28.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 50/15


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/335

tas-27 ta' Frar 2017

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-glikosidi tal-istevjol (E 960) bħala dolċifikant f'ċerti prodotti tal-ħelu b'valuri enerġetiċi mnaqqsa

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Dik il-lista tista' tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jew bl-inizjattiva tal-Kummissjoni jew inkella wara applikazzjoni.

(3)

Fis-27 ta' Mejju 2015 ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-glikosidi tal-istevjol (E 960) bħala dolċifikant f'ċerti prodotti tal-ħelu b'valuri enerġetiċi mnaqqsa. Sussegwentement l-applikazzjoni saret disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(4)

Il-glikosidi tal-istevjol huma kostitwenti b'togħma ħelwa mingħajr kaloriji u jistgħu jintużaw biex jieħdu post iz-zokkor kalorifiku f'ċerti prodotti tal-ħelu, u b'hekk inaqqsu l-kontenut tal-kaloriji tagħhom u joffru lill-konsumaturi prodotti b'enerġija mnaqqsa, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. L-użu kkumbinat tal-glikosidi tal-istevjol u taz-zokkor jipprovdi ħlewwa u profil ta' togħma aħjar meta mqabbel ma' prodotti li jużaw biss il-glikosidi tal-istevjol għal skopijiet ta' żieda ta' ħlewwa hekk kif iz-zokkor jaħbi t-togħma li jħallu l-glikosidi tal-istevjol.

(5)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-“Awtorità”) sabiex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel imniżżla fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(6)

Fl-2010, l-Awtorità adottat opinjoni xjentifika (3) dwar is-sikurezza tal-glikosidi tal-istevjol għall-użi proposti bħala addittiv tal-ikel (E 960) u stabbiliet Doża Aċċettabbli ta' Kuljum (ADI) ta' 4 mg/kg ta' piż tal-ġisem/jum, espressa bħala ekwivalenti tal-istevjol.

(7)

Fl-2015 l-Awtorità rrevediet il-valutazzjoni tal-esponiment għall-glikosidi tal-istevjol u kkonkludiet li f'pajjiż wieħed (4), l-istimi għall-esponiment huma inqas mill-ADI għall-gruppi tal-età kollha, ħlief għal trabi li telqu jimxu fil-firxa ta' fuq tal-istimi ta' livell għoli (il-95 perċentil). Il-kalkoli tal-espożizzjoni li sar mir- Rijksinstituut voor Volksgezondheid en Milieu fl-2015 wera li l-estensjoni proposta tal-użu, jekk wieħed jassumi sehem mis-suq ta' 25 % għall-prodotti li fihom il-glikosidi tal-istevjol u bil-preżunzjoni ta' lealtà lejn il-marka ta' 100 %, ma kellhiex effett fuq il-95 perċentil ta' espożizzjoni fit-tfal żgħar ta' bejn sentejn u sitt snin fin-Netherlands.

(8)

Fl-opinjoni tagħha tal-2015, l-Awtorità indikat li ma kienx possibbli li s-sistema ta' klassifikazzjoni FoodEx tirrifletti r-restrizzjonijiet/l-eċċezzjonijiet kollha li japplikaw għall-użu tal-glikosidi tal-istevjol (E 960) fl-ikel taħt is-subkategorija tal-ikel 05.2. Għalhekk, l-ogħla livell massimu ta' 2 000 mg/kg kien assenjat għall-kategorija kollha tal-ikel li jirriżulta fi stima eċċessiva ta' esponiment. Barra minn hekk, l-ikel tal-kategorija 05.2. “Ħelu ieħor inkluż ħelu żgħir li jiffriska n-nifs” ma kinux identifikati bħala waħda mill-kategoriji tal-ikel ewlenin li jikkontribwixxu għall-esponiment tal-glikosidi tal-istevjol (E 960).

(9)

Meta wieħed iqis li l-istimi tal-esponiment huma inqas mill-ADI għall-gruppi tal-età kollha, l-użijiet proposti u l-livelli tal-użu tal-glikosidi tal-istevjol (E 960) bħala sustanza li tagħti l-ħlewwa mhumiex ta' periklu għas-saħħa.

(10)

Għalhekk, huwa xieraq li l-użu tal-glikosidi tal-istevjol (E 960) jiġi awtorizzat bħala dolċifikant f'ċertu prodotti tal-ħelu b'valur enerġetiku mnaqqas fis-subkategorija tal-ikel 05.2 “Ħelu ieħor inkluż ħelu żgħir li jiffriska n-nifs”: Ħelu iebes (ħelu u lollies), ħelu artab (ħelu li tomogħdu, gums tal-frott, u prodotti taz-zokkor tar-ragħwa/marshmallows), għud is-sus, qubbajt, u marżipan (f'livell massimu ta' 350 mg/kg); mustardini b'togħma qawwija li jiffriskaw (f'livell massimu ta' 670 mg/kg) u ħelu żgħir li jiffriska n-nifs (f'livell massimu ta' 2 000 mg/kg).

(11)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(12)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Frar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

(3)  EFSA Journal 2010; 8(4):1537.

(4)  EFSA Journal 2015;13(6):4146.


ANNESS

Is-subkategorija tal-ikel 05.2 “Ħelu ieħor inkluż ħelu żgħir li jiffriska n-nifs” tal-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 hija emendata kif ġej:

(a)

l-entrata għall-glikosidi tal-Istevjol E 960, li tirreferi għal “ħelu mingħajr zokkor miżjud biss” tinbidel b'dan li ġej:

 

“E 960

Glikosidi tal-Istevjol

350

(60)

ħelu mingħajr zokkor miżjud biss

ħelu iebes b'valur enerġetiku mnaqqas biss (ħelu u lollies)

ħelu b'valur enerġetiku mnaqqas biss (ħelu li tomogħdu, gums tal-frott, u prodotti taz-zokkor tar-ragħwa/marshmallows)

għud is-sus b'valur enerġetiku mnaqqas biss

qubbajt b'valur enerġetiku mnaqqas biss

marżipan b'valur enerġetiku mnaqqas biss”

(b)

l-entrata għall-glikosidi tal-Istevjol E 960, li tirreferi għal “mustardini li jiffriskaw il-griżmejn mingħajr zokkor miżjud biss” tinbidel b'dan li ġej:

 

“E 960

Glikosidi tal-Istevjol

670

(60)

mustardini b'togħma qawwija li jiffriskaw il-griżmejn, b'valur enerġetiku mnaqqas jew mingħajr zokkor miżjud”

(c)

l-entrata għall-glikosidi tal-Istevjol E 960, li tirreferi għal “ħelu żgħir biss, mingħajr zokkor miżjud” tinbidel b'dan li ġej:

 

“E 960

Glikosidi tal-Istevjol

2 000

(60)

ħelu żgħir b'togħma qawwija li jiffriska l-griżmejn, b'valur enerġetiku mnaqqas jew mingħajr zokkor miżjud”