1.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 27/115


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/164

tal-31 ta' Jannar 2017

li tistabbilixxi r-raba' lista ta' valuri tal-limitu indikattivi ta' esposizzjoni minħabba x-xogħol skont id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE, u li temenda d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/322/KEE, 2000/39/KE u 2009/161/UE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta' April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x'jaqsmu mal-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (“Id-Direttiva 98/24/KE”) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(2) tagħha,

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 98/24/KE, il-Kummissjoni għandha tipproponi miri tal-Unjoni fil-forma ta' valuri tal-limitu indikattivi ta' esposizzjoni minħabba x-xogħol (IOELVs) li jridu jiġu stabbiliti fil-livell tal-Unjoni, biex il-ħaddiema jitħarsu minn riskji ġejjin minn espożizzjoni għal sustanzi kimiċi perikolużi.

(2)

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/24/KE jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi jew tirrevedi l-valuri tal-limitu indikattivi (IOELVs), filwaqt li tqis id-disponibbiltà tal-metodi tat-teknika tal-kejl, permezz ta' miżuri adottati f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE (2).

(3)

Il-Kummissjoni hija assistita f'din il-ħidma mill-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol (SCOEL), imwaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/113/UE (3).

(4)

Skont id-Direttiva 98/24/KE “Valur tal-limitu ta' esposizzjoni minħabba x-xogħol” tfisser, għajr jekk speċifikat xort'oħra, il-limitu tal-medja ponderata skont il-ħin tal-konċentrazzjoni ta' aġent kimiku fl-arja ġewwa ż-żona tat-teħid tan-nifs ta' ħaddiem b'relazzjoni ma' perjodu referenzjarju speċifikat.

(5)

L-IOELVs huma valuri bbażati fuq is-saħħa tal-limitu tal-espożizzjoni fuq ix-xogħol li l-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol jikseb mill-aħħar dejta xjentifika disponibbli u li jiġu adottati mill-Kummissjoni skont id-disponibbiltà tat-tekniki tal-kejl. Dawn huma livelli limiti ta' espożizzjoni li taħthom, b'mod ġenerali, ma jkunu mistennija ebda effett detrimentali għal kwalunkwe aġent kimiku wara espożizzjoni għal żmien qasir jew ta' kuljum matul iż-żmien ta' ħajja professjonali. Dawn huma għanijiet tal-Unjoni u huma mfassla biex jiġu assistiti dawk li jimpjegaw, biex jiddeterminaw u jivvalutaw ir-riskji u fl-implimentazzjoni ta' miżuri preventivi u protettivi skont id-Direttiva 98/24/KE.

(6)

Skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol, l-IOELVs huma stabbiliti skont perjodu referenzjarju ta' tmien sigħat bħala medja ponderata skont il-ħin (valuri tal-limitu ta' esposizzjoni għal żmien twil) u, għal ċerti aġenti kimiċi, għal perjodi referenzjarji iqsar, b'mod ġenerali medja ponderata skont il-ħin ta' ħmistax-il minuta (valuri tal-limitu ta' esposizzjoni għal żmien qasir), biex jitqiesu l-effetti li jiġu minn espożizzjoni għal żmien qasir.

(7)

Għal kull aġent kimiku li għalih l-IOELV ġie stabbilit fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri huma mitluba jistabbilixxu valur tal-limitu nazzjonali ta' esposizzjoni minħabba x-xogħol. Huma u jagħmlu dan, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-valur tal-limitu tal-Unjoni, filwaqt li jiddeterminaw in-natura tal-valur tal-limitu nazzjonali f'konformità mal-leġiżlazzjoni u l-prattika nazzjonali.

(8)

L-IOELVs huma parti importanti mill-arranġamenti ġenerali għall-protezzjoni tal-ħaddiema kontra riskji għas-saħħa minn espożizzjoni għal sustanzi kimiċi perikolużi.

(9)

Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/24/KE, il-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol ivvaluta r-relazzjoni bejn l-effetti tas-saħħa tal-aġenti kimiċi elenkati f'wieħed u tletin entrata fl-Anness ta' din id-Direttiva u l-livell ta' espożizzjoni fuq ix-xogħol u rrakkomanda għal dawn l-aġenti kimiċi kollha, li jiġu stabbiliti l-IOELVs għar-rotta respiratorja ta' espożizzjoni skont perjodu referenzjarju ta' tmien sigħat medja ponderata skont il-ħin. Għalhekk huwa xieraq li jiġu stabbiliti valuri tal-limitu ta' espożizzjoni għal terminu ta' żmien twil għal dawk l-aġenti kollha fl-Anness ta' din id-Direttiva.

