10.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 5/11


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/40

tat-3 ta' Novembru 2016

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta' frott u ħxejjex, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi u li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014

IL-KUMMISJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 24 u l-Artikolu 223(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (2), u b'mod partikolari l-Artikoli 64(6)(a) u 106(5) tiegħu,

Billi:

(1)

It-Taqsima I tal-Kapitolu II tat-Titolu I tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula żewġ skemi ta' għajnuna maħsubin sabiex itejbu d-distribuzzjoni tal-prodotti agrikoli lit-tfal fl-istabbilimenti edukattivi. L-ewwel skema għandha x'taqsam mal-provvista tal-frott u l-ħxejjex, il-frott u l-ħxejjex ipproċessati u l-prodotti tal-banana (l-Iskema tal-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel) u t-tieni waħda għandha x'taqsam mal-provvista tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (l-Iskema tal-ħalib fl-iskejjel). Dawk iż-żewġ skemi huma sostitwiti minn skema waħda introdotta mir-Regolament (UE) 2016/791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) b'effett mis-sena skolastika 2017/2018. Din l-iskema waħedha tistipula qafas komuni ġdid għall-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista tal-frott u l-ħxejjex, tal-prodotti pproċesati tal-frott u l-ħxejjex, tal-prodotti friski tas-settur tal-banana (“frott u ħxejjex għall-iskejjel”) u għall-provvista tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (“ħalib fl-iskejjel”) lit-tfal fl-istabbilimenti edukattivi (l-“iskema tal-iskejjel”). Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 kif emendat mir-Regolament (UE) 2016/791 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati u ta' implimentazzjoni wkoll. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-iskema tal-iskejjel skont il-qafas il-ġdid, għandhom jiġu adottati ċerti regoli permezz ta' atti bħal dawn. Dawk l-atti għandhom jieħdu post ir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) Nru 1047/2014 (4) u (UE) 2016/247 (5), ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/248 (6) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 657/2008 (7). Għaldaqstant, dawk l-atti għandhom ikunu revokati iżda għandhom jibqgħu japplikaw sakemm jaslu fi tmiemhom l-Iskemi attwali tal-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel, u tal-ħalib fl-iskejjel.

(2)

Skont l-Artikolu 23(8) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, bħala kundizzjoni sabiex jieħdu sehem fl-iskema tal-iskejjel, l-Istati Membri jridu jfasslu strateġija f'livell nazzjonali jew reġjonali għall-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel qabel ma jieħdu sehem fl-iskema tal-iskejjel. Trid titfassal strateġija ġdida kull sitt snin. Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jimplimentaw l-iskema tal-iskejjel f'livell reġjonali, iridu jfasslu strateġija għal kull reġjun u jistipulaw qafas ta' koordinazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet jew il-proċeduri tagħhom. Iridu jistabbilixxu punt uniku ta' kuntatt għall-iskambju ta' informazzjoni mal-Kummissjoni sabiex jgħinu lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tagħha tal-istrateġiji u fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat. Xieraq ukoll li jistabbilixxu dispożizzjonijiet li jiddefinixxu sa meta l-istrateġija u kwalunkwe emenda konsegwenti jridu jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni.

(3)

Għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet speċifiċi għat-tfassil u l-applikazzjoni tal-miżuri edukattivi li jakkumpanjaw, b'mod partikolari fir-rigward tal-bżonn li tkun appoġġjata d-distribuzzjoni tal-prodotti. Għandha tkun permessal-possibbiltà li dawk il-miżuri jistgħu jinvolvu wkoll lill-għalliema u lill-ġenituri, bil-għan li tkompli tissaħħaħ l-effikaċja ta' dawk il-miżuri u l-effikaċja kumplessiva tal-iskema tal-iskejjel.

(4)

Fl-interess taċ-ċertezza legali, xieraq li jiġu speċifikati l-ispejjeż imġarrbin għall-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel li huma eliġibbli għall-għajnuna mill-Unjoni.

(5)

Fl-interess tal-amministrazzjoni soda u tal-ġestjoni u s-superviżjoni baġitarja, għandhom jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, u għall-għażla u l-approvazzjoni tal-applikanti għall-għajnuna.

(6)

Għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet speċifiċi għas-sospensjoni u l-irtirar tal-approvazzjoni u għall-penali amministrattivi li jridu jiġu imposti fuq l-applikanti għall-għajnuna li jonqsu milli jirrispettaw l-obbligi stabbiliti taħt l-iskema tal-iskejjel.

