immediate or cancel) li ma ġewx eżegwiti (żero fill);

(k)

l-għadd u l-valur tat-tranżazzjonijiet li ġew eżegwiti fiċ-ċentru tan-negozjar li huma Kbar fl-Iskala skont l-Artikoli 4 jew 9 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014;

(l)

l-għadd u l-valur tat-tranżazzjonijiet li ġew eżegwit fiċ-ċentru tan-negozjar skont l-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, ħlief l-ordnijiet li huma miżmuma f'faċilità tal-ġestjoni tal-ordnijiet taċ-ċentru tan-negozjar sakemm jiġu divulgati u li mhumiex inklużi fil-punt (k);

(m)

l-għadd u d-durata medja tal-interruzzjonijiet fin-negozjar b'riżultat ta' xi rkant ta' volatilità jew circuit breaker li jkun seħħ fil-perjodu ta' negozjar normali taċ-ċentru;

(n)

in-natura, l-għadd, u d-durata medja ta' kwalunkwe sospensjoni fin-negozjar li tkun seħħet b'riżultat ta' deċiżjoni taċ-ċentru fil-ħinijiet normali tan-negozjar tiegħu, barra minn dawk li ġew irrapportati skont l-Artikolu 3(1)(v).

3.   Ċentri tan-negozjar u l-internalizzaturi sistematiċi li joperaw, għalkollox jew parzjalment, b'sistema ta' negozjar abbażi ta' kwotazzjonijiet kontinwi għandhom jippubblikaw, għal kull segment tas-suq li joperaw fih u strument finanzjarju soġġett għall-obbligu ta' negozjar fl-Artikoli 23 u 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 informazzjoni addizzjonali b'konformità mat-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Ċentri tal-eżekuzzjoni li joperaw, għalkollox jew parzjalment, b'sistema ta' negozjar abbażi ta' kwotazzjonijiet kontinwi għandhom jippubblikaw, għal kull segment tas-suq li joperaw fih u kull strument finanzjarju mhux soġġett għall-obbligu ta' negozjar fl-Artikoli 23 u 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 informazzjoni addizzjonali b'konformità mat-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi ppubblikata fil-format stabbilit fit-Tabella 8 tal-Anness:

(a)

l-għadd u d-durata medja, waqt il-ħinijiet normali tan-negozjar taċ-ċentru, ta' kwalunkwe perjodu li damu iktar minn 15-il minuta li fihom ma kien hemm l-ebda offerta ta' prezz jew ta' xiri pprovduti għal kull jum ta' negozjar;

(b)

il-preżenza medja tal-kwotazzjonijiet espressa f'persentaġġ tal-perjodu ta' negozjar normali taċ-ċentru f'din id-data.

Artikolu 8

Informazzjoni addizzjonali għal ċentri tal-eżekuzzjoni li jaħdmu bit-talba għal kwotazzjoni

Ċentri tan-negozjar u internalizzaturi sistematiċi li joperaw b'sistema ta' negozjar ta' talbiet għal kwotazzjonijiet jew tip ta' sistema ta' negozjar oħra li għaliha hemm disponibbli dik l-informazzjoni għandhom jippubblikaw, għal kull segment tas-suq li joperaw fih u kull strument finanzjarju soġġett għall-obbligu ta' negozjar fl-Artikoli 23 u 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 informazzjoni addizzjonali għal kull jum ta' negozjar b'konformità mat-tielet paragrafu ta' dan l-Artikolu.

Ċentri tal-eżekuzzjoni li joperaw b'sistema ta' negozjar ta' talbiet għal kwotazzjonijiet jew tip ta' sistema ta' negozjar oħra li għaliha hemm disponibbli dik l-informazzjoni għandhom jippubblikaw, għal kull segment tas-suq li joperaw fih u kull strument finanzjarju soġġett għall-obbligu ta' negozjar fl-Artikoli 23 u 28 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 informazzjoni addizzjonali għal kull jum ta' negozjar b'konformità mat-tielet paragrafu ta' dan l-Artikolu.