(10)

Għal xi wħud minn dawk l-aġenti kimiċi, il-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol rrakkomanda wkoll l-istabbiliment ta' dawn il-valuri tal-limitu fir-rigward ta' perjodi referenzjarji iqsar u/jew ta' osservazzjonijiet dwar il-ġilda.

(11)

Erbgħa minn dawk l-aġenti kimiċi — il-monossidu tan-nitroġenu, id-diidrossidu tal-kalċju, l-idrur tal-lizju u l-aċidu aċetiku — huma attwalment elenkati fl-Anness tad-Direttiva tal-Kummissjoni 91/322/KEE (4).

(12)

Wieħed minn dawk l-aġenti kimiċi, 1,4-diklorobenżen, bħalissa huwa elenkat fl-Anness tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/39/KE (5).

(13)

Ieħor minn dawk l-aġenti kimiċi, il-bisfenol A, bħalissa huwa elenkat fl-Anness tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/161/UE (6).

(14)

Għal dawk l-aġenti l-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol irrakkomanda l-istabbiliment ta' IOELVs ġodda. Huwa għalhekk xieraq li jiġu inklużi valuri riveduti ta' limitu għal dawk is-sitt aġenti kimiċi fl-Anness ta' din id-Direttiva u li jitħassru l-entrati ta' dawk l-aġenti kimiċi mill-Annessi tad-Direttivi 91/322/KEE, 2000/39/KE u 2009/161/UE.

(15)

Għal wieħed mill-aġenti kimiċi elenkati fil-wieħed u tletin entrata fl-Anness ta' din id-Direttiva, l-aċidu akriliku, il-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol irrakkomanda valur tal-limitu ta' esposizzjoni għal żmien qasir b'rabta ma' perjodu referenzjarju ta' minuta. Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit valur tal-limitu ta' esposizzjoni għal żmien qasir għal dan l-aġent kimiku fl-Anness ta' din id-Direttiva.

(16)

Għal ċertu sustanzi, hemm bżonn li tittieħed f'kunsiderazzjoni l-possibbiltà ta' penetrazzjoni minn ġol-ġilda sabiex jiġi żgurat l-aqwa livell ta' ħarsien possibbli. Fost l-aġenti kimiċi elenkati fil-wieħed u tletin entrata fl-Anness ta' din id-Direttiva, il-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol identifika l-possibbiltà ta' assorbiment sinifikanti mill-ġilda għat-trinitrat tal-gliċerol, it-tetraklorur tal-karbonju, iċ-ċjanur tal-idroġenu, il-klorur tal-metilin, in-nitroetan, il-1,4-diklorobenżen, il-format tal-metil, it-tetrakloroetilen, iċ-ċjanur tas-sodju u ċ-ċjanur tal-potassju. Għalhekk huwa xieraq li jiġu stabbiliti fl-Anness ta' din id-Direttiva notazzjonijiet li jindikaw il-possibbiltà ta' assorbiment sinifikanti mill-ġilda għal dawn l-aġenti kimiċi, b'żieda mal-IOELVs.

(17)

Il-Kumitat Konsultattiv dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-xogħol (7), ikkonsultat skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/24/KE, irrikonoxxa li kien hemm tħassib dwar il-fattibilità teknika tal-IOELVs proposti għall-monossidu tan-nitroġenu u d-diossidu tan-nitroġenu fix-xogħol tal-minjieri u tat-tħaffir ta' mini taħt l-art, u għall-monossidu tal-karbonju fix-xogħol tal-minjieri taħt l-art. Il-kumitat irrikonoxxa wkoll li bħalissa hemm sfidi marbuta mad-disponibilità ta' metodoloġiji ta' kejl li jistgħu jintużaw biex juru l-konformità mal-valur tal-limitu propost għad-diossidu tan-nitroġenu f'ambjenti tax-xogħol tal-minjieri u tat-tħaffir tal-mini taħt l-art. Huwa għalhekk xieraq li l-Istati Membri jitħallew jagħmlu użu minn perjodu tranżitorju fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-valuri tal-limitu stabbiliti għall-monossidu tan-nitroġenu, għad-diossidu tan-nitroġenu u għall-monossidu tal-karbonju f'xogħol ta' minjieri u ta' tħaffir ta' mini taħt l-art fl-Anness ta' din id-Direttiva. Matul dak il-perjodu tranżitorju, l-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw l-valuri tal-limitu eżistenti, minflok ma jiġu applikati dawk stabbiliti fl-Anness ta' din id-Direttiva.

(18)

Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (8), l-Istati Membri ntrabtu li, f'każijiet ġustifikati, jressqu n-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom flimkien ma' dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali.