(7)

Biex tiġi vvalutata l-effikaċja tal-iskema tal-iskejjel, u biex tkun tista' ssir reviżjoni bejn il-pari u jiġu skambjati l-aħjar prattiki, l-Istati Membri għandhom jissorveljaw u jevalwaw l-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel fuq bażi regolari u jibagħtu r-riżultati tagħhom lill-Kummissjoni. Għal dan il-għan, għandhom jiġu speċifikati l-għamla u t-tip ta' informazzjoni fir-rapporti ta' monitoraġġ. Barra minn hekk, nuqqas min-naħa tal-Istati Membri milli jirrispettaw ir-rekwiżiti ta' monitoraġġ u evalwazzjoni jista' jxekkel il-valutazzjoni tal-effikaċja tal-iskema tal-iskejjel u l-garanzija tal-ġestjoni korretta tal-għajnuna mill-Unjoni. Għaldaqstant għandhom jiġu pprovduti dispożizzjonijiet għat-tnaqqis dissważiv tal-għajnuna li jrid jiġi applikat mill-Kummissjoni meta Stat Membru jippreżenta r-rapport ta' evalwazzjoni tard.

(8)

Bil-għan li l-monitoraġġ u evalwazzjoni tal-iskema tal-iskejjel ikunu effettivi, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw l-għamla u t-tip ta' informazzjoni li jridu jinnotifikaw lill-Kummissjoni.

(9)

Sabiex jiġi żgurat li l-prodotti distribwiti taħt l-iskema tal-iskejjel jissodisfaw l-objettivi ta' promozzjoni ta' drawwiet tal-ikel tajbin għas-saħħa u jiżguraw li t-tfal jidraw it-togħma naturali ta' dawk il-prodotti, xieraq li jiġi speċifikat li l-livell massimu ta' zokkor miżjud fil-prodotti msemmijin fl-Artikolu 23(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, li għalihom iż-żieda ta' zokkor mhijiex teknikament neċessarja sabiex jiġu ppreparati jew immanifatturati, għandu jkun żero.

(10)

Sabiex jiġi żgurat li l-prodotti mqassmin taħt l-iskema tal-iskejjel jissodisfaw l-objettivi ta' promozzjoni ta' drawwiet tal-ikel tajbin għas-saħħa, xieraq li jiġi speċifikat il-livell massimu ta' zokkor u/jew għasel miżjud fil-prodotti elenkati fl-Anness V għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw limiti li huma inqas minn dawn.

(11)

Għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet speċifiċi sabiex jiġi żgurat li jkun hemm valur miżjud u viżibbiltà tal-iskema tal-iskejjel tal-Unjoni meta l-prodotti li jirċievu l-għajnuna mill-Unjoni taħt l-iskema tal-iskejjel jiġu distribwiti ma' ikliet regolari tal-iskejjel fl-istabbilimenti edukattivi.

(12)

Skont l-Artikolu 23a(8) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri jridu jirreklamaw l-involviment tagħhom fl-iskema tal-iskejjel u l-fatt li din hija ssussidjata mill-Unjoni. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jesebixxu kartellun fl-istabbilimenti edukattivi li jieħdu sehem. Il-kartellun għandu jitfassal f'konformità ma' ċerti rekwiżiti minimi.

(13)

Il-Kapitolu V tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (8) jistabbilixxi regoli dwar l-event operattiv għar-rata tal-kambju applikabbli għall-ammonti u l-pagamenti tal-għajnuna mill-Unjoni. Għaldaqstant, hemm bżonn li jiddaħħlu regoli li jikkonċernaw l-għajnuna marbuta mal-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel. Għalhekk, ir-Regolament Delegat (UE) Nru 907/2014 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

IR-REGOLI ĠENERALI DWAR L-ISKEMA TAL-ISKEJJEL

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jissupplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-għajnuna mill-Unjoni għall-provvista u d-distribuzzjoni tal-frott u l-ħxejjex, tal-prodotti pproċessati tal-frott u l-ħxejjex u tal-prodotti friski tas-settur tal-banana (“il-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel”), u għall-provvista u d-distribuzzjoni tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (“il-ħalib fl-iskejjel”) lit-tfal fl-istabbilimenti edukattivi, għall-akkumpanjament tal-miżuri edukattivi u għal ċerti spejjeż relatati fil-qafas tal-iskema msemmija fl-Artikolu 23 ta' dak ir-Regolament (“l-iskema tal-iskejjel”).