L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi ppubblikata fil-format stabbilit fit-Tabella 9 tal-Anness:

(a)

l-ammont medju ta' ħin u l-ammont medjan ta' ħin li jgħaddi bejn l-aċċettazzjoni tal-kwotazzjoni u l-eżekuzzjoni, għal kull tranżazzjoni f'dak l-istrument finanzjarju, u;

(b)

l-ammont medju ta' ħin u l-ammont medjan ta' ħin li jgħaddi bejn talba għal kwotazzjoni u l-provvediment ta' kwalunkwe kwotazzjoni korrispondenti, għal kull kwotazzjoni f'dak l-istrument finanzjarju.

Artikolu 9

Kalkolu tal-meded tar-rapportar

Iċ-ċentri tal-eżekuzzjoni għandhom jirrapportaw it-tranżazzjonijiet eżegwiti speċifikati fl-Artikolu 4 għall-meded li ġejjin:

(a)

għall-istrumenti finanzjarji kollha għajr strumenti tas-suq monetarju:

(i)

medda 1: ikbar minn EUR 0 u inqas jew daqs id-Daqs tas-Suq Standard jew id-Daqs Speċifiku għall-istrument finanzjarju;

(ii)

medda 2: ikbar mid-Daqs tas-Suq Standard jew id-Daqs Speċifiku għall-istrument finanzjarju u inqas jew daqs Kbir fl-Iskala;

(iii)

medda 3: ikbar minn Kbir fl-Iskala.

(b)

għal ishma illikwidi, fondi negozjati fil-borża jew ċertifikati:

(i)

medda 1: ikbar minn EUR 0 u inqas jew daqs l-iċken Daqs tas-Suq Standard disponibbli f'dak it-tip ta' strument;

(ii)

medda 2: ikbar mill-iċken Daqs tas-Suq Standard disponibbli f'dak it-tip ta' strument u iċken jew daqs Kbir fl-Iskala;

(iii)

medda 3: ikbar minn Kbir fl-Iskala.

(c)

għal strumenti tas-suq monetarju:

(i)

medda 1: ikbar minn EUR 0 u inqas jew daqs EUR 10 miljun;

(ii)

medda 2: ikbar minn EUR 10 miljun u inqas jew daqs EUR 50 miljun;

(iii)

medda 3: ikbar minn EUR 50 miljun.

Artikolu 10

Format għall-pubblikazzjoni

Iċ-ċentri tal-eżekuzzjoni għandhom jippubblikaw, għal kull jum ta' negozjar, l-informazzjoni f'konformità mal-formoli stabbiliti fl-Anness, f'format elettroniku li jinqara minn magna, disponibbli biex jitniżżel mill-pubbliku.

Artikolu 11

Perjodiċità tal-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata

Iċ-ċentri tal-eżekuzzjoni għandhom jippubblikaw l-informazzjoni kull trimestru u mhux iktar tard minn tliet xhur wara tmiem kull trimestru, kif ġej:

(a)

sat-30 ta' Ġunju, l-informazzjoni rigward il-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Marzu;

(b)

sat-30 ta' Settembru, l-informazzjoni rigward il-perjodu mill-1 ta' April sat-30 ta' Ġunju;

(c)

sal-31 ta' Diċembru, l-informazzjoni rigward il-perjodu mill-1 ta' Lulju sat-30 ta' Settembru;

(d)

sal-31 ta' Marzu, l-informazzjoni rigward il-perjodu mill-1 ta' Ottubru sat-31 ta' Diċembru.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mit-3 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


ANNESS

Tabella 1 — informazzjoni ta' identifikazzjoni li għandha tiġi ppubblikata kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) — it-tip ta' ċentru tal-eżekuzzjoni

Ċentru

Isem

Identifikatur (ISO 10383 Kodiċi tal-Identifikatur tas-Suq (Market Identifier Code, MIC) jew l-Identifikatur ta' Entità Ġuridika (Legal Entity Identifier, LEI))

 

Pajjiż tal-Awtorità Kompetenti

Isem

 

 

Segment tas-Suq

Isem

Identifikatur (MIC tas-segment tas-suq ISO 10383)

 

Data tal-jum ta' negozjar

ISO 8601

 

 

Qtugħ f'xi servizz

Natura

Għadd

Tul medju

Irkant Skedat

Natura

Għadd

Tul medju

Tranżazzjonijiet li fallew

 