(19)

Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni tqis li t-trażmissjoni ta' dawn id-dokumenti f'forma ta' tabella li turi l-korrelazzjoni bejn il-miżuri nazzjonali u din id-Direttiva hija ġġustifikata, minħabba li għal ċerti aġenti diġà jeżistu valuri nazzjonali ta' limitu tal-esposizzjoni minħabba x-xogħol fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, u minħabba d-diversità u n-natura teknika tal-istrumenti legali fil-livell nazzjonali biex jiġu stabbiliti valuri tal-limitu ta' esposizzjoni minħabba x-xogħol.

(20)

Il-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol ta l-opinjonijiet tiegħu fis-27 ta' Novembru 2014 u fil-21 ta' Mejju 2015.

(21)

Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Progress Tekniku stabbilit skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE.

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Ir-raba' lista ta' valuri tal-limitu indikattivi ta' esposizzjoni minħabba x-xogħol tal-Unjoni hija b'dan stabbilita għall-aġenti kimiċi elenkati fl-Anness.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu valuri tal-limitu indikattivi nazzjonali ta' esposizzjoni minħabba x-xogħol għall-aġenti kimiċi elenkati fl-Anness, b'konsiderazzjoni tal-valuri tal-limitu tal-Unjoni..

Artikolu 3

Fl-Anness tad-Direttiva 91/322/KEE, ir-referenzi għall-aċidu aċetiku, għad-diidrossidu tal-kalċju, għall-idrur tal-lizju u għall-monossidu tan-nitroġenu huma mħassra b'effett mill-21 ta' Awwissu 2018, suġġett għall-Artikolu 6(2)(a).

Artikolu 4

Fl-Anness tad-Direttiva 2000/39/KE, ir-referenza għall-1,4-diklorobenżen hija mħassra b'effett mill-21 ta' Awwissu 2018.

Artikolu 5

Fl-Anness tad-Direttiva 2009/161/UE, ir-referenza għall-bisfenol A hija mħassra b'effett mill-21 ta' Awwissu 2018.

Artikolu 6

1.   Fix-xogħol tal-minjieri u t-tħaffir tal-mini taħt l-art, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw minn perjodu tranżitorju li jintemm sa mhux aktar tard mill-21 ta' Awwissu 2023, fir-rigward tal-valuri tal-limitu għall-monossidu tan-nitroġenu, għad-diossidu tan-nitroġenu u għall-monossidu tal-karbonju.

2.   Matul il-perjodu tranżizzjonali msemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jibqgħu japplikaw dan li ġej, minflok ma japplikaw il-valuri tal-limitu stabbiliti fl-Anness:

(a)

fir-rigward tal-monossidu tan-nitroġenu: il-valuri tal-limitu eżistenti stabbiliti skont l-Anness tad-Direttiva 91/322/KEE;

(b)

fir-rigward tad-diossidu tan-nitroġenu u tal-monossidu tal-karbonju: il-valuri nazzjonali ta' limitu fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2017.

Artikolu 7

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-21 ta' Awwissu 2018.

Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u għandhom jressqu n-notifika tagħhom flimkien ma' dokument wieħed jew aktar ta' spjegazzjoni fil-forma ta' tabelli li juru l-korrelazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta dawk id-dispożizzjonijiet jiġu adottati mill-Istati Membri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza dakinhar tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 8

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin (20) jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 9

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Jannar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/113/UE tat-3 ta' Marzu 2014 li tistabbilixxi Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol u li tħassar id-Deċiżjoni 95/320/KE (ĠU L 62, 4.3.2014, p. 18).

(4)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 91/322/KEE tad-29 ta' Mejju 1991 dwar l-istabbiliment ta' valuri ta' limiti indikattivi permess tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 80/1107/KEE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-esposizzjoni għal aġenti kimiċi, fiżiċi u bijoloġiċi fuq ix-xogħol (ĠU L 177, 5.7.1991, p. 22).

(5)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/39/KE tat-8 ta' Ġunju 2000 li tistabbilixxi l-ewwel lista ta' valuri ta' limiti ta' espożizzjoni minħabba x-xogħol biex timplimenta d-Direttiva 98/24/KE dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema minn riskji relatati ma' aġenti kimiċi fuq ix-xogħol (ĠU L 142, 16.6.2000, p. 47).

(6)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/161/UE tas-17 ta' Diċembru 2009 li tistabbilixxi t-tielet lista ta' valuri ta' limitu indikattivi ta' esponiment professjonali fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE u li temenda d-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/39/KE (ĠU L 338, 19.12.2009, p. 87).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/C218/01 tat-22 ta' Lulju 2003 li tistabbilixxi Kumitat ta' Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ĠU C 218, 13.9.2003, p. 1).