2.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandha tapplika d-definizzjoni tas-sena skolastika stabbilita fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 (9).

Artikolu 2

L-istrateġija tal-Istati Membri

1.   Meta jfasslu l-istrateġija msemmija fl-Artikolu 23(8) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu l-livell amministrattiv li fih jixtiequ jimplimentaw l-iskema tal-iskejjel. Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jimplimenta l-iskema tal-iskejjel f'livell reġjonali, irid ifassal strateġija għal kull reġjun u qafas ta' koordinazzjoni li jakkumpanjaha fil-livell tal-Istat Membru. L-Istat Membru għandu jistabbilixxi punt uniku ta' kuntatt għall-iskambju ta' informazzjoni mal-Kummissjoni.

2.   Jekk Stat Membru ma jpoġġix il-prodotti taħt l-iskema tal-iskejjel disponibbli bla ħlas, fl-istrateġija tiegħu għandu jispjega l-arranġamenti li implimenta sabiex jiżgura li l-għajnuna mill-Unjoni taħt l-iskema tal-iskejjel hija riflessa fil-prezz li bih jitqiegħdu għad-dispożizzjoni dawk il-prodotti.

3.   L-Istati Membri li jixtiequ jieħdu sehem fl-iskema tal-iskejjel għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-istrateġija tagħhom sat-30 ta' April ta' qabel l-ewwel sena skolastika koperta mill-istrateġija. Madankollu, sal-1 ta' Awwissu 2017 l-Istati Membri għandhom ikunu nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-istrateġija tagħhom li tkopri l-perjodu ta' sitt snin bl-ewwel sena skolastika li tkun dik tal-2017/2018.

4.   Stat Membru jista' jemenda l-istrateġija tiegħu. L-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-istrateġija emendata tiegħu fi żmien xahrejn mill-emenda.

Artikolu 3

Il-miżuri edukattivi li jakkumpanjaw

1.   Il-miżuri edukattivi ta' sostenn imsemmijin fl-Artikolu 23(10) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandu jkollhom rabta diretta mal-objettivi tal-iskema tal-iskejjel.

2.   Il-miżuri edukattivi ta' sostenn għandhom jappoġġjaw id-distribuzzjoni tal-frott, il-ħxejjex u l-ħalib fl-iskejjel u, f'każ li jinkludu prodotti agrikoli oħrajn apparti dawk imsemmijin fl-Artikolu 23(3), (4) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-miżuri għandhom jistipulaw id-dewqan ta' dawk il-prodotti l-oħrajn.

3.   Fil-miżuri edukattivi ta' sostenn jistgħu jkunu involuti l-ġenituri u l-għalliema wkoll.

Artikolu 4

L-ispejjeż eliġibbli

1.   Dan huma l-ispejjeż eliġibbli għall-għajnuna tal-Unjoni:

(a)

l-ispejjeż tal-prodotti fornuti taħt l-iskema tal-iskejjel u distribwiti lit-tfal fl-istabbilimenti edukattivi msemmijin fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, li jistgħu jinkludu l-ispejjeż tax-xiri, ir-renta, il-kiri u l-lokazzjoni ta' tagħmir li jintuża għall-provvista u għad-distribuzzjoni tal-prodotti, kif previst fl-istrateġija tal-Istat Membru;

(b)

l-ispejjeż tal-miżuri edukattivi ta' sostenn, inklużi:

(i)

l-ispejjeż għall-organizzazzjoni ta' klassijiet tad-dewqan, għall-ħolqien u għaż-żamma tal-ġonna tal-iskejjel, għall-organizzazzjoni ta' żjarat f'irziezet u għal attivitajiet simili mmirati sabiex iqarrbu lit-tfal lejn l-agrikoltura,

(ii)

l-ispejjeż tal-miżuri mmirati sabiex jedukaw lit-tfal dwar l-agrikoltura, id-drawwiet tal-ikel tajbin għas-saħħa, il-ktajjen alimentari lokali, il-produzzjoni organika, il-produzzjoni sostenibbli u l-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel;

(c)

l-ispejjeż għall-pubbliċità tal-iskema tal-iskejjel, li għandu jkollha l-għan dirett li tinforma lill-pubbliku ġenerali dwar l-iskema tal-iskejjel, inkluż:

(i)

l-ispiża tal-kartellun imsemmi fl-Artikolu 12 ta' dan ir-Regolament,

(ii)

l-ispejjeż tal-kampanji tal-informazzjoni fuq ix-xandir, komunikazzjonijiet elettroniċi, gazzetti u mezzi simili tal-komunikazzjoni,

(iii)

l-ispejjeż tas-sessjonijiet informattivi, il-konferenzi, is-seminars u l-gruppi ta' ħidma ddedikati il-pubbliku ġenerali jiġi infurmat dwar l-iskema tal-iskejjel u avvenimenti simili,

(iv)

l-ispejjeż tal-materjal promozzjonali u informattiv bħal ittri, fuljetti, volantini, oġġetti u affarijiet simili,

(d)

l-ispejjeż tal-miżuri ta' netwerking sabiex jiġu skambjati l-esperjenzi u l-aħjar prattiki fl-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel;

(e)

l-ispejjeż relatati mal-obbligu tal-Istati Membri li jissorveljaw u jevalwaw l-effikaċja tal-iskema tal-iskejjel tagħhom;

(f)

l-ispejjeż tat-trasport u d-distribuzzjoni tal-prodotti fornuti taħt l-iskema tal-iskejjel, safejn ma jkunux koperti mill-punt (a) ta' dan il-paragrafu.

2.   L-ispejjeż imsemmijin fil-paragrafu 1 m'għandhomx ikunu ffinanzjati minn xi skema, programm, miżura jew operazzjoni ta' għajnuna oħra tal-Unjoni.

3.   It-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) mhijiex eliġibbli għall-għajnuna tal-Unjoni.

4.   In-nefqa relatata mal-ispejjeż tal-persunal mhijiex eleġibbli għall-għajnuna tal-Unjoni jekk dawk l-ispejjeż tal-persunal ikunu ffinanzjati mill-fondi pubbliċi tal-Istat Membru.

Artikolu 5

Il-kundizzjonijiet ġenerali biex tingħata l-għajnuna u biex jintgħażlu l-applikanti għall-għajnuna

1.   L-għajnuna mogħtija lil Stat Membru taħt l-iskema tal-iskejjel għandha tkun distribwita lil dawk l-applikanti għall-għajnuna li jkunu ġew approvati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru skont l-Artikolu 6 u li l-applikazzjoni tagħhom tkun relatata mal-implimentazzjoni ta' waħda jew iktar minn fost dawn li ġejjin:

(a)

il-provvista jew id-distribuzzjoni ta' prodotti lit-tfal fl-istabbilimenti edukattivi taħt l-iskema tal-iskejjel;

(b)

il-miżuri edukattivi ta' sostenn;

(c)

l-azzjonijiet ta' monitoraġġ u evalwazzjoni;

(d)

il-pubbliċità.

2.   L-Istat Membru għandu jagħżel l-applikanti għall-għajnuna minn fost dawn il-korpi:

(a)

l-istabbilimenti edukattivi;

(b)

l-awtoritajiet edukattivi;

(c)

il-fornituri jew id-distributuri tal-prodotti;

(d)

l-organizzazzjonijiet li jaġixxu f'isem stabbiliment edukattiv wieħed jew iktar jew awtorità edukattiva waħda jew iktar li huma stabbiliti apposta għall-finijiet ta' ġestjoni u provvediment ta' kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1;

(e)

xi entità pubblika jew privata oħra li tkun involuta fil-ġestjoni u fil-provvediment ta' xi waħda mill-attivitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1.

Artikolu 6

Il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-applikanti għall-għajnuna

1.   L-applikanti għall-għajnuna għandhom jiġu approvati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-istabbiliment edukattiv li lilu jiġu fornuti u/jew li lilu jitqassmu l-prodotti. L-approvazzjoni għandha tkun soġġetta għal dawn l-impenji bil-miktub li jkunu ħadu l-applikanti:

(a)

li jiżguraw li l-prodotti ffinanzjati mill-Unjoni taħt l-iskema jkunu disponibbli għall-konsum mit-tfal fl-istabbiliment jew fl-istabbilimenti edukattivi li għalihom ikunu applikaw għall-għajnuna;

(b)

li jużaw l-għajnuna allokata għall-miżuri edukattivi ta' sostenn, għall-monitoraġġ, għall-evalwazzjoni u għall-pubbliċità, skont l-objettivi tal-iskema tal-iskejjel;