Għadd

Valur (bħala % tal-valur totali tat-tranżazzjonijiet eżegwiti dakinhar)


Tabella 2 — informazzjoni ta' identifikazzjoni li għandha tiġi ppubblikata kif imsemmi fl-Artikolu 3(2) — it-tip ta' strument finanzjarju

Strument finanzjarju

Isem

Identifikatur (ISO 6166)

Deskrizzjoni bil-miktub tal-istrument finanzjarju, jekk ma jkunx disponibbli identifikatur (flimkien mal-munita tal-istrument sottostanti, il-multiplikatur tal-prezz, in-notazzjoni tal-prezz, in-notazzjoni tal-kwantità u t-tip ta' konsenja)

 

 

Klassifikazzjoni tal-istrument

(Kodiċi CFI ISO 10962)

Munita

(ISO 4217)


Tabella 3 — informazzjoni dwar il-prezz li għandha tiġi ppubblikata kif imsemmi fl-Artikolu 4 punt (a)

 

Medda tad-Daqs

Kull negozju eżegwit fl-ewwel żewġ minuti wara l-ħin T

L-ewwel tranżazzjoni wara l-ħin T (jekk ma jkunx hemm tranżazzjonijiet fl-ewwel żewġ minuti wara l-ħin T)

Ħin (T)

 

Prezz eżegwit medju sempliċi (bl-esklużjoni tal-kummissjonijiet u l-interess akkumulat)

Valur totali eżegwit

Prezz

Ħin tal-eżekuzzjoni

Daqs tat-tranżazzjoni

Sistema ta' Negozjar

Modalità ta' Negozjar

Pjattaforma ta' negozjar

L-aqwa talba u offerta jew prezz ta' referenza xieraq fil-waqt tal-eżekuzzjoni

09.30.00

1

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

2

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

3

 

 

 

 

 

 

 

 

 

11.30.00

1

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

2

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

3

 

 

 

 

 

 

 

 

 

13.30.00

1

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

2

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

3

 

 

 

 

 

 

 

 

 

15.30.00

1

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

2

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

3

 

 

 

 

 

 

 

 

 


Tabella 4 — informazzjoni dwar il-prezz li għandha tiġi ppubblikata kif imsemmi fl-Artikolu 4 punt (b)

prezz tat-tranżazzjoni medju sempliċi

 

prezz tat-tranżazzjoni ponderat skont il-volum

 

l-ogħla prezz eżegwit

 

l-inqas prezz eżegwit

 


Tabella 5 — informazzjoni dwar l-ispejjeż li għandha tiġi ppubblikata kif imsemmi fl-Artikolu 5

Informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 5(a) sa (d)

(Deskrizzjoni)

Link għal sit web jew sors ieħor fejn ikun hemm disponibbli iktar informazzjoni dwar l-ispejjeż

 

Valur totali ta' kull roħs, skont, jew pagament ieħor offrut (bħala % tal-valur totali negozjat waqt il-perjodu ta' rapportar)

%

Valur totali ta' kull spiża (bħala % tal-valur totali negozjat waqt il-volum tal-perjodu ta' rapportar)

%


Tabella 6 — informazzjoni dwar il-probabbiltà ta' eżekuzzjoni li għandha tiġi ppubblikata kif imsemmi fl-Artikolu 6

Għadd ta' ordnijiet jew talbiet għall-kwotazzjonijiet li kienu rċevuti

 

Għadd ta' tranżazzjonijiet eżegwiti

 

Valur totali tat-tranżazzjonijiet eżegwiti

 

Għadd ta' ordnijiet jew talbiet għall-kwotazzjonijiet li kienu rċevuti li ġew imħassra jew irtirati

 

Għadd ta' ordnijiet jew talbiet għall-kwotazzjonijiet li kienu rċevuti li ġew modifikati

 

Daqs medjan tat-tranżazzjonijiet

 

Daqs medjan tat-tranżazzjonijiet jew it-talbiet għall-kwotazzjoni kollha

 

Għadd ta' ġeneraturi tas-suq deżinjati

 


Tabella 7 — informazzjoni dwar il-probabbiltà ta' eżekuzzjoni li għandha tiġi ppubblikata kif imsemmi fl-Artikolu 7(1)