(8)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ANNESS

Nru tal-KE (1)

Nru tal-CAS (2)

L-ISEM TAL-AĠENT KIMIKU

IL-VALURI TAL-LIMITU

Notazzjoni (3)

Tmien (8) sigħat (4)

Perjodu ta' żmien qasir (5)

mg/m3  (6)

ppm (7)

mg/m3  (6)

ppm (7)

Manganiż u komposti inorganiċi tal-manganiż

(bħala manganiż)

0,2 (8)

0,05 (9)

200-240-8

55-63-0

Trinitrat tal-gliċerol

0,095

0,01

0,19

0,02

ġilda

200-262-8

56-23-5

Tetraklorur tal-karbonju; Tetraklormetan

6,4

1

32

5

ġilda

200-521-5

61-82-5

Amitrol

0,2

200-580-7

64-19-7

Aċidu aċetiku

25

10

50

20

200-821-6

74-90-8

Ċjanur tal-idroġenu

(bħala ċjanur)

1

0,9

5

4,5

ġilda

200-838-9

75-09-2

Klorur tal-metilen; Diklorometan

353

100

706

200

ġilda

200-864-0

75-35-4

Klorur ta' viniliden; 1,1-Dikloroetilen

8

2

20

5

201-083-8

78-10-4

Ortosilikat tetraetil

44

5

201-177-9

79-10-7

Aċidu akriliku; Aċidu prop-2-enojku

29

10

59 (10)

20 (10)

201-188-9

79-24-3

Nitroetan

62

20

312

100

ġilda

201-245-8

80-05-7

Bisfenol A; 4,4-Isopropilidenedifenol

2 (8)

202-981-2

101-84-8

Etere tad-difenil

7

1

14

2

203-234-3

104-76-7

2-etileżan-1-ol

5,4

1

203-400-5

106-46-7

1,4-Diklorobenżen; p-Diklorobenżen

12

2

60

10

ġilda

203-453-4

107-02-8

Akrolein; Akrilaldeid; Prop-2-enal

0,05

0,02

0,12

0,05

203-481-7

107-31-3

Format tal-metil

125

50

250

100

ġilda

203-788-6

110-65-6

But-2-in-1,4-diol

0,5

204-825-9

127-18-4

Tetrakloroetilen

138

20

275

40

ġilda

205-500-4

141-78-6

Aċetat etiliku

734

200

1 468

400

205-599-4

143-33-9

ċjanur tas-sodju

(bħala ċjanur)

1

5

ġilda

205-792-3

151-50-8

Ċjanur tal-potassju

(bħala ċjanur)

1

5

ġilda

207-069-8

431-03-8

Diaċetil; Butanedion

0,07

0,02

0,36

0,1

211-128-3

630-08-0

Monossidu tal-karbonju

23

20

117

100

215-137-3

1305-62-0

Diidrossidu tal-kalċju

1 (9)

4 (9)

215-138-9

1305-78-8

Ossidu tal-kalċju

1 (9)

4 (9)

231-195-2

7446-09-5

Diossidu tal-kubrit

1,3

0,5

2,7

1

231-484-3

7580-67-8

Idrur tal-litju (6)

0,02 (8)

233-271-0

10102-43-9

Monossidu tan-nitroġenu

2,5

2

233-272-6

10102-44-0

Diossidu tan-nitroġenu

0,96

0,5

1,91

1

262-967-7

61788-32-7

Terfenil, idroġenat

19

2

48

5


(1)  

Nru tal-KE: In-numru tal-Komunità Ewropea (KE), l-identifikatur numeriku għas-sustanzi fl-Unjoni Ewropea.

(2)  

Nru tal-CAS: In-Numru tar-Reġistru tas-Servizz tal-Astratt Kimiku.

(3)  Notazzjoni dwar il-ġilda assenjata lill-valur ta' tal-limitu ta' esposizzjoni minħabba x-xogħol tindika l-possibbiltà ta' assorbiment sinifikanti mill-ġilda.

(4)  Imkejla jew kkalkulati b'rabta ma' perjodu referenzjarju ta' medja ponderata skont il-ħin ta' tmien sigħat (TWA).

(5)  Limitu ta' esponiment għal żmien qasir (STEL). Valur ta' limitu li 'l fuq minnu ma għandux ikun hemm esponiment u li huwa marbut ma' perjodu ta' 15-il minuta, sakemm mhux speċifikat xorta oħra.

(6)  

mg/m3 : milligrammi għal kull metru kubu ta' arja. Għal sustanzi kimiċi f'fażi ta' gass jew fwar il-valur ta' limitu huwa espress f'20 °C u 101,3 kPa.

(7)  

ppm: partijiet għal kull miljun skont il-volum fl-arja (ml/m3).

(8)  Frazzjoni inalabbli.

(9)  Frazzjoni respirabbli.

(10)  Il-valur ta' limitu ta' esponiment għal żmien qasir għal perjodu referenzjarju ta' 1 minuta.