(c)

li jroddu lura kull ammont ta' għajnuna li ma kellux jitħallas għall-kwantitajiet ikkonċernati, jekk jinstab li l-prodotti ma jkunux tqassmu lit-tfal jew ma jkunux eliġibbli għall-għajnuna tal-Unjoni;

(d)

li jroddu lura kull ammont ta' għajnuna li ma kellux jitħallas għall-miżuri edukattivi ta' sostenn, għall-monitoraġġ, għall-evalwazzjoni, għall-miżuri ta' pubbliċità, jekk jinstab li dawn il-miżuri jew dawn l-attivitajiet ma jkunux twettqu sew;

(e)

li jqiegħdu d-dokumenti ta' sostenn għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti meta din titlobhomlhom;

(f)

li jippermettu kull verifika neċessarja li l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħmel, b'mod partikolari l-iskrutinju tar-rekords u l-ispezzjonijiet fiżiċi.

Meta l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jkunu jikkonċernaw attivitajiet soġġetti għal proċeduri ta' akkwist, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw l-approvazzjoni kif mogħtija meta l-impenji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu jkunu inklużi fil-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta' akkwist pubbliku.

2.   Fil-każ ta' applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-provvista u/jew id-distribuzzjoni tal-prodotti biss, ma għandhomx japplikaw il-punti (b) u (d) tal-paragrafu 1. L-applikanti għandhom jieħdu impenn addizzjonali bil-miktub li jżommu rekord tal-ismijiet u tal-indirizzi tal-istabbilimenti edukattivi jew l-awtoritajiet edukattivi meta jirċievu l-prodotti tagħhom u li jżommu rekord tal-kwantitajiet tal-prodotti speċifiċi mibjugħin jew fornuti.

3.   Fil-każ ta' applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-miżuri edukattivi ta' sostenn biss, m'għandhomx japplikaw il-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jispeċifikaw kwalunkwe impenn addizzjonali bil-miktub li jrid jitwettaq mill-applikanti, b'mod partikolari fir-rigward:

(a)

tal-miżuri edukattivi ta' sostenn imwettqin fl-iskejjel, meta dawk l-iskejjel ma jkunux applikanti għall-għajnuna;

(b)

tal-miżuri edukattivi ta' sostenn li jinkludu d-distribuzzjoni tal-prodotti.

4.   Fil-każ ta' applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-pubbliċità biss, m'għandhomx japplikaw il-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1.

5.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw l-approvazzjonijiet mogħtijin taħt l-iskema tal-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel skont ir-Regolament Delegat (UE) 2016/247 u/jew taħt l-iskema tal-ħalib fl-iskejjel skont ir-Regolament (KE) Nru 657/2008 bħala validi jekk ma jinbidlux il-kriterji u l-kundizzjonijiet.

Artikolu 7

Is-sospensjoni jew l-irtirar tal-approvazzjoni

1.   Jekk l-applikant jonqos milli jikkonforma mal-obbligi stabbiliti taħt l-iskema tal-iskejjel, l-awtorità kompetenti għandha tissospendi l-approvazzjoni tal-applikant għal perjodu ta' bejn xahar u tnax-il xahar jew tirtiraha, skont il-gravità tan-nuqqas ta' konformità u skont il-prinċipju tal-proporzjonalità.

2.   Is-sospensjoni u l-irtirar m'għandhomx ikunu imposti fil-każijiet imsemmijin fil-punti minn (a) sa (d) tal-Artikolu 64(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jew jekk in-nuqqas ta' konformità kien minuri.

3.   Fuq it-talba tal-applikant u jekk ikunu ġew rimedjati r-raġunijiet għall-irtirar, l-awtorità kompetenti tista' terġa' tagħti l-approvazzjoni lill-applikant għall-għajnuna wara perjodu minimu ta' 12-il xahar mid-data li fiha jkunu ġew rimedjati r-raġunijiet għall-irtirar.

Artikolu 8

Il-penali amministrattivi

F'każijiet ta' nuqqas ta' konformità mal-obbligi stabbiliti taħt l-iskema tal-iskejjel, ħlief dawk imsemmijin fil-punti minn (a) sa (d) tal-Artikolu 64(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-applikant, minbarra li jirkupra l-ammonti li ma kellhomx jitħallsu, għandu jħallas penali amministrattiva daqs id-differenza bejn l-ammont inizjalment meħud u l-ammont li l-applikant huwa intitolat għalih.