Ħin

Prezz tal-Aqwa Talba

Prezz tal-Aqwa Offerta

Daqs tat-Talba

Daqs tal-Offerta

Il-profondità tar-reġistru tal-ordnijiet fi tliet (3) inkrementi tal-prezz

9.30.00

 

 

 

 

 

11.30.00

 

 

 

 

 

13.30.00

 

 

 

 

 

15.30.00

 

 

 

 

 


Tabella 8 — informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata kif imsemmi fl-Artikolu 7(2) u 7(3)

Firxa effettiva medja

 

Volum medju fl-aqwa talba u offerta

 

Firxa medja fl-aqwa talba u offerta

 

Għadd ta' kanċellazzjonijiet fl-aħjar talba u offerta

 

Għadd ta' modifikazzjonijiet fl-aħjar talba u offerta

 

Profondità medja tar-reġistru tal-ordnijiet għal tliet (3) inkrementi tal-prezz

 

Ħin medju li jkun għadda (preċiż sal-millisekondi) bejn ordni aggressiv jew aċċettazzjoni ta' kwotazzjoni li tiġi rċevuta miċ-ċentru tal-eżekuzzjoni u l-eżekuzzjoni totali jew parzjali sussegwenti

 

Ħin medjan li jkun għadda (preċiż sal-millisekondi) bejn ordni tas-suq li jiġi rċevut miċ-ċentru tal-eżekuzzjoni u l-eżekuzzjoni totali jew parzjali sussegwenti

 

Ħeffa medja tal-eżekuzzjoni għal ordnijiet passivi mhux modifikati fl-aħjar talba u offerta

 

Għadd ta' ordnijiet fill or kill (eżegwixxi jew ikkanċella) li fallew

 

Għadd ta' ordnijiet eżegwixxi issa inkella ħassar (immediate or cancel) li ma ġewx eżegwiti (żero fill)

 

Għadd ta' tranżazzjonijiet li ġew eżegwiti fiċ-ċentru tan-negozjar li huma Kbar fl-Iskala skont l-Artikoli 4 jew 9 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014

 

Valur tat-tranżazzjonijiet li ġew eżegwiti fiċ-ċentru tan-negozjar li huma Kbar fl-Iskala skont l-Artikoli 4 jew 9 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014

 

Għadd tat-tranżazzjonijiet li ġew eżegwiti fiċ-ċentru tan-negozjar skont l-Artikoli 4 u 9 tal-MiFIR, ħlief l-ordnijiet li huma miżmuma f'faċilità tal-ġestjoni tal-ordnijiet taċ-ċentru tan-negozjar sakemm jiġu divulgati u li mhumiex Kbar fl-Iskala

 

Għadd tat-tranżazzjonijiet li ġew eżegwiti fiċ-ċentru tan-negozjar skont l-Artikoli 4 u 9 tal-MiFIR, ħlief l-ordnijiet li huma miżmuma f'faċilità tal-ġestjoni tal-ordnijiet taċ-ċentru tan-negozjar sakemm jiġu divulgati u li mhumiex Kbar fl-Iskala

 

Għadd ta' interruzzjonijiet fin-negozjar

 

Durata medja tal-interruzzjonijiet fin-negozjar

 

Għadd ta' sospensjonijiet

 

Natura tas-sospensjonijiet

 

Durata medja tas-sospensjonijiet

 

Għal ċentri bi kwotazzjonijiet kontinwi, l-għadd ta' perjodi li fihom l-ebda kwotazzjonijiet ma ġew provduti

 

Għal ċentri bi kwotazzjonijiet kontinwi, id-durata medja ta' perjodi li fihom l-ebda kwotazzjonijiet ma ġew provduti

 

Preżenza medja tal-kwotazzjonijiet

 


Tabella 9 — informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata kif imsemmi fl-Artikolu 8

Ħin medju li skorra bejn l-aċċettazzjoni u l-eżekuzzjoni

 

Ħin medjan li skorra bejn l-aċċettazzjoni u l-eżekuzzjoni

 

Ħin medju li skorra bejn it-talba u l-provvediment ta' kwalunkwe kwotazzjoni korrispondenti

 

Ħin medjan li skorra bejn it-talba u l-provvediment ta' kwalunkwe kwotazzjoni korrispondenti