Artikolu 9

Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw li jkun hemm l-istrutturi u l-forom xierqa sabiex jiżguraw il-monitoraġġ annwali tal-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel.

2.   L-Istati Membri għandhom jevalwaw l-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel sabiex jivvalutaw l-effikaċja tagħha fid-dawl tal-għanijiet tagħha.

3.   Ir-rapporti annwali ta' monitoraġġ mill-Istati Membri għandu jkun fihom informazzjoni dwar il-fondi użati għall-provvista u d-distribuzzjoni ta' kull wieħed mill-gruppi ta' prodotti elenkati fl-Artikolu 23(3), (4) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u għall-miżuri edukattivi ta' sostenn, in-numru ta' stabbilimenti edukattivi u t-tfal li jieħdu sehem fl-iskema tal-iskejjel, id-daqs medju tal-porzjon u l-prezz medju għal kull porzjon, il-frekwenza tal-kunsinna tal-prodotti, il-kwantitajiet tal-prodotti fornuti mqassmin skont il-gruppi ta' prodotti u, jekk applikabbli, tal-prodotti apparti dawk elenkati fl-Artikolu 23(3), (4) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li huma inklużi taħt il-miżuri edukattivi ta' sostenn skont l-Artikolu 23(7) ta' dak ir-Regolament, it-tipi ta' komunikazzjoni u l-miżuri li jakkumpanjaw implimentati, u l-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati involuti fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel.

4.   Ir-rapporti annwali ta' kontroll mill-Istati Membri dwar il-verifiki fuq il-post imwettqin u s-sejbiet relatati għandhom jinkludu informazzjoni dwar l-ammont ta' għajnuna mitlub, imħallas u soġġett għal verifiki fuq il-post, it-tnaqqis tal-għajnuna wara l-kontrolli amministrattivi, it-tnaqqis tal-għajnuna dovut għas-sottomissjoni tard tal-applikazzjonijiet, l-ammont ta' għajnuna rkuprat wara l-verifiki fuq il-post, u l-penali amministrattivi applikati.

5.   Meta Stat Membru ma jressaqx rapport ta' evalwazzjoni quddiem il-Kummissjoni li jkun fih ir-riżultati tal-evalwazzjoni stipulati fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu fil-limiti ta' żmien imsemmijin fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/39, l-ammont tal-allokazzjoni definittiva li jmiss għandu jitnaqqas kif ġej:

(a)

b'5 % jekk il-limitu ta' żmien jinqabeż b'jum 1 sa 30 jum;

(b)

b'10 % jekk il-limitu ta' żmien jinqabeż b'31 u 60 jum.

Jekk il-limitu ta' żmien jinqabeż b'aktar minn 60 jum, l-allokazzjoni definittiva għandha titnaqqas b'1 % għal kull jum addizzjonali, ikkalkolata fuq il-bilanċ li jifdal.

Artikolu 10

Il-livelli massimi ta' ingredjenti miżjudin

1.   Il-livell massimu ta' zokkor miżjud li jista' jkun awtorizzat mill-Istati Membri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(6) fil-prodotti msemmijin fl-Artikolu 23(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 huwa żero.

2.   Il-livell massimu ta' zokkor u/jew għasel miżjud li jista' jkun permess mill-Istati Membri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(6) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fil-prodotti elenkati fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 huwa ta' 7 %. Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, iz-zokkor għandu jfisser l-oġġetti elenkati taħt il-kodiċijiet NM 1701 u 1702. Iz-zokkor miżjud mal-frott għandu jkun inkluż fil-livell massimu ta' 7 % taz-zokkor miżjud.

3.   Il-ġobon jista' jkun fih massimu ta' 10 % f'ingredjenti mhux lattiċi.

Artikolu 11

Id-distribuzzjoni tal-prodotti flimkien mal-ikliet regolari tal-iskejjel

F'każijiet iġġustifikati kif xieraq li fihom l-Istati Membri jqisu li dan ikun iktar effettiv sabiex jilħqu l-objettivi tal-istrateġiji tagħhom, jistgħu jawtorizzaw lill-iskejjel biex iqassmu l-prodotti li jirċievu għajnuna mill-Unjoni taħt l-iskema tal-iskejjel flimkien mal-ikliet regolari tal-iskejjel.

F'dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-prodotti:

(a)

ma jintużawx fit-tħejjija tal-ikliet regolari tal-iskejjel;

(b)

ma jintużawx sabiex jieħdu post prodotti li huma parti mill-ikliet regolari tal-iskejjel permezz tal-kontribuzzjoni finanzjarja minn entitajiet pubbliċi u/jew privati;

(c)

jibqgħu f'kull ħin jidhru bħala parti evidenti mill-iskema tal-iskejjel, permezz ta' miżuri xierqa ta' komunikazzjoni u pubbliċità.

Il-paragrafu (b) m'għandux japplika meta l-istabbilimenti edukattivi jqassmu ikliet regolari tal-iskejjel mingħajr ħlas.

Artikolu 12

Il-pubbliċità

Għall-finijiet tal-Artikolu 23a(8) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri jistgħu jużaw kartellun li jissodisfa r-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament, li għandu jitqiegħed b'mod permanenti f'post li jidher ċar fl-intrata prinċipali tal-istabbiliment edukattiv li jkun qiegħed jieħu sehem.

KAPITOLU II

EMENDI, REVOKAR U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Emenda tar-Regolament Delegat (UE) Nru 907/2014

Fir-Regolament Delegat (UE) Nru 907/2014, jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 32a

L-ammonti u l-pagamenti tal-għajnuna relatati mal-implimentazzjoni tal-Iskema tal-iskejjel

Għall-għanuna mogħtija għall-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel imsemmija fit-Taqsima I tal-Kapitolu II tat-Titolu I tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-evveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun l-1 ta' Jannar ta' qabel is-sena skolastika kkonċernata.”.

Artikolu 14

Revoki

Ir-Regolament (KE) Nru 657/2008, ir-Regolamenti Delegati (UE) Nru 1047/2014 u (UE) 2016/247 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/248 huma revokati. Madankollu, dawk ir-Regolamenti jibqgħu japplikaw għall-iskema tal-ħalib fl-iskejjel u l-iskema tal-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel għas-snin skolastiċi ta' qabel is-sena skolastika 2017/2018 sakemm dawk l-iskemi jaslu fi tmiemhom.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika għall-għajnuna għas-sena skolastika 2017/2018 u għas-snin skolastiċi ta' wara.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Novembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-iskema ta' għajnuna għall-provvista ta' frott u ħaxix, banana u ħalib fi stabbilimenti edukattivi (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 1).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1047/2014 tad-29 ta' Lulju 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istrateġija nazzjonali jew reġjonali li l-Istati Membri għandhom ifasslu għall-finijiet tal-iskema ta' ħalib għall-iskejjel (ĠU L 291, 7.10.2014, p. 4).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/247 tas-17 ta' Diċembru 2015 li jissupplimenta lir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista u d-distribuzzjoni ta' frott u ħxejjex, frott u ħxejjex proċessati u prodotti tal-banana fil-qafas tal-iskema tal-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel (ĠU L 46, 23.2.2016, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/248 tas-17 ta' Diċembru 2015 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista u għad-distribuzzjoni ta' frott u ħxejjex, frott u ħxejjex ipproċessati u prodotti tal-banana fil-qafas tal-iskema tal-frott u tal-ħxejjex għall-iskejjel, u li jiffissal-allokazzjoni indikattiva għal dik l-għajnuna (ĠU L 46, 23.2.2016, p. 8).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 657/2008 tal-10 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 rigward l-għajnuna Komunitarja għall-provvista tal-ħalib u ċerti prodotti mill-ħalib lit-tfal tal-iskola f'ċerti stabbilimenti tal-edukazzjoni (ĠU L 183, 11.7.2008, p. 17).

(8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 18).

(9)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 tat-3 ta' Novembru 2016 dwar ir-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta' frott u ħxejjex, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi (ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS

Ir-rekwiżiti minimi tal-powster imsemmi fl-Artikolu 12

Id-daqs tal-poster:

A3 jew akbar

L-ittri:

1 cm jew akbar

It-titlu:

“Skema għall-Iskejjel” tal-Unjoni Ewropea

Il-kontenut:

Tal-anqas it-test li ġej:

L-iskola (speċifika t-tip ta' stabbiliment edukattiv pereżempju nursery/skola preprimarja/primarja/sekondarja) tagħna qed tipparteċipa fl-“Iskema għall-Iskejjel” tal-Unjoni Ewropea bl-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni Ewropea.

Il-powster għandu jkollu l-emblema tal-Unjoni.